Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC0724(05)

    Avviż ta' bidu ta' reviżjoni ta' skadenza tal-miżuri ta' l- antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' aċidu sulfaniliku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indja

    ĠU C 171, 24.7.2007, p. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 171/18


    Avviż ta' bidu ta' reviżjoni ta' skadenza tal-miżuri ta' l-antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' aċidu sulfaniliku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indja

    (2007/C 171/12)

    Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' skadenza imminenti (1) tal-miżuri ta' l-antidumping fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet ta' aċidu sulfaniliku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indja (“il-pajjiżi kkonċernati”), il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru1995 dwar il-ħarsien kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (2).

    1.   Talba għal reviżjoni

    It-talba tressqet fl-24 ta' April 2007 minn żewġ produtturi Komunitarji: Sorochimie Chimie Fine u CUF, Quimicos Industriais, S.A. (“l-applikanti”) li jirrappreżentaw 100 % tal-produzzjoni Komunitarja ta' aċidu sulfaniliku.

    2.   Il-Prodott

    Il-prodott taħt reviżjoni huwa l-aċidu sulfaniliku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indja (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa jista' jiġi kklassifikat fil-kodiċi NM ex 2921 42 10 (TARIC 2921421060). Dan il-kodiċi NM qed jingħata biss bħala tagħrif.

    3.   Il-miżuri eżistenti

    Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju definittiv ta' l-antidumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2002 (3), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 123/2006 (4).

    4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni

    It-talba hija msejsa fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx twassal għall-issoktar u/jew ir-rikorrenza ta' dumping u r-rikorrenza ta' ħsara għall-industrija Komunitarja.

    Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ġie stabbilit valur normali għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fuq il-bażi tal-prezz f'pajjiż adattat b'ekonomija tas-suq, imsemmi fil-punt 5.1(d). Il-probabbiltà ta' l-issoktar tad-dumping hija msejsa fuq it-tqabbil bejn il-valur normali, kif stipulat fis-sentenza preċedenti, u l-prezzijiet ta' esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità.

    Fuq bażi ta' dan, il-marġinu ta' dumping ikkalkulat huwa sinifikanti.

    Barra minn hekk, l-applikanti jispeċifikaw li matul il-perjodu ta' impożizzjoni tal-miżuri, l-esportaturi/il-produtturi tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ppruvaw idgħajfu l-miżuri eżistenti permezz ta' prattiki ta' assorbiment, li ġew ibbilanċjati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 236/2004 (5).

    Rigward il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping min-naħa tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina qed jiġi wkoll allegat li l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħra, jiġifieri l-Ġappun u l-Brażil, isiru bi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping, u li l-miżuri ta' l-antidumping huma fis-seħħ f'pajjiżi terzi oħra rilevanti (jiġifieri l-Istati Uniti ta' l-Amerika).

    L-allegazzjoni tal-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping min-naħa ta' l-Indja hija msejsa fuq it-tqabbil bejn il-valur normali, stabbilit fuq il-bażi ta' prezzijiet domestiċi u spiża komposta, u l-prezzijiet possibbli ta' esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità, f'każ li l-miżuri jiskadu.

    Qed jiġi allegat li l-prezzijiet ta' esportazzjoni x'aktarx se jaqgħu għal livelli fejn ikun hemm dumping sinifikanti. Dan huwa appoġġjat mill-allegazzjoni li l-impenn fis-seħħ għall-biċċa l-kbira ta' l-esportazzjonijiet Indjani wassal biex ġie ffissat prezz minimu għall-prezzijiet ta' esportazzjoni. Barra minn hekk, qed jiġi allegat ukoll li l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħra, jiġifieri t-Tajlandja u l-Messiku qed isiru bi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping, u li l-miżuri antidumping huma fis-seħħ f'pajjiżi terzi oħra rilevanti (jiġifieri l-Istati Uniti ta' l-Amerika).

    L-applikanti pprovdew evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indja komplew deħlin fi kwantitajiet sinifikanti, u li kwantitajiet bħal dawn x'aktarx jibqgħu fil-livelli attwali, jekk ma jiżdidux, fost affarijiet oħra minħabba l-miżuri fis-seħħ fuq importazzjonijiet tal-prodott li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati fi swieq tradizzjonali li mhumiex mill-UE (jiġifieri l-Istati Uniti ta' l-Amerika).

    L-applikanti jallegaw li t-tneħħija tal-ħsara hija prinċipalment minħabba l-eżistenza ta' miżuri u li kull issoktar jew rikorrenza ta' importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati x'aktarx iwassal għal rikorrenza ta' aktar ħsara lill-industrija Komunitarja jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

    5.   Il-proċedura

    Wara li stabbiliet, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi sabiex ikun iġġustifikat il-bidu ta' reviżjoni ta' skadenza, il-Kummissjoni b'dan tagħti bidu għal reviżjoni skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

    5.1.   Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta' dumping u ħsara

    L-investigazzjoni se tistabbilixxi jekk hux probabbli, jew le, li l-iskadenza tal-miżuri twassal għall-issoktar jew għar-rikorrenza ta' dumping u ħsara.

    (a)   It-teħid ta' kampjuni

    Fid-dawl tan-numru apparenti ta' partijiet involuti f'din il-proċedura, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tapplika t-teħid ta' kampjuni, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    (i)   It-teħid ta' kampjuni għal esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-esportaturi/il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, huma b'dan mitluba li jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni billi jikkuntattjawha u jipprovdulha t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

    isem, indirizz, indirizz elettroniku, telefown, u numri tal-fax u persuna ta' kuntatt,

    il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità matul il-perjodu bejn l-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Marzu 2007,

    il-fatturat fil-munita lokali u l-volum ta' bejgħ f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ fis-suq domestiku matul il-perjodu bejn l-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Marzu 2007,

    il-fatturat fil-munita lokali u l-volum tal-bejgħ f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ lil pajjiżi terzi oħra matul il-perjodu bejn l-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Marzu 2007,

    l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-volum ta' produzzjoni f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-investimenti fil-kapaċità ta' produzzjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Marzu 2007,

    l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (6) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (esportazzjoni u/jew domestiku) tal-prodott ikkonċernat,

    kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun,

    meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel ma' l-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tifforma parti mill-kampjun, dan jimplika li l-kumpanija jkollha twieġeb għal kwestjonarju u taċċetta investigazzjoni fuq il-post dwar ir-reazzjoni tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx ma' l-inklużjoni possibbli jew l-inklużjoni tagħha fil-kampjun, titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi għal nuqqas ta' kooperazzjoni huma stipulati fil-punt 8 hawn taħt.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li hi tqis meħtieġ għall-għażla tal-kampjun minn fost l-esportaturi/il-produtturi, il-Kummissjoni tista', barra minn hekk, tikkuntattja l-awtoritajiet tal-pajjiżi esportaturi, u kull assoċjazzjoni magħrufa ta' esportaturi/produtturi.

    (ii)   It-teħid ta' kampjuni għall-importaturi

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, huma b'dan mitluba li jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni u jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

    isem, indirizz, indirizz elettroniku, telefown, u numri tal-fax u persuna ta' kuntatt,

    Il-fatturat totali f'euro tal-kumpanija matul il-perjodu bejn l-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Marzu 2007,

    in-numru totali ta' impjegati,

    l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott ikkonċernat,

    il-volum f'tunnellati u l-valur f'euro ta' importazzjonijiet u bejgħ mill-ġdid fis-suq Komunitarju matul il-perjodu bejn l-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Marzu 2007 tal-prodott ikkonċernat importat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indja,

    l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (7) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat,

    kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun,

    meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel ma' l-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tifforma parti mill-kampjun, dan jimplika li l-kumpanija jkollha twieġeb għal kwestjonarju u taċċetta investigazzjoni fuq il-post dwar ir-reazzjoni tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx ma' l-inklużjoni possibbli jew l-inklużjoni tagħha fil-kampjun, titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi għal nuqqas ta' kooperazzjoni huma stipulati fil-punt 8 hawn taħt.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li hi tqis meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' l-importaturi, il-Kummissjoni tista', barra minn hekk, tikkuntattja kull assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

    (iii)   L-għażla finali tal-kampjuni

    Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-għażla tal-kampjun għandhom jagħmlu dan fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(ii).

    Il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel l-għażla finali tal-kampjuni wara li tkun ikkonsultat il-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jiġu inklużi fil-kampjun.

    Il-kumpaniji inklużi fil-kampjuni għandhom iwieġbu għal kwestjonarju fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(iii) u għandhom jikkooperaw fi ħdan il-qafas ta' l-investigazzjoni.

    Jekk ma jkunx hemm kooperazzjoni biżżejjed, il-Kummissjoni tista' tibbaża s-sejbiet tagħha, skond l-Artikoli 17(4) u 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-fatti disponibbli. Konklużjoni bbażata fuq fatti disponibbli tista' tkun anqas vantaġġuża għall-parti kkonċernata, kif spjegat fil-punt 8.

    (b)   Kwestjonarji

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-industrija Komunitarja u lil kull assoċjazzjoni ta' produtturi fil-Komunità, lill-esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huma parti mill-kampjun, lill-esportaturi/produtturi fl-Indja, lil kull assoċjazzjoni ta' esportaturi/produtturi, lill-importaturi li huma parti mill-kampjun, lil kull assoċjazzjoni ta' importaturi msemmija fit-talba jew li kkooperat fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għar-reviżjoni attwali, u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi esportaturi kkonċernati.

    (c)   Ġbir ta' tagħrif u seduti ta' smigħ

    Il-partijiet kollha interessati qed jiġu mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu tagħrif barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu dokumenti ta' prova. Dan it-tagħrif u din l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii).

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' l-partijiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba li fiha juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fil-limitu ta' żmien stipulat f'punt 6(a)(iii).

    (d)   Għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

    Il-Kummissjoni biħsiebha tuża l-Indja bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq xierqa għall-għan ta' l-istabbiliment tal-valur normali rigward ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-Kummissjoni biħsiebha terġa' tuża l-Indja għal dan il-għan. Il-partijiet interessati huma għalhekk mistiedna jikkummentaw dwar kemm hu xieraq li ntagħżel dan il-pajjiż fil-limitu taż-żmien speċifikat stabbilit fil-punt 6(c).

    5.2.   Proċedura għall-valutazzjoni ta' l-interess Komunitarju

    Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku u fil-każ li l-probabbiltà ta' ssoktar jew ta' rikorrenza ta' dumping jew ħsara tkun ikkonfermata, għandha ssir determinazzjoni dwar jekk iż-żamma, jew ir-revoka tal-miżuri ta' l-antidumping humiex se jkunu kontra l-interess Komunitarju. Għal din ir-raġuni l-industrija Komunitarja, l-importaturi, l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur u ta' l-utenti, bil-kundizzjoni li huma jippruvaw li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, jistgħu, fil-limiti ġenerali ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii), jippreżentaw lilhom infushom u jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni. Il-partijiet li aġixxew b'konformità mas-sentenza preċedenti jistgħu jitolbu seduta ta' smigħ, billi jippreżentaw ir-raġunijiet partikolari għaliex huma għandhom jinstemgħu, fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii). Għandu jiġi osservat li kull tagħrif ippreżentat skond l-Artikolu 21 se jitqies biss jekk ikun sostnut b'evidenza fattwali fil-waqt tal-preżentazzjoni.

    6.   Limiti ta' żmien

    (a)   Il-limiti ġenerali ta' żmien

    (i)   Għall-partijiet biex jitolbu kwestjonarju jew formoli oħra tat-talbiet

    Il-partijiet kollha interessati li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li twassal għall-miżuri soġġetti għar-reviżjoni attwali għandhom jitolbu kwestjonarju jew formoli oħra tat-talbiet malajr kemm jista' jkun, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    (ii)   Għal partijiet li jridu jippreżentaw lilhom infushom, biex iressqu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull tagħrif ieħor

    Il-partijiet interessati kollha, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom għandhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jressqu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kull tagħrif ieħor fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet ta' proċedura stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha lill-Kummissjoni matul il-perjodu msemmi qabel.

    Il-kumpaniji magħżula f'kampjun għandhom iressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(iii).

    (iii)   Seduti ta' smigħ

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 40 jum.

    (b)   Il-limitu speċifiku ta' żmien fir-rigward tat-teħid ta' kampjuni

    (i)

    It-tagħrif speċifikat fil-punt 5.1(a)(i) u 5.1(a)(ii) għandu jasal għand il-Kummissjoni fi żmien ħmistax-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, minħabba li l-Kummissjoni biħsiebha tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jiġu inklużi fil-kampjun fl-għażla finali fi żmien perjodu ta' 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    (ii)

    Kull tagħrif ieħor rilevanti għall-għażla tal-kampjun kif imsemmi fil-5.1(a)(iii) għandu jasal għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    (iii)

    It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-partijiet inklużi fil-kampjun għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika ta' l-inklużjoni tagħhom fil-kampjun.

    (c)   Il-limitu ta' żmien speċifiku għall-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

    Il-partijiet involuti fl-investigazzjoni jistgħu jekk jixtiequ jikkummentaw dwar l-adegwatezza ta' l-Indja li, kif imsemmi fil-punt 5.1(d), hi prevista bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq bl-għan li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dawn il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni sa għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    7.   Is-sottomissjonijiet bil-miktub, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza

    Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, it-telefown u n-numri tal-fax tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f'dan l-avviż, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Limitata  (8)” u, skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, immarkata “GĦALL-ISPEZZJONI MILL-PARTIJIET INTERESSATI”.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

    Direttorat B

    Uffiċċju: J-79 4/23

    B-1049 Brussell

    Fax (32-2) 295 65 05

    8.   In-Nuqqas ta' kooperazzjoni

    F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għal tagħrif meħtieġ jew ma tipprovdihx fil-limiti ta' żmien, jew b'mod sinifikanti tfixkel l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif għandu jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b'mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

    9.   L-iskeda ta' l-investigazzjoni

    L-investigazzjoni se tkun konkluża, skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    10.   Il-possibbiltà li tintalab reviżjoni skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

    Hekk kif din ir-reviżjoni ta' skadenza tingħata bidu skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tagħha mhux se jwasslu għal-livell tal-miżuri attwali li qed jiġu emendati imma se jwasslu għal dawk il-miżuri li qed jiġu revokati jew miżmuma skond l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

    Jekk xi parti fil-proċediment tqis li tkun meħtieġa reviżjoni tal-livell tal-miżuri sabiex tippermetti l-possibbiltà li temenda (jiġifieri żżid jew tnaqqas) il-livell tal-miżuri, dik il-parti tista' titlob għal reviżjoni skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

    Il-partijiet li jixtiequ jitolbu reviżjoni ta' din ix-xorta, li ssir b'mod indipendenti mir-reviżjoni ta' skadenza msemmija f'dan l-avviż, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz li jidher hawn fuq.

    11.   L-ipproċessar ta' data personali

    Jekk jogħġbok kun af li kull data personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tkun ittrattata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta' Diċembru 2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment ħieles ta' din id-data (9).


    (1)  ĠU C 272, 9.11.2006, p. 18.

    (2)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p.17.).

    (3)  ĠU L 196, 25.7.2002, p. 11.

    (4)  ĠU L 22, 26.1.2006, p. 5.

    (5)  ĠU L 40, 12.2.2004, p. 17.

    (6)  Għal gwida dwar it-tifsira ta' kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jistipula dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 253, 11.10.1993, p.1).

    (7)  Għal gwida dwar it-tifsira ta' kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

    (8)  Dan ifisser illi d-dokument huwa għall-użu intern biss. Huwa protett skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim ta' l-Antidumping).

    (9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top