Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DP0326

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Witold Tomczak Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat- 8 ta' Lulju 2008 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Witold Tomczak (2008/2078(IMM))

ĠU C 294E, 3.12.2009, pp. 81–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 294/81


It-Tlieta, 8 ta' Lulju 2008
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Witold Tomczak

P6_TA(2008)0326

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2008 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Witold Tomczak (2008/2078(IMM))

2009/C 294 E/20

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Witold Tomczak b'rabta mal-proċeduri kriminali li saru mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali ta' Varsavja (Warszawa Śródmieście Północ), il-Polonja, talba li saret fl-14 ta' Diċembru 2007, tressqet mill-Prosekutur Ġenerali Pollakk fil-31 ta' Jannar 2008, u tħabbret fis-seduta plenarja fl-10 ta' Marzu 2008,

wara li sema' lil Witold Tomczak fit-28 ta' Mejju 2008 bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta' April 1965, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Mejju 1964 u tal-10 ta' Lulju 1986 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni Pollakka,

wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0277/2008),

A.

billi Witold Tomczak kien elett fis-Sejm Pollakk (il-kamra inferjuri tal-Parlament Pollakk) fil-21 ta' Settembru 1997 u fit-23 ta' Settembru 2001; billi sar Osservatur wara li kien iffirmat it-Trattat ta' Adeżjoni fis-16 ta' April 2003; billi kien Membru tal-Parlament Ewropew mill-1 ta' Mejju 2004 sad-19 ta' Lulju 2004; billi huwa kien elett fil-Parlament Eweropew fit-13 ta' Ġunju 2004 u t-terminu tiegħu fil-kariga fil-Parlament Pollakk skada fis-16 ta' Ġunju 2004,

B.

billi Witold Tomczak huwa akkużat li għamel il-ħsara, b'valur ta' 39 669 PLN (madwar 11 500 EUR) lil skultura intitolata “Id-Disa' Siegħa” — li turi lill-Papa Ġwanni Pawlu II mgħaffeġ taħt meteorita — fil-Gallerija Zachęta f'Varsavja fil-21 ta' Diċembru 2000 u li għalhekk kiser l-Artikolu 288(1) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk (2),

C.

billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali ta' Varsavja ġabar evidenza kontra Witold Tomczak, iżda li dan tal-aħħar irrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet dwar il-każ fil-Gallerija Zachęta,

D.

billi Witold Tomczak jiddikjara li bl-azzjoni tiegħu lejn l-istatwa pprova jiddefendi s-sentimenti reliġjużi tiegħu u ta' nies oħra, kif ukoll jipproteġi d-dinjità tal-Papa; billi jikkontesta l-ammont ta' ħsara li ntqal li għamel u f'kull kuż iqis li l-għan tal-imġiba tiegħu kien li jipproteġi valur ogħla — dak tal-unur tal-Papa f'għajnejn il-Kattoliċi Pollakki,

E.

billi, fuq il-bażi tal-informazzjoni miksuba, Witold Tomczak m'huwiex protett mill-immunità parlamentari fir-rigward ta' kull allegazzjoni li tressqet quddiem il-President tal-Parlament Ewropew,

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Witold Tomczak;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli, lill-awtorità xierqa tar-Repubblika tal-Polonja.


(1)  Kawża 101/63 Wagner v. Fohrmann u Krier [1964] ECR 195 u Kawża 149/85 Wybot v. Faure u Oħrajn [1986] ECR 2391.

(2)  Id-dispożizzjonijiet ta' dak l-Artikolu jgħidu li: “Kulmin jeqred, jagħmel il-ħsara jew irendi inutli l-proprjetà ta' persuna oħra għandu jingħata sentenza ta' ħabs li tvarja minn 3 xhur sa 5 snin.” (Oriġinal Pollakk: “Kto cudzą rzecz niszczy, uszkadza lub czyni niezdatną do użytku, podlega karze pozbawienia wolności od 3 miesięcy do lat 5).”.


Top