This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006PC0644
Proposal for a Council Decision on a Community Position concerning the decision by the WTO General Council to apply provisionally the Transparency Mechanism for Regional Trade Agreements
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Dwar Pożizzjoni Komunitarja li tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex japplika provviżorjament il-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Reġjonali
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Dwar Pożizzjoni Komunitarja li tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex japplika provviżorjament il-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Reġjonali
/* KUMM/2006/0644 finali - ACC 2006/0212 */
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Dwar Pożizzjoni Komunitarja li tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex japplika provviżorjament il-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Reġjonali /* KUMM/2006/0644 finali - ACC 2006/0212 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 31.10.2006 KUMM(2006) 644 finali 2006/0212 (ACC) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar Pożizzjoni Komunitarja li tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex japplika provviżorjament il-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Reġjonali (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Bħala parti mill-Aġenda ta’ l-Iżvilupp ta’ Doha (DDA), qegħdin jitwettqu negozjati li huma mmirati li jiċċaraw u jtejbu r-regoli attwali tad-WTO għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Reġjonali (RTAs). Dawn in-negozjati dwar ir-regoli-RTA, fejn il-Komunità kellha sehem attiv, jikkonsistu f’żewġ pilastri. dixxiplini sostantivi u proċeduri ta’ trasparenza. B’rigward għat-trasparenza ta’ l-RTA, l-għanijiet u l-pożizzjoni tagħna jirriflettu l-importanza li nagħtu sabiex inter alia : (1) inkunu konxji mill-iżviluppi ewlenin ta’ l-RTA mad-dinja; (2) inkunu kapaċi nbassru u nivvalutaw kif il-membri ta’ l-RTAs oħra jistgħu jinfluwenzaw l-esportazzjonijiet u l-investimenti tagħna; u (3) niżguraw tħaddim aħjar tad-WTO fid-dawl u l-valutazzjoni ta’ l-RTAs, speċjalment RTAs ta’ kwalità baxxa fost il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Il-proċeduri attwali tad-WTO għall-RTAs, sad-data ta’ llum, fallew f’dawn l-aspetti kollha u speċjalment fil-każ ta’ l-RTAs fost il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. In-negozjati dwar it-traparenza ta’ l-RTA huma relattivament mhux kontroversjali u, b’hekk irreġistraw progress tajjeb għal dawn l-aħħar sentejn. B’riżultat ta’ dan, is-Sitt Konferenza Ministerjali tad-WTO (Ħong Kong, Diċembru 2005) tat istruzzjonijiet lill-Grupp ta’ Negozjati dwar ir-Regoli-RTAs biex jaħdem għal deċiżjoni provviżorja dwar il-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Reġjonali sat-30 ta’ April 2006, Fid-29 ta’ Ġunju 2006, in-negozjanti kienu tabilħaqq kapaċi jilħqu kunsens fuq abbozz ta’ test għall-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza għall-RTA, li kien sussegwentement miftiehem uffiċjalment fil-laqgħa tal-Grupp ta’ l-Innegozjar tar-Regoli fl-10 ta’ Lulju 2006. Il-KE sostniet ferm it-test finali tal-Mekkaniżmu. Il-Kumitat 133 ġie kkonsultat regolarment tul in-negozjati u l-Istati Membri kollha wrew is-sostenn tagħhom għat-test imsemmi hawn fuq. Il-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza ta’ l-RTA jimplika l-ħolqien ta’ proċedura uniformi għall-avviżi u l-valutazzjonijiet, imsejsa fuq ir-rapporti fattwali mis-Segretarjat tad-WTO, għall-RTAs kollha. Bħal qabel, il-Kumitat dwar il-Ftehimiet tal-Kummerċ Reġjonali ser imexxi l-valutazzjoni ta’ l-RTAs li huma koperti mill-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tarriffi u l-Kummerċ (GATT) u l-Artikolu V tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS). Il-Kumitat tal-Kummerċ u l-Iżvilupp se jissokta jmexxi valutazzjoni ta’ l-RTAs’ li huma koperti mill-Klawżola ta’ Abilitazzjoni (ftehimiet tal-kummerċ bejn il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw) iżda, sabiex jiżguraw metodu u trattament uniformi, din se titwettaq minn sessjoni dedikata tal-Kumitat tal-Kummerċ u l-Iżvilupp li għandhom jinqdew mit-taqsima fis-Segretarjat tad-WTO responsabbli mill-RTAs. L-abbozz tat-testi jipprevedi wkoll l-għoti mis-Segretarjat tad-WTO ta’ sostenn tekniku lill-Membri tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u speċjalment il-pajjiżi l-inqas żviluppati, fl-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza. Għalhekk, il-qbil finali jissodisfa l-prijoritajiet u l-għanijiet li ilhom jeżistu tal-KE rigward it-trasparenza ta’ l-RTA. Jindirizza bosta, jekk mhux l-ambigwitajiet u lakuni kollha fis-sistema, filwaqt li jillimita l-piż amministrattiv għall-Membri tad-WTO. Isaħħaħ il-kapaċità u r-rwol tad-WTO biex jissorvelja l-iżviluppi ta’ l-RTA mad-dinja. L-abbozz tal-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza hu pass ’il quddiem kbir fiċ-ċarezza u t-trasparenza ta’ l-RTAs fost il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li ġew suġġetti għal trattament ta’ proċedura kemmxejn esklussiva u mhux ċara għal dawn l-aħħar 30 sena taħt il-Klawżola ta’ Abilitazzjoni. Il-Mekkaniżmu jittratta esklużivament il-mezzi kif l-RTAs ikunu inter alia infurmati u eżaminati fattwalment fid-WTO. Dan m’għandu l-ebda implikazzjoni fuq id-dixxiplini sostantivi tad-WTO għall-RTAs, u lanqas fuq l-RTAs tal-Membri tad-WTO. Issa huwa mistenni li l-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza jkun adottat formalment, fuq bażi provviżorja, mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fl-[10 ta’ Ottubru 2006]. Il-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza għandu jiġi applikat minnufih fuq “bażi ta’ test”. Il-Membri se jirrevedu, u jekk hemm bżonn jimmodifikaw, din id-deċiżjoni provviżorja, u jibdluha b’mekkaniżmu permanenti adottat bħala parti mir-riżultati ġenerali tar-Rawnd ta’ Doha. Fid-dawl tas-sospensjoni tad-DDA li hemm bħalissa, l-adozzjoni mill-Kunsill Ġenerali ta’ deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza ta’ l-RTA tagħti sinjal pożittiv qawwi ta’ l-impenn kontinwu tal-Membri tad-WTO għas-sistema ta' kummerċ multilaterali. 2006/0212 (ACC) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar Pożizzjoni Komunitarja li tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex japplika provviżorjament il-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Reġjonali IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 flimkien mat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1], Billi: 1. Fir-Raba’ Konferenza Ministerjali tad-WTO (Doha, Novembru 2001), il-Membri tad-WTO ftiehmu li jwettqu negozjati mmirati, inter alia , li jiċċaraw u jtejbu d-dixxiplini u l-proċeduri li japplikaw għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Reġjonali, 2. Il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Reġjonali żdiedu konsiderevolment u saru element importanti fil-politiki kummerċjali u l-istrateġiji ta’ l-iżvilupp tal-Membri tad-WTO; 3. Iż-żieda fit-trasparenza tal-Ftehimiet tal-Kummerċ Reġjonali u l-effetti tagħhom huwa ta’ interess sistematiku u jkun ta’ benefiċċju għall-Membri kollha tad-WTO; 4. Is-Sitt Konferenza Ministerjali tad-WTO (Ħong Kong, Diċembru 2005) tat istruzzjonijiet lill-Grupp ta’ Negozjati tad-WTO dwar ir-Regoli biex jaħdem għal deċiżjoni provviżorja dwar il-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Reġjonali sat-30 ta’ April 2006, 5. Fin-negozjati li saru skond it-termini tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Doha, b’konformità mal-paragrafu 47 ta’ dik id-Dikjarazzjoni, ftehimiet li jintlaħqu kmieni jistgħu jiġu implimentati fuq bażi provviżorja, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kunsill Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għal dak li għandu x’jaqsam mal-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Reġjonali mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni hi li tapprova l-applikazzjoni provviżorja tiegħu. Din il-pożizzjoni se tiġi espressa mill-Kummissjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussell, […] Għall-Kunsill Il-President […] MEKKANIŻMU TA’ TRASPARENZA GĦAL FTEHIMIET TA' KUMMERĊ REĠJONALI Il-Kunsill Ġenerali, Wara li kkunsidra l-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu IX tal-Ftehim ta’ Marrakesh li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO"); Filwaqt li jwettaq il-funzjonijiet tal-Konferenza Ministerjali fl-intervall bejn laqgħat skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO; Filwaqt li jinnota li l-ftehimiet kummerċjali ta’ natura preferenzjali reċiproka (“ftehimiet kummerċjali reġjonali” jew “RTAs”) żdiedu konsiderevolment u saru element importanti fil-politiki kummerċjali u l-istrateġiji ta’ l-iżvilupp tal-Membri; Konvint li żieda fit-trasparenza u fil-ftehim ta’ l-RTAs u l-effetti tagħhom huwa ta’ interess sistematiku u jkun ta’ benefiċċju lill-Membri kollha; Wara li kkunsidra wkoll id-dispożizzjonijiet ta’ trasparenza ta' l-Artikolu XXIV tal-GATT 1994, il-Ftehim ta' l-Interpretazzjoni ta' l-Artikolu XXIV tal-GATT 1994 (“il-Ftehim tal-GATT”), l-Artikolu V tal-GATS u d-Deċiżjoni ta’ l-1979 dwar Trattament Differenzjat u Iżjed Favorevoli, Reċiproċità u Sehem iżjed Sħiħ mill-Pajjiżi li qegħdin Jiżviluppaw (“Klawsola ta’ Abilitazzjoni”); Filwaqt li jagħraf il-limiti tekniċi u tar-riżorsi tal-Membri tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; Filwaqt li jfakkar li fin-negozjati li jsiru skond it-termini tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Doha[2], b’konformità mal-paragrafu 47 ta’ dik id-Dikjarazzjoni, ftehimiet li jintlaħqu kmieni jistgħu jiġu implimentati fuq bażi provviżorja; Iddeċieda: A. Tħabbir Kmieni 6. Mingħajr ma jiġu ppreġudikati s-sustanza u ż-żmien tan-notifika meħtieġa mill-Artikolu XXIV tal-GATT 1994, l-Artikolu V tal-GATS jew il-Klawsola ta’ Abilitazzjoni, u mingħajr ma jiġu bl-ebda mod affettwati d-drittijiet u d-dmirijiet tal-Membri skond il-ftehimiet tad-WTO. (a) Membri li qegħdin jieħdu sehem f’negozjati ġodda bil-għan tal-konklużjoni ta’ RTA għandhom jinformaw lid-WTO b’dan. (b) Membri li jkunu partijiet ta' RTA li għadu kif ġie ffirmat għandhom jgħaddu lid-WTO, sakemm u safejn ikun disponibbli pubblikament, tagħrif dwar l- RTA, inkluż l-isem uffiċjali tiegħu, l-ambitu u d-data tal-firma, kwalunkwe skeda prevista għad-dħul fis-seħħ tiegħu jew l-applikazzjoni provviżorja, il- punti rilevanti ta' kuntatt u/jew indirizzi tal-websajts, u kwalunkwe tagħrif rilevanti ieħor li mhux ristrett. 7. It-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1 hawn fuq għandu jingħadda lis-Segretarjat tad-WTO, li jtellgħu fil-websajt tad-WTO u perjodikament jipprovdi lill-Membri sinossi tal-komunikazzjonijiet li jkun irċieva. B. Notifika 8. In-notifika meħtieġa ta’ RTA mill-Membri li huma partijiet fih għandha sseħħ mill-iktar fis possibbli. Bħala regola, dan jiġri mhux iktar tard minn eżatt wara r-ratifika tal-partijiet ta’ l-RTA jew id-deċiżjoni ta’ kwalunkwe parti dwar l-applikazzjoni tas-sezzjonijiet rilevanti ta’ ftehim, u qabel l-applikazzjoni ta’ trattament preferenzjali bejn il-partijiet. 9. Fin-notifika ta’ l-RTA tagħhom, il-partijiet għandhom jispeċifikaw skond liema dispożizzjoni(jiet) tal-ftehimiet tad-WTO qiegħda tiġi nnotifikata. Huma jipprovdu wkoll it-test sħiħ ta’ l-RTA (jew dawk is-sezzjonijiet li ddeċidew li japplikaw) u kwalunkwe skedi relatati, annessi u protokolli, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tad-WTO; jekk ikunu disponibbli, dawn għandhom jintbagħtu f’format aċċessibbli elettronikament. Referenza għal links uffiċjali relatati fuq l-Internet għandhom jiġu fornuti wkoll. C. Proċeduri għaż-Żieda fit-Trasparenza 10. Malli ssir in-notifika, u mingħajr ma jaffettwa d-drittijiet u d-dmirijiet tal-Membri skond il-ftehimiet tad-WTO li taħthom saret in-notifika, l-RTA għandu jitqies mill-Membri skond il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 6 sa 13 hawn taħt. 11. Il-konsiderazzjoni mill-Membri ta’ RTA nnotifikat għandu jkun normalment konkluż f’perjodu li ma jaqbiżx sena wara d-data tan-notifika. Skeda preċiża għall-konsiderazzjoni ta’ l-RTA għandha titfassal mis-Segretarjat tad-WTO b’konsultazzjoni mal-partijiet fil-waqt tan-notifika. 12. Biex jgħinu lill-Membri fil-konsiderazzjoni tagħhom ta' RTA nnotifikati: (a) il-partijiet għandhom ipoġġu għad-dispożizzjoni tas-Segretarjat tad-WTO data kif speċifikata fl-Anness, jekk jista' jkun f'format aċċessibbli elettronikament; u (b) is-Segretarjat tad-WTO, b'responsabilità tagħha u b'konsultazzjoni sħiħa mal- partijiet, għandu jħejji preżentazzjoni fattwali ta' l-RTA. 13. Id- data msemmija fil-paragrafu 7(a) għandha ssir disponibbli mill-iktar fis possibbli. Normalment, iż-żmien meta tintbagħat id- data ma jistax jaqbeż l-għaxar ġimgħat - jew 20 ġimgħa fil-każ ta' RTAs li jinvolvu biss il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw - wara d-data tan-notifika tal-ftehim. 14. Il-preżentazzjoni fattwali prevista fil-paragrafu 7(b) għandha tkun ibbażata primarjament fuq it-tagħrif ipprovdut mill-partijiet; jekk hemm bżonn, is-Segreterjat tad-WTO jista’ juża wkoll data disponibbli minn sorsi oħra, wara li jitqiesu l-veduti tal-partijiet bħala żieda mal-preċiżjoni fattwali. Fit-tħejjija tal-preżentazzjoni fattwali, is-Segreterjat tad-WTO għandu joqgħod lura minn kwalunkwe ġudizzju fuq il-valur. 15. Il-preżentazzjoni fattwali tas-Segreterjat tad-WTO ma għandux jintuża bħala bażi għall-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim jew biex jinħolqu drittijiet u dmirijiet ġodda għall-Membri. 16. Bħala regola, laqgħa formali waħda se tkun iddedikata għall-konsiderazzjoni ta' kull RTA nnotifikata; kwalunkwe skambju ta’ tagħrif addizzjonali għandu jsir bil-miktub. 17. Il-preżentazzjoni fattwali tas-Segretarjat tad-WTO, kif ukoll kwalunkwe tagħrif addizzjonali mibgħut mill-partijiet, għandu jiġi ċċirkolat fil-lingwi uffiċjali kollha tad-WTO mhux inqas minn tmien ġimgħat qabel il-laqgħa ddedikata għall-konsiderazzjoni ta' l-RTA. Il-mistoqsijiet jew il-kummenti bil-miktub tal-Membri ta’ l-RTA meqjus għandhom jintbagħtu lill-partijiet permezz tas-Segreterjat tad-WTO mill-inqas erba’ ġimgħat qabel il-laqgħa korrispondenti; dawn għandhom jitqassmu, flimkien mat-tweġibiet, lill-Membri kollha mill-inqas tlett ijiem tax-xogħol qabel il-laqgħa korrispondenti. 18. Il-materjal bil-miktub kollu li jkun intbagħat, kif ukoll il-minuti tal-laqgħa ddedikata għall-konsiderazzjoni ta’ ftehim innotifikat se jkun iċċirkolat fil-pront fil-lingwi uffiċjali kollha tad-WTO u jkunu disponibbli fuq il-websajt tad-WTO. D. Rappurtaġġ u Notifika Sussegwenti 19. In-notifika meħtieġa tal-bidliet li jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ RTA, jew l-operazzjoni ta’ RTA diġà implimentata, għandha ssir mill-aktar fis possibbli wara li jseħħu l-bidliet. Il-bidliet li jridu jiġu nnotifikati jinkludu, inter alia , modifiki għat-trattament preferenzjali bejn il-partijiet u għad-dixxipplini ta’ l-RTA’s. Il-partijiet għandhom jipprovdu taqsira tal-bidliet li saru, kif ukoll kwalunkwe testi, skedi, annessi u protokolli relatati, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tad-WTO u, jekk ikun disponibbli, f’format aċċessibbli elettronikament[3]. 20. Fl-aħħar tal-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ l-RTA, il-partijiet għandhom jibagħtu rapport qasir bil-miktub dwar ir-realizzazzjoni ta’ l-impenji tal-liberalizzazzjoni fl-RTA kif innotifikati oriġinalment, lid-WTO. 21. Fuq talba, l-entità rilevanti tad-WTO għandha tipprovdi opportunità adegwata għal skambju ta’ veduti fuq il-komunikazzjonijiet mibgħuta skond il-paragrafi 14 u 15. 22. Il-komunikazzjonijiet mibgħuta skond il-paragrafi 14 u 15 isiru disponibbli fil-pront fuq il-websajt tad-WTO u sinossi tkun perjodikament iċċirkolata mis-Segretarjat tad-WTO lill-Membri. E. Entitajiet Fdati bl-Implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu 23. Il-Kumitat dwar Ftehimiet Kummerċjali Reġjonali ("CRTA") u l-Kumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (“CTD”) għandhom istruzzjonijiet biex jimplimentaw dan il-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza[4]. Is-CRTA għandha tagħmel dan għal RTAs li jaqgħu taħt l-Artikolu XXIV tal-GATT 1994 u l-Artikolu V tal-GATS, filwaqt li s-CTD għandu jagħmel dan għal RTAs li jaqgħu taħt il-paragrafu 2(c) tal-Klawsola ta' Abilitazzjoni. Sabiex iwettaq il-funzjonijiet stabbiliti b’dan il-Mekkaniżmu, is-CTD għandu jiltaqa’ f’sessjoni ddedikata. F. Appoġġ Tekniku għall-Pajjiżi li Qegħdin Jiżviluppaw 24. Fuq talba, is-Segreterjat tad-WTO għandu jipprovdi appoġġ tekniku għall-pajjiżi Membri li qegħdin jiżviluppaw, u speċjalment il-pajjiżi l-inqas żviluppati, fl-implimentazzjoni ta' dan il-Mekkaniżmu ta' Trasparenza, b'mod partikolari - imma mhux limitat għalhekk - fir-rigward tat-tħejjija ta’ data relatata ma’ RTA u tagħrif ieħor li jrid jintbagħat lis-Segreterjat tad-WTO. G. Dispożizzjonijiet oħra 25. Kwalunkwe Membru jista’, x’ħin irid, jiġbed l-attenzjoni tal-korp rilevanti tad-WTO dwar kwalunkwe RTA li jqis li kellu jintbagħat lill-Membri fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta' Trasparenza. 26. Is-Segreterjat tad-WTO għandu jistabbilixxi u jżomm database elettronika aġġornata fuq RTAs individwali. Id- database għandha tinkludi tagħrif relatat mal-kummerċ u dwar it-tariffi rilevanti, u jagħti aċċess lill-materjal bil-miktub kollu li għandu x'jaqsam ma' RTAs imħabbra jew innotifikati disponibbli għand id-WTO. Id- database ta’ l-RTA għandu jkun imqassam b’tali mod li jkun faċilment aċċessibbli mill-pubbliku. H. Applikazzjoni Provviżorja tal-Mekkaniżmu tat-Trasparenza 27. Id-Deċiżjoni għandha tapplika, fuq bażi provviżorja, għall-RTAs kollha. Fir-rigward ta’ RTAs li diġà ġew innotifikati skond id-dispożizzjonijiet ta' trasparenza rilevanti tad-WTO u li huma fis-seħħ, din id-Deċiżjoni għandha tapplika kif ġej: (a) RTAs li għalihom ġie adottat rapport tal-Grupp ta’ Ħidma mill-Kunsill tal-GATT u dawk l-RTAs innotifikati lill-GATT skond il-Klawsola ta’ Abilitazzjoni se jkunu suġġetti għall-proċeduri skond is-Sezzjonijiet D u G hawn fuq. (b) RTAs li s-CRTA kkonkludiet “eżaminazzjoni fattwali” qabel l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u dawk li l-eżaminazzjoni fattwali għalihom se tkun konkluża sal-31 ta’ Diċembru 2006, u l-RTAs innotifikati lid-WTO skond il-Klawsola ta’ Abilitazzjoni se jkunu suġġetti għall-proċeduri skond is-Sezzjonijiet D u G hawn fuq. Barra minn hekk, għal kull wieħed minn dawn l-RTAs, is-Segreterjat tad-WTO għandu jħejji astratt fattwali li jippreżenta l-karatteristiċi tal-ftehim. (c) Kwalunkwe RTA nnotifikata qabel l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u li m'hemmx referenza għaliha fis-sottoparagrafi (a) jew (b) se jkunu suġġetti għall-proċeduri skond is-Sezzjonijiet C u G hawn fuq. I. Riapprezzament tal-Mekkaniżmu 28. Il-Membri se jirrevedu, u jekk hemm bżonn jimmodifikaw, din id-Deċiżjoni, fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba mill-operazzjoni provviżorja, u jibdluha b'mekkaniżmu permanenti adottat bħala parti mir-riżultati ġenerali tar-Rawnd, skond il-paragrafu 47 tad-Dikjarazzjoni ta' Doha. Il-Membri se jirrevedu wkoll ir-relazzjoni ġuridika bejn il-Mekkaniżmu u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-WTO li għandhom x’jaqsmu ma’ l-RTAs. ANNESS Sottomissjoni tad-Data skond il-Partijiet ta’ l-RTA 29. Il-partijiet ta' l-RTA ma għandhomx ikunu mistennija li jagħmlu t-tagħrif meħtieġ hawn taħt disponibbli jekk id- data korrispondenti tkun diġà ntbagħtet lid- Database Integrata (IDB),[5] jew tkun ipprovduta b’mod ieħor lis-Segretarjat f’format adegwat[6]. 30. Għall-aspetti dwar l-oġġetti fl-RTAs, il-partijiet għandhom jibagħtu d- data li ġejja, fil-livell tal-linja tat-tariffa: (a) Konċessjonijiet tariffarji skond il-ftehim: (i) lista sħiħa tad-dazji preferenzjali ta’ kull parti applikati fis-sena tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim; u (ii) meta l-ftehim għandu jiġi implimentat fi stadji, lista sħiħa tad-dazji preferenzjali ta’ kull parti li jridu jiġu applikati matul il-perjodu tranżitorju. (b) Rati tad-dazju ta’ l-MFN (i) lista sħiħa tat-tariffi tad-dazji ta’ l-MFN ta' kull parti ta' l-RTA applikati fis-sena tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim;[7] u (ii) lista sħiħa tat-tariffi tad-dazji ta’ l-MFN ta' kull parti ta' l-RTA applikati fis-sena ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim. (c) Fejn ikun applikabbli, data oħra (eż., marġini preferenzjali, kwoti tar-rati tat- tariffi, restrizzjonijiet staġjonali, salvagwardji speċjali u, jekk ikun hemm, ekwivalenti ad valorem għal dazji ad-valorem ). (d) Regoli ta’ l-oriġini speċifiċi għall-prodott kif definit fil-ftehim. (e) Statistika ta’ l-importazzjoni, għall-aħħar tliet snin ta’ qabel in-notifika li huma disponibbli għalihom: (i) l-importazzjonijiet ta' kull parti minn kull wieħed mill-partijiet l-oħra, f’valur; u (ii) l-importazzjonijiet ta' kull parti mill-bqija tad-dinja, maqsum skond il- pajjiż ta’ l-oriġini, f’valur. 31. Għall-aspetti tas-servizzi fl-RTAs, il-partijiet għandhom jibagħtu d- data li ġejja, jekk ikun hemm, għall-aħħar tliet snin ta’ qabel in-notifika: statistika dwar kummerċ jew bilanċ tal-ħlasijiet (skond is-settur/sottosettur tas-servizzi u sieħeb), data dwar il-prodott gross domestiku jew statistiċi tal-produzzjoni (skond is-settur/sottosettur tas-servizzi), u statistiċi rilevanti dwar l-investiment barrani dirett u dwar il-moviment tal-persuni naturali (skond il-pajjiż u, jekk ikun possibbli, skond is-settur/sottosettur tas-servizzi). 32. Għall-RTAs li jinvolvu biss il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b’mod partikolari meta dawn jinkludu l-pajjiżi l-inqas żviluppati, ir-rekwiżiti ta' data speċifiċi ta' hawn fuq se jqisu l-limiti tekniċi tal-partijiet għall-ftehim. [1] ĠU C […], […], p. […]. [2] WT/MIN(01)/DEC/1. [3] Fin-notifika tagħhom, il-Membri jistgħu jirreferu għal links uffiċjali fuq l-internet li għandhom x'jaqsmu mal-ftehim fejn it-tagħrif rilevanti jista' jiġi kkonsultat fis-sħiħ, f'wieħed mil-lingwi uffiċjali tad-WTO. [4] Id-Direttur-Ġenerali huwa mistieden biex jiżgura l-konsistenza fit-tħejjija tal-preżentazzjonijiet fattwali tas-Segreterjat tad-WTO għat-tipi differenti ta’ RTAs, wara li jitqiesu l-varjazzjonijiet fid- data pprovduta minn Membri differenti. [5] Sottomissjonijiet ta’ data dwar kummerċ u tariffi fil-kuntest ta' notifika ta' RTA jistgħu sussegwentement ikunu inklużi fl-IDB, sakemm il-karatteristiċi ewlenin ikunu xierqa. Għal dan ir-rigward, ara d-dokument G/MA/IDB/W/6 (datat il-15 ta’ Ġunju 2000) għal-Linji Gwida għall-Forniment ta’ Sottomissjonijiet PC IDB u dokumenti G/MA/115 (datati s-17 ta’ Ġunju 2002) u G/MA/115/Add.5 (datat it-13 ta’ Jannar 2005) għall-Politika tad-WTO rigward id-disseminazzjoni ta’ data IDB. [6] Sottomissjonijiet tad- data jistgħu jiġu fornuti f’formats ta’ database tal-PC, formats ta’ spreadsheets , jew formats delimitati fit-test. l-użu ta’ formats tal- word-processing għandu jiġi evitat, jekk ikun possibbli. [7] Fil-każ ta’ unjoni doganali, it-tariffa esterna komuni applikata ta' l-MFN.