Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R3210

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3210 tat-18 ta’ Diċembru 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistru tas-CBAM

C/2024/9104

ĠU L, 2024/3210, 30.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3210/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2026

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3210/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3210

30.12.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3210

tat-18 ta’ Diċembru 2024

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistru tas-CBAM

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2023/956 jirrikjedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi, fil-livell tal-Unjoni, bażi tad-data elettronika standardizzata u sigura għall-ġestjoni taċ-ċertifikati tas-CBAM, tad-dikjarazzjonijiet tas-CBAM, tl-applikazzjonijiet biex isiru dikjaranti tas-CBAM awtorizzati kif ukoll ir-reġistrazzjoni tal-operaturi u tal-installazzjonijiet fil-pajjiżi terzi (“operaturi”), u biex tipprovdi aċċess, trattament tal-każijiet filwaqt li tiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni diġà kisbet esperjenza fl-istabbiliment ta’ reġistru għall-finijiet tas-CBAM meta implimentat ir-Reġistru Tranżizzjonali tas-CBAM fil-kuntest tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1773 (2).

(2)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2023/956, il-Kummissjoni trid tadotta regoli ta’ implimentazzjoni għall-funzjonament tar-reġistru tas-CBAM.

(3)

Ir-reġistru tas-CBAM jenħtieġ li jsir is-sistema għall-preżentazzjoni u għall-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet tas-CBAM, inklużi kontrolli, valutazzjonijiet indikattivi, u proċeduri ta’ korrezzjoni. Ir-reġistru tas-CBAM jenħtieġ li jkun fih data dwar id-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, l-applikanti li jippreżentaw talba biex jingħataw l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat CBAM (“applikanti”), operaturi, u verifikaturi akkreditati tas-CBAM. L-informazzjoni dwar l-operaturi għandhom jinżammu fit-taqsima separata tar-reġistru tas-CBAM. Ir-reġistru tas-CBAM Ir-reġistru tas-CBAM għandu jinkludi wkoll l-infrastruttura tal-IT meħtieġa biex tippermetti l-kompiti analitiċi inerenti fil-funzjonijiet tal-analiżi tar-riskju tas-CBAM li l-Kummissjoni għandha twettaq.

(4)

Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni akkurata tal-obbligi ta’ rapportar, biex l-awtoritajiet doganali jingħataw aċċess għad-data tas-CBAM għall-finijiet tal-verifika tal-formalitajiet tas-CBAM matul l-iżdoganar tal-merkanzija, u sabiex jiġu appoġġati l-analiżi tar-riskju u l-monitoraġġ tal-evitar, inkluż investigazzjoni f’konformità mal-Artikoli 15, 19 u 27 tar-Regolament (UE) 2023/956, ir-reġistru tas-CBAM jenħtieġ li jkun interoperabbli mas-sistemi doganali eżistenti u jenħtieġ li b’mod partikolari jiskambja d-data miġbura permezz ta’ sorveljanza f’konformità mal-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Għalhekk, ir-reġistru tas-CBAM jenħtieġ li juża skambji standardizzati ta’ data mas-sistemi doganali eżistenti.

(5)

Sabiex tiġi żgurata sistema ta’ rapportar effettiva u uniformi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti tekniċi għall-funzjonament tar-reġistru tas-CBAM. Tali arranġamenti jinkludu arranġamenti għall-iżvilupp tar-reġistru tas-CBAM, interfaċċi, protezzjoni tad-data, aġġornament tad-data, limitazzjoni tal-ipproċessar ta’ data, sjieda tas-sistema u sigurtà, kif ukoll ittestjar u użu, manutenzjoni u modifiki potenzjali. Tali arranġamenti jenħtieġ li jkunu kompatibbli mal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod prestabbilit, previsti fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), kif ukoll mas-sigurtà tal-ipproċessar prevista fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(6)

Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għar-reġistru tas-CBAM, jenħtieġ li tintuża s-sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali (UUM&DS, Uniform User Management and Digital Signature), kif imsemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1070 (6), għall-ġestjoni tal-proċess tal-awtentikazzjoni u tal-verifika tal-aċċess għall-applikanti, għad-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, kif ukoll għar-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti. Għal finijiet tekniċi, l-applikanti biex isiru dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, id-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, jew il-persuni li għalihom ġie revokat l-istatus ta’ dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, jenħtieġ li jitħallew jiddelegaw aċċess lil persuna li taġixxi f’isimhom filwaqt li tibqa’ responsabbli għat-twettiq tal-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/956.

(7)

Sabiex id-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM u l-applikanti jiġu identifikati bin-numri tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI, Economic Operator Registration and Identification) tagħhom, ir-reġistru tas-CBAM jenħtieġ li jkun interoperabbli u jiskambja data rilevanti mas-sistema EORI, kif imsemmi fl-Artikolu 30 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1070. Dik l-interoperabbiltà jenħtieġ li tiżgura wkoll valutazzjoni akkurata tal-obbligi tas-CBAM u tappoġġa li jsiru analiżi tar-riskju, rieżami u monitoraġġ taċ-ċirkomvenzjoni.

(8)

Għall-fini tal-irkupru tal-informazzjoni dwar id-Dikjarazzjonijiet Doganali tal-Importazzjonijiet għall-oġġetti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/956 u l-informazzjoni dwar dawk l-oġġetti u sabiex jitwettqu kontrolli tad-dikjarazzjonijiet tas-CBAM u konformità mal-obbligi tas-CBAM għall-fini tal-analiżi tar-riskju, ta’ rieżami u l-monitoraġġ taċ-ċirkomvenzjoni msemmija fl-Artikoli 15, 19 u 27 tar-Regolament (UE) 2023/956, ir-reġistru tas-CBAM jenħtieġ li jiġi interkonness mas-sistema ta’ Sorveljanza, żviluppata permezz tas-Sorveljanza 3 tal-KDU (SURV3, Surveillance 3), kif imsemmi fl-Artikolu 99 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1070. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tinkludi l-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2023/956.

(9)

Għall-fini ta’ verifika li l-oġġetti jiġu importati biss minn dikjarant awtorizzat tas-CBAM, u għall-verifika li l-obbligi ġew ssodisfati fir-rigward tal-oġġetti jew tal-prodotti proċessati msemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2023/956, ir-reġistru tas-CBAM jenħtieġ li jkun interkonness mal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(10)

Għall-finijiet ta’ verifika u ta’ rapportar, flimkien mal-analiżi tar-riskju u l-monitoraġġ taċ-ċirkomvenzjoni, u r-rieżamijiet, f’konformità mal-Artikoli 15, 19 u 27 tar-Regolament (UE) 2023/956, is-sistemi doganali nazzjonali jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet mill-ġdid, kif imsemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2879 (8). Meta s-sistemi doganali nazzjonali ma jkunux jistgħu jipprovdu l-informazzjoni permezz ta’ skambju awtomatiku, ir-reġistru tas-CBAM jenħtieġ li jkun jista’ jikkomunika l-informazzjoni direttament fir-reġistru tas-CBAM. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tinkludi informazzjoni dwar l-importazzjoni ta’ oġġetti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/956, l-informazzjoni dwar oġġetti mqiegħda taħt proċessar attiv, l-informazzjoni dwar ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ prodotti pproċessati bl-oġġetti tas-CBAM bħala input, u l-informazzjoni dwar l-oġġetti jew il-prodotti pproċessati msemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2023/956.

(11)

Għall-identifikazzjoni tal-oġġetti importati elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/956, għandha tintuża l-klassifikazzjoni ta’ dawk l-oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (“NM”) stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (9).

(12)

Għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riskju u tar-riżultati tal-analiżi tar-riskju bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni, ir-reġistru tas-CBAM jenħtieġ li jkun interkonness mas-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskji Doganali (CRMS2) kif imsemmi fl-Artikolu 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (10) u fl-Artikolu 69 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1070.

(13)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-sistema f’kull ħin, huwa importanti li jiġu pprovduti soluzzjonijiet alternattivi li jridu jiġu implimentati fil-każ ta’ ħsara temporanja fir-reġistru tas-CBAM. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi pjan għall-kontinwità tal-operat tas-CBAM.

(14)

L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni jipproċessaw id-data personali rreġistrata fir-Reġistru tas-CBAM f’konformità mal-kompiti tagħhom kif speċifikat fir-Regolament (UE) 2023/956 u bħala tali, għall-ġestjoni tar-reġistru tas-CBAM, tad-dikjarazzjonijiet u taċ-ċertifikati tas-CBAM, jaġixxu bħala kontrolluri tad-data skont it-tifsira tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Id-data personali jenħtieġ li tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli meħtieġ għall-finijiet li għalihom tkun ipproċessata d-data personali. F’dan ir-rigward, il-perjodu taż-żamma tad-data għar-reġistru tas-CBAM għandu jkun limitat għal 7 snin mir-reġistrazzjoni fir-reġistru tas-CBAM biex tkun tista’ ssir analiżi tal-funzjonament tas-CBAM u b’mod partikolari l-analiżi tal-konklużjonijiet misluta mir-rieżami tad-dikjarazzjonijiet tas-CBAM.

(15)

Dan ir-Regolament jikkonċerna l-forniment ta’ servizz pubbliku biex jiffaċilita l-aċċess u l-ġestjoni transfruntieri ta’ informazzjoni rregolata mis-CBAM u se josserva r-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-Att dwar Ewropa Interoperabbli (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(16)

L-għażliet tal-istrateġija għall-iżvilupp u l-akkwist tal-IT se jkunu soġġetti għall-approvazzjoni minn qabel mill-Bord tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u taċ-Ċibersigurtà tal-Kummissjoni Ewropea.

(17)

Sabiex l-applikazzjoni tar-Regolament tkun tista’ ssir f’waqtha, jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(18)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fis-27 ta’ Novembru 2024.

(19)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tas-CBAM,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli fir-rigward tal-infrastruttura u l-proċessi u l-proċeduri speċifiċi tar-reġistru tas-CBAM.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“komponent nazzjonali” tfisser komponent tas-sistemi elettroniċi li ġie żviluppat fil-livell nazzjonali u li huwa disponibbli fl-Istat Membru li ħolqu;

(2)

“sistema trans-Ewropea” tfisser ġabra ta’ sistemi kollaborattivi b’responsabbiltajiet imqassma fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-Kummissjoni, u żviluppati b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni;

(3)

“applikant” tfisser importatur, jew rappreżentant doganali indirett, li japplika għall-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM.

KAPITOLU II

REĠISTRU TAS-CBAM

TAQSIMA 1

Reġistru tas-CBAM

Artikolu 3

Funzjonijiet tar-reġistru tas-CBAM

1.   Ir-reġistru tas-CBAM għandu jkun bażi tad-data elettronika standardizzata u sigura li jkun fiha elementi tad-data tal-kontijiet tas-CBAM, tad-dikjarazzjonijiet tas-CBAM, tal-applikazzjonijiet bil-għan li jinkiseb l-istatus ta’ dikjaranti tas-CBAM, tar-reġistrazzjoni tal-operaturi, tar-rapporti ta’ verifika maħruġa minn verifikaturi akkreditati u li jippermetti li jipprovdi aċċess, ġestjoni tal-każijiet u kunfidenzjalità.

2.   Ir-reġistru tas-CBAM għandu jippermetti l-komunikazzjoni, in-notifika, ir-reġistrazzjoni, il-kontrolli u l-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet doganali u d-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, l-applikanti, il-persuni li għalihom ġie revokat l-istatus ta’ dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, u l-operaturi.

3.   Ir-reġistru tas-CBAM għandu jippermetti l-kompiti analitiċi inerenti fil-funzjonijiet ta’ analiżi tar-riskju tas-CBAM li l-Kummissjoni għandha twettaq.

4.   Il-Kummissjoni għandha tkun is-sid tas-sistema tar-reġistru tas-CBAM.

Artikolu 4

Struttura tar-reġistru tas-CBAM

1.   Ir-reġistru tas-CBAM għandu jikkonsisti mill-komponenti li ġejjin:

(a)

il-Portal tad-Dikjaranti tas-CBAM (CBAM DP, CBAM Declarants Portal);

(b)

il-Portal tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti tas-CBAM (CBAM NCA, CBAM National Competent Authorities Portal);

(c)

il-Portal tal-Kummissjoni Ewropea tas-CBAM (CBAM COM, CBAM European Commission Portal);

(d)

il-Portal tal-Operaturi tas-CBAM (CBAM Operator).

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tad-dikjarant awtorizzat tas-CBAM, u l-awtorità kompetenti responsabbli minn persuna għajr dikjarant awtorizzat tas-CBAM li tintroduċi oġġetti fit-territorju doganali tal-Unjoni fil-każijiet skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2023/956, għandha tikkomunika lill-Kummissjoni d-deċiżjonijiet dwar il-penali permezz tar-reġistru tas-CBAM.

Artikolu 5

Interoperabbiltà mas-sistemi doganali

1.   Ir-reġistru tas-CBAM għandu jkun interoperabbli mas-sistemi li ġejjin:

(a)

is-sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali (UUM&DS, Uniform User Management and Digital Signature) għar-reġistrazzjoni tal-utenti u għall-ġestjoni tal-aċċess imsemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1070 għall-Istati Membri, għall-Kummissjoni, għad-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, għall-applikanti u għall-persuni li jkollhom awtorizzazzjoni revokata;

(b)

is-sistema tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI, Economic Operator Registration and Identification), imsemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1070 li permezz tagħha tiġi kontroverifikata d-data tal-EORI stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(c)

is-sistema ta’ Sorveljanza, żviluppata permezz tas-Sorveljanza 3 (SURV3, Surveillance 3) tal-KDU, imsemmija fl-Artikolu 99 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1070;

(d)

it-Tariffa Integrata tal-Komunità Ewropea (TARIC, Tarif intégré des Communautés européennes) imsemmija fir-Regolament (KEE) Nru 2658/87;

(e)

is-sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskju Doganali kif imsemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 u kif imsemmija fl-Artikolu 69 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1070.

2.   Ir-reġistru tas-CBAM għandu jippermetti l-kooperazzjoni diġitali permezz tal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana, imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2022/2399.

Artikolu 6

Punti ta’ kuntatt għas-sistemi elettroniċi

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt għal kull wieħed mill-komponenti u mis-sistemi msemmija fl-Artikoli 4 u 5 għall-iskambju ta’ informazzjoni biex jiġi żgurat żvilupp, tħaddim u manutenzjoni koordinati ta’ dawk il-komponenti. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw punti ta’ kuntatt eżistenti.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw id-dettalji tal-punti ta’ kuntatt lil xulxin u jinfurmaw lil xulxin minnufih bi kwalunkwe tibdil f’dawk id-dettalji.

Artikolu 7

Termini ta’ kollaborazzjoni fir-reġistru tas-CBAM

Il-Kummissjoni għandha tipproponi t-termini ta’ kollaborazzjoni, ftehim dwar il-livell ta’ servizz, u pjan ta’ sigurtà, li għandhom ikunu soġġetti għall-qbil mal-awtoritajiet kompetenti. Il-Kummissjoni għandha topera r-reġistru tas-CBAM f’konformità mat-termini ta’ kollaborazzjoni.

TAQSIMA 2

Ġestjoni tal-aċċess u portals

Artikolu 8

Ġestjoni tal-Aċċess għall-Utenti tas-CBAM

1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tad-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, tal-applikanti, u tal-persuni li għalihom ġie revokat l-istatus ta’ dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti tar-reġistru tas-CBAM, għandhom jitwettqu bl-użu tas-sistema UUM&DS.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi ta’ awtentikazzjoni li jippermettu lill-utenti tar-reġistru tas-CBAM jaċċessaw dak ir-reġistru b’mod sigur.

3.   Il-Kummissjoni għandha tuża l-UUM&DS biex tagħti l-awtorizzazzjoni li l-persunal tagħha jaċċessa r-reġistru tas-CBAM.

4.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tuża l-UUM&DS biex tawtorizza u tagħti aċċess għar-reġistru tas-CBAM lill-persunal tagħha, lid-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, lill-applikanti, u lill-persuni li għalihom ġie revokat l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM, li huma stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

5.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tuża sistema ta’ ġestjoni tal-identifikazzjoni u tal-aċċess stabbilita f’dak l-Istat Membru (Sistema Doganali Nazzjonali tal-eIDAS) biex tipprovdi l-kredenzjali meħtieġa għall-aċċess tar-reġistru tas-CBAM.

6.   L-applikant, id-dikjarant awtorizzat tas-CBAM, jew il-persuni li għalihom ġie revokat l-istatus ta’ dikjaranti awtorizzati CBAM, jistgħu jiddelegaw l-aċċess għar-reġistru tas-CBAM lill-persuni li jaġixxu f’isimhom. Id-delegaturi għandhom jibqgħu responsabbli għat-twettiq tal-obbligi tagħhom stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/956.

Artikolu 9

Portal tad-Dikjaranti tas-CBAM

1.   Il-Portal tad-Dikjaranti tas-CBAM għandu jkun il-punt uniku ta’ dħul fir-reġistru tas-CBAM għad-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM u għall-applikanti. Il-portal għandu jkun disponibbli fuq l-Internet.

2.   Il-Portal tad-Dikjaranti tas-CBAM għandu jintuża għall-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM u għar-revoka tal-istatus;

(b)

is-sottomissjonijiet tad-dikjarazzjonijiet tas-CBAM;

(c)

in-notifiki u l-komunikazzjoni relatati mal-obbligi tas-CBAM, inkluż il-ġestjoni tad-dikjarazzjoni tas-CBAM.

3.   L-aċċess għall-Portal tad-Dikjaranti tas-CBAM għandu jkun ġestit f’konformità mal-Artikolu 8.

Artikolu 10

Portal tal-Operaturi tas-CBAM

1.   Il-Portal tal-Operaturi tas-CBAM għandu jkun il-punt uniku ta’ dħul fir-reġistru tas-CBAM għall-operaturi. Il-portal għandu jkun aċċessibbli mill-Internet.

2.   Il-Portal tal-Operaturi tas-CBAM għandu jintuża mill-operaturi f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2023/956 għall-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar dak l-operatur u dwar l-installazzjonijiet tiegħu;

(b)

ir-reġistrazzjoni tal-informazzjoni dwar l-oġġetti prodotti minn installazzjoni;

(c)

ir-reġistrazzjoni tad-data dwar l-emissjonijiet u tar-rapporti ta’ verifika;

(d)

ir-riċevuta ta’ notifiki u ta’ komunikazzjoni relatati mar-reġistrazzjoni u mal-użu ta’ informazzjoni tagħhom fir-reġistru tas-CBAM.

3.   Operatur għandu jissottometti talba lill-Kummissjoni biex jiġi assenjat profil biex jikseb aċċess għall-Portal tal-Operaturi tas-CBAM. Dik it-talba għandha tkun akkumpanjata minn dokumenti ta’ sostenn li juru r-reġistrazzjoni legali tal-operatur jew il-prova tal-attività fil-pajjiż terz tal-istabbiliment, inkluż l-isem, l-indirizz, l-informazzjoni ta’ kuntatt, u n-numru nazzjonali ta’ reġistrazzjoni tal-korporazzjoni jew tal-attività. Dik it-talba għandha tkun akkumpanjata minn evidenza li turi li l-persuna li tissottometti t-talba hija awtorizzata taġixxi f’isem l-operatur u minn dokumenti li jagħtu prova tal-identità ta’ dik il-persuna. Meta d-dokumenti ta’ sostenn ikunu biżżejjed biex jikkonfermaw l-akuratezza tal-informazzjoni li tinsab fiha, il-Kummissjoni għandha tassenja l-profil mitlub lill-operatur rikjedenti.

4.   L-operatur għandu juża s-servizz ċentrali ta’ Aċċess tal-UE mħaddem mill-Kummissjoni biex jitlob l-aċċess għar-reġistru tas-CBAM.

Artikolu 11

Portal tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti tas-CBAM

1.   Il-Portal tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti tas-CBAM għandu jkun il-punt uniku ta’ dħul fir-reġistru tas-CBAM għall-awtoritajiet kompetenti. Il-portal għandu jkun aċċessibbli mill-Internet.

2.   Il-Portal tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti tas-CBAM għandu jintuża biex jitwettqu l-kompiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/956, li għandhom jinkludu n-notifiki u l-komunikazzjoni.

3.   Ir-reġistru tas-CBAM għandu jippermetti li tiġi trasferita d-data meħtieġa mir-reġistru u għalih biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

4.   L-aċċess għall-Portal tal-Awtoritajiet Kompetenti tas-CBAM għandu jiġi ġestit f’konformità mal-Artikolu 8.

Artikolu 12

Portal tal-Kummissjoni Ewropea tas-CBAM

1.   Il-Portal tal-Kummissjoni Ewropea tas-CBAM għandu jkun il-punt uniku ta’ dħul għar-reġistru tas-CBAM għall-Kummissjoni.

2.   Il-Portal tal-Kummissjoni Ewropea tas-CBAM għandu jintuża mill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti stabbiliti fir-Regolament u fir-Regolament (UE) 2023/956.

3.   L-aċċess għall-Portal tal-Kummissjoni Ewropea tas-CBAM għandu jkun ġestit f’konformità mal-Artikolu 8.

Artikolu 13

Sistemi ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess tal-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ġdida ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess UUM&DS jew jużaw l-UUM&DS doganali eżistenti tagħhom stess għall-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-reġistrazzjoni u l-ħżin siguri tad-data tal-identifikazzjoni ta’ dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, applikanti u persuni oħrajn b’aċċess għar-reġistru tas-CBAM;

(b)

l-iskambju sigur tad-data tal-identifikazzjoni ffirmata u kriptata ta’ dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, applikanti u persuni oħrajn b’aċċess għar-reġistru tas-CBAM.

TAQSIMA 3

Funzjonament tar-reġistru tas-CBAM

Artikolu 14

Żvilupp, ittestjar, użu, u ġestjoni tar-reġistru tas-CBAM

1.   Il-komponenti tar-reġistru tas-CBAM għandhom jiġu żviluppati, ittestjati, użati, u ġestiti mill-Kummissjoni, u jistgħu jiġu ttestjati mill-Istati Membri.

2.   Il-Kummissjoni għandha tfassal u żżomm l-ispeċifikazzjonijiet komuni tal-interfaċċi elenkati fl-Artikoli 4, 5 u 11 f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

3.   Meta jkun xieraq, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi speċifikazzjonijiet tekniċi komuni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti, u soġġetti għal rieżami minnhom, bil-għan li tużahom f’ħin f’waqtu. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw mad-dikjaranti tas-CBAM, mal-applikanti u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn.

4.   F’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni għandha twettaq l-ittestjar u l-validazzjoni tal-interoperabbiltà bejn ir-reġistru tas-CBAM u s-sistemi kif imsemmi fl-Artikolu 5 biex tiżgura li d-data tiġi kontroverifikata b’mod akkurat, effiċjenti u kunfidenzjali.

Artikolu 15

Żamma tar-reġistru tas-CBAM u l-bidliet li sarulu

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq il-manutenzjoni tar-reġistru tas-CBAM.

2.   Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-komponenti tar-reġistru tas-CBAM biex tikkoreġi l-ħsarat, u tista’ żżid funzjonalitajiet ġodda jew tibdel dawk eżistenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti, lid-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM u lill-operaturi dwar il-bidliet u l-aġġornamenti fil-komponenti tar-reġistru tas-CBAM.

Artikolu 16

Ħsara temporanja tar-reġistru tas-CBAM

1.   Fil-każ ta’ ħsara temporanja tar-reġistru tas-CBAM, id-dikjaranti CBAM u l-applikanti għandhom jissottomettu l-informazzjoni meħtieġa biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fir-rigward tal-obbligi tas-CBAM skont ir-Regolament (UE) 2023/956 bil-mezzi speċifikati fil-pjan għall-kontinwità tal-operat tas-CBAM.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe nuqqas ta’ disponibbiltà maġġuri tar-reġistru tas-CBAM li se jkollu impatt fuq il-livelli ta’ disponibbiltà ddefiniti fil-Ftehimiet dwar il-Livell ta’ Servizz msemmija fl-Artikolu 7.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lid-dikjaranti CBAM awtorizzati u lill-operaturi dwar ir-rekwiżiti, l-aġġornamenti ewlenin u n-nuqqas ta’ disponibbiltà fit-tul tar-reġistru tas-CBAM f’konformità mal-pjan għall-kontinwità tal-operat tas-CBAM.

Artikolu 17

Taħriġ u appoġġ dwar l-użu u l-funzjonament tar-reġistru tas-CBAM

1.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti fl-użu u fil-funzjonament tal-komponenti tar-reġistru tas-CBAM billi tipprovdi l-materjal għat-taħriġ u għall-komunikazzjoni.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-appoġġ tal-uffiċċju nazzjonali tas-servizzi lid-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM u lill-applikanti.

KAPITOLU III

SIGURTÀ TAR-REĠISTRU TAS-CBAM U PROTEZZJONI TAD-DATA

Artikolu 18

Protezzjoni tad-data personali

Id-data personali rreġistrata fir-reġistru tas-CBAM, u l-komponenti tas-sistemi elettroniċi żviluppati fil-livell nazzjonali, għandhom jiġu pproċessati mill-awtoritajiet kompetenti u mill-Kummissjoni għall-finijiet li ġejjin:

(a)

il-finijiet ta’ awtentikazzjoni u l-ġestjoni tal-aċċess;

(b)

l-ipproċessar u l-ġestjoni tal-applikazzjonijiet;

(c)

is-sottomissjoni u l-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet tas-CBAM;

(d)

il-monitoraġġ, il-kontrolli u r-rieżami tad-dikjarazzjonijiet tas-CBAM;

(e)

il-ġestjoni tal-operatur u tal-verifikatur;

(f)

il-ġestjoni taċ-ċertifikati tas-CBAM;

(g)

il-komunikazzjoni u n-notifiki;

(h)

l-iżgurar tal-konformità;

(i)

il-funzjonament tal-infrastruttura tal-IT, inkluża l-interoperabbiltà mas-sistemi nazzjonali u mas-sistemi deċentralizzati trans-Ewropej skont dan ir-Regolament;

(j)

l-istatistika u r-rieżami tal-funzjonament tar-Regolament (UE) 2023/956;

(k)

l-analiżi tar-riskju u l-monitoraġġ taċ-ċirkomvenzjoni;

(l)

il-verifika li l-importazzjoni ta’ oġġetti u l-esportazzjoni mill-ġdid ta’ oġġetti, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2023/956, jitwettqu minn dikjarant awtorizzat tas-CBAM.

Artikolu 19

Rwol speċifiku tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun il-kontrollur għal:

(a)

l-ipproċessar ta’ data personali għall-ġestjoni tal-aċċess għall-Portal tal-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

l-ipproċessar ta’ data personali rreġistrata fil-Portal tal-Operaturi tas-CBAM;

(c)

l-użu, il-validazzjoni u l-irkupru tal-EORI jew ta’ data oħra għall-fini tal-analiżi tar-riskju u l-monitoraġġ taċ-ċirkomvenzjoni kif previst fl-Artikoli 15, u 27 tar-Regolament (UE) 2023/956.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tkun il-kontrollur għal:

(a)

l-ipproċessar ta’ data personali biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-għoti u r-revoka ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ dikjaranti tas-CBAM f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/956;

(b)

l-ipproċessar ta’ data personali biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar penali f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2023/956;

(c)

l-ipproċessar ta’ data personali għall-ġestjoni tal-aċċess tad-dikjaranti stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom f’konformità mal-Artikoli 8, 11 u 13 ta’ dan ir-Regolament;

(d)

l-ipproċessar tad-data personali tal-verifikaturi akkreditati.

3.   L-awtorità kompetenti u l-Kummissjoni għandhom ikunu kontrolluri konġunti għal:

(a)

il-ġestjoni tar-reġistru tas-CBAM;

(b)

l-ipproċessar ta’ data personali għall-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet tas-CBAM f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/956;

(c)

l-ipproċessar ta’ data personali għall-ġestjoni taċ-ċertifikati tas-CBAM f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/956.

Artikolu 20

Responsabbiltà tal-kontrolluri lejn is-suġġetti tad-data

Meta kontrollur jirċievi talba mingħand suġġett tad-data li ma taqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu f’konformità mal-Artikolu 19, għandu jibgħat dik it-talba minnufih u sa mhux aktar tard minn fi 3 ijiem ta’ xogħol minn meta jirċeviha lill-kontrollur responsabbli.

Artikolu 21

Limitazzjoni tal-aċċess għad-data, ipproċessar ta’ data u kunfidenzjalità

1.   L-informazzjoni kollha miżmuma fir-reġistru tas-CBAM għandha titqies bħala kunfidenzjali.

Id-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM u l-applikanti jistgħu jaċċessaw id-data personali tagħhom irreġistrata fir-reġistru tas-CBAM wara r-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru.

2.   L-operaturi jistgħu jaċċessaw id-data personali tagħhom irreġistrata fir-reġistru tas-CBAM wara r-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru tas-CBAM. F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2023/956, id-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM jistgħu jaċċessaw id-data personali rreġistrata mill-operaturi fir-reġistru tas-CBAM jew jipproċessaw dik id-data b’mod ieħor, meta tkun ingħatat awtorizzazzjoni mill-operaturi f’dak ir-rigward.

3.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaċċessaw u jipproċessaw id-data personali u data oħra b’mod ieħor mid-Dikjarazzjonijiet Doganali tal-Importazzjonijiet għall-oġġetti mhux elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/956 f’konformità mal-Artikoli 15, 19 u 27 tar-Regolament (UE) 2023/956.

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaċċessaw u jipproċessaw id-data mis-sistema EORI b’mod ieħor, f’konformità mal-Artikoli 15, 19 u 27 tar-Regolament (UE) 2023/956.

Artikolu 22

Sigurtà tas-sistema

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa għas-sigurtà tas-sistema wara konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimplimentaw miżuri organizzattivi xierqa għas-sigurtà tas-sistema.

3.   Il-miżuri tekniċi u l-miżuri organizzattivi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitfasslu biex:

(a)

jiżguraw is-sigurtà, l-integrità, il-kunfidenzjalità, id-disponibbiltà u l-kontinwità tad-data personali pproċessata;

(b)

jipproteġu kontra kull ipproċessar, bdil, telf, użu, divulgazzjoni jew aċċess mhux awtorizzat jew illegali ta’ kwalunkwe data personali fil-pussess tagħhom;

(c)

ir-restrizzjoni tad-divulgazzjoni jew tal-aċċess għal data personali lil kwalunkwe persuna għajr ir-riċevituri maħsuba f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) 2023/956.

4.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin u jipprovdu assistenza f’każ ta’ inċidenti kritiċi ta’ sigurtà li jattivaw il-pjan għall-kontinwità tal-operat tas-CBAM meta tali inċidenti jimplikaw ksur ta’ data personali skont it-tifsira tal-Artikolu 4(12) tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 3(16) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

5.   Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjonijiet regolari tal-komponenti tar-reġistru tas-CBAM u għandha tanalizza s-sigurtà u l-integrità ta’ dawk il-komponenti u l-kunfidenzjalità tad-data pproċessata fi ħdan dawk il-komponenti.

Artikolu 23

Perjodu taż-żamma tad-data

1.   Meta jipproċessaw data personali għall-finijiet elenkati fl-Artikolu 18, l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni għandhom iżommu d-data biss għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-iskop, u għal massimu ta’ 7 snin mir-reġistrazzjoni tad-data personali fir-reġistru tas-CBAM.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, meta jkun ġie ppreżentat appell jew meta jkunu bdew proċedimenti tal-qorti li jinvolvu data maħżuna fir-reġistru tas-CBAM, dik id-data għandha tinżamm sakemm jintemmu l-proċedura ta’ appell jew il-proċedimenti tal-qorti u għandha tintuża biss għall-fini tal-proċedura ta’ appell jew tal-proċedimenti tal-qorti.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/956/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1773 tas-17 ta’ Awwissu 2023 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni (ĠU L 228, 15.9.2023, p. 94, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1773/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1070 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi għall-iskambju u l-ħżin tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 143, 2.6.2023, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1070/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jistabbilixxi l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 (ĠU L 317, 9.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2399/oj).

(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2879 tal-15 ta’ Diċembru 2023 li tistabbilixxi programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u l-varar tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L, 2023/2879, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2879/oj).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (TARIC) (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (Att dwar Ewropa Interoperabbli) (ĠU L, 2024/903, 22.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/903/oj).


ANNESS

Data tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI)

Tabella

Identifikazzjoni tal-Klijent

Pajjiż tal-EORI + numru nazzjonali tal-EORI

Pajjiż tal-EORI

Data tal-bidu tal-EORI

Data tal-iskadenza tal-EORI

Informazzjoni Doganali dwar il-Klijent

Isem qasir tal-EORI

Isem sħiħ tal-EORI

Lingwa tal-EORI

Data tal-istabbiliment tal-EORI

Tip ta’ persuna tal-EORI

Attività ekonomika tal-EORI

Lista tal-indirizzi tal-istabbilimenti tal-EORI

Indirizzi tal-istabbilimenti

Indirizz tal-EORI

Lingwa tal-EORI

Isem tal-EORI

Stabbiliment fl-Unjoni

Indirizz tal-faċilità

Data tal-bidu tal-indirizz tal-EORI

Data tat-tmiem tal-indirizz tal-EORI

Numri tal-“VAT” jew “TIN”

“VAT” jew “TIN”

Status ġuridiku tal-EORI

Lingwa tal-istatus ġuridiku tal-EORI

Status ġuridiku tal-EORI

Data tal-bidu u data tat-tmiem tal-istatus ġuridiku tal-EORI

Lista ta’ kuntatt

Kuntatt

Indirizz ta’ kuntatt tal-EORI

Lingwa ta’ kuntatt tal-EORI

Isem sħiħ ta’ kuntatt tal-EORI

Isem ta’ kuntatt tal-EORI

Bandiera tal-ftehim ta’ pubblikazzjoni

Deskrizzjoni tal-oqsma tal-indirizz

Triq u numru

Kodiċi Postali

Belt

Kodiċi tal-pajjiż

Lista ta’ dettalji tal-komunikazzjoni

Tip ta’ komunikazzjoni


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3210/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top