Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004AE0964

    Opinijoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni u l-imsieħba soċjali fuq livell Komunitarju dwar l-eżaminazzjoni mill-ġdid tad-Direttiva 93/104/KE dwar ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — COM(2003) 843 final

    ĠU C 302, 7.12.2004, p. 74–79 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    7.12.2004   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 302/74


    Opinijoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni u l-imsieħba soċjali fuq livell Komunitarju dwar l-eżaminazzjoni mill-ġdid tad-Direttiva 93/104/KE dwar ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol

    COM(2003) 843 final

    (2004/C 302/16)

    Fil-5 ta' Jannar 2004, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, skond Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni u l-imsieħba soċjali fuq livell Komunitarju dwar l-eżaminazzjoni mill-ġdid tad-Direttiva 93/104/KE dwar ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

    Is-Sezzjoni dwar ix-Xogħol, Affarijiet Soċjali u Ċittadinanza, li kienet responsabbli mit-tħejjija tax-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fl-14 ta' Ġunju 2004. Ir-rapporteur kien Is-Sur Hahr.

    Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tat-30 ta' Ġunju u l-1 ta' Lulju 2004 (laqgħa tat-30 ta' Ġunju 2004), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni segwenti b' 154 voti favur, 71 kontra u 13-il astensjoni.

    1.   Aspetti Prinċipali tad-Dokument tal-Kummissjoni

    1.1

    Is-suġġett tal-Komunikazzjoni hi d-Direttiva 93/104/KE tat-23 ta' Novembru 1993, kif emendata mid-Direttiva 2000/34/KE, li tistipula l-ħtiġijiet minimi fir-rigward ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol b'mod li jkun assigurat livell aħjar ta' sigurtà u ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema.

    1.2

    L-għan tal-komunikazzjoni huwa triplu:

    1.2.1

    L-ewwel nett, tfittex li tevalwa l-applikazzjoni ta' tnejn mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva li kienu suġġetti għall-analiżi qabel jiskadi l-perjodu ta' seba' snin, maħdum minn l-aħħar data valida għat-traspożizzjoni mill-Istati Membri, jiġifieri qabel it-23 ta' Novembru 2003, preċiżament id-derogi f'Artikolu 17(4) mill-perjodi ta' referenza għall-applikazzjoni ta' Artikolu 6 dwar il-ġimgħa massima ta' xogħol u l-għażla f'Artikolu 18(1)(b)(i) għall-Istati Membri biex ma japplikawx Artikolu 6, sakemm jittieħdu miżuri li jassiguraw li l-ħaddiema individwali jagħtu kunsens biex jaħdmu aktar minn 48 siegħa (ġeneralment magħrufa bħala opt-out).

    1.2.2

    It-tieni, il-komunikazzjoni għandha l-għan li tanalizza l-impatt ta' deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti dwar id-definizzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-kwalifikazzjoni tal-ħin fuq sejħa (on call), kif ukoll żviluppi ġodda li għandhom l-għan li jtejjbu l-kompatibilità ta' xogħol u ħajja familjari.

    1.2.3

    Fl-aħħar, l-għan tal-komunikazzjoni hu li jkunu konsultati l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, iżda wkoll il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-imsieħba soċjali, dwar il-possibilità li d-Direttiva tiġi riveduta.

    1.2.4

    Għandu jkun rrimarkat li fil-11 ta' Frar 2004, il-Parlament Ewropew adotta rapport li biex id-dispożizzjonijiet dwar id-derogi jitneħħew kompletament. Il-Kummissjoni ħarġet it-tieni karta għall-konsultazzjoni fid-19 ta' Mejju. Skond il-Kummissjoni, l-iskop tad-dokument hu biex l-imsieħba soċjali jinnegozjaw u, jekk ifallu, jagħtu indikazzjonijiet ġenerali tad-direzzjoni tal-leġislazzjoni li tista' eventwalment tiġi proposta 'il quddiem mill-Kummissjoni.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1

    Il-KESE jikkunsidra l-metodu ta' konsultazzjoni użat mill-Kummissjoni bħala inadegwat, minħabba li din il-materja hi suġġetta għal negozjar kollettiv fuq livell nazzjonali. Il-Kummissjoni missa l-ewwel ikkonsultat l-imsieħba soċjali qabel ma tibda l-proċedura ta' konsultazzjoni ma' l-istituzzjonijiet Ewropej, il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni.

    2.2

    Il-Kummissjoni mhix qed tagħmel proposti konkreti biex temenda d-direttiva. Il-konsultazzjoni titlob risposti dwar ħames temi ewlenin bl-għan li fil-futur issir reviżjoni għad-direttiva:

    It-tul tal-perjodi ta' referenza – bħalissa huma ta' erba' xhur, b'ċertu dispożizzjonijiet li jippermettu għal sitt xhur jew sena.

    Id-definizzjoni ta' “ħin tax-xogħol” wara deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-ħin fuq sejħa (on call).

    Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga.

    Miżuri ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja familjari.

    Kif jista' jinkiseb l-aħjar bilanċ possibbli bejn dawn il-miżuri.

    2.2.1

    B'mod li jkunu jistgħu jagħtu risposti dettaljati għall-ħames mistoqsijiet tal-Kummissjoni, minn iwieġeb irid ikollu mhux biss għarfien preċiż tad-Direttiva ġenerali dwar il-Ħin tax-Xogħol 93/104/EC, iżda wkoll analiżi tal-mod ta' kif din ġiet implimentata fil-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri u l-impatt li din kellha meta mqabbla ma' leġislazzjoni nazzjonali preċedenti u ta' ftehim nazzjonali ta' negozjar kollettiv. Il-Kumitat jinnota li r-rapport (1) ipubblikat mill-Kummissjoni u l-kontenut tal-Komunikazzjoni preżenti jipprovdu biss analiżi limitat ta' l-impatt. Il-kummenti tal-Kumtiat għalhekk jeħtieġu li jkunu usa'.

    2.2.2

    B'mod li s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tkun assigurata skond id-dispożizzjonijiet soċjali tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (136 et seq.) u d-Direttiva 89/391/KEE, id-Direttiva ġenerali dwar il-Ħin tax-Xogħol 93/104/KE tistipula b'mod partikolari:

    massimu ta' 48 siegħa xogħol fil-ġimgħa bħala medja, inkluża s-sahra;

    minimu ta' 11-il siegħa konsekuttiva ħin ta' mistrieh f'kull perjodu ta' 24 siegħa;

    ħin ta' mistrieħ fejn il-ġurnata tax-xogħol hi itwal minn sitt siegħat;

    minimu ta' perjodu ta' mistrieħ ta' ġurnata fil-ġimgħa;

    erba' ġimgħat leave imħallsa fis-sena;

    medja ta' mhux aktar minn tmien sigħat xogħol bil-lejl f'kull perjodu ta' 24 siegħa.

    2.2.3

    Tistabbilixxi wkoll il-kondizzjonijiet li bihom, l-Istati Membri, permezz tal-leġislazzjoni, u l-imsieħba soċjali nazzjonali, permezz ta' ftehim kollettiv, jistgħu jieħdu deroga mir-regoli msemmija fid-direttiva. Deroga tista' tkun permessa biss fejn il-prinċipji ġenerali tas-saħħa u sigurtà tal-ħaddiem jkunu osservati.

    2.2.4

    Sfortunatament l-ebda analiżi komprensiva ma saret dwar jekk l-implimentazzjoni tad-direttiva fl-Istati Membri wasslietx għat-titjib mistenni fil-kondizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema fl-UE, iżda l-Kumitat jassumi li dan hu l-każ, mill-anqas fuq medda twila ta' żmien. Kull emendi għad-direttiva għandhom għalhekk meqjusa bir-reqqa, partikolarment mill-aspett ta' l-imsieħba soċjali.

    2.2.5

    Fl-istess ħin, għandu jkun imfakkar li d-direttiva tibni fuq id-diskussjonijiet u l-kummenti li jmorru lura għal aktar minn erbatax-il sena. L-interpretazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar “ħin tax-xogħol” u “mistrieħ b'kumpens” ħolqu problemi serji għal numru ta' Stati Membri. Għalhekk, il-Kumitat jinnota b'interess, li filwaqt li jirrimarka l-limitazzjonijiet diġà indikati, il-proċedura ta' konsultazzjoni mnedija mill-Kummissjoni, li tippermetti li jingħaqdu flimkien numru ta' opinjonijiet minn diversi oqsma dwar kif ħadmet id-direttiva u l-leġislazzjoni sussegwenti fl-Istati Membri, u b'hekk jitpatta għan-nuqqas ta' informazzjoni imsemmi aktar 'il fuq. Naturalment, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KE, l-imsieħba soċjali b'mod partikolari, għandhom rwol importanti ħafna x' jilgħabu.

    2.2.6

    Il-ħin tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol huma kruċjali fir-relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u t-trade unions kif ukoll fir-relazzjonijiet ta' kuljum bejn min iħaddem u l-ħaddiem. Għalhekk, il-mod ta' kif jiġu definiti r-regoli dwar il-ħin tax-xogħol fi ftehim kollettiv hu ta' importanza kruċjali għall-imsieħba soċjali, li għandhom għarfien u esperjenza kbira f'dawn il-materji.

    2.2.7

    Ġeneralment, il-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-ħin tax-xogħol hi bbażata fuq ir-responsabilità konġunta ta' min iħaddem u l-ħaddiema biex jassiguraw li l-ħin tax-xogħol hu organizzat b'mod xieraq. Hu f'idejn l-imsieħba soċjali fil-livelli differenti fl-Istati Membri biex isolvu l-kwistjonijiet marbuta mal-ħin tax-xogħol li jinqalgħu fuq il-post tax-xogħol, bid-deċiżjonijiet tagħhom ikunu bbażati kemm fuq regoli dwar il-ħin tax-xogħol u bħala parti mill-ftehim kollettiv.

    2.2.8

    Analiżi purament legali tar-regoli tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol dwar il-perjodi ta' mistrieħ ta' kuljum, ħin ta' mistrieħ u siegħat ta' xogħol fil-ġimgħa, turi li meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet għal derogi permessi skond Artikolu 17, u mingħajr kunsiderazzjoni ta' l-impatt tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar ħin fuq sejħa (on call), id-direttiva tista' titqis bħala waħda li tipprovdi ċertu element ta' flessibilità fin-negozjati. Madankollu, għandu jkun irrimarkat li d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol hi qasam pjuttost kumpless fil-liġi tal-Komunità. Għaldaqstant, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, barra l-proposta biex tirrevedi d-Direttiva, tfittex ukoll kundizzjonijiet biex tissimplifikaha. Madankollu, is-simplifikazzjoni m'għandiex tippermetti li l-ħtiġijiet ta' saħħa u sigurtà bażiċi tal-ħaddiem jiġu mwarrba.

    3   Kummenti speċifiċi

    3.1   Perjodi ta' referenza

    3.1.1

    Kwistjonijiet dwar il-perjodu ta' xogħol annwali ġa kienu tqajjmu fl-Ewropa meta kienet mnedija d-direttiva. “Perjodu ta' xogħol annwali” jista' jiġi definit l-aħjar bħala sistema li fiha l-perjodu ta' referenza jkopri sena jew 365 ġurnata.

    3.1.2

    Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol jinkludi regola li tistipula medja ta' ħin tax-xogħol ta' 48 siegħa fil-ġimgħa. Din tista' tinqasam fuq erba' xhur jew, skond id-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 17, fuq sitta jew tnax-il xahar (2). Id-Direttiva għalhekk tipprovdi ċertu ammont ta' libertà biex is-sigħat tax-xogħol jinġabru fuq perjodu ta' referenza. L-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandha, ovvjament, tosserva d-dispożizzjonijiet dwar il-perjodi ta' mistrieħ ta' kuljum, mistrieħ ta' matul il-ġimgħa u xogħol ta' matul il-lejl, eċċ., u tirrispetta l-prinċipji ġenerali tas-saħħa u sigurtà tal-ħaddiem.

    3.1.3

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tinnota li “mhux dejjem hu faċli li tanalizza l-leġislazzjoni nazzjonali fir-rigward tat-traspożizzjoni ta' Artikoli 6 u 16” (3) (li jitkellmu dwar il-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa u l-perjodu ta' referenza rispettivament) u li “B'mod ġenerali, jidher li hemm tendenza lejn l-espressjoni tal-ħin tax-xogħol bħala figura annwali”. (4)

    3.1.4

    Il-kwistjoni hi l-estent ta' kemm il-perjodu ta' referenza jħalli effett fuq is-saħħa u sigurtà tal-ħaddiem. Il-Kummissjoni ma tindirizzax din il-problema. Jista', ovvjament, ikun inkonvenjent li trid tikkonċentra dan ix-xogħol kollu f'perjodu relattivament qasir ta' żmien, iżda minħabba li l-perjodi ta' referenza ta' sena huma, fil-fatt, użati f'numru kbir ta' ftehim kollettiv – jista' jkun issoponut li kull impatt negattiv ta' perjodu itwal ta' referenza f'termini ta' saħħa u sigurtà jitpatta mill-firmatarji tal-ftehim kollettiv, jekk perjodi ekwivalenti ta' mistrieħ ikunu provduti.

    3.1.5

    Wieħed mill-argumenti wżati favur l-estensjoni tal-perjodu ta' refenza hu li dan jagħti lill-intrapriżi aktar flessibilità fl-immaniġġjar tal-ħin tax-xogħol. Din il-flessibilità diġà teżisti f'numru ta' pajjiżi, grazzi għall-ftehim kollettiv, u l-problema ta' flessibilità limitata tħalli effett l-aktar fuq pajjiżi fejn il-ftehim kollettiv ġeneralment għandu rwol anqas sinifikanti. Għalhekk ikun xieraq li jissaħħu l-ftehim kollettiv dwar it-tema tal-ħin tax-xogħol, speċjalment f'dawk il-pajjiżi fejn dan it-tip ta' ftehim ma tantx hu b'saħħtu.

    3.1.6

    Il-KESE jinnota li t-Trattat KE Artikolu 137, li fuqu hi bbażata d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, fih dispożizzjoni li d-direttivi adottati fuq bażi ta' dak l-Artikolu huma “biex jevitaw l-impożizzjoni ta' ostakli amministrattivi, finanzjarji u legali b'mod li jillimtaw il-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u medji”.

    3.1.7

    Peress li l-perjodu ta' referenza ta' 12-il xahar diġà jintuża f'numru ta' Stati Membri minħabba numru ta' ftehim kollettiv, il-KESE tħoss, li peress li d-dispożizzjonijiet preżenti jippermettu l-estensjoni tal-perjodu ta' referenza fi ftehim kollettiv, li l-imsieħba soċjali jkollhom l-flessibilità li jadattaw il-ħin tax-xogħol skond is-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri, setturi u intrapriżi. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinżammu.

    3.1.8

    Minħabba l-arranġamenti speċjali tal-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema fil-livell maniġerjali, il-Kumitat hu favur l-involviment ta' organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw din il-kategorija fil-proċeduri u negozjati li jistipulaw il-kondizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol. Dan ikun jeħtieġ dispożizzjonijiet speċjali.

    3.2   Definizzjoni tal-Ħin tax-Xogħol

    3.2.1

    Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol jiddefinixxi l-“ħin tax-xogħol”, bħala “kull perjodu, li matulu l-ħaddiem qed jaħdem, jinsab għad-dispożizzjoni ta' min iħaddmu u qed iwettaq l-attività jew id-dmirijiet tiegħu skond il-liġijiet u / jew prattika nazzjonali”. Artikolu 2(2) jiddefinixxi l-ħin ta' mistrieħ bħala “kull perjodu li mhux ħin tax-xogħol”.

    3.2.2

    Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kellha tinterpreta d-definizzjoni tal-ħin tax-xogħol fid-direttiva f'żewġ okkażjonijiet. Fl-ewwel deċiżjoni (5) dwar il-ħin mgħoddi fuq sejħa (on call) minn tobba fi stabbiliment tal-kura tas-saħħa, il-Qorti qalet li l-ħin li tabib jgħaddih fuq sejħa għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol fl-ambitu ta' Artikolu 2(1) tad-direttiva jekk it-tabib irid ikun fiżikament preżenti fl-istabbiliment tas-saħħa. Iżda dan il-ħin jinkludi d-dover li jkun fiżikament preżenti fil-post magħżul minn min iħaddem u disponibbli biex jaħdem kif jissejjaħ minn min iħaddmu. Fid-deċiżjoni fil-każ Jaeger (6), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-interpretazzjoni preċedenti u kkonkludiet li l-perjodu ta' inattività attwali ta' tabib waqt li jkun fuq sejħa (on call) għandha titqies bħala parti mit-tifsira tad-direttiva. Iddeċidiet ukoll li l-mistrieħ b'kumpens jittieħed immedjatament.

    3.2.3

    Il-KESE jinnota li s-sentenzi – partikolarment, iżda mhux esklusivament marbuta mas-settur tas-saħħa – jista' jkollhom konsegwenzi vasti fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol. Numru ta' Stati Membri għandhom leġislazzjoni nazzjonali li fiha regoli dwar ħin mgħoddi fuq sejħa. Dawn ir-regoli huma fformulati b'modi differenti iżda li għandhom komuni hu li l-ħin mgħoddi fuq sejħa ma jgħoddx jew jgħodd biss bħala parti mill-ħin tax-xogħol. Madankollu mhux meqjus, lanqas, bħala mistrieħ.

    3.2.4

    Hu ta' min jinnota l-fatt li d-definizzjoni ta' ħin tax-xogħol f'Artikolu 2(1) tad-direttiva jidher li ma kienetx analizzata jew diskussa b'mod sodisfaċenti qabel ma d-direttiva ġiet adottata. M'hemm l-ebda spjegazzjoni oħra għal mod kif l-istituzzjonijiet ta' l-UE u l-Istati Membri kienu sorpriżi bid-deċiżjonijiet tal-Qorti speċjalment għaliex parti kbira mill-Istati Membri diġà kellhom regoli dwar il-ħin mgħoddi fuq sejħa (on call) fil-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-ħin tax-xogħol.

    3.2.5

    Il-Kumitat jaqbel ma' l-opinjoni tal-Kummissjoni li hemm diversi soluzzjonijiet possibbli. Fiċ-ċirkostanzi preżenti, il-Kumitat ma jixtieqx jirrakkomanda xi soluzzjoni partikolari. Dik magħżula, għandha jkollha l-għan, l-ewwel nett, li:

    tipprovdi aktar ħarsien għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fil-konfront tal-ħin tax-xogħol;

    tipprovdi lill-intrapriżi u lill-Istati Membri aktar flessbilità fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol;

    tagħmilha aktar faċli biex jingħaqdu l-ħajja tax-xogħol u tal-familja;

    tevita l-ħolqien ta' ostakli, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u medji.

    3.3   Implimentazzjoni tad-deroga skond Artikolu 18(1)(b)(i)

    3.3.1

    Artikolu 18 tad-Direttiva jagħti lill-Istati Membri d-dritt li fil-leġislazzjoni tagħhom jieħdu deroga minn Artikolu 6 tad-Direttiva, li tillimita l-medja ta' ħin tax-xogħol fil-ġimgħa għal 48 siegħa. L-implimentazzjoni ta' din id-deroga hi suġġetta għal numru ta' kondizzjonijiet:

    a)

    il-ħaddiema jridu jkunu aċċettaw li jaħdmu numru akbar ta' sigħat;

    b)

    m'għandha tittieħed l-ebda azzjoni kontra ħaddiema li ma jaċċettawx;

    c)

    min iħaddem hu obbligat li jżomm tagħrif dettaljat tal-ħaddiema kollha li għamlu dan ix-xogħol;

    d)

    dan it-tagħrif għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti.

    Għandu jkun innutat ukoll li dawk il-ħaddiema li qed jaħdmu skond id-deroga f'Artikolu 18 huma intitolati għal mistrieħ ta' kuljum ta' 11-il siegħa u waqfa ta' mistrieħ wara sitt siegħat.

    3.3.2

    Id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol hi mibnija fuq it-twemmin mhux ikkonfermat ta' dik li tista' tissejjaħ kultura ta' ħin ta' xogħol li hi tajba għas-saħħa. Skond Artikolu 137 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, “il-Komunità għandha tappoġġa u tikkumplimenta l-attivitajiet ta' l-Istati Membri” biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u “li tħares is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema” L-eżistenza stess tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u l-fatt li din kienet implimentata fil-parti kbira ta' l-Istati Membri hi evidenza tal-fatt li hemm xewqa ġenerali li jitnaqqas l-iskop għall-kultura ta' ħin tax-xogħol li jmur kontra s-saħħa. Id-deroga li hemm dispożizzjoni għaliha f'Artikolu 18 (1)(b)(i) għalhekk tista' tiġi applikata biss jekk l-Istat Membru jirrispetta “il-prinċipji ġenerali tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem”.

    3.3.3

    Analiżi ta' jekk l-użu tad-deroga hux leġittimu tiddependi minn jekk hemmx rabta bejn il-fatt li ħaddiem jaħdem aktar minn 48 siegħa f'ġimgħa u s-saħħa u s-sigurtà tiegħu. F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-analiżi ta' l-impatt tad-deroga fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema “ma tidhirx li hi possibbli minħabba li m'hemmx tagħrif ta' min joqgħod fuqu”. (7) Madankollu, il-Kummissjoni ssemmi studju riċenti li jsostni li hemm rabta bejn ħinijiet twal ta' xogħol u s-saħħa fiżika, speċjalment meta l-ħin tax-xogħol jaqbeż it-48 sal-50 siegħa fil-ġimgħa. Fl-opinjoni tiegħu għall-proposta tal-1990 għad-Direttiva, il-KESE kien diġà sostna li minn numru ta' studji kien jidher li perjodu twil ta' xogħol mingħajr mistrieħ jista' jkun ta' dannu għas-saħħa tal-ħaddiema, iwassal għal mard marbut mal-post tax-xogħol, u jnaqqas l-abilità tal-ħaddiema (8).

    3.3.4

    Hu importanti li d-deroga għandha tintuża b'mod volontarju. Skond ir-regoli tad-direttiva, ħaddiem għandu jkun ħieles li jagħżel jekk jaħdimx aktar minn medja ta' 48 siegħa fil-ġimgħa. Ir-regoli kienu kritikati għaliex dan il-ħelsien mhux dejjem hu possibbli: hu diffiċli li impjegat jirrifjuta li jiffirma ftehim meta jmur biex jintagħżel għax-xogħol.

    3.3.5

    Skond il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, studju li sar fir-Renju Unit juri li 48 % tal-ħaddiema fl-industrija tal-kostruzzjoni jaħdmu aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa. (9) Dan ir-riżultat hu sorprendentement għoli, speċjalment għaliex ħafna minnhom jaħdmu, aktarx, f'impjiegi li jeħtieġu saħħa fiżika u preċiżjoni. Għal min iħaddem, il-benefiċċju ta' dawn is-siegħat żejda ma jidhirx li jkun kbir wisq, peress li l-paga tas-sahra tiġih tiswa ferm aktar. Għalhekk wieħed jitħassseb dwar jekk il-kultura ta' ħinijiet twal tax-xogħol fir-Renju Unit hix marbuta ma' problemi strutturali oħra.

    3.3.6

    Kwistjoni importanti oħra hi l-impatt tas-sigħat twal fuq il-familja. Kif jirnexxilhom il-ġenituri li jaħdmu aktar minn 48 siegħa jieħdu ħsieb ta' kollox? Il-kultura tas-siegħat twal tista' tkun fattur li żżomm persuna minn koppja – ġeneralment il-mara – parzjalment jew kompletament barra mis-suq tax-xogħol? Jekk iva, din id-deroga tista' tmur kontra l-għan ta' l-Istrateġija ta' Lisbona li sal-2010 ikun hemm 60 % tal-popolazzjoni femminili fl-UE taħdem? Hu pjuttost sorprendenti li fis-suq tax-xogħol fir-Renju Unit id-differenza fil-parteċipazzjoni ta' l-irġiel u n-nisa hi fil-fatt ftit aktar baxxa mill-medja ta' l-Unjoni Ewropea, iżda, min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit, wara l-Olanda, hi l-aktar pajjiż fejn in-nisa, kważi n-nofs, jaħdmu part-time. (10) Skond il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, 26.2 % ta' l-irġiel Ingliżi jaħdmu aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa, filwaqt li għan-nisa l-proporzjon hi ta' 11.5 % (11). Studju ppubblikat fil-British Medical Journal sab li l-ebda kontroll fuq is-sahra hu riskju għas-saħħa tan-nisa, speċjalment għall-ħaddiema manwali li għandhom familja. (12). Għalhekk jidher li d-deroga għandha effett negattiv fuq l-opportunitajiet indaqs bejn nisa u rġiel. Dan l-aspett għandu jkun analizzat f'aktar dettall.

    3.3.7

    Il-KESE m'għandux l-intenzjoni li jieħu pożizzjoni fuq id-deroga f'dan l-istadju. Analiżi aktar profonda li tinvolvi l-imsieħba soċjali hi meħtieġa qabel ma tista' tittieħed din il-pożizzjoni.

    3.4   Miżuri favur titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja familjari

    3.4.1

    Xi jfisser bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja familjari għall-ħaddiema? Xi tfisser ħajja familjari? Jekk nistaqsu din il-mistoqsija lill-ġenituri ta' tfal żgħar, se nirċievu tweġiba partikolari. Jekk nistaqsuha lill-koppja mingħajr tfal, kważi ċertament it-tweġiba tkun differenti. Missier waħdu se jirrispondi differenti. Għalhekk, ma tistax tagħti tweġiba sempliċi għal kif se jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja familjari.

    3.4.2

    Madankollu, ġeneralment jista' jintqal li għal parti l-kbira tan-nisa, il-possibilità li jinfluwenzaw jew jidderieġu s-sitwazzjoni tax-xogħol tagħhom hu fattur pożittiv li jwassal għal ambjent tajjeb tax-xogħol. Dan jgħodd l-aktar għall-ġenituri bi tfal żgħar. Ir-Risoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol tenfasizza b'mod partikolari l-fatt li:

    hemm possibilità akbar li n-nisa jbatu mill-effetti negattivi fuq is-saħħa u l-kundizzjoni fiżika tagħhom jekk iridu jlaħħqu mal-ħajja tax-xogħol u r-responsabilitajiet familjari;

    għandha tingħata attenzjoni għall-problema li n-nisa jaħdmu żewġ xogħlijiet part-time li spiss twassal għal ħin tax-xogħol totali f'ġimgħa li jeċċedi l-limitu legali, b'mod li jaqilgħu biżżejjed flus biex jgħixu;

    li l-kultura ta' sigħat twal tax-xogħol fi professjonijiet għolja u impjiegi maniġerjali huma ostaklu għall-mobilità tan-nisa u żżomm is-segrazzjoni tas-sessi fuq il-post tax-xogħlol (13).

    Il-KESE jaqbel fermament ma' din l-opinjoni, iżda jżid ukoll li l-problemi msemmija ma japplikawx biss għall-irġiel, iżda għall-ġenituri b'mod ġenerali li jbatu biex ilaħħqu mal-ħajja tax-xogħol u tal-familja. Dan jimplika wkoll riskju għas-saħħa.

    3.4.3

    Il-KESE jiġbed ukoll l-attenzjoni li kull politika dwar il-ħin tax-xogħol għandha tippermetti lill-kulħadd jagħti ftit mill-ħin tiegħu, barra mill-ħin tax-xogħol u l-familja, biex jagħti kontribut lejn is-soċjetà u l-ħajja demokratika.

    3.4.4

    Preżentement, kemm il-liġi Komunitarja kif ukoll nazzjonali jinkludu regoli li jikkunsidraw il-bżonn ta' aktar għaqda bejn il-ħajja familjari u t-trobbija tat-tfal ma' l-impjieg. Hemm per eżempju, dispożizzjonijiet dwar il-leave tal-ġenituri, xogħol part-time, teleworking, ħinijiet tax-xogħol flessibbli, eċċ. Il-KESE japprezza jekk isir stħarriġ li jinvolvi l-Imsieħba Soċjali dwar id-dispożizzjonijiet preżenti f'dan il-qasam qabel ma jiġu proposti u diskussi miżuri ġodda. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet ta' l-Għajxien u tax-Xogħol tintalab twettaq dan l-istħarriġ. Il-Fondazzjoni diġà ppubblikat rapport li jindirizza, sa ċertu punt, dawn il-problemi. (14).

    Brussel, 30 ta' Ġunju 2004.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Roger BRIESCH


    (1)  Rapport mill-Kummissjoni – Stat ta' l-Implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta' Novembru 1993 dwar ċertu aspetti dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol) COM(2000) 787 final.

    (2)  

    1.

    Minn erba' sa sitt xhur għall-ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn żewġ naħat ta' l-industrija (referenza għal Artikolu 17 (3) fl-ewwel sentenza ta' Artikolu 17(4)).

    2.

    Barra minn hekk l-Istati Membri jistgħu jippermettu għall-ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn żewġ naħat ta' l-industrija biex jistipulaw perjodi ta' referenza li ma jeċċeddux it-tnax-il xahar, “sakemm josservaw il-prinċipji ġenerali marbuta mas-saħħa u s-sigurtà tla-ħaddiema” jew “għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi marbuta ma' l-organizzazzjoni tax-xogħol”.

    (3)  COM(2003) 843 final, p. 5

    (4)  COM(2003) 843 final p. 6

    (5)  Deċiżjoni ta' l-ECJ tat-3.10.2000 fil-każ C-303/98 (Simap).

    (6)  Deċiżjoni ta' l-ECJ tad-9.10.2003 fil-każ C-151/02 (Jaeger), għadha mhux ippubblikata.

    (7)  COM(2003) 843 final, p. 14.

    (8)  ĠU C 60 tat-8.3.1991, p. 26.

    (9)  COM(2003) 843 final, p. 13.

    (10)  Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni – Rapport dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel, 2004 COM(2004) 115 final, p. 16.

    (11)  COM(2003) 843 final, p. 12.

    (12)  Ala-Mursula & al.: “Effect of employee worktime control on health: a prospective cohort study”, Occupational and Environment Medicine; 61: 254-261, No. 3, Marzu 2004.

    (13)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11.2.2004 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. (Emenda tad-Direttiva 93/104/EC), P5_TA-PROV(2004)0089, punt 20-22.

    (14)  “A new organisation of time over working life”, Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet ta' l-Għajxien u tax-Xogħol, 2003.


    APPENDIĊI

    Għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    L-emendi segwenti kisbu aktar mill-25 % tal-voti mixħuta, iżda kienu miċħuda mill-maġġoranza:

    Punt 3.1.7

    Ibdel il-paragrafu bit-test li ġej.

    Fil-Komunikazzjoni tad-19 ta' Mejju, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-perjodu ta' referenza għandu jkun estiż mingħajr ma tagħmel proposta konkreta. Għalhekk il-KESE mhux fi ħsiebu jieħu pożizzjoni dwar dan f'dan l-istadju. Il-KESE jagħmel hekk meta jkun konsultat fuq abbozz ta' direttiva.

    Raġuni

    Dwar żewġ temi oħra (definizzjoni ta' ħin tax-xogħol, punt 3.2.5, u d-deroga, punt 3.3.7) il-KESE ma jieħux pożizzjoni qabel ma jkun hemm proposti konkreti. Għalhekk jidher li hu ġustifikat li l-attitudni tkun simili fil-konfront tal-perjodu ta' referenza.

    Riżultat tal-Vot

    Favur:

    84

    Kontra:

    35

    Astensjonijiet:

    7


    Top