Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0596

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Studju prospettiv dwar l-impatt fuq is-servizz universali tat-tlestija sħiħa tas-suq postali intern l-2009

/* KUMM/2006/0596 finali */

52006DC0596

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Studju prospettiv dwar l-impatt fuq is-servizz universali tat-tlestija sħiħa tas-suq postali intern l-2009 /* KUMM/2006/0596 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.10.2006

KUMM(2006) 596 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Studju prospettiv dwar l-impatt fuq is-servizz universali tat-tlestija sħiħa tas-suq postali intern l-2009

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Studju prospettiv dwar l-impatt fuq is-servizz universali tat-tlestija sħiħa tas-suq postali intern fl-2009 (Test b’relevanza għall–EEA)

L-ISFOND U L-GħAN TA' DAN IR-RAPPORT

Sa mit-tnedija tiegħu aktar minn 15-il sena ilu, il-mira ewlenija tal-politika postali ta' l-UE kienet li tiżgura servizz universali sostenibbli ta' kwalità għolja għall-klijenti kollha u ċ-ċittadini ta' l-UE fil-Komunità. L-aġenda tar-riforma postali ta' l-UE deċiża mill-leġiżlatur ta' l-UE kkonsistiet minn fażijiet gradwali prudenti li jdaħħlu l-kompetizzjoni fis-swieq postali sabiex jittejbu l-effiċjenza, il-kwalità u l-għażla fis-servizzi postali – bil-mira li eventwalment jinfetaħ bis-sħiħ is-suq. Tul l-aħħar 15-il sena, il-monopolji li kien fadal tnaqqsu gradwalment, u l-parteċipanti fis-suq postali ngħataw iż-żmien biex jadattaw l-organizzazzjonijiet tagħhom għall-kuntest il-ġdid. Id-Direttiva Postali tagħraf l-2006 bħala s-sena li fiha l-Kummissjoni tikkonferma, jekk l-aġenda tar-riforma postali tistax titwettaq, u jekk jitteħidx l-aħħar pass għall-ftuħ sħiħ tas-suq fl-2009, kif stabbilit fid-Direttiva. F'dan il-waqt kritiku, id-Direttiva bla dubju teħtieġ[1] li l-Kummissjoni tippreżenta "studju prospettiv" biex jivvaluta jekk dan jistax iseħħ fl-istess waqt li jinżamm is-servizz universali.

L-analiżi ppreżentata f'dan l-Istudju tiffoka fuq dehra prospettiva u tivvaluta previżjonijiet għas-servizz universali fix-xenajru tal-ftuħ sħiħ tas-suq fl-2009. Din il-mistoqsija ma tistax titwieġeb mingħajr ma tiġi indirizzata l-kwistjoni marbuta magħha ta' kif is-servizz universali se jiġi ffinanzjat fin-nuqqas ta' kwalunkwe monopolju (jew "żona/qasam riżervat"). F'dan l-Istudju, il-Kummissjoni mir-rieda tagħha għażlet strateġija kawta ħafna, tiffoka fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-forniment tas-servizz universali għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji ta' l-UE.

Dan ir-Rapport, l-Istudju Prospettiv tal-Kummissjoni, jibni fuq is-sejbiet ta' l-istudju settorjali minn PriceWaterhouseCoopers (PWC) dwar l-impatt ta' ftuħ sħiħ tas-suq fuq is-servizzi universali[2]. Barra minn hekk, huwa bbażat fuq għadd ta' elementi oħra, partikolarment is-sejbiet ta' studji settorjali preċedenti[3], rapporti ta' esperti, konsultazzjonijiet wiegħsa mal-partijiet ikkonċernati, riċerka, kif ukoll esperjenza tal-kompetizzjoni fis-swieq postali u setturi oħrajn.

Dan ir-Rapport itenni l-miri tar-riforma postali ta' l-UE u jippreżenta l-qagħda attwali tas-servizz postali universali fl-UE, inkluż it-tendenzi futuri tas-suq. Hu jivvaluta l-impatti u l-opportunitajiet potenzjali li suq postali intern miftuħ għall-kompetizzjoni jkollu fuq is-servizz universali u miri Komunitarji b'rabta ma' dan il-qasam (l-aspetti ta' l-impjiegi u dawk soċjali). Fl-aħħar nett, ir-Rapport jindirizza miżuri possibbli marbuta biex itaffu kwalunkwe riskji possibli, inkluż mekkaniżmi ta' finanzjament alternattiv għas-servizz universali.

IL-MIRI TAR-RIFORMA POSTALI TA' L-UE

Ir-riforma postali ta' l-UE tfasslet biex ittejjeb is-sitwazzjoni staġnata ta' kwalità arbitrarja u għażla fqira fis-servizzi postali provduta mill-operaturi eżistenti li għandhom il-monopolju postali f'kull Stat Membru.

B'reazzjoni għat-tibdil imminenti fis-suq postali tradizzjonali u l-bżonn ta' żvilupp tas-suq postali intern Ewropew, il-leġiżlatur ta' l-UE għażel li jdaħħal aktar kompetizzjoni fis-suq biex jagħti l-inċentivi meħtieġa biex jindirizza l-ħtieġa ta' l-effiċjenza u kwalità aħjar[4]. Tnieda qafas regolatorju biex jissorvelja l-iżviluppi tas-suq u jikkontrolla l-forniment tas-servizz universali.

Id-defenizzjoni ta' l-UE dwar is-servizz postali universali hija bbażata fuq żewġ elementi ewlenin: firxa tas-servizzi, u l-kundizzjonijiet marbuta mat-twettiq tagħhom. Is-servizz universali huwa mfisser fl-Artikolu 3 tad-Direttiva Postali[5]. Fil-qosor huwa l-aċċess għal firxa ta' servizzi (ittri, pakketti, oġġetti assigurati u reġistrati, oġġetti postali oħra) bil-kundizzjonijiet ta' aċċessibbiltà ekonomika (fil-prezzijiet), rekwiżiti ta' aċċessibbiltà u kwalità (il-ġbir u t-tqassim ħamest ijiem fil-ġimgħa, żmien ta' tranżitu limitat) u konformità ma' "rekwiżiti essenzjali" (bħall-privatezza tal-korrispondenza).

B'armonija mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, it-tifsira wiegħsa tas-servizz postali fid-Direttiva Postali hija interpretata b'modi differenti madwar l-UE, u b'hekk tirrifletti l-ħtiġijiet nazzjonali u tas-soċjetà. Derogi huma permessi f'ċirkostanzi eċċezzjonali (bħal fit-tnaqqis fl-għadd tad-drabi tat-tqassim għal żoni mbegħda ħafna).

Il-finanzjament tas-servizz universali fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri xorta waħda llum għadu jiddependi minn qasam riżervat jew monopolju milli fadal (mgħejjuna b'ekonomiji fi skala kbira u ekonomiji ta' ambitu wiegħsa), għat-tgawdija ta' l-operaturi pubbliċi eżistenti. Jekk il-qasam riżervat jipprovdi mekkaniżmu konvenjenti għall-finanzjament tal-forniment tas-servizz universali, hu jibqa' l-ostaklu l-aktar importanti għas-suq postali intern. Kif indikat fil-Karta l-Ħadra ta' l-1992 dwar l-iżvilupp ta' suq waħdieni għas-servizzi postali, inċentivi xierqa huma meħtieġa għall-operaturi biex jadattaw is-servizzi, ikunu innovattivi, u jipprovdu servizz universali effiċjenti liċ-ċittadini kollha ta' l-UE. Il-ħsieb wara l-ftuħ ikkontrollat tas-suq kien għalhekk ikkonfermat mill-Kummissjoni fl-1992, mill-Kunsill fl-1994, mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-1997 u fl-2002, u minn Rapporti sussegwenti tal-Kummissjoni dwar it-twettiq tad-Direttiva Postali, bil-kundizzjoni li jkun jista' jitħares is-servizz universali[6].

IL-FORNIMENT TA' SERVIZZ POSTALI UNIVERSALI: IL-QAGħDA ATTWALI

Analiżi reċenti turi li hemm livell sodisfaċenti fl-iżvilupp ta' servizz postali universali fl-Ewropa: servizz universali huwa ta' kwalità għolja, bi prezz aċċessibli, aċċess faċli għas-servizzi, u ħafna operaturi jagħmlu profitti sostanzjali[7]. L-impatt pożittiv tar-riforma postali s'issa, ġie wkoll innutat fir-Rapporti tal-Kummissjoni dwar it-twettiq tad-Direttiva Postali[8], kif ukoll dwar ir-Riżoluzzjoni riċenti tal-Parlament Ewropew[9].

Is-sitwazzjoni attwali tippreżenta wkoll servizz postali differenti bil-kbir meta mqabbel ma' dak tradizzjonali: l-operaturi postali llum huma operaturi industrijali moderni kumplessi li jikkompetu ma' mezzi oħra ta' komunikazzjoni f'ambjent dinamiku. Aktar minn 87.5% tal-posta ġejja min-negozji. Barra minn hekk, żviluppi teknoloġiċi reċenti qed jaffettwaw il-mod kif qed jiġi pprovdut s-servizz postali u qed joħolqu sfidi għall-attivitajiet postali prinċipali. F'dan il-kuntest, il-parteċipanti ekonomiċi, l-aktar intrapriżi żgħar u medji, li jieħdu sehem attiv fl-istadji differenti tal-katina ta' valur postali, jirrappreżentaw sors importanti ta' opportunitajiet għat-tkabbir futur fis-settur postali[10].

Qabel ma s-suġġett kien fuq l-aġenda ta' l-UE, xi Stati Membri kienu diġà daħħlu kompetizzjoni postali sħiħa jew sinifikanti, jew ippjanaw bis-sħiħ li se jagħmlu hekk, li saħansitra madwar 60% tal-volumi ta' l-ittri postali ta' l-UE huwa mistenni li jkun miftuħ kompletament għall-kompetizzjoni sa l-2008. F'dawn il-pajjiżi, minkejja n-nuqqas ta' qasam riżervat, ir-rekwiżiti tas-servizz universali nżammu u ntlaħqu. Eżempji fl-Iżvezja, fil-Finlandja, u fir-Renju Unit juru li l-effiċjenza u l-affidabbiltà tas-servizzi postali ttejbu u jissodisfaw il-bżonnijiet taċ-ċittadini u n-neġozji[11]. Il-mod kif il-konsumaturi jħarsu lejn l-aċċess għas-servizzi postali jvarja sew skond is-suq nazzjonali[12].

L-analiżi tad-dispożizzjoni dettaljata dwar ir-rekwiżiti tas-servizz universali (prezzijiet aċċessibli, kwalità stabbilita, preżenza sħiħa tan-netwerk ta' l-uffiċċji postali) kif ukoll tibdil fl-ambjent tax-xogħol, juru li l-operaturi u l-klijenti qed iħossu l-impatt tal-bidliet fis-settur, irrespettivament mill-ftuħ tas-suq. Muturi ewlenin bħad-domanda, żviluppi teknoloġiċi, bidliet organizzattivi u sistemi reġolatorji qed jaffettwaw il-mod kif is-servizz universali qed jiġi pprovdut[13]. Evolva dinamiżmu ġdid, b'żieda fil-professjonalizzazzjoni fil-forniment tas-servizzi universali, b'servizzi mtejba u b'valur ogħla għall-konsumaturi.

IMPATTI POTENZJALI FUQ IS-SERVIZZ UNIVERSALI F'XENARJU TA' SUQ MIFTUħ BIS-SħIħ

L-impatt fuq il-forniment tas-servizz universali

L-aċċess għas-servizzi postali

Il-bidla fil-mod tradizzjonali kif taċċessa s-servizzi postali universali diġà tidher, u tirrifletti notevolment kif il-konsumaturi issa jaċċessaw is-servizzi postali, u mhi mistennija ebda bidla sinifikanti oħra hekk kif jinfetaħ is-suq bis-sħiħ. Mil-lat pożittiv, huma mistennija servizzi armonizzati aħjar u ta' kwalità ogħla; mil-lat negattiv, jista’ jiġi affetwat l-aċċess f'żoni mbegħda, li jista' jimplika il-ħtieġa ta' miżuri ta' għajnuna jekk jiġu offruti alternattivi fjakki mill-fornituri tas-servizz universali u minn operaturi oħrajn fis-suq. F'ambjent fejn hemm għadd ta' operaturi, partikolarment tul il-perjodu ta' trażizzjoni, tkun neċessarja superviżjoni regolatorja biex tiggarantixxi l-aċċess għas-servizzi lill-konsumaturi u lill-intrapriżi żgħar u medji.

Il-kwalità tas-servizz

Tqassim li jilħaq kullimkien u kwalità għolja tas-servizzi huma l-aktar vantaġġi importanti tal-kummerċjalizzazzjoni għall-fornituri eżistenti tas-servizz universali. B'kompetizzjoni sħiħa, għalihom ma jkunx jagħmel sens li jnaqqsu l-istandards tagħhom. Fl-oqsma tas-suq li huma anqas attraenti, fin-nuqqas tal-pressjoni tal-kompetizzjoni, ikun meħtieġ kontroll regolatorju u sorveljar kontinwi biex tkun żgurata l-kwalità[14].

Il-prezz u l-aċċessibilità tiegħu

Ġeneralment, l-impatt mistenni tal-ftuħ bis-sħiħ tas-suq fuq is-servizz universali huwa armonizzar aħjar tas-servizzi mal-bżonnijiet attwali u r-rieda tal-konsumaturi u l-kumpaniji żgħar biex iħallsu għal dawn is-servizzi. Għal konsumaturi iżgħar u, aktar minn hekk, għal dawk il-konsumaturi li jallokaw parti tassew żgħira tal-baġit kumplessiv tagħhom għas-servizzi postali, l-istabbiltà fl-ipprezzar tibqa' importanti u jistgħu jiddaħħlu salvagwardji regolatorji, fil-forma ta' mekkaniżmi ta' limitu massimu fuq il-prezzijiet, biex jikkontrollaw l-iżviluppi.

L-impatt fuq il-finanzjament tas-servizz universali

Il-forzi tas-suq aktar ma jmur aktar se jikkontribwixxu għal forniment aktar effiċjenti tas-servizz universali u jillimitaw l-ispejjeż tal-parti li jifdal li ma tkun ta' l-ebda interess ekonomiku dirett. Madankollu, il-futur tas-servizz universali ma jistax jiġi fdat kompletament fuq il-forzi tas-suq. Għandu jingħata ċertu livell ta' libertà kummerċjali lill-fornituri tas-servizz universali (notevolment fir-rilaxx tal-limitu fuq l-uniformità tal-prezz għall-posta voluminuża), u, fejn ġustifikat u proporzjonat, jista' jkun meħtieġ finanzjament ad-hoc . Barra minn hekk u notevolment fis-swieq b'volumi baxxi għal kull persuna, jistgħu jiġu implimentati wkoll miżuri regolatorji.

L-impatt fuq l-aspett ta' l-impjiegi

Ir-ristrutturar ta' l-operaturi eżistenti hija tendenza li għaddejja bħalissa, u l-ftuħ tas-suq huwa biss wieħed mill-muturi tagħha. Kumplessivament, jista' jinkiseb aktar potenzjal billi jkun appoġġat suq miftuħ aktar dinamiku, li jibbenifika mill-industrija fil-wisgħa tagħha, milli jinżamm l- istatus quo attwali[15]. Huwa mistenni li l-effetti mdaħħla mill-ftuħ sħiħ tas-suq bit-twessiegħ tal-qies kumplessiv tas-swieq postali u bit-tħaffif ta' l-integrazzjoni u l-kompetittività ma' metodi alternattivi ta' komunikazzjoni u trasport, se jkomplu jgħinu biex il-fornituri tas-servizz universali jżommu impjiegi sostenibbli kif ukoll biex jgħinu l-ħolqien tax-xogħol ma' operaturi oħrajn u parteċipanti ġodda fis-suq.

L-impatt fuq il-koeżjoni territorjali u soċjali

Safejn il-fornituri tas-servizz universali jkunu qed jaqdu funzjoni soċjali, huma jistgħu jitolbu kumpens finanzjarju xieraq. Tweġibiet xierqa għandhom u jistgħu jiġu trattati fuq livell nazzjonali, fejn l-aħjar, fejn talbiet bħal dawn jistgħu jiġu vvalutati bl-aħjar mod u fejn tista tingħata t-tweġiba xierqa f'termini ta' finanzjament (ara l-eżempji ta' Franza u tan-Norveġja)[16].

Ir-rilevanza tad-differenzi fl-Istati Membri

Punt importanti ta' min jikkunsidra f'din il-valutazzjoni huwa l-impatt differenti mal-ftuħ tas-suq f'kull Stat Membru, waqt li titqies is-sitwazzjoni tas-suq postali nazzjonali tiegħu u l-istadji differenti tal-preparazzjoni tal-fornituri eżistenti tas-servizz universali. Qed jiġi sostnut li, abbażi ta' dawn id-differenzi, f'uħud mill-Istati Membri l-ftuħ tas-suq jista' jkun ta' ħsara għall-forniment tas-servizz universali. L-istudju li sar minn PWC analizza d-differenzi kollha madwar l-UE fl-eventwalità tax-xenajru ta' ftuħ sħiħ tas-suq, u kkonkluda li fl-ebda Stat Membru l-ftuħ tas-suq fl-2009 mhu se jikkomprometti s-servizz universali, u għaldaqstant, lanqas m'għandu jiġi pospost. Dan jikkonferma l-valutazzjoni tal-Kummissjoni nnifisha u evalwazzjonijiet oħra, notevolment l-istudju ta' Ecorys li jagħti aktar dettalji dwar il-perspettivi ta' l-iżvilupp tal-kompetizzjoni għal kull suq; żewġ studji wara xulxin dwar l-iżvilupp tas-suq postali Ewropew minn Wik-Consult; u l-istudju dwar l-ekonomiji postali minn Nera (minkejja li ma jirrappurtawx formalment b'format imqassam skond il-pajjiż, dawn it-tliet studji jsegwu l-istess direzzjoni)[17].

Abbażi ta' każ każ, jista' jkunu meħtieġa ċerti miżuri fil-livell ta’ l-Istat Membru biex jindirizzaw kwalunkwe nuqqas fil-livell ta' preparazzjoni ta' l-operaturi eżistenti. Dan jippermetti l-operatur eżistenti biex jirristruttura mingħajr ma jbaxxi s-servizz universali. Il-konferma tad-data finali tal-ftuħ sħiħ tas-suq iġġib magħha l-inċentivi biex il-preparazzjoni titlesta fil-ħin. Kwalunkwe problemi speċifiċi li xi fornituri tas-servizz universali jistgħu jiltaqgħu magħhom jistgħu jittaffew b'salvagwardji addizzjonali – mingħajr il-ħtieġa li l-ftuħ sħiħ tas-suq jiġi pospost għal wara l-2009.

Ir-riskji tal-posponiment tar-riforma

Mingħajr il-prospetti tal-ftuħ attwali tas-suq, il-forniment fit-tul tas-servizz universali jista' jitpoġġa taħt theddida[18]. Jinħtieġ aktar investiment biex jingħelbu sfidi ġodda tas-suq u jitkompla jiġi fornut is-servizz universali, minħabba li l-gvernijiet nazzjonali, li qed jaffaċċaw restrizzjonijiet baġitarji, huma anqas lesti li jinvestu fl-infrastruttura postali[19]. Fil-valutazzjoni ta' l-opportunità ta' investiment fis-settur, il-parteċipanti se jkunu jeħtieġu ċertezza regolatorja u konferma tal-ftuħ tas-suq biex jiżblokkaw il-potenzjal tas-suq postali.

Barra minn hekk, it-tkomplija tal-protezzjoni tal-monopolju ma tagħtix l-inċentivi meħtieġa mill-operaturi eżistenti biex jiggarantixxu l-kwalità u l-effiċjenza għall-benefiċċju ta' dawk kollha li jagħmlu użu mis-servizz. Il-prospetti ta' żieda (kontinwa) fil-prezzijiet se tħeġġeġ lill-konsumaturi biex jaqilbu għal mezzi ta' komunikazzjoni alternattivi. Dan ukoll ifixkel pjanijiet attwali ta' investimenti, u jillimita l-inizjattiva għall-innovazzjoni u għal servizzi b'valur miżjud. Aktar minn hekk, fit-tul, impjiegi fis-settur postali jispiċċaw fir-riskju, l-istess bħall-impjiegi f'setturi anċellari li jiddependu fuq suq postali dinamiku. Fil-qosor, il-posponiment tal-proċess jagħti sinjali ħżiena lis-suq.

Fin-nuqqas ta' aktar ftuħ tas-suq, intervent regolatorju addizzjonali jkun meħtieġ biex jistimola u jiggwida l-kompetizzjoni mingħajr ma neċessarjament jiżgura effiċjenza u attenzjoni akbar għall-konsumatur. Dan jikkontradixxi l-idea ta' regolamentazzjoni aħjar u aktar iffukata, li hija l-istrateġija l-aktar li qed tiġi adottata madwar l-UE[20].

MIżURI KOMPLIMENTARI U MARBUTA GħAS-SALVAGWARDJA TAS-SERVIZZ UNIVERSALI FI ħDAN FTUħ SħIħ TAS-SUQ

Livelli differenti tal-miżuri: forzi tas-suq, regolament ta' l-UE / Stati Membri

Hemm għadd ta' possibbiltajiet li se joħorġu mill-forzi tas-suq u regolamentazzjoni ta' l-UE jew nazzjonali, li se jgħinu lis-suq jinfetaħ filwaqt li jitħares is-servizz universali. L-ewwel pass huwa l-impenn tal-fornituri tas-servizz universali biex jadattaw għall-kuntest il-ġdid u jħallu s-servizz universali jgawdi mill-effiċjenzi dinamiċi (permezz ta' riorganizzazzjoni, aktar orjentazzjoni lejn il-konsumatur, jew adattament tal-ħaddiema). It-tieni pass huwa li l-konsumaturi tas-servizz postali jiġu pprovduti b'aktar salvagwardji għas-servizz universali permezz tal-qafas regolatorju fil-livell ta' l-UE u/jew ta' l-Istat Membru. Fl-aħħar nett, fejn meħtieġ u jkun ġustifikabbli, għandu jkun possibbli li jintalab finanzjament għas-servizz universali.

F'din l-ordni, dawn il-miżuri differenti joffru firxa wiegħsa ta' alternattivi għal minn jieħu d-deċiżjonijiet biex jagħżel minnhom sabiex jiġu sodisfatti bl-aħjar mod il-bżonnijiet speċifiċi nazzjonali. Għadd ta' studji ta' riċerka u każijiet jikkonfermaw li dawn il-miżuri jistgħu jiġu implimentati bl-impenn xieraq mill-partijiet ikkonċernati[21].

Tweġibiet dwar is-suq: effiċjenzi dinamiċi

Żvilupp ta' volumi:

Fid-dawl ta' l-importanza ta' l-ekonomiji fi skala kbira għall-forniment tas-servizz universali, il-volumi tal-posta huma fattur ewlieni li jgħin biex itaffi l-impatt potenzjanli tal-ftuħ tas-suq. Jeżistu aspettazzjonijiet sinifikanti ta' tkabbir għas-swieq b'volumi għall kull persuna baxxi[22], speċjalment dawk li jidher li l-aktar se jkunu affetwati bil-ftuħ tas-suq[23]. Fl-aħħar nett, it-twessiegħ ta' sħubija fl-industrija tal-posta jista' jtejjeb konsiderevolment il-kundizzjonijiet biex jiġu żviluppati aktar il-volumi. Bl-istimolu ta' l-użu tal-posta bħala mezz – inkluż il-posta diretta bħala kontributur ewlieni – dawn il-fatturi se jgħinu direttament jew indirettament il-forniment tas-servizz universali.

Diversifikazzjoni tad-dħul:

Jeżistu opportunitajiet tas-suq għall-operaturi postali, b'daqsxejn libertà kummerċjali, sabiex jiddiversifikaw id-dħul tagħhom u jgawdu mill-ekonomiji ta' ambitu usa'. Abbażi ta' sussidji trasversali interni, il-fornituri tas-servizz universali jistgħu jassiguraw indirettament l-kapaċità tagħhom li jipprovdu s-servizz postali universali fejn meħtieġ. Hemm biżżejjed ċans għall-operaturi postali biex jidħlu b'suċċess għal żieda fl-attivitajiet tal-katina ta' valur u jibnu portafoll usa' tas-servizzi. Bosta operaturi ta' daqs u skala ta' ambizzjoni differenti, diġà daħlu b'suċċess f'attivitajiet postali bankarji, fl-iżvilupp ta' attivitajiet ta' bejgħ bl-imnut, loġistiċi u fi żviluppi espress reġjonali jew internazzjonali, jew f'aktar sħubija ma' l-industrija tal-loġistiċi[24].

Ristrutturar tal-fornituri tas-servizz universali

Ir-rijorganizzar ta' l-operazzjonijiet tal-fornituri eżistenti huwa element ewlieni fit-tħejjija għall-ftuħ sħiħ tas-suq, li jippermettilhom jiffaċċjaw il-kompetizzjoni filwaqt li jżommu l-livell tas-servizz universali, u fil-fatt jipprovdu servizzi aktar effiċjenti lil dawk kollha li jużawhom. Għadd ta' normi ta' referenza jindikaw li hemm biżżejjed lok għal tnaqqis fl-ispejjeż u juru possibbiltajiet ta' ristrutturar f'perjodi u modi differenti[25].

Fl-aħħar nett, billi persentaġġ kbir tal-ħaddiema qed joqrob l-età ta’ l-irtirar, għandu jkun possibbli li jiġi adattat gradwalment il-livell ta' l-impjiegi, jekk ikun hemm il-ħtieġa għall-adattament għall-kuntest ġdid tas-suq.

Salvagwardji regolatorji

M'hemmx soluzzjoni unika għat-tħejjija għall-ftuħ tas-suq. Taħlita ta' miżuri proattivi differenti fil-livell tas-suq u l-impenn sod favur ir-riforma jippermettu lill-fornituri tas-servizz universali jiffaċċjaw, u jibbenefikaw, mill-ftuħ tas-suq. Barra minn hekk, ċerti miżuri regolatorji jistgħu jkunu xierqa bħala salvagwardji kumplimentari għas-servizz universali.

Miżuri biex jiġi żgurat is-servizz universali

Id-Direttiva Postali (bħal fl-Artikoli 4 u 22) bla dubji tipprovdi lill-Istati Membri qafas biex jiżguraw il-forniment tas-servizz universali, inkluż rekwiżiti ċari dwar il-ħarsien tal-konsumatur. Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali mwaqqfa permezz tad-Direttiva Postali huma l-aħjar mezz biex issir sorveljanza tal-forniment tas-servizz universali u biex jittieħdu l-miżuri xierqa, jekk dan ikun qiegħed f'riskju. Huma għandhom il-possibilità li jagħżlu l-mekkaniżmi li jqisu l-iktar effiċjenti u xierqa biex jiggarantixxu d-disponibilità tas-servizz universali, filwaqt li jħarsu l-prinċipji ta' l-oġġettività, it-trasparenza, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni, il-proporzjonalità u x-xkiel mill-anqas għas-suq.

Aċċess għall-infrastruttura tal-fornitur tas-servizz universali

Filwaqt li aċċess għall-infrastruttura tal-fornitur tas-servizz universali f'kuntest ta' operaturi varji jista' faċilment jitħares bi ftehimiet bejn l-operaturi, bħal ma joħroġ mill-eżempju ta' l-Isvezja, l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali jistgħu wkoll jieħdu funzjoni ta' sorveljar f'dan ir-rigward.

Sistemi xierqa ta' aċċess sussegwenti ulterjuri ( downstream – li jagħtu aċċess lill-kompetituri għan-netwerk tat-tqassim tal-fornitur eżistenti) jistgħu jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' rotot rurali jew żoni bi spejjeż għolja[26]. Din il-kwistjoni tista' tiġi trattata l-aħjar fil-livell nazzjonali biex ikun hemm flessibiltà u jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Il-flessibbiltà kummerċjali għall-posta tan-negozju

It-tneħħija tal-limiti dwar l-uniformità fil-prezz għall-posta tan-negozji u l-għoti ta' flessibbiltà fl-ipprezzar lill-fornituri tas-servizz universali, se jgħinhom konsiderevolment biex jadattaw għall-ftuħ tas-suq[27].

Ir-rwol konġunt ta' l-awtoritajiet regolatorji u tal-kompetizzjoni

Hemm ir-riskju li l-kompetizzjoni ma tiżviluppax kif antiċipat u li l-benefiċċji tal-kompetizzjoni msemmija fit-taqsimiet preċedenti ma jinkisbux. Il-kompetizzjoni fil-fażi tal-bidu hija fraġli, u se jkun hemm il-bżonn ta' sorveljar xieraq minn awtoritajiet regolatorji u tal-kompetizzjoni[28].

L-użu ta' sistemi ta' liċenzji f'ċirkostanzi eċċezzjonali

Jekk sistemi ta' liċenzji xierqa u proporzjonali jistgħu jkomplu jippermettu l-introduzzjoni ta' rekwiżiti speċifiċi għal operaturi postali ġodda dwar kwalità, disponibbiltà u rendiment tas-servizz rilevanti sabiex jitħares is-servizz universali.

Mekkaniżmi ta' limitu massimu fuq il-prezzijiet

Ir-regolatur nazzjonali għandu l-kapaċità (abbażi ta' mekkaniżmi adegwati ta' limitu massimu fuq il-prezzijiet) li jikkontrolla l-ammont u l-frekwenza ta' kwalunkwe żieda eventwali fil-prezz u li jżomm il-prezzijiet f'livell raġonevoli u ġustifikat.

Salvagwardji marbuta mal-finanzjament tas-servizz universali

Anki wara li l-Istati Membri jkunu daħħlu l-miżuri neċessarji biex jiffaċilitaw l-adattament ta' l-ambjent regolatorju u tas-suq għall-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni akbar[29], ma jistax jiġi eskluż li f'xi Stati Membri jkun għad jinħtieġ il-finanzjament ta' kwalunkwe spiża netta ġustifikata li jifdal għall-forniment tas-servizz universali. Ġabra ta' għażliet alternattivi għall-qasam riżervat hija disponibbli biex tipprovdi kumpens (għajnuna mill-istat, tariffi settorali jew fond ta' kumpens) jew issib modi alternattivi biex tforni s-servizz (offerti pubbliċi, impożizzjoni ta' obbligi tas-servizz universali fuq operaturi oħrajn). Dawn il-mekkaniżmi, possibilment kumplimentari, jistgħu jiġu implimentati fil-livell nazzjonali sa kemm huma meħtieġa u ġustifikati b'mod adegwat. It-test tal-proporzjonalità implikat idaħħal aktar dixxiplina mill-qasam riżervat.

KONKLUżJONI

Is-servizz universali jista' jitħares bil-ftuħ sħiħ tas-suq fl-2009

Meta jitqies kollox, l-istrateġija magħżula mil-leġiżlaturi ta' l-UE 15-il sena ilu, essenzjalment it-twettiq sħiħ tas-suq postali intern flimkien ma' servizz postali universali ta' kwalità għolja jidhru li huma sostenibbli u jistgħu jintlaħqu sa l-2009 fl-Istati Membri kollha. Għall-kuntrarju, hemm riskji serji jekk dan il-proċess jittawwal minħabba li s-suq qed jevolvi b'għaġġla u jeħtieġ aktar riforma. Is-servizz postali universali, il-klijenti inkluż il-konsumaturi, u l-livelli ta' l-impjiegi, jistgħu jinqdew l-aħjar kieku din l-evoluzzjoni kienet akkumpanjata minn sorveljanza regolatorja adegwata, li tippermetti lill-parteċipanti biex joperaw aħjar bejniethom f'suq kompetittiv.

Għall-qafas regolatorju postali Ewropew, in-nuqqas li jiġu rrikonoxxuti l-iżviluppi evoluttivi tas-suq jista' jitfa' pressjoni fuq is-sostenibbiltà fit-tul tas-servizz universali billi ma jingħatawx l-inċentivi ġusti lill-forzi tas-suq.

Miżuri ta' ħarsien u mekkaniżmi ta' finanzjament alternattiv huma fis-seħħ

Fejn hu meħtieġ, diġà hemm fis-seħħ, jew tista' tkun disponibbli, ġabra ta' miżuri ta' għajnuna, li tipprovdi s-servizz universali, b'għajnuna adegwata biex takkumpanja l-evoluzzjoni tas-suq, u għalhekk tiżgura li l-bżonnijiet taċ-ċittadini ta' l-UE jinqdew b'servizz postali effiċjenti u affidabbli. Miżuri bħal dawn jistgħu wkoll jgħinu swieq speċifiċi fejn il-livell ta' preparazzjoni tal-fornitur tas-servizz universali xorta ma tkunx biżżejjed.

Ġew identifikati mekkaniżmi ta' finanzjament alternattiv biex jikkumpensaw, jekk ikun meħtieġ u proporzjonat, għall-forniment tas-servizz universali. Fi ħdan il-qafas postali ta' l-UE, is-sussidjarjetà se tippermetti li l-aħjar t-taħlita adattata ta' miżuri differenti tkun tista' tiġi implimentata biex tħares is-servizz universali.

Il-passi li jmiss

Il-ftuħ sħiħ tas-suq huwa biss l-ewwel pass għall-kisba ta' l-għan ta' suq kompetittiv effettiv, li jiżġura s-sostenibbiltà fit-tul tas-servizz postali universali. Perjodu tranżitorju tas-suq qed jiġi previst fejn il-forzi tas-suq se jadattaw għall-kuntest il-ġdid. Ladarba s-suq postali jistabilizza ruħu, miżuri regolatorji ta' għajnuna jistgħu ma jibqgħux meħtieġa u/jew ikunu meħtieġa oħrajn ġodda. Tul din it-tranżizzjoni, l-operaturi tas-suq se jkollhom jadattaw u r-regolaturi se jinħtieġu li jissorveljaw bir-reqqa l-iżviluppi biex jiżguraw li ċ-ċittadini u n-negozji ta' l-UE jistgħu jgawdu bis-sħiħ minn servizz universali ta' livell għoli u mill-attenzjoni akbar lejn il-konsumatur mill-parteċipanti postali kollha.

[1] L-Artikolu 7 (3) tad-Direttiva 97/67/KE kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE

[2] " The impact on universal service of the full market accomplishment of the postal internal market in 2009 ," PriceWaterhouseCoopers, 2006 (hawn taħt imsejjaħ PwC 2006)

[3] Il-Kummissjoni kkummissjonat 20 studju mill-bidu tar-riforma postali ta' l-UE: ara: http://ec.europa.eu/internal_market/post/studies_en.htm

[4] Karta Ħadra dwar l-iżvilupp ta' suq wieħed għas-servizzi postali, COM(91)476 finali.

[5] Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2002/39/KE.

[6] COM(91) 476 finali; ĠU C 48, 16.2.1994; id-Direttiva 97/67/KE u d-Direttiva 2002/39/KE; COM(2002) 632 finali; COM(2005) 102 finali; COM(2006) 595.

[7] " Main developments in the postal sector (2004-2006) ", WIK Consult, 2006 (hawn taħt imsejjaħ WIK 2006).

[8] COM(2002) 632, COM(2005) 102, COM(2006) 595.

[9] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali (Id-Direttiva 97/67/KE kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE) (2005/2086(INI)), Frar 2006

[10] “ The European Mail Manifesto: Growth, Partnership and Innovation in a changing industry ” Postal Users' Group, 2006

[11] " A broad economic analysis of the effects of liberalising the postal market ", Swedish Institute for growth policy studies 2005

[12] Sors: Stħarriġ ta' l-Eurobarometer 2002 (EU15 biss), 2003 (NMS biss), 2004, 2006 u Focus Groups 2006

[13] " Technology and innovation in the postal sector " A D Little 2004; " European landscape in 2015 " Boston Consulting Group, 2006 (hawn taħt imsejjaħ BCG 2006)

[14] " The evolution of the regulatory model for European postal services " Wik-Consult 2005 (hawn taħt imsejjaħ Wik 2005)

[15] BCG 2006 p.19

[16] PwC 2006 p.169

[17] " Economics of postal services ", Nera 2004; " Development of competition in the postal sector " Ecorys 2005 (hawn taħt imsejjaħ Ecorys 2005); " Main developments in the European postal sector " Wik-Consult 2004 (hawn taħt imsejjaħ Wik 2004); Wik 2006, PwC 2006

[18] " Giving customers choice: a fully open postal services market " Postcomm 2005

[19] Wik 2006 p.159

[20] " Better Regulation for Growth and Jobs in the European Union " , SEC(2005) 175

[21] Wik 2004; Ecorys 2005; Wik 2006; BCG 2006; PwC 2006

[22] Wik 2006 p.202

[23] PwC 2006 p.119

[24] Wik 2004; BCG 2006; PwC 2006

[25] PwC 2006 p.177; BCG 2006 p.52

[26] PwC 2006 p.129; Wik 2005 p.94

[27] Wik 2005 p.138; PwC 2006 p.115

[28] " The impact of competitive entry into the Swedish postal market " Cohen R et al 2006; Wik 2005; Ecorys 2005; Wik 2006 anness A2

[29] Ara notevolment il-proposta tal-Kummissjoni dwar VAT postali (COM (2003) 234 kif emendata mill-COM (2004) 468, li għadha quddiem il-Kunsill għall-kunsiderazzjoni.

Top