Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0375

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar il-Valutazzjoni Interim tal-Programm Erasmus Mundus 2004-2008

/* KUMM/2007/0375 finali */

52007DC0375

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar il-Valutazzjoni Interim tal-Programm Erasmus Mundus 2004-2008 /* KUMM/2007/0375 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 2.7.2007

KUMM(2007) 375 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar il-Valutazzjoni Interim tal-Programm Erasmus Mundus 2004-2008

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar il-Valutazzjoni Interim tal-Programm Erasmus Mundus 2004-2008

WERREJ

1. Daħla 3

2. Sfond għall-valutazzjoni esterna 3

3. Valutazzjoni esterna 3

3.1. Kondizzjonijiet tal-valutazzjoni 3

3.2. Metodoloġija 4

3.3. Sejbiet ta’ min għamel il-valutazzjoni 4

3.3.1. L-Aspetti finanzjarji 4

3.3.2. Valur miżjud Ewropew 5

3.3.3. Rilevanza 5

3.3.4. Effettività u impatt 5

3.3.5. Effiċjenza u effettività fl-infiq 6

3.3.6. Utilità, valur miżjud u sostenibblità 7

4. Rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-valutazzjoni esterna u kummenti mill-Kummissjoni 7

4.1. Tfassil tal-programm 7

4.2. Immaniġġjar tal-programm 9

4.3. Iffinanzjar tal-programm 10

5. Konklużjonijiet tal-Kummissjoni 11

Annessi Statistiċi dwar figuri ta’ l-applikazzjoni u l-għażla 12

1. DAħLA

Dan ir-rapport huwa ppreżentat skond l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2317/2003/KE[1] tal-5 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi l-Programm Erasmus Mundus, li jirrikjedi li ssir valutazzjoni interim tal-programm. Ir-rapport iressaq il-pożizzjoni Komunitarja dwar il-koklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenija tal-Valutazzjoni Interim tal-programm li jistgħu jinkisbu permezz tal-link: http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/evalreports/index_en.htm.

Dawn il-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet huma bbażati fuq stħarriġiet estensivi tal-parteċipanti Erasmus Mundus u l-partijiet interessati ewlenin, li r-riżultati dettaljati tagħhom jinsabu fl-anness għar-rapport ta’ Valutazzjoni Interim.

2. SFOND GħALL-VALUTAZZJONI ESTERNA

L-Erasmus Mundus huwa programm ta' kooperazzjoni u ta' mobbilità fil-qasam ta' l-edukazzjoni terzjarja li huwa maħsub biex jippromwovi lill-Unjoni Ewropea bħala ċentru ta' eċċellenza fit-tagħlim fid-dinja kollha. Jimmira lejn l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ Korsijiet Ewropej ta’ Masters ta’ kwalità għolja u biex isaħħaħ il-viżibbiltà u l-attraenza ta’ l-edukazzjoni terzjarja Ewropea ġewwa pajjiżi terzi. Il-programm għandu, bħala objettiv strateġiku tiegħu, li jsaħħaħ il-kwalità ta’ l-edukazzjoni terzjarja fl-Ewropa u li jippromwovi l-konoxxenza interkulturali permezz ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

L-objettivi speċifiċi tal-programm huma li: jippromwovi l-kwalità u l-eċċellenza ta’ l-edukazzjoni terzjarja Ewropea; jinkuraġġixxi l-mobbilità lejha ta’ studenti u akkademiċi ggradwati minn pajjiżi terzi; isaħħaħ il-kooperazzjoni strutturata ġewwa istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni terzjarja ta’ pajjiżi terzi; isaħħaħ il-profil, il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ l-edukazzjoni terzjarja Ewropea fid-dinja.

Il-programm għandu erba’ Azzjonijiet ewlenija. Dawn huma: Azzjoni 1 – Korsijiet Masters Erasmus Mundus, li jinkludi kosijiet f’livell ta’ masters li huma offruti minn mhux inqas minn tliet universitajiet fi tliet pajjiżi Ewropej differenti; Azzjoni 2 – boroż ta’ studju Erasmus Mundus għal studenti u għal akkademiċi minn pajjiżi terzi; Azzjoni 3 – Partenarjati ma’ istituzzjonijiet ta’ l-edukazzjoni terzjarja, li jinkludu boroż ta’ studju għal studenti u akkademiċi minn pajjiżi ta’ l-UE għall-mobbiltà lejn pajjiżi terzi; Azzjoni 4 – Proġetti lejn it-tisħiħ ta’ l-attraenza mad-dinja kollha ta’ l-edukazzjoni terzjarja Ewropea.

3. VALUTAZZJONI ESTERNA

3.1. Kondizzjonijiet tal-valutazzjoni

Wara sejħa għall-proposti[2], iċ-Ċentru għas-Servizzi Strateġiċi u ta’ Valutazzjoni (CSES – Centre for Strategy & Evaluation Services ) ġie magħżul sabiex iwettaq il-valutazzjoni. L-ambitu tal-valutazzjoni interim kien il-perjodu 2004-2006, li matulu saru għadd ta’ sejħiet għall-proposti għall-implimentazzjoni tal-programm. Filwaqt li l-Kosijiet tal-Masters ta’ l-Erasmus Mundus, il-boroż ta’ studju u “l-proġetti għall-attraenza” (Azzjonijiet 1, 2 u 4) bdew fis-sena akkademika 2004-2005, il-Partenarjati (Azzjoni 3) bdew sena wara fl-2005-2006.

L-objettivi tal-valutazzjoni interim kienu: l-indirizzar tar-rilevanza u l-utilità, l-effiċjenza, l-effettività, is-sostenibbiltà u l-Valur Miżjud Komunitarju tal-programm; u biex tipprovdi lill-Kummissjoni bir-rakkomandazzjonijiet dwar kif l-intervent loġiku, l-objettivi, id-disinn, l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-impatt tal-programm jistgħu jisaħħu aktar.

3.2 . Metodoloġija

Il-metodoloġija kienet tinkludi riċerka dokumentata tal-letteratura rilevanti; stħarriġ ta’ l-istituzzjonijiet li jipparteċipaw fil-Korsijiet tal-Masters Erasmus Mundus, il-Partenarjati u l-proġetti għall-attraenza (Azzjonijiet 1,3 u 4), kif ukoll tal-pajjiżi terzi parteċipanti u l-istudenti u l-akkademiċi ta’ l-UE; kif ukoll intervisti mal-partijiet interessati ewlenin, inkluża l-Kummissjoni, , l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Audioviżjoni u l-Kultura (EACEA), l-Istrutturi Nazzjonali Erasmus Mundus u l-parteċipanti fl-erba' Azzjonijiet tal-programm.

3.3. Sejbiet ta’ min għamel il-valutazzjoni

Jidher li fuq kollox il-programm Erasmus Mundus 2004-2008 kellu bidu pożittiv ħafna. Il-programm iġġenera entużjażmu ġenwin fost l-istudenti u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni terzjarja (“HEIs”), li jissuġġerixxi rilevanza għolja għall-bżonnijiet identifikati. Il-programm ġie meqjus mill-HEIs bħala wieħed li jżid il-valur permezz ta’ ħafna modi, pereżempju billi jippromwovi l-għoti ta’ lawrji konġunti, doppji u multipli bejn l-HEIs f’pajjiżi differenti, skond l-objettivi “tal-proċess ta’ Bologna” fit-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fil-promozzjoni tal-mobbilità msaħħa.

L-Erasmus Mundus beda wkoll jagħti kontribut lejn il-promozzjoni ta’ l-eċċellenza akkademika fl-Edukazzjoni terzjaraja, partikolarment billi jinkuraġġixxi l-HEIs Ewropej sabiex isaħħu l-kooperazzjoni u x-xogħol konġunt ma’ HEIs oħrajn li huma meqjusa “ta’ klassi dinjija” f’dixxiplini partikolari. Bl-istess mod, mill-perspettiva ta’ l-istudenti, medda wiesa ta’ benefiċċji ġew identifikati, inklużi l-benefiċċji ta’ żvilupp personali li jinħolqu mill-esponiment għal kulturi u lingwi ġodda u l-benefiċċji akkademiċi ta’ studju fil-Kors tal-Masters li huwa dimostrazzjoni ta’ l-eċċellenza akkademika.

B’ħarsa ’l quddiem, il-parteċipazzjoni fl-Erasmus Mundus ġiet ukoll ikkunsidrata bħala waħda li potenzjalment twassal għall-benefiċċji għall-istudenti fit-termini ta’ l-iżvilupp fil-karriera futura tagħhom. Madanakollu, meta wieħed iqis li l-programm beda biss fl-2004, l-impatt tiegħu fuq il-prospetti ta' impjegar ta' l-istudenti potenzjali għad irid jiġi vvalutat permezz ta' studji lonġitudinali tad-destinazzjonijiet għall-persuni ggradwati ta' l-Erasmus Mundus (studju inizjali ta’ rintraċċar ser jingħata bidu fil-futur qrib f’dan ir-rigward).

3.3.1. L-Aspetti finanzjarji

Il-programm Erasmus Mundus ġie allokat baġit ta’ 230m euro għall-perjodu 2004-2008. L-iffinanzjar supplimentari ta’ 57.3m euro sar disponibbli fis-snin 2005-2007 permezz ta’ l-“ Asian Windows ”, kif ukoll 8.8m euro fis-sena 2007 permezz ta’ l-“ ACP Window ” u l-“ Western Balkans Window ”. Dawn huma pakketti finanzjarji li jiffinanzjaw l-għoti ta’ boroż ta’ studju addizzjonali għal studenti minn pajjiżi speċifiċi li ġew allokati permezz tal-baġit għall-għajnuna esterna ta’ l-UE. B’konsegwenza ta’ dan, il-baġit totali ta’ 296.1 m euro huwa disponibbli għall-perjodu ta’ l-ipprogrammar 2004-2008.

Il-pakkett finanzjarju globali għall-programm ippermetta l-iffinanzjar ta’ għadd ta’ korsijiet u boroż ta’ studju ta’ kwalità għolja li kienu f’konformità ma’ l-aspettattivi inizjali[3]. Madanakollu, id-domanda għal korsijiet, kif ukoll għall-boroż ta’ studju, żdiedu matul il-perjodu li kien qed jiġi rrivedut u kienet ta’ livell għoli biżżejjed biex tiġġustifika fondi addizzjonali fil-ġejjieni. Pereżempju, għall-Korsijiet ta’ l-Erasmus Mundus u l-proġetti ta’ attraenza (Azzjonijiet 1 u 4), madwar 1 minn 7 applikazzjonijiet kellhom suċċess bejn l-2004 u l-2006, filwaqt li għall-Partenarjati (Azzjoni 3) madwar żewġ terzi ta’ l-applikazzjonijiet saru b’suċċess. Aktar minn hekk, fl-2007 madwar 1 minn 7 applikazzjonijiet għall-boroż ta’ studju (Azzjoni 2) saru b’suċċess, li jissuġġerixxi li l-kompetizzjoni fost l-istudenti mill-pajjiżi terzi għall-dawn il-boroż ta’ studju kienet għolja. Aktar minn hekk, assorbiment mingħajr problemi tal-“ Windows ” jissuġġerixxi li pakkett finanzjarju ikbar seta’ ġie assorbit mingħajr ebda diffikoltà u b’żieda sinifikanti fl-impatt għall-programm.

3.3.2. Valur miżjud Ewropew

Wieħed mill-elementi ewlenin tal-programm Erasmus Mundus hija l-kondizzjoni ta’ inklużjoni ta’ dimensjoni transnazzjonali qawwija fil-Korsijiet tal-Masters, flimkien ma’ mobbilità f’żewġ pajjiżi differenti ta’ l-UE li tkun komponent integrali. Il-parteċipanti u l-partijiet interessati b’hekk stmaw ħafna lill-Erasmus Mundus fir-rigward tal-Valur Komunitarju Miżjud. Il-koerenza mill-qrib bejn l-Erasmus Mundus u l-objettivi tal-proċess ta’ Bologna (pereżempju, permezz tal-promozzjoni tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, il-mobbiltà, il-lawrji konġunti u l-kooperazzjoni Ewropea fl-assikurazzjoni tal-kwalità) jissuġġerixxu wkoll il-Valur Miżjud Komunitarju.

3.3.3. Rilevanza[4]

Il-kuntest politiku ma nbidilx radikalment minn meta tfasslet il-proposta għall-perjodu ta’ l-ipprogrammar ta’ l-2004-2008. Il-loġika ta’ intervent b’hekk tibqa’ rilevanti minn perspettiva politika (it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fil-kamp ta’ l-edukazzjoni terzjarja, it-tisħiħ fid-djalogu interkulturali, il-promozzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ korsijiet integrati li jwasslu għall-għoti ta’ lawrji konġunti, doppji jew multipli fuq livell Ewropew f’konformità ma’ l-objettivi tal-proċess ta’ Boloġna) u fl-indirizzar tal-ħtiġijiet identifikati tal-benefiċjarji tal-programm (istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni terzjarja u studenti u akkademiċi mill-Ewropa kif ukoll minn pajjiżi terzi).

Hemm konnessjonijiet qawwijin bejn l-Erasmus Mundus u l-istrateġija ta’ Liżbona, l-iktar fl-aġenda għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010, u fil-proċess ta’ Bologna, li jenfasizza l-ħtieġa li jinfetħu s-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ lejn dinja iktar wiesgħa bħala parti mir-rispons Komunitarju għall-isfidi u l-opportunitajiet ippreżentati mill-globalizzazzjoni. L-Ewropa għandha tikkompeti f’ambjent fejn l-għadd ta’ studenti internazzjonali qed jikber b’mod mgħaġġel u fejn il-kompetizzjoni għal dawn l-istudenti qed tintensifika.

3.3.4. Effettività u impatt[5]

L-eżiti sa l-aħħar ta’ l-2006 kienu dawn li ġejjin: 80 Kors tal-Master Erasmus Mundus (Azzjoni 1); 2,325 borża ta’ studju għal studenti ġejjin minn pajjiżi terzi (Azzjoni 2); 19-il Partnerarjat (Azzjoni 3); 23 proġett ta’ attraenza (Azzjoni 4)[6]. Ir-rati ta' parteċipazzjoni fil-programm s'issa kienu, fil-maġġoranza tagħhom, f'konformità ma' l-aspettattivi, bl-eċċezzjoni tal-Partenarjati (Azzjoni 3), fejn il-parteċipazzjoni kienet waħda iktar baxxa milli kien antiċipat.

L-Erasmus Mundus għamel ċertu progress billi beda jiżviluppa kooperazzjoni iktar strutturata fl-edukazzjoni terzjarja bejn l-UE u pajjiżi terzi, minkejja li r-rati baxxi ta’ parteċipazzjoni fil-Partenarjati (Azzjoni 3) jissuġġerixxu li għad hemm xi jsir f’dan il-kamp. Fit-termini tat-tisħiħ ta’ l-aċċessibiltà ta’ l-edukazzjoni terzjarja Ewropea, b’mod partikolari billi l-gradwati u l-akkademiċi li jkunu kkwalifikati ħafna mid-dinja kollha jingħataw l-opportunità li jistudjaw u/jew jgħallmu fl-UE, l-iskema ta’ boroż ta’ studju (Azzjoni 2) iffaċilitat l-aċċess għal, u saħħet l-attraenza ta’ l-edukazzjoni terzjarja Ewropea għal studenti ta’ kalibru għoli minn pajjiżi terzi.

Fir-rigward tal-promozzjoni tal-konoxxenza interkulturali, Erasmus Mundus kellu suċċess fl-inkuraġġament ta’ skambju kulturali ta’ l-esperjenzi. Dan il-proċess ġie assistit mill-fatt li kien hemm distribuzzjoni tajba ħafna ta’ nazzjonalitajiet fost benefikanti mill-boroż ta’ studju minn pajjiżi terzi. Aktar minn hekk, l-istudenti minn pajjiżi terzi identifikaw il-benefiċċji kulturali u lingwistiċi bħala iktar importanti mill-benefiċċji għall-prospetti tal-karriera futura tagħhom. Madanakollu, l-istudenti minn pajjiżi terzi s’issa bbenefikaw iktar mill-programm milli għamlu l-istudenti ta’ l-UE, minħabbal-ambitu finanzjarju iktar limitat għall-mobbilità ta’ l-istudenti ta’ l-UE. L-esperjenza ta’ l-istudenti - akkademika, kulturali u lingwistika – hija ħafna ikbar fil-korsijiet Erasmus Mundus fejn ikun hemm bilanċ tajjeb bejn studenti Ewropej (inkluż il-pajjiż ospitanti) u l-istudenti internazzjonali, kontrarjament għall-korsijiet fejn hemm dominanza ta’ studenti li mhumiex Ewropej.

L-Erasmus Mundus kellu wkoll impatt pożittiv fuq dawk il-pajjiżi ta’ l-UE fejn qabel ma kien hemm ebda qafas legali għall-akkreditazzjoni ta’ lawrji konġunti, doppji jew multipli li jinvolvu l-partenarjati f’pajjiżi differenti ta’ l-UE. Ukoll fejn għad hemm problemi ta’ akkreditazzjoni konġunta tal-lawrji, il-Korsijiet Masters ta’ l-Erasmus Mundus implimentaw strutturi effettivi ta’ lawrji doppji u multipli li pperemettew li jseħħu integrazzjoni ġenwina u studju kooperattiv. Il-lawrji konġunti jgħinu wkoll lis-suq tax-xogħol ta’ l-UE isir iktar trasparenti u iktar aċċessibbli lill-istudenti Ewropej.

Li kien inqas pożittiv kien il-fatt li ċertu pajjiżi Ewropej kienu inqas irrappreżentati fit-termini ta’ l-għadd ta' proġetti li fihom l-istituzzjonijiet tagħhom ipparteċipaw - żbilanċ li l-Kummissjoni qed tfittex kif għandha tindirizzah. Il-Korsijiet Masters Erasmus Mundus ikopru prattikament id-dixxiplini akkademiċi kollha, minkejja li hemm preponderanza ċara fil-korsijiet ta’ l-inġinerija u tax-xjenzi naturali.

3.3.5. Effiċjenza u effettività fl-infiq[7]

Il-Kummissjoni u l-EACEA ġew ikkunsidrati mill-Istrutturi Nazzjonali u HEIs li jmexxu l-Korsijiet tal-Masters Erasmus Mundus, li għamlu biċċa xogħol tajba ħafna fis-superviżjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-programm sa llum. Il-flussi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni b’mod partikolari ġew ikkunsidrati bħala favorevoli ħafna u bħala regolari u informattivi. Ir-risponi lill-mistoqsijiet mill-HEIs normalment ġew indirizzati minnufih u feedback ukummenti utli ġew ipprovduti lill-konsorzji dwar ir-rapporti tagħhom. Il-livelli ġenerali għoljin ta’ sodisfazzjoni mill-istudenti u l-HEIs fir-rigward ta’ l-immaniġġjar tal-programm jissuġġerixxi li l-programm ġie mmaniġġjat b’mod effiċjenti kif ukoll effettiv mill-Kummissjoni u mill-EACEA.

L-użu u l-livell ta’ infiq għal kull unità u l-ammonti mħallsa applikati għall-implimentazzjoni tal-programm ġew ikkunsidrati bħala effettivi fit-termini ta' l-ispejjeż, u li għenu biex il-programm jilħaq l-għan tiegħu bl-inqas spejjeż possibbli. Madanakollu, il-valutazzjoni tissuġġerixxi li l-universitajiet parteċipanti fil-Korsijiet tal-Masters Erasmus Mundus u l-Istudenti Ewropej mhumiex iffinanzjati biżżejjed fil-programm kurrenti.[8]

3.3.6. Utilità, valur miżjud u sostenibblità[9]

Għadd pjuttost kbir ta’ Korsijiet Masters Erasmus Mundus appoġġati permezz tal-programm kienu korsijiet li kienu jeżistu qabel u li ġew immodifikati sabiex jikkonformaw mal-qafas Erasmus Mundus. Il-programm jidher li ħeġġeġ l-HEIs biex jimmodifikaw il-korsijiet eżistenti tagħhom ta’ kwalità għolja permezz ta’ kooperazzjoni u żvilupp konġunt tal-kurrikulu flimkien ma’ l-HEIs ġewwa pajjiżi Ewropej oħrajn li joffru l-istess suġġett u huma kapaċi jilħqu l-kriterji ta’ eċċellenza akkademika rikjesti fil-livell Ewropew/internazzjonali.

Ir-riċerka tissuġġerixxi li l-biċċa l-kbira minn dawn il-korsijiet ma setgħux ikomplu fil-forma preżenti tagħhom mingħajr iffinanzjar mill-programm Erasmus Mundus. Filwaqt li dan jissuġġerixxi livelli baxxi ta’ sostenibbiltà, minn perspettiva oħra dan jissuġġerixxi li l-flus Ewropej qed jintużaw għall-promozzjoni ta’ attivitajiet li kieku ma jkunux jistgħu jsiru fuq l-istess bażi.

Kwistjoni oħra hija jekk l-istudenti u l-akkademiċi (partikolarment dawk minn pajjiżi terzi) ikunux ħadu sehem fil-programm mingħajr appoġġ finanzjarju. F'dan il-kuntest, 95% ta' studenti minn pajjiż terz stqarru li kieku ma kinux jistgħu jipparteċipaw fil-programm li ma kienx għall-borża ta’ studju. Dan jissuġġerixxi livelli għoljin ta’ addizzjonalità.

4. RAKKOMANDAZZJONIJIET PRINċIPALI TAL-VALUTAZZJONI ESTERNA U KUMMENTI MILL-KUMMISSJONI

Ir-rakkomandazzjonijiet prinċipali ta’ l-evalwatur qed jintwerew b’tipa grassa, filwaqt li t-tweġiba tal-Kummissjoni qed tintwera fil-korsiv.

4.1. Tfassil tal-programm

Rakkomandazzjoni 1

Il-boroż ta' studju għandhom jingħataw lil studenti ta’ l-UE sabiex jipparteċiapw fil-programm Erasmus Mundus fuq bażi kompetittiva. Hemm il-bżonn li jiġi aċċertat li studenti ta’ l-UE ikollhom l-istess opportunitajiet bħal sħabhom minn pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni taqbel ma’ din ir-rakkomandazzjoni, bħala mezz ta’ faċilitazzjoni tal-mobbilità intra-UE għall-istudenti mill-UE u tħeġġeġ iktar parteċipazzjoni mill-istudenti minn pajjiżi ta’ l-UE. Hija se teżamina l-miżuri possibbli għat-titjib tal-pożizzjoni ta’ l-istudenti ta’ l-UE, filwaqt li tkompli tinsisti li taċċerta l-kumplimentarjetà mal-programm Erasmus.

Rakkomandazzjoni 2

Il-programm Erasmus Mundus għandu – jekk il-finanzi jippermettu – jiġi estiż għall-livell ta’ PhD kemm fil-livell ta’ korsijiet u fir-rigward tal-boroż ta’ l-istudji. Kwistjonijiet fir-rigward ta’ l-assikurazzjoni tal-kwalità għall-programmi tal-PhD għandhom jiġu indirizzati b'attenzjoni. Il-mudell Franċiż co-tutelle għandu jservi ta’ mudell f’dan ir-rigward. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet mal-boroż ta’ studju Marie Curie.

Il-Kummissjoni taqbel ma’ din ir-rakkomandazzjoni bħala mezz biex l-Ewropa tkun tista' żżomm studenti u riċerkaturi eċċellenti minn pajjiżi terzi kif ukoll biex toħloq rabtiet bejn l-edukazzjoni terzjarja u r-riċerka. Għandha teżamina l-mudell “co-tutelle” meta tasal biex tiddeċiedi dwar il-miżuri fil-futur, filwaqt li tieħu ħsieb li tistabbilixxi sinerġiji mal-boroż ta’ studju ta’ riċerka u networks Marie Curie.

Rakkomandazzjoni 3

Il-Korsijiet Masters Erasmus Mundus għandhom jiġu mħeġġa mhux biss biex jiżviluppaw il-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet ta’ l-edukazzjoni terzjarja f’pajjiżi terzi iżda biex jagħtu s-setgħa lil dawn l-istituzzjonijiet biex isiru msieħba b’mod sħiħ fil-kors innifsu. Dan għandu jinkiseb billi l-Korsijiet tal-Masters u l-Partenarjati (Azzjonijiet 1 u 3) jinġabru flimkien taħt umbrella waħda.

Il-Kummissjoni taqbel fil-prinċipju ma’ din ir-rakkomandazzjoni u se teżamina l-miżuri xierqa għall-ġejjieni. Madankollu, l-assikurazzjoni tal-kwalità hija eżerċizzju kumpless fir-rigward ta’ l-HEIs li jinsabu f’pajjiżi terzi. Huwa importanti li jiġi aċċertat li x-xewqat ta’ l-HEIs Ewropej parteċipanti u l-istruttura tal-programm akkademiku tagħhom jiġu rispettati sew.

Rakkomandazzjoni 4

Il-Programm Atlantis u l-Programm ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada (l-istess għall-proġetti pilota mal-Ġappun, l-Awstralja u n-New Zealand) għandhom jiġu kkombinati mal-Programm Erasmus Mundus sabiex tissaħħaħ il-koerenza ta’ l-istrateġija tal-Kummissjoni lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-kamp ta’ l-edukazzjoni terzjarja bejn l-UE u pajjiżi terzi. Minn perspettiva ta’ promozzjoni u tqajjim tal-konoxxenza, għandu jkun hemm vantaġġi fl-użu ta’ l-Erasmus Mundus bħala l-mezz ewlieni li bih il-kooperazzjoni istituzzjonali u l-mobbiltà ta’ l-istudent u ta’ l-akkademiku bejn l-UE u pajjiżi terzi tiġi promossa. Dan għandu wkoll ikollu effett pożittiv sinifikanti fuq il-viżibbiltà tal-programm u l-koerenza ta’ l-attivitajiet Komunitarji fil-kamp.

Il-Kummissjoni tikkunsidra lil din ir-rakkomandazzjoni bħala waħda interessanti. Madanakollu, il-Programm ta’ Kooperazzjoni bejn l-EU u l-Istati Uniti (Atlantis), li ġie mġedded riċentement, għandu mandat iktar wiesa’ mill-Erasmus Mundus, fejn il-korsijiet konġunti tal-masters huma parti waħda biss mill-programm. Il-kombinazzjoni ta’ l-attivitajiet Komunitarji kollha ta’ l-edukazzjoni terzjarja b’dimensjoni esterna fi program singolu integrat tista’ tkun, madanakollu, possibbiltà wara l-2013.

Rakkomandazzjoni 5

Għandha tingħata konsiderazzjoni lill-fatt li l-istudenti ta’ Erasmus Mundus jingħataw opportunitajiet ta’ pjazzamanet fuq bażi iktar sistematika. Dan għandu wkoll jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex iżid il-prestiġju tal-programm fost min iħaddem u partijiet interessati minn firxa iktar wiesgħa. Madankollu, li wieħed jieħu post m’għandux ikun obbligatorju minħabba li dan mhux neċessarjament għandu jkun xieraq fil-każ tal-Korsijiet kollha ta’ l-Erasmus Mundus.

Il-Kummissjoni tilqa’ din ir-rakkomandazzjoni u se tħeġġeġ lill-Korsijiet Erasmus Mundus biex joffru postijiet għall-istudenti tagħhom fejn huwa xieraq. Strateġija flessibbli għal din il-kwiestjoni, kif inhu ssuġġerit mill-evalwaturi, tidher adattata.

4.2. Immaniġġjar tal-programm

Rakkomandazzjoni 6

L-Istrutturi Nazzjonali għandhom ikomplu jiġu ffinanzjati fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri sabiex jevitaw struttura sħiħa ta’ Aġenzija ta’ l-UE fuq livell nazzjonali (li ma tidhirx li tgawdi mill-appoġġ fost l-Istrutturi Nazzjonali). Madankollu, ċertu ffinanzjar ta’ l-UE għandu jsir disponibbli biex jgħin fil-kofinanzjament ta’ l-attivitajiet promozzjonali ta’ l-Istrutturi Nazzjonali minħabba li l-ammont ta’ xogħol li għandhom aktarx li jiżdied b'mod sinifikanti fil-perjodu ta' l-ipprogrammar li jmiss minħabba żieda proġettata fil-baġit tal-programm. Il-Kummissjoni għandha tagħmel provvedimenti għal sejħiet ristretti għall-proposti fuq bażi tematika sabiex lill-Istrutturi Nazzjonali ikunu jistgħu jiffinanzjaw inizjattivi speċifiċi li jixtiequ jappoġġaw, bħalma huma attivitajiet ta’ promozzjoni u ta’ marketing , eċċ. Tista’ tingħata konsiderazzjoni fil-perjodu ġdid ta’ l-ipprogrammar biex l-Istrutturi Nazzjonali jingħataw rwol formali fil-kontribuzzjoni għall-monitoraġġ tal-Korsijiet Masters Erasmus Mundus.

Il-Kummissjoni taqbel ma' din ir-rakkomandazzjoni. Ir-rwol ta’ l-Istrutturi Nazzjonali fit-twettiq ta’ attivitajiet speċifiċi ta’ informazzjoni, promozzjoni jew ta’ disseminazzjoni, kif ukoll fil-monitoraġġ ta’ proġetti, għandu jissaħħaħ.

Rakkomandazzjoni 7

Hemm il-ħtieġa li l-Kummissjoni Ewropea tagħti attenzjoni lill-assikurazzjoni tal-kwalità ladarba l-Korsijiet Masters Erasmus Mundus jkunu qed isiru. L-awtovalutazzjoni għandha tibqa’ l-punt inizjali fundamentali għall-aċċertament tal-kwalità kontinwa tal-kors. Aktar minn hekk, kampjun rappreżentattiv tal-Korsijiet Masters Erasmus Mundus għandu, tul il-ħajja ta’ kull perjodu ta’ l-ipprogrammar, ikun suġġett għal valutazzjoni esterna tal-kwalità. Dan jista’ jsir minn korpi esterni għall-valutazzjoni tal-kwalità li kellhom esperjenza preċedenti fil-valutazzjoni tal-kwalità tal-kontenut akkademiku u l-integrazzjoni tal-korsijiet (preferibbilment tal-korsijiet li jingħataw fuq bażi transnazzjonali).

Il-Kummissjoni taqbel mal-bżonn li l-kwalità tal-Korsijiet Masters Erasmus Mundus tiġi aċċertata u diġà qed tindirizza din il-kwistjoni fil-programm kurrenti. Fl-2007, il-Kummissjoni se telabora – f’kooperazzjoni ma’ l-esperti esterni fil-qasam -linji gwida dwar prassi tajba fil-Korsijiet Masters Erasmus Mundus. Wara eżerċizzju ta’ awto-valutazzjoni, esperti esterni se jżuru kampjun mill-korsijiet, fi ħdan il-kuntest ta’ eżerċizzju ta’ reviżjoni minn esperti, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti indikaturi ta’ prassi tajba u li dawn jinqassmu mal-benefiċjarji kuorrenti u potenzjali.

Rakkomandazzjoni 8

Il-prinċipju tal-komitoloġija għall-boroż ta’ studju ta' l-Erasmus Mundus (Azzjoni 2) għandu jintemm sabiex titħaffef il-finalizzazzjoni tal-proċedura ta’ għażla. Dan jista’ jaċċellera b’6 sa 8 ġimgħat, id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-boroż ta’ studju.

Il-Kummissjoni taqsam id-dubji tal-valutaturi dwar il-proċeduri kurrenti tal-komitoloġija għad-deċiżjonijiet ta’ għażla għall-boroż ta’ studju, minħabba li dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu purament minn universitajiet skond kriterji bbażati fuq mertu akkademiku. Il-Kummissjoni għandha teżamina din il-kwestjoni meta tissuġġerixxi t-tfassil tal-programm fil-ġejjieni.

4.3. Iffinanzjar tal-programm

Rakkomandazzjoni 9

Meta wieħed iħares lejn il-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss, il-livell ta’ boroż ta’ studji li jingħataw lil studenti minn pajjiżi terzi ma għandux jitnaqqas mil-livell kurrenti ta’ 21,000 euro fis-sena. Madanakollu, il-Kummissjoni għandha tkompli tissorvelja l-livell ta’ boroż ta’ studju ta’ skemi ta’ ffinanzjar magħrufa oħrajn, bħalma huma l-boroż ta' studju Fulbright, Chevening u DAAD (Skambju Akkademiku Ġermaniż). Għandu jkompli jingħata ammont universali għall-boroż ta’ studju b’ebda differenzjazzjoni, la fuq il-bażi ta’ fejn l-istudent jiddeċiedi li jmur jistudja u lanqas fuq il-bażi tal-pajjiż oriġinarju tagħhom. Dan huwa l-uniku approċċ ekwitabbli u approċċi oħrajn ma jidhrux li jistgħu jaħdmu. Għandhom jinżammu l-miżati komuni għall-istruzzjoni li jiġu ddeterminati mill-konsorzja individwali tal-Masters fir-rigward tal-Korsijiet Masters Erasmus Mundus.

Il-Kummissjoni taqbel ma’ din ir-rakkomandazzjoni sabiex iżżomm livelli kompetittivi globalment ta’ ffinanzjar għall-boroż ta’ studju Erasmus Mundus. Fir-rigward tal-miżata ta’ struzzjoni komuni, il-Kummissjoni temmen li din hija element essenzjali ta’ programm ta’ studju integrat u biħsiebha tkompli tappoġġa l-miżati ta' struzzjoni komuni bħala element obbligatorju tal-programmi konġunti.

Rakkomandazzjoni 10

Fil-perjodu ta’ ipprogrammar li jmiss, l-ammont ta’ ffinanzjar allokat lil kull konsorzju ta’ Masters ta’ l-Erasmus Mundus għandu jiżdied biex jirrifletti l-ispejjeż reali ta’ amministrazzjoni ta’ Kors tal-Masters integrat fuq bażi transkonfinali.

Il-kummissjoni innifisha rat, permezz tal-monitoraġġ tal-programm, li l-għotja annwali korrenti ta’ 15,000 euro li ngħatat lill-universitajiet ġeneralment tissottovaluta l-ispejjeż tal-programmi konġunti. Hi se tikkunsidra din ir-rakkomandazzjoni meta tippjana għall-fażi li jmiss tal-programm, b’rispett totali tar-Regolament Finanzjarju u r-regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

5. KONKLUżJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni taqsam il-valutazzjoni kumplessiva tal-valutatur li l-Programm ipprovda kontribut importanti lejn internazzjonalizzazzjoni ta’ l-edukazzoni terzjarja Ewropea. Erasmus Mundus kien mezz relevanti u effiċjenti għall-HEIs Ewropej billi għenhom isibu rispons għall-globalizzazzjoni. Ir-riżultati tal-valutazzjoni interim juru li l-programm qed jilħaq l-objettivi politiċi u operazzjonali tiegħu, u l-objettivi ta’ l-Artikolu 149 tat-Trattat.

Filfatt, 323 HEI fl-Ewropa u f'pajjiżi terzi u 2,325 student minn pajjiżi terzi ipparteċipaw fil-programm mill-2004 sa l-2006, u enfasizzaw is-sodisfazzjon – kif ukoll l-entużjażmu tagħhom – għall-programm. Il-Kummissjoni, hija u tipproponi l-programm futur ta’ l-Erasmus Mundus, ser tagħti l-attenzjoni mistħoqqa lill-kritika li saret, li l-programm kellu inqas suċċess fir-rigward ta’ l-istudenti Ewropej.

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni interim hija u tipproponi l-programm ġdid Erasmus Mundus għaż-żmien lil hinn mill-perjodu ta’ l-ipprogrammar korrenti għall-2004-2008. Hi għandha tibbaża l-proposti tagħha għall-programm il-ġdid ta’ l-Erasmus Mundus li għandu jiġi ppreżentat f’Ġunju 2007, fuq ir-rakkomandazzjonijiet li saru f’din il-valutazzjoni, u li jaqblu mas-sejbiet ta’ l-istħarriġiet li saru barra l-ambitu ta’ din il-valutazzjoni iżda matul l-itess qafas ta’ żmien.

ANNESSI STATISTIċI DWAR FIGURI TA’ L-APPLIKAZZJONI U L-GħAżLA

HEIs parteċipanti fil-Korsijiet Masters Erasmus Mundus Masters (2004-2006) |

Pajjiżi EU + EFTA/ŻEE | HEI parteċipanti fil-masters EM li japplikaw għall- EM (1) | HEI parteċipanti fil-masters EM li ntgħażlu għall- EM (1) | HEIs parteċipanti fil-masters EM li ntgħażlu għall- EM | Rata ta’ suċċess f’% |

L-Awstrija | 23 | 6 | 4 | 26,09 |

Il-Belġju | 110 | 16 | 7 | 14,55 |

Ċipru | 0 | 0 | 0 | 0,00 |

Ir-Repubblika Ċeka | 48 | 9 | 4 | 18,75 |

Id-Danimarka | 54 | 12 | 7 | 22,22 |

L-Estonja | 20 | 3 | 2 | 15,00 |

Il-Finlandja | 40 | 7 | 5 | 17,50 |

Franza | 367 | 50 | 40 | 13,62 |

Il-Ġermanja | 248 | 41 | 30 | 16,53 |

Il-Greċja | 34 | 4 | 4 | 11,76 |

L-Ungerija | 57 | 8 | 3 | 14,04 |

L-Irlanda | 39 | 6 | 5 | 15,38 |

L-Italja | 277 | 33 | 20 | 11,91 |

Il-Latvja | 19 | 0 | 0 | 0,00 |

Il-Litwanja | 26 | 0 | 0 | 0,00 |

Il-Lussemburgu | 6 | 1 | 1 | 16,67 |

Malta | 16 | 1 | 1 | 6,25 |

L-Olanda | 123 | 26 | 14 | 21,14 |

Il-Polonja | 100 | 10 | 6 | 10,00 |

Il-Portugall | 131 | 20 | 11 | 15,27 |

Is-Slovakja | 10 | 1 | 1 | 10,00 |

Is-Slovenja | 17 | 2 | 2 | 11,76 |

Spanja | 383 | 44 | 23 | 11,49 |

L-Iżvezja | 103 | 21 | 11 | 20,39 |

Ir-Renju Unit | 203 | 37 | 23 | 18,23 |

L-Iżlanda | 2 | 0 | 0 | 0,00 |

Il-Liechtenstein | 0 | 0 | 0 | 0,00 |

In-Norveġja | 46 | 11 | 8 | 23,91 |

Total | 2502 | 369 | 232 | 14,75 |

(1) Dawn il-figuri jinkludu parteċipazzjoni doppja jew multipla mill-istess HEIs f'applikazzjonijiet varji |

HEIs Parteċipanti fil-"Proġetti ta’ Attraenza ta’ l-Erasmus Mundus" (Azzjoni 4) (2004-2006) |

Pajjiżi EU + EFTA/ŻEE | HEI parteċipanti fl-Azzjoni 4 ta’ l-EM li japplikaw għall-EM (1) | HEI parteċipanti fi proġetti ta' l-Azzjoni 4 ta’ l-EM magħżula taħt l-EM (1) | HEIs parteċipanti fi proġetti ta' l-Azzjoni 4 ta’ l-EM magħżula taħt l-EM | Rata ta’ suċċess f’% |

L-Awstrija | 24 | 3 | 3 | 12,50 |

Il-Belġju | 42 | 4 | 4 | 9,52 |

Ċipru | 3 | 1 | 1 | 33,33 |

Ir-Repubblika Ċeka | 19 | 2 | 2 | 10,53 |

Id-Danimarka | 15 | 4 | 3 | 26,67 |

L-Estonja | 13 | 4 | 3 | 30,77 |

Il-Finlandja | 37 | 10 | 7 | 27,03 |

Franza | 76 | 11 | 10 | 14,47 |

Il-Ġermanja | 65 | 9 | 7 | 13,85 |

Il-Greċja | 15 | 1 | 1 | 6,67 |

L-Ungerija | 25 | 2 | 2 | 8,00 |

L-Irlanda | 3 | 1 | 1 | 33,33 |

L-Italja | 85 | 6 | 6 | 7,06 |

Il-Latvja | 8 | 2 | 2 | 25,00 |

Il-Litwanja | 20 | 3 | 3 | 15,00 |

Il-Lussemburgu | 1 | 0 | 0 | 0,00 |

Malta | 5 | 1 | 1 | 20,00 |

L-Olanda | 36 | 9 | 7 | 25,00 |

Il-Polonja | 36 | 4 | 4 | 11,11 |

Il-Portugall | 26 | 3 | 3 | 11,54 |

Is-Slovakkja | 19 | 2 | 2 | 10,53 |

Is-Slovenja | 10 | 0 | 0 | 0,00 |

Spanja | 69 | 10 | 9 | 14,49 |

L-Iżvezja | 29 | 5 | 4 | 17,24 |

Ir-Renju Unit | 59 | 8 | 7 | 13,56 |

L-Iżlanda | 1 | 0 | 0 | 0,00 |

Il-Liechtenstein | 1 | 1 | 1 | 0,00 |

In-Norveġja | 16 | 7 | 7 | 43,75 |

Total | 758 | 113 | 100 | 14,91 |

(1) Dawn il-figuri jinkludu parteċipazzjoni doppja jew multipla ta’ l-istess HEIs f'applikazzjonijiet varji |

Boroż ta’ studju għall-istudenti |

Numru ta’ applikazzjonijiet riċevuti minn studenti | Boroż ta’ studju Erasmus Mundus mogħtija | Boroż ta' studju “Window" mogħtija | Numru totali ta’ boroż ta' studju mogħtija | Rata ta’ suċċess f’% |

2004-05 | n.a. | 140 | 0 | 140 | n.a. |

2005-06 | 3.030 | 455 | 353 | 808 | 26,67 |

2006-07 | 5.500 | 741 | 636 | 1.377 | 25,04 |

2007-08 | 12.766 | 1.198 | 606 | 1.804 | 14,13 |

2008-09[10] | n.a. | 1890 | 45 | 1935 | n.a. |

Total | 21.296 | 4.424 | 1.640 | 6.064 | 19,39 |

[1] ĠU L 345, 31.12.2003

[2] Sejħa għall-Offerti Nru EAC/34/06.

[3] Għall-figuri ara s-sezzjoni 3.3.4. hawn isfel.

[4] Kemm l-għanijiet tal-Programm huma rilevanti għall-ħtiġijiet ta’ l-edukazzjoni terzjarja fl-Ewropa.

[5] Kemm l-għanijiet stabbiliti twettqu.

[6] Sa l-aħħar tal-programm fl-2008, l- outputs finali li ġejjin huma antiċipati: 105 Korsijiet tal-Masters Erasmus Mundus (Azzjoni 1), 6,000 borża ta’ studju għal studenti li ġejjin minn pajjiżi terzi (Azzjoni 2), 50 Partnerjat (Azzjoni 3) u 50 proġett ta’ attraenza (Azzjoni 4).

[7] Kemm l-effetti mixtieqa qed jitwettqu b'infiq raġonevoli.

[8] Korsijiet tal-Masters Erasmus Mundus jirċievu somma annwali mħallsa f'daqqa ta’ 15,000 euro. L-istudenti ta’ l-UE jirċievu borża ta’ studju ta’ 3,100 euro għal perjodu ta’ studji ta’ tliet xhur ġewwa pajjiż terz HEI.

[9] Kemm huwa possibbili li l-effetti jibqgħu jinħassu wara li l-attività tintemm.

[10] Tbassir

Top