Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025D0443

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/443 tat-28 ta’ Frar 2025 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani

ST/17144/2024/INIT

ĠU L, 2025/443, 3.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/443/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/06/2025

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/443/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/443

3.3.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/443

tat-28 ta’ Frar 2025

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33, flimkien mal-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Novembru 1996, il-Kunsill qabel li jaħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani.

(2)

Ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt Iżraeljan-Palestinjan hija prijorità strateġika għall-Unjoni u l-Unjoni trid tibqa’ impenjata b’mod attiv sakemm dak il-kunflitt jissolva abbażi tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati.

(3)

L-Unjoni hi impenjata għal paċi komprensiva u dejjiema għar-reġjun tal-Lvant Nofsani kollu u tinsab lesta li taħdem għal dak il-għan flimkien mas-sħab reġjonali u internazzjonali.

(4)

Jenħtieġ li r-RSUE għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani jinħatar għal perjodu ta’ 3 xhur.

(5)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni reġjonali diffiċli li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Luigi DI MAIO huwa b’dan maħtur bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani mill-1 ta’ Marzu 2025 sal-1 ta’ Ġunju 2025. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE (il-“mandat”) jintemm qabel, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”).

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

Il-mandat għandu jkun ibbażat fuq l-objettiv ta’ politika li ġejja fir-rigward tal-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani:

(a)

l-objettiv ġenerali huwa paċi ġusta, dejjiema u komprensiva li jenħtieġ li tinkiseb abbażi ta’ soluzzjoni ta’ żewġ stati, b’Iżrael u Stat Palestinjan demokratiku, kontigwu, vijabbli, paċifiku u sovran jgħixu maġenb xulxin ġewwa fruntieri siguri u rikonoxxuti, filwaqt li jgawdu relazzjonijiet normali mal-ġirien tagħhom f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) rilevanti 242 (1967) u 338 (1973), u filwaqt li jitfakkru riżoluzzjonijiet oħra rilevanti, inkluż ir-Riżoluzzjoni UNSC 2334 (2016), il-prinċipji ta’ Madrid, inkluż art għall-paċi, il-Pjan Direzzjonali, il-ftehimiet li ntlaħqu qabel mill-partijiet, l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant nofsani (il-“Kwartett”) tal-1 ta’ Lulju 2016; fid-dawl tal-aspetti differenti tar-relazzjonijiet Iżraeljani-Għarab, id-dimensjoni reġjonali tikkostitwixxi komponent essenzjali għal paċi komprensiva;

(b)

biex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fil-punt (a), il-prijoritajiet ta’ politika huma li tiġippreservata s-soluzzjoni ta’ żewġ Stati u l-varar mill-ġdid u l-appoġġ għall-proċess ta’ paċi; f’dak id-dawl, parametri ċari li jiddefinixxu l-bażi għan-negozjati huma elementi ewlenin għal eżitu b’suċċess u l-Unjoni stabbiliet il-pożizzjoni tagħha rigward tali parametri fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2009, Diċembru 2010 u Lulju 2014, li hi ser tkompli tippromwovi b’mod attiv;

(c)

l-Unjoni hija impenjata li taħdem mal-partijiet u mas-sħab fil-komunità internazzjonali, fil-Lvant Nofsan, u li ssegwi b’mod attiv inizjattivi internazzjonali xierqa biex tinħoloq dinamika ġdida għan-negozjati.

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jinkiseb l-objettiv ta’ politika msemmi fl-Artikolu 2, il-mandat għandu jkun li:

(a)

jipprovdi kontribut attiv u effiċjenti mill-Unjoni għal azzjonijiet u inizjattivi li jwasslu għal riżoluzzjoni finali tal-kunflitt Iżraeljan-Palestinjan abbażi tas-soluzzjoni ta’ żewġ Stati u f’konformità mal-parametri tal-Unjoni u r-Riżoluzzjonijiet tal-UNSC rilevanti, inkluż ir-Riżoluzzjoni UNSC 2334 (2016), u li jressaq proposti għal azzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward;

(b)

jiffaċilita u jżomm kuntatti mill-qrib mal-partijiet kollha tal-proċess ta’ paċi, b’mod partikolari ma’ Iżrael u l-Awtorità Palestinjana, l-atturi politiċi u l-pajjiżi rilevanti tal-Lvant Nofsani, u pajjiżi rilevanti oħra, kif ukoll man-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra, inkluż il-Lega tal-Istati Għarab u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf, sabiex jaħdem magħhom biex jissaħħaħ il-proċess ta’ paċi;

(c)

jieħu vantaġġ mix-xenarju reġjonali li qed jevolvi fil-Lvant Nofsani u b’mod partikolari n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Iżrael u għadd ta’ pajjiżi Għarab, sabiex ikompli jmexxi ’l quddiem il-proċess ta’ paċi u b’hekk jikkontribwixxu għall-istabbiltà reġjonali;

(d)

jagħti attenzjoni partikolari lill-fatturi li jaffettwaw id-dimensjoni reġjonali tal-proċess ta’ paċi, inkluż l-iżviluppi relatati mal-kunflitt f’Gaża u fir-reġjun wara l-attakki terroristiċi brutali u indiskriminati mill-Ħamas kontra Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023, lill-ħidma mas-sħab Għarab u lill-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi;

(e)

jappoġġa u jikkontribwixxi b’mod attiv għal negozjati ta’ paċi bejn il-partijiet, anke billi jressaq proposti f’isem l-Unjoni f’konformità mal-politika konsolidata li ilha li ġiet stabbilita fil-kuntest ta’ dawk in-negozjati;

(f)

jiżgura preżenza kontinwa tal-Unjoni fil-fora internazzjonali rilevanti;

(g)

jikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-kriżijiet u għat-twissijiet bikrija;

(h)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali milħuqa bejn il-partijiet u jaħdem flimkien magħhom diplomatikament fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mat-termini ta’ dawk il-ftehimiet;

(i)

jikkontribwixxi għall-isforzi politiċi għall-promozzjoni ta’ soluzzjoni sostenibbli ladarba jieqaf il-kunflitt fl-Istrixxa ta’ Gaża, li hija parti integrali minn stat Palestinjan futur, jappoġġa r-ritorn tal-Awtorità Palestinjana lejn Gaża, inkluż billi jiffaċilita d-diskussjonijiet bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana, u jippromwovi l-isforzi umanitarji;

(j)

jaħdem b’mod kostruttiv mal-firmatarji ta’ ftehimiet fil-qafas tal-proċess ta’ paċi sabiex jippromwovi konformità man-normi bażiċi tad-demokrazija, inkluż ir-rispett lejn id-dritt umanitarju internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

(k)

jagħmel proposti għal intervent tal-Unjoni fil-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani u dwar l-aħjar mod biex jiġu segwiti l-inizjattivi tal-Unjoni u l-isforzi kontinwi tal-Unjoni relatati mal-proċess ta’ paċi, bħall-kontribut tal-Unjoni għar-riformi Palestinjani, l-Alleanza Globali għall-Implimentazzjoni tas-Soluzzjoni ta’ Żewġ Stati u l-aspetti politiċi tal-proġetti rilevanti tal-Unjoni għall-iżvilupp;

(l)

jinvolvu lill-partijiet biex joqogħdu lura minn azzjonijiet unilaterali li jheddu l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, b’mod partikolari fit-territorju Palestinjan okkupat, inkluż permezz ta’ politika ta’ insedjament u inċitament għall-vjolenza u d-diskors ta’ mibegħda;

(m)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem f’kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni kontrihom, u tal-politika tal-Unjoni rigward ir-Riżoluzzjoni UNSC 1325 (2000) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà;

(n)

jikkontribwixxi għal komprensjoni u viżibbiltà aħjar tar-rwol tal-Unjoni fost l-opinjonisti ewlenin fil-Lvant Nofsani;

(o)

jaħdem flimkien mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inkluż in-nisa u ż-żgħażagħ, kif ukoll ma’ dawk involuti f’miżuri biex tinbena l-fiduċja bejn il-partijiet.

2.   Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tar-Rappreżentant Għoli, filwaqt li jżomm ħarsa ġenerali fuq l-attivitajiet kollha tal-Unjoni relatati mal-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli.

2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġjat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-Rappreżentant Għoli.

3.   Ir-RSUE għandu jiżgura azzjoni u kooperazzjoni regolari, sistematiċi, bir-reqqa u ċari, kif ukoll koerenti u konsistenti mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

4.   Ir-RSUE ser jagħmel żjarat regolari fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u ser jiżgura koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni f’dak ir-reġjun kollu, inkluż l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni f’Ġerusalemm, id-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Tel Aviv u, permezz tagħhom, mar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat (in-“nefqa”) għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2025 sal-1 ta’ Ġunju 2025 għandu jkun ta’ EUR 273 229,68.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jitpoġġew għad-dispożizzjoni, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-assemblaġġ ta’ tim. Dak it-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mat-tim tar-RSUE. Is-salarji ta’ tali persunal issekondat għandhom ikunu koperti mill-Istat Membru sekondant, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, kif xieraq. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew s-SEAE jistgħu wkoll jiġu sekondati sabiex jaħdmu mat-tim tar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal kollu ssekondat għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li ssekondatu, l-istituzzjoni tal-Unjoni li ssekondatu jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat.

4.   It-tim tar-RSUE għandu jitqiegħed fl-istess post tad-dipartiment rilevanti tas-SEAE, mad-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Tel Aviv u mal-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni f’Ġerusalemm sabiex ikunu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tat-tim tar-RSUE

Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra tar-RSUE u tat-tim tar-RSUE meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE għandhom jinftiehmu mal-pajjiżi ospitanti, kif xieraq. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dak l-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Delegazzjonijiet tal-Unjoni u rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri fil-Lvant Nofsani, skont il-każ, jipprovdu appoġġ loġistiku f’dak ir-reġjun.

Artikolu 10

Aċċess għad-dokumenti u l-protezzjoni tad-data

1.   Ir-RSUE għandu japplika r-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Ir-Rappreżentant Għoli għandha tiddeċiedi dwar ir-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti li jikkonċernaw ir-RSUE.

2.   Ir-RSUE għandu jipproteġi lill-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Ir-Rappreżentant Għoli għandha tiddeċiedi dwar ir-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti li jikkonċernaw ir-RSUE.

Artikolu 11

Sigurtà

F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva skont it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat u abbażi tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi li jirregolaw il-ġestjoni taċ-ċaqliq mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ta’ responsabbiltà, u l-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, u jistabbilixxi pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli, kif ikunu jeħtieġu l-kundizzjonijiet fiż-żona ta’ responsabbiltà;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tal-persunal li jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew it-taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona ta’ responsabbiltà, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha li jsiru wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà u jippreżenta lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport ta’ progress regolari u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat finali.

Artikolu 12

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti lir-Rappreżentant Għoli u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jipprovdi rapport ukoll lill-gruppi ta’ ħidma oħrajn tal-Kunsill kif ikun neċessarju. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari permezz tan-network COREU. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jkun infurmat bis-sħiħ il-ħin kollu. Ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F’konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 13

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jiġu utilizzati konsistentement, sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. Għandu jintalab kuntatt mal-Istati Membri fejn xieraq. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u tas-servizzi tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi sessjonijiet ta’ informazzjoni regolari lid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u lir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri, inkluż l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni f’Ġerusalemm u d-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Tel Aviv.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kuntatt mill-qrib mal-Kapijiet tar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri, mal-Kapijiet ta’ Delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-missjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni rilevanti. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Tel Aviv u l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni f’Ġerusalemm, għandu jipprovdi lill-Kapijiet tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) u tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EUBAM Rafah) bi gwida politika lokali. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fil-kamp.

Artikolu 14

Assistenza rigward pretensjonijiet

Ir-RSUE u t-tim tar-RSUE għandhom jipprovdu assistenza b’rispons għal kwalunkwe pretensjoni u kwalunkwe obbligu li jkunu jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għad-dokumenti rilevanti għal dawn l-għanijiet.

Artikolu 15

Rieżami

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jinżammu taħt rieżami regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapporti ta’ progress regolari lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/488/oj).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/443/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top