Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004DC0784

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – «Rapport dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà relatata mar-reviżjoni tad-data tal-baġit grieg »{SEC (2004) 1539 }

/* KUMM/2004/0784 finali */

52004DC0784

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – «Rapport dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà relatata mar-reviżjoni tad-data tal-baġit grieg »{SEC (2004) 1539 } /* KUMM/2004/0784 finali */


Brussel, 1.12.2004

KUMM(2004) 784 finali.

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

“RAPPORT DWAR IL-KWISTJONI TAR-RESPONSABBILTÀ RELATATA MAR-REVIŻJONI TAD- DATA TAL-BAĠIT GRIEG {SEC (2004) 1539 }

WERREJ

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL “RAPPORT DWAR IL-KWISTJONI TAR-RESPONSABBILTÀ RELATATA MAR-REVIŻJONI TAD- DATA TAL-BAĠIT GRIEG {SEC (2004) 1539 } 1

1. Introduzzjoni 3

2. Deskrizzjoni tas-sistema preżenti 4

2.1. Bażi legali 4

2.2. Ir-Rwol ta’ l-Eurostat 4

2.3. Ir-Rwol ta’ l-Istati Membri 5

3. L-identifikazzjoni tad-defiċjenzi kkombinati fil-livelli kollha tas-sistema 5

3.1. Kwistjonijiet rikorrenti dwar il-kwalità fir-rapportar tad- data baġitarja mill-awtoritajiet Griegi. 5

3.2. Insuffiċjenzi fil-forniment ta’ data baġitarja mill-Eurostat 6

3.3. Limiti eżistenti tar-rapportar ta’ data baġitarja u sistemi ta’ forniment globali 7

4. Azzjonijiet proposti 7

4.1. Proposti li jikkonċernaw kwistjonijiet sistemiċi 7

4.2. Proposti li jikkonċernaw l-Eurostat 8

4.3. Azzjonijiet li jikkonċernaw il-Greċja 8

1. Introduzzjoni

Reċentement, l-istatistiki tal-baġit Grieg saritilhom reviżjoni estensiva ħafna. Id-defiċit tal-gvern għall-2003, li inizjalment kien irrapportat li kien ta’ 1.7% tal-GDP, ammonta għal 4.6% tal-GDP wara n-notifika ta’ Settembru 2004. Id-defiċits notifikati lill-Kummissjoni għas-snin 2000, 2001 u 2002 kienu wkoll riveduti ’l fuq b’aktar minn żewġ punti tal-perċentwali tal-GDP. Żidiet sostanzjali simili rriżultaw minn azzjonijiet preċedenti meħudin mill-Eurostat kif ukoll mill-inizjattiva meħuda mill-Gvern Grieg ġdid fir-rebbiegħa 2004 biex tkun illanċjata verifika fiskali bl-akbar reqqa. L-inizjattiva wasslet għan-notifika ta’ Settembru u azzjonijiet sussegwenti mill-awtoritajiet Griegi b'kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa ma' l-Eurostat bl-iskop li tkun rimedjata s-sitwazzjoni.

Reviżjonijiet ta’ data fuq skala ta’ dan it-tip qajmu ħafna mistoqsijiet dwar il-kredibilità ta’ l-istatistiki Griegi dwar il-finanzi pubbliċi. Il-Kunsill ECOFIN tal-21 ta’ Ottubru 2004 ħa nota tat-nota ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-notifika fiskali tal-Greċja, u laqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tkun ippreżentata analiżi dettaljata tad- data tad-defiċit u d-dejn tal-Greċja li tmur lura sa l-1997. Il-Kunsill ECOFIN tas-16 ta’ Novembru laqa' r-rapport preliminarju Eurostat, u ddikjara l-intenzjoni li se jirritorna għall-kwistjoni tar-responsabbiltà u azzjoni futura possibbli sabiex jimpedixxi li jerġgħu jirripetu rwieħhom fatturi simili, ibbażati fuq ir-rapport tal-Kummissjoni. Dan id-dokument, li hu bbażat fuq, u li għandu jinqara b’mod parallel mar-Rapport Eurostat dwar id- data tad-defiċit u d-dejn Grieg matul il-perijodu 1997-2003, jirrispondi għar-rikjesta tal-Kunsill.

L-analiżi tad- data ta’ l-1997-2003 turi li d-defiċit tal-gvern kien irrivedut ’il fuq b’medja ta’ 2.1 fil-mija tal-GDP matul il-perijodu. Din tikkonkludi wkoll li l-proporzjon tad-defiċit tal-gvern qabeż b’mod konsistenti t-3% tal-GDP. Barra dan, jidher li mid-disgħinijiet ’l hawn l-Eurostat kien qed jagħmel pressjoni partikulari fuq l-awtoritajiet statistiċi Griegi sabiex jippreżentaw il-kontijiet tagħhom skond standards komuni u miftiehma, li l-Eurostat irriveda f’bosta okkażjonijiet id- data rrapportata mill-awtoritajiet Griegi, u li l-awtoritajiet Griegi ma waslux fil-passat biex issodisfaw il-kooperazzjoni essenzjali stipulata f’eżerċizzju simili.

F’termini ġenerali, l-aħħar reviżjoni bejn in-notifiki ta’ Marzu 2004 u Settembru 2004 tistrieħ fuq applikazzjoni aktar eżatta ta’ l-ESA 95 u fuq id-disponibilità ta’ data ġdida. L-elementi prinċipali li jispjegaw ir-reviżjoni tad-defiċit Grieg bejn in-notifiki ta’ Marzu 2004 u Settembru 2004 huma s-sotto-reġistrazzjoni ta’ l-ispiża militari, stima ogħla mill-valur reali tas- surplus tal-fondi tas-sigurtà soċjali, u r-reviżjoni ’l isfel ta’ l-istimi tad-dħul mit-taxxa (prinċipalment mill-VAT). Il-proporzjon ta’ defiċit-għal-GDP rivedut issa qiegħed ta’ 4.1% fl-2000, 2.7% fl-2001, 3.7% fl-2002 u 4.6% fl-2003.

Filwaqt li għall-kontijiet ta’ l-1997, 1998, u 1999, ir-raġunijiet għala dawn il-figuri huma differenti minn dawk provduti f’notifiki preċedenti huma essenzjalment ir-reġistrazzjoni ta’ l-ispejjeż militari u t-trattament ta’ l-injezzjoni ta’ kapital u għotji ta’ l-UE. Il-figuri tad-defiċit wara dan l-eżerċizzju jammontaw għal 6.6%, 4.3% u 3.4% tal-GDP fl-1997, 1998 u 1999 rispettivament.

Dan ir-rapport hu organizzat kif ġej. It-2 Sezzjoni tippreżenta deskrizzjoni konċiża tas-sistema preżenti, b’hekk tħares lejn il-kuntest legali u r-rwoli rispettivi ta’ l-Eurostat u l-istituti nazzjonali ta’ l-istatistika ta’ l-Istati Membri. Is-Sezzjoni 3 tiffoka fuq x’mar ħażin fil-każ Grieg: hi tanalizza d-dgħjufijiet tas-sistema, kemm safejn l-awtoritajiet Griegi, l-Eurostat u parteċipanti oħra fis-sistema huma kkonċernati. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, is-Sezzjoni 4 tiġbed xi konklużjonijiet rigward azzjonijiet possibbli li jistgħu jittieħdu sabiex ikunu impeduti milli jirripetu ruħhom problemi simili.

2. Deskrizzjoni tas-sistema preżenti

2.1. Bażi legali

L-Artikolu 104 tat-Trattat dwar il-Komunità Ewropea jistipula li l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern u l-Kummissjoni għandha timmonitorja l-iżvilupp tas-sitwazzjoni baġitarja u ta’ l-istokk tad-dejn tal-gvern fl-Istati Membri bl-iskop li jkunu identifikati żbalji ovvji sabiex tkun assigurata osservanza mad-dixxiplina baġitarja rekwiżita.

Il-Protokoll dwar il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv (EDP), anness mat-Trattat (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”), jistabbilixxi fost ħwejjeġ oħra li d- data ta’ l-istatistika għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandha tkun ipprovduta mill-Kummissjoni. Il-Protokoll jiddikjara wkoll li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar id-defiċits attwali u ppjanati u dwar il-livelli tad-dejn tagħhom.

Ir-regoli dettaljati tal-Protokoll (inkluża n-notifika tal-proċedura) huma speċifikati fir-Regolament tal-Kunsill Nru 3605/93. It-termini użati fil-Protokoll u fir-Regolament huma definiti skond is-sistema Ewropea tal-kontijiet ekonomiċi integrati (ESA 95), stabbiliti wkoll bir-Regolament tal-Kunsill (2223/96). L-ESA 95 hija s-sistema ta’ referenza ta’ l-istatistika għad-disposizzjonijiet ta' kontabilità, definizzjonijiet u standards, li l-għan tagħhom hu li jassiguraw il-koerenza u l-komparabilità ta' data mogħtija mill-Istati Membri.

Ir-Regolament tal-Kunsill 3605/93 jorganizza l-proċedura ta’ notifika mill-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar il-figuri baġitarji fi struttura ta' żmien regolari u speċifiku.

Il-Kunsill ECOFIN tat-18 ta’ Frar 2003, wara inizjattiva mill-Kummissjoni, adotta Kodiċi dwar l-Aqwa Prattika għall-kumpilazzjoni, it-trasmissjoni u l-pubblikazzjoni ta’ data għall-iskopijiet tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, sabiex ikunu kkjarifikati l-proċeduri fil-livell ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

2.2. Ir-Rwol ta’ l-Eurostat

Skond id-disposizzjoni tal-Protokoll, il-Kummissjoni tesegwixxi r-rwol ta’ awtorità ta’ l-istatistika għall-EDP. Hi tipprovdi d- data ta’ statistika li għandha tkun użata fl-implimentazzjoni ta’ l-EDP, wara l-assessjar tal-kwalità tad- data rrapportata mill-Istati Membri. Barra minn dan, hi għandha tinterpreta r-regoli tal-kontabilità kulmeta jkun hemm dubji dwar il-klassifikazzjoni tat-transazzjonijiet tal-gvern, u kif transazzjonijiet simili jaffettwaw id-defiċit tal-gvern u l-livelli tad-dejn. Meta adatt hi tista’ tagħmel rakkomandazzjonjiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-istatistika dwar ir-reġistrazzjoni ta’ transazzjonijiet speċifiċi.

Fl-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni, dawn l-inkarigi ta’ skrutinju tal-kontabilità rapportata u ta’ l-interpretazzjoni tar-regoli tal-kontijiet huma esegwiti mill-Eurostat. Meta l-inkarigu jkun assenjat lill-Eurostat, il-Kummissjoni tassigura li l-kwistjonijiet ta’ kontabilità u statistika huma trattati b’mod indipendenti, minn entità teknikament kompetenti u imparzjali, skond kriterji oġġettivi. Barra dan, din il-kompetenza teknika u indipendenti hi rinforzata bl-assistenza mogħtija lill-Eurostat mill-Kumitat ta’ l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti (CMFB), li jiġbor fih statistiċi u kontabilisti nazzjonali mill-istituzzjonijiet nazzjonali ta’ l-istatistika u mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri kollha, kif ukoll rappreżentanti ta' l-ECB u tal-Kummissjoni u osservaturi mill-EFC.

Il-Kodiċi ta’ l-Aqwa Prattika tispeċifika r-rwol u l-mandat ta’ l-Eurostat, bħala l-awtorità ta’ l-istatistika li tirrappreżenta lill-Kummissjoni, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tad- data notifikata, l-emendi possibbli u l-pubblikazzjoni tagħhom.

L-assessjar mill-Eurostat tad- data rapportata mill-Istati Membri jikkonsisti fil-verifika ta' l-osservanza tar-regoli tal-kontabilità, il-kompletezza, il-plawsibilità u l-konsistenza tad- data . L-assessjar hu bbażat skond it-tabelli rrapportati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, informazzjoni oħra li takkompanja r-rapportar, kull data oħra, dwar l-inventarju tal-proċeduri u l-istatistiki bażiċi, u dwar il-kuntatti regolari ma' l-Istituti Nazzjonali ta' l-Istatistika. L-Eurostat jista’ pubblikament jesprimi riservi dwar id- data rrapportata u jintroduċi eventwalment tibdil fiha meta jippubblika l-figuri tad-dejn u d-defiċit attwali.

2.3. Ir-Rwol ta’ l-Istati Membri

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll, l-Istati Membri huma responsabbli għall-kumpilazzjoni tad- data tad-dejn u tad-defiċit u għat-trasmissjoni lill-Kummissjoni. Il-kwalità tal-kontabilità pubblika tinvolvi, inizjalment, kull Stat Membru. L-assessjar tad- data rrapportata mill-Eurostat ma tistax teżonera lill-Istati Membri mir-responsabbiltajiet tagħhom.

Il-Kodiċi ta’ l-Aqwa Prattika tispeċifika li l-Istituti Nazzjonali ta’ l-Istatistika għandhom jaġixxu b'indipendenza xjentifika sħiħa, b’rispett strett ta’ l-istandards tal-kontabilità definiti fir-Regolamenti 3605/93 u ESA 95. Il-Kodiċi tiddeskrivi wkoll l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull reviżjoni tal-figuri kemm jista’ jkun malajr, li tinkludi dokumentazzjoni li tispjega r-reviżjonijiet.

Kollox ma kollox, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Kommunità, kif inhu stipulat fl-Artikolu 10 tat-Trattat. Huma jridu jieħdu l-miżuri individwali jew ġenerali kollha ddestinati biex jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat.

3. L-identifikazzjoni tad-defiċjenzi kkombinati fil-livelli kollha tas-sistema

3.1. Kwistjonijiet rikorrenti dwar il-kwalità fir-rapportar tad- data baġitarja mill-awtoritajiet Griegi.

Ir-rapport Eurostat dwar ir-reviżjoni tal-figuri baġitarji ppreżentati lill-Kunsill ta’ l-ECOFIN fis-16 ta’ Novembru 2004 juri li s-servizzi tal-Kummissjoni identifikaw b’mod korrett l-aktar kwistjonijiet important tal-kontabilità fil-kontijiet baġitarji Griegi u li l-mistoqsijiet ewlenin kienu tqajmu sa mill-1997. Min dak iż-żmien ’l hawn, il-Greċja kienet monitorjata aktar mill-viċin minn kull Stat Membru ieħor, kif inhu muri p.eż. min-numru ta' missjonijiet ta' insegwiment[1], li kien sostanzjalment ogħla mill-każ ta’ Stati Membri oħra. Din l-azzjoni intensiva kienet riflessa f’numru ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-awtoritajiet Griegi. Għalkemm ir-rakkomandazzjonijiet kienu ċari biżżejjed, l-awtoritajiet Griegi ma implimentawhomx - jew implimentawhom parzjalment biss. Dwar xi kwistjonijiet (bħalma huma l-ispiża militari u l-interess ikkapitalizzat) l-Eurostat irċieva assigurazzjonijiet mill-awtoritajiet Griegi li t-transazzjonijiet kienu korrettament irreġistrati, filwaqt li fl-2004 nstab li dan ma kienx il-każ.

L-istruttura ta’ l-istatistika, sabiex taħdem tajjeb, għandha tiddependi fuq livell ta' kooperazzjoni mill-Istati Membri. Dikjarazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet Griegi fil-passat, f’laqgħat regolari jew korrispondenza formali ma’ l-Eurostat ma kinux dejjem korretti fid-dawl ta’ l-informazzjoni reċenti disponibbli għall-Kummissjoni.

Mill-2002, l-Eurostat esprima b’mod sistematiku riservi dwar ċerti figuri għall-Greċja. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi qatt ma rċevew riservi jew xi wħud irċevew waħda, il-Greċja ssemmiet mhux anqas minn erba' darbiet.

Jidher li d-defiċjenzi ta’ l-istatistiki fiskali Griegi fil-passat irriżultaw b’mod wiesa’ minħabba dgħjufijiet sistemiċi, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kontijiet nazzjonali u s-settur tal-kontijiet pubbliċi. Konsegwentement, hemm ċertu nuqqas ta’ kompetenza f’dawn l-oqsma, li jistgħu parzjalment jispjegaw in-nuqqas ta’ osservazzjoni mar-rakkomandazzjonijiet ta’ l-Eurostat. Hemm ukoll nuqqas ta’ data bażika li wieħed jista’ joqgħod fuqha li hi meħtieġa biex tipproduċi kontijiet pubbliċi ta’ kwalità tajba. Bħala konsegwenza ta’ dan, l-Uffiċċju Grieg ta’ l-Istatistika issostitwixxa metodi ta’ kalkulazzjoni minħabba li nuqqas ta’ informazzjoni impedixxit lill-awtoritajiet Griegi milli jużaw il-metodu korrett u ma pprovdix riżultati li wieħed jista’ joqgħod fuqhom. Il-figuri riveduti li jikkonċernaw is-sigurtà soċjali huma eżempju wieħed.

Il-Kummissjoni tinnota li n-notifika ta’ Settembru mill-awtoritajiet Griegi, kif ukoll risposti minn dawn l-awtoritajiet għal aktar rikjesti speċifiċi mill-Kummissjoni minn dak iż-żmien ’l hawn, ippermettew attwalment li jkunu ridotti b’mod konsiderevoli l-elementi tan-nuqqas ta’ osservanza mal-legislazzjoni msemmija hawn fuq.

3.2. Insuffiċjenzi fil-forniment ta’ data baġitarja mill-Eurostat

Skond il-legislazzjoni kurrenti, l-Eurostat ma għandhux il-poter li jeżerċita kontrolli diretti fuq il-kontijiet tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri. Diskussjonijiet bejn l-Eurostat u l-awtoritajiet ta’ l-istatistika nazzjonali huma bbażati fuq l-ispirtu ta’ kooperazzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali. L-Eurostat ma jistax direttament jiġbor data minn sorsi bażiċi, ma jistax jobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu informazzjoni li titqies li hi rilevanti biex isir kontro-iċċekkjar tad-defiċit irrapportat u tal-figuri tad-dejn, u hu ma għandux il-poter li jagħmel verifiki fuq il-post ta' reġistrazzjonijiet li jistgħu jkunu meqjusa li għandhom bżonn aktar kjarifika. Bħal f’sistemi oħra ta’ statistika, l-Eurostat, fir-rwol tiegħu ta’ awtorità ta’ l-istatistika tal-Komunità, jaħdem fuq bażi bona fide mal-fornituri tad- data bażika.

Minkejja r-responsabbiltà importanti ħafna, u l-komplessità tiegħu, in-numru ta’ l-impjegati ta’ l-Eurostat impenjati fl-analiżi ta’ l-istatistiki fiskali hu relattivament limitat. Xi ftit mill-impenji (mhux ċentrali) kienu esternalizzati. L-Eurostat ma għandux ir-riżorsi neċessarji biex jiżviluppa kapaċitajiet ta’ spezzjoni reali fil-qasam ta’ l-istatistiki EDP. L-Eurostat beda għaldaqstant jesprimi d-dubji tiegħu fil-pubbliku dwar diversi problemi ta’ kontabilità fin-notifiki Griegi fid-dikjarazzjonijiet tiegħu lill-istampa mill-2002 ’il quddiem.

Kien hemm nuqqas ta’ sensittività mill-Eurostat sabiex jinġibu immedjatament il-problemi fil-livell pubbliku adatt minflok kellu diskussjoni bil-magħluq bejn l-istatistiċi (li ma kinux suffiċjentement sensittivi dak iż-żmien għad-diskussjonijiet fil-livell politiku). Kien hemm ukoll nuqqas għall-bżonn li jkunu mogħtija prijorità u konċentrazzjoni lill-attivitajiet ċentrali. Bis-saħħa ta’ intuwizzjoni retrospettiva, il-Kummissjoni kellha tirrapporta minn qabel u b'mod aktar konsistenti lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u lill-Kunsill ECOFIN dwar il-problemi ffaċċjati. Speċifikament, diġà meta kien qed jivvalidita d-defiċit tad- data ta' l-1999 f'Marzu 2000, l-Eurostat seta’ indika problemi potenzjali ta’ konformità ma’ l-ESA 95. Hu kellu wkoll jagħmel analiżi aktar sistematika u profonda tal-koerenza u l-konsistenza tal-figuri. Ir-Rapporti 2000 dwar il-Konverġenza mill-Kummissjoni u l-ECB setgħu qajmu mistoqsijiet f’dan ir-rigward (id- data disponibbli f’dak il-mument uriet defiċit ta’ 1.6% tal-GDP għall-1999).

3.3. Limiti eżistenti tar-rapportar ta’ data baġitarja u sistemi ta’ forniment globali

Ir-rapporti dwar il-missjoni (magħmula b’kooperazzjoni mad-DĠ ECFIN u l-ECB) kienu digà disponibbli għall-membri tas-CMFB fid-disgħinijiet. Il-kwistjonijiet kienu ripetutament diskussi fil-livell tekniku, ma’ l-Istati Membri li kienu qed jieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni.

L-Istati Membri, permezz ta’ l-istanzi politiċi tagħhom, setgħu wkoll taw aktar attenzjoni lir-reviżjonijiet ta’ l-istatistika. Ir-reviżjoni wiesgħa tal-figuri fl-2002 għaddiet mingħajr ma ġiet innotata. Il-fraġilità ta’ l-istatistika tad- data Griega tal-baġit kienet ripetutament enfasizzata fl-assessjar tal-Kummissjoni u riflessa fil-forniment ta’ data mill-Eurostat.

4. Azzjonijiet proposti

4.1. Proposti li jikkonċernaw kwistjonijiet sistemiċi

Il-Kummissjoni qed attwalment taħdem fuq linji gwida biex ittejjeb il-kontroll ta’ l-istatistika. Hemm bżonn li jiġu stabbiliti standards mifruxin ma’ l-Ewropa kollha rigward l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà ta’ l-istituti nazzjonali ta’ l-istatistika, sabiex jirrispondu għall-invitazzjoni tal-Kunsill ECOFIN ta’ l-10 ta’ Settembru 2004. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra li torganizza l-istruttura skond Kodiċi ta’ Kondotta, possibbilment permezz tal-mekkaniżmu ta’ Direttiva.

Dan il-kontroll imtejjeb jimplika wkoll, fost ħwejjeġ oħra, li l-Kummissjoni għandha tirrapporta filwaqt xieraq malli tinqala’ xi problema kwalunkwe. Din hi riflessa fil-Kodiċi ta’ l-Aqwa Prattika ta’ Frar 2003 li tistipula li, fi żmien xahar wara l-limitu stabbilit, il-Kummissjoni għandha tagħmel sommarju tal-kwistjonijiet jew problemi maġġuri fit-tabelli li juru r-rapporti mogħtija mill-Istati Membri, bl-iskop li jkunu identifikati s-soluzzjonijiet u li kontinwament tittejjeb il-kwalità u ż-żamma tal-ħin f’waqtu tad- data .

Hemm ukoll il-bżonn, sabiex ikun imtejjeb il-kontroll, li jkunu rinforzati kemm in-notifika, kif ukoll il-proċeduri ta’ verifikazzjoni u pubblikazzjoni, u li titwassal stabbiltà, sempliċità u trasparenza fis-sistema. L-Istati Membri għandhom ukoll jipprovdu appoġġ konsistenti lis-sistema.

4.2. Proposti li jikkonċernaw l-Eurostat

Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tagħmel proposta bl-għan li tissupplimenta r-regoli eżistenti billi ssaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ l-immonitorjar tad- data . Taħt il-liġijiet eżistenti, il-Kummissjoni ma għandhiex il-poter li timmonitorja direttament il-kontijiet pubbliċi. Il-lista ta' regoli eżistenti għandha bżonn tiġi estiża biex tassigura li l-Eurostat, bħala l-awtorità ta’ l-istatistika, ikun jista’ jagħmel iċċekkjar effettiv tad- data nnotifikata mill-Istati Membri. Dan se jwassal għal kjarifikazzjoni tar-responsabbiltà.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll li tagħmel proposta biex iżżied il-kapaċitajiet ta’ verifikazzjoni u kontroll għall-istatistiki EDP. Dan iffisser rinforzar tas-servizzi tal-Kummissjoni li jittrattaw dawn il-kwistjonijiet u l-possibbiltà li tiġi inkluża kompetenza aktar wiesgħa mill-Istati Membri. Barra minn hekk ippjanar sistematiku ta’ missjonijiet eżistenti, flimkien ma’ missjonijiet aktar profondi ta’ verifika, huma meħtieġa.

4.3. Azzjonijiet li jikkonċernaw il-Greċja

Il-Kummissjoni qed tillanċja proċedura dwar ksur ta’ liġi għan-nuqqas kontinwu mill-awtoritajiet Griegi li jipprovdu lill-Kummissjoni data ta’ statistika skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat, ir-Regolament tal-Kunsill 3605/93 u r-Regolament tal-Kunsill 2223/96 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet reġjonali u nazzjonali. Il-Kummissjoni tikkunsidra li din is-sitwazzjoni ddenotat problemi sistemiċi persistenti fid-dipartimenti rilevanti.

[1] Għal deskrizzjoni ddettaljata, ara r-Rapport finali ta’ l-Eurostat dwar ir-reviżjoni tad-defiċit tal-Gvern Grieg u l-figuri tad-dejn, 22 ta' Novembru 2004

Top