This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0855
Communication from the Commission to the Council - Economic and social impact of the Agreement appended to Directive 2005/47/EC concluded on 27 January 2004 between the social partners on certain aspects of the working conditions of mobile workers engaged in interoperable cross-border services in the railway sector
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill - Impatt ekonomiku u soċjali tal-ftehim anness mad-Direttiva 2005/47/KE, konkluża fis-27 ta' Jannar 2007 bejn l-imsieħba soċjali, dwar ċertu aspetti tal-kondizzjonijiet tal-użu tal-ħaddiema mobbli li jwettqu servizzi ta' interoperabbiltà tanskonfinali fis-settur tal-ferroviji
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill - Impatt ekonomiku u soċjali tal-ftehim anness mad-Direttiva 2005/47/KE, konkluża fis-27 ta' Jannar 2007 bejn l-imsieħba soċjali, dwar ċertu aspetti tal-kondizzjonijiet tal-użu tal-ħaddiema mobbli li jwettqu servizzi ta' interoperabbiltà tanskonfinali fis-settur tal-ferroviji
/* KUMM/2008/0855 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill - Impatt ekonomiku u soċjali tal-ftehim anness mad-Direttiva 2005/47/KE, konkluża fis-27 ta' Jannar 2007 bejn l-imsieħba soċjali, dwar ċertu aspetti tal-kondizzjonijiet tal-użu tal-ħaddiema mobbli li jwettqu servizzi ta' interoperabbiltà tanskonfinali fis-settur tal-ferroviji /* KUMM/2008/0855 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 15.12.2008 KUMM(2008) 855 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Impatt ekonomiku u soċjali tal-ftehim anness mad-Direttiva 2005/47/KE, konkluża fis-27 ta' Jannar 2007 bejn l-imsieħba soċjali, dwar ċertu aspetti tal-kondizzjonijiet tal-użu tal-ħaddiema mobbli li jwettqu servizzi ta' interoperabbiltà tanskonfinali fis-settur tal-ferroviji KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Impatt ekonomiku u soċjali tal-ftehim anness mad-Direttiva 2005/47/KE, konkluża fis-27 ta' Jannar 2007 bejn l-imsieħba soċjali, dwar ċertu aspetti tal-kondizzjonijiet tal-użu tal-ħaddiema mobbli li jwettqu servizzi ta' interoperabbiltà tanskonfinali fis-settur tal-ferroviji 1. INTRODUZZJONI Il-politika tal-Unjoni Ewropea rigward it-trasport ferrovjarju, li l-parti tagħha fuq is-suq tat-trasport qiegħda tmur lura, hi maħsuba tqajjem din tal-aħħar billi tagħmilha aktar kompetittiva fil-qafas tal-politika Ewropea tat-trasport. Għalhekk, l-Unjoni adottat tlett "pakketti ferrovjarji", li jikkonċernaw, fost oħrajn, il-ftuħ tas-swieq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u tal-passiġġieri u dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi ferrovjarji[1] b'veloċità għolja u konvenzjonali. Din il-politika għandha tkun akkumpanjata minn miżuri soċjali, b'mod partikolari sabiex tħares is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mobbli, billi tevita kompetizzjoni msejsa biss fuq id-differenzi tal-kondizzjonijiet tax-xogħol. Għalhekk, il-Komunità Ewropea tal-ferroviji (KEF) u l-Federazzjoni Ewropea tal-ħaddiema tat-trasport (ETF) ikkonkludew ftehim fis-27 ta' Jannar 2004 (min hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-ftehim") dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tal-użu tal-ħaddiema mobbli li jwettqu servizzi ta' interoperabbiltà transkonfinali fis-settur ferrovjarju. Dan il-ftehim jistipula standards minimi rigward il-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-ħin ta' sewqan, il-ħin ta' pawsa, il-mistrieħ ta' kuljum u l-perjodu ta' mistrieħ fil-ġimgħa. Dawn l-istandards jikkostitwixxu preskrizzjonijiet aktar speċifiċi fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Din id-Direttiva għalhekk ma tapplikax għal dawn il-punti partikolari. Fit-18 ta' Lulju 2005, il-Kunsill adotta d-Direttiva 2005/47/KE (minn hawn 'il quddiem imsejħa "id-direttiva") li tagħti saħħa obbligatorja lill-ftehim fl-Istati Membri kollha tal-UE. L-iskadenza mogħtija lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw, wara konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, kienet sas-27 ta' Lulju 2008. Tul id-diskussjonijiet rigward id-direttiva, il-klawżola 4 tal-ftehim kienet suġġetta għal attenzjoni partikolari. Din il-klawżola tistipula li mistrieħ ta' kuljum barra d-dar għandu jiġi segwit minn mistrieħ ta' kuljum id-dar, bil-possibbiltà li jiġi negozjat, bejn l-imsieħba soċjali fuq livell tal-impriża ferrovjarja jew fuq livell nazzjonali, mistrieħ ieħor konsekuttiv barra d-dar. Ċerti delegazzjonijiet nazzjonali wrew il-biża' tagħhom li din il-klawżola xxekkel l-iżvilupp tas-settur ikkonċernat minħabba t-tul ta' ċerti vjaġġi u l-ħin meħtieġ għall-operazzjoni tagħhom. Skont il-klawżola 4 tal-ftehim, l-imsieħba soċjali firmatarji tal-ftehim fuq livell Ewropew bdew negozjati fuq il-kwistjoni tal-għadd ta' mistrieħ konsekuttivi barra d-dar kif ukoll fuq il-kumpens ta' mistrieħ barra d-dar. Sabiex jiġi segwit l-impatt tal-ftehim u tal-klawżola 4 tagħha dwar l-iżvilupp tas-suq, il-Kummissjoni impenjat ruħha, f'dikjarazzjoni magħmula waqt l-adozzjoni tad-direttiva, li tavża lill-Kunsill, billi tqis l-impatt ekonomiku u soċjali tal-ftehim fuq l-impriżi u l-ħaddiema kif ukoll tad-diskussjonijiet bejn l-imsieħba soċjali fuq is-suġġetti rilevanti kollha, kif ukoll il-klawżola 4. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tieħu l-inizjattivi meħtieġa f'każ ta' ftehim ġdid tal-imsieħba soċjali, billi tipproponi emenda tad-direttiva. Sabiex tissostanzja din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni ffinanzjat studju[2] minn espert indipendenti, li wettaq konsultazzjoni estensiva mal-ħames organizzazzjonijiet Ewropej settorjali[3], kif ukoll analiżi msejsa fuq il-mudelli ta' tbassir tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju. L-espert wettaq ukoll sitt studji ta' każijiet nazzjonali[4], li ppermettew li jiġu kkonsultati għaxar impriżi ferrovjarji kif ukoll sitt trejdjunjins kkonċernati fuq livell nazzjonali. Din il-komunikazzjoni lill-Kunsill hi maħsuba timplimenta l-impenn tal-Kummissjoni meħud fil-qafas tad-dikjarazzjoni[5] magħmula tul l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/47/KE. Hi tagħmel ħilitha sabiex tiddeskrivi s-suq tat-trasport ferrovjarju l-iżvilupp tiegħu u sabiex tiddeskrivi l-isfidi soċjali għall-ħaddiema mobbli u l-prattiċi attwali tas-settur. Fl-aħħar, il-komunikazzjoni se tipprova tivvaluta l-impatt ekonomiku u soċjali tal-ftehim fuq l-impriżi u fuq il-ħaddiema mobbli kkonċernati. Hi tiddeskrivi wkoll il-qagħda tan-negozjati li għaddejja bejn l-imsieħba soċjali, kif ukoll rigward il-klawżola 4 tal-ftehim. Fl-aħħar, il-komunikazzjoni tfassal proposti rigward id-direzzjonijiet possibbli rigward id-Direttiva 2005/47/KE u l-ftehim tal-imsieħba soċjali. 2. DESKRIZZJONI TAL-QAGħDA TAS-SUQ A) L-Iżvilupp ekonomiku Fid-data tal-istudju mwettaq mill-espert indipendenti (2008), 62 impriża ferrovjarja kienet attiva fi ħdan l-UE fis-settur ferrovjarju internazzjonali, jiġifieri 19 fit-trasport tal-passaġġieri, 17 fit-trasport tal-merkanzija ferrovjarja u 23 fiż-żewġ setturi. It-trasport ferrovjarju tal-passaġġieri u tal-merkanzija għandhom karatteristiċi partikolari ħafna li jifridhom. Il-biċċa l-kbira tat-trasport tal-passiġġieri hu assigurat mill-impriżi nazzjonali jew oqsma tal-impriżi nazzjonali. Id-dħul f'dan is-suq hu diffiċli għall-impriżi l-ġodda privati għaliex għandha tinkiseb konċessjoni sabiex ikunu jistgħu jittrasportaw passiġġieri. Is-settur tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri se jkun liberalizzat biss fl-2010. Il-linji ta' veloċità kbira li għadhom kemm inbdew bejn il-pajjiżi Ewropej differenti sikwit jintużaw minn proġetti konġunti msejsa bejn l-impriżi nazzjonali tal-pajjiżi kkonċernati. Fl-2005, il-ferroviji tal-passiġġieri transkonfinali kienu fil-biċċa l-kbira użati bejn Pariġi, Londra, Brussell, Amsterdan u r-reġun tar-Ruhr. Insibu wkoll bosta trasporti ferrovjarji transkonfinali fl-Alpi bejn l-Iżvizzera, l-Awstrija u l-Italja ta' Fuq. Skont l-analiżi ta' previżjoni, il-konnessjonijiet ferrovjarji l-aktar użati jibqgħu l-istess bejn l-2005 u l-2020. Madankollu, it-tul tal-vjaġġi se jonqos permess ta' użu akbar tas-sezzjonijiet ferrovjarji b'veloċità kbira. L-għadd ta' ħaddiema mobbli (sewwieqa u dawk li jikkontrollaw) li ħadmu fl-2005 fit-trasport transkonfinali tal-passiġġieri jikkorrispondi għal 5563 full-time ekwivalenti (minn hawn 'il quddiem (FTE) u se jiżdied b'8 % sal-2020. L-għadd ta' impriżi privati attivi fuq is-suq tat-trasport tal-merkanzija ferrovjarja transnazzjonali hu akbar milli fis-suq tat-trasport tal-passiġġieri. Bosta parteċipanti ekonomiċi ġodda jieħdu sehem parzjalment bis-saħħa tal-liberalizzazzjoni tas-suq. Għal dak li għandu x'jaqsam mar-rotot użati, fl-2005, il-biċċa l-kbira tal-ferroviji tat-trasport tal-merkanzija transfrontali ġew operati fil-kuritur ikkostitwit mill-Olanda, mill-Italja ta' Fuq u l-Ġermanja kif ukoll mill-Ewropa Ċentrali u l-Istati Baltiċi. Skont it-tbassir, fl-2020, it-trasport tal-merkanzija ferrovjarja se jkun aktar intensiv fl-Ewropa kollha, iżda b'mod aktar partikolari bejn il-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa u fl-Ewropa Ċentrali. L-għadd ta' sewwieqa li jaħdmu fit-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa fl-2005 hu stmat għal 4 677 FTE u għandu jiżdied, skont l-istimi, b'200 %, jiġifieri aktar minn 14 000 FTE fl-2020. Dawn iċ-ċifri jistgħu jvarjaw skont bidla eventwali fit-tqassim tal-ħin tax-xogħol iddedikat għas-sewqan jew skont il-qligħ eventwali ta' produttività minħabba l-iżvilupp tan-netwerk ikkonsagrat għat-trasport tal-merkanzija ferrovjarja, tal-iżvilupp tal-kurituri, u tas-sistemi ta' sinjalizzazzjoni. B) Perspettivi fuq is-suq tal-impjiegi Bħala total, l-għadd ta' persuni li jaħdmu full-time li jaħdmu fil-qasam tat-trasport ferrovjarju tal-passaġġieri u tat-trasport tal-merkanzija jammonta għal 10240 illum u għandu jiżdied b'98 % mill-2005 sal-2020 li jirrappreżenta bżonn f'persunal ta' aktar minn 10000 ħaddiem mobbli supplimentari. Għalhekk, is-suq jista' jinsab potenzjalment f'tensjoni, peress li dan it-tip ta' xogħol jeħtieġ kwalifika partikolari u taħriġ twil. Għandu jitqies ukoll, li minħabba l-piramida ta' etajiet żbilanċjati, bosta sewwieqa tal-ferroviji jkollhom jirtiraw fl-għaxar snin li jmiss mingħajr ma jiġi previst sostitut għalihom, u dan anke jekk it-traffiku mistenni jiżdied. Il-kuntest jista' jeħtieġ sforz supplimentari min-naħa ta' min jimpjega sabiex ix-xogħol jidher aktar attraenti, b'mod partikolari billi jtejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol. 3. SFIDI FUQ IS-SAħħA U S-SIGURTÀ TAL-ħADDIEMA MOBBLI A) Sfida fuq is-saħħa u s-sigurtà Il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli (sewwieqa u dawk li jikkontrollaw) fis-settur tat-trasport ferrovjarju transkonfinali jistgħu jippreżentaw ċertu numru ta' riskji professjonali għas-saħħa u għas-sigurtà. Dan is-settur hu karatterizzat minn sigħat twal ta' xogħol tul kull xift, ix-xift ta' billejl, u s-sigħat ta' xogħol irregolari. Ir-riskji huma, fost oħrajn, it-tfixkil tal-arloġġ bijoloġiku u tal-ħajja soċjali, u numru ta' patoloġiji psikoloġiċi u fiżiċi oħrajn deskritti fil-litteratura speċjalizzata[6]. Huma dawn il-fatturi kollha f'daqqa li għandhom jitqiesu mal-ħin ta' sewqan u tax-xogħol u l-perjodi ta' mistrieħ, li se jippermetti organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa u lis-sigurtà tal-ħaddiema mobbli. Għadd ta' fatturi marbuta direttament mal-ħin tax-xogħol huma ttrattati fil-ftehim tal-imsieħba soċjali. Il-fatturi jikkonsistu fit-tul tax-xifts, fil-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa, fil-ħin tal-pawża waqt ix-xift, fil-ħin u l-kwalità tal-irqad qabel xift, fix-xogħol tal-ġurnata u ta' billejl, fil-ħin ta' bidu ta' xift, fir-regularità u l-previdibbiltà tal-ħin tax-xogħol, fl-għadd ta' xifts wara xulxin kif ukoll fil-mod ta' organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Ma' dawn jiżdiedu karatteristiċi oħra tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħall-monotonija tax-xogħol, il-limiti fiżiċi u psikoloġiċi kif ukoll il-fatturi ambjentali (ħsejjes, dawl u klima). Imbagħad, jeħtieġ li titqies l-awtonomija tal-ħaddiem b'rigward għall-awtorizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tiegħu (skeda tax-xogħol u l-ħin tal-pawża). Fl-aħħar, il-karatteristiċi tal-ħaddiem stess (età, sess, iġjene tal-ħajja, eċċ.) huma element determinanti. L-istudji eżistenti u l-istħarriġ kwalitattiv immexxija fuq il-post (interview ma' min iħaddem u mat-trejdjunjins)[7] juru li r-riskji professjonali l-akar imsemmija huma dawn: ħin twil ta' sewqan segwit minn sigħat twal ta' xogħol; nuqqas ta' pawżi tul u waqt ix-xifts; skeda ta' xogħol imprevedibbli; kif ukoll tax-xogħol ta' billejl, kmieni filgħodu u tul il-weekends. Ma' dan jiżdied, b'mod partikolari għat-trasport transkonfinali, il-kondizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, il-pressjoni qawwija tax-xogħol biex jitħarsu l-iskadenzi, kif ukoll il-monotonija tax-xogħol. B) Osservazzjoni ġenerali tal-prattiċi marbuta mal-ħin tax-xogħol fl-impriżi tat-trasport ferrovjarju Fis-settur ferrovjarju Ewropew, skont l-intervisti mmexxija fuq livell nazzjonali, il-prattika tal-impriżi rigward it-tul tal-ħin ta' sewqan u tal-ħin ta' mistrieħ jidher li hi diġà konformi ma-dispożizzjonijiet ewlenin tal-ftehim. Ir-regoli jew il-ftehimiet kollettivi nazzjonali fis-seħħ qabel il-konklużjoni tal-ftehim, f'ċerti każijiet, jagħtu ħarsien aħjar milli l-ftehim Ewropew. Din l-osservazzjoni se tkun ovvjament ikkonfermata jew irrifjutata wara analiżi profonda tad-dipartimenti tal-Kummissjoni b'rigward għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/47 fl-Istati Membri. Bħala tfakkira, l-iskadenza għall-implimentazzjoni kienet is-27 ta' Lulju 2008, u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni għalhekk hi għaddejja bħalissa. Ġie osservati, permezz tad-dejta miġbura mill-impriżi ferrovjarji dwar l-arranġamenti tagħhom tal-ħin tax-xogħol li l-ġimgħa tax-xogħol medja tinsab bejn il-35 u l-40 siegħa għat-trasport tal-passiġġieri bħal dik tat-trasport tal-merkanzija. Il-ftehim jillimita l-ħin tas-sewqan għal 9 sigħat għax-xift ta' filgħodu u għal 8 sigħat għax-xift ta' billejl. Fil-medja, it-tul tax-xifts jinsab bejn it-8 u l-10 sigħat ta' xogħol u bejn is-6,5 u l-10 sigħat ta' sewqan. Il-biċċa l-kbira tal-impriżi ferrovjarji jħarsu r-regoli rigward il-perjodi minimi ta' mistrieħ kuljum (8 fuq 10 mistħarrġa). Għal dak li għandu x'jaqsam mar-regola rigward l-obbligu ta' ġurnata mistrieħ d-dar wara ġurnata mistrieħ barra mid-dar (il-klawżola 4 tal-ftehim Ewropew), 5 minn 10 impriżi jaħsbu li mhux dejjem possibbli (u kien hemm każ li ħaseb li hu impossibbli) li titħares din ir-regola. Jidher li l-impriżi jistgħu isegwu tliet strateġiji differenti sabiex ikunu konformi ma' din ir-regola: • it-trasport tal-persunal sad-dar wara xift; • l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-iskeda tax-xogħol b'mod li l-persunal dejjem jispiċċa x-xift tiegħu d-dar; • it-tqassim tal-persunal f'reġjuni jew pajjiżi differenti (sabiex jinħolqu vjaġġi iqsar għal kull ħaddiem). Għandu jiġi osservat li din is-soluzzjoni tista' tiġi applikata wkoll b'obbligu peress li s-sewwieqa m'għandhomx l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa kollha sabiex joperaw fil-pajjiżi kollha li jaqsmu. Il-ħarsien ta' din il-parti tal-ftehim tidher aktar problematika għat-trasport tal-merkanzija li hu inqas regolari u aktar vulnerabbli għall-affarijiet li jiġru għall-għarrieda milli t-trasport tal-passiġġieri, u li mhux prijoritarju meta mqabbel mat-trasport tal-passiġġieri, li jista' jikkaġuna ħafna dewmien. L-impriżi jidhru li joffru biżżejjed pawżi tul ix-xifts, skont il-klawżola 5. Madankollu, jidher li mhux dejjem possibbli għall-ħaddiema li jieħdu l-pawża fil-ħin eżatt meta jkun meħtieġ u li jitilqu mill-post tax-xogħol biex jistrieħu. 4. IMPATT TAL-FTEHIM A) Impatt soċjali tal-ftehim L-impatt soċjali tal-ftehim jikkonċerna l-ewwel nett il-konsegwenzi tiegħu fuq il-kwalità tax-xogħol (kwalità intrinsika tax-xogħol) u s-saħħa u s-sigurtà fix-xogħol, li huma ż-żewġ għanijiet ewlenin immirati. Aspetti oħra bħall-bilanċ tal-ħajja professjonali/ħajja tal-familja, l-opportunitajiet indaqs u l-ħolqien ta' impjiegi fis-settur għandhom jiġu eżaminati. Peress li r-regoli attwali jidhru li huma diġà f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, l-impatt soċjali fil-medda ta' żmien qasira ta' din ta' l-aħħar għandu jibqa' limitat. Fil-qafas tal-ftehim, il-ħin ta' sewqan massimu hu limitat għal 9 sigħat għax-xift ta' filgħodu u għal 8 sigħat għax-xift ta' billejl, kif ukoll għal 80 siegħa għal perjodu ta' gimagħtejn. Min-naħa l-oħra, m'hemmx limitu speċifiku rigward il-limitu tax-xogħol fix-xahar. Għandu jitħares li, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-ftehim, l-Istati Membri ma jkollhomx it-tendenza li jarmonizzaw ruħhom mal-istandards tal-ħin ta' sewqan minimu, li bħala konsegwenza jtawwal il-ħin tax-xogħol fix-xahar li mhux limitat. Il-klawżola sabiex ma ssirx rigressjoni (klawżola 9 tal-ftehim u l-Artikolu 2(2), tad-Direttiva) għandha fil-prinċipju tipprevjeni dan l-"effett pervers" possibbli. Il-limiti imponuti mill-ftehim fuq ix-xifts ta' billejl kif ukoll il-perjodi ta' pawża minimi li għandhom jitħarsu għandhom ikunu ta' benefiċċju għall-ħaddiema mobbli. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-klawżola 4 u l-obbligu li ġurnata mistrieħ barra mid-dar għandha tiġi segwita minn ġurnata mistrieħ id-dar, l-opinjonijiet huma maqsuma dwar l-impatt soċjali tagħhom. Din id-dispożizzjoni tal-ftehim tirrappreżenta benefiċċju ċar fid-dawl tal-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja. Min-naħa l-oħra, il-benefiċċju fuq livell tas-saħħa u tas-sigurtà mhux daqshekk ċar peress li d-dokumenti dwar is-suġġett jidher li jindikaw li l-kwalità tal-mistrieħ hi aktar importanti mill-post tal-mistrieħ. il-ħaddiema jista' jkollhom problemi ta' kwalità tal-mistrieħ saħansitra d-dar jekk l-ambjent mhux kwiet biżżejjed. Barra minn hekk, ċerti trejdjunjins jridu li l-ftehim ikun aktar ċar b'rigward għall-kwalità tal-post tal-mistrieħ. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-ġranet ta' mistrieħ konsekuttivi barra mid-dar, jekk dawn jiżdiedu, jidher li l-impjegati jridu li jiġu offruti l-għażla għall-kumpens (ħlas, ġranet lif supplimentari). Din hi wkoll ix-xewqa tal-biċċa l-kbira tal-impriżi mistħarrġa. F'dan il-każ partikolari, il-ftehim jillimita l-possibbiltajiet ta' tweġibiet għal bżonnijiet eventwali ta' relazzjonijiet tax-xogħol aktar diversi u aktar personalizzati. Fl-aħħar, jinsab riskju f'każ li l-ħaddiema mobbli jintbagħtu fuq vjaġġi inqas varjati minħabba li ma jistgħux ikunu 'l bogħod minn darhom fuq perjodu twil. Awtonomija akbar tal-impjegati fuq l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħhom tista' tnaqqas l-impatt tal-ħin tax-xogħol fuq il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja. Id-djalogu soċjali fi ħdan l-impriża jew il-kunsiderazzjoni tax-xewqat personali fis-skeda tax-xogħol tista' tkun ta' benefiċċju minn din il-perspettiva. Nofs it-trejdjunjins u rappreżentanti tal-impriżi mistħarrġa jidher li jqisu li l-ftehim għandu impatt pożittiv, kemm fuq il-kwalità tax-xogħol kif ukoll fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mobbli. Il-biċċa l-kbira tal-oħrajn ma jaraw l-ebda impatt. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja, il-biċċa l-kbira tat-trejdjunjins mistħarrġa ma jaraw l-ebda impatt partikolari. Rigward l-impatt tal-ftehim Ewropew dwar il-ħolqien tal-impjiegi fis-settur ferrovjarju, il-biċċa l-kbira tal-persuni mistħarrġa jaħsbu li se jkun hemm impatt pożittiv jew l-ebda impatt. Ċerti impriżi jaħsbu li għandhom jimpjegaw aktar persunal wara l-implimentazzjoni tal-ftehim. Madankollu jidher li se jkun it-tkabbir previst tas-settur li jwassal lill-impriżi sabiex jimpjegaw iżjed u/jew jiksbu aktar qligħ tal-produttività. B) Impatt ekonomiku tal-ftehim Is-settur ekonomiku tal-merkanzija ferrovjarja għandu jiżviluppa fl-Ewropa kollha sal-2020. Hu interessanti f'dan il-każ li jiġi analizzat jekk il-ftehim jistax ikollu impatt fuq dan l-iżvilupp, b'mod partikolari fuq l-ispejjeż tal-operat, fuq il-ġestjoni tal-impriżi, u fuq l-innovazzjoni. Skont stima mwettqa minn mudell ta' projezzjoni ekonomiku speċjalizzat fil-ferroviji, l-ispejjeż tar-riżorsi umani, fil-qafas ta' operazzjoni ta' użu tat-trasport tal-merkanzija ferrovjarja transnazzjonali, jammontaw għal 8.5 % tal-ispiża totali tal-operat. L-ispejjeż l-oħra, akbar, jikkonċernaw l-ispejjeż tal-qawwa motriċi, tal-vaguni, tal-infrastuttura, tal-enerġija, tal-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż tal-assigurazzjoni. Peress li l-ispiża tax-xogħol hi relattivament baxxa meta mqabbel mal-ispejjeż tal-operat l-oħra, għalhekk mhuwiex probabbli li l-ftehim ikollu influwenza fuq l-operat tal-vjaġġi fil-ġejjieni. Is-settur ra bosta xejriet li influwenzaw l-iżvilupp tal-vjaġġi, bħat-teknoloġiji l-ġodda, il-ħiliet ta' infrastuttura mkabbra, it-titjib tal-interoperabbiltà, eċċ. Il-fissazzjoni ta' limiti tal-ħin ta' sewqan għal kull persuna tikkostitwixxi aspett żgħir biss tal-iżvilupp totali tas-settur. Għalhekk, hu importanti li wieħed jinnota li sabiex servizz ta' interoperabbiltà transkonfinali jitmexxa sew, ħaddiem mobbli jeħtieġ l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa. Barra minn hekk, il-fatt li r-regoli fuq il-ħin ta' sewqan u l-ħin ta' pawża jidhru li huma diġà konformi fuq livell nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva jew joffru ħarsien aħjar jagħti l-impressjoni wkoll li l-impatt ekonomiku tal-ftehim se jibqa' limitat. Globalment, l-impatt ekonomiku tal-ftehim jitqies, mill-parteċipanti differenti tas-settur, b'mod pjuttost pożittiv. Il-fatt li l-ftehim jiddefinixxi qafas komuni u regoli ċari għall-partijiet ikkonċernati kollha jitqies b'mod pożittiv mill-parijiet nazzjonali involuti. Fuq bażi tal-intervisti li saru ma' min jimpjega u mat-trejdjunjins, jidher li r-regola li tgħid li mistrieħ barra mid-dar għandu jiġi segwit minn mistrieħ id-dar (il-klawżola 4) timponi l-aktar problemi lill-impriżi tat-trasport tal-merkanzija. 5 minn 6 impriżi tat-trasport tal-merkanzija mistħarrġa għadhom mhumiex kapaċi jwasslu lill-impjegati tagħhom lura d-dar wara ġurnata mistrieħ barra d-dar. Ġieli ċerti impriżi jorganizzaw l-iskeda tax-xogħol b'mod li jħaddmu lis-sewwieq tul il-ġimgħa kollha u jħalluh imur lura daru biss fil-week-end. Madankollu, huwa diffiċli li jiġi stabbilit sa liema punt, dawn l-eżempji huma rappreżentattivi. L-impriżi tat-trasport tal-merkanzija jsemmu perjodi mqatta' barra d-dar li jtulu minn tlett ijiem sa ġimagħtejn jew tlieta. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-ebda trejdjunjin ma semmiet li kienet taf b'perjodi barra mid-dar ta' aktar minn jumejn. Dawn il-prattiċi differenti ma jistgħux iseħħu iżjed wara l-implimentazzjoni tal-ftehim. Ċerti impriżi ferrovjarji għandhom iwettqu bidliet ta' ġestjoni tal-persunal biex ikomplu jużaw ċerti rotot. Se jkun hemm spejjeż supplimentari żgur sabiex isostnu l-impjieg ta' impjegati ġodda, kif ukoll għall-istallazzjonijiet ta' mistrieħ ta' kwalità aħjar tul il-vjaġġ, sakemm ma jitnaqqsux permezz tal-qligħ tal-produttività. Ftit li xejn huma l-impriżi li bdew negozjati, fuq livell tal-impriża, għat-tieni jum ta' mistrieħ konsekuttiv barra d-dar, kif ġie permess mill-ftehim. Jidher li huma qegħdin jistennew għal regoli aktar ċari fuq livell Ewropew għat-tbassir tal-organizzazzjoni tax-xogħol. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-impjiegi fil-ġejjieni, l-impriżi għandhom pjuttost l-interess li jiżviluppaw strateġiji ġodda flimkien mal-persunal tagħhom sabiex jipprovdu għadd ta' miżuri biex itejbu l-kwalità tal-impjieg f'suq tax-xogħol dejjem aktar taħt pressjoni. 5. IR-RIżULTAT TAN-NEGOZJATI Skont il-klawżola 4 tal-ftehim, l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew bdew negozjati mill-ġdid fuq il-kwistjoni tal-għadd ta' mistrieħ konsekuttivi barra d-dar kif ukoll fuq il-kumpens ta' mistrieħ barra d-dar. Sabiex jiġu rappreżentati aħjar l-interessi tal-impriżi privati tat-trasport tal-merkanzija tan-negozjat tal-ftehim, il-KEP iddeċidiet li tintegra rappreżentant tal-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Trasport tal-Merkanzija Ferrovjarja (ERFA) fid-delegazzjoni tal-KEP. In-negozjati għadhom għaddejjin sal-lum. Waħda mid-diffikultajiet imqajma mill-imsieħba soċjali hi n-nuqqas ta' tagħrif dwar l-operazzjonijiet tat-trasport interoperabbli transkonfinali. Il-partijiet firmatarji impenjaw ruħhom sabiex iwettqu valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim sentejn wara l-firma tiegħu (il-klawżola 11 tal-ftehim) fid-dawl tal-ewwel esperjenzi tal-iżvilupp tat-trasport interoperabbli transkonfinali, iżda din mhix mitmuma. 6. QAGħDA TAT-TRASPOżIZZJONI TAD-DIRETTIVA FL-ISTATI MEMBRI Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jqiegħdu fis-seħħ, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva qabel is-27 ta' Lulju 2008. Huma jistgħu jassiguraw ruħhom ukoll li l-imsieħba soċjali adottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim mhux aktar tard minn din id-data. L-Istati Membri huma obbligati li jgħaddu minnufih it-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Bħalissa għaddej il-kontroll tal-implimentazzjoni tad-direttiva mid-dipartimenti tal-Kummissjoni. F'dan il-punt, il-Kummissjoni tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni ngħaddux tassew mill-Istati Membri u jekk it-traspożizzjoni fil-liġi interna ntemmitx. Sal-lum, tmien Stati Membri (BU, RO, DK, NL, PL, SI, SK et SE) ttrasponew bis-sħiħ id-direttiva u għaddew lill-Kummissjoni l-miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni tagħhom. 13-il Stat Membru għaddew lill-Kummissjoni l-miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni tagħhom (BE, DE, EE, IE, EL, ES, FR, IT, LT, LV, HU, PT u FI), u erba' Stati Membri (CZ, LU, AT u UK) wettqu komunikazzjoni parzjali u insuffiċjenti tal-miżuri ta' implimentazzjoni tad-direttiva. Skont l-Artikolu 226 tat-Trattat KE, il-Kummissjoni indirizzat ittri ta’ tqegħid fil-mora lil 17-il Stat Membru kkonċernat. 7. KONKLUżJONI Il-Kummissjoni ssegwi bir-reqqa l-iżviluppi tas-suq tat-trasport ferrovjarju u b'mod partikolari l-iżvilupp tan-negozjati li għaddejjin bejn l-imsieħba soċjali maħsuba jaddattaw il-kondizzjonijiet ta' mistrieħ tal-ħaddiema għall-bżonnijiet li qegħdin jiżviluppaw tas-settur filwaqt li jassiguraw livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom. Sabiex takkumpanja dan l-iżvilupp, il-Kummissjoni: - tħeġġeġ lill-imsieħba soċjali sabiex isegwu n-negozjati tagħhom dwar il-klawżola 4, u jiksbu riżultat bilanċjat li jqis il-bżonn ta' flessibbiltà għall-impriża fl-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet b'mod partikolari fuq is-suq tat-trasport tal-merkanzija, kif ukoll il-bżonn tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mobbli u r-rispett tal-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja privata; - tiġbed l-attenzjoni tal-imsieħba soċjali fuq l-importanza li jsegwu approċċ integrat fejn l-aspetti importanti kollha għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mobbli jitqiesu, kif ukoll il-kwalità tal-mistrieħ barra mid-dar, u li jista' jiffavorixxi implimentazzjoni u awtonomija akbar min-naħa tal-ħaddiema fl-organizzazzjoni tal-ħin ta' xogħol tagħhom, kemm fuq livell kollettiv kif ukoll fuq livell individwali; - ssegwi b'attenzjoni l-mod kif l-Istati Membri se jimplimentaw il-ftehim Ewropew fil-liġi nazzjonali tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni partikolari fuq il-kontroll tat-tul tax-xifts kif ukoll fuq it-tul tad-dewma ta' gimgħa xogħol; - se tieħu ħsieb li tħeġġeġ it-titjib tal-kondizzjonijiet u tal-kwalità tax-xogħol għall-ħaddiema mobbli fis-settur ferrovjarju. Dan jista' jikkontribwixxi għall-preservazzjoni l-ġibda lejn il-professjoni f'kuntest tas-suq tax-xogħol li għandu jkun taħt pressjoni kbira fis-snin li ġejjin. [1] L-interoperabbiltà tal-ferroviji tikkonċerna l-ħila tagħhom li jsuqu mingħajr distinzjoni fuq is-sezzjonijiet kollha tan-netwerk internazzjonali. [2] "Economic and social impact of the agreement concluded between social partners on certain aspects of the working conditions of mobile workers engaged in interoperable cross-border services in the railway sector", TNO Quality of Life, September 2008. Ir-rapporti huma disponibbli fill-websajt: http://ec.europa.eu/employment_social/labour_law/docs/2008/final_report_r08678_en.pdf [3] Community of European Railway and Infrastructure Companies (CER - Communauté européenne du rail et des compagnies d’infrastructure); European Transport Workers’ Federation (ETF – Federazzjoni Ewropea tal-ħaddiema tat-trasport); European Rail Infrastructure Managers (EIM); Autonome Lokomotivführer-Gewerkschaften Europa (ALE); European Rail Freight Association (ERFA – Assoċjazzjoni Ewropea tat-trasport tal-merkanzija ferrovjarja). [4] Il-Ġermanja, l-Olanda, l-Ungerija, ir-Rumanija, ir-Renju Unit u Franza. [5] PV/CONS 46, Addendum għall-proġett tal-proċess verbali, 2676e sessjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2005. [6] Ara r-Rapport TNO, Anness 6, p. 49. [7] Ara r-rapport TNO, Anness 8, p. 73 u s.