Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0743

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill skond l-Artikolu 19(1) tad-direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (it-tħaddim ta' l-opri privati tal-baħar għal divertiment)

/* KUMM/2006/0743 finali */

52006DC0743

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill skond l-Artikolu 19(1) tad-direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (it-tħaddim ta' l-opri privati tal-baħar għal divertiment) /* KUMM/2006/0743 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.11.2006

KUMM(2006) 743 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

skond l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (it-tħaddim ta' l-opri privati tal-baħar għal divertiment)

1. DAħLA

Skond l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE[1] li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (minn hawn 'il quddiem imsejħa "id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija" jew "id-Direttiva"), flimkien mad-dispożizzjonijiet previsti fid-Direttiva, b'mod partikolari l-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonjiet fiskali jew tnaqqis fiskali għall-kunsiderazzjonjiet politiċi speċifiċi.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina r-rikjesti. Wara, għandha jew tippreżenta proposta lill-Kunsill jew inkella għandha tinforma lill-Kunsill bir-raġunijiet għalxiex ma pproponietx l-awtorizzazzjoni ta' tali miżura.

Fi ħdan qafas usa' tar-reviżjoni tad-derogi fid-Direttiva tat-Taxxa fuq l-Enerġija li jiskadu sa tmiem l-2006, il-Belġju, ir-Renju Unit u Malta ssottomettew rikjesta għall-awtorizzazzjoni biex jidderogaw mill-2007 'l quddiem mid-dispożizzjonjiet tad-Direttiva dawr it-Taxxa fuq l-Enerġija għall-fjuwils użati għan-navigazzjoni ta' l-opri privati tal-baħar għal divertiment. Dawn l-ittri ġew irreġistrati mad-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali[2]

L-iskop ta' din il-Komunikazzjoni huwa li jinforma lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għalxiex il-Kummissjoni ma pproponietx tali awtorizzazzjoni.

2. SOMMARJU TAR-RIKJESTA

2.1. Ir-rikjesta Belġjana

Il-Belġju jixtieq japplika eżenzjoni sħiħa mit-taxxa għaż-żejt tal-gass fornut għall-użu bħala fjuwil għall-opri privati tal-baħar. Il-miżura tirreferi sew għan-navigazzjoni fl-ilmijiet Komunitarji u għall-ilmijiet interni navigabbli. L-għan ta' din il-miżura hu l-promozzjoni ta' l-iżvilupp tan-navigazzjoni għal divertiment u t-turiżmu u sabiex jiġi ffaċilitat għas-sidien ta' l-opri tal-baħar l-użu ta' l-istess stazzjonijiet ta' servizzi għan-navigazzjoni eżenti skond id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija.

Din ir-rikjesta ma tipprevedix d-data tat-tmiem.

2.2. Ir-rikjesta tar-Renju Unit

Ir-Renju Unit jixtieq japplika tnaqqis fir-rata tat-tassazzjoni (fl-ammonti ta' GBP 6.44 pence kull litru) għaż-żejt użat bħala fjuwil għan-navigazzjoni għal divertiment privat fl-ilmijiet Komunitarji u fl-ilmijiet interni navigabbli.

L-għanijiet tar-rikjesti huma biex jevitaw l-ispejjeż tat-transazzjonijiet li jseħħu minħabba l-iskadenza tad-deroga. Minbarra hekk, ir-Renju Unit spjega li d-deroga tikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika reġjonali.

Ir-Renju Unit isostni li hemm benefiċċji minimi mit-trattament fiskali standardizzat meta mqabbel ma' l-ispejjeż u l-konsegwenzi l-oħra assoċjati ma' l-iskadenza tad-deroga, jew li dawn l-ispejjeż ikunu saħansitra iktar sproporzjonati meta jitqabblu mal-benefiċċji li jistgħu jintlaħqu bit-trattament fiskali standardizzat. Ir-Renju Unit jkompli jiġbed l-attenzjoni fuq il-gwadann insinifikanti mid-dħul u li l-benefiċċju f'termini ta' l-emisjonijiet tal-karbonju ffrankati assoċjati ma' l-introduzzjoni tat-trattament fiskali ġenerali huwa żgħir. Ir-Renju Unit jenfasizza b'mod partikolari l-ispejjeż tal-konformità għas-sidien tad-dgħajjes u d-distributuri tal-fjuwil kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi u d-diffikultajiet għall-infurzar għall-amministrazzjoni assoċjata ma' tmiem id-deroga. Ir-Renju Unit ikompli jisħaq fuq l-effetti negattivi sproporzjonati fuq is-settur tan-navigazzjoni u fuq ħafna impriżi żgħar assoċjati magħha. Barra minn hekk, skond ir-Renju Unit, l-iskadenza tad-deroga se toħloq kwistjonijiet fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza billi jitnaqqsu l-għadd ta' stazzjonijiet tal-fjuwil max-xtajtiet.

Barra minn dan, ir-Renju Unit isostni li d-deroga tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politka reġjonali, billi l-iskadenza tad-deroga ġġib effetti ħżiena ħafna fuq l-iskemi għar-riġenerazzjoni għat-turiżmu f'żoni kostali żvantaġġati tar-Renju Unit, li rċevew investiment sostanzjali mill-Fondi Strutturali ta' l-UE. Skond ir-Renju Unit, il-waqgħa ekonomika fir-reġjuni kostali huwa r-riżultat tad-dipendenza minn industriji tradizzjonali, bħas-sajd u l-bini tad-dgħajjes. Iż-żoni kostali rċevew assistenza sostanzjali mill-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni ta' l-UE sabiex jgħinu fir-riġenerazzjoni u d-diversfikazzjoni ekonomika. Ir-Renju Unit wera t-tħassib li l-possibilità ta' riġenerazzjoni kostali fir-Renju Unit (l-Iskozja) tista' tiġi kompromessa minħabba l-iskadenza tad-deroga.

Ir-rikjesta tipprevedi l-31 ta' Diċembru 2011 bħala d-data tat-tmiem.

2.3. Ir-rikjesta Maltija

Malta tixtieq tapplika eżenzjoni totali tat-taxxa fuq iż-żejt tal-gass li jintuża bħala fjuwil għal opri privati tal-baħar għad-divertiment għall-vjaġġi 'l barra minn xtutha.

L-għan tal-miżura huwa sabiex is-settur tat-turiżmu jingħata kumpens għall-insularità ta' Malta u l-lokazzjoni periferika tagħha fil-fruntiera estrema tan-nofsinhar ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll għall-kompetizzjoni qawwija minn operaturi bbażati f'pajjiżi mhux Ewropej li mhumiex soġġetti għal-Leġiżlazzjoni Komunitarja tad-dazju. Malta tqis li l-miżura mhux se tkun ta' dannu għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u lanqas m'hi se tirriżulta f'tagħwiġ fil-kompetizzjoni, minħabba il-pożizzjoni ġeografika tagħha u l-kontrolli rigorużi fis-seħħ biex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-miżura. Barra minn hekk, Malta tisħaq l-importanza tad-deroga bħala għodda tas-suq biex jiġu attirati servizzi bħal xogħoljiet ta' manutenzjoni u ta' tiswija li huma pprovduti flimkien mal-provvista ta' fjuwil mingħajr dazju. Fl-aħħarnett Malta tisħaq l-importanza ta' l-attività għat-turiżmu u l-effetti negattivi ta' tmiem id-deroga fuq l-impjiegi u l-iżvilupp f'dan is-settur.

Ir-rikjesta tipprevedi data ta' l-għeluq sal-31 ta' Diċembru 2012

3. L-ISFOND TAT-TALBIET

Skond l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva dawr it-Taxxa fuq l-Enerġija, l-Istati Membri għandhom jeżentaw mit-tassazzjoni prodotti ta’ l-enerġija pprovduti għall-użu bħala fjuwil għall-iskop ta’ navigazzjoni fl-ibħra Komunitarji (inkluż is-sajd), minbarra opri privati tal-baħar u għal divertiment[3]. Tradizzjonalment, l-Istati Membri jistgħu jestendu din l-eżenzjoni ta' navigazzjoni fil-kanali interni ta' l-ilma (bħalissa jinsabu fl-Artikolu 15 (1) (f)). Dawn id-dispożizzjonjiet ġew introdotti għall-ewwel darba fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar id-dazju fl-1992[4] u fiż-żewġ każijiet in-navigazzjoni privata għad-divertiment kienet espliċitament eskluża minnhom. Bir-riżultat ta' dan, it-tħaddim ta' l-opri privati tal-baħar għad-divertiment hu suġġett għall-tassazzjoni standard skond ir-rati nazzjonali f'konformità mad-Direttiva, sakemm deroga partikulari tkun disponibbli taħt l-Artikoli 18, 18a jew 19 tad-Direttiva.

It-tneħħija gradwali tad-derogi rilevanti, li bħalissa jinsabu fl-Artikoli 18 u 18a ma' l-Annessi II u III tad-Direttiva, kienet bdiet mill-Kummisjoni fir-reviżjoni tad-derogi magħmulin fis-sena 2000 meta kien ġie ddikjarat li dawn id-derogi iridu jiġu fi tmiemhom mad-dħul tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija jew, f'kull każ, sa l-aħħar tal-31 ta' Diċembru 2002[5]. Fl-aħħar, id-derogi kienu ġew estiżi sal-31 ta' Diċembru 2006 u aktar tard kienu ġew inkużi mad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija bil-ħsieb li jitneħħew gradwalment mingħajr skossi. L-istess data ta' l-għeluq kienet magħżula għal Malta fil-kuntest ta' l-adeżjoni tagħha mal-Komunità (Artikolu 18a u Anness III).

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Ġunju ta' l-2006 Revizjoni tad-derogi fl-Annessi II u III tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li jiskadu sa l-aħħar ta' l-2006 (minn hawn il-quddiem "il-Komunikazzjoni ta' l-2006")[6] il-Kummissjoni ddikjarat li t-trattament tat-taxxa favorevoli għall-fjuwil użat għall-attività in kwistjoni, imqabbel mal-fjuwil użat ma' attivitajiet simili (trasport u divertiment), m'għandux jerġa jiġġedded. Fl-istess waqt il-Kummisjoni stiednet l-Istati Membri sabiex jekk huma jkunu tal-fehma li minħabba kunsiderazzjonjiet speċifiċi ta' politika, tkun meħtieġa deroga oħra, huma għandhom jibgħatu talba skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva jiġġustifikawha bil-bżonnijiet tal-politika.

4. VALUTAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Il-Kummisjoni tikkunsidra li l-Belġju, ir-Renju Unit u Malta tennew argumenti li diġà ġew eżaminati fil-Komunikazzjoni ta' l-2006 (l-iskadenza tad-deroga se toħloq spejjeż ta' konformità u spejjez amministrattivi għoljien, riskju ta' frodi u tista' taffetwa ħażin l-iżvilupp ta' l-attività)[7]

Kif jissemma fil-Komunikazzjoni ta' l-2006, il-Kunsill, waqt li jaġixxi unanimament taħt il-proċedura fl-Artikolu 93 KE, bħala reġim ġenerali għażel deliberament li l-fjuwil użat għal-użu ta' l-opri privati tal-baħar għad-divertiment għandu jkun suġġett għall-taxxa standardizzata. Din l-għażla tirrifletti fundamentalment il-politiki u l-interessi elenkati fl-Artikolu 19 (1), it-tielet inċiż tad-Direttiva. Dawn jinkludu it-tħaddim tajjeb tas-suq intern, il-bżonn li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta kif ukoll il-politiki tal-Komunità fl-oqsma ta' l-ambjent, ta' l-enerġija u tat-trasport.

Fl-isfond ta' dan kollu, l-awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 19 m'għandiex tingħata għar-raġunijiet inerenti għall-bidla mid-deroga għat-tassazzjoni standardizzata. Din ovvjament tapplika għall-piżijiet amministrattivi u ta' diffikultajiet ta' konformità u/jew ta' infurzar, li jinkludu temi ta' sikurezza[8] li jirriżultaw mill-bidla nnifisha. Tapplika wkoll, madankollu, għall-konsegwenzi ġenerali tan-negozju (għas-settur, għan-negozju assoċjat jew għat-turiżmu) li jistgħu jirriżultaw minn tassazzjoni standardizzata fuq l-attività in kwistjoni, anke għall-perspettiva itwal ta' żmien. Fil-prinċipju, dawn il-konsekwenzi ġenerali ma jikkorispondux mal-kunċett tal-kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta' politika skond it-tifsira ta' l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija.

L-interessi u l-politiki kif stipulati fl-Artikolu 19 (1), it-tielet inċiż, jopponu bl-istess mod l-għoti ta' awtorizzazzjoni bir-riferenza għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq.

Mill-perspettiva tas- suq intern u l-kompetizzjoni ġusta , it-tassazzjoni għandha tkun newtrali kemm jista' jkun biex tiġi evitat mġiba kkaġunata mit-taxxi fil-Komunità mingħajr fruntieri fiskali. Id-deroga li ngħatat lil ċerti Stati Membri ma taffetwax dan ir-raġunament. Trid titqies bħala waħda mmirata sabiex jingħelbu id-diffikultajiet tal-bidu fl-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida. Meta jiġi kkunsidrat li fil-prinċipju l-fjuwil użat fl-opri privati tal-baħar għad-divertiment kien taxxabli fil-Komunità sa mill-1993 u li l-Artikoli 18 u 18a tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija iffisaw limitu ċar ta' żmien għad-deroga korrispondenti f'din id-Direttiva, dawk ir-raġunijiet ta' natura tranżitorja ma jiġġustifikawx illum awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 19 tad-Direttiva.

Sa fejn kwalunkwe telf antiċipat ta' attivitajiet ta' negozju (kif jallegaw xi Stati Membri konċernati mid-deroga) jirrifletti gwadann korrispondenti mill-Istati Membri li japplikaw tassazzjoni standardizzata, dan jikkonferma li r-raġunijiet ta' kompetizzjoni ġusta imorru kontra l-għotja ta' awtorizzazzjoni taħt Artikolu 19 tad-Direttiva, li kieku tkompli tipperpetwa t-tagħwiġ.

Mill-perspettiva tal- politiki Komunitarji dwar l-ambjent, l-enerġija u t-trasport , il-Kummissjoni ma tarax raġuni għala l-attività in kwistjoni għandha tiġi trattata b'mod aktar favorevoli għar-raġunijiet ta' taxxa minn attivitajiet komparabbli oħra (trasport u divertiment). L-għan tas-tassazzjoni fuq l-enerġija mhux biss li tiġġenera d-dħul, imma qegħda tiġi kunsidrata bħala għodda utli biex jiġu internalizzati l-esternalitajiet negattivi relatati mal-konsum ta' l-enerġija li huma elementi importanti tal-politiki Komunitarji t'hawn fuq. Fl-istess waqt, it-tassazzjoni fuq l-enerġija għandha effett ta' inċentiv għat-titjib fl-effiċjenza ta' l-enerġija li għal darb' oħra għandu japplika wkoll għat-tħaddim ta' l-opri privati tal-baħar għad-divertiment. F'din il-perspettiva, l-effett ta' inċentiv li l-eżenzjoni tat-taxxa mogħtija s'issa seta kellha fuq l-iżvilupp ta' l-opri privati tal-baħar għad-divertiment ma jistax jiġġustifa deroga oħra mir-regoli ġenerali.

Finalment huwa xieraq li barra minn hekk jitqiesu ċerti argumenti, aktar speċifiċi, li tqajmu minn xi wħud mill-applikanti ta' l-Istati Membri.

L-ewwelnett il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argumenti miġjuba minn Malta. Hu fatt li t-tassazzjoni armonizzata tista' f'ċerti każijiet jkollha effetti fuq il-kompetizzjoni ma' pajjiżi terzi. Madankollu, dawn diġà tqiesu mill-Kunsill fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija. F'dan ir-rigward, il-Kunsill sab li s'issa dawn l-aspetti jimmeritaw eżenzjoni fil-każ tan-navigazzjonji kummerċjali, imma mhux fis-settur partikulari kkonċernat bil-kommunikazzjoni preżenti, jiġifieri t-tħaddim ta' l-opri privati tal-baħar għad-divertiment (cf. il-premessa 23 tad-Direttiva tat-Taxxa dwar l-Enerġija). Barra minn hekk, u ferm distint mill-impatt kompetittiv tad-deroga fuq l-iżvilupp tas-settur fl-Istati Membri oħra in ġenerali, il-Kummissjoni tirreferi għall-pożizzjoni ġeografika ta' Malta. Fid-dawl ta' dan, ma jistax jiġi eskluż li l-awtorizzazzjoni mitluba tista' tgħawweġ il-kompetizzjoni ma' destinazzjonjiet oħra fil-Mediterran.

It-tieninett, fir-rigward ta' l-argumenti tal-politika reġjonali mressqa mir-Renju Unit, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li d-deroga għar-Renju Unit qatt ma kienet ikkunsidrata formalment bħala instrument tal-politika reġjonali. Barra minn hekk, l-appoġġ provdut mill-Fondi Strutturali ma kienx immirat speċifikament għat-tħaddim tan-navigazzjoni privata fuq il-baħar għad-divertiment u lanqas ma kien ibbażat fuq il-premessa li r-Renju Unit jibqa' jkompli bid-deroga mid-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija[9].

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument ta' proporzjonalità mqajjem mir-Renju Unit. Dan l-argument jibda bid-deroga temporanja mogħtija taħt l-Artikolu 18, li direttament tikkunfliġġi mall-fatt li l-leġiżlatur tal-Komunità stabbilixxa t-tassazzjoni standard bħala l-bidu. Dan ukoll iqiegħed fil-perspettiva t-tajba argument relatat magħmul mir-Renju Unit, jiġifieri li l-benefiċċji ambjentali tal-bidla għat-tassazzjoni standardizzata jkunu limitati. Il-fatt sempliċi li l-konsum globali min-navigazzjoni privata ma jistax jaqbeż ċerti limiti fi ftit kliem ifisser li l-eżenzjoni hi limitata fl-ambitu. Dan ma jfissirx li l-proporzjonalità tkun tesiġi ta' trattament mhux indaqs ma' trasport komparabbli jew attivitajiet tad-divertiment. Barra minn hekk, il-fatt li l-implimentazzjoni tista' tirrikjedi ċertu sforz ulterjuri lanqas ma huwa deċiżiv. Hi fin-natura amministrattiva tat-tassazzjoni li l-ispejjeż ta' l-implimentazzjoni jistgħu jkunu differenti fid-diversi setturi, u dan jimplika kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta' politika li jkunu jridu jitqiesu fil-kuntest ta' l-Artikolu 19 tad-Direttiva.

5. KONKLUżJONI

Kollox ma' kollox il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Belġju, ir-Renju Unit u Malta ma preżentawx konsiderazzjonijiet speċifiċi ta' politika li jiġġustifikaw il-bżonn tagħhom biex jidderogaw aktar mill-leġiżlazzjoni mdaħħla fis-seħħ fl-UE b'unanimità diġà f'żewġ okkażjonjiet u li jiġġustifikaw l-eżistenza ta' miżura fiskali li ċarament tikkontradixxi diversi politiki tal-Kommunità. L-argumenti mressqa mill-Istati Membri konċernati, għall-kuntrarju, jirrappreżentaw konsekwenzi ta' l-eżistenza tad-deroga nnifisha għall-perjodu ta' żmien twil.

L-Istati Membri kellhom żmien biżżejjed biex jaġġustaw irwieħhom għas-sitwazzjoni l-ġdida meta jitqies li din u derogi simili kienu taħt diskussjoni fil-Kommunità mill-inqas mill-1996 u li l-Kummisjoni insistiet repetutament fuq il-bżonn li jitneħħew gradwalment. Dan jgħodd ukoll għal Malta, li fil-każ tagħha l-limitu massimu taż-żmien għad-deroga taħt l-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija kien stabbilit sabiex jaqbel mal-limitu taż-żmien stabbilit għal derogi simili disponibbli dak iż-żmien għal xi wħud mill-ħmistax-il Stat Membru eżistenti.

Jekk l-iskadenza tad-deroga tikkawża diffikultajiet f'ċirkustanzi speċifiċi u partikulari u sakemm tiġi rispettata l-liġi tal-Komunià f'kull rigward[10], l-Istati Membri applikanti jistgħu jadottaw miżuri mmirati biex itaffu jew jimmitigaw problemi ta' tranżizzjoni għar-reġim tat-tassazzjoni standardizzata.

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonjiet stipulati fl-Artikolu 19 ma ntlaħqux Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ma tipproponix l-awtorizazzjonijiet mitluba.

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003 p. 51); Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttivi 2004/74/KE u 2004/75/KE (ĠU L 157, 30,04.04, p. 87 u p.100).

[2] L-ittri ġew irreġistrati fit-13 ta' Ottubru 2006 (il-Belġju u Malta) u fis-16 ta' Ottubru (ir-Renju Unit).

[3] Opra tal-baħar għall-użu privat jew għal divertiment għandha tfisser “kull opra tal-baħar użata mis-sid tagħha jew il-persuna naturali jew ġuridika li tgawdi mill-użu tagħha permezz ta’ kiri jew mezzi oħra, għall-skopijiet oħra mhux kummerċjali u b’mod partikolari eskluż dak li ma għandux jaqsam ma’ ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti jew provvista ta’ servizzi bil-ħlas jew għall-iskopijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi”.

[4] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU L 316, 31.10.1992); Id-Direttiva rrevokata flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali mill-31 ta' Diċembru 2003 permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

[5] COM (2000) 678 tal-15 ta' Novembru 2000.

[6] COM (2006) 342 tal 30.6.2006

[7] Cf. il-Kommunikazzjoni ta' l-2006, sub 2.2.2

[8] Fir-rigward ta' aspetti ambjentali u ta' sikurezza, dawn huma trattati ma' leġislazzjoni korrispondenti. M'humiex relatati mar-regoli tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija.

[9] Barra minn dan, il-Kummissjoni tinnota li l-figuri disponibbli għaliha juru ammonti ferm aktar baxxi ta' investimenti tal-Fondi Strutturali f'attivitajiet relatati mat-turiżmu għar-raġuni ta' riġenerazzjoni tal-kosta milli dawk ikkwotati mir-Renju Unit.

[10] Inklużi, partikolarment, ir-regoli tat-Trattat fuq l-Għajnuna mill-Istat.

Top