This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32026D1876
Council Decision (CFSP) 2026/1876 of 23 July 2026 appointing the European Union Special Representative for the Sahel
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1876 tat-23 ta’ Lulju 2026 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1876 tat-23 ta’ Lulju 2026 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel
ST/9652/2026/REV/1
ĠU L, 2026/1876, 28.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1876/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1876 |
28.7.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1876
tat-23 ta’ Lulju 2026
li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33, flimkien mal-Artikolu 31(2), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-18 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill qabel li jaħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Saħel. |
|
(2) |
Fid-19 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2905 (1), li taħtar lis-Sur João CRAVINHO bħala r-RSUE għas-Saħel. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2026. |
|
(3) |
Jenħtieġ li jinħatar RSUE għas-Saħel għal perjodu ta’ 12-il xahar. |
|
(4) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat. |
|
(5) |
Huwa meħtieġ li jiġi żgurat impenn koerenti u effettiv tal-Unjoni fis-Saħel, inkluż permezz tal-ħatra ta’ RSUE ġdid biex imexxi d-djalogu politiku, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Approċċ Imġedded tal-Unjoni għar-reġjun tas-Saħel, b’kont meħud tal-fehmiet espressi mill-Istati Membri. |
|
(6) |
Huwa importanti li jinżamm il-momentum fl-azzjoni tal-Unjoni, inkluż permezz tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Saħel, filwaqt li titkompla l-implimentazzjoni li għaddejja tal-Approċċ Imġedded tal-Unjoni għas-Saħel, b’kont meħud tal-fehmiet espressi mill-Istati Membri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
1. Is-Sinjura Birgitte MARKUSSEN hija b’dan maħtura bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Saħel mill-1 ta’ Settembru 2026 sal-31 ta’ Awwissu 2027. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE (il-“mandat”) jiġi estiż jew itterminat aktar kmieni, abbażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u ta’ proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”).
2. Għall-fini tal-mandat, is-Saħel hu definit li jinkludi l-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mali, il-Mauritania u n-Niġer. Ir-RSUE għandu jimpenja ruħu wkoll, kif xieraq, mal-pajjiżi tal-Baċir tal-Lag Chad u pajjiżi oħra u entitajiet reġjonali jew internazzjonali fis-Saħel u lil hinn mis-Saħel, inkluż fil-Magreb u l-Golf tal-Guinea u, kif xieraq, u, b’mod partikolari, mal-pajjiżi ġirien li huma affettwati mid-dinamika tas-Saħel.
Artikolu 2
Objettivi ta’ politika
1. Abbażi tal-objettivi ta’ politika tal-Istrateġija Integrata tal-Unjoni Ewropea fis-Saħel kif adottata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill fis-16 ta’ April 2021, l-adattament tal-approċċ tal-Unjoni għar-reġjun tas-Saħel kif diskuss fil-Kunsill Affarijiet Barranin tal-11 ta’ Diċembru 2023 u d-19 ta’ Frar 2024, u l-Approċċ Imġedded tal-Unjoni għar-reġjun tas-Saħel approvat mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta’ Novembru 2025, b’kont meħud tal-fehmiet espressi mill-Istati Membri, il-mandat għandu jkun li jikkontribwixxi b’mod attiv u jagħti prijorità lill-isforzi reġjonali u internazzjonali biex jinkisbu paċi, sigurtà, stabbiltà u żvilupp sostenibbli dejjiema fir-reġjun. Barra minn hekk, ir-RSUE għandu jkollu l-għan li jtejjeb il-kwalità, l-impatt u l-viżibbiltà tal-involviment multidimensjonali tal-Unjoni fis-Saħel u li jippromwovi valuri universali u interessi tal-Unjoni. F’konformità mal-orjentazzjonijiet tal-Kunsill, ir-RSUE għandu jassisti lir-Rappreżentant Għoli fl-implimentazzjoni tal-approċċ imġedded tal-Unjoni għar-reġjun tas-Saħel, relatat mar-riskji dejjem akbar ta’ insigurtà u instabbiltà fir-reġjun.
2. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-isforzi tal-Unjoni fir-reġjun, f’konformita’ mad-dritt internazzjonali, inkluż rispett għall-integrita’ territorjali, b’mod integrat, inkluż fl-oqsma politiċi, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp, u għall-koordinazzjoni tal-istrumenti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha għall-azzjonijiet tal-Unjoni. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-approfondiment tal-isforzi tal-Unjoni għal impenn u koordinazzjoni ma’ mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.
3. Ir-RSUE għandu jaġixxi f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mal-Kunsill, mal-Kummissjoni, mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, mal-Istati Membri u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-organizzazzjonijiet Afrikani, partikolarment l-Unjoni Afrikana (UA) u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS).
Artikolu 3
Mandat
1. Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika stabbiliti fl-Artikolu 2, il-mandat għandu jkun li:
|
(a) |
jikkontribwixxi b’mod attiv għall-implimentazzjoni tal-Approċċ Imġedded tal-Unjoni għar-reġjun tas-Saħel, kif xieraq u b’kont meħud tal-fehmiet espressi mill-Istati Membri, u jikkoordina u jkompli jiżviluppa l-approċċ integrat tal-Unjoni fir-reġjun, bil-ħsieb li jissaħħu l-koerenza u l-effettività ġenerali tal-attivitajiet tal-Unjoni fis-Saħel kif ukoll li jappoġġa komunikazzjoni strateġika effettiva; |
|
(b) |
jaħdem, inkluż permezz ta’ diplomazija shuttle u kuntatt politiku ta’ livell għoli mal-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet reġjonali, kif ukoll permezz ta’ ftehimiet ta’ paċi u inizjattivi internazzjonali ta’ medjazzjoni u riżoluzzjoni tal-kunflitti, mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fir-reġjun, inkluż l-organizzazzjonijiet internazzjonali, nisa, żgħażagħ, is-soċjetà ċivili u d-dijaspori u l-pajjiżi tal-Magreb, l-Afrika tal-Punent u l-Baċir tal-Lag Chad, bil-ħsieb li jitmexxew ‘il quddiem l-objettivi u l-interessi tal-Unjoni u jikkontribwixxu għal fehim aħjar u immaġni pożittiva tar-rwol tal-Unjoni fis-Saħel u fil-viċinanzi immedjati tiegħu; |
|
(c) |
jirrappreżenta u jippromwovi l-interessi u l-viżibilità tal-Unjoni f’fora reġjonali u internazzjonali rilevanti u kwalunkwe proċess ieħor rilevanti għall-istabbiltà tar-reġjun; |
|
(d) |
jiffaċilita azzjoni tal-Unjoni fir-reġjun li tkun ikkoordinata u integrata b’mod sħiħ u li tislet mill-istrumenti rilevanti kollha, inkluż il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-Faċilità Ewropea għall-Paċi, u l-attivitajiet tal-Istati Membri u l-appoġġ tal-Unjoni għall-maniġġar ta’ kriżijiet u l-prevenzjoni ta’ kunflitti permezz ta’ azzjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) tal-Unjoni u sforzi ta’ stabbilizzazzjoni reġjonali u nazzjonali, inkluż dawk dwar ir-riforma tas-settur tas-sigurtà u d-diżarm, id-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ eks ġellieda, u l-wirt kulturali fil-kunflitti u l-kriżijiet; |
|
(e) |
iżomm kooperazzjoni mill-qrib man-NU, b’mod partikolari r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Afrika tal-Punent u s-Saħel, l-UA u r-Rappreżentant Speċjali tagħha għall-Mali u s-Saħel, l-ECOWAS, il-Kummissjoni tal-Baċir tal-Lag Chad u partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali ewlenin oħra, inkluż mibgħuta speċjali oħra għas-Saħel; |
|
(f) |
isegwi mill-qrib, janalizza u jirrapporta dwar l-impatt tal-għeruq tal-instabbiltà u x-xejriet fit-tul fir-reġjun, inkluż it-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, il-pastoraliżmu, l-insigurtà tal-ikel u l-aċċess għar-riżorsi naturali, b’mod partikolari art u baħar, kif ukoll jippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-kooperazzjoni fuqhom biex jissaħħu l-istabbiltà u jiġu appoġġati l-isforzi għal-limitazzjoni tat-tixrid tal-instabbiltà, b’attenzjoni partikolari lir-reġjuni l-aktar vulnerabbli u lill-inizjattivi reġjonali sabiex titrawwem il-kooperazzjoni transfruntiera f’dan ir-rigward, inkluż bejn l-istati kostali tal-Afrika tal-Punent u l-istati tas-Saħel; |
|
(g) |
isegwi mill-qrib dimensjonijiet reġjonali u transkonfinali oħra tal-isfidi li qed jiffaċċa r-reġjun, inkluż it-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni, il-kriminalità organizzata, it-theddid ibridu u ċibernetiku, il-kuntrabandu ta’ armi, it-traffikar u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin, it-traffikar tad-drogi, l-insigurtà marittima, il-flussi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni u l-flussi finanzjarji illeċiti relatati; |
|
(h) |
isegwi mill-qrib il-konsegwenzi umanitarji, politiċi, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp ta’ flussi ta’ refuġjati u ta’ migrazzjoni fuq skala kbira, inkluż persuni spostati internament, u, kif xieraq, jimpenja ruħu fi djalogi dwar il-migrazzjoni mal-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti u jikkontribwixxi b’mod aktar ġenerali għall-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati fir-rigward tar-reġjun, f’konformità mal-objettivi u l-interessi tal-Unjoni, sabiex jippromwovi kooperazzjoni produttiva fil-qasam tal-migrazzjoni b’approċċ komprensiv ta’ rotta sħiħa; |
|
(i) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti u l-ġlieda kontrihom, iżomm kuntatti politiċi ta’ livell għoli regolari mal-pajjiżi affettwati mit-terroriżmu u l-kriminalità organizzata internazzjonali u jiżgura r-rwol ewlieni tal-Unjoni fl-isforzi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata internazzjonali; |
|
(j) |
isegwi mill-qrib il-konsegwenzi politiċi, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp tal-kriżijiet umanitarji fir-reġjun, b’kont meħud tar-rabta bejn il-paċi, l-umanitarja u l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet reġjonali fit-tul għall-kriżijiet u l-konflitti; |
|
(k) |
jikkontribwixxi, f’kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, il-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar Tfal u Kunflitti Armati, kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom, u l-politika tal-Unjoni dwar in-Nisa’, il-Paċi u s-Sigurtà, u jippromwovi l-inklużività u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċess tal-bini tal-istat, f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCR) 1325 (2000) u riżoluzzjonijiet sussegwenti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, inkluż l-UNSCR 2242 (2015), u jappoġġa l-implimentazzjoni tal-UNSCR 2250 (2015) dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà; |
|
(l) |
ikompli josserva s-settur tal-ġustizzja kollu kemm hu, u l-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà li jistgħu jintużaw biex tiġi miġġielda l-impunità, inkluż il-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet, iż-żamma ta’ kuntatti regolari mal-awtoritajiet rilevanti fir-reġjun, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u jaħdem flimkien mad-difensuri u l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun; |
|
(m) |
japprofondixxi l-għarfien tal-Unjoni dwar l-aspettattivi lokali u l-kuntesti lokali permezz ta’ kuntatti frekwenti fir-reġjun, inkluż ma’ atturi lokali u abbażi ta’ analiżi bir-reqqa u kontinwa tas-sitwazzjoni, jiffaċilita r-riflessjoni u jikkontribwixxi għar-rispons bikri, l-adattament, u l-viżjoni strateġika u fit-tul tal-Unjoni fis-Saħel. |
2. Għall-fini tat-twettiq tal-mandat, ir-RSUE għandu, fost l-oħrajn:
|
(a) |
jagħti pariri u jirrapporta dwar il-formulazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni f’fora reġjonali u internazzjonali, kif meħtieġ, biex jippromovi b’mod proattiv il-kuntatti u l-azzjonijiet diplomatiċi li jsaħħu l-approċċ integrat tal-Unjoni għas-Saħel; |
|
(b) |
jikkontribwixxi biex tinżamm viżjoni globali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni u jikkoopera mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli.
2. Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-Rappreżentant Għoli.
3. Ir-RSUE għandu jikkoopera u jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat (in-“nefqa”) għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2026 sal-31 ta’ Awwissu 2027 għandu jkun ta’ EUR 1 788 249,05.
2. In-nefqa għandha tiġi ġestita b’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-ġestjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għan-nefqa.
Artikolu 6
Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim tar-RSUE
1. Fil-limiti tal-mandat u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-assemblaġġ ta’ tim. It-tim tar-RSUE għandu jinkludi esperti dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u l-Kummissjoni mill-ewwel infurmati dwar minn min hu magħmul il-grupp tar-RSUE.
2. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mat-tim tar-RSUE. Is-salarji ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru li jissekonda, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, kif adatt. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu ssekondati sabiex jaħdmu mat-tim tar-RSUE. Il-persunal internazzjonali kkuntrattat għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.
3. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru sekondant, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat.
4. Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi kolokat mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-membri tat-tim tar-RSUE
Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra relatati mar-RSUE u mal-membri tat-tim tar-RSUE li huma meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-mandat għandhom jiġu miftiehma mal-pajjiżi ospitanti, kif xieraq. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dak il-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).
Artikolu 9
Aċċess għall-informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u l-Istati Membri, kif adatt, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku lir-RSUE u lill-membri tat-tim tar-RSUE.
Artikolu 10
Sigurtà
F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva skont it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat u abbażi tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:
|
(a) |
jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ta’ responsabbiltà u l-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, u billi jistabbilixxi pjan ta’ kontinġenza u pjan ta’ evakwazzjoni; |
|
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli, kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona ta’ responsabbiltà; |
|
(c) |
jiżgura li l-persunal kollu li ser jiġi stazzjonat barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew it-taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona ta’ responsabbiltà, abbażi tal-livelli tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE; |
|
(d) |
jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà jiġu implimentati, u jipprovdi rapporti bil-miktub lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti regolari ta’ progress u r-rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat imsemmija fl-Artikolu 15. |
Artikolu 11
Rapportar
Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti lir-Rappreżentant Għoli. Ir-RSUE għandu jirrapporta lura regolarment lill-KPS u, meta meħtieġ, lil korpi preparatorji oħra tal-Kunsill. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Ir-RSUE għandu jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F’konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.
Artikolu 12
Aċċess għad-dokumenti u l-protezzjoni tad-data
1. Ir-RSUE għandu japplika r-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), kif ukoll ir-regoli ta’ implimentazzjonistabbiliti fid-Deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tas-6 ta’ Marzu 2025 (4).
2. Ir-RSUE għandu jipproteġi lill-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u mar-regoli ta’ implimentazzjoni adottati mir-Rappreżentant Għoli għas-SEAE.
Artikolu 13
Koordinazzjoni
1. Fil-qafas tal-approċċ imġedded tal-Unjoni għar-reġjun tas-Saħel, ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jiġu applikati jew implimentati b’mod konsistenti sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. Ir-RSUE għandu jfittex li jikkomunika mal-Istati Membri fuq bażi regolari. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tas-SEAE, id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u l-Kummissjoni, kif ukoll ma’ dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jipprovdi tgħarrif regolari lis-SEAE, lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u lill-missjonijiet tal-Istati Membri fir-reġjun.
2. Fuq il-post, ir-RSUE għandu jżomm kuntatt mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri rilevanti, mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-missjonijiet tal-PSDK. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni tal-EUCAP Sahel Mali. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili għandhom jikkonsultaw lill xulxin kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.
Artikolu 14
Surroga tad-drittijiet
Għall-finijiet li jiġi żgurat ir-rispett tal-impenji legali assunti minn RSUE preċedenti għas-Saħel fir-rigward tal-membri tat-tim tagħhom, l-akkwist ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi u l-kiri ta’ art, bini jew proprjetà immobbli oħra, ir-RSUE għandu jieħu post, u jassumi d-drittijiet u l-obbligi ta’ tali RSUE preċedenti, bl-eċċezzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn kondotta ħażina serja, li għaliha tali RSUE preċedenti għandhom jibqgħu unikament responsabbli.
Artikolu 15
Rieżami
L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jinżammu taħt rieżami regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapporti ta’ progress regolari lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-31 ta’ Mejju 2027.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
T. BYRNE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2905 tat-18 ta’ Novembru 2024 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel (ĠU L, 2024/2905, 19.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2905/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/488/oj).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurta’ tas-6 ta’ Marzu 2025 dwar ir-regoli rigward it-trattament ta’ talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti miżmuma mir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE (ĠU C, C/2025/1951, 31.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1951/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1876/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)