Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005PC0689

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 6/2002 u (KE) Nru 40/94 biex jagħti effett lill- adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali {SEK(2005)1749}

/* KUMM/2005/0689 finali - CNS 2005/0274 */

52005PC0689

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 6/2002 u (KE) Nru 40/94 biex jagħti effett lill- adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali {SEK(2005)1749} /* KUMM/2005/0689 finali - CNS 2005/0274 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.12.2005

KUMM(2005)689 finali

2005/0274(CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 6/2002 u (KE) Nru 40/94 biex jagħti effett lill- adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali {SEK(2005)1749}

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Introduzzjoni

Fit-12 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 6/2002 dwar disinji Komunitarji (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “ir-Regolament dwar Disinji Komunitarji”).[1]

Ir-Regolament dwar Disinji Komunitarji jistabbilixxi s-sistema ta’ disinn Komunitarju, li tipprovdi għall-kisba ta’ protezzjoni għal disinji b’effett unitarju għat-territorju kollu tal-Komunità. Skond ir-Regolament, disinn jista’ jkun protett jew b’disinn Komunitarju mhux irreġistrat, jekk id-disinn ikun disponibbli għall-pubbliku bil-mod kif ipprovdut fir-Regolament, jew b’disinn Komunitarju rreġistrat, jekk ikun irreġistrat skond il-proċedura pprovduta fir-Regolament.

Ir-Regolament dwar Disinji Komunitarji jinkariga lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( Trademarks u Disinn), minn issa ’l quddiem imsejjaħ “L-Uffiċċju”,[2] biex jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tad-disinn Komunitarju. Fl-1 ta’ Jannar 2003, l-Uffiċċju fetaħ l applikazzjonijiet ta’ disinji Komunitarji rreġistrati bl-ewwel data ta’ preżentazzjoni konċessa fl-1 ta’ April 2003.

Fit-23 ta’ Diċembru 2003, l-Att ta’ l-1999 tal-Ftehim ta’ The Haguedwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali, adottat f’Ġinevra fit-2 ta’ Lulju 1999 (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “l-Att ta’ Ġinevra”) daħal fis-seħħ. L-Att ta’ Ġinevra jippermetti li disinjaturi jiksbu protezzjoni għad-disinn f’numru ta’ pajjiżi permezz ta’ depożitu internazzjonali wieħed. Għalhekk, skond l-Att ta’ Ġinevra, applikazzjoni internazzjonali waħda mressqa fl-Uffiċċju Internazzjonali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Propjetà Intellettwali (WIPO) tissostitwixxi serje sħiħa ta’ applikazzjonijiet li, inkella, kien ikollhom jitressqu f’Uffiċċji nazzjonali jew reġjonali differenti.

Waħda mill-innovazzjonijiet ewlenin ta’ l-Att ta’ Ġinevra hija li l-organizzazzjonijiet intergovernattivi li għandhom uffiċċju reġjonali għall-fini ta’ reġistrazzjoni ta’ disinji b’effett fit-territorju li fih it-trattat li jikkostitwixxi l-organizzazzjoni japplika, jistgħu jaċċedu. Din l-innovazzjoni ġiet introdotta fl-Att ta’ Ġinevra bl-intenzjoni speċifika li tippermetti lill-Komunità li tissieħeb mas-sistema internazzjonali ta’ reġistrazzjoni wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema ta’ disinji Komuntarji.

Biex tipprepara għall-adeżjoni tal-Komunità għall-Att ta’ Ġinevra, il-Kummissjoni elaborat żewġ proposti, li huma ppreżentati b’mod konġunt lill-Kunsill. L-ewwel proposta tal-Kummissjoni għandha x’taqsam ma’ l-adeżjoni tal-Komunità għall-Att ta’ Ġinevra.[3]

Din it-tieni proposta fiha l-miżuri li huma meħtieġa biex jagħtu effett lill-adeżjoni tal-Komunità għall-Att ta’ Ġinevra.

2. L-istruttura tal-proposta tal-Kummissjoni

Huwa propost li l-miżuri li jagħtu effett lill-adeżjoni tal-Komunità għall-Att ta’ Ġinevra jkunu inkorporati fir-Regolament permezz ta’ emenda tad-dispożizzjonijiet eżistenti u ż-żieda ta’ Titolu XII ġdid dwar “Reġistrazzjoni Internazzjonali ta’ Disinji”.[4]

Fil-prinċipju, id-dispożizzjonijiet sostantivi li japplikaw għar-reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità huma l-istess bħad-dispożizzjonijiet li japplikaw għal disinji Komunitarji.

Għalhekk, reġistrazzjonijiet internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità Ewropea u d-disinji Komunitarji għandhom ikunu t-tnejn suġġetti għall-istess liġi li għandha x’taqsam ma’ disinji (Titolu II), it-tnejn li huma għandhom ikunu oġġetti ta’ proprjetà (Titolu III), jistgħu jkunu suġġetti għal applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (Titolu VI), appell għandu jiġi mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Invalidità (Titolu VII), u l-ġurisdizzjoni u l-proċeduri f’azzjonijiet legali li għandhom x’jaqsmu ma’ disinji Komunitarji għandhom ikunu l-istess għal reġistrazzjonijiet internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità Ewropea għad-disinji Komunitarji (Titolu IX).

Għal dawn ir-raġunijiet, it-Titolu XIa il-ġdid fih ħafna referenzi għal Artikoli oħra tar-Regolament.

L-inklużjoni ta’ dan it-titolu ġdid fir-Regolament jiffaċilita l-aċċess għad-dispożizzjonijiet kollha li japplikaw għal disinn protett għat-territorju kollu tal-Komunità Ewropea, sew permezz tar-reġistrazzjoni tad-disinn bħala disinn Komunitarju sew permezz ta’ reġistrazzjoni internazzjonali tad-disinn b’deżinjazzjonigħall-Komunità Ewropea skond l-Att ta’ Ġinevra.

Permezz ta’ l-istruttura proposta, miżuri ta’ implimentazzjoni, hekk kif stipulati fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002[5], Nru 2246/2002[6] u Nru 216/96[7] japplikaw fil-prinċipju mutatis mutandis . Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se temendahom, pereżempju rigward l-eżaminazzjoni tar-raġunijiet ta’ rifjut li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 106e ta’ din il-proposta.

3. L-Att ta’ Ġinevra

L-Att ta’ Ġinevra jifforma parti mis-Sistema ta’ The Hague, li hija bbażata fuq il-Ftehim ta’ The Hague dwar ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali ta’ Disinji Industrijali. Dan il-Ftehim huwa kkostitwit minn tliet Atti differenti: l-Att ta’ Londra ta’ l-1934, l-Att ta’ The Hague ta’ l-1960 u l-Att ta’ Ġinevra ta’ l-1999. It-tliet Atti huma awtonomi u jeżistu flimkien fir-rigward tad-dispożizzjonijiet sostantivi tagħhom. Il-partijiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jsiru parti minn waħda biss, minn tnejn jew mit-tliet Atti kollha. Awtomatikament huma jsiru membru ta’ l-Unjoni ta’ The Hague li fil-preżent għandha 42 Stat Kontraenti, fosthom 12-il Stat Membru ta’ l-UE.[8]

Is-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji oriġinat mill-bżonn ta’ sempliċità u ekonomija. Fil-fatt, hija tagħti ċans lil sidien ta’ disinji li joriġinaw minn Stat Kontraenti li jiksbu protezzjoni għad-disinji tagħhom bl-inqas formalità u spejjeż.

L-applikazzjoni internazzjonali tista’ titressaq f’lingwa waħda (Ingliż jew Franċiż), wara li jsir il-ħlas ta’ sett wieħed ta’ ħlasijiet. L-applikant irid jaħtar l-Istati Kontraenti li fihom qed ifittex protezzjoni. Applikazzjoni internazzjonali normalment tintbagħat direttament lill-Uffiċċju Internazzjonali. Hekk kif jirċeviha, l-Uffiċċju Internazzjonali jiċċekkja li l-applikazzjoni internazzjonali tkun konformi mar-rekwiżiti formali preskritti imbagħad jippubblika l-applikazzjoni – jew aħjar, ir-reġistrazzjoni – fil- Bullettin ta’ Disinji Internazzjonali (fuq il-websajt ta’ l-internet tal-WIPO). Wara l-pubblikazzjoni, kull Uffiċċju nazzjonali għandu jidentifika r-reġistrazzjonijiet internazzjonali li fihom deżinjazzjoni, biex ikun jista’ jipproċedi bl-eżaminazzjoni sostantiva, jekk ikun hemm, li għaliha jkun ipprovdut fil-leġislazzjoni tiegħu stess.

Kwalunkwe aspett sostantiv tal-protezzjoni (inklużi b’mod partikolari l-eżaminazzjoni sostantiva magħmula minn kull Uffiċċju, il-valutazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-protezzjoni u l-firxa ta' applikazzjoni ta’ dik il-protezzjoni) huwa għalhekk għalkollox kwistjoni tal-leġislazzjoni ta’ kull Parti Kontraenti ddeżinjata.

Bħala riżultat ta’ dik l-eżaminazzjoni, l-Uffiċċju jista’ jinnotifika lill-Uffiċċju Internazzjonali rifjut ta’ protezzjoni għat-territorju tiegħu. Madankollu, reġistrazzjoni internazzjonali ma tistax tiġi rrifjutata fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżiti formali. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu kkunsidrati bħala diġà ssodisfatti, wara l-eżaminazzjoni li tkun saret mill-Uffiċċju Internazzjonali.

Ladarba l-applikazzjoni internazzjonali tiġi aċċettata, hija tipproduċi l-istess effett f’kull wieħed mill-pajjiżi maħtura daqs li kieku d-disinn kien iddepożitat direttament hemmhekk. Għalhekk ir-reġistrazzjoni internazzjonali hija ekwivalenti għal dritt internazzjonali f’termini tal-firxa ta' applikazzjoni tal-protezzjoni u l-infurzar tagħha. Fl-istess waqt, ir-reġistrazzjoni internazzjonali tiffaċilita ż-żamma tal-protezzjoni: hemm applikazzjoni waħda li trid tiġġedded u proċedura waħda sempliċi biex jiġu rreġistrati kwalunkwe tibdiliet (eż. fil-proprjetà jew indirizz).

L-adozzjoni ta’ l-Att ta’ Ġinevra fl-1999 kellha għan doppju, prinċipalment:

- li tagħmel is-Sistema ta’ The Hague aktar attraenti għall-applikanti u li testendi s-sistema għal membri ġodda; għal dak il-għan, l-Att ta’ l-l999 introduċa numru ta’ aspetti fis-sistema ta’ The Hague bil-ħsieb li tkun iffaċilitata l-adeżjoni għall-Unjoni ta’ The Hague ta’ pajjiżi li jamministraw sistemi ta’ eżaminazzjoni ta’ disinji (bħall-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Ġappun);

- li tipprovdi għat-twaqqif ta’ rabta bejn is-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali u sistemi reġjonali billi tipprovdi li organizzazzjonijiet intergovernattivi jistgħu jsiru parti mill-Att.

It-tieni għan jiftaħ it-triq għall-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għas-Sistema ta’ The Hague. Imbagħad it-territorju ta’ l-UE jkun ikkunsidrat bħala pajjiż uniku għall-finijiet tal-Ftehim, u r-regoli tad-disinji Komunitarji jkunu l-leġislazzjoni domestika rilevanti. L-OHIM imbagħad isir l-Uffiċċju responsabbli għal eżaminazzjoni sostantiva ta’ applikazzjonijiet internazzjonali li fihom il-Komunità kellha deżinjazzjoni.

Is-sistema ta’ l-Att ta’ Ġinevra bdiet taħdem għalkollox fl-1 ta’ April 2004. F’dik id-data, l-Att ta’ Ġinevra u r-Regolamenti Komuni mmodernizzati skond il-Ftehim ta’ The Hague, li jissemplifikaw il-proċeduri kollha, saru effettivi.

Is-sistema ta’ disinn Komunitarju u s-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali kif stabbiliti bil-Ftehim ta’ The Hague jistgħu jitqiesu bħala komplementari. Is-sistema ta’ disinn Komunitarju tipprovdi għal sistema kompleta u unifikata ta’ reġistrazzjoni ta’ disinji reġjonali li tkopri t-territorju kollu ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Ftehim ta’ The Hague jikkostitwixxi trattat li jiċċentralizza l-proċeduri għal ksib ta’ protezzjoni ta’ disinji fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti ddeżinjati.

4. Bażi legali

Billi r-regoli li jagħtu effett lill-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Ftehim ta’ The Hague huma inkorporati fir-Regolament permezz ta’ l-inklużjoni ta’ Titolu ġdid u separat f’dak ir-Regolament u emenda tad-dispożizzjonijiet eżistenti fir-Regolament, il-bażi legali għal din il-proposta għandha tkun l-istess bħall-bażi legali tar-Regolament; jiġifieri l-Artikolu 308 tat-Trattat.

5. L-Artikoli

L-Artikolu 1, paragrafu 1

L-Artikolu, paragrafu 1, jemenda l-Artikolu 25(1)(d) billi jżid “jew bi dritt ta’ disinn irreġistrat skond l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali, adottat f’Ġinevra fit-2 ta’ Lulju 1999 (…) u li għandu effett fil-Komunità, jew b’applikazzjoni għal dritt bħal dan” bħala dritt ulterjuri aktar bikri disponibbli biex ikun invokat bħala raġuni ta’ invalidità. Addizzjoni bħal din hija meħtieġa biex tikkjarifika li applikazzjoni jew reġistrazzjoni internazzjonali għandha l-istess valur bħal disinn ta’ qabel bħala dritt ta’ disinn skond il-liġi ta’ disinn nazzjonali jew Komunitarju.

L-Artikolu 1, paragrafu 2

Id-dispożizzjonijiet li jagħtu effett lill-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra se jkunu inkorporati fir-Regolament ta’ Disinji Komunitarji permezz ta’ l-inklużjoni tat-Titolu XIa il-ġdid dwar reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji.

Sezzjoni 1 – Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 106a (Applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet)

Bħala regola ġenerali, l-Artikolu 106a ta’ din l-emenda proposta tar-Regolament jipprovdi li fil-prinċipju r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar disinji Komunitarji u r-regolamenti li jimplimentaw dak ir-Regolament għandhom japplikaw għal reġistrazzjonijiet internazzjonali skond l-Att ta’ Ġinevra b’deżinjazzjoni għall-Komunità.

Barra minn hekk, huwa kkjarifikat li r-Reġistru Internazzjonali se jieħu post ir-reġistru miżmum mill-Uffiċċju fejn reġistrazzjonijiet internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità Ewropea huma kkonċernati. Kull reġistrazzjoni fir-Reġistru Internazzjonali relatata ma’ reġistrazzjoni internazzjonali li b’deżinjazzjoni għall-Komunità Ewropea għandu jkollha l-istess effetti bħallikieku tniżżlet fir-reġistru miżmum mill-Uffiċċju.

L-istess raġunament japplika għall-pubblikazzjoni: il-pubblikazzjonijiet kollha relatati ma’ applikazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità għandhom isiru mill-Uffiċċju Internazzjonali u għandu jkollhom l-istess effetti bħall-pubblikazzjonijiet mill-Uffiċċju. Barra minn hekk, ir-raġunament japplika għall-istruttura ta’ lingwa ta’ l-Artikolu 98 tar-Regolament.

Sezzjoni 2 – Reġistrazzjonijiet Internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità Ewropea

L-Artikolu 106b (Proċeduri għal preżentazzjoni tad-deżinjazzjoni internazzjonali)

L-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Att ta’ Ġinevra jgħid li l-applikazzjoni internazzjonali tista’ tkun ippreżentata, skond kif jagħżel l-applikant, jew direttament ma’ l-UffiċċjuInternazzjonali jew permezz ta’ l-Uffiċċju tal-parti Kontraenti ta’ l-applikant. Madankollu, skond l-Artikolu 4(1)(b) ta’ l-Att ta’ Ġinevra, il-Parti Kontraenti tista’ tinnotifika li applikazzjonijiet internazzjonali ma jistgħux jiġu ppreżentati permezz ta’ l-Uffiċċju tagħha.

Is-sistema ta’ The Hague tieħu ħafna mill-vantaġġi tagħha mis-sempliċità tagħha u l-lokalità ta’ l-uffiċċju riċeventi jidher li hu ta’ importanza minuri għall-applikazzjoni ta’ disinji. Il-Komunità Ewropea għalhekk għandha teskludi l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni permezz ta’ l-Uffiċċju biex tevita rduppjar inutli ta’ xogħol. Preżentazzjoni diretta fil-WIPO għandha tkun ukoll ippreferuta sabiex tiġi evitata konfużjoni mill-applikanti bejn applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ disinji Komunitarji u applikazzjonijiet għal reġistrazzjonijiet internazzjonali. Konfużjoni bħal din tkun aktar problematika fil-każ ta’ pagament tal-ħlas bażiku għal applikazzjoni internazzjonali, li jiġri x’jiġri, għandu jitħallas direttament lill-Uffiċċju Internazzjonali u li huwa pagabbli meta ssir il-preżentazzjoni. Jekk l-applikanti jħallsu lill-OHIM bi żball, dan l-Uffiċċju jkollu jagħti lura l-ħlas. Huwa sinifikanti li bħalissa l-WIPO ma jirċevix applikazzjonijiet ippreżentati permezz ta’ uffiċċji nazzjonali anke minn dawk il-Partijiet Kontraenti li jippermettu din il-proċedura.

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tipproponi li l-Komunità, fl-istrument ta’ adeżjoni tagħha, tiddikjara li applikazzjonijiet internazzjonali ma jistgħux jiġu ppreżentati permezz ta’ l-Uffiċċju tagħha. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 106b jispeċifika li applikazzjonijiet internazzjonali skond l-Artikolu 4(1) ta’ l-Att ta’ Ġinevra li jindikaw lill-Komunità għandhom jiġu ppreżentati direttament fl-Uffiċċju Internazzjonali.

L-Artikolu 106c (Ħlasijiet ta’ deżinjazzjoni)

1. Fl-Artikolu 7, l-Att ta’ Ġinevra jipprovdi li l-ħlasijiet preskritti għandhom jinkludu ħlas standard għal deżinjazzjoni li jrid jitħallas għal kull Parti Kontraenti ddeżinjata. Barra minn hekk, kwalunkwe Parti Kontraenti li hija organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tiddikjara li, għal kull applikazzjoni u għal kull tiġdid ta’ reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għaliha, il-ħlas standard ta’ deżinjazzjoni jkun sostitwit minn ħlas ta’ deżinjazzjoni individwali, li l-ammont tiegħu għandu jkun indikat fid-dikjarazzjoni u jista’ jinbidel f’dikjarazzjonijiet ulterjuri. L-ammont iffissat ma jistax ikun ogħla mill-ekwivalenti ta’ l-ammont li l-Parti Kontraenti tkun intitolata li tirċievi għal applikazzjoni u tiġdid nazzjonali, dak l-ammont ikun imnaqqas mit-tfaddil li jirriżulta mill-proċedura internazzjonali.

2. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Komunità, fl-istrument ta’ adeżjoni tagħha, tiddikjara li l-ħlasijiet preskritti ta’ deżinjazzjoni li jirreferi għalihom l-Artikolu 7(1) ta’ l-Att ta’ Ġinevra relatati ma’ l-applikazzjoni u t-tiġdid huma sostitwiti minn ħlasijiet individwali ta’ deżinjazzjoni. Dawn il-ħlasijiet huma pagabbli lill-Uffiċċju Internazzjonali u għandhom jiġu ttrasferiti mill-Uffiċċju Internazzjonali għall-OHIM.

3. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll emenda għar-Regolament (KE) Nru 2246/2002 dwar il-ħlasijiet pagabbli mill-OHIM, fejn l-ammonti tal-ħlasijiet individwali ta’ deżinjazzjoni jkunu ffissati, skond ir-rekwiżiti ta’ l-imsemmi Artikolu 7(2) u r-Regola 28 tar-Regolamenti Komuni.

L-Artikolu 106d (Effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità)

Paragrafu 1

Skond l-Artikolu 48 tar-Regolament dwar Disinji Komunitarji, applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat għandha tiġi rreġistrata mill-Uffiċċju bħala disinn Komunitarju rreġistrat dejjem jekk ikunu sodisfatti r-rekwiżiti li applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat għandha tissodisfa u sal-punt li l-applikazzjoni ma ġietx irrifjutata bis-saħħa ta’ l-Artikolu 47 tar-Regolament tad-Disinji Komunitarji.

Skond l-Artikolu 47, applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat tiġi rrifjutata fejn l-Uffiċċju jinnota raġunijiet għala ma tistax tiġi rreġistrata; jiġifieri fejn id-disinn li għalih tkun qed tintalab protezzjoni ma jikkorrispondix mad-definizzjoni skond l-Artikolu 3(a), jew huwa kuntrarju għal politika pubblika jew prinċipji aċċettati ta’ moralità.

Id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 106d ta’ din l-emenda proposta tar-Regolament tiżgura li l-bidu tal-protezzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità hija suġġetta għall-istess kondizzjonijiet li japplikaw għal disinn Komunitarju rreġistrat; jiġifieri reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għalll-Komunità Ewropea m’għandux ikollha l-effett ta’ reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju fit-territorju tal Komunità Ewropea qabel ma l-Uffiċċju jkun jista’ jeżamina r-reġistrazzjoni internazzjonali għar-raġunijiet għala ma tistax tiġi rreġistrata.

Paragrafu 2

L-Artikolu 106d(2) ta’ din l-emenda proposta tar-Regolament jistipula li fejn l-Uffiċċju ma jirrifjutax l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità Ewropea fit-territorju tagħha skond l-Artikolu 12(2) ta’ l-Att ta’ Ġinevra, jew fejn kwalunkwe rifjut bħal dan kien irtirat, l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali għandhom jibdew mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha skond l-Artikolu 10(2) ta’ l-Att ta’ Ġinevra u l-effetti għandhom ikunu l-istess bħall-effetti ta’ disinn Komunitarju rreġistrat.

Paragrafu 3

Filwaqt li m’hemm l-ebda ħtieġa li jerġgħu jiġu ppubblikati r-reġistrazzjonijiet internazzjonali li huma mniżżlin fir-Reġistru Internazzjonali fir-Reġistru ta’ l-Uffiċċju, l-Artikolu 106d(3) ta’ din l-emenda proposta tar-Regolament jobbliga lill-Uffiċċju biex jipprovdi informazzjoni dwar ir-reġistrazzjonijiet taħt l-Att ta’ Ġinevra b’deżinjazzjoni għall-Komunità Ewropea. Dan jista’ pereżempju jsir b’mod effettiv billi tinħoloq hyperlink mill-websajt tal-OHIM għas-Sistema ta’ The Hague. Il-modalitajiet għandhom ikunu stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

L-Artikolu 106e (Raġunijiet għal rifjut)

Paragrafu 1

Ir-raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 106e ta’ din l-emenda proposta tar-Regolament huma identiċi għar-raġunijiet ta’ għala ma tixtax tiġi rreġistrata skond l-Artikolu 47(1), b’hekk ikun żgur li reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità tkun suġġetta għall-istess eżaminazzjoni bħal applikazzjonijiet għal disinji Komunitarji rreġistrati.

Paragrafu 2

Id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 106e ta’ din l-emenda proposta tar-Regolament tiggarantixxi d-dritt lid-detentur ta’ reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità, li jressaq osservazzjonijiet jew li jirrinunzja għar-reġistrazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-Komunità Ewropea f’konformità ma’ l-Artikolu 12(3)(b) ta’ l-Att ta’ Ġinevra.

Id-dispożizzjoni korrispondenti fl-Artikolu 47(2), barra minn hekk, tistipula li applikant għal disinn Komunitarju rreġistrat, għandu jitħalla jagħmel emenda ta’ l-applikazzjoni. Madankollu, din l-għażla ulterjuri ma tistax tiġi applikata għal reġistrazzjoni internazzjonali għaliex ir-raġunijiet għal rifjut skond il-paragrafu 1 jistgħu jkunu megħluba biss b’emenda tad-disinn ikkonċernat filwaqt li l-Att ta’ Ġinevra ma jipprovdix għal emenda tad-disinn ta’ reġistrazzjoni internazzjonali wara li d-disinn ikun ġie rreġistrat fir-Reġistru Internazzjonali.

Il-proċedura regolari tkun kif ġej: l-Uffiċċju jeżamina ex officio għar-raġunijiet ta’ rifjut. Jekk waqt din l-eżaminazzjoni l-Uffiċċju, jinnota raġuni għal rifjut, huwa jinnotifika lill-Uffiċċju Internazzjonali, u jinkludi r-raġunijiet li fuqhom jissejjes ir-rifjut. Notifika bħal din tinħareġ fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali (Regola 18(1) tar-Regolamenti Komuni). Mingħajr dewmien, l-Uffiċċju Internazzjonali jibgħat kopja tan-notifika ta’ rifjut lid-detentur (l-Artikolu 12(3) ta’ l-Att ta’ Ġinevra). Fil-limitu ta’ żmien speċifikat fin-notifika mill-Uffiċċju, id-detentur jista’ jirrinunzja għar-reġistrazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-Komunità jew iressaq osservazzjonijiet sabiex jegħleb ir-raġunijiet għal rifjut. Matul l-eżaminazzjoni dwar ir-raġunijiet ta’ rifjut id-detentur u l-Uffiċċju jikkomunikaw direttament ma’ xulxin. Fejn l-applikant jegħleb ir-raġuni(jiet) għal rifjut, l-Uffiċċju għandu jirtira r-rifjut u jinnotifika lill-Uffiċċju Internazzjonali b’dan.

Paragrafu 3

L-Artikolu 106e(3) jispeċifika li l-kondizzjonijiet għall-eżaminazzjoni għar-raġunijiet għal rifjut għandhom ikunu stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

L-Artikolu 106f (L-invalidazzjoni ta’ l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali)

Paragrafu 1

L-Artikolu 106f ta’ din l-emenda proposta tar-Regolament jimplimenta l-Artikolu 15(1) ta’ l-Att ta’ Ġinevra li jippermetti dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Komunità Ewropea.

Din id-dispożizzjoni tiżgura li dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Komunità Ewropea għandha tkun suġġetta għall-istess dispożizzjonijiet bħalma japplikaw għal applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat. Partijiet terzi jistgħu jitolbu dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fil-Komunità jew permezz ta’ applikazzjoni sottomessa fl-Uffiċċju skond l-Artikolu 52 jew permezz ta’ kontrorikjam quddiem qorti ta’ disinn Komunitarju skond l-Artikolu 81(d).

Fil-każ ta’ talba għal invalidazzjoni ta’ l-effetti quddiem l-Uffiċċju, it-Titoli VI u VII japplikaw. B’mod partikolari, id-detentur jista’ jissottometti osservazzjonijiet dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, skond l-Artikolu 31 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Id-deċiżjoni finali tad-Diviżjoni ta’ Invalidità hija suġġetta għal appell (l-Artikolu 55(1) tar-Regolament dwar Disinji Komunitarji).

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 15(1) ta’ l-Att ta’ Ġinevra jkun osservat. Din id-dispożizzjoni teħtieġ li invalidazzjoni ta’ l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali ma tistax tkun iddikjarata mingħajr ma d-detentur jingħata żmien biżżejjed, biex ikollu l-opportunità li jiddefendi d-drittijiet tiegħu.

Paragrafu 2

L-Artikolu 15(2) ta’ l-Att ta’ Ġinevra jeħtieġ li l-Uffiċċju tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tiegħu l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali ġew invalidati, fejn ikun jaf bl-invalidità, jinnotifika b’dan lill-Uffiċċju Internazzjonali. Dan l-obbligu ġie kkupjat fl-Artikolu 106f(2). Huwa ovvju li l-Uffiċċju jkun jaf bl-invalidità jekk din tirriżulta minn proċedura ta’ invalidità fl-Uffiċċju, jew jekk qorti ta’ disinn Komunitarju tinforma lill-Uffiċċju dwar dikjarazzjoni ta’ invalidità, skond l-Artikolu 86 (4) tar-Regolament dwar Disinji Komunitarji.

L-Artikolu 2

L-Artikolu 97 tar-Regolament dwar Disinji Komunitarji jispeċifika illi kemm-il darba mhux provdut mod ieħor fit-titolu dwar dispożizzjonijiet supplimentari li jikkonċernaw lill-Uffiċċju, it-Titolu XII tar-Regolament dwar trademark Komunitarju għandu japplika għall-Uffiċċju fir-rigward tal-ħidmiet tiegħu skond dan ir-Regolament. It-Titolu XII tar-Regolament dwar it- trademark tal-Komunità jinkludi l-Artikolu 134(3) dwar id-dħul ta’ l-Uffiċċju. Din id-dispożizzjoni kienet emendata fid-dawl ta’ l-adeżjoni għall-Protokoll ta’ Madrid li ħolqot sors ġdid ta’ dħul, li huma “l-ħlasijiet totali pagabbli skond il-Protokoll ta’ Madrid imsemmija fl-Artikolu 140 għal reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunitajiet Ewropej…”.

Modifika simili tar-Regolament tat- trademark tal-Komunità tinħtieġ wara l-adeżjoni tal-KE għall-Att ta’ Ġinevra. Il-ħlasijiet pagabbli skond l-Att ta’ Ġinevra għandhom ikun inklużi bħala sors ġdid ta’ dħul għall-Uffiċċju.

L-Artikolu 3

Il-Komunità għandha tintrabat bl-Att ta’ Ġinevra tliet xhur wara dik id-data li fiha jkun iddepożitat l-istrument ta’ adeżjoni tagħha mad-Direttur Ġenerali ta’ l-Uffiċċju Internazzjonali.

F’dan ir-rigward, irid jitfakkar li l-Artikolu 2 tal-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra li għaliha saret referenza qabel, tipprovdi li wara l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni mill-Kunsill, il-Kunsill jista’ jiddepożita dak l-istrument ta’ adeżjoni mad-Direttur Ġenerali ta’ l-Uffiċċju Internazzjonali mid-data li fiha l-Kunsill adotta l-miżuri meħtieġa li jagħtu effett lill-adeżjoni tal-Komunità għall-Att ta’ Ġinevra.

2005/0274(CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 6/2002 u (KE) Nru 40/94 biex jagħti effett lill- adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [9],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [10],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [11],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar disinji Komunitarji[12] ħoloq is-sistema ta’ disinn Komunitarju li permezz tagħha impriżi jistgħu jiksbu disinji Komunitarji li jingħataw protezzjoni uniformi b’sistema proċedurali waħda u jipproduċu l-effetti tagħhom fiż-żona kollha tal-Komunità.

(2) Wara t-tħejjijiet mibdija u mmexxija mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Propjetà Intellettwali (WIPO) bil-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri li huma membri ta’ l-Unjoni ta’ The Hague, l-Istati Membri li m’humiex membri ta’ l-Unjoni ta’ The Hague u l-Komunità Ewropea, il-Konferenza Diplomatika, imlaqqa’ għal dak il-għan f’Ġinevra, adottat l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “l-Att ta’ Ġinevra”) fit-2 ta’ Lulju 1999.

(3) B’Deċiżjoni tal-Kunsill, il-Kunsill [….] approva l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali[13] u awtorizza lill-President tal-Kunsill biex jiddepożita l-istrument ta’ adeżjoni mad-Direttur Ġenerali tad-WIPO mid-data li fiha l-Kunsill adotta l-miżuri li jinħtieġu biex jagħtu effett lill-adeżjoni tal-Komunità għall-Att ta’ Ġinevra. Dan ir-Regolament fih dawk il-miżuri.

(4) Il-miżuri adegwati għandhom ikunu inkorporati fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 permezz ta’ l-inklużjoni ta’ titolu ġdid dwar “Reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji”.

(5) Ir-regoli u l-proċeduri marbuta ma’ reġistrazzjonijiet internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità, fil-prinċipju, għandhom ikunu l-istess bħar-regoli u l-proċeduri li japplikaw għall-applikazzjonijiet ta’ disinji Komunitarji. Skond dan il-prinċipju, reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità għandha tkun suġġetta għall-eżaminazzjoni għar-raġunijiet ta’ għala ma tistax tiġi rreġistrata qabel tieħu l-istess effett bħal disinn Komunitarju rreġistrat. Bl-istess mod, reġistrazzjoni internazzjonali li jkollha l-istess effett bħal disinn Komunitarju rreġistrat għandha wkoll tkun suġġetta għall-istess regoli dwar l-invalidazzjoni bħal disinn Komunitarju rreġistrat.

(6) Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu għalhekk ikun emendat kif xieraq.

(7) L-adeżjoni tal-Komunità għall-Att ta’ Ġinevra se toħloq sors ġdid ta’ dħul għall-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( Trade Marks u Disinn). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2003 dwar it- trade mark Komunitarju[14] għandu għalhekk ikun emendat kif xieraq.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L- Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 huwa emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 25(1)(d) huwa ssostitwit minn dan li ġej:

“(d) jekk id-disinn Komunitarju jkun f’konflitt ma’ disinn diġà eżistenti li sar disponibbli għall-pubbliku wara d-data ta’ preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni jew, jekk tintalab l-prijorità, id-data ta’ prijorità tad-disinn Komunitarju, u li titħares minn data qabel id-data msemmija

i) minn disinn Komunitarju rreġistrat jew applikazzjoni għal disinn bħal dan, jew

ii) minn dritt ta’ disinn irreġistrat ta’ Stat Membru, jew b’applikazzjoni għal dritt bħal dan, jew

iii) minn dritt ta’ disinn irreġistrat skond l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali, adottat f’Ġinevra fit-2 ta’ Lulju 1999, minn issa ’l quddiem imsejjaħ “l-Att ta’ Ġinevra”, li kien approvat b’Deċiżjoni tal-Kunsill [….][15] u li għandu effett fil-Komunità, jew b’applikazzjoni għal dritt bħal dan;

2. It-titolu li ġej huwa mdaħħal wara t-titolu XI:

“IT-TITOLU XIa:

REĠISTRAZZJONI INTERNAZZJONALI TA’ DISINJI

TAQSIMA 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 106a

L-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet

1. Jekk mhux speċifikat mod ieħor f’dan it-titolu, dan ir-Regolament u kwalunkwe Regolamenti li jimplimentaw dan ir-Regolament adottati skond l-Artikolu 109 għandhom japplikaw, mutatis mutandis , għal reġistrazzjonijiet fir-reġistru internazzjonali miżmum mill-Uffiċċju Internazzjonali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Propjetà Intellettwali (minn issa ’l quddiem imsejħa “reġistrazzjoni internazzjonali” u “l-Uffiċċju Internazzjonali”) b’deżinjazzjoni għall-Komunità, skond l-Att ta’ Ġinevra.

2. Kull dokumentazzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità fir-Reġistru Internazzjonali għandu jkollha l-istess effett daqs li kieku saret fir-reġistru ta’ disinji Komunitarji ta’ l-Uffiċċju, u kwalunkwe pubblikazzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità fil-Bullettin ta’ l-Uffiċċju Internazzjonali għandu jkollha l-istess effett daqs li kieku kienet ippubblikata fil-Bullettin ta’ Disinji Komunitarji.

TAQSIMA 2

REĠISTRAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI LI JIDDEŻINJAW LILL-KOMUNITÀ

L-Artikolu 106b

Proċedura għall-preżentazzjoni tad-deżinjazzjoni internazzjonali

Applikazzjonijiet internazzjonali skond l-Artikolu 4(1) ta’ l-Att ta’ Ġinevra għandhom jitressqu direttament fil-Uffiċċju Internazzjonali.

L-Artikolu 106c

Ħlasijiet tad-deżinjazzjoni

Il-ħlasijiet preskritti tad-deżinjazzjoni li jirreferi għalihom l-Artikolu 7(1) ta’ l-Att ta’ Ġinevra huma ssostitwiti minn ħlas individwali ta’ nomina.

L-Artikolu 106d

Effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità Ewropea

1. Reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità għandu, mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha, ikollha l-istess effett bħal applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat.

2. Jekk l-ebda rifjut ma ġie nnotifikat jew jekk xi rifjut ġie irtirat, ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinn b’deżinjazzjoni għall-Komunità għandu, mid-data msemmija fil-paragrafu 1, ikollha l-istess effett bħar-reġistrazzjoni ta’ disinn bħal disinn Komunitarju rreġistrat.

3. L-Uffiċċju għandu jipprovdi informazzjoni dwar ir-reġistrazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-paragrafu 2, skond il-kondizzjonijiet stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

L-Artikolu 106e

Raġunijiet għal rifjut

1. L-Uffiċċju għandu jikkomunika notifika ta’ rifjut lill-Uffiċċju Internazzjonali mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data ta’ pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali, jekk waqt li jkun qed jagħmel eżaminazzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali, l-Uffiċċju jinnota li d-disinn li għalih qed tintalab protezzjoni ma jikkorrispondix mad-definizzjoni skond l-Artikolu 3(a), jew huwa kuntrarju għal politika pubblika jew għal prinċipji aċċettati ta’ moralità.

In-notifika għandha ssemmi r-raġunijiet li fuqhom jissejjes ir-rifjut.

2. Ir-rifjut ta’ l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fil-Komunità m’għandux isir finali qabel ma d-detentur jingħata l-opportunità li jirrinunzja għar-reġistrazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-Komunità jew li jressaq osservazzjonijiet.

3. Il-kondizzjonijiet għall-eżaminazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut għandhom ikunu stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

L-Artikolu 106f

L-invalidazzjoni ta’ l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali

1. L-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fil-Komunità jistgħu jkunu ddikjarati invalidi parzjalment jew fit-totalità tagħhom skond il-proċeduri fit-Titoli VI u VII jew b’qorti ta’ disinn Komunitarju fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċeduri ta’ vjolazzjoni.

2. Jekk l-Uffiċċju jaf bl-invalidazzjoni, huwa għandu jinnotifika lill-Uffiċċju Internazzjonali.

L- Artikolu 2

L-Artikolu 134(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 huwa ssostiwit b’dan li ġej:

“3. Id-dħul għandu jinkludi, mingħajr ħsara għal kull xort’oħra ta’ dħul, ħlasijiet totali pagabbli skond ir-regolamenti ta’ ħlas, ħlasijiet totali pagabbli skond il-Protokoll ta’ Madrid imsemmija fl-Artikolu 140 ta’ dan ir-Regolament għal reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunitajiet Ewropej u ħlasijiet oħra li jsiru lill-Partijiet Kontraenti għall-Protokoll ta’ Madrid, ħlasijiet totali pagabbli skond l-Att ta’ Ġinevra msemmija fl-Artikolu 106c tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għal reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità Ewropea u ħlasijiet oħra magħmula lill-Partijiet Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra, u, sa fejn huwa meħtieġ, sussidju mdaħħal taħt titolu speċifiku tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, taqsima tal-Kummissjoni”.

L-Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Att ta’ Ġinevra jidħol fis-seħħ fir-rigward tal-Komunità Ewropea.

Id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandha tkun ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

DIKJARAZZJONI LEĠISLATTIVA FINANZJARJA

Qasam ta’ Politika: Suq Intern għal Prodotti u Servizzi Attività: Tħejjija ta’ miżuri li jinħtieġu biex jagħtu effett lill-aċċess tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra dwar reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji |

TITOLU TA’ L-AZZJONI: PROPOSTA GħAL REGOLAMENT TAL-KUNSILL LI JEMENDA R-REGOLAMENT (KE) NRU 6/2002 U (KE) NRU 40/94 BIEX JAGħTI EFFETT LILL-ADEżJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA GħALL-ATT TA’ ĠINEVRA TAL-FTEHIM TA’ THE HAGUETHE HAGUE LI TIKKONċERNA R-REġISTRAZZJONI INTERNAZZJONALI TA’ DISINJI INDUSTRIJALI |

1. LINJA(I) TAL-BAĠIT + INTESTATURA(I)

2. ĊIFRI ĠENERALI

2.1. Allokazzjoni totali għal azzjoni (Parti B): € miljuni għall-impenn finanzjarju

Mhux applikabbli

2.2. Perjodu ta’ applikazzjoni:

(snin ta’ bidu u skadenza)

Bidu: Data tad-dħul fis-seħħ

Skadenza: Indefinita

2.3. Estimi multiannwali ġenerali ta’ nfiq:

(a) Skeda ta’ approprijazzjonijiet għall-impenn finanzjarju/approprijazzjonijiet ta' ħlas (indħil finanzjarju) (ara l-punt 6.1.1)

Xejn

(b) Għajnuna teknika u amministrattiva u nfiq ta’ appoġġ amministrattiv (ara l-punt 6.1.2)

Xejn

(c) Impatt finanzjarju ġenerali ta’ riżorsi umani u nfiq amministrattiv ieħor (aral- punti 7.2 u 7.3)

€ miljuni (sa tliet postijiet deċimali)

2006 | 2007 | 2008 | 2009 | 2010 | 2011 | Total |

Impenji finanzjarji/ ħlasijiet | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.324 |

TOTAL a+b+c |

Impenji finanzjarji | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.324 |

Ħlasijiet | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.324 |

2 .4. Kompatibilità ma’ programmazzjoni finanzjarja u perspettiva finanzjarja

[X] Il-proposta hija kompatibbli ma’ programmazzjoni finanzjarja eżistenti.

Il-proposta se tinvolvi programmazzjoni mill-ġdid ta’ intestatura rilevanti fil-perspettiva finanzjarja.

Il-proposta tista’ teħtieġ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interistituzzjonali.

2.5. Impatt finanzjarju fuq id-dħul:

[X] Il-proposta m’għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji (tinvolvi aspetti tekniċi rigward l-implimentazzjoni ta’ miżura)

JEW

Il-proposta għandha impatt finanzjarju – l-effett fuq id-dħul huwa kif ġej:

Mhux applikabbli

3. KARATTERISTIĊI TAL-BAĠIT

Tip ta’ nfiq | Ġdid | Kontribuzz-joni ta’ l-EFTA | Kontribuzzjoni-jiet minn pajjiżi applikanti | Intestatura f’perspettivi finanzjarji |

Mhux komp | Diff | LE | LE | LE | Nru 5 |

4. BAŻI LEGALI

L-Artikoli 308 KE

5. DESKRIZZJONI U RAĠUNIJIET

5.1. Il-ħtieġa għal indħil Komunitarju

5.1.1. Għanijiet segwiti

Il-proposta fiha l-miżuri li jinħtieġu biex jagħtu effett lill-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra. Il-miżuri adegwati għandhom prinċipalment ikunu inkorporati fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 permezz ta’ l-inklużjoni ta’ titolu ġdid dwar “Reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji”. L-adeżjoni tal-Komunità għall-Att ta’ Ġinevra se toħloq sors ġdid ta’ dħul għall-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern ( Trademarks u Disinn) - OHIM, u r-Regolament (KE) Nru 40/94 għandu għalhekk ikun emen7at kif jixraq.

5.1. 2. Miżuri meħuda b’konnessjoni ma’ evalwazzjoni ex ante

Il-Komunità Ewropea diġà wriet l-interess kbir tagħha fis-Sistema ta’ The HagueThe Hague meta ddeċidiet li jkollha sehem attiv fin-negozjati internazzjonali li wasslu għall-Konferenza Diplomatika li saret f’Ġinevra fl-1999, meta l-att il-ġdid ġie adottat. L-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-utenti potenzjali kemm tas-sistema ta’ disinji Komunitarji kemm tas-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali esprimew b’mod ripetut l-interess qawwi tagħhom li jistabbilixxu rabta bejn iż-żewġ sistemi. Fl-2004 il-Kummissjoni nidiet konsultazzjoni mal-partijiet interessati (Stati Membri, organizzazzjonijiet kummerċjali u professjonali, u kumpaniji privati) dwar l-impatt possibbli tan-negozju ta’ l-adeżjoni tal-KE għas-Sistema ta’ The Hague. Maġġoranza kbira tat-tweġibiet, kważi fl-unanimità, appoġġjaw l-idea li l-Komunità għandha taċċedi għall-Att ta’ Ġinevra fil-futur qrib.

5.1.3. Miżuri li ttieħdu wara l-evalwazzjoni ex post

Mhux applikabbli

5.2. Azzjoni prevista u arranġamenti ta’ indħil tal-baġit

Ir-regoli u l-proċeduri relatati ma’ reġistrazzjonijiet internazzjonali li jaħtru lill-Komunità għandhom, fil-prinċipju, ikunu l-istess bħar-regoli u l-proċeduri li japplikaw għal disinji Komunitarji. Skond dan il-prinċipju, reġistrazzjoni internazzjonali b’deżinjazzjoni għall-Komunità għandha tkun suġġetta għall-eżaminazzjoni dwar ir-raġunijiet għala ma tistax tirreġistra qabel ma’ tieħu l-istess effett bħal disinn Komunitarju rreġistrat. Hekk ukoll, reġistrazzjoni internazzjonali li għandha l-istess effett bħal disinn Komunitarju rreġistrat għandha tkun suġġetta għall-istess regoli ta’ invalidazzjoni bħal disinn Komunitarju rreġistrat. Ebda għajnuna finanzjarja m’hija involuta.

5.3. Metodi ta’ implimentazzjoni

L-OHIM ser ikollu jadatta l-proċeduri u l-metodi ta’ ħidma interni tiegħu biex ikun jista’ jittratta l-applikazzjonijiet internazzjonali fl-Uffiċċju Uffiċċju Internazzjonali tal-OHIM li fih il-Komunità Ewropea tinħatar sabiex tikseb protezzjoni taħt is-sistema ta’ disinji Komunitarji. Il-Kumissjoni se jkollha tinnegozja fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ The HagueThe Hague f’isem il-Komunità wara koordinament fil-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill jew f’laqgħat fuq il-post imsejħa matul ix-xogħol fil-qafas tad-WIPO.

6. L-IMPATT FINANZJARJU

6.1. L-impatt finanzjarju totali fuq il-Parti B - (matul il-perjodu kollu ta’ programmazzjoni)

Mhux applikabbli

6.2. Kalkolu ta’ spejjeż skond il-miżura prevista fil-Parti B (matul il-perjodu kollu ta’ programmazzjoni)

Mhux applikabbli

7. L-IMPATT FUQ IL-PERSUNAL U NFIQ AMMINISTRATTIV

7.1. IMPATT FUQ RIżORSI UMANI

Tipi ta’ kariga | Impjegati li se jkunu assenjati għall-immaniġġjar ta’ l-azzjoni bl-użu ta’ riżorsi eżistenti u/jew addizzjonali | Total | Deskrizzjoni ta’ xogħlijiet li joħorġu mill-azzjoni |

Numru ta’ karigi permanenti | Numru ta’ karigi temporanji |

Uffiċjali jew persunal temporanju | A B C | 0,5 A | 0 | 0,5 A | Jekk ikun hemm bżonn, deskrizzjoni itwal tax-xogħlijiet tista’ tkun annessa Koordinazzjoni ma’ l-OHIM. Tħejjija ta’ u attendenza għal laqgħat tal-Kunsill u l-Parlament biex tkun innegozjata l-proposta permezz ta’ l-adozzjoni. Tħejjija ta’ u parteċipazzjoni fil-laqgħat ta’ l-Unjoni ta’ The HagueThe Hague u l-koordinazzjoni ta’ pożizzjonijiet ma’ l-Istati Membri. |

Riżorsi umani oħra | 0 | 0 | 0 |

Total | 0.5 | 0 | 0.5 |

7.2. Impatt finanzjarju ġenerali ta’ riżorsi umani

Tip ta’ riżorsi umani | Ammont (€) | Metodu ta’ kalkolu * |

Uffiċjali Persunal temporanju | 54,000 | Spejjeż annwali għal kull uffiċjal 108,00 € |

Riżorsi umani oħra (speċifika l-vot tal-baġit) |

Total | 54,000 |

L-ammonti huma nfiq totali għal tnax-il xahar.

7.3. Spejjeż oħra amministrattivi li joħorġu mill-azzjoni

Mhux applikabbli

L-ammonti huma nfiq totali għal tnax-il xahar.

1 Speċifika t-tip ta’ kumitat u l-grupp li jappartjeni għalih.

I. Total annwali (7.2 + 7.3) II. Tul ta’ l-azzjoni III. Spejjeż totali ta’ l-azzjoni (I x II) | €54,000 2006-2011 €324,000 |

8. SEGWITU U EVALWAZZJONI

8.1. Arranġamenti għa s-segwitu

Mhux applikabbli

8.2. Arranġamenti u skeda għall-evalwazzjoni ppjanata

Evalwazzjoni li qiegħda ssir bħalissa se tkun possibbli permezz ta’ kontroll tal-volum ta’ reġistrazzjonijiet internazzjonali li fihom is-sistema ta’ disinn Komunitarju tinħatar.

9. MIŻURI KONTRA L-FRODI

Ebda għajnuna finanzjarja m’hija involuta.

[1] ĠU L 3, tal-5.1.2002, p. 1.

[2] L-OHIM huwa mwaqqaf mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2003 dwar it- trademark Komunitarju, ĠU L 11, ta’ l-14.1.1994, p. 1.

[3] Ara COM(2005)687 finali

[4] Struttura simili kienet segwita fl-emenda tar-Regolament tat- trademark tal-Komunità sabiex tagħti effett lill-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Protokoll ta’ Madrid (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1992/2003 tas-27 ta’ Ottubru 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 40/94,ĠU L 296, ta’ l-14.11.2003, p. 1.

[5] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal-21 ta’ Ottubru 2002 li jimplimentar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar disinji Komunitarji, ĠU L 341, tas-17.12.2002, p. 28.

[6] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar il-ħlasijiet pagabbli lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( Trademarks u Disinn) rigwardir-reġistrazzjoni ta’ disinji Komunitarji, ĠU L 341, tas-17.12.2002, p. 54.

[7] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96 tal-5 ta’ Frar 1996 li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bords ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( Trademarks u Disinn),ĠU L 28, tas-6.2.1996, p. 11.

[8] Il-Belġju, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu,l-Olanda, is-Slovenja, Spanja. Ħames Stati Membri ta’ l-UE – minn total ta’ 18-il pajjiż – saru parti mill-Att ta’ Ġinevra (l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, is-Slovenja u Spanja). Aġġornamenti se jkunu ppubblikati fuq il-websajt tal-WIPO: www.wipo.int

9 ĠU C […], […], p. […].

10 ĠU C […], […], p. […].

11 ĠU C […], […], p. […].

12 ĠU L 3, tal-5.1.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003.

13 ĠU L […], […], p. […].

[9] ĠU L 11, ta’ l-14.1.1994, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) 422/2004(ĠU L 70, tad-9.3.2004, p. 1).

[10] ĠU L […], […], p. […].

Top