Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0608

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija

52007DC0608




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.10.2007

KUMM(2007) 608 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija {SEG(2007) 1322}{SEG(2007) 1324}{SEG(2007) 1325}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija

1. Il-kuntest

1.1 Sehem tas-suq dgħajjef iżda opportunitajiet għat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija

It-trasport tal-merkanzija esperjenza tkabbir fil-prestazzjoni tiegħu ta' 2.8% fis-sena bejn l-1995 u l-2005, ogħla minn dak tal-PGD matul l-istess perjodu. It-tekniki tat-trasport (infrastrutturi u vetturi) evolvew konsiderevolment kif ukoll l-approċċ ta' l-ispedituri, li saru dejjem aktar eżiġenti fir-rigward tat-trasportaturi. Sehem is-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fir-rigward tal-bqija tal-modi tat-trasport ma waqafx jonqos sakemm stabbilizza ruħu għal madwar 10% mill-2005[1], l-aktar livell baxx li qatt kellu mill-1945 (ara l-Anness I[2]).

Illum il-ġurnata t-trasport ferrovjarju tal-merkanzija qed iġarrab għadd ta' diffikultajiet li jispjegaw parzjalment l-inkapaċità tiegħu li jżid sehmu fis-suq. Dawn jikkonċernaw prinċipalment l-affidabilità, il-kapaċitajiet disponibbli, il-ġestjoni ta' l-informazzjoni, il-veloċità medja kif ukoll il-flessibilità.

Madankollu, jidher li qed ifiġġu opportunitajiet ġodda. It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, issa miftuħ għall-kompetizzjoni, jippreżenta f'ċerti Stati Membri, dinamika ġdida, ibbażata l-aktar fiż-żieda ta' skambji kummerċjali, il-konġestjoni fit-toroq, il-prezz għoli taż-żejt jew it-tħassib li kull ma jmur qed jikber fil-qasam tal-konservazzjoni ta' l-ambjent. It-trasport tal-kontejners u l-vjaġġi fuq distanzi twal, segmenti fejn il-ferrovija għandha vantaġġi reali, jibqa' jikber (ara l-Annessi I u II).

1.2 L-azzjonijiet diġà meħuda mill-Komunità

Il-Komunità Ewropea ilha impenjata ħmistax-il sena f'politika favur dinamika ferrovjarja ġdida msejsa fuq tliet approċċi:

- Il-ħolqien ta' suq tat-trasport tal-merkanzija fuq skala Ewropea twettaq permezz ta' l-ewwel[3] u t-tieni[4] pakkett ferrovjarju. Il-ftuħ gradwali tas-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, li sar komplut minn Jannar 2007, ġie akkumpanjat minn ristrutturar ta' l-impriżi storiċi. L-ispejjeż tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija naqsu bi 2% fis-sena bejn l-2001 u l-2004 filwaqt li, min-naħa tagħhom, it-tariffi tat-trasport bil-ferrovija naqsu bi 3% fis-sena matul dan l-istess perjodu[5];

- L-iżvilupp ta' l-interoperabilità teknika u tar-regoli ta' sikurezza komuni. L-inizjattivi reċenti dwar il-liċenzja Ewropea tas-sewwieqa tat-trejnijiet u l-proposta mressqa mill-Kummissjoni fi tmiem l-2006 dwar l-aċċettazzjoni reċiproka tal-vetturi ferrovjarji ( rolling stock ) jaqgħu f'dan l-ambitu;

- L-identifikazzjoni ta' netwerk ferrovjarju fil-qafas tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T). Ingħata sostenn finanzjarju permezz tal-fondi TEN-T lil bosta proġetti ferrovjarji. Fil-qafas tal-programm TEN-T, il-Kummissjoni nediet u ħeġġet ukoll l-iżvilupp tal- European Rail Traffic Management System (ERTMS), sistema komuni ta' kontroll, ġestjoni u sinjalar, maħsub biex jissostitwixxi s-sistemi nazzjonali eżistenti. Il-Komunità tagħti wkoll għajnuna finanzjarja sostanzjali lis-settur ferrovjarju permezz tal-politika ta' koeżjoni tagħha.

Dawn l-inizjattivi għadhom ma tawx ir-riżultati mistennija. Jeħtieġ li l-Istati Membri jikkompletaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja Ewropea. Il-progress f'termini ta' interoperabilità miexi bil-mod u d-diffikultajiet mal-fruntieri għadhom preżenti. Konsegwentement, ċerti problemi ewlenin dwar il-kwalità tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija jibqgħu wkoll. Pereżempju, skond l-UIRR, 53% biss tat-trejnijiet ta' trasport intermodali[6] ferrovija-triq waslu fil-ħin fl-2006[7].

Globalment, l-analiżi tar-riżultati ta' l-azzjoni Komunitarja turi bilanċi aktar favorevoli fil-livelli nazzjonali milli fil-livelli transnazzjonali. Fil-fatt, l-inizjattivi ta' l-Unjoni għadhom ma ppermettewx biżżejjed it-tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-suq ferrovjarju Ewropew.

1.3 Il-linji gwida tal-Politika Komuni tat-Trasport

Fid-dawl ta' l-għan ta' rapport modali mit-triq għall-ferrovija, il- White Paper dwar il-politika Ewropea tat-trasport għall-2010 ppreveda l-ħolqien ta' "kurituri multimodali bi prijorità għat-trasport tal-merkanzija." Ir-reviżjoni ta' l-2006 tal- White Paper tenfasizza l-għan ta' l-Unjoni li tiżviluppa l-"komodalità", jiġifieri, "l-użu effikaċi tal-modi differenti ta' trasport indipendentement mill-ieħor jew ikkombinati[8]" u jikkunsidra l-idea ta' promozzjoni ta' "netwerk ta' trasport ferrovjarju tal-merkanzija" (ara l-Anness III).

In-neċessità għal miżuri biex jinkoraġġixxu netwerk ferrovjarju bi prijorità għat-trasport tal-merkanzija tfakkret ukoll fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-2006[9] "Il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa – iċ-ċavetta għall-mobilità sostenibbli". Il-ħolqien ta' netwerk bħal dan huwa wkoll parti mill-proċess ta' twettiq tas-suq uniku stabbilit mit-Trattat u mill-għanijiet ta' tkabbir ekonomiku u ta' aktar impjiegi stabbiliti mill-Aġenda ta' Liżbona. Dan se jikkontribwixxi wkoll għall-politika ta' l-iżvilupp sostenibbli mmexxija mill-awtoritajiet Ewropej.

2. L-GħANIJIET U L-ALTERNATTIVI GħAL NETWERK FERROVJARJU BI PRIJORITÀ GħAT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA

2.1 L-għan ta' din il-komunikazzjoni: il-ħolqien ta' netwerk ferrovjarju Ewropew ta' bażi, parti min-netwerk TEN-T li fuqu t-trasport tal-merkanzija jkun aktar affidabbli u effiċjenti

Fid-dawl tat-titjib kostanti ta' l-effikaċja tat-trasport bit-triq, il-trasport ferrovjarju għandu jsir aktar kompetittiv, fuq kollox, f'termini ta' kwalità. Għall-klijenti tal-loġistika, kwalità qabel kollox tfisser vjaġġi f'ħinijiet kompetittivi, affidabilità tat-trasport tal-merkanzija u kapaċità adattata għall-ħtiġijiet. Biex dan il-għan jintlaħaq bosta fatturi għandhom jikkonkorru, bħal approċċ li jintegra l-proċeduri operattivi u proċessi koordinati fuq it-territorju kollu ta' l-Unjoni. Fattur ieħor huwa d-disponibilità ta' l-infrastruttura.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tippromwovi l-ħolqien ta' netwerk ferrovjarju Ewropew ta' bażi li fih it-trasport tal-merkanzija jkun jista' joffri kwalità ta' servizz aħjar minn dak attwali f'termini ta' ħinijiet tal-vjaġġi, l-affidabilità u l-kapaċità. It-titjib tas-servizz tul dan in-netwerk għandu jkollu impatt pożittiv fis-segmenti kollha tas-suq tat-trasport, inklużi l-vaguni waħedhom. Dan l-għan huwa marbut ma' l-inizjattivi tal-Kummissjoni maħsuba għat-titjib tal-kwalità tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-Ewropa. Wara r-rifjut tal-proposta għal Regolament li għamlet fil-qafas tat-tielet pakkett ferrovjarju, il-Kummissjoni ntrabtet li ssegwi b'attenzjoni l-progress li sar f'dan l-ambitu u li tipproponi miżuri ġodda possibbli maħsuba biex jappoġġaw u jinkoraġġixxu l-isforzi tas-settur.

Dak li jkun jista' jimmaġina kif ikun dan in-netwerk billi jħares lejn in-netwerks trans-Ewropej eżistenti, fosthom in-netwerk tat-trasport tal-merkanzija deskritt fid-Direttiva 2001/12/KE u l-kurituri kklassifikati bħala prijoritarji għat-twettiq tas-sistema ERTMS jew definiti fl-ambitu tal-proġetti Ewropej ta' riċerka (Eufranet, Trend, Reorient u New Opera). F'din l-illustrazzjoni qed tingħata idea ta' kif il-kurituri jistgħu jifformaw dan in-netwerk.

[pic]

2.2 L-inizjattivi diġà mnedija favur il-ħolqien ta' netwerk ferrovjarju Ewropew bi prijorità għat-trasport tal-merkanzija

L-atturi tas-settur u l-Istati Membri, xi drabi inkorraġġiti mill-Kummissjoni, diġà bdew bosta azzjonijiet għall-iżvilupp ta' rotot ferrovjarji internazzjonali li jiggarantixxu lit-trasport tal-merkanzija kundizzjonijiet ta' ċirkolazzjoni tajbin jew li jiżviluppaw koordinament bejn l-amministraturi ta' l-infrastrutturi għall-programmazzjoni ta' l-investimenti jew it-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku internazzjonali fit-trasport tal-merkanzija.

Fost dawn l-inizjattivi, jispikkaw dawn li ġejjin (ara l-Anness IV):

- l-iżvilupp ta' l-interoperabilità, partikolarment permezz ta' l-Ispeċifikazzjoni Teknika ta' l-Interoperabilità dwar l-Operazzjonijiet u Ġestjoni tat-Traffiku (TOM TSI) u t-twettiq ta' l-Ispeċifikazzjoni Teknika ta' l-Interoperabilità dwar l-Applikazzjonijiet Telematiċi għat-Trasport tal-Merkanzija (TAF TSI)[10], maħsuba għat-titjib tal-ġestjoni ta' l-informazzjoni dwar iċ-ċirkolazzjoni tat-trejnijiet madwar il-kontinent kollu;

- l-introduzzjoni ta' l-Europtirails[11], li jinforma f'ħin reali lill-utenti tiegħu dwar il-pożizzjoni tat-trejnijiet u d-dewmien eventwali tagħhom f'għadd ta' Stati Membri;

- il-ħolqien tar-RailNetEurope[12] (RNE) li b'mod partikolari jipproponi lill-klijenti tiegħu mogħdijiet internazzjonali tal-ferrovija u li jikkostitwixxi strument utli għall-koordinament tal-maġġoranza ta' l-amministraturi ta' l-infrastrutturi;

- il-bini ta' infrastrutturi importanti tan-netwerk TEN-T bħall-"Betuwe line";

- il-ħolqien ta' strutturi tal-kurituri mill-Istati Membri u l-amministraturi ta' l-infrastrutturi bħala parti mill-iżvilupp tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) b'6 rotot[13] Ewropej ta' importanza kbira għat-trasport tal-merkanzija. Din l-inizjattiva, li fiha kull kuritur huwa bbażat fuq ittra ta' intenzjoni ffirmata fuq livell ministerjali, hija appoġġata minn koordinatur Ewropew maħtur mill-Kummissjoni. Il-miżuri ewlenin proposti f'din il-komunikazzjoni ġew ispirati minn din l-esperjenza.

Dawn l-azzjonijiet kollha jikkontribwixxu b'mod effikaċi, flimkien mal-programm TEN-T, għall-ħolqien ta' netwerk ferrovjarju bi prijorità għat-trasport tal-merkanzija. Il-Kummissjoni tixtieq timmonitorjahom, tinkoraġġixxi t-tixrid tagħhom u tikkompletahom.

2.3 L-alternattiva adottata: teħid ta' miżuri ġodda għall-ħolqien ta' netwerk orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija

Bil-għan li jinħoloq netwerk ferrovjarju Ewropew bi prijorità għat-trasport tal-merkanzija, ġew studjati bosta alternattivi: l-atturi tas-settur u l-Istati Membri jitħallew jaġixxu, mingħajr ebda impuls Komunitarju ġdid; tittieħed sensiela ta' miżuri ġodda bil-għan li jinħoloq netwerk orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija, magħmula minn sezzjonijiet iddedikati għat-trasport tal-merkanzija u sezzjonijiet iddedikati għat-traffiku mħallat ta' passiġġieri u merkanzija; tnedija ta' programm speċifiku li jwassal għal netwerk ferrovjarju Ewropew maħsub għat-trasport tal-merkanzija.

Din l-alternattiva ta' l-aħħar tidher li hija s-soluzzjoni li l-aktar tilħaq l-għan tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq. Madankollu, jeżisti r-riskju li jkun fiha wisq dimensjonijiet ( overdesigned ), li tkun tiswa wisq u li tkun tista' titwettaq biss fuq perjodu ta' żmien twil. Fid-dawl tar-riżultati ta' l-azzjonijiet diġà meħuda, jidher li l-ewwel alternattiva, dik li żżomm l-i status quo Komunitarju, mhijiex biżżejjed.

It-tieni alternattiva, li tkun tinkludi inizjattivi li l-għan tagħhom b'mod partikolari huwa li jenfasizzaw il-koordinament bejn l-amministraturi ta' l-infrastrutturi ta' l-Istati Membri differenti, u jinkoraġġixxu u jistabbilixxu qafas għall-ħolqien tal-kurituri, tidher li, fiż-żmien medju, twieġeb b'mod bilanċjat għall-għanijiet stabbiliti. Din l-alternattiva għandha tikkomplementa l-inizjattivi li għaddejjin diġà permezz ta' miżuri kemm leġiżlattivi, kif ukoll finanzjarji u politiċi. L-impenn finanzjarju meħtieġ huwa wkoll anqas minn dak li jkun jeħtieġ il-ħolqien ta' netwerk iddedikat. Għaldaqstant, il-ħtieġa li jiġu identifikati sorsi possibbli ta' finanzjament ma ġietx ikkunsidrata anqas. Dan ix-xogħol jista', fit-tul, iwassal għall-ħolqien ta' netwerk ferrovjarju parzjalment jew saħansitra totalment iddedikat għat-trasport tal-merkanzija.

3. ĦOLQIEN TA' NETWERK FERROVJARJU EWROPEW ORJENTAT LEJN IT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA L-AZZJONIJIET PROPOSTI

L-iżvilupp ta' kurituri transnazzjonali huwa approċċ possibbli biex jinħoloq netwerk Ewropew orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija. Dan għandu jikkomplementa l-proċess mibdi għat-twettiq ta' l-ERTMS billi jiffoka fuq il-problemi ta' ġestjoni u ta' tħaddim. Il-kurituri identifikati għandhom jikkombinaw infrastruttura b'qisien adegwati ma' l-implimentazzjoni ta' miżuri li jikkonċernaw il-ġestjoni u t-tħaddim tagħhom. L-identifikazzjoni u l-ħolqien tagħhom jitolbu azzjoni kemm min-naħa ta' amministraturi ta' l-infrastrutturi kif ukoll mill-Istati Membri u l-Komunità. L-intenzjoni hi li kull kuritur ikollu struttura responsabbli b'mod partikolari mill-ġestjoni tiegħu, mill-kontroll tal-kapaċitajiet ta' l-infrastruttura, mill-ġestjoni tal-kapaċitajiet ta' l-infrastrutturi b'mod ikkoordinat u aktar favorevoli għat-trasport tal-merkanzija, mill-għoti, fil-prinċipju, tal-prijorità lit-trasport tal-merkanzija f'każ ta' tfixkil, mit-titjib ta' l-aċċess għas-servizzi ferrovjarji anċillari u mill-kejl tal-prestazzjonijiet tas-servizz (ara wkoll l-Anness V, fejn tiġi speċifikata l-kwistjoni u l-għanijiet definiti s'issa għal kull wieħed mit-temi indikati hawn isfel). F'dan l-istadju, il-Kummissjoni bi ħsiebha tinkludi ċerti dispożizzjonijiet leġiżlattivi msemmija f'dan il-programm ta' azzjonijiet fil-proposta ta' riformulazzjoni tagħhom ta' l-ewwel pakkett ferrovjarju, ippjanata għall-2008.

3.1 Ħolqien ta' kuritur orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija

Il-frammentazzjoni eċċessiva fil-ġestjoni ta' l-infrastrutturi, minħabba fehmiet nazzjonali, tillimita l-effikaċja ta' l-investimenti finanzjarji u l-ġestjoni operattiva tat-traffiku internazzjonali. L-inizjattivi diġà meħuda fl-ambitu tal-programm TEN-T u t-twettiq ta' l-ERTMS jistħoqqilhom ikunu mmonitorjati u kkompletati. Il-kunċett ta' strutturi tal-kurituri, li għalihom ikun responsabbli l-Istati Membri u l-amministraturi ta' l-infrastrutturi se jippermetti koordinament aktar intens minn dak attwali tal-ġestjoni operattiva ta' l-infrastruttura, inkluż f'dawk li huma t-tariffi, iċ-ċirkolazzjoni tat-trejnijiet u l-identifikazzjoni tal-bżonn ta' investiment. Dawn l-istrutturi se jikkontribwixxu fl-ottimizzazzjoni ta' l-użu tar-riżorsi finanzjarji għal finijiet ta' investiment, fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u tekniċi mal-fruntieri, għal kontinwità aħjar tas-servizz ta' l-infrastrutturi bejn l-Istati Membri li minnhom jgħaddu u, ġeneralment, biex joffru servizz ta' aċċess sempliċi għall-operaturi tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bil-ferrovija.

Il-Kummissjoni se tipproponi definizzjoni ġuridika ta' l-istruttura ta' kurituri orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija li, b'mod partikolari, se tistabbillixxi r-regoli prinċipali dwar dan it-tip ta' kuritur.

Hija se tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-amministraturi ta' l-infrastruttra biex joħolqu kurituri transnazzjonali orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija. Kull Stat Membru għandu jipparteċipa f'talanqas struttura ta' kuritur waħda fl-2012.

Hija se teżamina s-sorsi ta' finanzjament possibbli għal attivitajiet ta' l-istrutturi tal-kuritur fi ħdan il-programmi eżistenti.

3.2 Kejl tal-kwalità tas-servizz tul kuritur

Jidher li l-kwalità għadha punt dgħajjef għat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u li l-klijenti tiegħu qed jitolbu għal iktar impenn u trasparenza f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni tqies li s-servizz tul in-netwerk ferrovjarju Ewropew orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija għandu jkun eżemplari f'dik li hi kwalità. It-titjib tal-kwalità tas-servizz ta' dan in-netwerk Ewropew għandu jkollu effett pożittiv fuq it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija in ġenerali. Il-kwalità miksuba fil-kurituri orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija jista', fuq perjodu ta' żmien twil, iservi ta' referenza għas-settur fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni se tipproponi, wara valutazzjoni ta' l-impatt, miżura leġiżlattiva dwar il-pubblikazzjoni ta' indikaturi tal-kwalità.

B'mod ġenerali, hija se tibqa' tħeġġeġ il-miżuri kollha maħsuba biex itejbu t-trasparenza ta' l-informazzjoni fil-qasam tal-kwalità tas-servizz tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija.

Qabel l-2008, hija se tippubblika rapport dwar il-miżuri meħuda mill-operaturi ferrovjarji biex itejbu l-kwalità tas-servizz tat-trasport tal-merkanzija tagħhom.

3.3 Kapaċitajiet ta' l-infrastruttura ta' kuritur

Attwalment ċerti reġjuni jinsabu saturati, l-aktar f'ċerti żoni ċentrali ta' l-Unjoni li jinsabu fuq ir-rotot prinċipali tat-trasport tal-merkanzija. L-istudji differenti dwar it-tbassir tat-traffiku ferrovjarju fl-Ewropa juru li aktarx madwar l-2020, se jfiġġu punti ta' konġestjoni ġodda u jidher li se jkunu problematiċi ħafna. Jekk dan il-fenomenu ma jintgħelibx b'mod adegwat, jista' jaggrava minħabba żieda fit-traffiku tul il-kurituri orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija. Min-naħa l-oħra, il-kompetittività tat-tagħbija tista' tiżdied billi jiżdiedu l-volumi li kull trejn jista' jġorr. Dan jitlob titjib fil-kapaċità ta' l-infrastruttura partikolarment fir-rigward ta' tul tat-trejnijiet, il-qies, it-tagħbija li jiflaħ il-fus u l-veloċità massima. Dawn l-elementi juru l-ħtieġa ta' investimenti kkoordinati u mmirati sew fil-kurituri orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija, bil-għan li t-traffiku fuqhom ikun kemm jista' jkun fluwidu u tiżdied il-kompetittività tal-ferrovija.

Il-Kummissjoni se titlob lill-istrutturi tal-kuritur biex ifasslu programm ta' investimenti bil-għan li jiġu eliminati l-punti ta' konġestjoni, jiġu armonizzati u mtejba l-kapaċitajiet ta' l-infrastruttura fir-rigward, partikolarment, ta' tul tat-trejnijiet u l-qies.

Hija se tistudja l-opportunità li testendi l-qafas ġuridiku Komunitarju biex jinkludi l-karatteristiċi tekniċi li l-kurituri orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija għandhom jirrispettaw.

Hija se eżamina s-sorsi possibbli ta' finanzjament ta' dawn l-investimenti fi ħdan il-programmi eżistenti.

3.4 Allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija: aktar koordinament u prijorità għat-trasport intenazzjonali tal-merkanzija

L-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija hija attwalment deċiża minn kull amministratur ta' l-infrastrutturi skond ir-regoli li jvarjaw bejn l-Istati Membri. Dawn id-differenzi jistgħu jikkonċernaw il-proċeduri ta' dan it-tip ta' allokazzjoni jew il-prijorità mogħtija lit-trasport tal-merkanzija fil-konfront ta' tipi oħra ta' traffiku. Soluzzjoni utli tkun l-armonizzazzjoni tar-regoli ta' allokazzjoni tal-mogħdijiet f'kull kuritur u, biex jinħoloq kuritur tassew orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija, l-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-kapaċitajiet tagħhom sabiex it-trasport tal-merkanzija, speċjalment dak internazzjonali, jibbenefika minn mogħdijiet effikaċi u affidabbli. Dan jista' jfisser, pereżempju, l-ippjanar komuni tad-distribuzzjoni tal-kapaċitajiet min-naħa ta' l-amministraturi kollha tal-kuritur, li tkun tqies l-ostakli lokali u nazzjonali fir-rigward tat-traffiku ta' passiġġieri, b'hekk tiġi ottimizzata l-ġestjoni ta' dawn il-kapaċitajiet bis-saħħa ta' koordinament internazzjonali mtejjeb. Barra minn hekk, biex it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija jsir aktar attraenti mal-klijenti tiegħu, jistgħu jiġu awtorizzati entitajiet oħra, li ma jkunux l-operaturi ferrovjarji, biex jitolbu mogħdijiet fuq in-netwerk orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja attwali diġà fiha miżuri li jirrigwardaw dawn l-aspetti. Jaqbel li jiġu ppreċiżati jew saħansitra msaħħa sabiex jistimulaw aktar il-koordinament bejn l-amministraturi ta' l-infrastrutturi u jtejbu l-ġestjoni tat-traffiku internazzjonali.

Il-Kummissjoni se tipproponi dispożizzjonijiet leġiżlattivi addizzjonali dwar l-allokazzjoni internazzjonali ta' mogħdijiet tal-ferrovija u dwar il-prijorità mogħtija lit-trasport internazzjonali tal-merkanzija.

Hija se tipproponi li tagħti l-possibilità lill-applikanti awtorizzati li jitolbu mogħdijiet tal-ferrovija fuq in-netwerk kollu orjentat lejn it-trasport tal-ferrovija.

Hija se tinkoraġġixxi l-amministraturi ta' l-infrastrutturi biex jipproponu aktar mogħdijiet internazzjonali effikaċi u jintensifikaw ix-xogħlijiet li diġà bdew fl-ambitu tar- RailNetEurope .

Hija se tiċċara l-kompetenzi ta' l-awtoritajiet regolatorji fir-rigward tat-traffiku internazzjonali u se tippromwovi l-iżvilupp tal-kooperazzjoni tagħhom.

3.5 Regoli ta' prijorità f'każ ta' tfixkil tat-traffiku

Kif deskritt fis-sezzjoni 2, jeżisti għadd ta' punti fin-netwerk li huma saturati regolarment. Oħrajn jistgħu jfiġġu fis-snin li ġejjin. Għal dawk ir-rotot li fihom il-merkanzija tiġi ddikjarata bħala prijoritarja, jeħtieġ li tiġi speċifikata l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-klassifikazzjoni prijoritarja tat-traffiku f'każ ta' tfixkil fil-linja. Fil-fatt, it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija ma jkunx jista' jtejjeb ir-rendiment u l-kwalità tiegħu jekk jibqa' mxekkel bid-diffikultajiet li xi kultant jistgħu jikkawżaw tipi oħra ta' traffiku, speċjalment, fil-viċinanzi ta' agglomerazzjonijiet kbar. Biex jilħaq dan, għandu jkollu mogħdijiet aktar affidabbli għad-dispożizzjoni tiegħu. Għal dan il-għan, ir-regoli ta' prijorità tul il-kurituri orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija għandhom ikunu armonizzati b'mod aħjar.

Il-Kummissjoni se tipproponi t-tisħiħ tal-miżuri leġiżlattivi eżistenti dwar il-prijorità tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija f'każ ta' tfixkil fin-netwerk.

Hija se titlob lill-istrutturi tal-kuritur u lill-amministraturi ta' l-infrastruttura kkonċernati biex jarmonizzaw ir-regoli ta' prijorità fl-infrastruttura kollha li tagħhom huma responsabbli.

3.6 Servizzi ferrovjarji anċillari (partikolarment terminals, stazzjonijiet tat-tqassim tal-merkanzija)

Is-servizzi ferrovjarji anċillari, it-terminals u l-istazzjonijiet tat-tqassim tal-merkanzija qabel kollox, jirrappreżentaw ħolqiet essenzjali fil-katina moderna tal-produzzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-miżuri maħsuba għall-koordinament u t-titjib ta' l-użu tal-kurituri orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija jiġu kkomplementati b'inizjattivi favur l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tat-terminals u ta' l-istazzjonijiet tat-tqassim tal-merkanzija tul in-netwerk orjentat lejn it-trasport tal-mekanzija. Biex dan l-iżvilupp iseħħ jeħtieġ li jiġu inkoraġġiti l-investimenti biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tat-terminals u ta' l-istazzjonijiet tat-tqassim tal-merkanzija, sabiex l-aċċess għalihom ikun aktar trasparenti u faċli għall-operaturi ferrovjarji kollha li jużaw il-kurituri. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji fil-portijiet u għall-ġestjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-istrutturi tal-kuritur u l-amministraturi ta' l-infrastruttura biex jistabbilixxu, flimkien ma' l-atturi kkonċernati, netwerk ta' terminals u stazzjonijiet tat-tqassim tal-merkanzija effikaċi u xierqa.

Hija se teżamina s-sorsi possibbli ta' finanzjament għall-iżvilupp ta' dan it-tip ta' infrastruttura fi ħdan il-programmi eżistenti.

Hija se teżamina l-possibilità li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi kkomplementata bil-għan li titjieb it-trasparenza u l-faċilità ta' aċċess għas-servizzi ferrovjarji anċillari.

4. MONITORAġġ TAL-MIżURI PROPOSTI

Dawn il-miżuri kollha se jiġu eżaminati fil-qafas ta' riflessjoni strutturata f'forma ta' grupp strateġiku magħmul, pereżempju, minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri, l-amministraturi ta' l-infrastrutturi u l-utenti ta' l-infrastruttura ferrovjarja. Il-mandat ta' dan il-grupp se jikkonsisti b'mod partikolari mid-definizzjoni tal-karatteristiċi tal-kurituri u l-identifikazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar, mill-ippreċiżar ta' liema miżuri leġiżlattivi u operattivi għandhom jiġu stabbiliti u mill-iffissar tal-kompetenzi u tar-responsabilitajiet ta' l-istrutturi ta' ġestjoni tal-kurituri. Dan il-grupp għandu jtemm xogħlu sa l-ewwel semestru ta' l-2008.

Ix-xogħlijiet rigward it-twettiq ta' l-ERTMS tul ir-rotot ferrovjarji Ewropej bi prijorità għat-trasport tal-merkanzija se jibqħgu taħt l-impuls tal-koordinatur Ewropew f'forma parallela u komplementarja ma' l-inizjattivi proposti f'din il-Komunikazzjoni.

Ta' minn wieħed jinnota li din il-Komunikazzjoni hija parti minn programm ta' ħidma tal-Kummissjoni li tiġbor fiha bosta azzjonijiet, uħud minnhom jikkontribwixxu ftit jew wisq direttament għall-ħolqien ta' netwerk Ewropew orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija. Dawn jinkludu:

- il-proposta leġiżlattiva dwar l-aċċettazzjoni reċiproka tal-vetturi ferrovjarji ( rolling stock );

- l-inizjattiva dwar it-tnaqqis tal-ħsejjes ferrovjarji;

- ir-riflessjoni dwar l-introduzzjoni ta' kuntratti multijannwali bejn l-amministraturi ta' l-infrastrutturi u l-Istati Membri;

- il-komunikazzjoni dwar il-pjan ta' azzjonijiet dwar il-loġistika fl-Ewropa;

- il-komunikazzjoni dwar l-Iskema ta' Monitoraġġ tas-Suq Ferrovjarju ( Rail Market Monitoring Scheme - RMMS);

- il-ħolqien ta' pjan ta' twettiq Ewropew għall-ERTMS;

- it-twettiq tan-netwerk TEN-T li jinkludi l-proġetti prijoritarji identifikati fid-Deċiżjoni 884/2004/KE;

- ix-xogħlijiet li għaddejjin dwar l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż esterni.

Bosta miżuri proposti jappellaw għal inizjattivi ta' l-Istati Membri u tal-partijiet interessati kollha tas-settur ferrovjarju u s-suċċess tal-pjan ta' azzjoni propost jiddependi minn jekk dawn ta' l-aħħar jissiħbux fil-proġett biex jinħoloq netwerk orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija u l-impenn attiv tagħhom biex dan jintlaħaq. Dan jiddependi wkoll mill-kontiwazzjoni ta' l-isforzi diġà mibdija, partikolarment fil-qasam ta' l-iżvilupp ta' l-interoperabilità teknika u s-simplifikazzjoni ta' l-operazzjonijiet amministrattivi u tekniċi mal-fruntieri bejn l-Istati Membri. Fl-aħħarnett, l-azzjoni Komunitarja favur il-ħolqien ta' netwerk ferrovjarju Ewropew ta' bażi għandha tiġi kkomplementata bl-inizjattivi meħuda mill-Istati, ir-Reġjuni u atturi pubbliċi u privati oħra favur l-iżvilupp tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fil-livelli reġjonali jew lokali.

[1] EU-25, f'termini ta' rendiment (tunnellati/km)

[2] L-Annessi huma miġbura fid-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni "Anness mal-Komunikazzjoni: Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija".

[3] Direttivi 2001/12, 2001/13 u 2001/14 tas-26 ta' Frar 2001. Ara r-rapport dwar l-implimentazzjoni ta' l-ewwel pakkett – COM(2006)189, tat-3 ta' Mejju 2006.

[4] Direttivi 2004/49/KE, 2004/50/KE, 2004/51/KE u Regolament 881/2004/KE tad-29 ta' April 2004.

[5] CER, The Future of Rail Freight in Europe

[6] It-trasport intermodali jirrappreżenta, f'volum, madwar 15% tat-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija,

[7] L-UIRR (Unjoni Internazzjonali tal-Kumpaniji tat-Trasport Ikkombinat ferrovija/triq) taċċetta tolleranza massima ta' 30 minuta tard.

[8] Definizzjoni tal-komodalità speċifikata fir-reviżjoni intermedja tal- White Paper dwar it-Trasport.

[9] COM (2006) 336 finali

[10] L-għan tat-TAF TSI u l-pjan ta' twettiq tagħha huwa l-iżvilupp ta' sistemi interoperabbli ta' ġestjoni ta' l-informazzjoni dwar it-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija.

[11] Europtirail huwa softwer żviluppat bl-għajnuna tal-Komunità minn grupp ta' amministraturi ta' l-infrastrutturi. Dan jippermettilhom isegwu f'ħin reali l-vjaġġi tat-trejnijiet internazzjonali.

[12] RNE, struttura maħluqa fuq inizjattiva ta' l-amministraturi ta' l-infrastruttura, tipproponi partikolarment mogħdijiet internazzjonali tal-ferrovija "diġà lesti" u tipprovdi one stop shop lill-operaturi għall-allokazzjoni ta' dawn il-mogħdijiet.

[13] Is-6 kurituri ERTMS huma : A (Rotterdam-Ġenova), B (Stokkolma-Napli), C (Antwerp-Basle-Lyon), D (Valencia-Lyon-Ljubljana-Budapest), E (Dresden-Praga-Budapest), F (Duisburg-Berlin-Varsavja).

Top