Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0686

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li tittrażmetti l-ftehim dwar il-qafas Ewropew fuq il-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol

/* KUMM/2007/0686 finali */

52007DC0686

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li tittrażmetti l-ftehim dwar il-qafas Ewropew fuq il-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol /* KUMM/2007/0686 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.11.2007

KUMM(2007) 686 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

li tittrażmetti l-ftehim dwar il-qafas Ewropew fuq il-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

li tittrażmetti l-ftehim dwar il-qafas Ewropew fuq il-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni hu li tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea bil-ftehim ta' qafas Ewropew fuq il-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol, iffirmat minn ETUC, BUSINESSEUROPE, UEAPME u CEEP fis-26 ta' April 2007. Dan huwa t-tielet ftehim awtonomu li għandu jiġi nnegozjat mill-imsieħba soċjali multisettorjali Ewropej, wara konsultazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea skond l-Artikolu 138 tat-Trattat tal-KE.

Fit-23 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi l-ewwel stadju ta’ konsultazzjoni ta’ l-imsieħba soċjali dwar il-vjolenza fil-post tax-xogħol u l-effetti tagħha fuq is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol[1], fil-kuntest ta' l-aġenda tal-Kummissjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, stabbilta fl-Istrateġija Komunitarja dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq ix-Xogħol għall-2002-2006.

L-imsieħba soċjali multisettorjali Ewropej imbagħad infurmaw lill-Kummissjoni li se jorganizzaw seminar dwar din il-kwistjoni biex jesploraw il-possibilità li jiġi nnegozjat ftehim awtonomu, fi qbil mal-programm ta’ ħidma għad-djalogu soċjali għall-2003-2005. Wara dan is-seminar, l-organizzazzjonijiet ħejjew il-mandati tan-negozjati tagħhom u fetħu uffiċjalment in-negozjati fis-6 ta' Frar 2006. In-negozjati dwar ftehim ta' qafas damu sejrin iktar minn għaxar xhur u ġew konklużi b'suċċess fil-15 ta' Diċembru 2006. Wara l-approvazzjoni mill-entitajiet interni tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-erba’ organizzazzjonijiet ta’ l-imsieħba soċjali involuti fin-negozjati, il-ftehim ġie ffirmat uffiċjalment fis-27 ta’ April 2007 fil-preżenza tal-Kummissarju responsabbli għall-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-opportunijajiet indaqs, Vladimír Špidla, u ppreżentat lill-ġurnalisti.

Il-ftehim għandu l-għan li jipprevjeni u, fejn ikun hemm bżonn, jindirizza problemi ta' bullying, fastidju sesswali u vjolenza fiżika fil-post tax-xogħol. Il-ftehim jikkundanna l-għamliet kollha ta’ fastidju u vjolenza u jikkonferma d-dmir ta’ min iħaddem biex iħares lill-ħaddiema minnhom. Il-kumpaniji fl-Ewropa huma mitluba jadottaw politika ta' ebda tolleranza għal imġiba bħal din u biex jispeċifikaw proċeduri ħalli jiġu indirizzati l-każijiet ta' fastidju u vjolenza meta dawn isseħħu. Dawn il-proċeduri jistgħu jinkludu stadju informali li jinvolvi persuna li hija fdata mill-meniġment u l-ħaddiema. L-ilmenti għandhom jiġu investigati u indirizzati malajr kemm jista’ jkun. Il-prinċipji tad-dinjità, il-kunfidenzjalità, l-imparzjalità u t-trattament ġust jeħtieġ jiġu rispettati. Għandhom jittieħdu miżuri xierqa kontra dawk ħatja, inkluża azzjoni dixxiplinarja u saħansitra tkeċċija, u l-vittma għandha tingħata appoġġ b’integrazzjoni mill-ġdid, jekk ikun hemm il-bżonn.

Il-ftehim awtonomu għandu jiġi implimentat mill-membri tal-partijiet firmatarji, jiġifieri, l-organizzazzjonijiet nazzjonali ta' l-imsieħba soċjali, skond il-proċeduri u l-prassi speċifiċi għall-meniġment u x-xogħol u l-Istati Membri, kif previst fl-ewwel alternattiva fl-Artikolu 139(2) tat-Trattat tal-KE. Għandu jiġi implimentat fi żmien tliet snin mill-iffirmar. Fir-raba’ sena, il-Kumitat tad-Djalogu Soċjali se jħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim.

Hija u tirrispetta l-prinċipju ta’ l-awtonomija ta’ l-imsieħba soċjali, il-Kummissjoni għandha rwol partikolari x’taqdi fil-każ speċifiku tal-ftehimiet awtonomi implimentati skond l-ewwel alternattiva fl-Artikolu 139(2), jekk il-ftehim ikun ir-riżultat ta’ konsultazzjoni fl-Artikolu 138[2]. B’mod partikolari, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippubblika ftehimiet awtonomi u li tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, wara li tagħmel evalwazzjoni ex-ante tat-test. Din l-evalwazzjoni ex-ante tkopri kemm ir-rappreżentattività tal-partijiet firmatarji u l-kontenut tal-ftehim.

Rappreżentattività: Il-Kummissjoni tqis li, kif eżaminat fi studji preċedenti, il-partijiet firmatarji huma, kollettivament, rappreżentattivi biżżejjed[3] tal-meniġment u l-ħaddiema biex jiffirmaw ftehim multisettorjali fil-livell Ewropew. F’diversi okkażjonijiet fil-passat, dawn urew il-ħila tagħhom li jikkonkludu ftehimiet ta’ qafas Ewropej. Il-partijiet firmatarji kollha għandhom mandat biex jirrappreżentaw il-membri tagħhom f’negozjati ta’ djalogu soċjali u approvaw il-ftehim f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom ta’ teħid ta' deċiżjonijiet.

Kontenut: Il-klawżoli individwali tal-ftehim ta’ qafas dwar il-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol huma f’konformità mal-liġi Komunitarja u l-għanijiet tagħha huma konformi ma’ l-għanijiet tal-politika Ewropea dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol. Il-ftehim jieħu linja orjentata lejn l-azzjoni, iktar milli linja legali biex jindirizza l-fastidju u l-vjolenza fil-livell tal-kumpanija. Il-Kummissjoni tqis li dan il-ftehim huwa kontribut utli mill-imsieħba soċjali biex iħarsu mhux biss lis-saħħa u s-sikurezza iżda wkoll id-dinjità tal-ħaddiema u biex jiġu promossi l-organizzazzjonijiet moderni tax-xogħol. Bħala tali, il-ftehim iżid il-valur lil-leġiżlazzjoni rilevanti ta' l-UE u nazzjonali, mal-linji stipulati fid-dokument ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni.

Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni ex-ante , il-Kummissjoni ddeċidiet li tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-ftehim ta' qafas dwar il-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jippromwovu l-ftehim bil-mezzi tagħhom stess, kemm billi jagħtuh pubbliċità adegwata u billi jappoġġaw l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali.

Il-Kummissjoni se tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-imsieħba soċjali matul il-proċess ta’ l-implimentazzjoni. Barra minn hekk, meta l-perjodu għall-implimentazzjoni jiskadi, il-Kummissjoni, filwaqt li tagħti preċedenza lill-monitoraġġ li jagħmlu l-imsieħba soċjali nfushom, se twettaq il-monitoraġġ tagħha stess biex tevalwa kemm il-ftehim ikkontribwixxa lejn l-ilħiq ta’ l-għanijiet Komunitarji.

ANNESS

FTEHIM TA’ QAFAS DWAR IL-FASTIDJU U L-VJOLENZA FUQ IX-XOGħOL

26 ta' April 2007

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika. Din it-traduzzjoni ma ġietx iċċekkjata u approvata mill-imsieħba soċjali.)

1. INTRODUZZJONI

Ir-rispett reċiproku għad-dinjità ta' l-oħrajn fil-livelli kollha fil-post tax-xogħol huwa wieħed mill-karatteristiċi ewlenin ta' organizzazzjonijiet li jkollhom suċċess. Huwa għalhekk li l-fastidju u l-vjolenza mhumiex aċċettabbli. BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC (u l-kumitat ta’ kollegament EUROCADRES/CEC) jikkundannawhom fl-għamliet kollha tagħhom. Huma jqisuhom bħala tħassib reċiproku ta’ min iħaddem u l-ħaddiema biex jindirizzaw din il-kwistjoni, li jista’ jkollha konsegwenzi soċjali u ekonomiċi serji.

Il-liġi ta’ l-UE[4] u nazzjonali tiddefinixxi d-dmir ta’ min iħaddem biex iħares lill-ħaddiema mill-fastidju u l-vjolenza fil-post tax-xogħol.

Għamliet differenti ta’ fastidju u vjolenza jistgħu jaffettwaw lill-postijiet tax-xogħol. Jistgħu jkunu:

- fiżiċi, psikoloġiċi u/jew sesswali,

- inċidenti iżolati jew tendenzi ta’ mġiba iktar sistematiċi,

- fost il-kollegi, bejn superjuri u subordinati jew minn partijiet terzi bħal klijenti, pazjenti, studenti, eċċ.

- ivarjaw minn każijiet żgħar ta’ diżrispett għal atti iktar serji, inklużi offiżi kriminali, li jirrikjedu l-intervent ta’ l-awtoritajiet pubbliċi.

L-imsieħba soċjali Ewropej jistgħu jagħrfu li l-fastidju u l-vjolenza jistgħu potenzjalment jaffettwaw lil kwalunkwe post tax-xogħol u lil kwalunkwe ħaddiem, irrispettivament mid-daqs tal-kumpanija, il-qasam ta’ l-attività jew l-għamla tal-kuntratt jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg. Madankollu, ċerti gruppi u setturi jistgħu jkunu iktar fir-riskju. Fil-prattika, mhux il-postijiet kollha tax-xogħol u mhux il-ħaddiema kollha huma affettwati.

Dan il-ftehim jindirizza dawk l-għamliet kollha ta' fastidju u vjolenza li jaqgħu fil-kompetenza ta' l-imsieħba soċjali u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni tat-taqsima 3 hawn taħt.

2. GħAN

L-għan ta' dan il-ftehim huwa li:

- jiżdiedu l-għarfien u l-fehim ta’ min iħaddem, ta’ l-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom dwar il-fastidju u l-vjolenza fil-post tax-xogħol,

- jipprovdi lil min iħaddem, lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom fil-livelli kollha b'qafas orjentat lejn l-azzjoni biex jidentifikaw, jipprevjenu u jindirizzaw problemi ta’ fastidju u vjolenza fuq ix-xogħol.

3. DESKRIZZJONI

Il-fastidju u l-vjolenza huma riżultat ta’ mġiba mhux aċċettabbli minn individwu wieħed jew iktar u jista’ jieħu ħafna għamliet, li xi wħud minnhom iktar faċli biex jiġu identifikati minn oħrajn. L-ambjent tax-xogħol jista' jinfluwenza l-esponiment tan-nies għall-fastidju u l-vjolenza.

Ikun hemm fastidju meta ħaddiem jew meniġer wieħed jew iktar, ikun ripetutament u deliberatament abbużati, mhedda u/jew umiljati f'ċirkostanzi marbuta max-xogħol.

Ikun hemm vjolenza meta ħaddiem jew meniġer wieħed jew iktar, ikun attakkat f'ċirkostanzi marbuta max-xogħol.

Il-fastidju u l-vjolenza jistgħu jsiru minn meniġer jew ħaddiem wieħed jew iktar, bl-intenzjoni jew l-effett li jkisser id-dinjità ta’ meniġer jew ħaddiem, jaffettwa s-saħħa tiegħu/tagħha u/jew joħloq ambjent ostili fuq ix-xogħol.

4. IL-PREVENZJONI, L-IDENTIFIKAZZJONI U L-INDIRIZZAR TA’ PROBLEMI TA’ FASTIDJU U VJOLENZA

Iż-żieda fl-għarfien u taħriġ xieraq għall-meniġers u l-ħaddiema jistgħu jnaqqsu l-probabbilità ta’ fastidju u vjolenza fuq ix-xogħol.

L-impriżi jeħtieġ jagħmlu dikjarazzjoni ċara fejn jgħidu li l-fastidju u l-vjolenza mhux se jkunu ttollerati. Din id-dikjarazzjoni se tispeċifika l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fejn jokkorru l-każijiet. Dawn il-proċeduri jistgħu jinkludu stadju informali fejn persuna li hija fdata mill-meniġment u l-ħaddiema tkun disponibbli biex toffri pariri u għajnuna. Proċeduri li jeżistu diġà jistgħu jkunu adatti biex jindirizzaw il-fastidju u l-vjolenza.

Proċedura xierqa għandha tkun ibbażata iżda mhux limitata għal dan li ġej:

- Huwa fl-interess tal-partijiet kollha li l-proċedimenti jsiru bid-diskrezzjoni meħtieġa għall-ħarsien tad-dinjità u l-privatezza ta’ kulħadd.

- Ebda informazzjoni ma għandha tinkixef lil partijiet mhux involuti fil-każ.

- L-ilmenti għandhom jiġu investigati u indirizzati malajr kemm jista’ jkun.

- Il-partijiet kollha involuti għandhom jingħataw smigħ imparzjali u trattament ġust.

- L-ilmenti għandhom ikunu appoġġati b’informazzjoni dettaljata.

- L-akkużi foloz ma għandhomx jiġu ttollerati u jistgħu jwasslu għal azzjoni dixxiplinarja.

- L-għajnuna esterna tista’ tgħin.

Jekk ikun stabbilit li kien hemm fastidju u vjolenza, għandhom jittieħdu miżuri xierqa fir-rigward ta’ dak/dawk ħati/ħatja. Dawn jistgħu jinkludu azzjoni dixxiplinarja, u saħansitra tkeċċija.

Il-vittma/vittmi tirċievi/jirċievu appoġġ u, jekk ikun meħtieġ, għajnuna għall-integrazzjoni mill-ġdid.

Min iħaddem, f’konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom, għandhom jistabbilixxu, jirrevedu u jimmonitorjaw dawn il-proċeduri biex jiżguraw li jkunu effettivi kemm għall-prevenzjoni tal-problemi u kif ukoll biex jindirizzaw il-kwistjonijiet kif jinqalgħu.

Fejn ikun xieraq, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitlu għandhom jiġu applikati biex jindirizzaw każijiet ta' vjolenza esterna.

5. L-IMPLIMENTAZZJONI U S-SEGWITU

Fil-kuntest ta’ l-Artikolu 139 tat-Trattat, dan il-ftehim ta’ qafas Ewropew awtonomu jikkommetti lill-membri ta’ BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC (u l-kumitat ta' kollegament EUROCADRES/CEC) li jimplimentawh skond il-proċeduri u l-prassi speċifiċi għall-meniġment u l-ħaddiema fl-Istati Membri u fil-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-partijiet firmatarji jistiednu wkoll lill-organizzazzjonijiet membri tagħhom fil-pajjiżi kandidati biex jimplimentaw dan il-ftehim.

L-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim għandu jsir fi żmien tliet snin wara d-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-ftehim.

L-organizzazzjonijiet membri se jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim lill-Kumitat għad-Djalogu Soċjali. Matul l-ewwel tliet snin wara d-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Kumitat għad-Djalogu Soċjali se jħejji u jadotta tabella annwali li tiġbor fil-qosor l-implimentazzjoni tal-ftehim. Rapport sħiħ dwar l-azzjonijiet ta’ implimentazzjoni se jitħejja mill-Kumitat għad-Djalogu Soċjali u adottat mill-imsieħba soċjali Ewropej matul ir-raba’ sena.

Il-partijiet firmatarji għandhom jevalwaw u jirrevedu l-ftehim fi kwalunkwe żmien wara l-ħames snin wara d-data ta' l-iffirmar, jekk ikun mitlub minn waħda minnhom.

Fil-każ ta’ mistoqsijiet dwar il-kontenut ta’ dan il-ftehim, l-organizzazzjonijiet membri involuti jistgħu, flimkien jew separatament, jirrikorru għall-partijiet firmatarji, li għandhom iwieġbu flimkien jew separatament.

Huma u jimplimentaw il-ftehim, il-membri tal-partijiet firmatarji għandhom jevitaw li jpoġġu piżijiet mhux meħtieġa fuq l-SMEs.

L-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim ma tikkostitwixxix raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' ħarsien mogħti lill-ħaddiema fil-qasam ta’ dan il-ftehim.

Il-ftehim preżenti ma jippreġudikax id-dritt ta' l-imsieħba soċjali li jikkonkludu, fil-livell xieraq, inkluż il-livell Ewropew, ftehimiet li jaddattaw u/jew jikkumplementaw dan il-ftehim b'mod li jqis il-bżonnijiet speċifiċi ta' l-imsieħba soċjali kkonċernati.

[pic]

[1] C/2004/5220.

[2] Ara COM(2004) 557 tat-12.8.2004

[3] L-evalwazzjoni tar-rappreżentattività ta' l-imsieħba soċjali Ewropej hija bbażata fuq it-tliet kriterji fformulati f'COM(93) 600. Biex jitqiesu rappreżentattivi, l-organizzazzjonijiet soċjali għandhom:- ikunu multisettorjali jew marbuta ma’ setturi jew kategoriji speċifiċi u jkunu organizzati fil-livell Ewropew;- ikunu organizzazzjonijiet li minnhom infushom jagħmlu parti integrali u rikonoxxuta mill-istrutturi ta' l-imsieħba soċjali ta' Stati Membri u jkollhom il-ħila li jinnegozjaw ftehimiet, u jkunu rappreżentantivi ta’ l-Istati Membri kollha, kemm jista’ jkun;- ikollhom strutturi adegwati biex jassiguraw il-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-proċess ta’ konsultazzjoni.

[4] Din tinkludi fost oħrajn id-Direttivi li ġejjin:- id-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità- Id-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol- Id-Direttiva 2002/73/KE tat-23 ta' Settembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol- Id-Direttiva 89/391/KE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol

Top