Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004PC0571

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimponi dazju definittiv kontra l-bejgħ taħt il-prezz u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti sistemi ta' elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja

/* KUMM/2004/0571 finali */

52004PC0571

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jimponi dazju definittiv kontra l-bejgħ taħt il-prezz u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti sistemi ta' elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja /* KUMM/2004/0571 finali */


Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jimponi dazju definittiv kontra l-bejgħ taħt il-prezz u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti sistemi ta' elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Fil-21 ta' Awissu 2003, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni kontra l-bejgħ taħt il-prezz fir-rigward ta' importazzjonijiet fil-Komunità ta' ċerti sistemi ta' elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja. Fid-19 ta' Mejju 2004, dazji provviżorji kontra l-bejgħ taħt il-prezz kienu imposti mill-Komunità.

Il-proposta mehmuża għal Regolament tal-Kunsill hija bbażata fuq sejbiet definittivi li kkonfermaw l-eżistenza ta' bejgħ taħt il-prezz u ħsara, u ta' konnessjoni kawżali bejn il-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. L-eżaminazzjoni ta' l-interessi kollha involuti, b'mod partikolari dak ta' l-industrija tal-Komunità, ta' importaturi mhux relatati u ta' min juża, ikkonfermat il-konklużjoni li m'huwiex kontra l-interessi tal-Komunità il-fatt li jittieħdu miżuri definittivi.

It-terminu perentorju normali applikabbli għal proċeduri kontra l-bejgħ taħt il-prezz jimplika li l-miżuri definittivi kontra l-bejgħ taħt il-prezz għandhom ikunu imposti mhux iktar tard mill-20 ta' Novembru 2004. Madankollu, hemm proċedura parallela kontra s-sussidju li tikkonċerna l-istess prodott u oriġini li t-terminu perentorju tagħha huwa l-20 ta' Settembru 2004. Peress li f'dawk il-każi l-prattika hija li jkunu ppubblikati ż-żewġ Regolamenti fl-istess ħin, huwa għalhekk propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament li għandu jkun pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali mhux iktar tard mill-20 ta' Settembru 2004.

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jimponi dazju definittiv kontra l-bejgħ taħt il-prezz u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti sistemi ta' elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra oġġetti impurtati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea mibjugħa taħt il-prezz [1] (ir-'Regolament bażiku') u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

[1] ĠU L 56, tas-6.3.1996, p. 1, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, tat-13.3.2004, p. 12.).

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. MIŻURI PROVVIŻORJI

(1) Fid-19 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 1009/2004 [2] ('ir-Regolament provviżorju'), imponiet dazju provviżorju kontra l-bejgħ taħt il-prezz fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta' ċerti sistemi ta' elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja.

[2] ĠU L 183, ta' l-20.5.2004, p. 61.

B. PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(2) Wara l-iżvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji kontra l-bejgħ taħt il-prezz, għadd ta' partijiet interessati ressqu bil-miktub l-opinjonijiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu biex jiġu mismugħa ngħataw din l-opportunità.

(3) Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika kull informazzjoni li qieset meħtieġa għas-sejbiet definittivi.

(4) Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta' dazju definittiv kontra l-bejgħ taħt il-prezz fuq l-importazzjoni ta' ċerti sistemi ta' elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja u l-ġbir definittiv ta' l-ammonti miksuba permezz tad-dazju provviżorju. Huma ġew mogħtija wkoll perijodu li matulu jagħmlu protesti sussegwenti għall-iżvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali.

(5) Il-kummenti orali u miktuba mressqa mill-partijiet interessati ġew meqjusa u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew modifikati skond il-każ.

C. IL-PRODOTT KONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(6) Peress li l-ebda kummenti ġodda ma ġew riċevuti fir-rigward tal-prodott konċernat u tal-prodott simili, il-premessi (11) sa (15) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk konfermati.

D. BEJGĦ TAĦT IL-PREZZ

1. Talbiet magħmula mill-produtturi ta' l-esportazzjoni

(7) Iż-żewġ produtturi ta' l-esportazzjoni f'kooperazzjoni tennew il-kummenti tagħhom li kellu jingħata aġġustament tar-rifużjoni ta' dazju fuq il-valur normali, skond l-Artikolu 2(10)(b) 'Ħlas ta' l-importazzjoni u taxxi indiretti' jew inkella taħt l-Artikolu 2(10)(k) 'Fatturi oħra' tar-Regolament bażiku, għall-benefiċċji riċevuti taħt l-Iskema ta' Ktieb tal-Bank għall-Jedd tat-Taxxa ('DEPB') fuq il-bażi ta' wara-l-esportazzjoni. Skond l-Artikolu 2(10)(b), huma qalu li l-ammont ta' krediti DEPB użati għall-importazzjoni ta' materja prima konsumata fil-proċess ta' produzzjoni tal-prodott esportat għandhom jingħataw bħala konċessjoni.

(8) F'dan ir-rigward, għandu jingħad li l-ebda aġġustament ma seta' jingħata peress li, kif kien spjegat fil-premessa (25) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni uriet li l-ebda konnessjoni diretta ma setgħet tkun stabbilita bejn il-krediti DEPB mogħtija u l-materja prima mixtrija minħabba li l-krediti setgħu jintużaw għal dazji li għandhom jitħallsu fuq kwalunkwe oġġett li se jkun impurtat, għajr għall-oġġetti kapitali u oġġetti suġġetti għal restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fl-importazzjoni. Barra minnhekk, anke meta l-krediti kienu wżati għall-importazzjoni ta' materja prima meħtieġa għall-produzzjoni ta' l-elettrodi tal-grafita, il-produtturi ta' l-esportazzjoni ma setgħux juru li din il-materja prima kienet użata għall-produzzjoni tal-prodott esportat. Ukoll, il-benefiċċju DEPB ġie kkunsidrat bħala dħul u mhux bħala oġġett negattiv fis-sistema tal-kontijiet ta' l-ispejjeż tal-kumpaniji. Għaldaqstant, fuq il-bażi tar-rekords tal-kontijiet tal-kumpaniji, ma kienx hemm konnessjoni bejn il-prezz ta' l-oġġetti esportati u d-dħul DEPB riċevut. Finalment, ma tressaq l-ebda argument ġdid li jiġġustifika l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, dawn it-talbiet ma setgħux jiġu aċċettati u s-sejbiet imniżżla fil-premessi (25) u (26) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk konfermati.

(9) Iż-żewġ produtturi ta' l-esportazzjoni f'kooperazzjoni tennew ukoll it-talbiet tagħhom skond l-Artikolu 2(10)(d)(ii) tar-Regolament bażiku, fir-rigward tad-differenzi fil-livelli tan-negozju. Madankollu, ma tressaq l-ebda argument ġdid u għalhekk is-sejbiet imniżżla fil-premessi (27) u (28) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk konfermati.

(10) Iż-żewġ produtturi ta' l-esportazzjoni f'kooperazzjoni ikkontestaw ir-rati tal-kambju użati fil-kalkolu tal-prezzijiet ta' l-esportazzjoni. Huma qalu li r-rati tal-kambju wżati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data tal-ħlas minflok dawk fid-data tal-fattura. Barra minnhekk, huma qalu wkoll li minflok tintuża r-rata tal-kambju medja tax-xahar li fih toħroġ il-fattura, ikun iktar preċiż li jintużaw ir-rati tal-kambju tal-ġurnata attwali.

(11) F'dan ir-rigward, għandu jingħad li hija prattika konsistenti tal-Kummissjoni li tuża r-rati tal-kambju rilevanti għad-data tal-fattura, peress li d-determinazzjoni tal-prezz tikkunsidra r-rati tal-kambju fil-mument li ssir il-fattura. It-talba biex jintużaw ir-rati tal-kambju rilevanti fid-data tal-ħlas kienet għalhekk miċħuda. Madankollu, ġie aċċettat li jintużaw ir-rati tal-kambju attwali rilevanti fid-data tal-fattura minflok r-rati tal-kambju medji tax-xahar rilevanti għal dik id-data. Fid-dawl ta' dan, il-kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz ġew emendati skond il-każ.

(12) Waqt li kienet qed tiġi analizzata l-kwistjoni, instab żball klerikali fl-imsemmija rati tal-kambju medji tax-xahar. Minħabba li dawn ir-rati tal-kambju kienu mibdula bir-rati tal-kambju tal-ġurnata, kif spjegat fil-premessa (11), dan l-iżball jista' jitqies bħala rranġat.

2. Kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz

(13) Wara l-aġġustamenti fir-rigward tar-rati tal-kambju użati, kif deskritt fil-premessi (10) sa (12) ta' hawnfuq, l-ammont tal-bejgħ taħt il-prezz determinat b'mod finali, espress bħala persentaġġ tal-prezz nett b'xejn-fil-fruntiera tal-Komunità CIF, huwa kif ġej:

Graphite India Limited (GIL) // 31,1%

Hindustan Electro Graphite (HEG) Limited // 22,4%

L-oħrajn kollha // 31,1%

E. L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

(14) Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni jew argumenti sostanzjali ġodda f'dan ir-rigward, il-premessi (32) sa (35) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk konfermati.

F. ĦSARA

(15) Wara l-iżvelar provviżorju, l-esportaturi Indjani enfasizzaw id-differenza fil-marġni ta' bejgħ bi ħlas inqas ta' tip wieħed partikolari tal-prodott konċernat, hekk kif imqabbel mal-marġni ta' bejgħ bi ħlas inqas ta' tipi simili. Il-kumment kien eżaminat tajjeb u nstab li d-diskrepanza kienet ir-riżultat ta' żball fir-rapport ta' numru ta' noti ta' kreditu u tnaqqis ta' produttur partikolari tal-Komunità. It-talba kienet għalhekk aċċettata u l-marġni ta' bejgħ bi ħlas inqas ta' dan it-tip partikolari u, fejn xieraq, ta' tipi oħra kienu rranġati skond dan.

(16) Instab ukoll li numru ta' transazzjonijiet ta' bejgħ ta' l-industrija tal-Komunità użati għal kalkolu tal-bejgħ bi ħlas inqas kienu mgħaduda darbtejn. Minħabba f'dan, it-transazzjonijiet li ġew mgħaduda darbtejn kellhom jitneħħew u l-kalkoli tal-bejgħ bi ħlas inqas kellhom jiġu modifikati kif xieraq. Madanakollu, dan l-għadd doppju ma kienx seħħ waqt li kienu ġew stabbiliti l-figuri użati biex jiġu stmati l-indikaturi tal-ħsarat. Għalhekk, l-indikaturi tal-ħsarat m'għandhomx għalfejn ikunu mmodifikati.

(17) Konsegwenza ta' dan, it-tqabbil wera li matul l-IP il-prodott konċernat li joriġina fl-Indja u mibjugħ fil-Komunità raħħas il-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità bejn 3% u 11%.

(18) Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni jew argumenti sostanzjali ġodda f'dan ir-rigward, il-premessi (36) sa (72) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk konfermati, bl-eċċezzjoni tal-premessa (42) (ara l-premessi (15) sa (17) hawnfuq).

G. KAWŻALITÀ

1. Ritorn għall-kompetizzjoni normali wara t-tneħħija tal-konsorzju

(19) L-esportaturi Indjani tennew l-argument tagħhom li t-twaqqif ta' konnessjoni kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u l-ħsara sofferta mill-industrija tal-Komunità hija bbażata fuq data li m'hix ta' min joqgħod fuqha minħabba l-eżistenza ta' konsorzju sal-bidu ta' l-1998. Madankollu, l-esportaturi Indjani ma pprovedwx xi informazzjoni ġdida sad-data ta' skadenza magħmula għat-tressiq ta' kummenti f'dan ir-rigward.

2. Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(20) Għadd ta' partijiet interessati qalu li l-Kummissjoni kellha tibda din il-proċedura wkoll kontra importazzjonijiet tal-prodott simili mill-Ġappun. Fl-istadju tal-bidu tal-proċeduri kurrenti, l-Kummissjoni ma kellhiex evidenzi ta' ħsara suffiċjenti rigward bejgħ taħt il-prezz li kienet tiġġustifika l-ftuħ ta' proċeduri kontra prodotti Ġappuniżi fi qbil mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament bażiku. L-evidenza fornuta minn ċertu partijiet wara l-bidu ma tikkonstitwix tali evidenza, kemm jekk meħuda waħedha jew flimkien ma' informazzjoni oħra disponibbli lill-Kummissjoni fiż-żmien ta' l-investigazzjoni, għax l-ebda evidenza ta' bejgħ taħt il-prezz inġurjuż ma jemana minn dan. Għad eżempju, l-evidenza miġjuba mill-partijiet imsemmija hawnfuq kien fiha biss informazzjoni dwar il-prezzijiet medji domestiċi u ta' l-esportazzjoni għal elettrodi tal-grafita Ġappuniżi, mingħajr ebda indikazzjoni jekk dawn l-elettrodi tal-grafita verament kinux jissodisfaw il-parametri li jiddefinixxu l-prodott konċernat kif imniżżel fil-premessa (13) tar-Regolament provviżorju. F'kull eventwalità, l-fatt li importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġappun mhumiex suġġetti għall-proċedura m'għandux jbiddel bl-ebda mod il-konklużjonijiet ta' l-investigazzjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta' konnessjoni kawżali.

(21) Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni jew argumenti sostanzjali ġodda f'dan ir-rigward, il-premessi (73) sa (93) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk konfermati.

H. INTERESS TAL-KOMUNITÀ

(22) Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil min juża l-prodott u kumpanija ta' min juża l-prodott tennew il-preokkupazzjoni tagħhom li, bl-esklużjoni tal-fornimenti Indjani mis-suq tal-Komunità, l-impożizzjoni ta' kwalunkwe miżura kienet se tnaqqas il-kompetizzjoni sħiħa fis-suq tal-Komunità għal dan il-prodott partikolari u inevitabbilment twassal għal żieda fil-prezzijiet. Madankollu, kif evalwat fil-premessa (103) tar-Regolament provviżorju, l-impatt ta' xi żieda fil-prezz tal-prodott simili għall-konsumaturi finali aktarx li jkun minimu. Huwa mfakkar ukoll li l-għan ta' kull miżura kontra l-bejgħ taħt il-prezz m'huwa bl-ebda mod li jwaqqaf l-aċċess fil-Komunità ta' prodotti mill-Indja, iżda biex jirranġa l-kamp tan-negozju li kien ġie mfixkel minn prattiċi mhux-ġusti tal-kummerċ. Finalment, huwa meqjus li l-livell tal-miżuri m'huwiex daqstant effettiv li jeskludi l-produtturi Indjani mis-suq tal-Komunità.

(23) Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni jew argumenti sostanzjali ġodda f'dan ir-rigward, il-premessi (94) sa (107) tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk konfermati.

I. LIVELL TA' L-ELIMINAZZJONI TAL-ĦSARA

(24) Wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji, għadd ta' partijiet interessati qalu li l-livell ta' profitt ta' 9,4% meqjus li jirrappreżenta s-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-industrija tal-Komunità fin-nuqqas ta' sussidju għall-ħsara mill-Indja kien għoli ħafna. Kien allegat li l-prattika normali kienet li jkun stabbilit proporzjoni ta' profitt ta' 5% għal setturi ta' oġġetti tal-merkanzija bħal dawk ta' l-azzar, it-tessuti u l-kimiċi bażiċi. L-istess partijiet qalu wkoll li l-metodoloġija li tasal għal din il-figura għandha tkun żvelata b'mod sħiħ.

(25) Kif spjegat fil-premessa (110) tar-Regolament provviżorju, il-profitt ta' 9,4% kien ir-riżultat ta' evalwazzjoni raġunata stabbilita fuq il-bażi ta' numru ta' elementi, fosthom (i) il-profitt miksub mill-industrija tal-Komunità fl-1999, meta s-sehem tas-suq ta' l-oġġetti impurtati mibjugħa bit-telf kien fl-inqas livell tiegħu; (ii) il-kondizzjonijiet tas-suq f'dak iż-żmien; u (iii) l-informazzjoni meħuda minn database dwar il-kontijiet tal-kumpaniji. Din id-database tikkonsisti f'data dwar il-kontijiet tal-kumpaniji, li jkunu l-ewwel miġbura mill-banek ċentrali nazzjonali ta' l-iktar pajjiżi industrijalizzati, jiġifieri ħafna mill-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti u l-Ġappun, u imbagħad miġbura, skond is-setturi, mill-Kumitat Ewropew ta' l-Uffiċċji Ċentrali tad-Data tal-Karta tal-Bilanċ u mill-Kummissjoni Ewropea. Id-database ġiet aġġornata bejn id-deċiżjoni provviżorja u dik definittiva. Analiżi tad-data aġġornata li tirreferi għall-pajjiżi membri ta' l-UE, flimkien ma' l-Istati Uniti u l-Ġappun turi li l-profitt medju quddiem oġġetti straordinarji għal kumpaniji li jagħmlu parti mis-settur kummerċjali l-iktar qrib kien ta' 7,5% fl-2002, li hija l-aħħar sena aċċessibbli fid-database.

(26) Madankollu, jitqies ukoll li, meta jkun iffissat il-profitt li seta' inkiseb fin-nuqqas ta' bejgħ taħt il-prezz, konsiderazzjoni partikolari għandha tingħata għall-elementi kwalitattivi u kwantattivi kollha rilevanti għal dan il-għan. B'mod partikolari, peress li dan sar fil-premessa (110) tar-Regolament provviżorju, saret eżaminazzjoni tajba tal-livelli ta' profitt ta' l-industrija tal-Komunità meta s-sehem tas-suq ta' oġġetti impurtati mibjugħa taħt il-prezz kien fl-inqas livell tiegħu (jiġifieri fl-1999), u ta' kwalunkwe kawża u ċirkostanza oħra li tista' taffettwa r-rappreżentattività ta' dan l-aħħar perijodu. Fl-aħħar, ta' min jinnota li l-prodott konċernat huwa wżat f'applikazzjonijiet diffiċli u għandu jżomm ċerti parametri b'mod strett, partikolarment f'termini ta' reżistenza elettrika. Dan jinvolvi proċess ta' manifattura intensiv b'kapital għoli u spejjeż mhux żgħar f'Riċerka u Żvilupp. Il-fatt li numru limitat ta' produtturi fid-dinja kapaċi jaħdmu f'din it-teknoloġija hija indikazzjoni ulterjuri li dan il-prodott ċertament ma jistax jitqies bħala merkanzija bażika.

(27) Meta jkunu kunsidrati dawn iċ-ċirkostanzi u elementi kollha, il-konklużjoni definittiva hija li l-marġni tal-profitt li tista' b'mod raġjonevoli titqies li tirrapreżenta s-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-industrija tal-Komunità fin-nuqqas tal-bejgħ taħt il-prezz magħmul b'mod offensiv mill-Indja għandha tkun stabbilita f'8% għall-għan tal-kalkolu tal-marġni tal-ħsara.

(28) B'konsegwenza ta' dan ta' hawnfuq, tas-sejbiet relatati mal-bejgħ bi ħlas inqas (ara premessi (15) sa (17) hawnfuq), u ta' konsiderazzjoni xierqa tar-reviżjoni tar-rati tal-kambju (ara premessa (11) hawnfuq), il-marġni tal-ħsara ġew riveduti kif ġej.

Graphite India Limited (GIL) // 15,7%

Hindustan Electro Graphite (HEG) Limited // 7,0%

J. MIŻURI DEFINITTIVI

(29) Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tal-bejgħ taħt il-prezz, tal-ħsara, tal-kawżalità u ta' l-interess tal-Komunità, u skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jkun impost dazju definittiv kontra l-bejgħ taħt il-prezz fil-livell tal-marġni ta' bejgħ taħt il-prezz misjub, imma m'għandux ikun iktar mill-marġni tal-ħsara kalkolat hawnfuq.

(30) It-tibdil li sar fil-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz u tal-ħsara ma kellu l-ebda effett fuq l-applikazzjoni tar-regola ta' dazju inqas. Għaldaqstant, il-metodoloġija użata għall-istabbiliment tar-rati tad-dazju kontra l-bejgħ taħt il-prezz, b'konsiderazzjoni ta' l-impożizzjoni parallela ta' taxxi kompensatorji fuq l-importazzjonijiet ta' l-istess prodott mill-Indja, kif deskritt fil-premessi (114) u (115) tar-Regolament provviżorju hija hawnhekk konfermata. Id-dazji definittivi għalhekk se jkunu kif ġej:

>TABELPOSITION>

K. ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVVIŻORJU

(31) Fid-dawl tal-kobor tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz misjuba għall-produtturi ta' l-esportazzjoni fl-Indja u minħabba l-livell ta' ħsara kawżat lill-industrija tal-Komunità, huwa meqjus neċessarju li l-ammonti miksuba permezz tad-dazju provviżorju kontra l-bejgħ taħt il-prezz impost bir-Regolament provviżorju għandhom definittivament jinġabru biex ilaħħqu l-ammont ta' taxxi definittivi imposti. Peress li d-dazji definittivi huma inqas mid-dazji provviżorji, l-ammonti miksuba provviżorjament li huma iżjed mir-rata definittiva tad-dazji kontra l-bejgħ taħt il-prezz għandhom ikunu rilaxxati.

(32) Ir-rati għall-kumpaniji individwali tad-dazji kontra l-bejgħ taħt il-prezz speċifikati f'dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta' l-investigazzjoni preżenti. Għaldaqstant, huma jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta' taxxa (għall-kuntrarju tat-taxxi fuq il-medda tal-pajjiż kollu applikabbli għall-'oħrajn kollha') huma għalhekk applikabbli esklussivament għall-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw fil-pajjiż konċernat u prodotti mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Prodotti impurtati magħmula minn kwalunkwe kumpanija oħra li m'hix imsemmija b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament b'isimha u bl-indirizz, inklużi entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-'oħrajn kollha'

(33) Kull pretensjoni li titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju kontra l-bejgħ taħt il-prezz għall-kumpaniji individwali (eż. wara bidla fl-isem ta' l-entità jew wara t-twaqqif ta' entitajiet ta' produzzjoni ġdida jew ta' bejgħ) għandha tkun indirizzata minnufih lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha, b'mod partikolari bi kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija relatata mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u l-bejgħ esportat assoċjati ma' eż. dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta' produzzjoni u bejgħ. Jekk meħtieġ, ir-Regolament se jkun emendat skond dan kollu billi jaġġorna l-lista ta' kumpaniji li tibbenefika minn dawn id-dazji individwali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dazju definittiv kontra l-bejgħ taħt il-prezz huwa hawnhekk impost fuq importazzjonijiet ta' elettrodi tal-grafita tat-tip użat għall-fran ta' l-elettriku, b'densità apparenti ta' 1,65 g/ċm³ jew iktar u b'reżistenza elettrika ta' 6.0 ??.m jew inqas, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8545 11 00 (kodiċi TARIC 8545 11 00 10) u l-bżieżel użati għal dawn l-elettrodi, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8545 90 90 (kodiċi TARIC 8545 90 90 10) kemm jekk impurtati flimkien jew b'mod separat li joriġinaw fl-Indja.

2. Ir-rata tad-dazju definittiv kontra l-bejgħ taħt il-prezz applikabbli għall-prezz nett b'xejn-fil-fruntiera-tal-Komunità, qabel id-dazju, għall-prodotti magħmula mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandu jkun kif ġej:

>TABELPOSITION>

3. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

1. L-ammonti miksuba permezz tat-dazji provviżorji kontra l-bejgħ taħt il-prezz skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1009/2004 dwar importazzjonijiet ta' elettrodi tal-grafita tat-tip użat għall-fran ta' l-elettriku, b'densità apparenti ta' 1,65 g/ċm³ jew iktar u b'reżistenza elettrika ta' 6.0 ??.m jew inqas, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8545 11 00 (kodiċi TARIC 8545 11 00 10) u l-bżieżel użati għal dawn l-elettrodi, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8545 90 90 (kodiċi TARIC 8545 90 90 10) kemm jekk impurtati flimkien jew b'mod separat li joriġinaw fl-Indja għandhom ikunu definittivament miġbura kif ġej.

L-ammonti miksuba li huma iżjed mir-rata definittiva tad-dazji kontra l-bejgħ taħt il-prezz għandhom ikunu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel,

Għall-Kunsill

Il-President

Top