This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006DC0155
Report from the Commission - The agricultural situation in the European Union - 2004 Report {SEC(2006)423}
Rapport mill-Kummissjoni - Is-sitwazzjoni agrikola fl-Unjoni Ewropea - Ir-Rapport ta’ l-2004 {SEG(2006) 423}
Rapport mill-Kummissjoni - Is-sitwazzjoni agrikola fl-Unjoni Ewropea - Ir-Rapport ta’ l-2004 {SEG(2006) 423}
/* KUMM/2006/0155 finali */
Rapport mill-Kummissjoni - Is-sitwazzjoni agrikola fl-Unjoni Ewropea - Ir-Rapport ta’ l-2004 {SEG(2006) 423} /* KUMM/2006/0155 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 4.4.2006 KUMM(2006) 155 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Is-sitwazzjoni agrikola fl-Unjoni Ewropeair-Rapport ta’ l-2004{SEG(2006) 423} INTRODUZZJONI 1. “Is-sitwazzjoni agrikola fl-Unjoni Ewropea – Ir-Rapport ta’ l-2004” tlesta f'Settembru 2005, u huwa ppubblikat flimkien mar-Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea. Fil-bidu ta’ l-2005, inħarġet pubblikazzjoni separata bl-Ingliż bit-titlu: " Agriculture in the European Union — Statistical and economic information 2004 ". Ir-rapport preżenti, f’disa’ kapitoli, jittratta s-suġġetti sinifikanti prinċipali ta’ matul is-sena inkwistjoni. 1. Is-sitwazzjoni ekonomika u d-dħul finanzjarju tal-farms 2. Fl-2004, il-produzzjoni ta’ l-uċuh tar-raba’ kienet ogħla minn dik tas-sena preċedenti. Fil-każ tal-prodotti mill-bhejjem (jiġifieri laħam, ħalib u prodotti oħra li ġejjin mill-ħalib), il-bdiewa jew ipproduċew l-istess ammont, inkella iktar, skond il-prodott. F’sens ġenerali, il-bdiewa fl-għaxar Stati Membri l-ġodda raw l-introjti tagħhom jiżdiedu konsiderevolment peress li bdew jirċievu pagamenti diretti skond il-Politika Agrikola Komuni. F’xi wħud mill-15-il Stat Membru “l-antiki”, il-bdiewa esperjenzaw żieda fl-introjtu, filwaqt li f’xi oħrajn, l-introjti tagħhom naqsulhom. Ir-raġuni prinċipali għall-waqgħa fl-introjti kienet li l-bdiewa kellhom iħallsu aktar għall-fjuwil, il-fertilizzanti u l-għalf tagħhom. Fl-Unjoni Ewropea kollha, l-introjtu mill-agrikoltura żdied bi 3 %. Meta niġu għad-distribuzzjoni ta' l-introjtu, l-20 % tal-farms fil-quċċata rċevew 70 % ta' l-introjtu totali tal-farms, filwaqt li l-ogħla 50 % tal-farms irċevew 90 % ta’ l-introjtu totali tal-farms. 3. L-ekonomija dinjija kibret b’rata stimata ta’ 5 % matul l-2004. Din kienet l-aktar rata qawwija mis-sebgħinijiet ’l hawn u ġiet ikkawżata mill-politiki ta’ appoġġ makroekonomiċi, rati ta’ interess storikament baxxi u tkabbir partikolarment qawwi f'xi ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina. Il-prezzijiet taż-żejt għolew f’daqqa matul is-sena, biex laħqu l-quċċata f’Ottubru 2004 fil-livell ta’ madwar USD 55 il-barmil. Fl-Unjoni Ewropea, it-tkabbir ekonomiku huwa mbassar li kien ta’ 2.5 %. L-Euro mmarkat l-ogħla rata tal-kambju meta mqabbla mad-dollaru fi Frar, biex spiċċa s-sena fil-livell ta' USD 1.36. 4. Fl-ewwel disa’ xhur ta’ l-2004, il-valur kumplessiv ta’ l-esportazzjonijiet agrikoli ta’ l-UE kien stabbli meta mqabbel ma’ l-istess perjodu fl-2003. Il-valur kumplessiv ta’ l-importazzjonijiet tela’ b’4 % fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, meta mqabbel ma’ l-istess perjodu fl-2003 (l-UE baqgħet importatur nett taċ-ċanga għat-tieni sena konsekuttiva). L-iżbilanċ kummerċjali kumplessiv fil-prodotti agrikoli fl-ewwel disa' xhur tas-sena kompla jikber għal EUR 3 biljuni meta mqabbel ma' EUR 2 biljuni fl-2003. Meta niġu għal-livell ta’ stokks ta’ intevent, dawn naqsu fil-każ tal-laħam u l-prodotti mill-ħalib, imma kienu mistennija jiżdiedu għaċ-ċereali, minħabba l-ħsad eċċezzjonali fl-2004 u l-prezzijiet baxxi fis-suq dinji taċ-ċereali. 2. L-iżviluppi politiċi u l-inizjattivi leġiżlattivi fl-2003 2.1. Ir-riforma tal-PAK 5. F’Ġunju 2003, intlaħaq qbil dwar pakkett ta’ riformi għall-PAK. L-element ċentrali tar-riforma kien “skema ta’ pagament waħdani” – il-ħlas ta’ assistenza ddekoppjata li (mill-2005 ’l quddiem) jinkorpora u jissostitwixxi bosta mill-assistenzi diretti li kienu jingħataw lill-bdiewa qabel. 6. F'April 2004, intlaħaq qbil fuq it-tieni serje ta’ riformi. Dan japplika għat-tabakk, iż-żejt taż-żebbuġa, il-qoton u s-settur tal-ħops. Parti konsiderevoli mill-pagamenti konnessi mal-produzzjoni li saru lil dawk il-bdiewa li kabbru dawn l-uċuh tar-raba' se tiġi trasferita fl-iskema ta' pagament waħdani ddekoppjat (introdotta fil-PAK f’Ġunju 2003). Il-pagamenti se jkollhom jikkonformaw ma’ obbligi orizzontali bħall-kundizzjonalità ( cross-compliance ), il-modulazzjoni u d-dixxiplina finanzjarja. Ir-riformi se jidħlu fis-seħħ fl-2006 (fl-2005 fil-każ tal-ħops). 2.2. Il-politika dwar il-kwalità 7. Permezz ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 383/2004, il-Kummissjoni introduċiet trasparenza akbar fil-politika tagħha biex tipproteġi l-ismijiet tal-prodotti agrikoli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproduċiet Gwida tar-Regolamenti Komunitarji sabiex tispjega l-għan, l-ambitu u l-implikazzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nru 2081/92 u (KEE) Nru 2082/92, li huma r-Regolamenti li jispeċifikaw il-politika ta’ kwalità ta’ l-UE. Matul is-sena, il-Kummissjoni żiedet 49 isem mal-lista ta’ deżinjazzjonijiet ta’ l-oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti: il-lista bħalissa fiha 681 prodott. 2.3. L-agrikoltura organika 8. F’Ġunju 2004, il-Kummissjoni nediet il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-ikel u l-agrikoltura organiċi. Dan janalizza l-istat attwali tas-settur organiku u jistabbilixxi qafas kumplessiv għall-politika f’dan il-qasam. Jistipula wkoll 21 azzjoni, inklużi inizjattivi regolatorji, sabiex javvanza l-politika favur l-iżvilupp ibbilanċjat tas-settur. Il-pjan huwa r-riżultat ta’ eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika, li żvolġa matul dawn l-aħħar tliet snin u li gawda mill-kontributi ta' l-Istati Membri, l-Istituzzjonijiet Komunitarji u l-partijiet interessati kollha. 2.4. Miżuri promozzjonali 9. Bħal fis-snin l-imgħoddija, il-Kummissjoni kompliet tippromwovi l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli kemm fi ħdan l-UE kif ukoll ’il hinn minnha. Fl-2004, għadd ta’ programmi innovattivi għall-promozzjoni tal-prodotti ġew approvati għall-kofinanzjament. Tlettax minn dawn kienu f'pajjiżi barra l-UE (fil-Ġappun, ir-Russja, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-Kanada u l-Brażil fost oħrajn). 46 programm ġdid ġew approvati sabiex jippromwovu l-prodotti fl-UE. 2.5 . Is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni agrikola 10. Is-simplifikazzjoni baqgħet mira importanti matul l-2004. Għan wieħed huwa li l-leġiżlazzjoni ssir kemm jista’ jkun ċara, trasparenti u aċċessibbli. Tir ieħor huwa li l-bdiewa u l-awtoritajiet nazzjonali varji li huma responsabbli mill-amministrazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni jitnaqqsilhom il-mili ta’ formoli. 2.6. L-assistenza mill-Istat 11. F'Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1860/2004 dwar l-assistenza de minimis lill-bdiewa u s-sajjieda. Dan ir-Regolament jeżenta lill-Istati Membri milli jkollhom jinnotifikaw minn qabel lill-Kummissjoni meta jagħtu assistenza nazzjonali lill-bdiewa u s-sajjieda, sakemm l-assistenza ma tkunx tisboq it-EUR 3 000 għal kull benefiċjarju. Din l-inizjattiva se tgħin lill-bdiewa u s-sajjieda meta jkunu f’xi kriżi finanzjarja. 12. Matul is-sena, il-Kummissjoni ħadet għadd ta’ deċiżjonijiet konnessi ma’ l-assistenza mill-istat li kienet ingħatat preċedentement għall-promozzjoni u r-reklamar tal-prodotti agrarji. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għoti ta’ assistenza nazzjonali mill-Istati Membri, il-Kummissjoni rċeviet 252 notifika ta’ abbozzi ta’ miżuri fis-settur agrikolu u dak agro-industrijali. Ma qajmet l-ebda oġġezzjoni fil-każ ta’ 212 fost dawn il-miżuri. 2.7. L-assistenza lil dawk fil-bżonn 13. L-Unjoni Ewropea kompliet għaddejja bil-programm ta’ assistenza tagħha għal dawk fil-bżonn billi qassmet prodotti tal-biedja mill-istokks ta’ intervent fost assoċjazzjonijiet li jaħdmu man-nies fil-bżonn fl-Istati Membri. Matul l-2004, tqassmu b’dan il-mod b’kemm jiswew EUR 214 miljun fi prodotti. 2.8. Ir-reġjuni l-aktar periferiċi 14. F’Ottubru, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill maħsub sabiex jirriforma l-iskemi ta’ sostenn għall-agrikoltura fl-aktar reġjuni periferiċi ta’ l-UE. Il-ħsieb wara r-riforma kien li tittejjeb it-treġija ta’ l-iskemi. B’mod partikolari, ir-riforma tfittex li tbiddel il-filosofija wara l-mod kif tingħata l-assistenza billi, ngħidu aħna, titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet. 2.9. Miżuri ta’ informazzjoni li jikkonċernaw il-PAK 15. Il-Kummissjoni kompliet għaddejja bl-isforzi tagħha sabiex tispjega l-PAK lill-bdiewa, lil partijiet oħra u lill-pubbliku ġenerali. Għal dan il-għan, approvat il-kofinanzjament ta’ 31 miżura mmirati lejn eżerċizzji ta' informazzjoni għall-pubbliku dwar il-PAK. Il-miżuri jinkludu seminars, konferenzi, pubblikazzjonijiet u produzzjonijiet awdjoviżivi għall-midja. Il-Kummissjoni stess organizzat numru ta' avvenimenti bħal briefings, hearings u konferenzi għall-istampa. Kienet preżenti wkoll f'ħames fieri agrikoli li ttellgħu f'għadd ta' Stati Membri. 2.10. It-teknoloġija ta' l-informatika u l-komunikazzjoni 16. Fl-2004, saru investimenti biex jippriżervaw u jkomplu jiżviluppaw is-sistemi ta’ l-informazzjoni tad-DĠ ta' l-Agrikoltura. L-iżviluppi ġew xprunati minn żewġ avvenimenti prinċipali: it-tkabbir ta' l-UE u l-introduzzjoni tal-kontabbiltà tip accrual . 2. 11. Il-kumitati konsultattivi u r-relazzjonijiet ma’ l-entitajiet li jirrappreżentaw il-kummerċ 17. Fl-2004, ittellgħu madwar 85 laqgħa tal-kumitati konsultattivi u l-gruppi ta’ ħidma, li matulhom il-Kummissjoni kkonsultat u informat lir-rappreżentanti tal-bosta organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati li attendew. Il-Parlament Ewropew laqqa’ 15-il sessjoni plenarja. Id-DĠ ta’ l-Agrikoltura attenda kulmeta l-Parlament iddiskuta suġġetti ta’ relevanza għall-affarijiet rurali u agrikoli. Id-DĠ ta’ l-Agrikoltura pprovda t-tweġibiet jew ta l-kontribut tiegħu lejhom fil-każ ta’ 616 interpellanza mill-MEPs. 3. Is-swieq agrikoli 3.1. Il-prodotti mill-uċuh tar-raba’ 18. Matul is-sena tas-suq 2003/04, il-produzzjoni taċ- ċereali fil-livell dinji żdiedet meta mqabbla mas-sena li ppreċedietha. Madankollu, fl-UE, din waqgħet konsiderevolment. L-istokks dinjin taċ-ċereali waqgħu mill-ġdid, bl-istima ta’ l-istokks għall-2003/04 tkun ta’ 260 miljun tunnellata, meta mqabbla mat-320 miljun tunellata fl-2002/03 u t-380 miljun fl-2001/02. Għall-ewwel darba f’bosta snin, l-UE pproduċiet inqas ċereali milli kkonsmat; id-differenza bejn il-produzzjoni u d-domanda fil-każ tal-qamħ u l-qamħirrum spikkat b'mod partikolari. 19. Iż-żrieragħ taż-żejt ( oilseeds ) jitkabbru kemm għaż-żejt għall-konsum mill-bniedem kif ukoll biex jitgħaġġnu f’għalf għall-annimali. Minkejja t-temp eċċellenti fl-Ewropa fl-2004 – li ppermetta li l-produttività tirkupra mil-livelli baxxi tas-sena preċedenti – l-UE baqgħet importatur nett taż-żrieragħ taż-żejt. 20. F’dak li għandu x’jaqsam mas-suq dinji taz- zokkor , l-2003/04, għal darba oħra kienet sena li fiha l-produzzjoni qabżet il-konsum. Il-bdiewa taz-zokkor Brażiljani – li huma nettament l-akbar produtturi taz-zokkor fid-dinja – reġgħu laħqu rekord ġdid fil-livell ta’ produzzjoni. Fi ħdan l-UE, l-art miżrugħa pitravi zokkrija kompliet għaddejja bix-xejra negattiva tagħha fuq medda twila ta’ ż-żmien u l-produzzjoni ta' l-2003/04 kienet konsiderevolment anqas minn dik tas-sena preċedenti. It-tnaqqis fil-produttività affettwa l-produzzjoni taz-zokkor bla kwota tip “C”, li jew ikollu jiġi esportat bla sussidju fuq l-esportazzjoni inkella jkollu jingħadda għall-kampanja li jmiss. 21. Il-Kummissjoni pproponiet riforma tas-sistema li tirregola z- zokkor u f’Settembru 2003 ppubblikat analiżi ta’ tliet għażliet rigward il-futur tas-sistema. Matul l-2004, dawn l-għażliet tqanqlu f'diskussjoni dettaljata ma' l-Istati Membri u l-partijiet interessati ewlenin. F'Lulju 2004, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew li spjegat fid-dettall il-proposti tagħha dwar il-futur ta’ l-organizzazzjoni tas-suq komuni taz-zokkor. Fl-essenza tagħha, il-proposta tikkonsisti fi tnaqqis sinifikanti fil-prezz tal-pitravi zokrija li jagħmlu tajjeb għaliha l-pagamenti diretti. 22. L-Unjoni Ewropea hija l-prodottur ewlieni fid-dinja taż- żejt taż-żebbuġa , bil-produzzjoni tagħha tgħodd madwar tliet kwarti tal-provvista dinjija. It-tieni serje ta' riformi tal-PAK adottata f'April 2004 tipprevedi r-riforma ta' dan is-settur. B’mod partikolari, minimu ta’ 60 % tal-pagamenti medji konnessi mal-produzzjoni li daħlu matul il-perjodu 2000–2002 se jinqalbu għal intitolamenti skond l-Iskema ta' Pagament Waħdani. L-azjendi taż-żebbuġ li huma iċken minn 0.3 ta' ettaru se jirċievu pagamenti kollha tagħhom konnessi mal-produzjoni sabiex jissimplifikaw il-proċeduri għall-bdiewa ż-żgħar u jipprovdu dħul stabbli. 23. Fl-2003, il-Kummissjoni bdiet tissimplifika r-regoli rigward il- frott u l-ħaxix frisk . Din il-ħidma komplietha fl-2004. 24. L-UE tkabbar biss proporzjoni ċkejken mill- banana li tikkonsma, filwaqt li timporta l-bqija minn pajjiżi Afrikani, Karibej u Paċifiċi (il-pajjiżi AKP) u minn varjetà ta' pajjiżi terzi oħra, prinċiparjament fl-Amerika t'Isfel u dik Ċentrali. Matul l-2004, invista ta’ l-adeżjoni ta’ għaxar Stati Membri ġodda, kwantità addizzjonali kienet għad-dispożizzjoni għall-importazzjoni lejn dawn il-pajjiżi għal matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Diċembru 2004. 25. L-UE hija l-ikbar esportatur ta’ l- inbid fid-dinja. Is-swieq ewlenin tagħha huma l-Istati Uniti, l-Iżvizzera, il-Kanada u l-Ġappun. Fl-2004, il-valur ta’ l-esportazzjoni kien fl-akwati ta’ EUR 5 biljuni. Fir-rigward ta' l-organizzazzjoni tas-suq komuni fil-każ ta' l-inbid, matul l-2004, il-Kummissjoni adottat għadd ta' miżuri sabiex tikkunsidra s-sitwazzjoni fl-għaxar Stati Membri ġodda. Għas-sena kummerċjali 2004/05, iffissat ukoll allokazzjoni finanzjarja indikattiva għall-irrustrutturar u l-konverżjoni ta’ l-għelieqi tad-dwieli. 3.2. Il-prodotti mill-annimali 26. L-UE hija l-akbar produttur tal- ħalib fid-dinja, wara l-Indja fejn il-biċċa l-kbira tal-ħalib tiġi mill-bufli. L-Istati Uniti tiġi t-tielet. Matul l-2004, in-numru ta’ baqar tal-ħalib waqa’ b’xi nofs miljun għal 24 miljun. L-għadd medju ta' baqar kull farm li jipproduċi l-ħalib fl-UE tela' għal 37. Fost l-UE-15, l-akbar farms li jipproduċu l-ħalib jinsabu fir-Renju Unit (b’għadd medju ta' baqar ta’ 110), filwaqt li l-iżgħar jinsabu fl-Awstrija (10 baqriet). 27. L-UE hija t-tielet l-akbar produttur taċ- ċanga fid-dinja (wara l-Istati Uniti u l-Brażil). Mill-2003 ’l hawn, din saret importatur nett taċ-ċanga; tesporta l-aktar lejn ir-Russja u timporta primarjament mill-Amerika t’Isfel. Fl-ewwel disa’ xhur ta’ l-2004, l-importazzjoni totali taċ-ċanga ammontat għal madwar nofs miljun tunnellata, filwaqt li ġiet osservata żieda fil-livell ta’ l-importazzjoni b’dazju sħiħ. Dan juri pożizzjoni kompetittiva qawwija ta’ xi wħud mill-fornituri taċ-ċanga. 28. Meta niġu għal- laħam tan-nagħaġ u l-mogħoż , is-suq kien sodisfaċenti sakemm ġiet iddikjarata l-marda tal-bluetongue fil-Peninżula Iberjana t'Isfel f'Ottubru 2004, li warajha l-prezzijiet waqgħu. Fir-rigward tal- majjal , l-UE hija t-tieni l-akbar produttur fid-dinja wara ċ-Ċina. Matul l-2004, il-prezzijiet għal dawk li jrabbu l-majjali fl-UE kienu instabbli u spiċċaw is-sena fuq livell baxx ħafna. Il-prezzijiet fl-2004, madankollu, kienu mistennija jogħlew. 29. Tul dawn l-aħħar sitt snin jew ftit aktar, kien hemm żieda sostanzjali ferm fil-produzzjoni dinjija tal- laħam tat-tjur ta' l-irziezet . Iż-żieda kienet ta’ madwar 20 % fis-sena mill-1998 'l hawn. Fl-UE, madankollu, iż-żieda seħħet b'rata ferm aktar kajmana ta' madwar 3 %. Tabilħaqq, fl-2000, il-produzzjoni fl-UE waqgħet minħabba tifqigħa ta’ l-influwenza tat-tjur fl-Italja. Waqgħa oħra fil-produzzjoni ġġarrbet fl-2003 meta kien hemm it-tifqigħat fil-Belġju u l-Olanda. Il-produzzjoni kienet mistennija tiżdied fl-2004. 4. Arranġamenti agromonetarji 30. Il-miżuri agromonetarji adottati fl-2004 kienu limitati għall-iffissar tar-rati tal-kambju li għandhom jiġu applikati għall-assistenza diretta f'dawk l-Istati Membri li ma kinux adottaw l-euro. 5. L-iżvilupp rurali fl-2004 31. Fil-każ tal-perjodu 2000–2006, il-programmar ta’ l-iżvilupp rurali jikkonsisti f’dan li ġej: 68 Programm ta' Żvilupp Rurali – jew RDPs – (ikkofinanzjati mit-taqsima Garanzija ta’ l-EAGGF), 69 programm reġjonali tip Objettiv 1 b'miżuri ta' żvilupp rurali (ikkofinanzjati mit-taqsima Gwida ta’ l-EAGGF) u 20 programm għal reġjuni tip Objettiv 2 b'miżuri ta' żvilupp rurali (ikkofinanzjati mit-taqsima Garanzija ta’ l-EAGFF). 32. Fl-2004, in-nefqa Komunitarja għall-iżvilupp rurali ammontat għal madwar EUR 8 biljun. Minn dan, it-taqsima Garanzija ta’ l-EAGGF ipprovdiet madwar EUR 5 biljuni (minn Ottubru 2003 sa Ottubru 2004), u t-taqsima Gwida ta' l-EAGGF ipprovdiet madwar EUR 3 biljuni (is-sena kalendarja 2004). Fl-2004, il-Kummissjoni approvat modifiki għal 52 programm ta’ żvilupp rurali. Rigward il-programmi LEADER+ li kienu ġew approvati qabel, fi tmiem Diċembru 2004 kienu ntagħżlu 892 mid-938 Grupp ta' Azzjoni Lokali mistennija. 6. L-Ambjent u l-Foresti 33. Fl-2004, il-Kummissjoni pprovdiet kontribut kunċettwali għall-proġett IRENA[1] u ppreżentat qafas analitiku li ħaddan fih l-identifikazjoni ta' ġabra ta' 35 indikatur agro-ambjentali. Il-Kummissjoni kompliet l-implimentazzjoni tal-“Pjan ta’ Azzjoni għall-Bijodiversità fl-Agrikoltura"[2]. F'Mejju 2004, ġie adottat Regolament tal-Kunsill[3] li stabbilixxa programm Komunitarju ġdid pluri-annwali għall-konservazzjoni, il-karatterizzazzjoni, il-ġbir, u l-utilizzar tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura. Għadd ta’ Stati Membri nnotifikaw lil Kummissjoni dwar xi miżuri li daħħlu dwar il-koeżistenza ta’ wċuħ tar-raba’ mmodifikati ġenetikament ma' l-agrikoltura konvenzjonali u dik organika. Il-Kummissjoni evalwat dawn in-notifiki skond il-prinċipji ddikjarati fir-Rakkomandazzjoni tagħha ta' l-2003[4]. 34. Fil-kuntest tal-protezzjoni tal-foresti kontra t-tniġġis atomosferiku[5] u n-nirien[6], il-Kummissjoni kompliet l-immaniġjar tal-proġetti u l-programmi nazzjonali 2000, 2001 u 2002. Hi nediet azzjoni preparatorja fl-isfond ta' l-Informazzjoni Ewropea dwar il-Foresti u l-Pjattaforma ta' Komunikazzjoni. L-għan huwa li jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-sorsi informattivi u databases konnessi mal-foresterija li jeżistu fl-UE u l-użu tagħhom. Il-ħidma kompliet fuq it-tħejjija ta’ rapport implimentattiv dwar l-Istrateġija Forestarja ta’ l-UE. 7. Il-finanzjament tal-PAK fl-2004 35. In-nefqa fuq il-PAK tqis il-perspettivi finanzjarji deċiżi fis-Samit ta’ Berlin fl-1999 kif ġew aġġustati fis-Samit ta’ Kopenħagen fi tmiem l-2002 sabiex tikkonforma ma’ l-effetti finanzjarji ta’ l-espansjoni ta’ l-UE. 36. Mill-approprjazzjonijiet ta’ impenn kumplessivi ta’ EUR 111 300 miljun li ddaħħlu fil-baġit ġenerali ta’ l-2004, ġie allokat ammont ta’ 46 781.4 miljun (jiġifieri 42 %) għas-Sezzjoni tal-Garanzija. Fl-2003, l-impenji tas-Sezzjoni tal-Garanzija EAGGF ammontaw għal 45 % ta’ l-impenji fil-baġit ġenerali. L-infiq tas-Sezzjoni tal-Garanzija EAGGF, fl-2003, kien jikkonsisti fi: rimborż ta’ l-esportazzjonijiet (EUR 3 730 miljun); ħażna pubblika u privata (EUR 930 miljun); assistenza diretta[7] (EUR 29 690 miljun); interventi oħra konnessi ma’ l-organizzazzjonijiet tas-suq komuni (EUR 5 410 miljun); u nfiq ieħor, l-aktar fl-iżvilupp rurali (EUR 4 710 miljun). Il-pagamenti diretti lill-bdiewa, għaldaqstant kienu fiċ-ċar l-akbar tip ta’ assistenza. 37. Meta niġu għas-Sezzjoni tal-Gwida EAGGF, li tiffinanzja l-programmi ta' żvilupp rurali, m'hemm l-ebda tnaqqis fl-appoġġ għall-perjodu 2000–2006. Fil-fatt, il-miżuri li kellhom fil-mira tagħhom l-istrutturi agrikoli u d-diversifikazzjoni taż-żoni rurali li sa l-1999 kienu ffinanzjati mis-Sezzjoni tal-Gwida EAGGF, issa huma koperti mis-Sezzjoni tal-Garanzija. 38. L-evalwazzjoni: Fil-qasam tal-politiki tas-suq, tlestew l-evalwazzjonijiet tas-CMOs tat-tabakk u ż-żejt taż-żebbuġa. Fis-settur ta’ l-inbid, ġie ffirmat kuntratt; fil-kaz tal-banana nħarġet sejħa għall-offerti, u ngħatat spinta lill-ħidma preparatorja rigward il-majjal, il-bajd u t-tjur ta’ l-irziezet, kif ukoll rigward l-effetti ambjentali tas-CMOs marbuta ma’ l-uċuh tar-raba’ permanenti. Fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-politiki rurali, tlesta studju fuq il- mainstreaming ta’ l-innovazzjonijiet LEADER li kienu tnedew fl-2003. 8. It-tkabbir 39. It-Trattat ta’ Adeżjoni għall-għaxar pajjiżi li ssieħbu daħal fis-seħħ nhar l-1 ta' Mejju 2004. Fit-22 ta’ Marzu 2004, ġew adottati regolament[8] li jadatta t-testi tar-Riforma tal-PAK sabiex jikkunsidraw it-tkabbir u deċiżjoni[9] li tadatta l-Att ta’ l-Adeżjoni sabiex jikkunsidra r-Riforma tal-PAK. In-negozjati mal-Bulgarija u r-Rumanija rigward il-kapitoli kollha tlestew f’Diċembru 2004. Il-Kummissjoni kompliet timmonitorja l-impenji li daħlu għalihom dawn iż-żewġ pajjiżi matul in-negozjati. Id-Direttorat-Ġenerali għall-Agrikoltura ħadem mill-qrib mad-DĠ Tkabbir sabiex iħejji l-istudju tal-Kummissjoni dwar l-Impatt ta' l-adeżjoni tat-Turkija u abbozza l-kapitolu dwar l-agrikoltura. Saru kontributi sostanzjali lill-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Kroazja biex din tissieħeb. L-opinjoni ġiet adottata nhar l-20 ta’ April 2004. 40. Tmienja fost l-għaxar pajjiżi li kienu jibbenefikaw mis-SAPARD saru Stati Membri nhar l-1 ta’ Mejju 2004. Il-Kummissjoni adottat għadd ta’ dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mis-SAPARD għall-istrumenti tal-programmi ta’ żvilupp rurali disponibbli għall-Istati Membri l-ġodda. Sa tmiem Diċembru 2004, l-Aġenziji tas-SAPARD kienu kkommettew lill-benefiċjarji l-ammont totali ta’ EUR 2,215 miljun (ammont kumulattiv ta’ kontribut mill-UE). 9. Relazzjonijiet internazzjonali 9.1. Organizzazzjonijiet u ftehimiet internazzjonali 41. L-UE kompliet tipparteċipa f’għadd ta’ laqgħat ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Rigward l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO), wara l-laqgħa Ministerjali falluta ta’ Cancun f'Settembru 2003, il-ħidma tkompliet fir-rebbiegħa ta’ l-2004 u wasslet għal eżitu li rnexxa sew ta’ taħditiet kummerċjali matul Lulju bil-konklużjoni tal-Qafas Maqbul. 42. L-UE pparteċipat ukoll fil-laqgħat ta’ l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD). Matul l-2004, id-diskussjonijiet approfondixxew ruħhom fil-kwistjonijiet tad-distorzjoni tal-kummerċ permezz ta’ tkomplija ta' l-istudji dwar id-"dekoppjar" u l-impatt ta' l-appoġġ konness mar-riskju fuq id-deċiżjonijiet dwar il-produzzjoni. 43. Wara l-konklużjoni tan-negozjati li saru matul l-2004, il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ ta' l-Ikel se jeħodlu postu ftehim ġdid. Fir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, f’April 2004, il-Kunsill adotta pjan ta' azzjoni ta’ l-UE mmirat sabiex jassistihom fil-ġlieda kontra d-dipendenza eċċessiva fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli. 9.2. Relazzjonijiet kummerċjali bilaterali u reġjonali 44. Fir-rigward tan-negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Partenarjat Ekonomiku, matul l-2004, il-Kummissjoni kienet involuta fl-elaborazzjoni tal-pjanijiet ta’ direzzjoni għas-sitt reġjuni fil-partijiet tad-dinja li qed jiżviluppaw li huma involuti. Saru diskussjonijiet oħra dwar il-kwistjonijiet pendenti tal-ftehim dwar l-inbid u l-ispirti UE/Afrika t'Isfel. 45. Wara li ġie rratifikat fl-Istati kollha taż-ŻEE, inklużi l-Istati Membri l-ġodda ta' l-UE, il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ġie mmodifikat sabiex iqis il-fatt li l-UE kibret. F’Ottubru, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni sabiex tidħol għal aktar negozjati bilaterali dwar l-agrikoltura ma' l-Iżlanda. Intlaħaq ftehim man-Norveġja sabiex fl-2005 jitkomplew in-negozjati kummerċjali bilaterali dwar l-agrikoltura. Saru taħditiet intensivi ma’ l-Iżvizzera u tlesta l-pakkett "bilaterali II”. 46. Il-Kummissjoni kellha taħditiet ma’ għadd ta’ pajjiżi Ażjatiċi dwar is-suġġett ta’ l-aċċess għas-swieq. L-UE bagħtet tim ta' spezzjoni lejn l-Indja sabiex jevalwa l-informazzjoni rċevuta fil-kuntest ta' rikjesta għall-approvazzjoni ta' għadd ta' aġenziji ta’ l-akkreditazzjoni għall-esportazzjoni ta’ l-ikel organiku. Fil-qafas tal-proċess ta’ Barċellona, il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni issa ġew konklużi mal-pajjiżi Mediterranji kollha. In-negozjati dwar il-parti agrikola tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles li se jsir fil-ġejjieni mal-Kunsill Kooperattiv tal-Golf ġew konklużi proviżorjament. 47. In-negozjati fil-qafas tal-Ftehimiet Ewropej rispettivi ġew konklużi mar-Rumanija u l-Bulgarija sabiex jikkunsidraw it-tkabbir u jipprevedu aktar konċessjonijiet kummerċjali fil-qasam agrikolu. L-implimentazzjoni ta’ l-arranġamenti l-ġodda mistennija ssir kmieni fl-2005. Saru negozjati intensivi mal-Mercosur bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim ta’ Assoċjazzjoni sa Ottubru 2004. Din id-data ta’ skadenza, madankollu, ma ġietx rispettata u n-negozjati se jibqgħu għaddejjin fl-2005. Ir-relazzjonijiet mal-Federazzjoni Russa ħallew il-frott tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-kisba ta’ ftehim f’April dwar il-proposta Russa għal aċċess tas-suq fl-isfond ta' l-adeżjoni tagħha fi ħdan id-WTO. 48. Meta niġu għall-Istati Uniti, saru negozjati intensivi dwar ftehim komprensiv dwar l-inbid UE/Stati Uniti. Dawn se jitkomplew fl-2005. [1] IRENA hija taqsira ta’ "Indicators Report on the integration of Environmental concerns into Agriculture policy", jiġifieri “Rapport ta’ l-Indikaturi dwar l-Integrazzjoni tat-tħassib Ambjentali fil-Politika Agrarja”. [2] KUMM(2001) 162 finali, volum III. [3] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 870/2004. [4] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/556/KE (ĠU L 189, 29.7.2003, p. 36). [5] Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 3528/86 (ĠU L 326 tal-21.11.1986, p. 2-4; edizzjonijiet speċjali Finlandiżi u Żvediżi Kapitolu 3, Volum 22, p. 59). [6] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2158/92 (ĠU L 217 tal-31.7.1992, p. 3; edizzjonijiet speċjali Finlandiżi u Żvediżi Kapitolu 3, Volum 44, p. 3). [7] Pagamenti diretti kif definiti fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1259/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 160 tas-26.6.1999, p. 113). [8] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 583/2004 (ĠU L 91 tat-30.3.2004, p. 1). [9] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/281/KE (ĠU L 93 tat-30.3.2004, p. 1).