Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0524

It-tielet Rapport tal-Kummissjoni ibbażat fuq l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta' pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar in konnessjoni mad-dħul ta' l-euro {SEC(2007)1158}

/* KUMM/2007/0524 finali */

52007DC0524

It-tielet Rapport tal-Kummissjoni ibbażat fuq l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta' pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar in konnessjoni mad-dħul ta' l-euro {SEC(2007)1158} /* KUMM/2007/0524 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.9.2007

KUMM(2007) 524 finali

IT-TIELET RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

ibbażat fuq l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta' pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar in konnessjoni mad-dħul ta' l-euro {SEC(2007)1158}

IT-TIELET RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

ibbażat fuq l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta' pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar in konnessjoni mad-dħul ta' l-euro

1. Għan tad-deċiżjoni kwadru

Sabiex tkun żgurata protezzjoni kriminali msaħħa u armonizzata ta' l-euro fl-Unjoni Ewropea kollha, il-Kunsill adotta, fid-29 ta' Mejju 2000, id-deċiżjoni kwadru 2000/383/JAI[1] dwar li tiżdied il-protezzjoni ta' pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar in konnessjoni mad-dħul ta' l-euro li ġiet emendata mid-deċiżjoni kwadru 2001/888/JAI tas-6 ta' Diċembru 2001 [2] sabiex tiġi introdotta dispożizzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kundanni mogħtija mill-ġuriżdizzjonijiet ta' l-Istati Membri, biex tiġi stabbilita r-reċidività.

Wara r-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ta’ l-1929 dwar l-iffalsifikar tal-flus[3] diġà kien jeżisti ċertu grad ta’ omoġeneità bejn il-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri. L-għan speċifiku tad-deċiżjoni kwadru dwar l-euro jikkonsisti fit-tlestija tal-kriminalizzazzjonijiet effettivament previsti mill-Istati Membri skond il-Konvenzjoni ta’ l-1929, billi jiġu identifikati ċerti prattiki ripressivi li għandhom jiżdiedu ma’ l-iffalsifikar tal-flus proprju.

2. Għan tar-rapport

Skond l-Artikolu 11(2) tad-deċiżjoni kwadru, il-Kummissjoni adottat fit-13 ta’ Diċembru 2001 rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din[4], li tippreżenta fid-dettall l-obbligi differenti ta' traspożizzjoni previsti kif ukoll il-mod li bih l-Istati Membri kkonformaw magħhom rispettivament, Matul il-konklużjonijiet tiegħu dwar dan ir-rapport, il-Kunsill irrikonoxxa li l-għan tad-deċiżjoni kwadru fil-parti l-kbira tiegħu ntlaħaq. Huwa madankollu stieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi t-tieni rapport bl-għan li tkunu integrata l-informazzjoni kumplimentari li kienet għad trid tasal mill-Istati Membri. Fit-3 ta’ Settembru, il-Kummissjoni adottat it-tieni rapport[5]. Matul il-laqgħa tal-25-26 ta’ Ottubru 2004, il-Kunsill ħa nota tat-tieni rapport u, waqt li kkunsidra t-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea, stieden lill-Kummissjoni biex tħejji t-tielet rapport dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni kwadru inkluż l-Artikolu 9a.

Dan ir-rapport fih l-istat tal-progress tat-traspożizzjoni tad-deċiżjoni kwadru mill-15-il Stat Membru fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tat-tieni rapport, kif ukoll l-istat tal-leġiżlazzjoni tat-12-il Stat Membru ġdid. Fl-aħħarnett, dan ir-rapport iwassal għal evalwazzjoni dettaljata ta’ l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni kwadru mis-27 Stat Membru.

Il-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarji lill-Istati Membri kollha, skond il-partikularitajiet innutati matul ir-rapport preċedenti, ħlief lill-Ġermanja li kienet diġà forniet din l-informazzjoni. Għoxrin Stat Membru kkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi tagħhom skond id-deċiżjoni kwadru. Tmien Stat Membri (il-Bulgarija, l-Irlanda, Spanja, l-Italja, Malta, l-Olanda, ir-Rumanija u l-Finlandja) ma rrispondewx formalment għall-ittra mibgħuta mill-Kummissjoni. Madankollu, informazzjoni dwar il-leġiżlazzjonijiet tal-Bulgarija, ta’ Spanja, ta’ l-Italja, ta’ Malta u ta’ l-Olanda tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. L-informazzjoni riċevuta mill-Kummissjoni tvarja konsiderevolment mil-lat tal-kompjutezza. Ir-rapport kien madankollu stabbilit fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, li kienet ikkompletata bis-saħħa ta’ sorsi pubbliċi, meta dan kien neċessarju u possibbli.

3. Miżuri nazzjonali li jaraw li japplikaw id-deċiżjoni kwadru

3.1. Stat tal-progress tat-traspożizzjoni tad-deċiżjoni kwadru mill-15-il Stat Membru (anness - tabella 1)

3.1.1. Reati ġenerali – Artikolu 3

Wara l-emenda tal-Kodiċi Kriminali Spanjol, l-ipoteżi kollha koperti mill-Artikolu 3(1)(a), (b), u (c) tad-deċiżjoni kwadru huma punibbli. Barra dan, skond dispożizzjoni espliċita dwar l-iffalsifikar, il-parteċipazzjoni f’atti kriminali tikkostitwixxi reat. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni ta’ Spanja fiha dispożizzjoni espliċita sabiex tissanzjona att ta’ frodi li jikkonsisti f’li wieħed jiffabbrika, jirċievi jew jikseb strumenti u oġġetti oħra għall-fabbrikazzjoni ta’ flus foloz (Artikolu 3(1)(d)).

3.1.2. Reati addizzjonali – Artikolu 4

Il-Kodiċi Kriminali Spanjol jipprojbixxi l-fabbrikazzjoni bi frodi ta’ flus mingħajr referenza espliċita għall-użu ta’ faċilitajiet legali. Skond il-Kodiċi Kriminali Franċiż il-fabbrikazzjoni illegali tal-flus permezz ta’ faċilitajiet jew materjali legali fis-sens ta’ l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kwadru hija espressament projbita.

3.1.3. Sanzjonijiet – Artikolu 6

Il-leġiżlazzjonijiet tal-Finlandja u ta’ l-Iżvezja ma ġewx emendati. Għalhekk, dawn jipprevedu piena massima ta’ mill-inqas tmien snin biss fl-ipoteżi ta’ reati serji. Skond il-leġiżlazzjoni ta’ Spanja, il-piena mogħtija għall-atti li jikkostitwixxu reat kriminali skond l-Artikolu 3(1)(a) tad-deċiżjoni kwadru hija ta’ 8 sa 12-il sena.

3.1.4. Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi u sanzjonijiet – Artikoli 8 u 9

Il-leġiżlazzjonijiet ta’ Spanja, il-Lussemburgu u l-Awstrija jipprevedu responsabbiltà kriminali ġenerali għall-persuni ġuridiċi kull darba li waħda mill-entitajiet ta’ rappreżentazzjoni twettaq reat previst u punibbli b’liġi nazzjonali. Skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Awstrija, il-pieni mogħtija jikkonsistu f’multi kriminali. Għall-kuntrarju, il-leġiżlazzjonijiet ta’ Spanja u l-Lussemburgu jipprevedu l-għeluq temporanju jew definittiv ta’ l-impriża, l-istralċ tas-soċjetà, is-sospensjoni ta’ l-attivitajiet tagħha. Pieni oħra mhumiex previsti. Minkejja li l-Portugall bagħat risposta dwar it-traspożizzjoni tad-deċiżjoni kwadru, ma tinsab l-ebda informazzjoni rigward il-progress tal-ħidmiet fuq il-proġett leġiżlattiv dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi. B’konformità mar-risposta riċevuta, ir-Renju Unit mhux biħsiebu jadotta liġi speċifika biex jipprevedi l-kunċett ta’ responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi, meta jitqies li l-kunċett ta’ negliġenza tad-dritt ċivili tiegħu jippermetti li jirrispondi għall-Artikolu 8(2).

3.1.5. Applikazzjoni territorjali – Artikolu 10

L-awtoritajiet tal-Renju Unit ma kkomunikawx progress rigward l-abbozz ta’ Ordinanza li jimplimenta d-deċiżjoni kwadru f’Ġibiltà.

3.2. Stat tal-progress tat-traspożizzjoni tad-deċiżjoni kwadru mit-12-il Stat Membru (li ngħaqdu fl-2004 u fl-2007)

3.2.1. Ratifika tal-Konvenzjoni ta’ l-1929 – Artikolu 2 (anness – tabella 2)

Tmien Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja) ikkomunikaw li huma diġà partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Wara l-informazzjoni miġbura mis-servizzi tal-Kummissjoni l-Bulgarija u r-Rumanija rratifikaw ukoll il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra filwaqt li s-Slovenja tisab fil-proċess ta’ ratifika. Rigward Malta, ma ġiet fornita l-ebda informazzjoni.

3.2.2. Reati ġenerali – Artikolu 3 (tabella 3)

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kwadru, li jikkonċernaw l-elementi li jagħmlu parti mir-reati kriminali, ġew trasposti in ġenerali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tat-tnax-il Stat Membru. Iktar speċifikament, il-leġiżlazzjonijiet ta’ ħames Stati Membri (il-Bulgarija, Ċipru, il-Latvja, l-Ungerija u s-Slovakkja) isemmu espressament l-elementi kollha li jikkostitwixxu oġġettivament u suġġettivament (element intenzjonali) ir-reati previsti mill-Artikolu 3(1)(a) sa (d). Il-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri l-oħra fihom l-eċċezzjonijiet li ġejjin : Il-leġiżlazzjoni Litwana ma ssemmix id-“dħul fiċ-ċirkolazzjoni” iżda biss il-“bejgħ” tal-flus iffalsifikati. Il-leġiżlazzjonijiet ta’ seba’ Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja) ma jsemmux espressament l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-att li jinkisbu flus foloz bl-għan li jiddaħlu fiċ-ċirkolazzjoni. Il-leġiżlazzjonijiet tar-Repubblika Ċeka u tal-Polonja jikkastigaw din l-imġiba billi jistipulaw ir-responsabbiltà krimali espliċita għat-trasport. Barra dan, il-leġiżlazzjonijiet tal-Litwanja, Malta u r-Rumanija jikkastigaw din l-imġiba billi jistipulaw ir-resposabbiltà kriminali għall-pussess espressament previst. Fl-aħħarnett, il-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Estonja u l-Polonja ma jipprevedux espliċitament sanzjoni għall-att ta’ frodi li jikkonsisti f’li wieħed jiffabbrika, jirċievi jew jikseb strumenti u oġġetti oħra għall-fabbrikazzjoni ta’ flus foloz (Artikolu 3(1)(d)).

Ħdax-il Stat Membru (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja) indikaw li t-tħeġġiġ u t-tentattiv li jitwettqu l-atti definiti fl-Artikolu 3(1), kif ukoll il-parteċipazzjoni f’dawn l-atti, huma punibbli skond id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-parti ġenerali tal-Kodiċi kriminali. Barra minn dan, il-liġi Pollakka tipprevedi dispożizzjoni speċifika f’dak li jirrigwarda l-għajnuna u l-kopertura ta’ dak li jwettaq ir-reati msemmija f’paragrafu 1. Rigward Malta, ma ġiet fornita l-ebda informazzjoni.

3.2.3. Reati addizzjonali – Artikolu 4 (anness – tabella 4)

Id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 4, li jikkastiga b’sanzjonijiet kriminali l-fabrikazzjoni illegali ta’ flus permezz ta’ faċilitajiet jew materjal legali, ġiet trasposta fil-leġiżlazzjonijiet ta’ seba’ Stati Membri. Iktar preċiżament, tliet Stati Membri (il-Bulgarija, Ċipru u l-Litwanja) ikkonformaw ma’ dan l-Artikolu billi introduċew fil-leġiżlazzjoni kriminali tagħhom dispożizzjoni espliċita li tistabbilixxi bħala reat kriminali l-fabbrikazzjoni ta’ karti tal-flus u muniti bl-użu ta’ faċilitajiet legali bi ksur tad-drittijiet u l-kondizzjonijiet tal-ħruġ. Sitt Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja) jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu billi jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni bi frodi ta’ flus mingħajr referenza jew distinzjoni skond il-mezzi użati. L-awtoritajiet ta’ tliet Stati Membri (l-Estonja, l-Ungerija u r-Rumanija) ma fornewx informazzjoni dwar dan il-punt.

3.2.4. Flus mhux maħruġa intiżi għad-dħul fiċ-ċirkolazzjoni – Artikolu 5 (anness – tabella 4)

Skond il-leġiżlazzjonijiet ta’ seba’ Stati Membri (Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja u s-Slovakkja), il-kunċett ta’ flus foloz jikkonsisti espressament f’karti tal-flus u muniti li, għalkemm intiżi għad-dħul, għadhom ma nħarġux. Rigward il-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Ċeka, ġiet prevista dispożizzjoni speċifika fil-proposta għall-emenda tal-Kodiċi kriminali. Madankollu, l-ebda informazzjoni ma ġiet ikkomunikata dwar l-adozzjoni ta’ din il-modifika. L-awtoritajiet Sloveni indikaw li l-kriminalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kwadru hija effettivament skond l-Artikolu 217 tal-Kodiċi kriminali li jikkonċerna l-frodi. Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet tal-Bulgarija, l-Estonja u r-Rumanija ma fornewx informazzjoni dwar dan il-punt.

3.2.5. Sanzjonijiet – Artikolu 6 (anness – tabella 5)

Ħdax-il Stat Membru (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja), stabbilixxew pieni ta’ priġunerija li l-massimu jaqbeż it-tmien snin, b’konformità ma’ l-Artikolu 6(2) tad-deċiżjoni kwadru. Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-Litwanja tipprevedi piena massima ta’ mill-inqas tmien snin (10 snin f’każi speċifiċi) biss fl-ipoteżi ta’ reati ta’ “kwantità kbira” jew ta’ “valur kbir”. Il-leġiżlazzjoni ta’ l-Ungerija tirriżerva l-piena massima ta’ iktar minn 8 snin għall-iffabbrikar bi frodi ta’ karti tal-flus, waqt li l-muniti huma kkunsidrati bħala reat ta’ inqas importanza, u, għalhekk, punibbli b’piena massima ta’ priġunerija ta’ 5 snin. Fl-aħħarnett, il-leġiżlazzjoni ta’ l-Estonja tissanzjona l-iffalsifikar b’piena ta’ priġunerija massima ta’ 6 snin biss fil-każ ta’ reċidività jew ta’ ffalsifikar “fuq skala kbira”.

It-tnax il-Stat Membru kollha ħasbu għal pieni fir-rigward tal-kriminalizzazzjonijiet effettivament imwettqa, billi tqiegħdu fi grupp id-diversi każi ta’ kriminalizzazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kwadru. Tmien Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja) stipulaw ċirkostanzi aggravanti f’każ ta’ reat li jkun l-oġġett ta’ somma flus kbira jew li jsir f’organizzazzjoni kriminali. Seba’ Stati Membri (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja) stipulaw pieni speċifiċi iktar ħfief fl-ipoteżi li l-flus foloz jerġgħu jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni filwaqt li jkunu ġew irċevuti bħala flus mhux foloz. Din l-għażla tista’ tiġi ġġustifikata bil-prinċipju tal-proporzonalità tas-sanzjonijiet. Fl-aħħarnett, l-Istati Membri kollha indikaw li, għal dawn ir-reati, l-estradizzjoni hija possibbli.

3.2.6. Ġuriżdizzjoni – Artikolu 7

Disa’ Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja) ttrasponew l-obbligu li joħroġ minn din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-ebda informazzjoni dwar dan il-punt mhija disponibbli fir-rigward ta' tliet Stati Membri (il-Bulgarija, Malta u r-Rumanija).

3.2.7. Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi u sanzjonijiet – Artikoli 8 u 9 (anness - tabella 6)

Seba’ Stati Membri ttrasponew id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 8 u 9 tad-deċiżjoni kwadru. Iktar preċiżament, il-leġiżlazzjonijiet ta’ tliet Stat Membri (l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovenja) introduċew responsabbiltà kriminali ġenerali għall-persuni ġuridiċi kull darba li waħda mill-entitajiet ta’ rappreżentazzjoni twettaq reat previst u punibbli b’liġi nazzjonali, bħall-kodiċi kriminali. Il-leġiżlazzjonijiet ta’ erba’ Stati Membri (l-Estonja, Ċipru, il-Latvja u l-Litwanja) introduċew ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi speċifikament fir-rigward tar-reati fil-qasam ta’ l-iffalsifikar. Rigward il-pieni, il-leġiżlazzjonijiet ta’ ħames Stati Membri (l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja), stabbilixxew multi kriminali, skwalifiki u stralċ. Rigward l-Ungerija u s-Slovenja, il-pieni previsti ma’ ġewx ikkomunikati. Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka u tas-Slovakkja indikaw li abbozz leġiżlattiv dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi għal imġiba indikata mill-kodiċi kriminali għandha tiġi adottata. Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet tal-Bulgarija, Malta u r-Rumanija, ma fornewx informazzjoni rilevanti dwar dan il-punt.

3.3. Stat tal-progress tat-traspożizzjoni tad-deċiżjoni kwadru mis-27 Stat Membru fil-kwistjoni tar-reċidività – Artikolu 9a

Id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 9a, dwar ir-rikonoxximent tal-kundanni definittivi mogħtija mill-ġuriżdizzjonijiet ta' l-Istati Membri l-oħra għall-istabbiliment tar-reċidività mogħtija ġiet trasposta b'mod ġenerali minn dsatax-il Stat Membru. Iktar speċifikament, ħames Stati Membri (il-Belġju, Spanja, Franza, Ċipru u l-Olanda) jipprevedu espliċitament ir-rikonoxximent tal-kundanni mogħtija quddiem il-ġuriżdizzjonijiet ta’ l-Istati Membri l-oħra fil-qasam ta’ l-iffalsifikar, sabiex jiġi stabbilit każ ta’ reċidività li jaggrava l-piena. Il-leġiżlazzjonijiet ta’ tmien Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Greċja, l-Italja, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Portugall u s-Slovakkja) għandhom dispożizzjoni li fiha r-rikonoxximent espliċitu tal-kundanni barranin għall-istabbiliment ta’ żieda tal-piena mogħtija, fil-parti ġenerali tal-kodiċi kriminali, biex b’hekk tapplika għar-reati kollha. Il-leġiżlazzjonijiet ta’ ħames Stati Membri (il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, is-Slovenja u l-Iżvezja) ma jsemmux espliċitament il-kundanni barranin iżda, b’mod ġenerali, il-passat tal-persuna kkundannata bla distinzjoni speċifika b’tali mod li jkopru l-kundanni eventwali kollha. Barra dan, l-awtoritajiet Ġermaniżi hemżu mar-risposta tagħhom serje ta’ deċiżjonijiet tal-Qrati u Tribunali Ġermaniżi, biex jinvokaw il-ġurisprudenza stabbilita favur l-interpretazzjoni tagħhom. L-awtoritajiet ta’ l-Estonja indikaw li l-kundanni mogħtija mill-ġuriżdizzjonijiet ta’ l-Istati Membi l-oħra jittieħdu in kunsiderazzjoni mingħajr, madankollu, ma jikkomunikaw iktar dettalji jew it-test tal-leġiżlazzjoni applikabbli. L-awtoritajiet tal-Lussemburgu u tal-Polonja indikaw li din id-dispożizzjoni għadha mhix trasposta. Fl-aħħarnett, sitt Stati Membri (il-Bulgarija, l-Irlanda, Malta, ir-Rumanija, il-Finlandja u r-Renju Unit) ma fornewx informazzjoni rilevanti.

4. E VALWAZZJONI TA’ L-IMPLIMENTAZZJONI

4.1. Ratifika tal-Konvenzjoni ta’ l-1929 - Artikolu 2

Meta jitqiesu l-konklużjonijiet tat-tieni rapport, b’kollox 25 Stat Membru aderew mal-Konvenzjoni ta’ l-1929.

4.2. Reati ġenerali – Artikolu 3

Jekk jitqiesu wkoll il-konklużjonijiet tat-tieni rapport, jirriżulta li b’kollox 27 Stat Membru adottaw liġi sabiex espressament tittrasponi l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ġenerali ta’ l-iffalsifikar tal-flus definit fl-Artikolu 3(1)(a) u (b). B’konsegwenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-effett utli tad-deċiżjoni kwadru huwa żgurat.

Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-Litwanja tqis bħala reat kriminali l-“bejgħ”, kunċett idjaq miċ-“ċirkolazzjoni bi frodi ta’ flus foloz”. Madankollu, din ir-restrizzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala bla konsegwenzi prattiċi minħabba li l-att li jerġgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni l-flus irċevuti li ma kinux foloz jikkostitwixxi reat indipendenti.

Rigward l-Artikolu 3(1)(c), il-leġiżlazzjonijiet tar-Repubblika Ċeka u l-Polonja jistipulaw ir-responsabbiltà kriminali għat-trasport li, peress li huwa kunċett iktar ġenerali, ikopri l-kunċetti speċifiċi ta’ importazzjoni u esportazzjoni. Barra dan, il-leġiżlazzjonijiet tal-Litwanja, Malta u r-Rumanija jippenalizzaw din l-imġiba bil-kriminalizzazzjoni tal-pussess bl-għan taċ-ċirkolazzjoni, li minħabba n-neċessità loġika, tkopri l-importazzjoni u l-esportazzjoni. F’dan is-sens, l-effett utli tad-deċiżjoni kwadru huwa żgurat. Għall-kuntrarju ta’ dan, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri oħra (l-Estonja u s-Slovenja), għandu jiġi nnutat in-nuqqas ta’ l-awtoritajiet nazzjonali milli jittrasponu l-Artikolu 3(1)(c).

Jekk jitqiesu wkoll il-konklużjonijiet tat-tieni rapport, jirriżulta li, minn issa ’l quddiem, 25 Stat Membru ttrasponew b’mod korrett id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(1)(d), rigward ir-reati dwar il-proċessi intiżi fin-natura tagħhom għall-fabblikazzjoni tal-flus foloz. Il-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Estonja u tal-Polonja ma fihom l-ebda dispożizzjoni dwar dawn l-atti preparatorji u dan jikkostittwixxi nuqqas ta’ traspożizzjoni.

Jekk jitqiesu wkoll il-konklużjonijiet tat-tieni rapport, joħroġ li issa 26 Stat Membru daħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ġenerali bl-għan tal-parteċipazzjoni fi u t- tħeġġiġ ta’ l-attivitajiet imsemmijin qabel, kif ukoll it-tentattiv li jitwettqu dawn l-attivitajiet, b’konformità ma’ l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kwadru.

4.3. Reati addizzjonali – Artikolu 4

Meta jitqiesu l-konklużjonijiet tat-tieni rapport, 23 Stat Membru jissanzjonaw il-fabbrikazzjoni illegali tal-flus permezz tal-faċilitajiet legali fis-sens ta’ l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kwadru. Madankollu, parti kbira ta’ l-Istati Membri jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu billi jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni bi frodi ta’ flus mingħajr referenza jew distinzjoni skond il-mezzi użati.

Ikun tajjeb li l-Istati Membri kollha jadottaw dispożizzjonijiet espliċiti li jinkriminaw il-fabbrikazzjoni tal-flus permezz ta’ faċilitajiet legali. Fil-fatt, ir-reat imsemmi fl-Artikolu 4 jista’ jitwettaq biss minn aġenti ta’ l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom id-dritt jużaw il-faċilitajiet legali. B’hekk, f’ċerti ordnijiet ġuridiċi l-atti mwettqa jistgħu jkunu kkwalifikati wkoll bħala abbuż ta’ awtorità ta’ uffiċjali b’karatteristiċi ta’ “delictum proprium” , jiġifieri ta’ reat li jista’ jitwettaq biss minn kategorija waħda ta’ persuni. Minħabba li dan ir-reat huwa differenti sew mill-iffalsifikar, il-pieni wkoll jistgħu jkunu differenti. Minkejja li l-formulazzjoni mhux differenzjata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali huma meqjusa sodisfaċenti għal evalwazzjoni tat-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni kwadru, ir-rekwiżit taċ-ċarezza legali jimponi l-adozzjoni tal-kriminalizzazzjonijiet nazzjonali espliċiti.

4.4. Flus li għadhom ma nħarġux u li huma intiżi biex jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni - Artikolu 5

L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiddefinixxi l-element oġġettiv ta’ l-iffalsifikar b’mod li tinkludi l-flus li għadhom ma ħarġux. Klassifikazzjoni mod ieħor ta’ dawn l-atti (il-leġiżlazzjoni tas-Slovenja) tneħħi l-effett utli tad-dispożizzjoni. B’kollox, tnejn u għoxrin Stat Membru issa għandhom leġiżlazzjoni konformi ma’ l-Artikolu 5(b) tad-deċiżjoni kwadru.

4.5. Sanzjonijiet – Artikolu 6

Jekk jitqiesu wkoll il-konklużjonijiet tat-tieni rapport, b’kollox, 26 Stat Membru huma konformi ma’ l-Artikolu 6(2), skond liema r-reati tal-fabbrikazzjoni jew it-tibdil tal-flus previsti fl-Artikolu 3(1)(a), għandhom ikunu kkastigati b’piena ta’ priġunerija bi żmien massimu ta’ mhux inqas minn 8 snin. Il-leġiżlazzjonijiet tal-Finlandja, l-Iżvezja u l-Litwanja, minkejja li jżidu kriterju restrittiv għall-applikazzjoni tal-piena massima (serjetà tar-reat), ma jnaqqsux l-effikaċja ta’ l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni kwadru. Fil-fatt, il-qrati nazzjonali kompetenti ser jagħtu l-piena massima biss f’każ ta’ reat serju. Mingħajr ma jiġi rreġistrat nuqqas ta’ traspożizzjoni f’dan il-każ preċiż, ta’ min jinnota li fid-dawl ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet il-kundanna għall-piena massima tista’ tidher bħala eċċezzjonali.

Il-leġiżlazzjonijiet ta' l-Estonja u ta' l-Ungerija, li jipprevedu, rispettivament, piena massima ta' 6 snin u ta' 5 snin (għall-muniti) mhumiex konformi mal-kriterji tad-deċiżjoni kwadru.

Minbarra dawn l-eċċezzjonijiet li jikkonċernaw il-pieni massimi, jidher li l-leġiżlazzjonijiet tas-27 Stat Membru pprevedew li l-kriminalizzazzjonijiet proposti mid-deċiżjoni kwadru ser ikunu kkastigati b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi.

4.6. Ġuriżdizzjoni – Artikolu 7

B’kollox, erbgħa u għoxrin Stat Membru jikkonformaw ma’ l-Artikolu 7.

4.7. Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi u sanzjonijiet – Artikoli 8 u 9

Jekk jitqiesu wkoll il-konklużjonijiet tat-tieni rapport, 20 Stat Membru jikkonformaw globalment mad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi. Ir-Repubblika Ċeka, il-Portugall u s-Slovakkja ma ħadux il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ l-Artikoli 8 u 9 tad-deċiżjoni kwadru. Ir-Renju Unit ma mmodifikax il-leġiżlazzjoni tiegħu minkejja li din mhijiex konformi ma’ l-obbligu li tkun prevista r-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi. Fil-fatt, il-prinċipju tal-ħtija skond id-dritt ċivili jista’ jiġġustifika l-ħlas ta’ danni u interessi lill-parti ċivili permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti iżda ma jikkostitwix piena fis-sens ta’ l-Artikoli 8 u 9 tad-deċiżjoni kwadru. Barra dan, il-fabbrikazzjoni bi frodi tal-flus huwa ta’ ħsara għall-interess ġenerali u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ma ssir ħsara lill-ebda interess privat.

Rigward is-sanzjonijiet, il-leġiżlazzjonijiet ta’ Spanja u tal-Lussembrugu ma pprevedewx multi filwaqt li, skond l-Artikolu 9, dawn huma neċessarji. Fil-fatt, dawn il-pajjiżi ħasbu għal sanzjonijiet li jikkumplimentaw fis-sens tad-deċiżjoni kwadru, jew is-sospensjoni jew ix-xoljiment tal-persuna ġuridiċi.

4.8. Reċidività - Artikolu 9a

Fir-rigward tal-Greċja, il-kundanni barranin jitqiesu jekk jitilgħu għal numru ta’ tlieta u jekk il-piena tkun ingħatat f’pajjiż barrani, anke jekk parzjalment. Dawn il-kondizzjonijiet mhumiex kompatibbli ma’ l-għan tad-deċiżjoni kwadru, minħabba li jiddikkjaraw ir-rikonoxximent tar-reċidività b’mod iktar strett milli skond it-test ta’ l-Artikolu 9a. Fir-risposta tagħhom, l-awtoritajiet Griegi indikaw li ser tinbeda modifika ta’ l-Artikoli applikabbli sabiex jikkonformaw għal kollox ma’ l-Artikolu 9a.

Fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri li jirreferu b’mod ġenerali għall-passat tal-persuna kkundannata bla distinzjoni, għandu jiġi osservat li dawn id-dispożizzjonijiet legali ma jikkontradixxux il-punti ewlenin tad-deċiżjoni kwadru. Madankollu, iċ-ċertezza legali (element meħud in kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-traspożizzjoni effettiva) tkun ikbar kieku l-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri tiġi emendata sabiex issemmi espressament dawn il-kundanni bħala li jikkostitwixxu reċidività. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ referenza espliċita għal kundanna mogħtija minn tribunal ta’ Stat Membru ieħor jista’, fil-prattika, iwassal biex dawn il-kundanni ma jittieħdux in kunsiderazzjoni.

5. Konklużjonijiet

5.1. Konklużjonijiet ġenerali

It-traspożizzjoniji tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kwadru tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta' pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar in konnessjoni mad-dħul ta' l-euro hija kkusidrata bħala globalment sodisfaċenti, minkejja ċerti każi ta’ nuqqas fir-rigward tat-traspożizzjoni. Fil-fatt, il-kriminalizzazzjonijiet u s-sanzjonijiet tad-deċiżjoni kwadru ġew introdotti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri. Għalhekk, il-protezzjoni ta’ l-euro ġiet stabbilita fuq il-livell ta’ l-effiċjenza u l-effikaċja mitluba mid-deċiżjoni kwadru. Id-deċiżjoni kwadru għalhekk laħqet l-għan imfittex u jonqos biss l-adozzjoni ta’ numru żgħir ta’ miżuri nazzjonali għall-implmentazzjoni sħiħa.

5.2. Konklużjonijiet speċifiċi

Iktar preċiżament, id-deċiżjoni kwadru laħqet l-għanijiet b’mod partikolari fuq il-punti l-aktar importanti. B’hekk, l-atti frodulenti tal-fabbrikazzjoni jew it-tibdil tal-flus, kif ukoll il-fatt li jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni, jikkostittwixxu reati fl-ordnijiet ġuridiċi ta’ l-Istati Membri kollha. L-att li jiġu importati, esportati jew trasportati flus foloz huwa wkoll issanzjonat espressament skond il-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjonijiet. Ċerti ordnijiet ġuridiċi jikkriminalizzaw din l-imġiba permezz ta’ kunċetti ta’ trasport jew pussess. Il-pieni stabbiliti biex jissanzjonaw l-imġiba imputata, minkejja li huma eteroġeni jikkorrispondu mal-kriterji stabbiliti mid-deċiżjoni kwadru, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ Stati Membri. Barra dan, il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri stabbiliet il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi. Fl-aħħarnett, skond il-leġiżlazzjoni tal-maġġoranza ta’ l-Istati Membri, il-kundanni definittivi mogħtija mill-ġuriżdizzjonijiet ta’ Stati Membri oħra jittieħdu in kunsiderazzjoni f’każ ta’ reċidività.

Minkejja din il-konklużjoni ġenerali sodisfaċenti, id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kwadru mhumiex introdotti għal kollox fl-ordnijiet ġuridiċi ta’ l-Istati Membri kollha, b’mod li nuqqas ta’ traspożizzjoni għandu jiġi nnutat f’ċerti każi preċiżi. Għat-traspożizzjoni sħiħa tad-deċiżjoni kwadru, joħroġ li huwa neċessarju li l-emendi li ġejjin isiru fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fl-Istati Membri. Il-preżentazzjoni ta’ l-emendi neċessarji hija mwettqa skond l-ordni tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kwadru.

Artikolu 2

Is-Slovenja għandha tirratifika l-Konvenzjoni internazzjonali għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-flus konkluża f'Ġinevra fl-20 ta' April 1929.

Artikolu 3

Il-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Estonja u tas-Slovenja għandhom jistipulaw ir-responsabbiltà kriminali għat-trasport, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-flus foloz.

Il-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Estonja u tal-Polonja għandhom jistupulaw ir-responsabbiltà kriminali għall-atti frodulenti tal-fabbrikazzjoni u ta’ l-irċeviment ta’ strumenti intiżi għall-fabbrikazzjoni tal-flus foloz.

Artikolu 4

Il-leġiżlazzjoni ta’ Spanja għandha tistipula r-responsabbiltà kriminali għall-fabbrikazzjoni illegali tal-flus permezz ta’ faċilitajiet jew materjali legali.

Artikolu 5

Il-leġiżlazzjonijiet tar-Repubblika Ċeka u tas-Slovenja għandhom jistipulaw ir-responsabbiltà kriminali għall-iffalsifikar tal-flus mhux maħruġa intiżi biex jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni.

Artikolu 6

Il-leġiżlazzjoni ta’ l-Ungerija għandha tipprevedi piena ta’ priġunerija ta’ tul massimu ta’ għall-inqas 8 snin f’każ ta’ ffalsifikar ta’ muniti.

Il-leġiżlazzjoni ta’ l-Estonja għandha tipprevedi piena ta’ priġunerija ta’ tul massimu ta’ għall-inqas 8 snin, indipendentement minn każ ta’ reċidività jew ta’ ffalsifikar fuq skala kbira.

Artikoli 8 u 9

L-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u r-Renju Unit għandhom jadottaw miżuri neċessarji għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi sabiex jikkonformaw ma’ l-Artikoli 8 u 9 tad-deċiżjoni kwadru.

Il-leġiżlazzjonijiet ta’ Spanja u l-Lussemburgu għandhom ukoll jipprevedu multi bħala sanzjonijiet f’każ ta’ responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi.

Artikolu 9a

Il-leġiżlazzjonijiet tal-Ġreċja, il-Lussemburgu u l-Polonja għandhom jipprevedu r-rikonoxximent tal-kundanni maħruġa quddiem il-qrati ta’ l-Istati Membri l-oħra bħala li jikkostitwixxu reċidività.

5.3. Komunikazzjoni ta' informazzjoni komplimentari

L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri li ġejjin għandhom jikkomunikaw lis-servizzi tal-Kummissjoni l-informazzjonijiet dwar il-punti li ġejjin:

Il-Bulgarija

Kriminalizzazzjoni ta’ l-iffalsifikar tal-flus mhux maħruġa (Artikolu 5), responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi (Artikoli 8 u 9) u reċidività internazzjonali (Artikolu 9a).

L-Estonja

Kriminalizzazzjoni tal-fabbrikazzjoni illegali tal-flus permezz ta’ faċilitajiet legali (Artikolu 4) u kriminalizzazzjoni ta’ l-iffalsifikar tal-flus mhux maħruġa (Artikolu 5).

L-Irlanda

Reċidività internazzjonali (Artikolu 9a).

L-Ungerija

Kriminalizzazzjoni ta’ l-iffalsifikar tal-flus mhux maħruġa (Artikolu 5).

Malta

Ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, kompetenza tal-qrati nazzjonali b’konformità ma’ l-Artikolu 7, responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi (Artikoli 8 u 9) u reċidività internazzjonali (Artikolu 9a).

Il-Portugall

Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi (Artikoli 8 u 9).

Ir-Rumanija

Kriminalizzazzjoni tal-fabbrikazzjoni illegali tal-flus permezz ta’ faċilitajiet legali (Artikolu 4) u kriminalizzazzjoni ta’ l-iffalsifikar tal-flus mhux maħruġa (Artikolu 5), responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi (Artikoli 8 u 9) u reċidività internazzjonali (Artikolu 9a).

Il-Finlandja

Reċidività internazzjonali (Artikolu 9a).

L-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom jinformaw lis-servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-reċidività internazzjonali (Artikolu 9a) u l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kwadru f’Ġibiltà.

[1] Id-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta' pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar in konnessjoni mad-dħul ta' l-euro (ĠU L 140/1 ta' l-14 ta' Ġunju 2000, p.1).

[2] Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2001 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/JHA dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta’ pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar in konnessjoni mad-dħul ta’ l-euro (ĠU L 329 ta’ l-14 ta’ Diċembru 2001, p. 3).

[3] Skond l-Artikoli 23 tal-Konvenzjoni ta’ l-1929, ir-ratifika tagħha minn Stat jimplika li l-leġiżlazzjoni u l-organizzazzjoni amministrattiva tagħha huma konformi mar-regoli tal-Konvenzjoni.

[4] COM (2001) 771 finali.

[5] COM (2003) 532 finali.

Top