Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005PC0169

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni proviżorja ta’ l-użu u l-bejgħ fl-Awstrija ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L. line Bt 176) skond id-Direttiva 2001/18/KE

/* KUMM/2005/0169 finali */

52005PC0169

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni proviżorja ta’ l-użu u l-bejgħ fl-Awstrija ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L. line Bt 176) skond id-Direttiva 2001/18/KE /* KUMM/2005/0169 finali */


Brussel 26.04.2005

KUMM(2005) 169 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-projbizzjoni proviżorja ta’ l-użu u l-bejgħ fl-Awstrija ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat ( Zea mays L. line Bt 176) skond id-Direttiva 2001/18/KE

(PREżENTATA MILL-KUMMISSJONI)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Dwar it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L. line Bt 176 ) , ġie deċiż bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/98/KE tat-23 ta’ Jannar 1997, skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, li jingħata l-kunsens għat-tqegħid fis-suq tal-prodott.

2. Fil-5 ta’ Frar ta’ l-1997 l-awtoritajiet Franċiżi taw il-kunsens għat-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott.

3. Skond l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2001/18/KE li ssostitwiet id-Direttiva 90/220/KEE, proċeduri fir-rigward ta’ notifiki dwar it-tqegħid fis-suq ta’ organiżmi ġenetikament modifikati li ma jitlestewx sas-17 ta’ Ottubru 2002 huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE.

4. Skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 90/220/KEE, l-awtoritajiet Awstrijaċi infurmaw lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Frar 1997 bid-deċiżjoni tagħhom li jipprojbixxu proviżorjament għal sentejn l-użu u l-bejgħ tal-qamħirrum ġenetikament modifikat in kwistjoni u taw raġunijiet għal dan.

5. Il-Kumitat Xjentifiku ta’ l-Ikel, il-Kumitat Xjentifiku għan-Nutrizzjoni ta’ l-Annimali u l-Kumitat Xjentifiku għall-Pestiċidi kienu tal-fehma li l-informazzjoni ppreżentata mill-Awstrija ma kkostitwietx evidenza xjentifika ġdida ta’ rilevanza li ma kinetx tqieset waqt l-evalwazzjoni oriġinali tad- dossier u li tagħti lok għal reviżjoni ta’ l-opinjonijiet oriġinali tagħhom dwar dan il-prodott.

6. Fid-9 ta’ Mejju 1997 l-awtoritajiet Awstrijaċi ppreżentaw informazzjoni addizzjonali dwar ir-rata probabbli ta’ żvilupp tar-reżistenza ta’ l-insetti għat-tossina Bt.

7. L-aspett ta’ l-effetti ambjentali ta’ l-iżvilupp tar-reżistenza ta’ l-insetti għall-qamħirrum Bt kien diġà ġie kkunsidrat kollu kemm hu mill-Kumitat Xjentifiku għall-Pestiċidi.

8. Fid-9 ta’ Jannar kif ukoll fid-9 u s-17 ta’ Frar 2004 l-Awstrija ppreżentat lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali biex issostni l-miżuri nazzjonali dwar il-linja tal-qamħirrum Bt 176.

9. L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel qieset li l-informazzjoni ppreżentata mill-Awstrija ma kkostitwietx evidenza xjentifika ġdida li tinvalida l-valutazzjoni tar-riskji għall-ambjent tal-linja tal-qamħirrum Bt 176 u li għalhekk tiġġustifika l-projbizzjoni ta’ l-użu u l-bejgħ ta’ dan il-prodott fl-Awstrija.

10. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE jitlob lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skond il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva li għalih l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li tikkunsidra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

11. Billi l-Kumitat Xjentifiku Alimentari, il-Kumitat Xjentifiku għall-Għalf u l-Kumitat Xjentifiku għall-Pestiċidi kif ukoll l-EFSA kienu tal-fehma li l-prodott ma jikkostitwix riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, il-Kummissjoni ppreparat abbozz tad-Deċiżjoni li titlob lill-Awstrija tirrevoka l-miżura dwar il-linja tal-qamħirrum Bt 176.

12. L-abbozz tad-Deċiżjoni ġie ppreżentat, skond l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għal opinjoni, lill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/18/KE.

13. Ebda opinjoni ma’ ngħatat mill-Kumitat, wara l-konsultazzjoni, fid-29 ta’ Novembru 2004, u dan jitlob li, l-Kummissjoni, skond l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandha, bla dewmien, tippreżenta lill-Kunsill proposta li tirrigwarda l-miżuri li għandhom jittieħdu u tinforma lill-Parlament Ewropew.

14. L-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE jipprevedi li l-Kunsill jista’, fejn xieraq fid-dawl ta’ xi pożizzjoni bħal din, jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata f’perijodu ta’ tliet xhur bi qbil ma’ l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/18/KE. Jekk f’dan il-perijodu ta’ tliet xhur, il-Kunsill jindika b’maġġoranza kkwalifikata li jopponi din il-proposta, il-Kummissjoni għandha terġa teżaminha, waqt li jekk ma’ l-iskadenza ta’ dan il-perijodu l-Kunsill ma jkunx għadu adotta l-att ta’ implimentazzjoni propost jew wera l-oppożizzjoni tiegħu, l-att ta’ implimentazzjoni propost għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-projbizzjoni proviżorja ta’ l-użu u l-bejgħ fl-Awstrija ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat ( Zea mays L. line Bt 176) skond id-Direttiva 2001/18/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar il-ħruġ deliberat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE[1], u b’mod partikulari l-Artikolu 23(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/98/KE tat-23 ta’ Jannar 1997 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat ( Zea mays L.) li għandu modifika kombinata għal kwalitajiet ta’ insettiċidi mogħtija mill-ġene Bt-endotossina u żieda fit-tolleranza għall-erbiċida glufosinate ammonium skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE[2] ġie deċiż li ser jingħata l-kunsens għat-tqegħid ta’ dan il-prodott fis-suq.

Fil-5 ta’ Frar ta’ l-1997 l-awtoritajiet Franċiżi taw il-kunsens għat-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott.

Skond l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2001/18/KE li ssostitwiet id-Direttiva 90/220/KEE[3] proċeduri fir-rigward ta’ notifiki dwar it-tqegħid fis-suq ta’ organiżmi ġenetikament modifikati li ma ntemmux sas-17 ta’ Ottubru 2002 huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE.

Fl-14 ta’ Frar 1997 l-Awstrija infurmat il-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li tipprojbixxi provviżorjament l-użu u l-bejgħ ta’ dan il-qamħirrum ġenetikament modifikat u tat raġunijiet għal dan skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 90/220/KEE.

Il-Kumitati Xjentifiċi kkunsidraw li fl-informazzjoni ppreżentata mill-Awstrija ma kienx hemm evidenza xjentifika ġdida ta’ rilevanza li ma kinitx diġà tqieset waqt il-valutazzjoni oriġinali tad- dossier u li kienet tagħti lok għal reviżjoni ta’ l-opinjonijiet oriġinali tagħhom dwar dan il-prodott.

Fid-9 ta’ Mejju 1997 l-awtoritajiet Awstrijaċi ppreżentaw informazzjoni addizzjonali dwar kif x’aktarx tkun ir-rata ta’ żvilupp tar-reżistenza ta’ l-insetti għat-tossina Bt.

L-aspett ta’ l-effetti ambjentali ta’ l-iżvilupp tar-reżistenza ta’ l-insetti għall-qamħirrum Bt kien diġà ġie kkunsidrat kollu kemm hu mill-Kumitat Xjentifiku għall-Pestiċidi.

Fid-9 ta’ Jannar kif ukoll fid-9 u s-17 ta’ Frar 2004 l-Awstrija ppreżentat lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali biex issostni l-miżuri nazzjonali dwar il-linja tal-qamħirrum Bt 176.

L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà Alimentari kkunsidrat li l-informazzjoni ppreżentata mill-Awstrija ma fihiex evidenza xjentifika ġdida li tinvalida l-valutazzjoni tar-riskji għall-ambjent tal-linja tal-qamħirrum Bt 176 u li għalhekk tiġġustifika l-projbizzjoni ta’ l-użu u l-bejgħ ta’ dan il-prodott fl-Awstrija.

Taħt dawn iċ-ċirkostanzi ma hemm l-ebda raġuni biex dan il-prodott jitqies bħala riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

L-Awstrija għandha għalhekk tirrevoka dawn il-miżuri.

L-ebda opinjoni ma’ ġiet mogħtija mill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/18/KE dwar il-miżuri stipulati fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, wara l-konsultazzjoni tal-Kumitat, fid-29 ta’ Novembru 2004, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 30(2) ta’ din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DECIZJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri meħuda mill-Awstrija biex tipprojbixxi l-użu u l-bejgħ tal-qamħirrum ġenetikament modifikat awtorizzat għat-tqegħid fis-suq bid-Deċiżjoni 97/98/KE mhumiex ġustifikati taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE.

Artikolu 2

L-Awstrija għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni mhux aktar tard minn 20 jum wara n-notifika.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ l-Awstrija.

Magħmula fi Brussell, […] 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 106, tas-17.4.2001, p. 1

[2] ĠU L 31, ta’ l-1.2.1997, p. 69

[3] ĠU L 117, tat-8.5.1990, p. 15

Top