Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1620

    Regolament (UE) 2024/1620 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    PE/35/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1620, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1620/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1620/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1620

    19.6.2024

    REGOLAMENT (UE) 2024/1620 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-31 ta’ Mejju 2024

    li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    L-esperjenza bil-qafas kurrenti tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT), li jiddependi ħafna fuq l-implimentazzjoni nazzjonali ta’ miżuri dwar l-AML/CFT, żvelat dgħufijiet mhux biss fir-rigward tal-funzjonament effiċjenti ta’ dak il-qafas tal-Unjoni iżda wkoll fir-rigward tal-integrazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali. Dawk id-dgħufijiet wasslu għall-ħolqien ta’ ostakoli ġodda għall-funzjonament xieraq tas-suq intern, kemm minħabba riskji fi ħdan is-suq intern kif ukoll minħabba t-theddid estern li jkun qed jiffaċċja.

    (2)

    In-natura transfruntiera tal-kriminalità u tar-rikavat kriminali tipperikola l-isforzi tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni fir-rigward tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Huwa neċessarju li dawk l-isforzi jissaħħu fil-livell tal-Unjoni permezz tal-ħolqien ta’ awtorità responsabbli biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ regoli armonizzati f’dak id-dominju. Barra minn hekk, din l-Awtorità jenħtieġ li ssegwi approċċ armonizzat biex issaħħaħ il-qafas eżistenti tal-Unjoni għall-AML/CFT u speċifikament is-superviżjoni u l-kooperazzjoni dwar l-AML/CFT bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIUs). Dak l-approċċ huwa intiż li jnaqqas id-diverġenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u fil-prattiki superviżorji u jintroduċi strutturi li jkunu ta’ benefiċċju għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern b’mod determinat u, konsegwentement, jenħtieġ li jkun bbażat fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (3)

    Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita awtorità tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“l-Awtorità”). Il-ħolqien tal-Awtorità huwa kruċjali biex tiġi żgurata superviżjoni effiċjenti u adegwata tal-entitajiet marbuta b’obbligu li għandhom riskju fir-rigward ta’ ħasil tal-flus/finanzjament tat-terroriżmu (“ML/TF”), jissaħħu l-approċċi superviżorji komuni l-oħra kollha għall-entitajiet marbuta b’obbligu u jiġu faċilitati l-analiżijiet konġunti u l-kooperazzjoni bejn l-FIUs.

    (4)

    Dan ir-Regolament huwa parti minn pakkett komprensiv li għandu l-għan li jsaħħaħ il-qafas tal-Unjoni fil-qasam tal-AML/CFT. Flimkien, dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) 2023/1113 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-Regolament (UE) 2024/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) se jifforma l-qafas legali li jirregola ir-rekwiżiti tal-AML/CFT li għandhom jiġu ssodisfati mill-entitajiet marbuta b’obbligu u jirfdu l-qafas istituzzjonali tal-AML/CFT tal-Unjoni.

    (5)

    Sabiex is-superviżjoni tal-AML/CFT tinġieb f’livell effiċjenti u uniformi madwar l-Unjoni, huwa meħtieġ li l-Awtorità tingħata s-setgħat li ġejjin: is-superviżjoni diretta ta’ ċertu għadd ta’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula fis-settur finanzjarju, inklużi l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi; il-monitoraġġ, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riskji tal-ML/TF li jaffettwaw is-suq intern; il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tas-superviżuri tal-AML/CFT tas-settur finanzjarju; il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tas-superviżuri tal-AML/CFT tas-settur mhux finanzjarju, inklużi l-korpi awtoregolatorji; u l-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-FIUs.

    (6)

    Il-kombinament ta’ kompetenzi superviżorji kemm diretti kif ukoll indiretti fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu, kif ukoll li jiġi pprovdut mekkaniżmu ta’ appoġġ u koordinament għall-FIUs, huma l-aktar mezz xieraq biex tinkiseb superviżjoni u kooperazzjoni tal-AML/CFT bejn l-FIUs fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li l-Awtorità tikkombina l-indipendenza u livell għoli ta’ għarfien espert tekniku u tiġi stabbilita f’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta’ Lulju 2012 dwar l-aġenziji deċentralizzati.

    (7)

    L-arranġamenti li jikkonċernaw is-sede tal-Awtorità jenħtieġ li jiġu stabbiliti fi ftehim dwar is-sede bejn l-Awtorità u l-Istat Membru fejn tinsab is-sede. Il-ftehim dwar is-sede jenħtieġ li jistipula l-kundizzjonijiet tal-istabbiliment tas-sede u l-vantaġġi mogħtija mill-Istat Membru lill-Awtorità u l-persunal tagħha. Il-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali jenħtieġ li jiġi konkluż fil-ħin qabel ma l-Awtorità tibda l-operazzjonijiet tagħha.

    (8)

    Meta tintgħażel is-sede tal-Awtorità, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiżguraw li, minħabba n-natura tal-Awtorità, il-post fejn tinsab jippermettilha twettaq bis-sħiħ il-kompiti u s-setgħat tagħha, tirrekluta persunal bi kwalifiki għolja u speċjalizzati, toffri opportunitajiet ta’ taħriġ adegwati fl-attivitajiet fil-qasam tal-AML/CFT, u, fejn ikun rilevanti, tikkoopera mill-qrib mal-istituzzjonijiet, mal-korpi, mal-uffiċċji u mal-aġenziji tal-Unjoni; u, sabiex jiġu evitati riskji għar-reputazzjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw, abbażi ta’ informazzjoni disponibbli pubblikament, rilevanti u komparabbli, bħal rapporti tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF), kif ir-riskji tal-ML/TF jiġu indirizzati b’mod adegwat fl-Istat Membru fejn se tinsab is-sede. B’ mod addizzjonali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom iqisu l-kriteri li ġejjin għall-għażla tas-sede tal-Awtorità: assigurazzjoni li l-Awtorità tkun tista’ tiġi stabbilita fuq is-sit mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament; l-aċċessibbiltà tal-post; l-eżistenza ta’ faċilitajiet ta’ edukazzjoni adegwati għat-tfal tal-membri tal-persunal; aċċess adatt għas-suq tax-xogħol, is-sigurtà soċjali u l-kura medika kemm għat-tfal kif ukoll għall-konjuġi tal-membri tal-persunal; u l-bilanċ ġeografiku. B’kunsiderazzjoni ta’ dawk il-kriterji, l-Awtorità għandu jkollha s-sede tagħha fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja.

    (9)

    Is-setgħat tal-Awtorità għandhom l-għan li jippermettulha li ttejjeb is-superviżjoni tal-AML/CFT fl-Unjoni b’diversi modi. Fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, l-Awtorità jenħtieġ li tiżgura l-konformità tal-grupp kollu mar-rekwiżiti stabbiliti fil-qafas tal-AML/CFT u kwalunkwe att ieħor legalment vinkolanti tal-Unjoni li jimponi obbligi relatati mal-AML/CFT fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji. Fir-rigward tas-superviżuri finanzjarji, l-Awtorità jenħtieġ li, b’mod partikolari, twettaq rieżamijiet perjodiċi biex tiżgura li s-superviżuri finanzjarji kollha jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod adegwat. Jenħtieġ li tinvestiga wkoll nuqqasijiet sistematiċi ta’ superviżjoni li jirriżultaw minn ksur, jew min-nuqqas ta’ applikazzjoni jew applikazzjoni skorretta, tal-liġi tal-Unjoni. Fir-rigward tas-superviżuri mhux finanzjarji, inklużi l-korpi awtoregolatorji fejn ikun xieraq, l-Awtorità jenħtieġ li tikkoordina l-evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-istandards u l-prattiki superviżorji u titlob lis-superviżuri mhux finanzjarji biex jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti tal-AML/CFT fl-isfera ta’ kompetenza tagħhom. L-awtorità jenħtieġ li tkun tista’ taġixxi f’każijiet ta’ ksur potenzjali jew nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni minn superviżuri mhux finanzjarji u, meta tali ksur ma jiġix rettifikat f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità, jenħtieġ li toħroġ twissijiet lill-kontropartijiet affettwati tas-superviżuri mhux finanzjarji. L-awtorità jenħtieġ li tiffaċilita l-funzjonament tal-kulleġġi superviżorji tal-AML/CFT kemm fis-settur finanzjarju kif ukoll f’dak mhux finanzjarju. B’mod ġenerali, l-Awtorità jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-konverġenza tal-prattiki superviżorji u l-promozzjoni ta’ standards superviżorji għoljin. Barra minn hekk, l-Awtorità jenħtieġ li tikkoordina u tappoġġa t-twettiq ta’ analiżijiet konġunti mill-FIUs, jew titlob it-tnedija ta’ analiżijiet konġunti, u jenħtieġ li tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-FIUs s-servizzi tal-IT u tal-intelliġenza artifiċjali biex issaħħaħ l-kapaċitajiet tagħhom ta’ analiżi tad-data, kif ukoll għodod għall-kondiviżjoni sigura tal-informazzjoni, anki permezz tal-hosting tal-FIU.net, is-sistema tal-IT iddedikata li tippermetti lill-FIUs jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni ma’ xulxin u, fejn ikun xieraq, mal-kontropartijiet tagħhom minn pajjiżi terzi u partijiet terzi.

    (10)

    Bil-ħsieb li jissaħħu r-regoli tal-AML/CFT fil-livell tal-Unjoni, tissaħħaħ iċ-ċarezza ta’ dawk ir-regoli filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza mal-istandards internazzjonali u leġiżlazzjoni oħra, u tiżdied l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-AML/CFT, inkluż fis-settur mhux finanzjarju, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Awtorità fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu kemm fis-settur finanzjarju kif ukoll f’dak mhux finanzjarju għall-finijiet tal-assistenza lis-superviżuri nazzjonali u l-promozzjoni tal-konverġenza superviżorja. Konsegwentement, l-Awtorità jenħtieġ li tingħata l-mandat biex tħejji abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni, u biex tadotta linji gwida, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet bil-għan li tiżgura li, fejn is-superviżjoni tibqa’ fil-livell nazzjonali, l-istess prattiki u standards superviżorji japplikaw fil-prinċipju għall-entitajiet komparabbli kollha. Barra minn hekk, l-Awtorità jenħtieġ li tingħata l-kompitu li timmonitorja u tkejjel il-grad ta’ konverġenza u l-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti legali u l-istandards superviżorji għoljin mill-awtoritajiet superviżorji u mill-entitajiet marbuta b’obbligu. L-Awtorità jenħtieġ li tiġi fdata, minħabba l-għarfien espert speċjalizzat ħafna tagħha, bl-iżvilupp ta’ metodoloġija superviżorja f’konformità ma’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Ċerti aspetti tal-metodoloġija, li jistgħu jinkorporaw parametri referenzjarji kwantitattivi armonizzati, bħal approċċi għall-klassifikazzjoni tal-profil tar-riskju inerenti tal-entitajiet marbuta b’obbligu, inklużi l-profili tar-riskju inerenti u residwu, jenħtieġ li jiġu dettaljati f’miżuri regolatorji vinkolanti applikabbli direttament jew standards tekniċi regolatorji jew ta’ implimentazzjoni b’kunsiderazzjoni tar-riskji tal-ML/TF f’superviżjoni prudenzjali, sabiex tiġi żgurata interazzjoni effettiva bejn is-superviżjoni tal-AML/CFT u s-superviżjoni prudenzjali. Aspetti oħra tal-metodoloġija, li jirrikjedu diskrezzjoni superviżorja aktar wiesgħa, bħall-approċċi għall-valutazzjoni tal-kontrolli interni tal-entitajiet marbuta b’obbligu, jenħtieġ li jkunu koperti minn linji gwida, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet mhux vinkolanti tal-Awtorità. Il-metodoloġija superviżorja armonizzata jenħtieġ li tqis, fejn ikun xieraq, li tingrana l-metodoloġiji superviżorji eżistenti relatati ma’ aspetti oħra tas-superviżjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu tas-settur finanzjarju, speċjalment fejn ikun hemm interazzjoni bejn is-superviżjoni tal-AML/CFT u s-superviżjoni prudenzjali. B’mod speċifiku, il-metodoloġija superviżorja li għandha tiġi żviluppata mill-Awtorità jenħtieġ li tikkomplementa l-linji gwida u strumenti oħra żviluppati mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA) stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li jagħtu dettalji dwar l-approċċi tal-awtoritajiet superviżorji prudenzjali fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tar-riskji tal-ML/TF fis-superviżjoni prudenzjali, sabiex tiġi żgurata interazzjoni effettiva bejn is-superviżjoni tal-AML/CFT u s-superviżjoni prudenzjali. Metodoloġija superviżorja armonizzata tippermetti wkoll l-iżvilupp ta’ għodod superviżorji komuni għall-interazzjonijiet mal-entitajiet marbuta b’obbligu, u t-talbiet għad-data minnhom, fis-sistema superviżorja kollha. L-awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tikkoordina l-iżvilupp ta’ tali għodod fil-forma ta’ kwestjonarji strutturati, ibbażati online jew offline, u integrati fi pjattaforma unika għall-interazzjoni mal-entitajiet marbuta b’obbligu u fost is-superviżuri fis-sistema. Tali pjattaforma mhux biss tiffaċilita l-proċessi superviżorji u l-approċċi superviżorji armonizzati, iżda tevita wkoll rekwiżiti ta’ rapportar duplikati u l-impożizzjoni ta’ piż eċċessiv fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu taħt superviżjoni kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali.

    (11)

    L-estensjoni tar-reati predikati tal-ħasil tal-flus biex tinkludi n-nuqqas ta’ implimentazzjoni u l-evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati tirrikjedi l-iżvilupp ta’ fehim tat-theddid u l-vulnerabbiltajiet f’dak il-qasam fil-livell tal-entitajiet marbuta b’obbligu, is-superviżuri u l-Unjoni. Fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħha fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, l-Awtorità jenħtieġ li għalhekk tiżgura li dawk l-entitajiet ikollhom fis-seħħ sistemi adegwati biex jimplimentaw rekwiżiti relatati ma’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati. Bl-istess mod, minħabba r-rwol ċentrali tagħha fl-iżgurar ta’ sistema superviżorja effettiva fis-suq intern kollu, l-Awtorità jenħtieġ li tappoġġa l-konverġenza superviżorja f’dak il-qasam biex tiżgura sorveljanza adegwata tal-konformità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-istituzzjonijiet finanzjarji mar-rekwiżiti relatati mal-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati. L-informazzjoni miġbura permezz tal-kompiti superviżorji u ta’ konverġenza tal-Awtorità tikkostitwixxi riżorsa biex l-Unjoni tifhem ir-riskji fir-rigward tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni u l-evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati, u tista’ tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni effettivi. Għal dak il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li tikkontribwixxi l-esperjenza u l-għarfien tagħha għall-iżvilupp ta’ valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni u l-evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

    (12)

    L-Awtorità jenħtieġ li tkun fdata bl-iżvilupp ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tlesti l-ġabra tar-regoli armonizzata stabbilita fir-Regolament (UE) 2023/1113, ir-Regolament (UE) 2024/1624 u d-Direttiva (UE) 2024/1640. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tapprova l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE sabiex tagħtihom effett legali vinkolanti.

    (13)

    L-Awtorità jenħtieġ li tkun fdata bl-iżvilupp ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji fejn meħtieġa biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 291 tat-TFUE.

    (14)

    L-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji jew ta’ implimentazzjonijenħtieġ li jkunu soġġetti għal emenda biss f’ċirkostanzi ristretti ħafna u straordinarji, billi l-Awtorità hija l-attur f’kuntatt l-aktar mill-qrib mal-qafas tal-AML/CFT, u li l-aktar li għandha għarfien dwaru. Biex jiġi żgurat proċess ta’ adozzjoni bla xkiel u rapidu għal dawk l-istandards, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li tkun soġġetta għal limitu ta’ żmien.

    (15)

    Fil-proċess tal-iżvilupp ta’ abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni u linji gwida u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-entitajiet marbuta b’obbligu, lis-superviżuri jew lill-FIUs, l-Awtorità jenħtieġ li bħala regola twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa, sakemm dawk il-konsultazzjonijiet u l-analiżijiet ma jkunux sproporzjonati ħafna fir-rigward tal-ambitu u l-impatt tal-miżuri kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi jenħtieġ li jitwettqu sabiex jiġu analizzati l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-miżuri l-ġodda u r-rekwiżiti li qed jintroduċu, u sabiex jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi korpi oħra tal-Unjoni li l-qasam ta’ kompetenza tagħhom jista’ jkun ikkonċernat, kellhom l-opportunità li jipprovdu l-kontribut u l-pariri tagħhom. Peress li r-rwol tas-soċjetà ċivili, inkluż l-akkademja, il-ġurnalisti investigattivi, u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, wera li huwa ta’ importanza kbira matul is-snin fl-identifikazzjoni tax-xejriet kriminali u kif il-qafas tal-AML/CFT tal-Unjoni jista’ jissaħħaħ biex jiġi evitat l-użu ħażin kriminali tas-suq intern, l-Awtorità jenħtieġ li tagħti attenzjoni partikolari lill-kontribut ipprovdut mis-soċjetà ċivili. Hija għandha tiżgura l-involviment xieraq tas-soċjetà ċivili u solleċitazzjonijiet attivi tal-fehmiet tagħha matul il-proċess tat-tfassil tal-politika tagħha.

    (16)

    Billi ma hemm l-ebda arranġament effettiv b’mod suffiċjenti biex jiġu ttrattati inċidenti tal-AML/CFT li jinvolvu aspetti transfruntiera, huwa neċessarju li tiġi stabbilita sistema superviżorja integrata tal-AML/CFT fil-livell tal-Unjoni li tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ kwalità għolja tal-metodoloġija superviżorja tal-AML/CFT u tippromwovi kooperazzjoni effiċjenti bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha. Għal dawk ir-raġunijiet, l-Awtorità u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-AML/CFT jenħtieġ li flimkien jikkostitwixxu sistema superviżorja tal-AML/CFT. Is-sistema superviżorja tal-AML/CFT jenħtieġ li tkun ibbażata fuq fiduċja reċiproka u kooperazzjoni bona fide, inklużi skambji ta’ informazzjoni u data relatata mas-superviżjoni, sabiex l-Awtorità u l-awtoritajiet superviżorji jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv. Is-sistema superviżorja tal-AML/CFT tkun ta’ benefiċċju għall-awtoritajiet superviżorji meta jiffaċċjaw sfidi speċifiċi, pereżempju fir-rigward ta’ riskju msaħħaħ tal-ML/TF jew minħabba nuqqas ta’ riżorsi, billi f’dik is-sistema jenħtieġ li l-assistenza reċiproka tkun disponibbli fuq talba. L-assistenza reċiproka tista’ tinvolvi wkoll skambju u ssekondar ta’ persunal, attivitajiet ta’ taħriġ u skambji tal-aħjar prattiki. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) biex tippromwovi riformi mmirati lejn it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

    (17)

    Minħabba r-rwol importanti tar-rieżamijiet tematiċi fis-superviżjoni tal-AML/CFT fl-Unjoni, billi dawn jippermettu il-livell ta’ esponiment għar-riskji fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu taħt superviżjoni li jiġu identifikati u mqabbla, u minħabba li, attwalment, is-superviżuri fi Stati Membri differenti ma jibbenefikawx minn dawk ir-rieżamijiet, huwa neċessarju li l-Awtorità tidentifika rieżamijiet tematiċi nazzjonali li jkollhom ambitu u perjodu ta’ żmien simili u tiżgura l-koordinazzjoni tagħhom fil-livell tal-Unjoni. Biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ komunikazzjonijiet possibbilment konfliġġenti mal-entitajiet taħt superviżjoni, ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Awtorità jenħtieġ li jkun limitat għall-interazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji rilevanti, u jenħtieġ li ma jinkludi l-ebda interazzjoni diretta ma’ entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula. Għall-istess raġuni, l-Awtorità jenħtieġ li tesplora l-possibbiltà li tallinja jew tissinkronizza l-perjodu ta’ żmien tar-rieżamijiet tematiċi nazzjonali u tiffaċilita kwalunkwe attività li l-awtoritajiet superviżorji rilevanti jistgħu jkunu jixtiequ jwettqu, kemm jekk b’mod konġunt jew mod ieħor.

    (18)

    L-użu effiċjenti tad-data jwassal għal monitoraġġ u konformità aħjar tal-entitajiet marbuta b’obbligu. Għalhekk, kemm is-superviżjoni diretta kif ukoll dik indiretta mill-Awtorità u mill-awtoritajiet superviżorji tal-entitajiet kollha marbutin b’obbligu fis-sistema superviżorja fil-qasam tal-AML/CFT jenħtieġ li jibbażaw fuq aċċess espedjenti għad-data u l-informazzjoni rilevanti dwar l-entitajiet marbuta b’obbligu nfushom u l-azzjonijiet u l-miżuri superviżorji meħuda dwarhom, soġġetti għal perjodi ta’ żamma limitati f’konformità mal-qafas ta’ protezzjoni tad-data applikabbli. Għal dak il-għan, u b’kunsiderazzjoni tan-natura kunfidenzjali u sensittiva tal-informazzjoni, l-Awtorità jenħtieġ li tistabbilixxi bażi tad-data ċentrali dwar l-AML/CFT bl-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet superviżorji kollha, u jenħtieġ li tali informazzjoni ssir disponibbli lil kwalunkwe awtorità superviżorja u lil kwalunkwe awtorità mhux tal-AML/CFT fis-sistema fejn ikun neċessarju, fuq bażi kunfidenzjali u ta’ ħtieġa ta’ tagħrif. Din id-data miġbura jenħtieġ li tkopri wkoll l-aspetti rilevanti tal-irtirar tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u l-valutazzjonijiet “tal-kompetenza u l-idoneità” tal-azzjonisti jew tal-membri tal-korp maniġerjali ta’ entitajiet marbuta b’obbligu individwali billi dan jippermetti lill-awtoritajiet superviżorji u lill-awtoritajiet mhux tal-AML/CFT jikkunsidraw b’mod xieraq in-nuqqasijiet possibbli ta’ entitajiet u individwi speċifiċi li setgħu seħħew fi Stati Membri oħra. Il-bażi tad-data jenħtieġ li tinkludi wkoll informazzjoni statistika dwar awtoritajiet superviżorji u FIUs. Id-data u l-informazzjoni kollha miġbura se jippermettu sorveljanza effettiva mill-Awtorità tal-funzjonament xieraq u l-effettività tas-sistema superviżorja tal-AML/CFT. L-informazzjoni mill-bażi tad-data tippermetti lill-Awtorità tirreaġixxi fil-ħin għal dgħufijiet potenzjali u każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità minn entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula. Sabiex jiġi żgurat li l-bażi tad-data jkun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tkun disponibbli fis-sistema superviżorja tal-AML/CFT, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom il-flessibbiltà li jissottomettu kategoriji oħra ta’ data minbarra dawk previsti direttament minn dan ir-Regolament. Bl-istess mod, l-Awtorità, filwaqt li timmaniġġja l-bażi tad-data u tanalizza d-data sottomessa, tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tidentifika liema punti ta’ data jew kategoriji ta’ data addizzjonali jistgħu jintalbu mill-awtoritajiet superviżorji biex tissaħħaħ l-effettività tal-bażi tad-data. Sabiex tassisti fil-kompilazzjoni, il-ħżin u l-użu ta’ sett tad-data koerenti u strutturat, huwa neċessarju li jiġu speċifikati aktar il-format, il-proċeduri, il-kronoloġiji u dettalji oħra rigward l-ambitu u n-natura tad-data li għandha tiġi trażmessa lill-bażi tad-data. Għal dak il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u tissottomettihom lill-Kummissjoni. L-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti fl-istandards tekniċi regolatorji jiddeterminaw il-livell xieraq ta’ dettall għal kategoriji speċifiċi ta’ informazzjoni mistennija li tiġi trażmessa fir-rigward tad-diversi tipi ta’ attivitajiet superviżorji jew kategoriji ta’ entitajiet marbuta b’obbligu. Id-data miġbura fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu tas-settur mhux finanzjarju jenħtieġ li tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-mandat tal-Awtorità fis-settur mhux finanzjarju. Barra minn hekk, meta jitqies li l-Awtorità tintroduċi sorveljanza fil-livell tal-Unjoni fis-settur mhux finanzjarju għall-ewwel darba, u li d-Direttiva (UE) 2024/1640 tirrikjedi aġġustamenti fil-qafas istituzzjonali nazzjonali għas-superviżjoni li jeħtieġ li jiġu trasposti, huwa meħtieġ li jiġi previst perjodu suffiċjenti biex titħejja l-integrazzjoni fil-bażi tad-data tal-informazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji fis-settur mhux finanzjarju. B’mod speċifiku, id-data tas-settur mhux finanzjarju għandha tiġi sottomessa fil-bażi tad-data sa erba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li hija sena wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2024/1640. Madankollu, l-awtoritajiet superviżorji fis-settur mhux finanzjarju jenħtieġ li jkunu jistgħu jissottomettu dik id-data fuq bażi volontarja qabel dik id-data. Id-data personali pproċessata fil-kuntest tal-bażi tad-data jenħtieġ li tinżamm għal perjodu massimu ta’ 10 snin wara d-data li fiha tinġabar mill-Awtorità. Tali perjodu ta’ żamma huwa strettament neċessarju u proporzjonat għall-finijiet tal-attivitajiet superviżorji mwettqa mill-Awtorità u mill-awtoritajiet superviżorji. It-tul tal-perjodu ta’ żamma tad-data jiżgura wkoll li l-Awtorità u l-awtoritajiet superviżorji jżommu aċċess għall-informazzjoni neċessarja relatata mal-valutazzjoni tar-riskju, mal-attivitajiet tal-operat, mal-kontrolli fil-post u mal-ksur tal-entitajiet individwali marbuta b’obbligu bil-għan li jwettqu dmirijiethom, li jirrikjedihom l-aċċess għall-informazzjoni relatata mal-każijiet għal perjodu itwal. Tali perjodu ta’ żamma huwa partikolarment neċessarju billi l-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jqisu, fost fatturi oħra, il-gravità, it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tal-ksur biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ sanzjonijiet jew miżuri li għandhom jiġu applikati, li jirrikjedi informazzjoni relatata mal-każijiet li għandha tiġi analizzata matul perjodu itwal ta’ referenza. Bl-istess mod, tali perjodu ta’ żamma tad-data huwa neċessarju wkoll fir-rigward tal-informazzjoni li tirriżulta mill-valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità tal-azzjonisti jew tal-membri tal-korp maniġerjali bil-għan li jiġi żgurat li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom biżżejjed informazzjoni biex jivvalutaw jekk għandhomx reputazzjoni tajba, jaġixxux b’onestà u b’integrità, u humiex fil-pussess ta’ konoxxenzi u għarfien espert neċessarji biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, u biex jiżguraw il-monitoraġġ kostanti ta’ dawk il-kundizzjonijiet kif meħtieġ mid-Direttiva tal-UE 2024/1640. Id-data personali jenħtieġ li titħassar meta ma jkunx aktar neċessarju li tinżamm. Fid-dawl tal-għan tal-bażi tad-data u l-użu tal-informazzjoni li tinsab fiha mid-diversi parteċipanti tas-sistema superviżorja tal-AML/CFT, jenħtieġ li ma jkun fiha l-ebda data koperta mill-privileġġ legali.

    (19)

    Bl-objettiv li tiġi żgurata protezzjoni aktar effettiva u anqas frammentata tal-qafas finanzjarju tal-Unjoni, għadd limitat tal-entitajiet marbuta b’obbligu l-aktar riskjużi jenħtieġ li jkunu taħt superviżjoni diretta mill-Awtorità. Billi r-riskji tal-ML/TF ma humiex proporzjonali għad-daqs tal-entitajiet taħt superviżjoni, jenħtieġ li jiġu applikati kriterji oħra biex jiġu identifikati l-entitajiet l-aktar riskjużi. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati żewġ kategoriji: l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji transfruntiera ta’ riskju għoli b’attività f’għadd sinifikanti ta’ Stati Membri, magħżula perjodikament; u, f’każijiet eċċezzjonali, kwalunkwe entità li l-ksur materjali tar-rekwiżiti applikabbli tagħha ma jkunx indirizzat b’mod suffiċjenti jew f’waqtu mis-superviżur nazzjonali tagħha. F’każijiet eċċezzjonali bħal dawn, jew l-Awtorità jew is-superviżuri finanzjarji jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu trasferiment tas-superviżjoni mil-livell nazzjonali għal dak tal-Unjoni, b’ġustifikazzjoni xierqa. Meta tali talbiet għal trasferiment jiġu sottomessi mill-Awtorità, dawn jenħtieġ li jiġu eżaminati mill-Kummissjoni u jew approvati jew miċħuda permezz ta’ deċiżjoni uffiċjali, filwaqt li titqies il-ġustifikazzjoni sottomessa. Meta tali talbiet għal trasferiment jiġu sottomessi mis-superviżuri finanzjarji lill-Awtorità u jinvolvu d-delega volontarja tal-kompiti u s-setgħat, jenħtieġ li tkun l-Awtorità li tiddeċiedi dwar in-neċessità tat-trasferiment, u tassumi s-superviżjoni diretta tal-entità marbuta b’obbligu jew tal-grupp inkwistjoni meta ssib li l-interessi tal-Unjoni u l-integrità tas-sistema AML/CFT jirrikjedu dan. L-entitajiet kollha li fir-rigward tagħhom l-Awtorità tkun qed teżerċita setgħat superviżorji diretti jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “entitajiet marbuta b’obbligu magħżula”.

    (20)

    L-ewwel kategorija ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, jew gruppi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, jenħtieġ li jiġu vvalutati kull tliet snin, abbażi ta’ kombinament ta’ kriterji oġġettivi relatati mal-preżenza u l-attività transfruntiera tagħhom, u kriterji relatati mal-profil tar-riskju tagħhom tal-ML/TF. Istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji, jew gruppi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji biss li huma preżenti f’għadd sinifikanti ta’ Stati Membri, irrispettivament minn jekk joperawx permezz ta’ stabbilimenti jew taħt il-libertà li jipprovdu servizzi fl-Istati Membri, u li għalihom is-superviżjoni fil-livell tal-Unjoni tkun għalhekk aktar adegwata jenħtieġ li jiġu inklużi fil-proċess ta’ għażla.

    (21)

    Il-valutazzjoni perjodika tal-profil tar-riskju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji għall-fini tal-għażla għal superviżjoni diretta jenħtieġ li tiddependi fuq data li għandha tiġi pprovduta mis-superviżuri finanzjarji jew, fir-rigward ta’ entitajiet marbuta b’obbligu diġà magħżula, mill-Awtorità. Barra minn hekk, l-Awtorità jenħtieġ li tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-metodoloġija mis-superviżuri finanzjarji u tikkoordina l-valutazzjoni tal-profil tar-riskju tal-entitajiet fil-grupp kollu. Standard tekniku ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jispeċifika r-rwoli rispettivi tal-Awtorità u tas-superviżuri finanzjarji fil-proċess ta’ valutazzjoni. L-Awtorità jenħtieġ li tiżgura l-allinjament, fejn xieraq, bejn il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-profil tar-riskju għall-fini tal-proċess ta’ għażla skont dan ir-Regolament, u l-metodoloġija għall-armonizzazzjoni tal-valutazzjoni tal-profili tar-riskju inerenti u residwi tal-entitajiet marbuta b’obbligu fil-livell nazzjonali li għandhom jiġu żviluppati fl-istandards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva (UE) 2024/1640.

    (22)

    Minħabba d-diversità wiesgħa eżistenti ta’ approċċi adottati mill-awtoritajiet nazzjonali għall-evalwazzjoni tal-profil tar-riskju residwu tal-entitajiet marbuta b’obbligu, il-proċess tal-iżvilupp regolatorju ta’ metodoloġija armonizzata rfinuta u dettaljata li tippermetti l-valutazzjoni tar-riskju residwu b’eżiti komparabbli qed jevolvi u jenħtieġ li jinbeda abbażi tal-ħidma mwettqa mill-EBA mill-aktar fis possibbli. Għalhekk, il-metodoloġija għall-kategorizzazzjoni tar-riskju residwu li għandha tiġi adottata għall-ewwel identifikazzjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula jenħtieġ li timmira li tkun aktar sempliċi u li tarmonizza l-approċċi differenti applikati fil-livell nazzjonali. L-Awtorità jenħtieġ li tirrieżamina l-metodoloġija tagħha kull tliet snin, b’kunsiderazzjoni tal-evoluzzjoni tat-tagħrif rilevanti.

    (23)

    Il-kriterju finali tal-għażla jenħtieġ li jiżgura kundizzjonijiet ekwi fost l-entitajiet marbuta b’obbligu taħt superviżjoni diretta, u għal dak il-għan, jenħtieġ li ma titħalla l-ebda diskrezzjoni f’idejn l-Awtorità jew l-awtoritajiet superviżorji fid-deċiżjoni dwar il-lista ta’ entitajiet marbuta b’obbligu jeħtieġ li jkunu soġġetti għal superviżjoni diretta. Għalhekk, meta entità marbuta b’obbligu vvalutata partikolari topera b’mod transfruntier u taqa’ fil-kategorija ta’ riskju għoli skont il-metodoloġija armonizzata, din jenħtieġ li tikkwalifika bħala entità marbuta b’obbligu magħżula.

    (24)

    Biex tipprovdi trasparenza u ċarezza lill-istituzzjonijiet rilevanti, l-Awtorità jenħtieġ li tippubblika lista tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula fi żmien sitt xhur mill-bidu ta’ sessjoni ta’ għażla, wara li tivverifika l-informazzjoni pprovduta mis-superviżuri finanzjarji tikkorrispondi mal-kriterji tal-attivitajiet transfruntiera u l-metodoloġija tal-profil tar-riskju. Għalhekk huwa importanti li fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ għażla, is-superviżuri finanzjarji rilevanti u, jekk meħtieġ, l-entitajiet marbuta b’obbligu nnifishom, jipprovdu lill-Awtorità informazzjoni statistika aġġornata biex tiddetermina l-lista ta’ istituzzjonijiet finanzjarji eliġibbli għall-valutazzjoni f’konformità mal-kriterji tad-dħul fil-valutazzjoni relatati mal-operazzjonijiet transfruntiera tagħhom. F’dan il-kuntest, is-superviżuri finanzjarji jenħtieġ li jinfurmaw lill-Awtorità dwar il-kategorija tal-profil tar-riskju inerenti li istituzzjoni finanzjarja taqa’ fiha fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-istandards tekniċi regolatorji. L-Awtorità jenħtieġ li mbagħad tibda s-superviżjoni diretta tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tal-lista. Dak iż-żmien huwa meħtieġ biex jitħejja b’mod xieraq it-trasferiment tal-kompiti superviżorji mil-livell nazzjonali għal dak tal-Unjoni, inkluża l-formazzjoni ta’ tim superviżorju konġunt u l-adozzjoni ta’ kwalunkwe arranġament ta’ ħidma rilevanti mas-superviżuri finanzjarji rilevanti.

    (25)

    Biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi fost l-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, kwalunkwe entità marbuta b’obbligu magħżula jenħtieġ li tibqa’ taħt is-superviżjoni diretta tal-Awtorità għal mill-anqas tliet snin, anki jekk, wara l-mument tal-għażla u matul dawk it-tliet snin, l-entità marbuta b’obbligu magħżula ma tibqax tissodisfa xi wieħed mill-kriterji tal-attività transfruntiera jew il-kriterji relatati mar-riskju minħabba, pereżempju, il-waqfien, il-konsolidazzjoni, l-espansjoni jew ir-riallokazzjoni potenzjali ta’ attivitajiet imwettqa permezz ta’ stabbilimenti jew fl-ambitu tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-Awtorità jenħtieġ li tiżgura wkoll li jiġi allokat żmien suffiċjenti għat-tħejjija mill-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula u mill-awtoritajiet superviżorji tagħhom għat-trasferiment tas-superviżjoni mil-livell nazzjonali għal dak tal-Unjoni. Għalhekk, kull għażla sussegwenti jenħtieġ li tibda 12-il xahar qabel id-data tat-tmiem tal-perjodu ta’ tliet snin ta’ superviżjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula qabel.

    (26)

    L-awtorità jenħtieġ li tissorvelja l-entitajiet marbuta b’obbligu fis-settur finanzjarju li jkollhom profil ta’ riskju għoli meta tali entitajiet joperaw f’mill-anqas sitt Stati Membri kemm jekk permezz ta’ stabbilimenti kif ukoll jekk taħt il-libertà li jipprovdu servizzi fl-Unjoni. F’każijiet bħal dawn, is-superviżjoni fil-livell tal-Unjoni mill-Awtorità ġġib valur miżjud sinifikanti meta mqabbla mas-superviżjoni frammentata bejn l-Istati Membri domiċiljari u dawk ospitanti billi telimina l-ħtieġa li s-superviżuri nazzjonali tal-Istati Membri domiċiljari u dawk ospitanti jikkoordinaw u jallinjaw il-miżuri meħuda fir-rigward ta’ diversi partijiet tal-istess grupp. Sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni omoġenja tal-gruppi u analiżi aktar granulari tar-riskju tal-entitajiet transfruntiera vvalutati, il-valutazzjoni tar-riskju tal-ML/TF tal-entitajiet marbuta b’obbligu li huma parti minn grupp jenħtieġ li dejjem issir fil-livell tal-grupp, li jirriżulta f’punteġġ tar-riskju uniku għall-grupp kollu li għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-għażla. Il-grupp kollu jenħtieġ li mbagħad jiġi kkunsidrat bħala l-entità marbuta b’obbligu magħżula. Filwaqt li l-għadd eżatt ta’ entitajiet li jistgħu jissodisfaw il-kriterji tar-riskju u tal-attivitajiet transfruntiera għas-superviżjoni diretta jvarja u jiddependi fuq il-mudell tan-negozju tagħhom u l-profil tar-riskju tal-ħasil tal-flus fil-mument tal-valutazzjoni, huwa meħtieġ li tiġi żgurata ripartizzjoni ottimali, progressiva u dinamika tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali fl-ewwel fażi tal-eżistenza tal-Awtorità. Sabiex jiġu żgurati għadd suffiċjenti u firxa adegwata ta’ tipi ta’ gruppi u entitajiet b’riskju għoli li huma taħt superviżjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Awtorità jenħtieġ li jkollha biżżejjed riżorsi biex ikollha taħt superviżjoni simultanjament sa 40 grupp u entità, mill-anqas matul fl-ewwel proċess tal-għażla. F’każ li aktar minn 40 entità jikkwalifikaw għal superviżjoni diretta abbażi tal-profil tar-riskju għoli tagħhom, l-Awtorità jenħtieġ li tagħżel minn fosthom l-40 entità li joperaw, kemm jekk permezz tal-istabbiliment jew fl-ambitu tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fl-ogħla għadd ta’ Stati Membri. F’każ li dan il-kriterju ma jkunx biżżejjed biex jintgħażlu 40 entità, b’mod partikolari fejn diversi entitajiet marbuta b’obbligu joperaw fl-istess għadd ta’ Stati Membri – pereżempju, l-entitajiet numru 39, 40 u 41 joperaw kollha fl-istess għadd ta’ Stati Membri – l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tiddistingwi bejniethom u jenħtieġ li tagħżel dawk li għandhom l-ogħla proporzjon ta’ volum ta’ tranżazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi għall-volum totali tagħhom ta’ tranżazzjonijiet. Fi proċessi tal-għażla sussegwenti, u abbażi tal-esperjenza bis-superviżjoni miksuba matul l-ewwel proċess tal-għażla, ikun ta’ benefiċċju għall-għadd ta’ entitajiet taħt is-superviżjoni tagħha li jiżdied u wkoll għall-Awtorità li tiżgura kopertura sħiħa tas-suq intern taħt is-superviżjoni tagħha. Għal dak il-għan, f’każ li aktar minn 40 entità jikkwalifikaw għal superviżjoni diretta abbażi tal-profil tar-riskju għoli tagħhom, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji, taqbel li tissorvelja għadd differenti speċifiku ta’ entitajiet jew gruppi li jkun akbar minn 40. Meta tiddeċiedi dwar dak l-għadd speċifiku, l-Awtorità jenħtieġ li tqis ir-riżorsi proprji tagħha f’termini tal-kapaċità tagħha li talloka jew addizjonalment timpjega l-għadd meħtieġ ta’ persunal superviżorju u ta’ appoġġ u jenħtieġ li tiżgura li ż-żieda fir-riżorsi finanzjarji u umani tkun fattibbli. Fl-istess ħin, il-kopertura sħiħa tas-suq intern tista’ tiġi żgurata permezz tas-superviżjoni ta’ mill-anqas entità waħda għal kull Stat Membru. Fl-Istati Membri fejn ma tiġi identifikata l-ebda entità wara l-proċess tal-għażla regolari, jenħtieġ li tiġi applikata l-metodoloġija tar-riskju mfassla għall-proċess ta’ għażla, inklużi l-kriterji għall-għażla bejn diversi entitajiet bi profil ta’ riskju għoli, sabiex tintgħażel entità waħda.

    (27)

    L-atturi rilevanti involuti fl-applikazzjoni tal-qafas tal-AML/CFT jenħtieġ li jikkooperaw ma’ xulxin f’konformità mad-dmir ta’ kooperazzjoni leali minqux fit-Trattati. Sabiex jiġi żgurat li s-sistema superviżorja tal-AML/CFT magħmula mill-Awtorità u l-awtoritajiet superviżorji tiffunzjona bħala mekkaniżmu integrat, u li r-riskji speċifiċi għall-ġuriżdizzjoni u l-għarfien espert superviżorju lokali jitqiesu b’mod xieraq u jintużaw tajjeb, is-superviżjoni diretta tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula jenħtieġ li sseħħ fil-forma ta’ timijiet superviżorji konġunti u, fejn ikun xieraq, tiddedika timijiet dedikati ta’ spezzjoni fuq il-post. Dawn it-timijiet jenħtieġ li jitmexxew minn membru tal-persunal tal-Awtorità li jikkoordina l-attivitajiet superviżorji kollha tat-tim (“koordinatur tat-TSK”). Il-koordinatur tat-TSK u membri oħra tal-persunal tal-Awtorità allokati lit-tim superviżorju konġunt jenħtieġ li jkunu bbażati fis-sede tal-Awtorità iżda jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti u l-attivitajiet superviżorji tagħhom ta’ kuljum fi kwalunkwe Stat Membru fejn l-entità marbuta b’obbligu magħżula jkollha l-operazzjonijiet tagħha. Għal dak il-għan, jenħtieġ li s-superviżuri finanzjarji jassistu fl-iżgurar ta’ arranġamenti tax-xogħol bla xkiel u flessibbli għall-membri kollha tat-tim superviżorju konġunt. L-Awtorità jenħtieġ li tkun responsabbli mill-istabbiliment u l-kompożizzjoni tat-tim superviżorju konġunt, u s-superviżuri lokali involuti fis-superviżjoni tal-entità jenħtieġ li jiżguraw li jinħatru għadd suffiċjenti ta’ membri tal-persunal tagħhom fit-tim, b’kont meħud tal-profil tar-riskju tal-entità magħżula fil-ġuriżdizzjoni tagħhom, kif ukoll fil-volum globali tal-attività tagħha. Kull superviżur involut fis-superviżjoni ta’ grupp għandu jaħtar membru għat-tim superviżorju konġunt. Madankollu, f’każijiet fejn ir-riskju tal-attivitajiet tal-entità marbuta b’obbligu jkun baxx fi Stat Membru partikolari, jenħtieġ li s-superviżur finanzjarju f’dak l-Istat Membru jkun jista’ jagħżel, bi qbil mal-koordinatur tat-TSK, li ma jaħtarx membru għat-tim superviżorju konġunt. Meta ma jinħatar l-ebda membru għat-tim superviżorju konġunt, jenħtieġ li s-superviżur finanzjarju rilevanti xorta jkollu punt ta’ kuntatt għal kwalunkwe kwistjoni u responsabbiltà tat-tim superviżorju konġunt.

    (28)

    Biex jiġi żgurat li l-Awtorità tkun tista’ tissodisfa l-obbligi superviżorji tagħha b’mod effiċjenti fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tikseb kwalunkwe dokument intern u informazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħha u għal dak il-għan ikollha setgħat ta’ investigazzjoni ġenerali mogħtija lill-awtoritajiet superviżorji kollha skont il-liġi amministrattiva nazzjonali. Għal dak il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tindirizza talbiet għal informazzjoni lill-entità marbuta b’obbligu magħżula, lill-persuni fiżiċi impjegati minnha, lill-persuni ġuridiċi li jappartjenu għaliha u lill-partijiet ikkuntrattati minnha, bħal: l-entità marbuta b’obbligu nnifisha jew kwalunkwe persuna ġuridika fl-entità marbuta b’obbligu; impjegati tal-entità marbuta b’obbligu u persuni f’pożizzjonijiet komparabbli, inklużi aġenti u distributuri; kuntratturi esterni; u partijiet terzi li lilhom entità marbuta b’obbligu magħżula tkun esternalizzat l-attivitajiet tagħha.

    (29)

    L-Awtorità jenħtieġ li jkollha s-setgħa li tirrikjedi azzjonijiet, interni għall-entità, biex issaħħaħ il-konformità tal-entitajiet marbuta b’obbligu mal-qafas tal-AML/CFT, inkluż it-tisħiħ tal-proċeduri interni u l-bidliet fl-istruttura ta’ governanza, sat-tneħħija tal-membri tal-korp maniġerjali, mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta’ awtoritajiet superviżorji rilevanti oħra tal-istess entità marbuta b’obbligu magħżula. Wara s-sejbiet relatati man-nuqqas ta’ konformità jew il-konformità parzjali mar-rekwiżiti applikabbli mill-entità marbuta b’obbligu magħżula, hija jenħtieġ li tkun tista’ timponi miżuri jew proċeduri speċifiċi għal klijenti jew kategoriji ta’ klijenti partikolari li jippreżentaw riskji għoljin tal-ML/TF. Il-verifiki fuq il-post jenħtieġ li jkunu karatteristika regolari ta’ tali superviżjoni u jistgħu jitwettqu minn timijiet iddedikati. Jekk tip speċifiku ta’ spezzjoni fuq il-post, pereżempju fir-rigward ta’ persuna fiżika meta l-bini tan-negozju jkun l-itess bħar-residenza privata tal-persuna, ikun jeħtieġ awtorizzazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali, din l-awtorizzazzjoni jenħtieġ li ssir applikazzjoni għaliha mill-Awtorità.

    (30)

    L-Awtorità jenħtieġ li jkollha firxa sħiħa ta’ setgħat superviżorji fir-rigward tal-entitajiet taħt superviżjoni diretta sabiex tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli. Dawk is-setgħat jenħtieġ li japplikaw f’każijiet fejn l-entità marbuta b’obbligu magħżula ma tissodisfax ir-rekwiżiti tagħha, f’każijiet fejn ċerti rekwiżiti ma jkunux probabbli li jiġu ssodisfati, kif ukoll f’każijiet fejn il-proċeduri u l-kontrolli interni ma jkunux xierqa biex tiġi żgurata ġestjoni tajba tar-riskji ta’ ML/TF tal-entità marbuta b’obbligu magħżula. L-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat jista’ jsir permezz ta’ deċiżjonijiet vinkolanti indirizzati lil entitajiet marbuta b’obbligu magħżula individwalment.

    (31)

    Minbarra s-setgħat superviżorji li japplikaw miżuri amministrattivi, u sabiex tiġi żgurata l-konformità, fi kwalunkwe każ ta’ ksur materjali tar-rekwiżiti direttament applikabbli, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ timponi sanzjonijiet pekunarji fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula. Għal ksur serju, ripetut jew sistematiku, l-Awtorità jenħtieġ li dejjem tapplika sanzjonijiet pekunarji. Dawn is-sanzjonijiet jenħtieġ li jkunu proporzjonati u dissważivi, jenħtieġ li jkollhom effett kemm punittiv kif ukoll ta’ deterrent, u jenħtieġ li jikkonformaw mal-prinċipju ta’ ne bis in idem. L-ammonti massimi tas-sanzjonijiet pekunarji jenħtieġ li jkunu konformi ma’ dawk stabbiliti mid-Direttiva (UE) .2024/1640 u disponibbli għall-awtoritajiet superviżorji kollha fl-Unjoni. L-ammonti bażiċi ta’ dawk is-sanzjonijiet jenħtieġ li jiġu ddeterminati fil-limiti stabbiliti mill-qafas tal-AML/CFT, b’kunsiderazzjoni tan-natura tar-rekwiżiti li jkunu nkisru. Sabiex l-Awtorità tikkunsidra b’mod adegwat il-fatturi aggravanti jew mitiganti, jenħtieġ li jkunu possibbli aġġustamenti għall-ammont bażiku rilevanti. Bl-objettiv li jinkiseb tmiem f’waqtu fil-prattika kummerċjali dannuża, il-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità jenħtieġ li jkollu s-setgħa li jimponi pagamenti perjodiċi ta’ penali biex iġiegħel lill-persuna ġuridika jew fiżika rilevanti twaqqaf l-imġiba rilevanti. Bil-għan li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu kollha, billi jiġu mħeġġa jadottaw prattiki kummerċjali f’konformità mal-qafas tal-AML/CFT, is-sanzjonijiet pekunarji u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali jenħtieġ li jiġu ddivulgati. Ir-reġim ta’ divulgazzjoni għall-miżuri amministrattivi kif ukoll is-sanzjonijiet pekunarji u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti mill-Awtorità u spjegati fid-dettall f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu allinjati mill-qrib ma’ dak fil-livell nazzjonali, kif previst mid-Direttiva (UE) 2024/1640. Il-Qorti tal-Ġustizzja jenħtieġ li jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tirrieżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Awtorità, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 263 tat-TFUE, kif ukoll biex tiġi determinata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom.

    (32)

    Huwa importanti li l-awtoritajiet inkarigati mis-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati fil-livell nazzjonali jiġu infurmati fil-ħin dwar kwalunkwe ksur ta’ tali obbligu minn entitajiet marbuta b’obbligu magħżula. Għal dak il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tikkondividi tali informazzjoni mas-superviżur finanzjarju fl-Istat Membru rilevanti u tagħtih istruzzjonijiet biex jgħaddi tali informazzjoni lill-awtorità nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta’ dawk is-sanzjonijiet.

    (33)

    Għall-entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula, is-superviżjoni tal-AML/CFT għandha tibqa’ primarjament fil-livell nazzjonali, bl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jżommu r-responsabbiltà u l-obbligu ta’ rendikont sħaħ għas-superviżjoni diretta. L-Awtorità jenħtieġ li tingħata setgħat superviżorji indiretti adegwati biex tiżgura li l-azzjonijiet superviżorji fil-livell nazzjonali jkunu konsistenti u ta’ kwalità għolja madwar l-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li twettaq valutazzjonijiet tal-istat ta’ konverġenza superviżorja u tippubblika rapporti bis-sejbiet tagħha. Hija jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta miżuri ta’ segwitu fil-forma ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet, inklużi rakkomandazzjonijiet individwali indirizzati lis-superviżuri finanzjajri bħala riżultat tal-valutazzjoni, bil-għan li jiġu żgurati prattiki superviżorji armonizzati u ta’ livell għoli madwar l-Unjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet individwali jista’ jkun fihom suġġerimenti ta’ miżuri speċifiċi ta’ segwitu u s-superviżur finanzjarju għandu jagħmel kull sforz biex jikkonforma ma’ dawk il-miżuri. Meta superviżur finanzjarju ma jimplimentax il-miżuri ta’ segwitu, l-Awtorità jenħtieġ li tieħu l-passi adegwati u meħtieġa f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

    (34)

    L-awtorità jenħtieġ li tkun tista’ ssolvi wkoll nuqqas ta’ qbil bejn is-superviżuri finanzjarji dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ entità marbuta b’obbligu mhux magħżula fis-settur finanzjarju. Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni kostruttiva, l-Awtorità għandha l-ewwel nett tipprova ssolvi n-nuqqas ta’ qbil permezz ta’ fażi ta’ konċiljazzjoni b’limitu ta’ żmien stabbilit. F’każ li l-fażi ta’ konċiljazzjoni ma tiksibx ir-riżultati mixtieqa, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tadotta deċiżjoni vinkolanti li teħtieġ lil dawk is-superviżuri jieħdu azzjoni speċifika jew ma jiħdux ċerta azzjoni, sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni u tiġi żgurata konformità mal-liġi tal-Unjoni.

    (35)

    Għall-finijiet tas-salvagwardja tal-funzjonament xieraq u tal-effettività tas-sistema superviżorja tal-AML/CFT, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tidentifika u taġixxi f’każijiet ta’ nuqqasijiet sistematiċi ta’ superviżjoni kkawżati minn ksur tal-liġi tal-Unjoni li jirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni jew l-applikazzjoni mhux xierqa tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-direttivi tal-Unjoni. Għal dak il-għan, u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni li tniedi proċedura ta’ ksur skont it-TFUE, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tinvestiga tali ksur possibbli. Fejn l-Awtorità tkun stabbiliet ksur, wara li tkun infurmat lis-superviżur ikkonċernat u, fejn xieraq, tagħti lis-superviżuri finanzjarji l-oħra l-opportunità li jipprovdu informazzjoni dwar il-kwistjoni, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’, jekk tqis li jkun xieraq, toħroġ rakkomandazzjoni lis-superviżur inkwistjoni, li tiddeskrivi l-miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġi rettifikat il-ksur. Meta n-nuqqasijiet identifikati ma jkunux ġew rimedjati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ wkoll toħroġ opinjoni li tirrikjedi li s-superviżur jikkonforma mar-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Awtorità.

    (36)

    Ċerti entitajiet marbuta b’obbligu fis-settur finanzjarju li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għal għażla regolari xorta jista’ jkollhom profil inerenti għoli jew tar-riskju residwu mill-perspettiva tal-ML/TF, jew jistgħu jieħdu f’idejhom, ibiddlu jew jespandu attivitajiet li jinvolvu riskju għoli, li ma jkunux mitigati b’livell proporzjonat ta’ kontrolli interni, u b’hekk iwasslu għal ksur serju, ripetut jew sistematiku tar-rekwiżiti tal-AML/CFT tagħhom. Jekk ikun hemm indikazzjonijiet ta’ ksur serju, ripetut jew sistematiku possibbli tar-rekwiżiti applikabbli tal-AML/CFT, dawn jistgħu jkunu sinjal ta’ negliġenza serja min-naħa tal-entità marbuta b’obbligu. L-awtorità superviżorja jenħtieġ li tkun tista’ tirrispondi b’mod adegwat għal kwalunkwe ksur possibbli u tipprevjeni r-riskji milli jimaterjalizzaw u jwasslu għal negliġenza serja fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-AML/CFT. Madankollu, f’ċerti każijiet, rispons fil-livell nazzjonali jista’ ma jkunx suffiċjenti jew f’waqtu, speċjalment meta jkun hemm indikazzjonijiet li diġà seħħ ksur serju, ripetut jew sistematiku fil-livell tal-entità. F’dawk il-każijiet, l-Awtorità jenħtieġ li titlob lis-superviżur lokali jieħu miżuri speċifiċi biex jirrimedja s-sitwazzjoni, inkluż li jitlob li jinħarġu sanzjonijiet finanzjarji jew miżuri koerċittivi oħra. Biex jiġi evitat li r-riskji tal-ML/TF jimmaterjalizzaw, l-iskadenza għall-azzjoni fil-livell nazzjonali jenħtieġ li tkun qasira b’mod suffiċjenti.

    (37)

    L-Awtorità jenħtieġ li tiġi notifikata meta s-sitwazzjoni ta’ entità marbuta b’obbligu mhux magħżula fir-rigward tal-konformità tagħha mar-rekwiżiti applikabbli u l-iskopertura tagħha għar-riskji tal-ML/TF tiddeterjora malajr u b’mod sinifikanti, speċjalment meta tali deterjorament jista’ jwassal għal dannu sinifikanti għar-reputazzjoni ta’ diversi Stati Membri jew tal-Unjoni kollha kemm hi.

    (38)

    L-Awtorità jenħtieġ li jkollha l-opportunità li titlob it-trasferiment tal-kompiti u s-setgħat superviżorji relatati ma’ entità marbuta b’obbligu speċifika fuq inizjattiva proprja tagħha fil-każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni, jew nuqqas jew inabbiltà jew nuqqas ta’ segwitu għall-istruzzjonijiet tagħha sal-iskadenza pprovduta. Billi t-trasferiment tal-kompiti u tas-setgħat relatati ma’ entità marbuta b’obbligu mingħajr talba speċifika indirizzata lill-Awtorità mis-superviżur finanzjarju jkun jeħtieġ deċiżjoni diskrezzjonali min-naħa tal-Awtorità, l-Awtorità jenħtieġ li tindirizza talba speċifika għal dak il-għan lill-Kummissjoni. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni koerenti mal-qafas tal-kompiti allokati lill-Awtorità fil-qafas tal-AML/CFT, it-talba tal-Awtorità jenħtieġ li tinkludi ġustifikazzjoni xierqa, u jenħtieġ li tispeċifika durata preċiża tar-riallokazzjoni tal-kompiti u s-setgħat lejn l-Awtorità. Il-perjodu ta’ żmien għar-riallokazzjoni tas-setgħat jenħtieġ li jikkorrispondi għaż-żmien li l-Awtorità tkun teħtieġ biex tittratta r-riskji fil-livell tal-entità, u jenħtieġ li ma jaqbiżx it-tliet snin. L-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ titlob estensjoni ta’ dak il-perjodu ta’ żmien meta l-ksur identifikat ma jkunx ġie indirizzat bis-sħiħ. Jenħtieġ li dik l-estensjoni tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jiġi indirizzat dak il-ksur u ma taqbiżx it-tliet snin. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta deċiżjoni li tittrasferixxi s-setgħat u l-kompiti għas-superviżjoni tal-entità lill-Awtorità malajr, u fi kwalunkwe każ mingħajr dewmien żejjed. Dik id-deċiżjoni jenħtieġ li tiġi kkomunikata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (39)

    Sabiex jittejbu l-prattiki superviżorji fis-settur mhux finanzjarju, l-Awtorità jenħtieġ li twettaq evalwazzjonijiet bejn il-pari ta’ superviżuri mhux finanzjarji, li jenħtieġ li jinkludu wkoll evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet pubbliċi superviżorji li jissorveljaw il-korpi awtoregolatorji. Għal dak il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li tiżviluppa l-qafas metodoloġiku għal tali rieżamijiet, inklużi regoli biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari u fit-tfassil tas-sejbiet u fir-rigward tal-konsiderazzjoni li għandha tingħata lill-evalwazzjonijiet minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi intergovernattivi b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ML/TF, meta tiddeċiedi dwar l-ippjanar tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari u dwar il-kontenut tagħhom. Bl-għan li titrawwem il-konverġenza tal-prattiki superviżorji, l-Awtorità jenħtieġ li tippubblika rapporti b’sejbiet minn dawk l-evalwazzjonijiet bejn il-pari, inklużi n-nuqqasijiet u l-prattiki tajba identifikati. Dawk ir-rapporti jistgħu jkunu akkumpanjati minn linji gwida jew rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw il-korpi awtoregolatorji. Il-korpi awtoregolatorji jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw f’evalwazzjonijiet bejn il-pari meta jkunu esprimew interess li jagħmlu dan.

    (40)

    Bl-objettiv li tiżdied l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-AML/CFT anki fis-settur mhux finanzjarju, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tinvestiga wkoll il-ksur jew l-applikazzjoni ħażina possibbli tal-liġi tal-Unjoni mis-superviżuri f’dak is-settur, kif ukoll mill-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw il-korpi awtoregolatorji. Meta l-Awtorità tistabbilixxi li jeżisti ksur, jenħtieġ li tkun tista’ toħroġ rakkomandazzjoni fil-konfront tas-superviżur mhux finanzjarju jew tal-awtorità superviżorja kkonċernata li tispeċifika l-miżuri li għandhom jittieħdu biex dan jiġi rettifikat. Meta ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni xierqa b’reazzjoni għal dik ir-rakkomandazzjoni, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ wkoll toħroġ twissija lill-kontropartijiet rilevanti tal-awtorità superviżorja jew tas-superviżur mhux finanzjarju. Is-setgħat tal-Awtorità li toħroġ tali rakkomandazzjonijiet u twissijiet huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni li tniedi proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri meta ssib sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni jew implimentazzjoni ħażina tal-liġi tal-Unjoni, f’konformità mas-setgħat mogħtija lilha skont it-Trattati.

    (41)

    L-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ ssolvi wkoll nuqqas ta’ qbil bejn is-superviżuri mhux finanzjarji dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ entità marbuta b’obbligu fis-settur mhux finanzjarju. Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni kostruttiva, l-Awtorità jenħtieġ li tipprova ssolvi n-nuqqas ta’ qbil permezz ta’ fażi ta’ konċiljazzjoni b’limitu ta’ żmien stabbilit. Fl-aħħar tal-fażi ta’ konċiljazzjoni, l-Awtorità jenħtieġ li toħroġ opinjoni dwar kif għandu jiġi solvut in-nuqqas ta’ qbil.

    (42)

    Fid-dawl tan-natura transfruntiera tal-ML/TF, il-kooperazzjoni effettiva u effiċjenti, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-azzjoni koordinata bejn l-FIUs huma ta’ importanza kruċjali. Sabiex ittejjeb tali koordinazzjoni u kooperazzjoni, l-Awtorità jenħtieġ li tiġi fdata b’kompiti u setgħat li jippermettu lill-Awtorità u lill-FIUs jikkostitwixxu b’mod konġunt mekkaniżmu ta’ appoġġ u koordinazzjoni għall-FIUs. Għal dak il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li jkollha biżżejjed riżorsi umani, finanzjarji u tal-IT, li, fejn ikun neċessarju, jenħtieġ li jkunu separati mil-lat organizzattiv mill-persunal li jwettaq il-kompiti relatati mal-attivitajiet superviżorji tal-Awtorità. Is-suċċess tal-mekkaniżmu ta’ appoġġ u koordinazzjoni għall-FIUs jiddependi fuq li l-Awtorità u l-FIUs jikkooperaw in bona fede u jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex iwettqu l-kompiti rispettivi tagħhom. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-FIUs fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, l-Awtorità jenħtieġ li tiġi infurmata kif xieraq u jenħtieġ li tkun tista’ taġixxi bħala medjatur bejn l-FIUs rilevanti.

    (43)

    Sabiex tiġi analizzata attività suspettuża li taffettwa diversi ġuriżdizzjonijiet, l-FIUs li jkunu rċevew rapporti kollegati jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu b’mod effiċjenti analiżijiet konġunti ta’ każijiet ta’ interess komuni. Għal dan il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tipproponi, tibda, tikkoordina u tappoġġa bil-mezzi kollha xierqa l-analiżijiet konġunti ta’ tranżazzjonijiet jew attivitajiet suspettużi transfruntiera. Jenħtieġ li tiġi skattata analiżi konġunta meta jkun hemm ħtieġa għal waħda skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u f’konformità mal-metodi u l-kriterji għall-għażla u l-prijoritizzazzjoni tal-każijiet rilevanti għat-twettiq ta’ analiżijiet konġunti żviluppati mill-Awtorità. L-FIUs jenħtieġ li jagħmlu kull sforz biex jaċċettaw l-istedina tal-Awtorità biex jieħdu sehem f’analiżi konġunta. FIU li tirrifjuta li tieħu sehem f’analiżi konġunta jenħtieġ li tispjega r-raġunijiet għar-rifjut tagħha lill-Awtorità. Fejn ikun rilevanti, dawk ir-raġunijiet jenħtieġ li jiġu pprovduti lill-FIU li tkun identifikat il-ħtieġa għal analiżi konġunta. Bil-kunsens speċifiku tal-FIUs li jipparteċipaw fl-analiżi konġunta, il-persunal tal-Awtorità li jappoġġa t-twettiq ta’ analiżi konġunta jenħtieġ li jkun jista’ jingħata aċċess għad-data u l-informazzjoni kollha neċessarja, inklużi d-data u l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suġġett tal-każ.

    (44)

    L-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ titlob lill-FIUs jibdew analiżi konġunta f’ċirkostanzi speċifiċi, inkluż fejn l-informazzjoni tkun inġiebet għall-attenzjoni tal-Awtorità minn informaturi jew ġurnalisti investigattivi jew meta l-analiżi konġunta ta’ każijiet kumplessi u transfruntiera żżid il-valur. L-FIUs li jkunu ntalbu jipparteċipaw f’analiżi konġunta jenħtieġ li jwieġbu lill-Awtorità mingħajr dewmien billi jindikaw jekk humiex lesti li jipparteċipaw fl-analiżi konġunta u, jekk ma jkunux lesti li jipparteċipaw, jipprovdu r-raġunijiet tagħhom.

    (45)

    L-identifikazzjoni, fi stadju bikri, ta’ rabtiet mal-informazzjoni miżmuma minn korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni u minn partijiet terzi rilevanti hija kritika biex jiġi żgurat li jintgħażlu l-aktar każijiet transfruntiera rilevanti, inklużi dawk li jeħtieġu analiżi operazzjonali estensiva. F’dak ir-rigward, u soġġett għall-kunsens tal-FIUs kollha li jkunu indikaw ir-rieda tagħhom li jieħdu sehem f’analiżi konġunta, il-persunal tal-Awtorità jenħtieġ li jkun awtorizzat iqabbel, fuq bażi ta’ hit/no-hit, id-data ta’ dawk l-FIUs mal-informazzjoni magħmula disponibbli minn FIUs oħra u korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, inkluż il-Europol. L-Awtorità jenħtieġ li tiżgura li l-aktar teknoloġija avvanzata disponibbli, inklużi teknoloġiji li jtejbu l-privatezza, tintuża għall-finijiet ta’ tqabbil reċiproku ta’ informazzjoni fuq bażi ta’ hit/no-hit. Il-funzjonalità match tas-sistema FIU.net hija eżempju ta’ soluzzjoni li tippermetti lil FIU tistabbilixxi f’ħin reali jekk suġġett li d-data tiegħu tkun psewdonimizzata jkunx diġà magħruf mill-FIU ta’ pajjiż ieħor jew minn korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, li tevita l-ipproċessar mhux meħtieġ ta’ data personali. Fil-każ ta’ hit, l-Awtorità jenħtieġ li taqsam l-informazzjoni li ġġenerat hit mal-FIUs involuti fl-analiżi konġunta. F’dawk iċ-ċirkostanzi, l-Awtorità jenħtieġ li tikkondividi wkoll l-informazzjoni li skattat il-hit mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, soġġett għall-kunsens minn qabel tal-FIU li tipprovdi l-informazzjoni.

    (46)

    Sabiex jiġi żgurat li l-proċess għall-istabbiliment ta’ analiżi konġunta jkun rapidu u effiċjenti, l-Awtorità jenħtieġ li tkun responsabbli għall-istabbiliment u l-kompożizzjoni tat-tim ta’ analiżi konġunta u l-koordinazzjoni tiegħu.

    (47)

    Il-kooperazzjoni operazzjonali effettiva f’każijiet transfruntiera bejn l-Awtorità u korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni hija ta’ importanza kruċjali. Sabiex jiġi żgurat li, fejn ikun rilevanti, ir-riżultati tal-analiżijiet konġunti ta’ każijiet transfruntiera jiġu segwiti b’mod effettiv, l-Awtorità jenħtieġ li tirrapporta r-riżultati tal-analiżijiet konġunti lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jew tittrażmettihom lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) meta r-riżultati ta’ analiżi konġunta jindikaw li seta’ twettaq reat kriminali, li fir-rigward tiegħu l-UPPE jew l-OLAF setgħu jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom. Barra minn hekk, soġġett għall-qbil tal-FIUs kollha li jipparteċipaw f’analiżi konġunta, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ wkoll tittrażmetti r-riżultati ta’ dik l-analiżi konġunta mal-Europol u l-Eurojust meta r-riżultati ta’ dik l-analiżi konġunta jindikaw li seta’ twettaq reat kriminali li fir-rigward tiegħu l-Europol u l-Eurojust jistgħu jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom. L-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tiskambja informazzjoni strateġika, bħal tipoloġiji u indikaturi tar-riskju, mal-UPPE, l-OLAF, l-Europol u l-Eurojust.

    (48)

    Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (8), l-Awtorità għandha tirrapporta mingħajr dewmien żejjed lill-UPPE kwalunkwe mġiba kriminali li fir-rigward tagħha tista’ teżerċita l-kompetenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 22 u l-Artikolu 25(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament. Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), l-Awtorità għandha tittrażmetti lill-OLAF mingħajr dewmien kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ każijiet possibbli ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istrumenti legali li jirregolawhom, jenħtieġ li l-UPPE u l-OLAF jinfurmaw lill-Awtorità dwar il-passi meħuda fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta u kwalunkwe eżitu rilevanti.

    (49)

    Sabiex tittejjeb l-effettività tal-analiżijiet konġunti, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tistabbilixxi metodi u proċeduri għat-twettiq ta’ analiżijiet konġunti. Abbażi tal-feedback ipprovdut mill-FIUs involuti f’analiżijiet konġunti, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tirrieżamina l-imġiba tagħhom, sabiex tidentifika t-tagħlimiet meħuda. Tali rieżamijiet jenħtieġ li jippermettu lill-Awtorità toħroġ rapporti ta’ segwitu u konklużjonijiet li għandhom jiġu kondiviżi mal-FIUs kollha, mingħajr ma tiżvela informazzjoni kunfidenzjali jew ristretta, bl-għan li tkompli tirfina u ttejjeb il-metodi u l-proċeduri għat-twettiq ta’ analiżijiet konġunti, u fl-aħħar mill-aħħar ittejjeb u tippromwovi l-analiżijiet infushom.

    (50)

    Sabiex tiġi faċilitata u mtejba l-kooperazzjoni bejn l-FIUs u l-Awtorità, inkluż għall-finijiet tat-twettiq ta’ analiżijiet konġunti, l-FIUs jenħtieġ li jiddelegaw membru wieħed tal-persunal għal kull FIU lill-Awtorità (“delegati nazzjonali tal-FIU”). Id-delegati nazzjonali tal-FIU jenħtieġ li jappoġġaw lill-persunal tal-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti kollha relatati mal-FIUs, inkluż it-twettiq ta’ analiżijiet konġunti u t-tħejjija ta’ valutazzjonijiet tat-theddid u analiżijiet strateġiċi tat-theddid, ir-riskji u l-metodi tal-ML/TF. Filwaqt li jibqgħu taħt l-awtorità tal-FIU deleganti tagħhom, id-delegati tal-FIU jenħtieġ li jkunu operazzjonalment indipendenti u awtonomi meta jwettqu l-kompiti u d-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li huma la jfittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, jew minn gvernijiet jew korpi pubbliċi jew privati oħra. Il-kompiti u d-dmirijiet tagħhom jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ sigurtà u kunfidenzjalità tal-FIUs.

    (51)

    Minbarra l-analiżijiet konġunti, l-Awtorità jenħtieġ li tinkoraġġixxi u tiffaċilita diversi forom ta’ assistenza reċiproka bejn l-FIUs, inkluż it-taħriġ u l-iskambji tal-persunal sabiex jittejjeb il-bini tal-kapaċitajiet u jkun jista’ jsir l-iskambju ta’ għarfien u prattiki tajba fost l-FIUs. Ir-rwol tal-Awtorità fl-appoġġ tal-FIUs fl-attivitajiet tagħhom jagħtiha pożizzjoni unika biex tiffaċilita l-aċċess mill-FIUs għal bażijiet tad-data u għodod li huma strumentali biex tittejjeb il-kwalità tal-intelligence finanzjarja. L-Awtorità jenħtieġ li tuża l-pożizzjoni tagħha biex tinnegozja, f’isem l-FIUs kollha, kuntratti mal-fornituri ta’ dawk l-għodod u bażijiet tad-data, kif ukoll taħriġ rilevanti għall-persunal tagħha u għall-persunal tal-FIUs. L-Awtorità jenħtieġ li jkollha wkoll rwol ta’ medjazzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-FIUs. Għal dak il-għan, l-FIUs jenħtieġ li jkunu jistgħu jirreferu nuqqas ta’ qbil relatat mal-kooperazzjoni, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-FIUs, lill-Awtorità għall-medjazzjoni f’każ li jonqsu milli jsolvu dawk in-nuqqasijiet ta’ qbil permezz ta’ kuntatt dirett u djalogu.

    (52)

    L-Awtorità jenħtieġ li timaniġġja, tospita u żżomm l-FIU.net. L-Awtorità jenħtieġ li żżomm is-sistema aġġornata, b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet espressi mill-FIUs. Għal dak il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li tiżgura li f’kull ħin tintuża l-aktar teknoloġija avvanzata disponibbli għall-iżvilupp tal-FIU.net, soġġetta għal analiżi tal-kostbenefiċċji. Peress li l-Awtorità jenħtieġ li tiddependi fuq fornituri terzi ta’ servizzi biss għal kompiti mhux essenzjali, jenħtieġ li ma testernalizzax il-hosting u l-ġestjoni tal-FIU.net. L-Awtorità jenħtieġ li ma jkollhiex aċċess għall-kontenut tal-informazzjoni skambjata fi ħdan l-FIU.net, ħlief meta tkun riċevitur maħsub ta’ tali informazzjoni. Sabiex tkun tista’ tibgħat, tirċievi u tqabbel l-informazzjoni, l-Awtorità jenħtieġ li tiġi pprovduta b’nodu operazzjonali fis-sistema FIU.net.

    (53)

    Sabiex jiġu stabbiliti prattiki superviżorji u prattiki relatati mal-FIU konsistenti, effiċjenti u effettivi u tiġi żgurata l-applikazzjoni komuni, uniformi u koerenti tal-liġi tal-Unjoni, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-entitajiet marbuta b’obbligu kollha, jew kategorija tagħhom u lill-awtoritajiet superviżorji u l-FIUs kollha, jew kategorija tagħhom. Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinħarġu skont awtorizzazzjoni speċifika fl-atti applikabbli tal-Unjoni, jew fuq inizjattiva proprja tal-Awtorità, meta jkun hemm il-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas tal-AML/CFT fil-livell tal-Unjoni.

    (54)

    Sabiex tingħata l-aħjar assistenza lill-FIUs u b’hekk tiżdied l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ appoġġ u koordinazzjoni għall-FIUs, l-Awtorità u l-FIUs jenħtieġ li jkunu jistgħu jsaħħu l-effettività tal-attivitajiet tal-FIU, jidentifikaw u jippromwovu l-aħjar prattiki. L-evalwazzjonijiet bejn il-pari jkunu l-aħjar strument li jippermetti valutazzjoni oġġettiva ta’ tali attivitajiet u prattiki, u għalhekk l-Awtorità jenħtieġ li tingħata l-kompitu li torganizza tali evalwazzjonijiet bejn il-pari, abbażi ta’ metodi u regoli ta’ proċedura għat-twettiq ta’ tali rieżamijiet, li għandhom jiġu żviluppati ċentralment mill-Awtorità. Biex ikunu utli, jenħtieġ li l-evalwazzjonijiet bejn il-pari jkunu komprensivi u jkopru l-aspetti rilevanti kollha tal-kompiti tal-FIUs stabbiliti fil-Kapitolu III tad-Direttiva (UE) 2024/1640. Għalhekk, jenħtieġ li dawn ikopru, fost l-oħrajn, l-adegwatezza tar-riżorsi tal-FIUs, il-miżuri implimentati biex jiġu żgurati l-indipendenza u l-awtonomija operazzjonali tal-FIUs, il-miżuri stabbiliti biex jipproteġu s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pproċessata mill-FIUs, il-funzjonijiet relatati mar-riċevuta ta’ rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi, il-funzjonijiet relatati mal-analiżijiet operazzjonali u strateġiċi tal-FIUs u d-disseminazzjoni tagħhom, u arranġamenti u prattiki ta’ kooperazzjoni domestiċi u transfruntiera tal-FIUs. L-evalwazzjonijiet bejn il-pari jistgħu jirriżultaw fil-ħruġ mill-Awtorità ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet immirati lejn il-promozzjoni tal-aħjar prattiki identifikati u l-indirizzar ta’ kwalunkwe nuqqas.

    (55)

    L-istabbiliment ta’ struttura ta’ governanza solida fl-Awtorità huwa essenzjali biex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-kompiti mogħtija lill-Awtorità, u għal proċess deċiżjonali effiċjenti u oġġettiv. Minħabba l-kumplessità u l-varjetà tal-kompiti mogħtija lill-Awtorità kemm fl-oqsma tas-superviżjoni kif ukoll f’dawk tal-FIU, id-deċiżjonijiet ma jistgħux jittieħdu minn korp ta’ governanza wieħed, kif spiss ikun il-każ fl-aġenziji deċentralizzati. Filwaqt li ċerti tipi ta’ deċiżjonijiet, bħad-deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni ta’ strumenti komuni, jeħtieġ li jittieħdu minn rappreżentanti tal-awtoritajiet xierqa jew tal-FIUs u jirrispettaw ir-regoli tal-vot tat-TFUE, ċerti deċiżjonijiet oħra, bħad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula individwali jew awtoritajiet individwali, jeħtieġu korp deċiżjonali iżgħar, li l-membri tiegħu jenħtieġ li jkunu soġġetti għal arranġamenti xierqa ta’ rendikont. Għalhekk, l-Awtorità jenħtieġ li jkollha Bord Ġenerali u Bord Eżekuttiv.

    (56)

    Sabiex jiġi żgurat l-għarfien espert rilevanti, il-Bord Ġenerali jenħtieġ li jkollu żewġ kompożizzjonijiet. Għad-deċiżjonijiet kollha dwar l-adozzjoni ta’ atti ta’ applikazzjoni ġenerali bħall-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet relatati mal-FIUs, huwa jenħtieġ li jkun magħmul mill-kapijiet tal-FIUs tal-Istati Membri (“Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja”). Għall-istess tipi ta’ atti relatati mas-superviżjoni diretta jew indiretta ta’ entitajiet marbuta b’obbligu finanzjarji u mhux finanzjarji, huwa jenħtieġ li jkun magħmul mill-kapijiet tas-superviżuri tal-AML/CFT li jkunu awtoritajiet pubbliċi (“Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja”). Il-partijiet kollha rappreżentati fil-Bord Ġenerali jenħtieġ li jagħmlu sforzi sabiex jillimitaw id-dawran tar-rappreżentanti tagħhom, bil-għan li jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma tal-Bord. Il-partijiet kollha jenħtieġ li jimmiraw li jiksbu rappreżentanza bilanċjata bejn il-ġeneri fuq il-Bord Ġenerali.

    (57)

    Għal proċess deċiżjonali bla xkiel, il-kompiti jenħtieġ li jinqasmu b’mod ċar: il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU jenħtieġ li jiddeċiedi dwar abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji jew ta’ implimentazzjoni, linji gwida, u miżuri simili għall-FIUs, filwaqt li l-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja jenħtieġ li jiddeċiedi dwar abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji jew ta’ implimentazzjoni, linji gwida u miżuri simili għall-entitajiet marbuta b’obbligu. Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja jenħtieġ li jkun jista’ jipprovdi wkoll, f’konformità mal-proċeduri li għandhom jiġu definiti bi qbil mal-Bord Eżekuttiv, l-opinjoni tiegħu lill-Bord Eżekuttiv dwar l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet kollha fir-rigward ta’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula individwali proposti mit-Timijiet Superviżorji Konġunti. Fin-nuqqas ta’ tali opinjoni, id-deċiżjonijiet jenħtieġ li jittieħdu mill-Bord Eżekuttiv. Kull meta l-Bord Eżekuttiv jiddevja mill-opinjoni mogħtija mill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja fid-deċiżjoni finali tiegħu, huwa jenħtieġ li jispjega r-raġunijiet għal dan bil-miktub.

    (58)

    Għall-finijiet ta’ votazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet, kull Stat Membru jenħtieġ li jkollu rappreżentant wieħed bid-dritt tal-vot. Għalhekk, il-kapijiet tal-awtoritajiet superviżorji tal-entitajiet marbuta b’obbligu f’kull Stat Membru jenħtieġ li jaħtru rappreżentant permanenti bħala l-membru bid-dritt tal-vot tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja. B’mod alternattiv, skont is-suġġett tad-deċiżjoni jew l-aġenda ta’ laqgħa partikolari tal-Bord Ġenerali, l-awtoritajiet superviżorji ta’ Stat Membru jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħtru rappreżentant ad hoc. L-arranġamenti prattiċi relatati mat-teħid ta’ deċiżjonijiet u mal-votazzjoni mill-membri tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja jenħtieġ li jiġu stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tal-Bord Ġenerali, li għandhom jiġu żviluppati mill-Awtorità.

    (59)

    Sabiex il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU jikseb assistenza fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet rilevanti kollha taħt il-mandat tiegħu, jenħtieġ li jkun appoġġat minn kumitat permanenti b’kompożizzjoni aktar limitata. Il-kumitat permanenti jenħtieġ li jappoġġa l-ħidma tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU u jwettaq dmirijietu biss fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi. Dan jenħtieġ li jaħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mad-delegati tal-FIU u l-persunal tal-Awtorità responsabbli għall-kompiti relatati mal-FIUs, u bi trasparenza sħiħa mal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU.

    (60)

    Il-President tal-Awtorità jenħtieġ li jippresiedi l-laqgħat tal-Bord Ġenerali u jkollu d-dritt tal-vot meta d-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza sempliċi sakemm mhux previst mod ieħor f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun membru mingħajr vot fil-Bord Ġenerali. Biex tiġi stabbilita kooperazzjoni tajba ma’ istituzzjonijiet rilevanti oħra, il-Bord Ġenerali jenħtieġ li jkun jista’ jdaħħal ukoll osservaturi oħra mingħajr id-dritt tal-vot – b’mod partikolari rappreżentanti nominati mill-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u ta’ kull waħda mit-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, jiġifieri l-EBA, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol – EIOPA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq – ESMA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), (kollettivament, “l-ASEs”) għall-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja u l-OLAF, il-Europol, il-Eurojust u l-UPPE għall-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU – meta s-suġġetti li jaqgħu fl-ambitu tal-mandati rispettivi tagħhom huma diskussi jew tittieħed deċiżjoni dwarhom. Sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni jiġu mistiedna għal-laqgħat meta l-preżenza tagħhom tkun meħtieġa jew ta’ benefiċċju, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura tal-Bord Ġenerali jiddefinixxu b’mod ċar iċ-ċirkostanzi li fihom dawk l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll osservaturi oħra, jenħtieġ li jkunu jistgħu jiġu ammessi għal-laqgħat. Meta tabbozza l-partijiet rilevanti tar-regoli ta’ proċedura, l-Awtorità jenħtieġ li taqbel ma’ dawk l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom. Tali ftehim huwa preżunt meta t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni huma diġà inklużi fl-arranġamenti ta’ ħidma bilaterali jew memoranda ta’ qbil awtorizzati minn dan ir-Regolament. Biex ikun hemm proċess deċiżjonali bla xkiel, id-deċiżjonijiet tal-Bord Ġenerali jenħtieġ li jittieħdu b’maġġoranza sempliċi, ħlief għad-deċiżjonijiet dwar abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni, linji gwida u rakkomandazzjonijiet li jenħtieġ li jittieħdu permezz ta’ maġġoranza kwalifikata tar-rappreżentanti tal-Istati Membri f’konformità mar-regoli tal-vot tat-Trattati.

    (61)

    Il-korp ta’ governanza tal-Awtorità jenħtieġ li jkun il-Bord Eżekuttiv, magħmul mill-President tal-Awtorità u minn ħames membri full-time, inkluż il-Viċi President, u maħtura mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq proposta tal-Bord Ġenerali abbażi tal-lista mqassra ta’ kandidati kwalifikati mfassla mill-Kummissjoni. Bil-għan li jiġi żgurat proċess deċiżjonali rapidu u effiċjenti, il-Bord Eżekuttiv jenħtieġ li jkun inkarigat mill-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-kompiti kollha tal-Awtorità ħlief meta deċiżjonijiet speċifiċi jiġu allokati espressament lill-Bord Ġenerali. Sabiex jiġu żgurati l-oġġettività u r-rapidità xierqa tal-proċess deċiżjonali fil-qasam tas-superviżjoni diretta ta’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, il-Bord Eżekuttiv jenħtieġ li jieħu d-deċiżjonijiet vinkolanti kollha indirizzati lill-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula. Ir-rappreżentanti tas-superviżuri finanzjarji fejn tkun stabbilita l-entità jenħtieġ li jkunu jistgħu jattendu d-deliberazzjonijiet tal-Bord Eżekuttiv. Barra minn hekk, flimkien ma’ rappreżentant tal-Kummissjoni, il-Bord Eżekuttiv jenħtieġ li jkun kollettivament responsabbli għad-deċiżjonijiet amministrattivi u baġitarji tal-Awtorità.

    (62)

    Sabiex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet malajr, id-deċiżjonijiet kollha tal-Bord Eżekuttiv, inklużi d-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni jkollha d-dritt tal-vot, jenħtieġ li jittieħdu b’maġġoranza sempliċi, bil-President tal-Awtorità jkollu vot deċiżiv f’każ ta’ voti ndaqs. Sabiex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba tal-Awtorità, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni jkollha dritt li tivvota u l-Bord Eżekuttiv jiddevja mill-opinjoni tal-Kummissjoni, il-Bord Eżekuttiv jenħtieġ li jkun jista’ jipprovdi ġustifikazzjoni bir-reqqa għal tali devjazzjoni.

    (63)

    Biex jiġi żgurat il-funzjonament indipendenti tal-Awtorità, il-ħames membri full-time tal-Bord Eżekuttiv u l-President tal-Awtorità jenħtieġ li jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi. Huma jenħtieġ li jġibu ruħhom, kemm matul kif ukoll wara l-mandat tagħhom, b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti ħatriet jew benefiċċji. Biex jiġi evitat li tingħata impressjoni li l-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità jistgħu jużaw il-pożizzjoni tagħhom bħala membri tal-Bord Eżekuttiv biex jiksbut ħatra ta’ grad għoli fis-settur privat wara l-mandat tagħhom, u biex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku, jenħtieġ li jiġi introdott perjodu ta’ preklużjoni għall-ħames membri full-time tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll għall-President tal-Awtorità.

    (64)

    Il-President tal-Awtorità jenħtieġ li jinħatar abbażi ta’ kriterji oġġettivi mill-Kunsill wara l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew. Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Bord Ġenerali jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu seduti ta’ smigħ tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tal-Awtorità, magħżula mill-Kummissjoni. Sabiex tiġi żgurata għażla infurmata tal-aħjar kandidat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u grad għoli ta’ trasparenza fil-proċess tal-ħatra, il-Bord Ġenerali jenħtieġ li jkun jista’ joħroġ opinjoni pubblika dwar ir-riżultati tas-seduti ta’ smigħ tiegħu, jew jibgħat l-opinjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-President jenħtieġ li jirrappreżenta lill-Awtorità esternament u jenħtieġ li jirrapporta dwar it-twettiq tal-kompiti tal-Awtorità.

    (65)

    Id-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità jenħtieġ li jinħatar mill-Bord Eżekuttiv abbażi ta’ lista mqassra mfassla mill-Kummissjoni. Sabiex tkun tista’ ssir l-aħjar għażla, il-lista mqassra jenħtieġ li tinkludi mill-inqas żewġ kandidati, magħżula mill-Kummissjoni abbażi tal-mertu u tal-ħiliet amministrattivi, baġitarji u maniġerjali ta’ livell għoli dokumentati, li għandhom jintwerew mill-kandidati fil-lista mqassra matul proċedura miftuħa tal-għażla. Id-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità jenħtieġ li jkun membru tal-persunal amministrattiv għoli tal-Awtorità, inkarigat mill-ġestjoni ta’ kuljum tal-Awtorità, u responsabbli għall-amministrazzjoni tal-baġit, l-akkwist, u r-reklutaġġ u l-persunal.

    (66)

    L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u d-diversità huma valuri fundamentali tal-Unjoni, li tippromwovi fil-firxa kollha ta’ azzjonijiet tal-Unjoni. Filwaqt li maż-żmien sar progress f’dawk l-oqsma, huwa meħtieġ aktar sabiex tinkiseb rappreżentanza bbilanċjata fit-teħid tad-deċiżjonijiet, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali. Il-korp governattiv ewlieni tal-Awtorità, il-Bord Eżekuttiv, jenħtieġ li jkun kolleġġjali u jenħtieġ li jkun magħmul mill-President tal-Awtorità u ħames membri indipendenti oħra, filwaqt li l-ġestjoni ta’ kuljum jenħtieġ li tiġi fdata f’idejn Direttur Eżekuttiv. Dawk il-persuni kollha jenħtieġ li jintgħażlu abbażi ta’ proċedura miftuħa tal-għażla primarjament iggwidata minn kriterji individwali bbażati fuq il-mertu. Fl-istess ħin, huwa maħsub li l-ħatriet iwasslu b’mod kollettiv biex l-Awtorità titmexxa b’mod kolleġġjali minn grupp b’għarfien espert u sfond u rappreżentanza bbilanċjata bejn il-ġeneri differenti biżżejjed. Meta jitqies li l-Kummissjoni għandha l-kompitu li tħejji l-listi mqassra ta’ kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ President tal-Awtorità, membru tal-Bord Eżekuttiv u Direttur Eżekuttiv, jenħtieġ li tkun iggwidata minn imperattiv li jitqies l-eżitu kollettiv tal-ħatriet. B’mod speċifiku, il-kandidati fil-lista mqassra jenħtieġ li jippermettu lill-awtoritajiet tal-ħatra xierqa jagħmlu ħatriet li fl-aħħar mill-aħħar jippermettu diversità suffiċjenti u bilanċ bejn il-ġeneri fost il-maniġment superjuri tal-Awtorità.

    (67)

    Biex jiġu protetti b’mod effettiv id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati, għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali u biex jitnaqqas il-piż fuq il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Awtorità jenħtieġ li tipprovdi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi l-possibbiltà li jitolbu rieżami tad-deċiżjonijiet meħuda skont is-setgħat ta’ superviżjoni diretta mogħtija lill-Awtorità b’dan ir-Regolament u indirizzati lilhom, jew li jkunu ta’ tħassib dirett u individwali għalihom. L-indipendenza u l-oġġettività tal-opinjonijiet mogħtija mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jenħtieġ li jiġu żgurati, fost l-oħrajn, bil-kompożizzjoni tiegħu ta’ ħames persuni indipendenti u kwalifikati b’mod xieraq.

    (68)

    Huwa neċessarju li l-Awtorità tingħata r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa sabiex tkun tista’ tissodisfa l-objettivi, il-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħha skont dan ir-Regolament. Biex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-Awtorità, il-finanzjament jenħtieġ li jiġi pprovdut, skont il-kompiti u l-funzjonijiet, permezz ta’ kombinament ta’ tariffi imposti fuq ċerti entitajiet marbuta b’obbligu u kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni. Biex jiġi żgurat li l-Awtorità tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha bħala superviżur dirett jew indirett tal-entitajiet marbuta b’obbligu, jenħtieġ li jiġi introdott mekkaniżmu adegwat għad-determinazzjoni u l-ġbir tat-tariffi. Fir-rigward tat-tariffi imposti fuq entitajiet marbuta b’obbligu magħżula u ċerti entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula, il-metodoloġija għall-kalkolu tagħhom u l-proċess tal-ġbir tat-tariffi jenħtieġ li jiġu żviluppati f’att delegat tal-Kummissjoni. It-tariffi imposti fuq ċerti entitajiet marbuta b’obbligu jenħtieġ li jiġu kkalkulati skont il-prinċipju tal-proporzjonalità u b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ta’ jekk l-entitajiet marbuta b’obbligu kkwalifikawx għal superviżjoni diretta, il-profil tar-riskju tagħhom u l-fatturat tagħhom. Il-metodoloġija jenħtieġ li tiġi kkalibrata b’tali mod li jiġi żgurat li profil tar-riskju aktar baxx jirriżulta f’kontribuzzjoni tariffarja iżgħar meta mqabbla mad-daqs tal-entità. Il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni għandha tiġi deċiża mill-awtorità baġitarja tal-Unjoni permezz tal-proċedura baġitarja. Għal dak il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li tissottometti lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-estimi. Jenħtieġ li tadotta wkoll regoli finanzjarji wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

    (69)

    Ir-regoli dwar l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità, kif ukoll il-preżentazzjoni tal-kontijiet annwali tal-Awtorità, jenħtieġ li jsegwu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (12) fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-UPPE u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF.

    (70)

    Sabiex jiġu evitati u miġġielda b’mod effettiv il-frodi interna, il-korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra fl-Awtorità, jenħtieġ li din tkun soġġetta għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-UPPE u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. L-Awtorità jenħtieġ li taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (13), li jenħtieġ li jkun jista’ jwettaq kontrolli fuq il-post fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu.

    (71)

    Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Frar 2013 bit-titolu “L-istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur”, huwa essenzjali li jiġi żgurat livell għoli ta’ reżiljenza ċibernetika fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni minħabba l-ambjent ta’ theddid dejjem aktar ostili. Id-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li għalhekk jiżgura ġestjoni xierqa tar-riskji għall-IT, governanza interna b’saħħitha tal-IT u finanzjament suffiċjenti għas-sigurtà tal-IT. Bħala regola, mill-anqas 10 % tan-nefqa tal-IT tal-Awtorità jenħtieġ li tiġi allokata b’mod trasparenti għas-sigurtà diretta tal-IT. Il-kontribuzzjoni għas-Servizz taċ-Ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-EU) jistgħu jingħaddu f’dak ir-rekwiżit ta’ nefqa minima. L-Awtorità jenħtieġ li taħdem mill-qrib mas-CERT-EU u tirrapporta inċidenti kbar f’24 siegħa lis-CERT UE kif ukoll lill-Kummissjoni.

    (72)

    L-Awtorità jenħtieġ li jkollha obbligu ta’ rendikont kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Kunsill għat-twettiq tal-kompiti tagħha u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-Awtorità jenħtieġ li tissottometti rapport f’dak ir-rigward lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

    (73)

    Il-persunal tal-Awtorità jenħtieġ li jkun magħmul minn aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati, inklużi d-delegati nazzjonali mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Awtorità mill-FIUs iżda li jibqgħu taħt l-awtorità tal-FIU ta’ delegazzjoni tagħhom. L-Awtorità, bi qbil mal-Kummissjoni, jenħtieġ li tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni rilevanti f’konformità mal-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (14) (ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

    (74)

    Biex jiġi żgurat li l-informazzjoni kunfidenzjali tiġi ttrattata bħala tali, il-membri kollha tal-korpi ta’ governanza tal-Awtorità, il-persunal kollu tal-Awtorità, inklużi l-persunal sekondat u l-persunal imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Awtorità, kif ukoll kwalunkwe persuna li twettaq kompiti għall-Awtorità fuq bażi kuntrattwali, jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali, inkluż kwalunkwe restrizzjoni u obbligu ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, u relatati mal-kompiti speċifiċi tal-Awtorità. Madankollu, jenħtieġ li l-obbligi ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza professjonali ma jimpedux lill-Awtorità milli tikkoopera ma’ awtoritajiet jew korpi tal-Unjoni jew nazzjonali rilevanti oħra, tiskambja informazzjoni magħhom jew tiżvela informazzjoni lilhom, meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom u meta tali kooperazzjoni u obbligi ta’ skambju ta’ informazzjoni jkunu previsti fil-liġi tal-Unjoni.

    (75)

    Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ kunfidenzjalità li japplikaw għall-persunal tal-Awtorità u r-rappreżentanti tagħha f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-liġi tal-Unjoni, l-Awtorità jenħtieġ li tkun soġġetta għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). F’konformità mar-restrizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza professjonali relatati mal-kompiti superviżorji u ta’ appoġġ u koordinazzjoni tal-FIU tal-Awtorità, l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni previsti f’dak ir-Regolament jenħtieġ li ma jiġix estiż għall-informazzjoni kunfidenzjali ttrattata mill-persunal tal-Awtorità. B’mod partikolari, kwalunkwe data, jew informazzjoni operazzjonali relatata ma’ tali data operazzjonali, tal-Awtorità u tal-FIUs tal-UE li tkun ittrattata mill-persunal tal-Awtorità bħala riżultat tat-twettiq tal-kompiti u l-attivitajiet relatati mal-appoġġ u l-koordinazzjoni tal-FIUs jenħtieġ li titqies bħala kunfidenzjali. Fir-rigward tal-kompiti superviżorji, l-aċċess għall-informazzjoni jew għad-data tal-Awtorità, tas-superviżuri finanzjarji, jew tal-entitajiet marbuta b’obbligu, miksuba bħala riżultat tat-twettiq tal-kompiti u tal-attivitajiet relatati mas-superviżjoni diretta, fil-prinċipju jenħtieġ li jiġu ttrattati wkoll bħala kunfidenzjali u ma jkunu soġġetti għal divulgazzjoni. Madankollu, l-informazzjoni kunfidenzjali li tirrigwarda proċedura superviżorja jenħtieġ li tkun tista’ tiġi ddivulgata b’mod sħiħ jew parzjali lill-entitajiet marbuta b’obbligu li jkunu partijiet għal dik il-proċedura superviżorja, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

    (76)

    Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe arranġament lingwistiku speċifiku li jista’ jiġi adottat fis-sistema superviżorja tal-AML/CFT u ma’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (16) jenħtieġ li japplika għall-Awtorità u kwalunkwe servizz ta’ traduzzjoni li jista’ jkun meħtieġ għall-funzjonament tal-Awtorità, apparti interpretazzjoni, jenħtieġ li jiġi pprovdut miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.

    (77)

    Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet tagħhom, l-ipproċessar ta’ data personali abbażi ta’ dan ir-Regolament għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ML/TF jenħtieġ li jitqies bħala neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali vestita fl-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u l-Artikolu 6 tar-Regolament(UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). Ir-Regolament (UE) 2018/1725 jirrikjedi li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta tħejji atti delegati jew ta’ implimentazzjoni li jkollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali. Dan jista’ jkun il-każ għall-istandards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu żviluppati mill-Awtorità. Sabiex jiġi żgurat proċess bla xkiel għat-tħejjija u għall-adozzjoni ta’ dawk l-atti, meta l-Awtorità tqis li hemm valur miżjud fil-konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data diġà fl-istadju tal-iżvilupp ta’ dawk l-atti, jenħtieġ li tinforma lill-Kummissjoni b’dan u tikseb l-awtorizzazzjoni tagħha biex tipproċedi bil-konsultazzjoni.

    (78)

    Ir-rapportar ta’ irregolaritajiet minn impjegati ta’ entitajiet jew gruppi marbuta b’obbligu jista’ jipprovdi lill-Awtorità b’informazzjoni kritika dwar il-livell ġenerali ta’ konformità mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u mill-istituzzjonijiet finanzjarji madwar l-Unjoni mar-rekwiżiti tal-AML/CFT. Bl-istess mod, ir-rapportar mill-impjegati tal-awtoritajiet superviżorji, tal-korpi awtoregolatorji li jwettqu funzjonijiet superviżorji u tal-FIUs jista’ jassisti lill-Awtorità fir-rwol tagħha li tiżgura superviżjoni ta’ kwalità għolja u tappoġġa l-iżvilupp ta’ intelligence finanzjarja effettiva fis-suq intern kollu. Madankollu, dawk l-impjegati jeħtieġ li jkollhom biżżejjed assigurazzjonijiet li r-rapporti tagħhom se jiġu ttrattati b’livell għoli ta’ kunfidenzjalità u li d-data personali tagħhom mhix se tiġi żvelata fl-ebda ċirkostanza. Għal dak il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li jkollha fis-seħħ miżuri biex iżżomm il-kunfidenzjalità tar-rapporti ta’ irregolaritajiet. Fl-istabbiliment tar-regoli interni tagħha għat-trattament ta’ rapporti dwar ksur possibbli tar-regoli dwar l-AML/CFT, l-Awtorità jenħtieġ li tiżgura li r-rapporti mill-impjegati ta’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula jingħataw prijorità u tista’ tistabbilixxi proċeduri biex tittratta rapporti ripetittivi, influssi għolja ta’ rapporti u sitwazzjonijiet fejn jiġu sottomessi rapporti, li jikkonċernaw ksur li jaqa’ barra mill-mandat tal-Awtorità. Barra minn hekk, il-persuni li jirrapportaw ksur relatat mal-AML/CFT lill-Awtorità jenħtieġ li jikkwalifikaw għall-protezzjoni pprovduta skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fiha.

    (79)

    L-awtorità jenħtieġ li tistabbilixxi relazzjonijiet kooperattivi mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, inklużi l-Europol, l-Eurojust, l-UPPE u l-ASEs. Biex tittejjeb is-superviżjoni transsettorjali u tiġi promossa kooperazzjoni aħjar bejn is-superviżuri prudenzjali u s-superviżuri tal-AML/CFT, l-Awtorità jenħtieġ li tistabbilixxi wkoll relazzjonijiet kooperattivi mal-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet marbuta b’obbligu tas-settur finanzjarju, inkluż il-BĊE fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kompiti mogħtija lilu mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (20), kif ukoll mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kif definiti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), u mal-awtoritajiet maħtura kif definiti fl-Artikolu 2(1), il-punt (18), tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) u l-awtoritajiet kompetenti kif definiti fl-Artikolu 3(1), il-punt (35), tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23). Għal dak il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tikkonkludi ftehimiet jew memoranda ta’ qbil ma’ tali korpi, anki fir-rigward ta’ kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni li jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tal-Awtorità u ta’ dawk il-korpi. L-Awtorità jenħtieġ li tagħmel l-aħjar sforzi biex taqsam informazzjoni ma’ tali korpi fuq talba tagħhom, fil-limiti imposti minn restrizzjonijiet legali, inkluża l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, l-Awtorità jenħtieġ li tippermetti skambju effettiv ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri finanzjarji kollha fis-sistema superviżorja tal-AML/CFT u l-awtoritajiet imsemmija hawn fuq u tali kooperazzjoni u skambji ta’ informazzjoni jenħtieġ li jseħħu b’mod strutturat u effiċjenti.

    (80)

    Is-sħubijiet għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni saru fora dejjem aktar importanti ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet obbligati f’xi Stati Membri. Minħabba l-mandat tal-Awtorità biex tipprevjeni u tidentifika l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Awtorità li tistabbilixxi sħubija għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni sabiex issegwi dak l-għan. L-informazzjoni skambjata fl-ambitu ta’ sħubija għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni jenħtieġ li tkun konsistenti mal-ambitu tal-mandat tal-Awtorità. Meta l-Awtorità taġixxi bħala superviżur dirett ta’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula jew biex tappoġġa l-FIUs li jkunu parti minn sħubija għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi kwalunkwe Stat Membru, jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-Awtorità li tipparteċipa fiha wkoll, skont il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-awtorità jew mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali rilevanti li jkunu stabbilew tali sħubija għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, u bil-qbil espliċitu tagħhom.

    (81)

    Meta jitqies li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, amministrattivi u tal-infurzar tal-liġi hija kruċjali sabiex tiġġieled b’suċċess l-ML/TF, u ċerti awtoritajiet u korpi tal-Unjoni jkollhom kompiti jew mandati speċifiċi f’dak il-qasam, l-Awtorità jenħtieġ li tiżgura li tkun tista’ tikkoopera ma’ tali awtoritajiet u korpi, b’mod partikolari l-OLAF, il-Europol, il-Eurojust, u l-UPPE. Jekk ikun hemm bżonn li jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ ħidma speċifiċi jew jiġu konklużi memoranda ta’ ftehim bejn l-Awtorità u dawk l-awtoritajiet u l-korpi, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tagħmel dan. L-arranġamenti jenħtieġ li jkunu ta’ natura strateġika u teknika, jenħtieġ li ma jimplikaw il-kondiviżjoni ta’ ebda informazzjoni kunfidenzjali jew operazzjonali fil-pussess tal-Awtorità u jenħtieġ li jqisu l-kompiti diġà mwettqa mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ML/TF.

    (82)

    Billi r-reati predikati kif ukoll ir-reat tal-ħasil tal-flus innifsu spiss ikunu ta’ natura globali, u minħabba li l-entitajiet marbuta b’obbligu tal-Unjoni joperaw ukoll ma’ pajjiżi terzi u fihom, il-kooperazzjoni effettiva mal-awtoritajiet rilevanti kollha ta’ pajjiżi terzi fl-oqsma kemm tas-superviżjoni kif ukoll tal-funzjonament tal-FIUs hija kruċjali għat-tisħiħ tal-qafas tal-AML/CFT tal-Unjoni. Minħabba l-kombinament uniku ta’ superviżjoni diretta u indiretta u kompiti u setgħat relatati mal-kooperazzjoni mal-FIUs tal-Awtorità, hija jenħtieġ li tkun tista’ tieħu rwol attiv f’tali arranġamenti ta’ kooperazzjoni esterna. B’mod speċifiku, l-Awtorità jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tiżviluppa kuntatti u tidħol f’arranġamenti amministrattivi ma’ awtoritajiet f’pajjiżi terzi li għandhom kompetenzi regolatorji, superviżorji u relatati mal-FIUs. Ir-rwol tal-Awtorità jista’ jkun partikolarment ta’ benefiċċju f’każijiet meta l-interazzjoni ta’ diversi awtoritajiet pubbliċi u FIUs tal-Unjoni ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi tkun tikkonċerna kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-kompiti tal-Awtorità. F’każijiet bħal dawn, l-Awtorità jenħtieġ li jkollha rwol ewlieni fl-iffaċilitar ta’ dik l-interazzjoni.

    (83)

    Minħabba l-kompiti u s-setgħat tagħha fil-qasam tal-AML/CFT, l-Awtorità tinsab f’pożizzjoni tajba biex tappoġġa l-azzjoni tal-Kummissjoni f’fora internazzjonali, inkluża l-FATF, bil-ħsieb li tippromwovi rappreżentanza magħquda, komuni, konsistenti u effettiva tal-interessi tal-Unjoni f’tali fora. Għalhekk, l-Awtorità jenħtieġ li tassisti lill-Kummissjoni fl-attivitajiet tagħha bħala membru tal-FATF, u tikkontribwixxi għar-rappreżentanza tal-Unjoni u d-difiża tal-interessi tagħha f’fora internazzjonali. Fid-dawl tal-importanza tal-evalwazzjonijiet reċiproċi mwettqa mill-FATF u l-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta’ Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu tal-Kunsill tal-Ewropa- MONEYVAL, u meta dawk l-evalwazzjonijiet jikkonċernaw lill-Istati Membri, il-persunal tal-Awtorità jenħtieġ li jagħmel lilu nnifsu disponibbli u jikkoopera mat-timijiet ta’ valutazzjoni responsabbli li jwettqu l-evalwazzjonijiet, fejn meħtieġ.

    (84)

    Peress li huwa maħsub li l-Awtorità jkollha firxa sħiħa ta’ setgħat u kompiti relatati mas-superviżjoni u s-sorveljanza diretti u indiretti tal-entitajiet marbuta b’obbligu kollha, huwa neċessarju li dawk is-setgħat jibqgħu kkonsolidati f’korp wieħed tal-Unjoni u ma jwasslux għal kompetenzi kunfliġġenti ma’ korpi oħra tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-ABE ma żżommx il-kompiti u s-setgħat tagħha relatati mal-AML/CFT ladarba dan ir-Regolament isir applikabbli bis-sħiħ, u l-artikoli korrispondenti fir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 jenħtieġ li jitħassru. Ir-riżorsi allokati lill-ABE għat-twettiq ta’ dawk il-kompiti u s-setgħat jenħtieġ li jiġu ttrasferiti lill-Awtorità. Meta jitqies li t-tliet ASEs kollha jenħtieġ li jikkooperaw mal-Awtorità, u jenħtieġ li jkunu jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja bħala osservaturi, jenħtieġ li tingħata l-istess possibbiltà lill-Awtorità fir-rigward tal-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri tal-ASEs. F’każijiet meta l-Bordijiet tas-Superviżuri rispettivi jiddiskutu jew jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jkunu rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-kompiti u s-setgħat tal-Awtorità, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tipparteċipa fil-laqgħat tagħhom bħala osservatur. L-artikoli dwar il-kompożizzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri fir-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 jenħtieġ għalhekk li jiġu emendati skont dan.

    (85)

    Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura għall-eżerċizzju tas-setgħa li timponi sanzjonijiet pekunarji jew pagamenti perjodiċi ta’ penali, fir-rigward ta’ regoli dettaljati dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar tal-penali, kif ukoll fir-rigward tal-istabbiliment tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont tat-tariffa imposta fuq kull entità marbuta b’obbligu magħżula u mhux magħżula soġġetta għal tariffi u l-proċedura għall-ġbir ta’ dawk it-tariffi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (24). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

    (86)

    L-Awtorità jenħtieġ li tassumi l-biċċa l-kbira tal-kompiti u s-setgħat tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament sal-1 ta’ Lulju 2025. Is-superviżjoni diretta ta’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula jenħtieġ li tibda mill-2028. Dan jenħtieġ li jagħti lill-Awtorità biżżejjed żmien biex tistabbilixxi l-kwartieri ġenerali tagħha fl-Istat Membru kif determinat minn dan ir-Regolament.

    (87)

    Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

    (88)

    Il-BĊE ta opinjoni fis-16 ta’ Frar 2022 (25)

    (89)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fit-22 ta’ Settembru 2021 (26),

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    STABBILIMENT, STATUS ĠURIDIKU U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Stabbiliment u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   L-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (“l-Awtorità”) hija b’dan stabbilita.

    2.   L-Awtorità għandha taġixxi fi ħdan is-setgħat mogħtija lilha minn dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 6, u fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1113, id-Direttiva (UE) 2024/1640 u r-Regolament (UE) 2024/1624, kif ukoll id-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, kwalunkwe att tal-Unjoni legalment vinkolanti ieħor li jagħti kompiti lill-Awtorità, u leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2024/1640, u direttivi oħra li jagħtu kompiti lill-awtoritajiet superviżorji.

    3.   L-objettiv tal-Awtorità għandu jkun li tipproteġi l-interess pubbliku, l-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, u l-funzjonament xieraq tas-suq intern billi:

    (a)

    tipprevjeni l-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“ML/TF”);

    (b)

    tikkontribwixxi biex jiġu identifikati u valutati r-riskji tal-ML/TF u t-theddid fis-suq intern kollu, kif ukoll ir-riskji u t-theddid li joriġinaw minn barra l-Unjoni li jkollhom impatt, jew li għandhom il-potenzjal li jkollhom impatt, fuq is-suq intern;

    (c)

    tiżgura superviżjoni ta’ kwalità għolja fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AML/CFT”) fis-suq intern kollu;

    (d)

    tikkontribwixxi għall-konverġenza superviżorja fil-qasam tal-AML/CFT fis-suq intern kollu;

    (e)

    tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-prattiki fid-detezzjoni ta’ tranżazzjonijiet jew attivitajiet suspettużi mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (“FIUs”);

    (f)

    tappoġġa u tikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-FIUs, u bejn l-FIUs u awtoritajiet kompetenti oħra.

    Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni, b’mod partikolari skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, sabiex tiżgura l-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1624 u l-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2024/1640, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “entità marbuta b’obbligu magħżula” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu, istituzzjoni finanzjarja, jew grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Unjoni, f’konformità mal-istandards kontabilistiċi applikabbli, li tkun taħt superviżjoni diretta mill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 13;

    (2)

    “entità marbuta b’obbligu mhux magħżula” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu, istituzzjoni finanzjarja, jew grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Unjoni, f’konformità mal-istandards kontabilistiċi applikabbli, għajr entità marbuta b’obbligu magħżula;

    (3)

    “sistema superviżorja tal-AML/CFT” tfisser l-Awtorità u l-awtoritajiet superviżorji fl-Istati Membri;

    (4)

    “awtorità mhux tal-AML/CFT” tfisser:

    (a)

    awtorità kompetenti kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (40), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27);

    (b)

    il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) meta jwettaq il-kompiti mogħtija lilu mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

    (c)

    awtorità ta’ riżoluzzjoni maħtura f’konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE;

    (d)

    awtorità maħtura kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (18), tad-Direttiva 2014/49/UE;

    (e)

    awtorità kompetenti kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (35), tar-Regolament (UE) 2023/1114.

    Artikolu 3

    Status Ġuridiku

    1.   L-Awtorità għandha tkun korp tal-Unjoni b’personalità ġuridika.

    2.   F’kull Stat Membru, l-Awtorità għandha tgawdi l-iżjed kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi skont il-liġi nazzjonali. Hija tista’, b’mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċedimenti legali.

    3.   L-Awtorità għandha tkun rappreżentata mill-President tagħha.

    Artikolu 4

    Sede

    L-Awtorità għandu jkollha s-sede tagħha fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja.

    KAPITOLU II

    KOMPITI U SETGĦAT TAL-AWTORITÀ

    TAQSIMA 1

    Kompiti u setgħat

    Artikolu 5

    Kompiti

    1.   L-Awtorità għandha twettaq il-kompiti li ġejjin fir-rigward tal-ML/TF li qed jiffaċċja s-suq intern:

    (a)

    timmonitorja l-iżviluppi fis-suq intern u tivvaluta t-theddid, il-vulnerabbiltajiet u r-riskji fir-rigward tal-ML/TF;

    (b)

    timmonitorja l-iżviluppi f’pajjiżi terzi u tivvaluta t-theddid, il-vulnerabbiltajiet u r-riskji fir-rigward tas-sistemi tal-AML/CFT tagħhom li għandhom impatt attwali jew potenzjali fuq is-suq intern;

    (c)

    tiġbor u tanalizza informazzjoni, mill-attivitajiet superviżorji tagħha stess u minn dawk tas-superviżuri u tal-awtoritajiet superviżorji, dwar id-dgħufijiet identifikati fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-AML/CFT mill-entitajiet marbuta b’obbligu, l-iskopertura għar-riskju tal-entitajiet marbuta b’obbligu, is-sanzjonijiet imposti u l-azzjonijiet ta’ rimedju meħuda;

    (d)

    tistabbilixxi bażi tad-data ċentrali tal-AML/CFT tal-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet superviżorji jew li tirriżulta mill-attivitajiet tal-Awtorità, u żżommha aġġornata;

    (e)

    tanalizza l-informazzjoni miġbura fil-bażi tad-data ċentrali u taqsam dawk l-analiżijiet mas-superviżuri, mal-awtoritajiet superviżorji u mal-awtoritajiet mhux tal-AML/CFT fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif u bażi kunfidenzjali;

    (f)

    tappoġġa l-analiżi tar-riskji tal-ML/TF u tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni u l-evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati li jaffettwaw is-suq intern, imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2024/1640;

    (g)

    tappoġġa, tiffaċilita u ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-entitajiet marbuta b’obbligu u s-superviżuri, l-awtoritajiet superviżorji u l-awtoritajiet mhux tal-AML/CFT sabiex jiżviluppaw fehim komuni tar-riskji tal-ML/TF u t-theddid li qed jiffaċċja s-suq intern, inkluż billi jipparteċipaw fi sħubijiet għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-qasam tal-AML/CFT;

    (h)

    toħroġ pubblikazzjonijiet u tipprovdi taħriġ, kif ukoll servizzi oħra fuq talba, sabiex tqajjem kuxjenza dwar ir-riskji tal-ML/TF u tindirizzahom;

    (i)

    tirrapporta lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe każ fejn l-Awtorità, fit-twettiq tal-kompiti tagħha, tiskopri li Stat Membru jkun ittraspona d-Direttiva (UE) 2024/1640 b’mod skorrett jew mhux komplut;

    (j)

    twettaq kwalunkwe kompitu speċifiku ieħor stipulat f’dan ir-Regolament jew fl-atti leġiżlattivi l-oħra msemmija fl-Artikolu 1(2).

    2.   L-Awtorità għandha twettaq il-kompiti li ġejjin fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula:

    (a)

    tiżgura l-konformità tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula mar-rekwiżiti applikabbli għalihom skont ir-Regolament (UE) 2024/1624 u r-Regolament (UE) 2023/1113, inklużi l-obbligi relatati mal-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati;

    (b)

    twettaq rieżamijiet u valutazzjonijiet superviżorji fil-livell tal-entitajiet individwali u fil-livell tal-grupp kollu sabiex tiddetermina jekk il-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli interni stabbiliti mill-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula jkunux adegwati biex jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli għalihom, u abbażi ta’ dawk ir-rieżamijiet u valutazzjonijiet superviżorji timponi rekwiżiti speċifiċi, tapplika miżuri amministrattivi, u timponi sanzjonijiet pekunarji u pagamenti perjodiċi ta’ penali skont l-Artikoli 21, 22 u 23;

    (c)

    tipparteċipa fis-superviżjoni tal-grupp kollu, b’mod partikolari fil-kulleġġi superviżorji tal-AML/CFT, inkluż meta entità marbuta b’obbligu magħżula tkun parti minn grupp li jkollu kwartieri ġenerali, sussidjarji jew fergħat barra mill-Unjoni;

    (d)

    tiżviluppa u żżomm aġġornata sistema biex tivvaluta r-riskji u l-vulnerabbiltajiet tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, sabiex tinforma l-attivitajiet superviżorji tal-Awtorità u tal-awtoritajiet superviżorji, inkluż permezz tal-ġbir ta’ data minn dawk l-entitajiet permezz ta’ kwestjonarji strutturati u għodod online u offline oħra.

    3.   L-Awtorità għandha twettaq il-kompiti li ġejjin fir-rigward tas-superviżuri finanzjarji:

    (a)

    iżżomm lista aġġornata tas-superviżuri finanzjarji fl-Unjoni;

    (b)

    twettaq valutazzjonijiet perjodiċi biex tiżgura li s-superviżuri finanzjarji kollha jkollhom riżorsi, setgħat u strateġiji adegwati neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fil-qasam tal-AML/CFT, u tagħmel ir-riżultati ta’ tali valutazzjonijiet disponibbli;

    (c)

    tieħu, bi tweġiba għal talba tas-superviżuri finanzjarji għall-Awtorità biex tassumi superviżjoni diretta jew fuq inizjattiva proprja tal-Awtorità, miżuri xierqa f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jirrikjedu l-intervent tal-Awtorità u relatati mal-konformità jew l-iskopertura għar-riskju tal-entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula;

    (d)

    tiffaċilita l-funzjonament tal-kulleġġi superviżorji tal-AML/CFT fis-settur finanzjarju;

    (e)

    tikkontribwixxi, f’kollaborazzjoni mas-superviżuri finanzjarji, għall-konverġenza tal-prattiki superviżorji u l-promozzjoni ta’ standards superviżorji għoljin fil-qasam tal-AML/CFT, inkluż fir-rigward tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti tal-AML/CFT relatati ma’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati;

    (f)

    tikkoordina l-iskambji ta’ persunal u ta’ informazzjoni fost is-superviżuri finanzjarji fl-Unjoni fil-qasam tal-AML/CFT;

    (g)

    tipprovdi assistenza, fil-qasam tal-AML/CFT, lis-superviżuri finanzjarji, wara t-talbiet speċifiċi tagħhom, inklużi t-talbiet biex timmedja bejn is-superviżuri finanzjarji;

    (h)

    tirriżolvi, b’effetti vinkolanti, in-nuqqas ta’ qbil bejn is-superviżuri finanzjarji relatat mal-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ entità marbuta b’obbligu, inkluż fil-kuntest tal-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT, wara talba speċifika kif imsemmi fil-punt (g).

    4.   L-Awtorità għandha twettaq il-kompiti li ġejjin fir-rigward tas-superviżuri mhux finanzjarji:

    (a)

    iżżomm lista aġġornata tas-superviżuri mhux finanzjarji fl-Unjoni;

    (b)

    tikkoordina l-evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-istandards u l-prattiki superviżorji fil-qasam tal-AML/CFT;

    (c)

    fil-qasam tal-AML/CFT, tinvestiga ksur potenzjali jew nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni minn superviżuri mhux finanzjarji u awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw il-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni, toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar kif jiġi rimedjat il-ksur identifikat u, meta s-superviżuri jew l-awtoritajiet pubbliċi ma jikkonformawx mar-rakkomandazzjonijiet, toħroġ twissijiet li jidentifikaw il-miżuri li jridu jiġu implimentati biex jimmitigaw l-effetti tal-ksur;

    (d)

    twettaq rieżamijiet perjodiċi biex tiżgura li s-superviżuri mhux finanzjarji kollha jkollhom riżorsi u setgħat adegwati neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fil-qasam tal-AML/CFT;

    (e)

    tikkontribwixxi għall-konverġenza ta’ prattiki superviżorji u l-promozzjoni ta’ standards superviżorji għoljin fil-qasam tal-AML/CFT;

    (f)

    tiffaċilita l-funzjonament tal-kulleġġi superviżorji tal-AML/CFT fis-settur mhux finanzjarju;

    (g)

    tipprovdi assistenza lis-superviżuri mhux finanzjarji, wara t-talbiet speċifiċi tagħhom, bħal talbiet biex timmedja bejn superviżuri mhux finanzjarji f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-miżuri li jridu jittieħdu fir-rigward ta’ entità marbuta b’obbligu, inkluż fil-kuntest tal-kulleġġi superviżorji tal-AML/CFT.

    Meta s-superviżjoni ta’ setturi speċifiċi tiġi ddelegata fil-livell nazzjonali lil korpi awtoregolatorji, l-Awtorità għandha teżerċita l-kompiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu fir-rigward tal-awtoritajiet superviżorji li jissorveljaw l-attivitajiet ta’ dawk il-korpi.

    5.   L-Awtorità għandha twettaq il-kompiti li ġejjin fir-rigward tal-FIUs u l-attivitajiet tagħhom fl-Istati Membri:

    (a)

    iżżomm lista aġġornata tal-FIUs fi ħdan l-Unjoni;

    (b)

    timmonitorja t-tibdil fil-qafas ġuridiku tal-FIUs, kif ukoll fl-organizzazzjoni tagħhom, b’enfasi fuq ir-riżorsi għat-twettiq tal-kompiti tagħhom;

    (c)

    tappoġġa l-ħidma tal-FIUs u tikkontribwixxi għal kooperazzjoni u koordinazzjoni mtejba bejn l-FIUs;

    (d)

    tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u l-għażla ta’ każijiet rilevanti għat-twettiq ta’ analiżijiet konġunti mill-FIUs;

    (e)

    tiżviluppa metodi u proċeduri xierqa għat-twettiq ta’ analiżijiet konġunti mill-FIUs ta’ każijiet transfruntiera;

    (f)

    tistabbilixxi, tikkoordina, torganizza u tiffaċilita t-twettiq ta’ analiżijiet konġunti mwettqa mill-FIUs;

    (g)

    tipprovdi assistenza lill-FIUs, fuq talbiet speċifiċi tagħhom, bħal talbiet għal medjazzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-FIUs;

    (h)

    twettaq rieżamijiet bejn il-pari tal-attivitajiet tal-FIUs li jkollhom fil-mira t-tisħiħ tal-konsistenza u l-effettività tagħhom u l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki;

    (i)

    tiżviluppa u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-FIUs għodod u servizzi li jtejbu l-kapaċitajiet ta’ analiżi tagħhom, kif ukoll servizzi u għodod tal-IT u tal-intelliġenza artifiċjali għall-kondiviżjoni sigura tal-informazzjoni, inkluż permezz tal-hosting tal-FIU.net;

    (j)

    tiżviluppa, taqsam u tippromwovi l-għarfien espert dwar il-metodi ta’ detezzjoni, analiżi u disseminazzjoni ta’ tranżazzjonijiet suspettużi;

    (k)

    fuq talba tal-FIUs, tipprovdilhom taħriġ u assistenza speċjalizzati, inkluż permezz tal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju, fl-ambitu tal-objettivi tal-Awtorità u f’konformità mar-riżorsi tal-persunal u baġitarji għad-dispożizzjoni tagħha;

    (l)

    tappoġġa, fuq talba tal-FIUs, l-interazzjoni tagħhom mal-entitajiet marbuta b’obbligu billi tipprovdi għarfien espert lill-entitajiet marbuta b’obbligu, inkluż it-titjib tas-sensibilizzazzjoni u tal-proċeduri tagħhom biex jidentifikaw attivitajiet u transazzjonijiet finanzjarji suspettużi u r-rapportar tagħhom lill-FIUs;

    (m)

    tħejji u tikkoordina l-valutazzjonijiet u l-analiżijiet strateġiċi tat-theddid, ir-riskji u l-metodi tal-ML/TF identifikati mill-FIUs.

    6.   Għall-fini li twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, l-Awtorità għandha tapplika l-liġi tal-Unjoni rilevanti kollha, u meta dik il-liġi tal-Unjoni tkun magħmula minn direttivi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-direttivi. Meta l-liġi applikabbli tkun magħmula minn regolamenti, u meta attwalment dawk ir-regolamenti jagħtu espliċitament opzjonijiet lill-Istati Membri, l-Awtorità għandha tapplika wkoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali li teżerċita dawk l-opzjonijiet.

    Artikolu 6

    Setgħat tal-Awtorità

    1.   Fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, l-Awtorità għandu jkollha s-setgħat superviżorji u investigattivi kif speċifikati fl-Artikoli 17 sa 21 u s-setgħa li timponi sanzjonijiet pekunarji u pagamenti perjodiċi ta’ penali kif speċifikat fl-Artikoli 22 u 23.

    L-Awtorità għandu jkollha wkoll is-setgħat u l-obbligi li s-superviżuri finanzjarji għandhom fil-qasam tal-AML/CFT skont il-liġi tal-Unjoni applikabbli, sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn dan ir-Regolament.

    Sa fejn ikun neċessarju biex twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ titlob lis-superviżuri finanzjarji, permezz ta’ istruzzjonijiet, biex jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom fil-qasam tal-AML/CFT, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali u f’konformità magħhom, meta dan ir-Regolament ma jagħtix tali setgħat lill-Awtorità.

    Għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Awtorità tista’ toħroġ deċiżjonijiet vinkolanti indirizzati lil entitajiet marbuta b’obbligu magħżula individwali. L-Awtorità għandu jkollha s-setgħa li tapplika miżuri amministrattivi u timponi sanzjonijiet pekunarji għan-nuqqas ta’ konformità mad-deċiżjonijiet meħuda fl-eżerċizzju tas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 21 f’konformità mal-Artikolu 22.

    2.   Fir-rigward tas-superviżuri u tal-awtoritajiet superviżorji, l-Awtorità għandu jkollha s-setgħat li ġejjin:

    (a)

    li tirrikjedi s-sottomissjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti, inklużi spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali, neċessarji għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, inkluża informazzjoni statistika u informazzjoni rigward il-proċessi jew l-arranġamenti interni tas-superviżuri u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, u li taċċessa u tislet dik l-informazzjoni mill-kwestjonarji strutturati komuni u għodod online u offline oħrajn żviluppati mill-Awtorità;

    (b)

    li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet;

    (c)

    li toħroġ talbiet għal azzjoni u istruzzjonijiet dwar miżuri li jridu jittieħdu fir-rigward ta’ entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula skont il-Kapitolu II, it-Taqsima 4;

    (d)

    li tagħmel medjazzjoni fuq talba ta’ superviżur finanzjarju jew superviżur mhux finanzjarju;

    (e)

    fuq it-talba tas-superviżuri finanzjarji, li ssolvi, b’effett vinkolanti, nuqqas ta’ qbil bejn is-superviżuri finanzjarji, inkluż fil-kuntest tal-kulleġġi superviżorji tal-AML/CFT.

    3.   Fir-rigward tal-FIUs fl-Istati Membri, l-Awtorità għandu jkollha s-setgħat li ġejjin:

    (a)

    li titlob data u analiżijiet mhux operazzjonali mill-FIUs, fejn ikunu neċessarji għall-valutazzjoni tat-theddid, il-vulnerabbiltajiet u r-riskji li qed jiffaċċja s-suq intern fir-rigward tal-ML/TF;

    (b)

    li tiġbor informazzjoni u statistika fir-rigward tal-kompiti u l-attivitajiet tal-FIUs;

    (c)

    li tikseb u tipproċessa l-informazzjoni u d-data meħtieġa biex tibda, twettaq u tikkoordina l-analiżijiet konġunti kif speċifikat fl-Artikolu 40;

    (d)

    li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet.

    4.   Għall-finijiet li twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1), l-Awtorità għandu jkollha s-setgħat li ġejjin:

    (a)

    li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji f’konformità mal-Artikolu 49;

    (b)

    li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 53;

    (c)

    li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 54;

    (d)

    li toħroġ opinjonijiet għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill u għall-Kummissjoni, kif previst fl-Artikolu 55.

    TAQSIMA 2

    Sistema superviżorja tal-AML/CFT

    Artikolu 7

    Kooperazzjoni fi ħdan is-sistema superviżorja tal-AML/CFT

    1.   L-Awtorità għandha tkun responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tas-sistema superviżorja tal-AML/CFT.

    2.   L-Awtorità u l-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu soġġetti għal dmir ta’ kooperazzjoni bona fede, u għal obbligu ta’ skambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-AML/CFT f’konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) 2023/1113, ir-Regolament (UE) 2024/1624 u d-Direttiva (UE) 2024/1640+.

    3.   Fuq talba tal-Awtorità, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lill-Awtorità bl-informazzjoni kollha rigward l-entitajiet marbuta b’obbligu li jibqgħu taħt superviżjoni diretta fil-livell nazzjonali li hija neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tal-Awtorità skont l-Artikolu 5(1), (3) u (4), meta l-awtoritajiet superviżorji jkollhom aċċess legali għal tali informazzjoni.

    4.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom jassistu lill-Awtorità tidentifika u tqis l-ispeċifiċitajiet tal-oqfsa legali nazzjonali rispettivi tagħhom, b’mod partikolari meta l-Awtorità tkun qed tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali li jittrasponu l-liġi tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 8

    Metodoloġija superviżorja tal-AML/CFT

    1.   F’kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji, l-Awtorità għandha tiżviluppa u żżomm metodoloġija superviżorja aġġornata u armonizzata tal-AML/CFT li tagħti dettalji dwar l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għas-superviżjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu fl-Unjoni. Dik il-metodoloġija għandha tinkludi linji gwida, rakkomandazzjonijiet, opinjonijiet u miżuri u strumenti oħra kif xieraq, inkluż b’mod partikolari standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni, abbażi tal-għoti tas-setgħat stabbiliti fl-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).

    2.   Meta tkun qiegħda tiżviluppa l-metodoloġija superviżorja, l-Awtorità għandha tagħmel distinzjoni bejn l-entitajiet marbuta b’obbligu, inkluż abbażi tal-attivitajiet tagħhom u t-tip u n-natura tar-riskji tal-ML/TF li huma esposti għalihom. Il-metodoloġija superviżorja għandha tkun ibbażata fuq ir-riskji u għandu jkun fiha tal-anqas l-elementi li ġejjin:

    (a)

    il-parametri referenzjarji u metodoloġija għall-klassifikazzjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu f’kategoriji ta’ riskju abbażi tal-profil tar-riskju residwu tagħhom, separatament għal kull kategorija ta’ entitajiet marbuta b’obbligu;

    (b)

    l-approċċi għar-rieżami superviżorju tal-awtovalutazzjonijiet tar-riskju tal-ML/TF tal-entitajiet marbuta b’obbligu;

    (c)

    l-approċċi għar-rieżami superviżorju tal-politiki u l-proċeduri interni tal-entitajiet marbuta b’obbligu, inklużi l-politiki u l-proċeduri tagħhom dwar id-diliġenza dovuta tal-klijenti, f’konformità ma’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-prevenzjoni tal-ML/TF;

    (d)

    l-approċċi għall-evalwazzjoni superviżorja tal-fatturi ta’ riskju inerenti tal-klijenti, ir-relazzjonijiet kummerċjali, it-tranżazzjonijiet u l-kanali ta’ konsenja tal-entitajiet marbuta b’obbligu, kif ukoll il-fatturi ta’ riskju ġeografiku, jew relatati magħhom.

    3.   L-Awtorità għandha tiżviluppa kwestjonarji strutturati u għodod online jew offline oħra li għandhom jintużaw mill-Awtorità u mis-superviżuri għall-finijiet li jitolbu, jiġbru, jikkompilaw u janalizzaw id-data u l-informazzjoni mill-entitajiet marbuta b’obbligu, inkluża d-data li għandha tiġi invokata fl-applikazzjoni tal-elementi tal-metodoloġija superviżorja elenkati fil-paragrafu 2.

    L-għodod żviluppati mill-Awtorità għandhom jiżguraw il-ġbir ta’ data u informazzjoni oġġettivi u komparabbli relatati mal-AML/CFT mill-entitajiet marbuta b’obbligu u jippermettu skambju effiċjenti u rapidu ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri u l-Awtorità.

    L-Awtorità għandha tagħmel ħilitha biex tiżviluppa dawk l-għodod hekk kif il-metodoloġija superviżorja tkun applikabbli fis-sistema superviżorja kollha tal-AML/CFT.

    4.   Il-metodoloġija superviżorja għandha tirrifletti standards superviżorji għoljin fil-livell tal-Unjoni u għandha tibni fuq standards u gwida internazzjonali rilevanti. L-Awtorità għandha tirrieżamina u taġġorna perjodikament il-metodoloġija superviżorja tagħha, b’kont meħud tal-evoluzzjoni tar-riskji li jaffettwaw is-suq intern, inklużi r-riskji u theddid identifikati mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi nazzjonali u l-FIUs. Il-metodoloġija superviżorja għandha, sa fejn ikun possibbli, tqis l-aħjar prattiki u l-gwida żviluppati minn dawk li jistabbilixxu l-istandards internazzjonali.

    Artikolu 9

    Rieżamijiet tematiċi

    1.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Diċembru ta’ kull sena, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu informazzjoni lill-Awtorità dwar ir-rieżamijiet superviżorji li bi ħsiebhom iwettqu, fuq bażi tematika, matul is-sena jew it-terminu superviżorju ta’ wara u li għandhom l-għan li jivvalutaw ir-riskji tal-ML/TF jew aspett speċifiku ta’ tali riskji li għalihom ikunu esposti diversi entitajiet marbuta b’obbligu fl-istess ħin. Għandha tingħata l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-ambitu ta’ kull rieżami tematiku ppjanat f’termini ta’ kategorija u l-għadd ta’ entitajiet marbuta b’obbligu inklużi u s-suġġett tar-rieżami;

    (b)

    il-perjodu ta’ żmien ta’ kull rieżami tematiku ppjanat;

    (c)

    it-tipi, in-natura u l-frekwenza ppjanati tal-attivitajiet superviżorji li għandhom jitwettqu fir-rigward ta’ kull rieżami tematiku, inklużi kwalunkwe spezzjoni fuq il-post jew tipi oħra ta’ interazzjoni diretta mal-entitajiet marbuta b’obbligu, fejn applikabbli.

    2.   Sal-aħħar ta’ kull sena, il-President tal-Awtorità għandu jippreżenta lill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja kif imsemmi fl-Artikolu 57(2) ippjanar konsolidat tar-rieżamijiet tematiċi li l-awtoritajiet superviżorji jkunu bi ħsiebhom iwettqu matul is-sena ta’ wara.

    3.   Meta l-ambitu u r-rilevanza għall-Unjoni kollha tar-rieżamijiet tematiċi jiġġustifikaw il-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni, dawn għandhom jitwettqu b’mod konġunt mill-awtoritajiet superviżorji rilevanti u għandhom jiġu kkoordinati mill-Awtorità. Il-Bord Eżekuttiv jista’ jipproponi rieżamijiet tematiċi konġunti abbażi ta’ analiżijiet disponibbli tat-theddid, tal-vulnerabbilitajiet u tar-riskji fis-suq intern. Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja għandu jfassal lista ta’ rieżamijiet tematiċi konġunti. Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja għandu jfassal rapport dwar it-twettiq, is-suġġett u l-eżitu ta’ kull rieżami tematiku konġunt. L-Awtorità għandha tippubblika dak ir-rapport fuq is-sit web tagħha.

    4.   L-Awtorità għandha tikkoordina l-attivitajiet tal-awtoritajiet superviżorji u tiffaċilita l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tar-rieżamijiet tematiċi konġunti msemmija fil-paragrafu 3. Kwalunkwe interazzjoni diretta ma’ entitajiet marbuta b’obbligu għajr l-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula fil-kuntest ta’ kwalunkwe rieżami tematiku għandha tibqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-awtorità superviżorja responsabbli għas-superviżjoni ta’ dawk l-entitajiet marbuta b’obbligu u ma għandhiex tiġi interpretata bħala trasferiment ta’ kompiti u setgħat relatati ma’ dawk l-entitajiet fis-sistema superviżorja tal-AML/CFT.

    5.   Meta r-rieżamijiet tematiċi ppjanati fil-livell nazzjonali ma jkunux soġġetti għal approċċ koordinat fil-livell tal-Unjoni, l-Awtorità għandha, b’mod konġunt mal-awtoritajiet superviżorji, tesplora l-ħtieġa u l-possibbiltà li tallinja jew tissinkronizza l-perjodu ta’ żmien ta’ dawk ir-rieżamijiet tematiċi, u għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet superviżorji li jwettqu dawk ir-rieżamijiet tematiċi. L-Awtorità għandha tiffaċilita wkoll kwalunkwe attività li l-awtoritajiet superviżorji rilevanti jistgħu jkunu jixtiequ jwettqu b’mod konġunt jew b’mod simili fil-kuntest tar-rieżamijiet tematiċi rispettivi tagħhom.

    6.   L-Awtorità għandha tiżgura li l-eżiti u l-konklużjonijiet tar-rieżamijiet tematiċi mwettqa fil-livell nazzjonali minn diversi awtoritajiet superviżorji jiġu kondiviżi mal-awtoritajiet superviżorji kollha, bl-eċċezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar entitajiet marbuta b’obbligu individwali. Tali kondiviżjoni tal-informazzjoni għandha tinkludi kwalunkwe konklużjoni komuni li tirriżulta minn skambji ta’ informazzjoni jew minn kwalunkwe attività konġunta jew koordinata li tinvolvi diversi awtoritajiet superviżorji.

    Artikolu 10

    Assistenza reċiproka fis-sistema superviżorja tal-AML/CFT

    1.   L-Awtorità tista’, kif ikun xieraq, tiżviluppa:

    (a)

    strumenti prattiċi ġodda u għodod ta’ konverġenza għall-promozzjoni ta’ approċċi superviżorji komuni u tal-aħjar prattiki;

    (b)

    għodod u metodi prattiċi għall-assistenza reċiproka wara:

    (i)

    talbiet speċifiċi mill-awtoritajiet superviżorji;

    (ii)

    ir-riferiment ta’ nuqqasijiet ta’ qbil bejn l-awtoritajiet superviżorji dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu b’mod konġunt minn diversi awtoritajiet superviżorji fir-rigward ta’ entità marbuta b’obbligu.

    2.   L-Awtorità għandha tiffaċilita u tinkoraġġixxi tal-anqas l-attivitajiet li ġejjin:

    (a)

    programmi ta’ taħriġ settorjali u transsettorjali, inkluż fir-rigward tal-innovazzjoni teknoloġika;

    (b)

    skambji ta’ persunal u l-użu ta’ skemi ta’ sekondar, ġemellaġġ u żjarat għal żmien qasir;

    (c)

    skambji tal-aħjar prattiki superviżorji bejn l-awtoritajiet superviżorji, meta awtorità waħda tkun żviluppat għarfien espert f’qasam speċifiku tal-prattiki superviżorji tal-AML/CFT.

    3.   Kull awtorità superviżorja tista’ tissottometti talba għal assistenza reċiproka relatata mal-kompiti superviżorji tagħha lill-Awtorità, filwaqt li tispeċifika t-tip ta’ assistenza li tfittex mill-persunal tal-Awtorità, il-persunal ta’ awtorità superviżorja waħda jew aktar, jew kombinament tagħhom. Jekk it-talba tkun tikkonċerna attivitajiet relatati mas-superviżjoni ta’ entitajiet marbuta b’obbligu speċifiċi, l-awtorità superviżorja rikjedenti għandha tittrażmetti lill-Awtorità l-informazzjoni u d-data neċessarji għall-għoti tal-assistenza. L-Awtorità għandha żżomm u taġġorna b’mod regolari l-informazzjoni dwar oqsma speċifiċi ta’ għarfien espert u dwar il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet superviżorji li jipprovdu assistenza reċiproka relatata mal-kompiti superviżorji tagħhom.

    4.   Meta l-Awtorità tintalab tipprovdi assistenza għat-twettiq ta’ kompiti superviżorji speċifiċi fil-livell nazzjonali fir-rigward ta’ entitajiet marbuta b’obbligu għajr l-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, l-awtorità superviżorja rikjedenti għandha tagħti dettalji, fit-talba tagħha, tal-kompiti li għalihom jintalab appoġġ. L-assistenza ma għandhiex tiġi interpretata bħala t-trasferiment, mill-awtorità superviżorja rikjedenti lill-Awtorità, ta’ kompiti superviżorji, setgħat, jew obbligu ta’ rendikont għas-superviżjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu għajr l-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula.

    5.   Meta l-Awtorità tkun tal-opinjoni li t-talba tkun xierqa u fattibbli, għandha tagħmel kull sforz biex tipprovdi l-assistenza mitluba, inkluż billi timmobilizza r-riżorsi umani proprji tagħha kif ukoll billi tiżgura li l-awtoritajiet superviżorji jimmobilizzaw ir-riżorsi fuq bażi volontarja.

    6.   Fi tmiem kull sena, il-President tal-Awtorità għandu jinforma lill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja dwar ir-riżorsi umani li l-Awtorità se talloka biex tipprovdi l-assistenza mitluba skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu matul is-sena ta’ wara. Meta d-disponibbiltà tar-riżorsi umani tinbidel minħabba t-twettiq ta’ kwalunkwe wieħed mill-kompiti msemmija fl-Artikolu 5(2), (3) u (4), il-President tal-Awtorità għandu jinforma lill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja b’dan.

    7.   Kwalunkwe interazzjoni bejn il-persunal tal-Awtorità u l-entità marbuta b’obbligu għandha tibqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-awtorità superviżorja responsabbli għas-superviżjoni ta’ dik l-entità. Tali interazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala trasferiment tal-kompiti jew tas-setgħat relatati ma’ entitajiet marbuta b’obbligu individwali fis-sistema superviżorja tal-AML/CFT.

    Artikolu 11

    Bażi tad-data ċentrali tal-AML/CFT

    1.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornata bażi tad-data ċentrali tal-informazzjoni skont dan l-Artikolu.

    L-Awtorità għandha tagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet superviżorji, l-awtoritajiet mhux tal-AML/CFT, u awtoritajiet u korpi nazzjonali oħra kompetenti biex jiżguraw il-konformità mad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29), id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30), id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31),ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32), id-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33), id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34) jew id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35), u lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, jiġifieri l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) (kollettivament, “l-ASEs”), fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif u bażi kunfidenzjali, fejn dan ikun neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

    L-Awtorità għandha tanalizza wkoll l-informazzjoni miġbura u tista’ taqsam ir-riżultati tal-analiżi tagħha fuq inizjattiva proprja tagħha mal-awtoritajiet superviżorji, meta l-fatt li jsir dan ikun jiffaċilita lill-attivitajiet superviżorji tagħhom, u fejn ikun rilevanti, mal-entitajiet marbuta b’obbligu.

    2.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom jittrażmettu lill-Awtorità tal-anqas l-informazzjoni li ġejja, inkluża d-data relatata ma’ entitajiet marbuta b’obbligu individwali, sabiex l-Awtorità ddaħħal dik l-informazzjoni fil-bażi tad-data:

    (a)

    lista tal-awtoritajiet superviżorji u tal-korpi awtoregolatorji kollha fl-Istati Membri tagħhom fdati bis-superviżjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu, inkluża informazzjoni dwar il-mandat, il-kompiti u s-setgħat tagħhom u, fejn applikabbli, l-identifikazzjoni tas-superviżur ewlieni jew il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni;

    (b)

    informazzjoni statistika dwar il-kategoriji u l-għadd ta’ entitajiet marbuta b’obbligu għal kull kategorija fl-Istat Membru tagħhom u informazzjoni bażika dwar il-profil tar-riskju ta’ dawk l-entitajiet;

    (c)

    il-miżuri amministrattivi applikati u s-sanzjonijiet pekunarji imposti matul is-superviżjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu individwali b’reazzjoni għall-ksur tar-rekwiżiti tal-AML/CFT, akkumpanjati minn:

    (i)

    ir-raġunijiet biex tiġi applikata l-miżura amministrattiva jew tiġi imposta s-sanzjoni pekunarja, bħan-natura tal-ksur;

    (ii)

    informazzjoni relatata dwar l-attivitajiet u l-eżiti superviżorji li wasslu biex tiġi applikata l-miżura amministrattiva jew tiġi imposta s-sanzjoni pekunarja;

    (d)

    kwalunkwe parir jew opinjoni relatati mar-riskji tal-ML/TF mogħtija lil awtoritajiet oħra fir-rigward tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, il-proċeduri tal-irtirar ta’ awtorizzazzjoni, u valutazzjonijiet “idonei u xierqa” tal-azzjonisti jew tal-membri tal-korp maniġerjali ta’ entitajiet marbuta b’obbligu individwali;

    (e)

    l-eżiti tal-valutazzjonijiet tagħhom tal-profili tar-riskju inerenti u residwu tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 12(1);

    (f)

    l-eżiti u r-rapporti ta’ rieżamijiet tematiċi u azzjonijiet superviżorji orizzontali oħra fir-rigward ta’ oqsma jew attivitajiet ta’ riskju għoli;

    (g)

    informazzjoni dwar l-attivitajiet superviżorji li wettqu matul l-aħħar sena kalendarja, miġbura skont l-Artikolu 40(5) tad-Direttiva (UE) 2024/1640;

    (h)

    informazzjoni statistika dwar il-persunal u riżorsi oħra tas-superviżuri u tal-awtoritajiet superviżorji.

    L-informazzjoni pprovduta skont l-ewwel subparagrafu ma għandhiex tinkludi referenzi għal suspetti speċifiċi rrappurtati skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (EU) 2024/1624.

    L-Awtorità għandha ddaħħal ukoll fil-bażi tad-data l-informazzjoni li tirriżulta mill-attivitajiet tagħha fil-qasam tas-superviżjoni diretta li tikkorrispondi għall-kategoriji ta’ informazzjoni elenkati fl-ewwel subparagrafu, kif ukoll ir-riżultati tal-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju mwettaq mill-Awtorità skont l-Artikolu 12.

    3.   L-Awtorità tista’ titlob lill-awtoritajiet superviżorji jipprovdu informazzjoni oħra minbarra dik imsemmija fil-paragrafu 2. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jaġġornaw kwalunkwe informazzjoni pprovduta hekk kif l-aġġornament ikun neċessarju jew fuq talba tal-Awtorità.

    4.   L-Awtorità għandha ddaħħal fil-bażi tad-data kwalunkwe data jew informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-attivitajiet superviżorji tal-AML/CFT li tiġi pprovduta minn awtoritajiet mhux tal-AML/CFT, awtoritajiet u korpi nazzjonali oħra li huma kompetenti biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/48/KE, id-Direttiva 2009/110/KE, id-Direttiva 2009/138/KE, id-Direttiva 2014/17/UE, ir-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2014/56/UE, id-Direttiva 2014/65/UE jew id-Direttiva (UE) 2015/2366, jew mill-ASEs.

    L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi każijiet meta l-awtoritajiet u l-korpi msemmija f’dak is-subparagrafu jkollhom raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li qed isir tentattiv ta’ ML/TF jew li qed jitwettaq jew li jeżisti riskju akbar ta’ dan b’rabta ma’ entità marbuta b’obbligu, u meta tali raġunijiet raġonevoli rriżultaw fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompiti rispettivi tagħhom. Il-bażi tad-data għandha tinkludi wkoll informazzjoni rilevanti li l-awtoritajiet jew il-korpi li jissorveljaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’konformità mad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36), inkluż il-BĊE meta jaġixxu f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, ikunu kisbu fil-kuntest ta’ superviżjoni kontinwa, inkluża informazzjoni dwar il-valutazzjonijiet tal-mudell tan-negozju, il-valutazzjonijiet tal-arranġamenti ta’ governanza, il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, il-valutazzjonijiet tal-akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti, il-valutazzjonijiet “idonei u xierqa” u l-proċeduri relatati mal-irtirar tal-liċenzji.

    5.   L-awtoritajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, jistgħu jindirizzaw lill-Awtorità talba motivata għall-informazzjoni miġbura skont dan l-Artikolu, jekk dik l-informazzjoni tkun neċessarja għall-attivitajiet superviżorji tagħhom. L-Awtorità għandha tivvaluta dawk it-talbiet u tipprovdi l-informazzjoni mitluba fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif u kunfidenzjali u f’waqtha. L-Awtorità għandha tinforma lill-awtorità jew lill-korp li inizjalment ipprovdiet l-informazzjoni mitluba tal-identità tal-awtorità jew korp rikjedenti, l-identità ta’ kwalunkwe entità marbuta b’obbligu kkonċernata, ir-raġuni għat-talba għall-informazzjoni kif ukoll jekk l-informazzjoni tkunx ġiet ipprovduta lill-awtorità jew il-korp rikjedenti. Meta l-Awtorità tiddeċiedi li ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba, għandha tipprovdi ġustifikazzjoni motivata għal dik id-deċiżjoni.

    6.   L-Awtorità għandha tiżviluppa l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

    (a)

    il-proċedura, il-formati u l-kronoloġiji għat-trażmissjoni tal-informazzjoni skont il-paragrafi 2 u 3;

    (b)

    il-kamp ta’ applikazzjoni u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa, filwaqt li jitqiesu d-distinzjonijiet rilevanti bejn l-entitajiet marbuta b’obbligu, bħall-profil tar-riskju tagħhom;

    (c)

    l-ambitu u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu fis-settur mhux finanzjarju;

    (d)

    it-tip ta’ informazzjoni li d-divulgazzjoni tagħha mill-Awtorità, skont talba motivata jew fuq inizjattiva proprja tagħha, teħtieġ il-kunsens minn qabel tal-awtorità superviżorja li oriġinatha;

    (e)

    liema livell ta’ materjalità jeħtieġ li jkollu ksur sabiex awtorità superviżorja tkun obbligata tittrażmetti informazzjoni dwar il-ksur skont il-paragrafu 2, il-punt (c);

    (f)

    il-kundizzjonijiet li bihom l-Awtorità tista’ titlob informazzjoni addizzjonali skont il-paragrafu 3;

    (g)

    it-tipi ta’ informazzjoni addizzjonali li għandhom jiġu trażmessi lill-Awtorità skont il-paragrafu 3.

    L-Awtorità għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Diċembru 2025.

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 49 ta’ dan ir-Regolament.

    7.   Id-data personali miġbura f’konformità ma’ dan l-Artikolu tista’ tinżamm f’format identifikabbli għal perjodu massimu ta’ 10 snin wara d-data li fiha l-Awtorità tiġbor id-data, u fi tmiem ta’ tali perjodu d-data personali għandha titħassar. Abbażi ta’ valutazzjoni regolari tan-neċessità tagħha, id-data personali tista’ titħassar, fuq bażi ta’ każ b’każ, qabel ma jiskadi dak il-perjodu.

    TAQSIMA 3

    Superviżjoni diretta ta’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula

    Artikolu 12

    Valutazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għall-finijiet tal-għażla għas-superviżjoni diretta

    1.   Għall-finijiet li twettaq il-kompiti elenkati fl-Artikolu 5(2), l-Awtorità, f’kollaborazzjoni mas-superviżuri finanzjarji, għandha twettaq valutazzjoni perjodika tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-istituzzjonijiet finanzjarji, u tal-gruppi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, meta joperaw, kemm jekk permezz ta’ stabbilimenti kif ukoll jekk taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, f’mill-anqas sitt Stati Membri, inkluż l-Istat Membru domiċiljari, irrispettivament minn jekk l-attivitajiet jitwettqux permezz ta’ infrastruttura fit-territorju kkonċernat jew remotament.

    2.   L-awtoritajiet superviżorji, u l-entitajiet marbuta b’obbligu soġġetti għal valutazzjoni perjodika, għandhom jipprovdu lill-Awtorità bi kwalunkwe informazzjoni neċessarja biex twettaq il-valutazzjoni perjodika msemmija fil-paragrafu 1.

    3.   Il-profili tar-riskju inerenti u residwu tal-entitajiet marbuta b’obbligu vvalutati skont fil-paragrafu 1 għandhom jiġu kklassifikati mill-Awtorità bħala baxx, medju, sostanzjali jew għoli, abbażi tal-parametri referenzjarji u skont il-metodoloġija stabbilita fl-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 7. Meta l-entità marbuta b’obbligu vvalutata tkun parti minn grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji, il-profil tar-riskju għandu jiġi kklassifikat fil-livell tal-grupp kollu.

    4.   Il-metodoloġija għall-klassifikazzjoni tal-profili tar-riskju inerenti u residwu għandha tiġi stabbilita separatament għal mill-anqas il-kategoriji li ġejjin ta’ entitajiet marbuta b’obbligu:

    (a)

    istituzzjonijiet ta’ kreditu;

    (b)

    bureaux de change;

    (c)

    impriżi ta’ investiment kollettiv;

    (d)

    fornituri ta’ kreditu għajr istituzzjonijiet ta’ kreditu;

    (e)

    istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi;

    (f)

    ditti ta’ investiment;

    (g)

    istituzzjonijiet ta’ pagament;

    (h)

    impriżi tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja;

    (i)

    intermedjarji tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja;

    (j)

    fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi;

    (k)

    istituzzjonijiet finanzjarji oħra.

    5.   Għal kull kategorija ta’ entitajiet marbuta b’obbligu msemmija fil-paragrafu 4, il-parametri referenzjarji għall-valutazzjoni tar-riskju inerenti fil-metodoloġija tal-valutazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq il-kategoriji tal-fatturi ta’ riskju relatati mal-klijenti, il-prodotti, is-servizzi, it-tranżazzjonijiet, il-kanali ta’ konsenja u ż-żoni ġeografiċi. Il-parametri referenzjarji għandhom jiġu stabbiliti għal mill-anqas l-indikaturi li ġejjin ta’ riskju inerenti fi kwalunkwe Stat Membru li fih joperaw l-entitajiet marbuta b’obbligu:

    (a)

    fir-rigward tar-riskju relatat mal-klijent: is-sehem ta’ klijenti mhux residenti minn pajjiżi terzi identifikati skont il-Kapitolu III, it-Taqsima 2, tar-Regolament (UE) 2024/1624, il-preżenza u s-sehem ta’ klijenti identifikati bħala persuni politikament esposti;

    (b)

    fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi offruti:

    (i)

    is-sinifikanza u l-volum ta’ negozjar ta’ prodotti u servizzi identifikati bħala l-aktar vulnerabbli għar-riskji tal-ML/TFjew fil-livell tas-suq intern, fil-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni, jew fil-livell tal-pajjiż, fil-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali;

    (ii)

    għall-fornituri ta’ servizzi ta’ rimessa ta’ flus, is-sinifikanza tal-attivitajiet annwali aggregati ta’ emissjoni u riċeviment ta’ kull mittent fil-pajjiżi identifikati skont il-Kapitolu III, it-Taqsima 2, tar-Regolament (UE) 2024/1624;

    (iii)

    il-volum relattiv ta’ prodotti, servizzi u tranżazzjonijiet li joffru livell konsiderevoli ta’ protezzjoni tal-privatezza u l-identità tal-klijenti jew forma oħra ta’ anonimità;

    (c)

    fir-rigward taż-żoni ġeografiċi:

    (i)

    il-volum annwali ta’ servizzi bankarji korrispondenti u servizzi tal-kriptoassi korrispondenti, ipprovduti minn entitajiet tas-settur finanzjarju tal-Unjoni f’pajjiżi terzi identifikati skont il-Kapitolu III, it-Taqsima 2, tar-Regolament (UE) 2024/1624;

    (ii)

    l-għadd u s-sehem ta’ klijenti bankarji u klijenti tal-kriptoassi korrispondenti f’pajjiżi terzi identifikati skont il-Kapitolu III, it-Taqsima 2, tar-Regolament (UE) 2024/1624.

    6.   Għal kull kategorija ta’ entità marbuta b’obbligu msemmija fil-paragrafu 4, il-valutazzjoni tar-riskju residwu fil-metodoloġija ta’ valutazzjoni għandha tinkludi parametri referenzjarji għall-valutazzjoni tal-kwalità ta’ politiki, kontrolli u proċeduri interni stabbiliti mill-entitajiet marbuta b’obbligu biex jimmitigaw ir-riskju inerenti tagħhom.

    7.   L-Awtorità għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

    (a)

    l-attivitajiet minimi li għandhom jitwettqu minn istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kemm jekk permezz tal-infrastruttura kif ukoll remotament, biex titqies li topera fi Stat Membru għajr dak fejn tkun stabbilita;

    (b)

    il-metodoloġija bbażata fuq il-parametri referenzjarji msemmija fil-paragrafi 5 u 6 għall-klassifikazzjoni tal-profili tar-riskju inerenti u residwu ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji, jew gruppi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji, bħala baxx, medju, sostanzjali jew għoli.

    L-Awtorità għandha tissottometti l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji tagħha lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2026.

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 49 ta’ dan ir-Regolament.

    8.   L-Awtorità għandha tirrieżamina l-parametri referenzjarji u l-metodoloġija mill-anqas kull tliet snin. Fejn ikunu meħtieġa emendi, l-Awtorità għandha tissottometti abbozzi emendati ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni.

    Artikolu 13

    L-elenkar tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula

    1.   L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji, u l-gruppi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji, li l-profil tar-riskju residwu tagħhom ikun ġie kklassifikat bħala għoli skont l-Artikolu 12 għandhom jikkwalifikaw bħala entitajiet marbuta b’obbligu magħżula.

    2.   Madankollu, meta jiġu identifikati aktar minn 40 entità skont il-paragrafu 1, l-Awtorità tista’, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji, taqbel li tillimita l-għażla għal għadd differenti speċifiku ta’ entitajiet jew gruppi li jkun akbar minn 40.

    Meta tiddeċiedi dwar l-għadd differenti speċifiku ta’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Awtorità għandha tqis ir-riżorsi proprji tagħha f’termini tal-kapaċità tagħha li talloka jew timpjega wkoll l-għadd neċessarju ta’ persunal superviżorju u ta’ appoġġ u għandha tiżgura li ż-żieda meħtieġa fir-riżorsi finanzjarji u umani tkun fattibbli.

    Skont id-deċiżjoni dwar l-għadd massimu, l-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula għandhom ikunu dawk l-entitajiet marbuta b’obbligu li jikkwalifikaw skont il-paragrafu 1 li qed joperaw fl-ogħla numru ta’ Stati Membri kemm jekk permezz ta’ stabbilimenti kif ukoll jekk taħt il-libertà li jipprovdu servizzi.

    Meta l-applikazzjoni tal-kriterju msemmi fit-tielet subparagrafu trendi aktar mill-għadd massimu stabbilit ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula, l-Awtorità għandha tagħżel, mill-entitajiet marbutin b’obbligu li jintgħażlu f’konformità ma’ dak is-subparagrafu u li joperaw fl-iżgħar għadd ta’ Stati Membri, dawk li għandhom l-ogħla proporzjon tal-volum ta’ tranżazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi għall-volum totali ta’ tranżazzjonijiet imkejla matul l-aħħar sena finanzjarja.

    3.   Meta fi Stat Membru l-ebda istituzzjoni ta’ kreditu, istituzzjoni finanzjarja jew grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji li jkunu stabbiliti, awtorizzati jew irreġistrati, jew li jkollhom sussidjarja hemmhekk u li l-profil tar-riskju tagħhom ikun ikklassifikat bħala għoli, ma jikkwalifikaw bħala entità marbuta b’obbligu magħżula skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha twettaq proċess tal-għażla addizzjonali f’dak l-Istat Membru, abbażi tal-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 12(7), il-punt (b).

    Wara l-proċess tal-għażla addizzjonali, l-istituzzjoni ta’ kreditu, l-istituzzjoni finanzjarja jew grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji, stabbiliti jew irreġistrati f’dak l-Istat Membru li l-profil tar-riskju tagħhom huwa kklassifikat bħala għoli, għandhom jikkwalifikaw bħala entità marbuta b’obbligu magħżula.

    Meta diversi istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji, jew gruppi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji, fl-Istat Membru inkwistjoni jkollhom profil tar-riskju li jkun ikklassifikat bħala għoli, l-entità li topera fl-ogħla numru ta’ Stati Membri kemm jekk permezz ta’ stabbilimenti kif ukoll jekk taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha tikkwalifika bħala l-entità marbuta b’obbligu magħżula. Jekk diversi istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji, jew gruppi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji, joperaw fl-istess numru ta’ Stati Membri, l-entità bl-ogħla proporzjon ta’ volum ta’ tranżazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi għall-volum ta’ tranżazzjonijiet totali mkejjel matul l-aħħar sena finanzjarja għandha tikkwalifika bħala entità marbuta b’obbligu magħżula.

    4.   L-Awtorità għandha tibda l-ewwel proċess ta’ għażla sal-1 ta’ Lulju 2027 u għandha tikkonkludi l-għażla fi żmien sitt xhur mid-data tal-bidu. Sussegwentement, il-proċess tal-għażla għandha ssir kull tliet snin wara d-data tal-bidu tal-ewwel għażla, u għandha tiġi konkluża fi żmien sitt xhur f’kull proċess tal-għażla. Il-lista tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula għandha tiġi ppubblikata mill-Awtorità mingħajr dewmien żejjed mat-tlestija tal-proċess tal-għażla. L-Awtorità għandha tibda superviżjoni diretta tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tal-lista.

    5.   Qabel il-pubblikazzjoni tal-lista tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, l-Awtorità għandha tinforma lill-awtoritajiet rilevanti mhux tal-AML/CFT dwar l-eżiti tal-proċess ta’ valutazzjoni u l-klassifikazzjoni tar-riskju inerenti u residwu tal-entitajiet marbuta b’obbligu soġġetti għal valutazzjoni.

    6.   Entità marbuta b’obbligu magħżula għandha tibqa’ soġġetta għal superviżjoni diretta mill-Awtorità sakemm l-Awtorità tibda s-superviżjoni diretta ta’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula abbażi ta’ lista stabbilita għall-perjodu ta’ għażla sussegwenti li ma tkunx għadha tinkludi dik l-entità marbuta b’obbligu.

    Artikolu 14

    Trasferiment addizzjonali ta’ kompiti u setgħat ta’ superviżjoni diretta f’ċirkostanzi eċċezzjonali fuq it-talba ta’ superviżur finanzjarju

    1.   Superviżur finanzjarju jista’ jissottometti talba motivata lill-Awtorità biex l-Awtorità tassumi superviżjoni diretta u twettaq il-kompiti elenkati fl-Artikolu 5(2) fir-rigward ta’ entità marbuta b’obbligu mhux magħżula partikolari.

    It-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi sottomessa biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali bl-għan li jiġi indirizzat fil-livell tal-Unjoni riskju akbar ta’ ML/TF jew nuqqasijiet ta’ konformità f’entità marbuta b’obbligu mhux magħżula u biex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.

    2.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

    (a)

    tidentifika l-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula li fir-rigward tagħha s-superviżur finanzjarju jkun tal-fehma li l-Awtorità għandha tassumi superviżjoni diretta;

    (b)

    tiddikjara r-raġunijiet għala s-superviżjoni diretta tal-AML/CFT tal-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula hija neċessarja;

    (c)

    tidentifika u tiġġustifika kif xieraq id-data proposta tat-trasferiment u l-perjodu li għalih jintalab it-trasferiment tal-kompiti u s-setgħat; u

    (d)

    tipprovdi l-informazzjoni, id-data u l-evidenza ta’ sostenn kollha neċessarji li jistgħu jkunu utli għall-valutazzjoni tat-talba.

    3.   It-talba tas-superviżur finanzjarju għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jindika l-istorja tas-superviżjoni u l-profil tar-riskju tal-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula rilevanti. L-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula għandha tiġi infurmata dwar it-talba u l-kronoloġija proposti fiha.

    4.   L-Awtorità għandha tivvaluta t-talba msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien xahrejn, jew f’perjodu ta’ żmien li jippermetti t-trasferiment tal-kompiti u s-setgħat sad-data proposta fit-talba, skont liema tkun l-itwal. L-Awtorità għandha taqbel biss mat-trasferiment mitlub tas-superviżjoni diretta fejn tiġi ssodisfata mill-anqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    is-superviżur rikjedenti jista’ juri l-ineffikaċja tal-miżuri superviżorji imposti fuq l-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula fir-rigward ta’ ksur serju, ripetut jew sistematiku tar-rekwiżiti applikabbli;

    (b)

    ir-riskju akbar ta’ ML/TF jew il-ksur serju, ripetut jew sistematiku tar-rekwiżiti applikabbli jaffettwaw diversi entitajiet fi ħdan grupp ta’ entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula, u s-superviżuri finanzjarji rilevanti jaqblu li azzjoni superviżorja kkoordinata fil-livell tal-Unjoni tkun aktar effettiva biex tindirizzahom;

    (c)

    it-talba tikkonċerna nuqqas temporanju, oġġettiv u dimostrabbli ta’ kapaċità fil-livell tas-superviżur finanzjarju biex jindirizza b’mod adegwat u f’waqtu r-riskju ta’ ML/TF ta’ entità marbuta b’obbligu mhux magħżula.

    5.   Meta l-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità jsib li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 4 ġew issodisfati, huwa għandu jadotta deċiżjoni indirizzata lis-superviżur finanzjarju rikjedenti u lill-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula kkonċernata li tinnotifikahom bl-aċċettazzjoni tat-talba. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data li fiha l-Awtorità għandha tassumi s-superviżjoni diretta u t-tul ta’ żmien ta’ tali superviżjoni. Mid-data li fiha l-Awtorità għandha tassumi s-superviżjoni diretta, l-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula kkonċernata għandha titqies bħala entità marbuta b’obbligu magħżula għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

    Malli tintemm id-durata tas-superviżjoni diretta mill-Awtorità, stabbilita fid-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-kompiti u s-setgħat relatati mas-superviżjoni diretta tal-entità marbuta b’obbligu kkonċernata għandhom jiġu ttrasferiti lura awtomatikament lis-superviżur finanzjarju, sakemm l-Awtorità ma testendix l-applikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni wara talba korrispondenti magħmula mis-superviżur finanzjarju f’konformità mal-paragrafi 1 sa 4.

    6.   Meta l-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità jirrifjuta t-talba tas-superviżur finanzjarju, huwa għandu jipprovdi r-raġunijiet għal dan bil-miktub, filwaqt li jindika b’mod ċar liema kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 4 ma ġewx issodisfati. L-Awtorità għandha tikkonsulta lis-superviżur finanzjarju qabel ma tieħu deċiżjoni u għandha tiżgura li l-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula tkun informata dwar l-eżitu tal-proċess.

    Artikolu 15

    Kooperazzjoni fi ħdan is-sistema superviżorja tal-AML/CFT għall-finijiet ta’ superviżjoni diretta

    1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 21(3), il-punt (a), li tirċievi direttament, jew ikollha aċċess dirett għall-informazzjoni rrapportata fuq bażi kontinwa mill-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, is-superviżuri finanzjarji għandhom jipprovdu lill-Awtorità bl-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Awtorità f’konformità ma’ dan ir-Regolament u ma’ liġijiet tal-Unjoni applikabbli oħrajn.

    2.   Fejn ikun xieraq, is-superviżuri finanzjarji għandhom jassistu lill-Awtorità fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe att relatat mal-kompiti msemmija fl-Artikolu 5(2), il-punt (b), fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula kollha, inkluża l-assistenza fl-attivitajiet ta’ verifika. Huma għandhom isegwu l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Awtorità meta jwettqu dawk il-kompiti.

    3.   L-Awtorità għandha tiżviluppa standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw:

    (a)

    il-kundizzjonijiet li bihom is-superviżuri finanzjarji għandhom jassistu lill-Awtorità skont il-paragrafu 2;

    (b)

    il-proċess ta’ valutazzjoni perjodika msemmi fl-Artikolu 12(1), inklużi r-rwoli tal-awtoritajiet superviżorji u tal-Awtorità biex jivvalutaw il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji msemmija f’dak il-paragrafu;

    (c)

    l-arranġamenti ta’ ħidma għat-trasferiment tal-kompiti u s-setgħat superviżorji lill-Awtorità jew mill-Awtorità għal-livell nazzjonali wara proċess tal-għażla, inklużi arranġamenti dwar il-kontinwità ta’ proċeduri jew investigazzjonijiet superviżorji pendenti;

    (d)

    il-proċeduri għat-tħejjija u l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-entitajiet marbuta b’obbligu;

    (e)

    ir-regoli u l-arranġamenti dettaljati għall-kompożizzjoni u l-funzjonament tat-timijiet superviżorji konġunti msemmija fl-Artikolu 16(1) u (2).

    L-Awtorità għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2026.

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 53.

    Artikolu 16

    Timijiet superviżorji konġunti

    1.   Għandu jiġi stabbilit tim superviżorju konġunt għas-superviżjoni ta’ kull entità marbuta b’obbligu magħżula. Kull tim superviżorju konġunt għandu jkun magħmul minn persunal mill-Awtorità u mis-superviżuri finanzjarji responsabbli għas-superviżjoni tal-entità marbuta b’obbligu magħżula fil-livell nazzjonali. Il-membri tat-tim superviżorju konġunt għandhom jinħatru f’konformità mal-paragrafu 4 u għandhom jaħdmu taħt il-koordinazzjoni ta’ membru tal-persunal maħtur mill-Awtorità (“koordinatur tat-TSK”).

    2.   Il-koordinatur tat-TSK għandu jiżgura l-koordinazzjoni tal-ħidma fi ħdan it-tim superviżorju konġunt. Il-membri tat-tim superviżorju konġunt għandhom isegwu l-istruzzjonijiet tal-koordinatur tat-TSK fir-rigward tal-kompiti tagħhom fit-tim superviżorju konġunt. Dan għandu jkun mingħajr ħsara għall-kompiti u d-dmirijiet tagħhom fis-superviżuri finanzjarji rispettivi tagħhom.

    Kull superviżur finanzjarju li jaħtar aktar minn membru wieħed tal-persunal għat-tim superviżorju konġunt skont il-paragrafu 4 jista’ jaħtar wieħed minnhom bħala sottokoordinatur (“sottokoordinatur nazzjonali”). Is-sottokoordinaturi nazzjonali għandhom jassistu lill-koordinatur tat-TSK fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-kompiti fit-tim superviżorju konġunt, b’mod partikolari fir-rigward tal-membri tal-persunal li nħatru mill-istess superviżur finanzjarju bħas-sottokoordinatur nazzjonali rilevanti. Is-sottokoordinatur nazzjonali jista’ jagħti istruzzjonijiet lill-membri tat-tim superviżorju konġunt maħtur mill-istess superviżur finanzjarju, sakemm dawk l-istruzzjonijiet ma jmorrux kontra l-istruzzjonijiet mogħtija mill-koordinatur tat-TSK.

    3.   Il-kompiti ta’ tim superviżorju konġunt għandhom jinkludu dan li ġej:

    (a)

    it-twettiq tar-rieżamijiet u l-valutazzjonijiet superviżorji tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula;

    (b)

    il-koordinazzjoni ta’ spezzjonijiet fuq il-post ta’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula u t-tħejjija ta’ miżuri superviżorji, fejn ikun neċessarju;

    (c)

    il-parteċipazzjoni fit-tħejjija tal-abbozzi ta’ deċiżjonijiet applikabbli għall-entità marbuta b’obbligu magħżula rispettiva li għandhom jiġu proposti lill-Bord Ġenerali u lill-Bord Eżekuttiv, filwaqt li jitqiesu r-rieżamijiet, il-valutazzjonijiet u l-ispezzjonijiet fuq il-post imsemmija fil-punti (a) u (b);

    (d)

    il-koordinazzjoni mas-superviżuri finanzjarji fejn dak ikun neċessarju għall-eżerċizzji ta’ kompiti superviżorji fi kwalunkwe Stat Membru fejn tkun stabbilita entità marbuta b’obbligu magħżula.

    4.   L-Awtorità għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment u l-kompożizzjoni tat-timijiet superviżorji konġunti. L-Awtorità u s-superviżuri finanzjarji kkonċernati għandhom jaħtru persuna waħda jew aktar mill-persunal tagħhom bħala membru jew membri ta’ tim superviżorju konġunt. Membru jista’ jinħatar bħala membru ta’ aktar minn tim superviżorju konġunt wieħed.

    5.   L-Awtorità u s-superviżuri finanzjarji għandhom jikkonsultaw lil xulxin u jaqblu dwar l-użu tal-persunal fir-rigward tat-timijiet superviżorji konġunti.

    6.   L-Awtorità għandha tiżviluppa regoli u proċeduri operazzjonali interni rigward il-kompożizzjoni tat-timijiet superviżorji konġunti, b’mod partikolari fir-rigward tal-persunal minn kull superviżur finanzjarju, l-istatus tal-persunal mis-superviżuri finanzjarji u l-allokazzjoni tar-riżorsi umani mill-Awtorità lit-timijiet superviżorji konġunti, li għandhom jiżguraw li dawk it-timijiet ikunu magħmula minn persunal b’livell suffiċjenti ta’ għarfien, għarfien espert u esperjenza, u b’għarfien, sfondi, għarfien espert u esperjenza varjati biżżejjed.

    Artikolu 17

    Talbiet għal informazzjoni

    1.   L-Awtorità tista’ tirrikjedi li l-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula u l-persuni fiżiċi impjegati minnhom jew il-persuni ġuridiċi li jappartjenu għalihom, u l-partijiet terzi li l-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula jkunu esternalizzawhom funzjonijiet jew attivitajiet operazzjonali u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi affiljati magħhom, jipprovdulha l-informazzjoni kollha li tkun teħtieġ biex twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u liġijiet tal-Unjoni applikabbli oħrajn.

    2.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ tal-persuni ġuridiċi jew tal-assoċjazzjonijiet li ma jkollhom l-ebda personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom, għandhom jagħtu l-informazzjoni mitluba mingħajr dewmien żejjed, u jiżguraw li tkun ċara, preċiża u kompluta. L-avukati debitament awtorizzati biex jaġixxu jistgħu jagħtu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawk il-klijenti għandhom jibqgħu kompletament responsabbli meta l-informazzjoni mogħtija ma tkunx kompluta jew tkun skorretta jew qarrieqa.

    3.   Meta l-Awtorità tikseb l-informazzjoni mitluba skont il-paragrafu 1, hija għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għas-superviżur finanzjarju kkonċernat.

    Artikolu 18

    Investigazzjonijiet ġenerali

    1.   Sabiex twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ twettaq l-investigazzjonijiet kollha neċessarji ta’ kwalunkwe entità marbuta b’obbligu magħżula jew ta’ kwalunkwe persuna fiżika impjegata minnha jew kwalunkwe persuna ġuridika li tappartjeni għaliha, li tkun stabbilita jew li tinsab fi Stat Membru.

    Għal dak il-għan, l-Awtorità tista’:

    (a)

    titlob is-sottomissjoni ta’ dokumenti;

    (b)

    teżamina l-kotba u r-rekords tal-persuni kkonċernati u tieħu kopji jew estratti mill-kotba u mir-rekords;

    (c)

    tikseb aċċess għar-rapporti tal-awditjar intern, iċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet, u kwalunkwe software, bażijiet tad-data, għodod tal-IT jew mezzi elettroniċi oħra għar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni;

    (d)

    tikseb aċċess għal dokumenti u informazzjoni relatati mal-proċessi deċiżjonali, inklużi dawk żviluppati minn algoritmi jew proċessi diġitali oħra;

    (e)

    tikseb spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali minn kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 17 jew ir-rappreżentanti jew il-persunal tagħhom;

    (f)

    tintervista kwalunkwe persuna oħra li tagħti l-kunsens tagħha biex tiġi intervistata għall-fini li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni.

    2.   Il-persuni msemmija fl-Artikolu 17 għandhom ikunu soġġetti għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta’ deċiżjoni tal-Awtorità. Meta persuna tostakola t-twettiq tal-investigazzjoni, is-superviżur finanzjarju tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-bini rilevanti għandu jipprovdi, f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-assistenza neċessarja, inkluż l-iffaċilitar tal-aċċess mill-Awtorità għall-post minn fejn joperaw il-persuni fiżiċi u ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 17, sabiex ikunu jistgħu jiġu eżerċitati s-setgħat elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 19

    Spezzjonijiet fuq il-post

    1.   Sabiex twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’, soġġett għal notifika minn qabel tas-superviżur finanzjarju kkonċernat, twettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha neċessarji fil-bini minn fejn joperaw il-persuni fiżiċi u ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 17. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li l-bini minn fejn joperaw ikun ukoll ir-residenza privata tagħhom, l-Awtorità għandha tfittex u tikseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja għal spezzjoni fuq il-post. Meta t-twettiq xieraq u l-effiċjenza tal-ispezzjoni jkunu jeħtieġu dan, l-Awtorità tista’ twettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr avviż minn qabel lil dawk il-persuni fiżiċi u ġuridiċi.

    2.   L-Awtorità tista’ tiddeċiedi li tafda t-twettiq tal-ispezzjonijiet fuq il-post lil tim superviżorju konġunt f’konformità mal-Artikolu 16 jew lil tim iddedikat, li jista’ jinkludi membri tat-tim superviżorju konġunt fejn applikabbli. L-Awtorità għandha tkun responsabbli biex tistabbilixxi u tifforma timijiet ta’ spezzjoni fuq il-post, li għandu jsir f’kooperazzjoni mas-superviżuri finanzjarji.

    3.   Il-persunal tal-Awtorità u persuni oħra awtorizzati mill-Awtorità biex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini u art fejn joperaw il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi soġġetti għal deċiżjoni dwar investigazzjoni adottata mill-Awtorità u, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li l-bini minn fejn joperaw ikun ukoll ir-residenza privata tagħhom, wara li jakkwistaw awtorizzazzjoni ġudizzjarja għal spezzjoni fuq il-post skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-persunal tal-Awtorità u persuni oħra awtorizzati mill-Awtorità għandu jkollhom is-setgħat previsti fl-Artikolu 21.

    4.   Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 17 għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet fuq il-post abbażi ta’ deċiżjoni tal-Awtorità.

    5.   Il-persunal u persuni oħra li jakkumpanjawh awtorizzati jew maħtura mis-superviżur finanzjarju tal-Istat Membru fejn tkun se titwettaq l-ispezzjoni għandhom, taħt is-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-Awtorità, jassistu b’mod attiv lill-persunal tal-Awtorità u persuni oħra awtorizzati minnha. Għal dak il-għan, dawn għandhom igawdu s-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 3. Il-persunal tas-superviżuri finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat għandu jkollu wkoll id-dritt li jipparteċipa fl-ispezzjonijiet fuq il-post.

    6.   Meta persuna topponi t-twettiq ta’ spezzjoni fuq il-post ordnata skont dan l-Artikolu, is-superviżur finanzjarju tal-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-assistenza neċessarja f’konformità mal-liġi nazzjonali. Sal-limitu neċessarju għall-ispezzjoni, tali assistenza għandha tinkludi l-issiġillar ta’ kwalunkwe bini minn fejn joperaw u kontijiet jew rekords. Meta dik is-setgħa ma tkunx disponibbli għas-superviżur finanzjarju kkonċernat, huwa għandu juża s-setgħat tiegħu biex jitlob l-assistenza neċessarja ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra.

    Artikolu 20

    Awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja

    1.   Jekk spezzjoni fuq il-post prevista fl-Artikolu 19 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Awtorità għandha tapplika għal tali awtorizzazzjoni.

    2.   Meta ssir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Awtorità tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi b’kont meħud tas-suġġett tal-ispezzjoni. Fil-kontroll tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-Awtorità għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari fir-rigward tar-raġunijiet li l-Awtorità jkollha biex tissuspetta li seħħ ksur tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2), is-serjetà tal-ksur issuspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrieżamina l-ħtieġa għall-ispezzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fil-fajl tal-Awtorità. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun soġġetta għal rieżami biss mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 21

    Miżuri amministrattivi

    1.   Għall-fini li twettaq il-kompiti tagħha msemmija fl-Artikolu 5(2), l-Awtorità għandu jkollha s-setgħa li tapplika l-miżuri amministrattivi stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu biex teħtieġ li kwalunkwe entità marbuta b’obbligu magħżula tieħu l-miżuri neċessarji meta:

    (a)

    l-entità marbuta b’obbligu magħżula jinstab li tkun kisret l-atti tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2);

    (b)

    l-Awtorità jkollha biżżejjed indikazzjonijiet u li jkunu dimostrabbli li l-entità marbuta b’obbligu magħżula x’aktarx li tikser ir-rekwiżiti tal-atti tal-Unjoni u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2) u l-applikazzjoni ta’ miżura amministrattiva tista’ tipprevjeni l-okkorrenza tal-ksur jew tnaqqas ir-riskju tiegħu;

    (c)

    abbażi ta’ determinazzjoni debitament ġustifikata mill-Awtorità, il-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli interni fis-seħħ fl-entità marbuta b’obbligu magħżula ma jkunux proporzjonati għar-riskji ta’ ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu li għalihom tkun esposta l-entità marbuta b’obbligu magħżula.

    2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 6(1), l-Awtorità għandu jkollha, b’mod partikolari, is-setgħa li tapplika l-miżuri amministrattivi li ġejjin:

    (a)

    toħroġ rakkomandazzjonijiet;

    (b)

    tordna lill-entitajiet marbuta b’obbligu jikkonformaw, inkluż jimplimentaw miżuri korrettivi speċifiċi;

    (c)

    toħroġ stqarrija pubblika li tidentifika l-persuna fiżika jew ġuridika u n-natura tal-ksur;

    (d)

    toħroġ ordni li teħtieġ li l-persuna fiżika jew ġuridika twaqqaf l-imġiba u ma tirrepetihiex;

    (e)

    tirrestrinġi jew tillimita n-negozju, l-operazzjonijiet jew in-network ta’ istituzzjonijiet li jinkludu l-entità marbuta b’obbligu magħżula, jew tirrikjedi ċ-ċessjoni ta’ attivitajiet;

    (f)

    tirrikjedi bidliet fl-istruttura ta’ governanza;

    (g)

    meta entità marbuta b’obbligu magħżula tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni, tipproponi l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ dik l-awtorizzazzjoni lill-awtorità li tkun tatha; meta l-awtorità li tkun tat dik l-awtorizzazzjoni ma ssegwix il-proposta tal-Awtorità li tissospendi jew tirtira, l-Awtorità għandha titlobha tipprovdi r-raġunijiet tagħha bil-miktub.

    3.   Permezz tal-miżuri amministrattivi msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità tista’ b’mod partikolari:

    (a)

    tirrikjedi l-forniment ta’ kwalunkwe data jew informazzjoni neċessarja għat-twettiq tal-kompiti elenkati fl-Artikolu 5(2) mingħajr dewmien żejjed, tirrikjedi s-sottomissjoni ta’ kwalunkwe dokument, jew timponi rekwiżiti ta’ rapportar addizzjonali jew aktar frekwenti;

    (b)

    tirrikjedi r-rinfurzar tal-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli interni;

    (c)

    tirrikjedi l-applikazzjoni ta’ politika jew rekwiżiti speċifiċi relatati ma’ kategoriji ta’ klijenti jew klijenti individwali, tranżazzjonijiet, attivitajiet jew kanali ta’ konsenja li joħolqu riskji għoljin tal-ML/TF;

    (d)

    tirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jnaqqsu r-riskji tal-ML/TF fl-attivitajiet u l-prodotti tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula;

    (e)

    tipprojbixxi b’mod temporanju lil kwalunkwe persuna li twettaq dmirijiet maniġerjali f’entità marbuta b’obbligu magħżula, jew kwalunkwe persuna fiżika oħra miżmuma responsabbli għall-ksur, milli twettaq funzjonijiet maniġerjali fl-entitajiet marbuta b’obbligu.

    4.   Il-miżuri amministrattivi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu akkumpanjati, fejn ikun rilevanti, minn skadenzi vinkolanti għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom. L-Awtorità għandha tagħti segwitu u tivvaluta l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet mitluba mill-entità marbuta b’obbligu magħżula.

    5.   Meta jsiru konxji minn indikazzjoni waħda jew aktar li entità marbuta b’obbligu magħżula tkun kisret ir-Regolament (UE) 2023/1113 jew ir-Regolament (UE) 2024/1624, is-superviżuri finanzjarji għandhom jinnotifikaw lill-awtorità mingħajr dewmien żejjed.

    6.   Il-miżuri amministrattivi applikati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Artikolu 21

    Sanzjonijiet pekunarji

    1.   Għall-fini li twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ timponi sanzjonijiet pekunarjimeta entità marbuta b’obbligu magħżula tikser, kemm b’mod intenzjonali kif ukoll b’negliġenza, rekwiżit tar-Regolament (UE) 2023/1113 jew ir-Regolament (EU) …/…+, jew ma tikkonformax ma’ deċiżjoni vinkolanti msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Meta l-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità jsib li entità marbuta b’obbligu magħżula tkun wettqet, intenzjonalment jew b’negliġenza, ksur serju, ripetut jew sistematiku ta’ rekwiżiti direttament applikabbli li jinsabu fir-Regolament (UE) 2023/1113 jew ir-Regolament (UE) 2024/1624, huwa għandu jadotta deċiżjoni li timponi sanzjonijiet pekunarji, f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Is-sanzjonijiet pekunarji imposti għal tali ksur għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali, jiġu imposti flimkien mal-miżuri amministrattivi msemmija fl-Artikolu 21(2), jew minflokhom.

    3.   L-ammont bażiku tas-sanzjonijiet pekunarji msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi inkluż fil-limiti li ġejjin:

    (a)

    għal ksur serju, ripetut jew sistematiku ta’ rekwiżit wieħed jew aktar relatati mad-diliġenza dovuta tal-klijenti, il-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli tal-grupp kollu jew l-obbligi ta’ rapportar li ġie identifikat f’żewġ Stati Membri jew aktar fejn topera entità marbuta b’obbligu magħżula, l-ammont għandu jkun mill-anqas EUR 500 000 u ma għandux jaqbeż EUR 2 000 000 jew 1 % tal-fatturat annwali, skont liema jkun ogħla;

    (b)

    għal ksur serju, ripetut jew sistematiku ta’ rekwiżit wieħed jew aktar relatati mad-diliġenza dovuta tal-klijenti, il-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli interni jew l-obbligi ta’ rapportar li ġie identifikat fi Stat Membru wieħed fejn topera entità marbuta b’obbligu magħżula, l-ammont għandu jkun mill-anqas EUR 100 000 u ma għandux jaqbeż EUR 1 000 000 jew 0,5 % tal-fatturat annwali, skont liema jkun l-ogħla;

    (c)

    għal ksur serju, ripetut jew sistematiku tar-rekwiżiti l-oħra kollha li ġie identifikat f’żewġ Stati Membri jew aktar fejn topera entità marbuta b’obbligu magħżula, l-ammont għandu jkun mill-anqas EUR 100 000 u ma għandux jaqbeż EUR 2 000 000;

    (d)

    għal ksur serju, ripetut jew sistematiku tar-rekwiżiti l-oħra kollha li ġie identifikat fi Stat Membru wieħed fejn topera entità marbuta b’obbligu magħżula, l-ammont għandu jkun mill-anqas EUR 100 000 u ma għandux jaqbeż EUR 1 000 000;

    (e)

    għal ksur serju, ripetut jew sistematiku tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità msemmija fl-Artikolu 6(1), l-ammont għandu jkun mill-anqas EUR 100 000 u ma għandux jaqbeż EUR 1 000 000.

    4.   L-ammonti bażiċi definiti fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 3 għandhom jiġu aġġustati, fejn meħtieġ, billi jitqiesu fatturi aggravanti jew mitiganti skont il-koeffiċjenti rilevanti stabbiliti fl-Anness I. Il-koeffiċjenti aggravanti rilevanti għandhom jiġu applikati wieħed wieħed għall-ammont bażiku. Jekk ikun applikabbli aktar minn koeffiċjent aggravanti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kull koeffiċjent aggravanti individwali għandha tiżdied mal-ammont bażiku. Meta l-benefiċċju miksub mill-ksur jew it-telf għal partijiet terzi kkawżat mill-ksur ikun jista’ jiġi ddeterminat, dawn għandhom jiżdiedu mal-ammont totali tas-sanzjoni, wara l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti.

    5.   Il-koeffiċjenti mitiganti rilevanti għandhom jiġu applikati wieħed wieħed għall-ammont bażiku. Jekk ikun applikabbli aktar minn koeffiċjent mitiganti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kull koeffiċjent mitiganti individwali għandha titnaqqas mill-ammont bażiku.

    6.   L-ammont massimu ta’ sanzjoni għall-ksur serju, ripetut jew sistematiku msemmi fil-paragrafu 3, il-punti (a) u (b) ma għandux jaqbeż l-10 % tal-fatturat annwali totali tal-entità marbuta b’obbligu fis-sena kontabilistika preċedenti, wara l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti msemmija fil-paragrafi 4 u 5.

    7.   L-ammont massimu ta’ sanzjoni għall-ksur serju, ripetut jew sistematiku msemmi fil-paragrafu 3, il-punti (c) u (d) ma għandux jaqbeż EUR 10 000 000 wara l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti msemmija fil-paragrafi 4 u 5.

    8.   Meta l-entità marbuta b’obbligu magħżula tkun impriża omm jew sussidjarja ta’ impriża omm li tkun meħtieġa tħejji dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati f’konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37), il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ introjtu f’konformità mal-istandards kontabilistiċi applikabbli skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża omm apikali.

    9.   Fil-każijiet mhux koperti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità tista’, fejn ikun neċessarju għall-fini li twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, teħtieġ li s-superviżuri finanzjarji jibdew proċedimenti bil-ħsieb li jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw li jiġu imposti sanzjonijiet pekunjarji xierqa f’konformità mal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2024/1640 u kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li tagħti setgħat speċifiċi li fil-preżent ma humiex meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni. Is-sanzjonijiet pekunjarji imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    L-ewwel subparagrafu għandu jkun applikabbli għas-sanzjonijiet pekunarji li għandhom jiġu imposti fuq entitajiet marbuta b’obbligu magħżula għal ksur tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2024/1640 u għal kwalunkwe sanzjoni pekunarja li għandha tiġi imposta fuq il-membri tal-korp maniġerjali ta’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula li skont il-liġi nazzjonali jkunu responsabbli għal ksur mill-entità marbuta b’obbligu magħżula.

    10.   Is-sanzjonijiet pekunarji imposti mill-Awtorità għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Meta tiddetermina l-ammont tas-sanzjoni pekunarja, l-Awtorità għandha tqis kif xieraq il-kapaċità tal-entità marbuta b’obbligu magħżula li tħallas is-sanzjoni pekunarja u, meta s-sanzjoni pekunarja tkun tista’ taffettwa l-konformità mar-regolamentazzjoni prudenzjali, tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni tal-konformità tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

    Artikolu 23

    Pagamenti perjodiċi ta’ penali

    1.   Il-Bord Eżekuttiv jista’ jadotta deċiżjoni li timponi pagament perjodiku ta’ penali sabiex iġiegħel:

    (a)

    entità marbuta b’obbligu magħżula ttemm ksur, meta tonqos milli tikkonforma ma’ miżura amministrattiva applikata skont l-Artikolu 21(2), il-punt (b), (d), (e) jew (f), u l-Artikolu 21(3);

    (b)

    persuna msemmija fl-Artikolu 17(1) tipprovdi l-informazzjoni sħiħa li tkun intalbet b’deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1);

    (c)

    persuna msemmija fl-Artikolu 17(1) tissottometti ruħha għal investigazzjoni u b’mod partikolari tipproduċi rekords, data u proċeduri kompluti jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u biex tikkompleta u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija skont l-Artikolu 18.

    2.   Il-pagament perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-pagament perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost sakemm l-entità marbuta b’obbligu magħżula jew il-persuna kkonċernata tikkonforma mal-miżura amministrattiva rilevanti msemmija fil-paragrafu 1.

    3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont ta’ pagament perjodiku ta’ penali ma għandux jaqbeż, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena kontabilistika preċedenti jew, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, 2 % tal-introjtu medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Dan għandu jiġi kkalkulat mid-data stabbilita fid-deċiżjoni li timponi l-pagament perjodiku ta’ penali.

    4.   Pagament perjodiku ta’ penali jista’ jiġi impost għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-Awtorità. Meta, mal-iskadenza ta’ dak il-perjodu, l-entità marbuta b’obbligu magħżula tkun għadha ma kkonformatx mal-miżura amministrattiva, l-Awtorità tista’ timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali għal perjodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn sitt xhur.

    5.   Id-deċiżjoni li timponi pagament perjodiku ta’ penali tista’ tittieħed fi stadju aktar tard b’effett retroattiv sad-data tal-applikazzjoni tal-miżura amministrattiva.

    Artikolu 24

    Smigħ ta’ persuni soġġetti għal proċedimenti

    1.   Qabel ma jieħu kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja jew pagament perjodiku ta’ penali skont l-Artikoli 22 jew 23, il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti lill-persuni soġġetti għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tal-Awtorità. Il-Bord Eżekuttiv għandu jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu biss fuq sejbiet li dwarhom il-persuni soġġetti għall-proċedimenti kellhom l-opportunità li jikkummentaw.

    2.   Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-proċedimenti għandhom jiġu kompletament irrispettati matul il-proċedimenti. Huma għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-Awtorità, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali jew dokumenti preparatorji interni tal-Awtorità.

    Artikolu 25

    Pubblikazzjoni tal-miżuri amministrattivi, tas-sanzjonijiet pekunarji u tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali

    1.   L-Awtorità għandha tippubblika kull deċiżjoni li timponi sanzjonijiet pekunarji jew pagamenti perjodiċi ta’ penali u li tapplika miżuri amministrattivi msemmija fl-Artikolu 21(2), il-punti (c) sa (g), adottati fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 21(1), il-punt (a), immedjatament wara li l-persuna responsabbli għall-ksur tiġi infurmata b’dik id-deċiżjoni. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi mill-anqas l-informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur, l-identità tal-persuni responsabbli, u, għal sanzjonijiet pekunarji jew pagamenti perjodiċi ta’ penali, l-ammont tagħhom.

    B’deroga mill-ewwel subparagrafu, meta l-pubblikazzjoni tikkonċerna miżuri amministrattivi li jistgħu jiġu appellati u li ma għandhomx l-għan li jirrimedjaw ksur serju, ripetut u sistematiku, l-Awtorità tista’ tiddifferixxi l-pubblikazzjoni ta’ dawk il-miżuri amministrattivi sa meta tiskadi l-iskadenza għal preżentazzjoni ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Malli tiskadi l-iskadenza għal rieżami tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jew, meta tali rieżami ma jkunx intalab mill-entità marbuta b’obbligu, malli tiskadi l-iskadenza għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Awtorità għandha tippubblika l-informazzjoni dwar talba għal rieżami jew appell. Kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar l-eżitu ta’ tali rieżami jew appell għandha tiġi ppubblikata mill-Awtorità immedjatament wara li tikseb tali informazzjoni. Kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunarja jew pagament perjodiku ta’ penali jew tapplika miżura amministrattiva skont l-Artikolu 21(1), il-punt (a), għandha tiġi ppubblikata wkoll.

    3.   Minkejja r-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 1, meta l-pubblikazzjoni tal-identità jew tad-data personali tal-persuni responsabbli titqies mill-Awtorità li tkun sproporzjonata wara valutazzjoni skont il-każ, jew meta l-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew xi investigazzjoni li tkun għaddejja, l-Awtorità għandha:

    (a)

    iddewwem il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni sal-mument meta ma jibqgħux jeżistu r-raġunijiet għaliex ma ġietx ippubblikata;

    (b)

    tippubblika d-deċiżjoni fuq bażi anonima, jekk tali pubblikazzjoni anonima tiżgura protezzjoni effettiva tad-data personali tal-persuni responsabbli; f’dak il-każ, l-Awtorità għandha tipposponi l-pubblikazzjoni tad-data rilevanti għal perjodu raġonevoli jekk ikun previst li f’dak il-perjodu ma jibqgħux jeżistu r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima;

    (c)

    ma tippubblikax b’mod assolut id-deċiżjoni f’każ li l-għażliet stabbiliti fil-punti (a) u (b) jitqiesu insuffiċjenti biex:

    (i)

    jiżguraw li ma tiġix ipperikolata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji; jew

    (ii)

    jiżguraw il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fir-rigward tal-miżuri amministrattivi applikati f’konformità mal-Artikolu 21(1), il-punt (a), meta tali miżuri jitqiesu li jkunu ta’ natura minuri.

    4.   L-Awtorità għandha tagħmel kwalunkwe pubblikazzjoni skont dan l-Artikolu aċċessibbli fuq is-sit web tagħha għal perjodu ta’ ħames snin.

    Artikolu 26

    Infurzar tas-sanzjonijiet pekunarji u tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali u allokazzjoni tal-ammonti ta’ dawn is-sanzjonijiet u l-pagamenti

    1.   Is-sanzjonijiet pekunarji u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 22 u 23 għandhom ikunu infurzabbli.

    L-infurzar għandu jkun irregolat bir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jitwettaq l-infurzar. L-ordni għall-infurzar għandha tiġi mehmuża mad-deċiżjoni li jiġu imposti sanzjonijiet pekunarji jew pagamenti perjodiċi ta’ penali skont l-Artikoli 22 u 23, mingħajr ebda formalità oħra għajr il-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni mill-awtorità li l-gvern ta’ kull Stat Membru għandu jaħtar għal dik il-fini u għandu jgħarraf lill-Awtorità u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    Meta dawk il-formalitajiet ikunu ġew ikkompletati fuq talba mill-parti kkonċernata, dik il-parti tista’ tipproċedi għall-infurzar f’konformità mal-liġi nazzjonali, billi tressaq il-kwistjoni direttament quddiem il-korp kompetenti.

    L-infurzar jista’ jiġi sospiż biss b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-qrati tal-Istat Membru kkonċernat għandu jkollhom ġuriżdizzjoni fuq ilmenti li l-infurzar ikun qed jitwettaq b’mod irregolari.

    2.   L-ammonti miġbura tas-sanzjonijiet pekunarji u tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    Artikolu 27

    Regoli proċedurali għat-teħid ta’ miżuri superviżorji u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunarji u pagamenti perjodiċi ta’ penali

    1.   Meta, fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament, l-Awtorità ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Anness II, l-Awtorità għandha taħtar tim investigattiv indipendenti fi ħdan l-Awtorità biex jinvestiga l-kwistjoni. It-tim investigattiv ma għandux ikun involut jew kien involut fis-superviżjoni diretta tal-entità marbuta b’obbligu magħżula kkonċernata u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord Eżekuttiv. L-Awtorità għandha tiżviluppa proċeduri interni biex tiddetermina r-regoli li jirregolaw l-għażla tal-membri tat-timijiet investigattivi indipendenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-għarfien, il-preparazzjoni, l-għarfien espert u l-esperjenza ta’ dawk il-membri.

    2.   It-tim investigattiv għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jqis kwalunkwe kumment sottomess mill-persuni soġġetti għal investigazzjoni, u għandu jissottometti fajl komplut bis-sejbiet tiegħu lill-Bord Eżekuttiv.

    Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, it-tim investigattiv jista’ jirrikjedi informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 17 u jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 18 u 19.

    Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, it-tim investigattiv għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mit-tim superviżorju konġunt fl-attivitajiet superviżorji tiegħu.

    3.   Meta jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel ma jissottometti l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord Eżekuttiv, it-tim investigattiv għandu jagħti lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu investigati. It-tim investigattiv għandu jibbaża s-sejbiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni soġġetti għal investigazzjoni kien kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwarhom.

    Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati għandhom jiġu kompletament rispettati matul l-investigazzjonijiet skont dan l-Artikolu.

    4.   Meta jissottometti l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord Eżekuttiv, it-tim investigattiv għandu jinnotifika dak il-fatt lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

    5.   Abbażi tal-fajl li jkun fih is-sejbiet tat-tim investigattiv u, meta jintalab mill-persuni kkonċernati, wara li jkun sema’ lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni f’konformità mal-Artikolu 24(1), il-Bord Eżekuttiv għandu jiddeċiedi jekk ikunx sar wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Anness II mill-persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni, u f’tali każ, għandu jimponi sanzjoni pekunarja f’konformità mal-Artikolu 22 u japplika miżura amministrattiva f’konformità mal-Artikolu 21 apparti milli jimponi sanzjoni pekunjarja jew minflok ma jimponi tali sanzjoni.

    6.   It-tim investigattiv ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord Eżekuttiv jew b’xi mod ieħor jintervjeni fil-proċess deċiżjonali tal-Bord Eżekuttiv.

    7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta aktar regoli ta’ proċedura għall-eżerċizzju tas-setgħa li timponi sanzjonijiet pekunarji jew pagamenti perjodiċi ta’ penali, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tad-difiża, dispożizzjonijiet temporali, u l-ġbir tas-sanzjonijiet pekunarji jew tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali, u għandha tadotta regoli dettaljati dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar tal-penali.

    Ir-regoli msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti delegati li jissupplimentaw dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 100.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu sal-1 ta’ Jannar 2027.

    8.   L-Awtorità għandha tirreferi kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti meta, fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament, hija ssib li jkun hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha toqgħod lura milli timponi sanzjonijiet pekunarji jew pagamenti perjodiċi ta’ penali meta liberazzjoni jew kundanna preċedenti li tkun irriżultat minn fatti identiċi, jew minn fatti li jkunu sostanzjalment l-istess, tkun kisbet il-forza ta’ res judicata bħala riżultat ta’ proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.

    Artikolu 28

    Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni mingħajr limiti biex tirrieżamina d-deċiżjonijiet tal-Awtorità li jimponu sanzjoni pekunjarja jew pagament perjodiku ta’ penali. Din tista’ tannulla, jew tnaqqas jew iżżid l-ammont tas-sanzjoni pekunarja jew tal-pagament perjodiku ta’ penali impost.

    Artikolu 29

    Arranġamenti lingwistiċi f’superviżjoni diretta

    1.   L-Awtorità u s-superviżuri finanzjarji għandhom jadottaw arranġamenti għall-komunikazzjonijiet tagħhom fis-sistema superviżorja tal-AML/CFT, inkluż il-lingwa/i li għandhom jintużaw.

    2.   Kwalunkwe dokument li entità marbuta b’obbligu magħżula jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra soġġetta individwalment għall-proċeduri superviżorji tal-Awtorità tissottometti lill-Awtorità jista’ jiġi abbozzat fi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, magħżula mill-entità marbuta b’obbligu magħżula jew mill-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata.

    3.   L-Awtorità, l-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula u kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika oħra soġġetta individwalment għall-proċeduri superviżorji tal-Awtorità jistgħu jaqblu li jużaw esklużivament waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni fil-komunikazzjonijiet bil-miktub tagħhom, inkluż fir-rigward tad-deċiżjonijiet superviżorji tal-Awtorità.

    4.   Meta ftehim dwar l-użu esklużiv ta’ lingwa waħda kif imsemmi fil-paragrafu 3 jiġi sussegwentement revokat, dik ir-revoka għandha taffettwa biss l-aspetti tal-proċedura superviżorja tal-Awtorità li jkunu għadhom ma twettqux.

    5.   Meta l-parteċipanti f’seduta orali jitolbu li jinstemgħu f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li ma tkunx il-lingwa tal-proċedura superviżorja tal-Awtorità, għandu jingħata avviż bil-quddiem suffiċjenti dwar dik il-ħtieġa lill-Awtorità sabiex tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti neċessarji.

    TAQSIMA 4

    Superviżjoni indiretta ta’ entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula

    Artikolu 30

    Valutazzjonijiet tal-istat ta’ konverġenza superviżorja

    1.   L-Awtorità għandha twettaq valutazzjonijiet perjodiċi ta’ xi wħud mill-attivitajiet jew tal-attivitajiet kollha ta’ superviżur finanzjarju wieħed, ta’ diversi superviżuri finanzjarji jew tas-superviżuri finanzjarji kollha, kif ukoll tal-għodod u r-riżorsi tagħhom. Bħala parti minn kull valutazzjoni, l-Awtorità għandha tivvaluta l-punt sa fejn is-superviżur finanzjarju jwettaq il-kompiti tiegħu f’konformità mad-Direttiva (UE) 2024/1640 u jieħu l-passi neċessarji biex jiġu żgurati standards u prattiki superviżorji ta’ livell għoli konsistenti. Il-valutazzjonijiet għandhom iqisu l-livell ta’ armonizzazzjoni tal-approċċi superviżorji u, għal dak il-għan, għandhom jinkludu rieżami tal-applikazzjoni tal-metodoloġija superviżorja tal-AML/CFT kollha jew parti minnha, żviluppata skont l-Artikolu 8, u għandhom ikopru s-superviżuri finanzjarji kollha f’ċiklu ta’ valutazzjoni uniku. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta, wara li jikkonsulta lill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja, pjan taċ-ċiklu ta’ valutazzjoni. Il-Bord Ġenerali, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, jista’ jirrikjedi lill-Bord Eżekuttiv jadotta pjan ġdid. It-tul ta’ kull ċiklu ta’ valutazzjoni għandu jiġi ddeterminat mill-Awtorità u ma għandux jaqbeż is-seba’ snin.

    L-Awtorità għandha tiżviluppa metodi li jippermettu valutazzjoni konsistenti tas-superviżuri finanzjarji rieżaminati fl-istess ċiklu, u tqabbil bejniethom. Fi tmiem kull ċiklu ta’ valutazzjoni, l-Awtorità għandha tissottometti s-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    2.   Il-valutazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-persunal tal-Awtorità u, wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni, mill-persunal tas-superviżuri finanzjarji li ma jkunux soġġetti għal rieżami, fuq bażi volontarja. Fejn ikun rilevanti, il-valutazzjonijiet għandhom iqisu b’mod xieraq l-evalwazzjonijiet, il-valutazzjonijiet jew ir-rapporti mfassla minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi intergovernattivi b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ML/TF. Il-valutazzjonijiet jistgħu jqisu wkoll l-informazzjoni stabbilita fil-bażi tad-data ċentrali tal-AML/CFT stabbilita skont l-Artikolu 11.

    3.   L-Awtorità għandha tipproduċi rapport li jippreżenta r-riżultati ta’ kull valutazzjoni. Abbozz ta’ verżjoni tar-rapport għandu jiġi sottomess lis-superviżur finanzjarju soġġett għall-valutazzjoni għall-kummenti, qabel ma jiġi kkunsidrat mill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja. Sa skadenza ddeterminata mill-Awtorità, is-superviżur finanzjarju soġġett għall-valutazzjoni għandu jissottometti osservazzjonijiet rigward l-abbozz ta’ rapport. Ir-rapport finali għandu jiġi adottat mill-Bord Eżekuttiv, b’kont meħud tal-osservazzjonijiet tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja. Il-Bord Eżekuttiv għandu jiżgura l-konsistenza fl-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-valutazzjoni. Ir-rapport għandu jispjega u jindika kwalunkwe miżura ta’ segwitu speċifika meħtieġa li għandha tittieħed mis-superviżur finanzjarju soġġett għall-valutazzjoni li titqies xierqa, proporzjonata u neċessarja bħala riżultat tal-valutazzjoni. Il-miżuri ta’ segwitu jistgħu jiġu adottati fil-forma ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet tal-Bord Ġenerali. Il-miżuri ta’ segwitu jistgħu wkoll jiġu adottati fil-forma ta’ rakkomandazzjonijiet individwali meħuda mill-Bord Eżekuttiv. Dawk il-miżuri ta’ segwitu individwali għandhom jiġu ppubblikati biss bil-kunsens tas-superviżur finanzjarju kkonċernat u biss f’forma sommarja jew aggregata, b’tali mod li l-istituzzjonijiet finanzjarji individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati. Il-verżjoni ppubblikata tar-rapport ma għandhiex tinkludi informazzjoni kunfidenzjali u lanqas referenzi għal superviżuri finanzjarji speċifiċi.

    4.   Is-superviżuri finanzjarji għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw mal-miżuri speċifiċi ta’ segwitu indirizzati lilhom b’riżultat tal-valutazzjoni. Fejn applikabbli, is-superviżuri finanzjarji għandhom jipprovdu aġġornamenti regolari lill-Awtorità dwar it-tip ta’ miżuri li jkunu implimentaw bħala reazzjoni għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 3.

    Artikolu 31

    Koordinazzjoni u faċilitazzjoni tal-ħidma tal-kulleġġi superviżjori tal-AML/CFT fis-settur finanzjarju

    1.   L-Awtorità għandha tiżgura, fl-ambitu tas-setgħat tagħha u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tas-superviżuri finanzjarji rilevanti, li l-kulleġġi superviżorji tal-AML/CFT fis-settur finanzjarju jkunu stabbiliti u qed jiffunzjonaw b’mod konsistenti għal entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula li joperaw stabbilimenti f’diversi Stati Membri f’konformità mal-Artikolu 49 tad-Direttiva (UE) 2024/1640. Għal dan il-għan, l-Awtorità tista’:

    (a)

    tistabbilixxi kulleġġ, fejn tali kulleġġ ikun għadu ma ġiex stabbilit minkejja li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 49 tad-Direttiva (UE)…/… + ikunu ssodisfati, u ssejjaħ u torganizza laqgħat tal-kulleġġi;

    (b)

    tassisti fl-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-kulleġġi, meta tintalab mis-superviżuri finanzjarji rilevanti;

    (c)

    tassisti fl-organizzazzjoni ta’ pjanijiet superviżorji konġunti u spezzjonijiet fuq il-post konġunti jew investigazzjonijiet mhux fuq il-post konġunti;

    (d)

    tiġbor u tikkondividi l-informazzjoni rilevanti kollha f’kooperazzjoni mas-superviżuri finanzjarji sabiex tiffaċilita l-ħidma tal-kulleġġ u tagħmel dik l-informazzjoni aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-kulleġġ;

    (e)

    tippromwovi attivitajiet u prattiki superviżorji effettivi u effiċjenti, inkluż l-evalwazzjoni tar-riskji li l-entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula jkunu jew jistgħu jkunu esposti għalihom;

    (f)

    tissorvelja, f’konformità mal-kompiti u s-setgħat speċifikati f’dan ir-Regolament, il-kompiti mwettqa mis-superviżuri finanzjarji.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-persunal tal-Awtorità għandu jkollu drittijiet sħaħ ta’ parteċipazzjoni fil-kulleġġi superviżorji tal-AML/CFT u għandu jkun jista’ jipparteċipa fl-attivitajiet tagħhom, inklużi spezzjonijiet fuq il-post, imwettqa b’mod konġunt minn żewġ superviżuri finanzjarji jew aktar.

    Artikolu 32

    Talbiet għal azzjoni f’ċirkostanzi eċċezzjonali wara indikazzjonijiet ta’ ksur serju, ripetut jew sistematiku

    1.   Is-superviżuri finanzjarji għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità meta s-sitwazzjoni ta’ kwalunkwe entità marbuta b’obbligu mhux magħżula fir-rigward tal-konformità tagħha mar-Regolament (UE) 2024/1624, ir-Regolament (UE) 2023/1113, kwalunkwe dispożizzjoni legali oħra adottata għall-implimentazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti jew kwalunkwe att amministrattiv maħruġ minn kwalunkwe superviżur u l-iskopertura tagħha għar-riskji tal-ML/TF, tiddeterjora malajr u b’mod sinifikanti, b’mod partikolari meta tali deterjorament jista’ jkollu impatt negattiv fuq diversi Stati Membri jew fuq l-Unjoni kollha kemm hi jew idgħajjef l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

    2.   L-Awtorità tista’, fejn ikollha indikazzjonijiet ta’ ksur serju, ripetut jew sistematiku minn entità marbuta b’obbligu mhux magħżula, titlob lis-superviżur finanzjarju tagħha biex:

    (a)

    jinvestiga tali indikazzjonijiet, li jistgħu jikkonċernaw ksur tal-liġi tal-Unjoni jew, fejn tali liġi tal-Unjoni tkun magħmula minn direttivi jew espressament jagħti għażliet għall-Istati Membri, ksur tal-liġi nazzjonali sa fejn dik il-liġi nazzjonali tittrasponi direttivi jew teżerċita għażliet mogħtija lill-Istati Membri mil-liġi tal-Unjoni; u

    (b)

    jikkunsidra li jimponi sanzjonijiet fuq dik l-entità fir-rigward ta’ tali ksur f’konformità mal-liġi tal-Unjoni direttament applikabbli jew mal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-direttivi.

    F’dak il-kuntest, l-Awtorità tista’, fejn ikun neċessarju, titlob ukoll lis-superviżur finanzjarju ta’ entità marbuta b’obbligu mhux magħżula jadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil dik l-entità li titlobha tieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont il-liġi applikabbli direttament tal-Unjoni jew skont il-liġi nazzjonali sa fejn din tittrasponi d-direttivi jew teżerċita l-għażliet mogħtija lill-Istati Membri mil-liġi tal-Unjoni, inkluż il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika. It-talbiet imsemmija f’dan il-paragrafu ma għandhomx jimpedixxu l-miżuri superviżorji li jkunu għaddejjin meħuda mis-superviżur finanzjarju li lilu tkun indirizzata t-talba.

    3.   Talba msemmija fil-paragrafu 2 tista’ tinbeda meta l-Awtorità jkollha indikazzjonijiet ta’ ksur serju, ripetut jew sistematiku:

    (a)

    wara notifiki mis-superviżuri finanzjarji skont il-paragrafu 1;

    (b)

    bħala riżultat tal-ġbir mill-Awtorità stess ta’ informazzjoni sostanzjata sew; jew

    (c)

    mal-wasla ta’ informazzjoni mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċji jew aġenziji tal-Unjoni, jew minn kwalunkwe sors ta’ informazzjoni affidabbli u kredibbli ieħor.

    4.   Is-superviżur finanzjarju kkonċernat għandu jikkonforma ma’ kwalunkwe talba indirizzata lilu f’konformità mal-paragrafu 2 u għandu jinforma lill-Awtorità malajr kemm jista’ jkun, u sa mhux aktar tard minn 10 ijiem tax-xogħol mill-jum tan-notifika ta’ tali talba, bil-passi li jkun ħa jew li jkun bi ħsiebu jieħu biex jikkonforma ma’ dik it-talba.

    5.   Meta ma jkunx hemm konformità mat-talba msemmija fil-paragrafu 2 jew informazzjoni dwar il-passi li jkunu ttieħdu jew li jkun hemm intenzjoni li jittieħdu għall-konformità magħha ma tkunx ġiet ipprovduta lill-Awtorità fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data tan-notifika tat-talba, l-Awtorità tista’ titlob lill-Kummissjoni tagħti permess għat-trasferiment b’mod temporanju tal-kompiti u s-setgħat rilevanti msemmija fl-Artikolu 5(2) u fl-Artikolu 6(1) relatati mas-superviżjoni diretta tal-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula mis-superviżur finanzjarju kkonċernat lill-Awtorità.

    6.   It-talba mill-Awtorità lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 5 għandu jkun fiha:

    (a)

    deskrizzjoni tal-ksur serju, ripetut jew sistematiku tar-rekwiżiti direttament applikabbli minn entità marbuta b’obbligu mhux magħżula u spjegazzjoni tar-raġuni li għaliha tali ksur jaqa’ fl-ambitu tal-kompetenza tal-Awtorità, skont il-paragrafi 2 u 3;

    (b)

    ġustifikazzjoni għaliex it-talba lis-superviżur finanzjarju msemmi fil-paragrafu 2 ma rriżultat fl-ebda azzjoni meħuda fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 4, inkluż, fejn ikun rilevanti, l-informazzjoni li l-ebda risposta ma ġiet sottomessa mis-superviżur finanzjarju;

    (c)

    tul ta’ żmien propost ta’ massimu ta’ tliet snin, li matulu l-Awtorità se teżerċita l-kompiti u s-setgħat rilevanti fir-rigward tal-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula kkonċernata;

    (d)

    deskrizzjoni tal-miżuri li l-Awtorità jkun bi ħsiebha tieħu fir-rigward tal-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula mat-trasferiment tal-kompiti u s-setgħat rilevanti biex tindirizza l-ksur serju, ripetut jew sistematiku msemmi fil-paragrafu 2;

    (e)

    kwalunkwe komunikazzjoni rilevanti bejn l-Awtorità u s-superviżur finanzjarju kkonċernat.

    7.   Abbażi tal-informazzjoni li tkun waslet skont il-paragrafu 6, il-Kummissjoni għandu jkollha xahar mid-data li fiha tirċievi t-talba mill-Awtorità biex tadotta deċiżjoni debitament ġustifikata dwar jekk tawtorizzax it-trasferiment tal-kompiti u s-setgħat rilevanti jew jekk topponihx. Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Awtorità, li għandha tinforma minnufih b’dan lis-superviżur finanzjarju u lill-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiġu infurmati bid-deċiżjoni.

    8.   Fl-għaxar jum tax-xogħol wara li d-deċiżjoni li tawtorizza t-trasferiment tal-kompiti u s-setgħat fir-rigward tal-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula tkun ġiet innotifikata lill-Awtorità, l-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula għandha titqies bħala entità marbuta b’obbligu magħżula għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 5(2) u s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikoli 17 sa 23. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-eżerċizzju ta’ dawk il-kompiti u s-setgħat, li mal-iskadenza tiegħu għandhom jiġu ttrasferiti awtomatikament lura lis-superviżur finanzjarju kkonċernat.

    9.   Wara li tkun ikkonsultat lis-superviżur finanzjarju kkonċernat, l-Awtorità tista’ tissottometti talba lill-Kummissjoni biex testendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza t-trasferiment tal-kompiti u tas-setgħat. Dik it-talba għandha tiġi sottomessa mill-anqas xahrejn qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali.

    It-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun akkumpanjata minn dan li ġej:

    (a)

    deskrizzjoni tal-miżuri li l-Awtorità tkun ħadet fir-rigward tal-entità marbuta b’obbligu kkonċernata u tal-miżuri ulterjuri li bi ħsiebha tieħu;

    (b)

    ġustifikazzjoni dwar għaliex dawk il-miżuri li jifdal jindirizzaw ksur li għadu jaqa’ fl-ambitu tal-kompetenza tal-Awtorità, skont il-paragrafu 2;

    (c)

    tul ta’ żmien propost ta’ massimu ta’ tliet snin għall-eżerċizzju kontinwu tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 5(2) u s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 6(1) u l-Artikoli 17 sa 23 fir-rigward tal-entità marbuta b’obbligu;

    (d)

    kwalunkwe komunikazzjoni rilevanti bejn l-Awtorità u s-superviżur finanzjarju kkonċernat.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk tagħtix l-estensjoni fil-limitu ta’ żmien indikat fil-paragrafu 7. Kwalunkwe estensjoni mogħtija skont dan il-paragrafu tista’ tingħata darba biss.

    Artikolu 33

    Riżoluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil bejn is-superviżuri finanzjarji f’sitwazzjonijiet transfruntiera

    1.   L-Awtorità tista’ tassisti lis-superviżuri finanzjarji biex jilħqu ftehim f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu fuq talba ta’ superviżur finanzjarju wieħed jew aktar skont l-Artikolu 46, 47, 49 jew 54 tad-Direttiva (UE) 2024/1640 jew f’każijiet oħra fejn superviżur finanzjarju ma jaqbilx mal-proċedura jew mal-kontenut ta’ azzjoni, azzjoni proposta, jew nuqqas ta’ attività ta’ superviżur finanzjarju ieħor sa fejn din taffettwa l-kompiti u r-responsabbiltajiet superviżorji tiegħu stess fir-rigward ta’ entità marbuta b’obbligu speċifika mhux magħżula jew diversi entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula.

    2.   F’każijiet għajr dawk koperti mill-Artikoli 46, 47, 49 u 54 tad-Direttiva (UE) 2024/1640, superviżur finanzjarju għandu jitlob l-assistenza tal-Awtorità mingħajr dewmien żejjed meta dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni tirrikjedi li dak is-superviżur finanzjarju jilħaq, ma’ superviżur finanzjarju ieħor, ftehim, arranġament jew forma oħra ta’ kooperazzjoni stabbilita jew formalizzata relatata mas-superviżjoni ta’ entitajiet marbuta b’obbligu speċifiċi mhux magħżula, u jseħħ kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    il-ftehim ikun intlaħaq iżda ma jkunx ġie effettivament applikat jew osservat minn waħda mill-partijiet;

    (b)

    superviżur finanzjarju jikkonkludi, abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi, li jeżisti nuqqas ta’ qbil;

    (c)

    ikunu għaddew xahrejn mid-data li fiha superviżur finanzjarju jkun irċieva talba minn superviżur finanzjarju ieħor biex jieħu ċerta azzjoni sabiex jikkonforma mal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament u s-superviżur mitlub ma jkunx adotta deċiżjoni li tissodisfa t-talba.

    3.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jivvaluta kwalunkwe talba msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u jinnotifika lill-partijiet rilevanti jekk iqisx it-talba ġustifikata u jekk ikollux l-intenzjoni li jaġixxi fuqha f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

    4.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-konċiljazzjoni bejn is-superviżuri finanzjarji, b’kont meħud ta’ kwalunkwe perjodu ta’ żmien rilevanti speċifikat fil-liġi tal-Unjoni, kif ukoll tal-kumplessità u tal-urġenza tal-kwistjoni. Għall-finijiet tal-fażi ta’ konċiljazzjoni, l-Awtorità għandha taġixxi ta’ medjatur. Fejn ikun neċessarju jew previst fil-liġi tal-Unjoni, l-Awtorità għandha toħroġ opinjoni dwar kif għandu jiġi solvut in-nuqqas ta’ qbil.

    5.   Meta s-superviżuri finanzjarji jonqsu milli jilħqu qbil fil-fażi ta’ konċiljazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, jew meta jonqsu milli jsegwu l-opinjoni maħruġa mill-Awtorità, l-Awtorità tista’ tirrikjedi li dawk is-superviżuri jieħdu azzjoni speċifika jew jastjenu minn ċerta azzjoni sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni, u biex tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni. Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun vinkolanti għas-superviżuri finanzjarji. Id-deċiżjoni tal-Awtorità tista’ tirrikjedi lis-superviżuri finanzjarji jirrevokaw jew jemendaw deċiżjoni li jkunu adottaw, jew jużaw is-setgħat tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni applikabbli.

    6.   L-Awtorità għandha tinnotifika lis-superviżuri finanzjarji bil-konklużjoni tal-proċeduri skont il-paragrafi 4 u 5 flimkien mad-deċiżjoni tagħha meħuda skont il-paragrafu 5, fejn applikabbli.

    7.   Kwalunkwe azzjoni min-naħa tas-superviżuri finanzjarji b’rabta ma’ fatti li jkunu soġġetti għal deċiżjoni skont il-paragrafu 5 għandha tkun kompatibbli ma’ tali deċiżjoni.

    8.   Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 84, il-President tal-Awtorità għandu jistabbilixxi n-natura u t-tip tan-nuqqas ta’ qbil bejn is-superviżuri finanzjarji, il-ftehimiet milħuqa u d-deċiżjonijiet meħuda sabiex jiġi riżolt tali nuqqas ta’ qbil.

    Artikolu 34

    Azzjoni f’każijiet ta’ nuqqasijiet sistematiċi ta’ superviżjoni

    1.   Meta superviżur finanzjarju ma jkunx applika l-miżuri stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2024/1640, jew id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li tittrasponi dik id-Direttiva, jew ikun applika miżuri b’mod li jidher li jkun ksur tal-liġi tal-Unjoni li jwassal għal fallimenti sistematiċi fis-superviżjoni tiegħu li jaffettwaw diversi entitajiet marbuta b’obbligu u jimminaw l-effettività tas-sistema superviżorja tal-AML/CFT, l-Awtorità għandha taġixxi f’konformità mas-setgħat stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

    2.   L-Awtorità tista’ tibda investigazzjoni ta’ ksur potenzjali tal-liġi tal-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1 fuq inizjattiva proprja tagħha meta jkollha indikazzjoni ta’ tali ksur abbażi ta’ informazzjoni sostanzjata sew miġbura mill-Awtorità meta twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament.

    L-Awtorità tista’ tinvestiga wkoll allegat ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fuq talba sostanzjata sew minn superviżur finanzjarju wieħed jew aktar, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni.

    Meta tkun intalbet investigazzjoni ta’ ksur potenzjali tal-liġi tal-Unjoni skont l-ewwel jew it-tieni subparagrafu, l-Awtorità għandha tinforma kif xieraq lill-parti li tagħmel it-talba kif bi ħsiebha tipproċedi bil-kwistjoni u jekk investigazzjoni dwar l-allegat ksur tkunx ġustifikata. Meta l-Awtorità tiddeċiedi li tipproċedi b’investigazzjoni, hija għandha l-ewwel tinforma lis-superviżur finanzjarju kkonċernat.

    3.   Is-superviżur finanzjarju li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni skont il-paragrafu 2 għandu, mingħajr dewmien, jipprovdi lill-Awtorità l-informazzjoni kollha li l-Awtorità titlob għall-finijiet tal-investigazzjoni tagħha, inkluż fir-rigward ta’ kif l-atti msemmija fil-paragrafu 1 jiġu applikati f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

    4.   Fejn jitqies xieraq u neċessarju, l-Awtorità tista’ wkoll, wara li tkun infurmat lis-superviżur finanzjarju li jkun is-suġġett tal-investigazzjoni, tipprovdi opportunità lis-superviżuri finanzjarji l-oħra kollha biex jittrażmettu informazzjoni lill-Awtorità li huma jqisu rilevanti jew jindirizzaw direttament talba debitament ġustifikata u motivata għal informazzjoni lil kwalunkwe superviżur finanzjarju ieħor. Id-destinatarji ta’ tali talba għandhom jipprovdu lill-Awtorità informazzjoni ċara, preċiża u kompleta mingħajr dewmien żejjed.

    5.   L-Awtorità tista’, mhux aktar tard minn sitt xhur mill-bidu tal-investigazzjoni tagħha, tindirizza rakkomandazzjoni lis-superviżur finanzjarju soġġett għall-investigazzjoni, li fiha tistabbilixxi l-azzjoni neċessarja għall-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

    Qabel ma toħroġ tali rakkomandazzjoni, l-Awtorità għandha timpenja ruħha mas-superviżur finanzjarju meta tqis li tali impenn ikun xieraq sabiex jiġi solvut in-nuqqas sistematiku tas-superviżjoni li jirriżulta fi ksur tal-liġi tal-Unjoni, f’tentattiv biex jintlaħaq qbil dwar l-azzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

    Is-superviżur finanzjarju għandu, fi żmien 10 ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi r-rakkomandazzjoni, jinforma lill-Awtorità bil-passi li jkun ħa jew li jkun bi ħsiebu jieħu biex jiżgura l-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

    6.   Meta s-superviżur finanzjarju ma jikkonformax mal-liġi tal-Unjoni fi żmien xahar mid-data li fiha jkun irċeva r-rakkomandazzjoni tal-Awtorità, il-Kummissjoni tista’, wara li tkun ġiet informata mill-Awtorità b’dak il-fatt, jew fuq inizjattiva proprja tagħha, toħroġ opinjoni formali li tirrikjedi li s-superviżur finanzjarju jieħu l-azzjoni neċessarja biex jikkonforma mal-liġi tal-Unjoni. L-opinjoni formali tal-Kummissjoni għandha tqis ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità.

    Il-Kummissjoni għandha toħroġ tali -opinjoni formali fi żmien tliet xhur mid-data tal-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ testendi dak il-perjodu b’xahar.

    L-Awtorità u s-superviżur finanzjarju għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha neċessarja.

    7.   Is-superviżur finanzjarju għandu, fi żmien 10 ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi l-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 6, jinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità bil-passi li jkun ħa jew li jkun bi ħsiebu jieħu biex jikkonforma ma’ dik l-opinjoni formali. Meta jieħu azzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ opinjoni formali, is-superviżur finanzjarju għandu jikkonforma ma’ dik l-opinjoni formali.

    TAQSIMA 5

    Sorveljanza tas-settur mhux finanzjarju

    Artikolu 35

    Evalwazzjonijiet bejn il-pari

    1.   L-Awtorità għandha perjodikament twettaq evalwazzjonijiet bejn il-pari ta’ xi wħud mill-attivitajiet jew tal-attivitajiet kollha tas-superviżuri mhux finanzjarji u tal-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 52 tad-Direttiva (UE) 2024/1640 biex issaħħaħ il-konsistenza u l-effettività fl-eżiti superviżorji. L-Awtorità għandha tiżviluppa metodi li jippermettu valutazzjoni u tqabbil oġġettivi bejn is-superviżuri mhux finanzjarji rieżaminati. Fejn ikun rilevanti, l-ippjanar u t-twettiq tal-valutazzjonijiet għandhom iqisu b’mod xieraq l-evalwazzjonijiet, il-valutazzjonijiet u r-rapporti mfassla minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi intergovernattivi b’kompetenza fil-qasam tal-AML/CFT. Il-valutazzjonijiet jistgħu jqisu wkoll l-informazzjoni li tinsab fil-bażi tad-data ċentrali tal-AML/CFT stabbilita skont l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament.

    Il-metodi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-qafas superviżorju f’każijiet fejn is-superviżjoni tiġi fdata lil korpi awtoregolatorji, inkluż ir-rwol tal-awtorità pubblika responsabbli għas-sorveljanza ta’ dawk il-korpi skont l-Artikolu 52 tad-Direttiva (UE) 2024/1640, u l-karatteristiċi speċifiċi tas-superviżuri f’dawk il-każijiet.

    2.   L-evalwazzjonijiet bejn il-pari għandhom jitwettqu mill-persunal tal-Awtorità b’mod konġunt mal-persunal rilevanti tas-superviżuri mhux finanzjarji u tal-awtoritajiet pubbliċi kif imsemmi fl-Artikolu 52 tad-Direttiva (UE) 2024/1640.

    3.   L-evalwazzjoni bejn il-pari għandha tinkludi valutazzjoni ta’, iżda ma tkunx limitata għal:

    (a)

    l-adegwatezza tas-setgħat u tar-riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi, il-grad ta’ indipendenza, l-arranġamenti ta’ governanza u l-istandards professjonali tas-superviżur mhux finanzjarju biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-Kapitolu IV tad-Direttiva (UE) 2024/1640;

    (b)

    l-effettività u l-grad ta’ konverġenza milħuqa fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u fil-prattika superviżorja, u l-punt sa fejn il-prattika superviżorja tilħaq l-objettivi stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni;

    (c)

    l-applikazzjoni tal-aħjar prattiki żviluppati minn superviżuri mhux finanzjarji li l-adozzjoni tagħhom tista’ tkun ta’ benefiċċju għal superviżuri mhux finanzjarji oħra;

    (d)

    l-effettività u l-grad ta’ konverġenza milħuqa fir-rigward tal-infurzar tad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, inklużi s-sanzjonijiet pekunarji imposti u miżuri amministrattivi applikati kontra l-persuni responsabbli meta dawk id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew rispettati.

    4.   L-Awtorità għandha tipproduċi rapport li jippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni bejn il-pari. Dak ir-rapport ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għandu jitħejja b’mod konġunt mill-persunal tal-Awtorità u mill-persunal rilevanti tas-superviżuri mhux finanzjarji u tal-awtoritajiet pubbliċi kif imsemmi fl-Artikolu 52 tad-Direttiva (UE) 2024/1640 involuti fl-evalwazzjoni bejn il-pari, u jiġi adottat mill-Bord Eżekuttiv, wara li jkun irċieva l-osservazzjonijiet tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja dwar il-konsistenza tal-applikazzjoni tal-metodoloġija ma’ rapporti oħra ta’ evalwazzjoni bejn il-pari. Ir-rapport għandu jispjega u jindika l-miżuri ta’ segwitu li jitqiesu xierqa, proporzjonati u neċessarji bħala riżultat tal-evalwazzjoni bejn il-pari. Dawk il-miżuri ta’ segwitu jistgħu jiġu adottati fil-forma ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 54 u opinjonijiet skont l-Artikolu 55 ta’ dan ir-Regolament. Is-superviżuri mhux finanzjarji u l-awtoritajiet pubbliċi kif imsemmija fl-Artikolu 52 tad-Direttiva (UE) 2024/1640 għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw ma’ kwalunkwe linja gwida u rakkomandazzjoni maħruġa, f’konformità mal-Artikolu 54(3) ta’ dan ir-Regolament.

    5.   L-Awtorità għandha tippubblika s-sejbiet tal-evalwazzjoni bejn il-pari fuq is-sit web tagħha u tinforma mill-anqas lill-Parlament Ewropew b’dan. Hija għandha tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni meta, wara li tkun qieset l-eżitu tal-evalwazzjoni bejn il-pari jew kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, hija tqis li tkun neċessarja armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-entitajiet marbuta b’obbligu fis-settur mhux finanzjarju jew għas-superviżuri mhux finanzjarji mill-perspettiva tal-Unjoni.

    6.   L-Awtorità għandha tipprovdi rapport ta’ segwitu sentejn wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-evalwazzjoni bejn il-pari. Ir-rapport ta’ segwitu għandu jitħejja b’mod konġunt mill-persunal tal-Awtorità u mill-persunal rilevanti tas-superviżuri mhux finanzjarji involuti fl-evalwazzjoni bejn il-pari u għandu jiġi adottat mill-Bord Eżekuttiv, wara li jkun irċieva l-osservazzjonijiet tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja dwar il-konsistenza tal-applikazzjoni tal-metodoloġija ma’ rapporti oħra ta’ evalwazzjoni bejn il-pari. Ir-rapport ta’ segwitu għandu jinkludi valutazzjoni tal-adegwatezza u tal-effettività tal-azzjonijiet imwettqa mis-superviżuri mhux finanzjarji li kienu soġġetti għall-evalwazzjoni bejn il-pari b’risposta għall-miżuri ta’ segwitu tar-rapport ta’ evalwazzjoni bejn il-pari. L-Awtorità għandha tippubblika s-sejbiet tar-rapport ta’ segwitu fuq is-sit web tagħha.

    7.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta pjan ta’ ħidma ta’ evalwazzjoni bejn il-pari kull sentejn, wara li jikkonsulta lill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja. Dak il-pjan ta’ ħidma ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għandu jirrifletti t-tagħlimiet meħuda mill-proċessi passati ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u d-diskussjonijiet fil-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja. Il-Bord Ġenerali fil-pożizzjoni superviżorja, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, jista’ jirrikjedi lill-Bord Eżekuttiv jadotta pjan ġdid. Il-pjan ta’ ħidma ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għandu jikkostitwixxi parti separata mill-programm ta’ ħidma annwali u pluriennali u għandu jiġi inkluż fid-dokument uniku ta’ programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 65. Fil-każ ta’ avvenimenti urġenti jew mhux previsti, l-Awtorità tista’ tiddeċiedi li twettaq evalwazzjonijiet addizzjonali bejn il-pari.

    8.   Meta l-evalwazzjonijiet bejn il-pari jikkonċernaw attivitajiet superviżorji li fi Stat Membru wieħed jew aktar jitwettqu minn korpi awtoregolatorji, l-evalwazzjoni bejn il-pari għandha tinkludi l-valutazzjoni tal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 52 tad-Direttiva (UE) 2024/1640 mill-awtorità pubblika responsabbli mis-sorveljanza ta’ dawk il-korpi biex jiġi żgurat li jwettqu l-funzjoni tagħhom b’mod adegwat u effettiv.

    9.   Meta l-evalwazzjonijiet bejn il-pari jikkonċernaw attivitajiet superviżorji li fi Stat Membru wieħed jew aktar jitwettqu minn korpi awtoregolatorji, dawk il-korpi awtoregolatorji ma għandhomx ikunu meħtieġa jipparteċipaw. Madankollu, meta jindikaw interess li jipparteċipaw f’evalwazzjoni bejn il-pari, il-persunal ta’ dawk il-korpi li huma fdati b’kompiti superviżorji għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw f’dik l-evalwazzjoni bejn il-pari.

    Artikolu 36

    Koordinazzjoni u faċilitazzjoni tal-ħidma tal-kulleġġi superviżjori tal-AML/CFT fis-settur mhux finanzjarju

    1.   L-Awtorità għandha, fl-ambitu tas-setgħat tagħha u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tas-superviżuri mhux finanzjarji rilevanti skont l-Artikolu 50 tad-Direttiva (UE) 2024/1640, tassisti fl-istabbiliment u fil-funzjonament tal-kulleġġi superviżorji tal-AML/CFT fis-settur mhux finanzjarju għall-entitajiet marbuta b’obbligu fis-settur mhux finanzjarju li joperaw stabbilimenti f’diversi Stati Membri f’konformità ma’ dak l-Artikolu.

    2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, l-Awtorità tista’:

    (a)

    tissuġġerixxi l-istabbiliment ta’ kulleġġ fejn ma jkun ġie stabbilit l-ebda kulleġġ bħal dan minkejja li l-Awtorità tqis li l-iskopertura għar-riskji tal-ML/TF tal-entità marbuta b’obbligu u l-iskala tal-attivitajiet transfruntiera tagħha jiġġustifikaw l-istabbiliment ta’ kulleġġ, u l-konvokazzjoni u l-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-kulleġġ;

    (b)

    tassisti fl-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-kulleġġ u fil-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ superviżuri ta’ pajjiżi terzi fil-kulleġġ humiex issodisfati, meta dan jintalab mis-superviżuri mhux finanzjarji rilevanti;

    (c)

    tassisti fl-organizzazzjoni ta’ pjanijiet superviżorji konġunti u spezzjonijiet fuq il-post konġunti jew investigazzjonijiet mhux fuq il-post konġunti;

    (d)

    tassisti lis-superviżuri mhux finanzjarji fil-ġbir u fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha sabiex tiffaċilita l-ħidma tal-kulleġġ u tagħmel tali informazzjoni aċċessibbli għas-superviżuri fil-kulleġġ;

    (e)

    tippromwovi attivitajiet u prattiki superviżorji effettivi u effiċjenti, inkluż l-evalwazzjoni tar-riskji li l-entitajiet marbuta b’obbligu fis-settur mhux finanzjarju jkunu jew jistgħu jkunu esposti għalihom;

    (f)

    toffri assistenza lis-superviżuri mhux finanzjarji, fuq it-talbiet speċifiċi tagħhom, inklużi talbiet għal medjazzjoni bejn is-superviżuri mhux finanzjarji fis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 50(2) u (3) tad-Direttiva (UE) 2024/1640.

    3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-persunal tal-Awtorità għandu jkollu drittijiet sħaħ ta’ parteċipazzjoni fil-kulleġġi superviżorji kollha tal-AML/CFT. Bil-qbil tas-superviżuri mhux finanzjarji kkonċernati, il-persunal tal-Awtorità għandu jkun jista’ jipparteċipa fl-attivitajiet tal-kulleġġ imwettqa b’mod konġunt minn żewġ superviżuri mhux finanzjarji jew aktar, inklużi spezzjonijiet fuq il-post tal-entitajiet marbuta b’obbligu fis-settur mhux finanzjarju, ħlief dawk koperti mill-Artikolu 3, il-punt (3) (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2024/1624.

    Artikolu 37

    Twissijiet ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni mis-superviżuri mhux finanzjarji u mill-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw korpi awtoregolatorji

    1.   Meta l-Awtorità jkollha raġunijiet biex tissuspetta li superviżur mhux finanzjarju jew awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi awtoregolatorji msemmija fl-Artikolu 52 tad-Direttiva (UE) 2024/1640 ma applikawx l-atti tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, jew ikunu applikawhom b’mod li jidher li jkun qed jikser il-liġi tal-Unjoni, hija għandha tinforma lis-superviżur jew lill-awtorità pubblika kkonċernata dwar dak il-ksur suspettat u tinvestiga l-ksur.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-Awtorità tista’ taġixxi fuq talba ta’ superviżur mhux finanzjarju jew awtorità pubblika waħda jew aktar, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva proprja tagħha, inkluż meta tali azzjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni sostanzjata sew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi skont l-Artikolu 90.

    2.   L-Awtorità għandha tkun tista’ titlob mingħand is-superviżur jew l-awtorità pubblika kkonċernata l-informazzjoni kollha li l-Awtorità tqis neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, inkluża informazzjoni dwar kif l-atti tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament jiġu applikati f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, iżda bl-eċċezzjoni ta’ informazzjoni koperta minn privileġġ legali, sakemm ma japplikawx l-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21(2), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 70(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2024/1624 u fl-Artikolu 52(3), il-punt (a) tad-Direttiva (UE) 2024/1640+.

    Is-superviżur jew l-awtorità pubblika kkonċernata għandhom, mingħajr dewmien, jipprovdu lill-Awtorità l-informazzjoni mitluba.

    Kull meta l-informazzjoni mitluba mis-superviżur jew mill-awtorità pubblika kkonċernata tkun uriet li tkun, jew titqies li tkun, insuffiċjenti biex tinkiseb l-informazzjoni meqjusa neċessarja għall-finijiet tal-investigazzjoni tal-ksur suspettat, l-Awtorità tista’, wara li tkun infurmat lis-superviżur jew lill-awtorità pubblika kkonċernata, tindirizza talba debitament ġustifikata u motivata għall-informazzjoni direttament lis-superviżuri jew lill-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw il-korpi awtoregolatorji.

    Id-destinatarju ta’ tali talba għandu jipprovdi lill-Awtorità informazzjoni ċara, preċiża u kompleta mingħajr dewmien żejjed.

    3.   L-Awtorità tista’, mhux aktar tard minn sitt xhur mill-bidu tal-investigazzjoni tagħha, tindirizza rakkomandazzjoni lis-superviżur jew lill-awtorità pubblika kkonċernata li jistabbilixxu l-azzjoni neċessarja biex il-ksur identifikat jiġi rimedjat.

    Qabel ma toħroġ tali rakkomandazzjoni, l-Awtorità għandha timpenja ruħha mas-superviżur jew mal-awtorità pubblika kkonċernata, meta hija tqis li tali impenn ikun xieraq sabiex jiġi solvut il-ksur, f’tentattiv biex jintlaħaq qbil dwar l-azzjonijiet neċessarji għal dak il-għan.

    Is-superviżur jew l-awtorità pubblika kkonċernata għandhom, fi żmien 10 ijiem tax-xogħol minn meta jirċievu r-rakkomandazzjoni, jinformaw lill-Awtorità bil-passi li jkunu ħadu jew li jkunu bi ħsiebhhom jieħdu biex isolvu l-ksur.

    4.   Meta s-superviżur jew l-awtorità pubblika ma jkunux solvew il-ksur identifikat imsemmi fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, fi żmien xahar minn meta jirċievu r-rakkomandazzjoni tal-Awtorità, l-Awtorità għandha toħroġ twissija li tagħti dettalji dwar il-ksur u tidentifika l-miżuri li għandhom jiġu implimentati mid-destinatarji tat-twissija biex jittaffew l-effetti tiegħu.

    It-twissija msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi indirizzata:

    (a)

    fil-każ ta’ superviżur mhux finanzjarju, lis-superviżuri korrispondenti fi Stati Membri oħra u, meta s-superviżur ikun korp awtoregolatorju, lill-awtorità pubblika tiegħu;

    (b)

    fil-każ ta’ awtorità pubblika, lill-korpi awtoregolatorji taħt is-sorveljanza tagħha.

    5.   Hekk kif is-superviżur jew l-awtorità pubblika kkonċernata jkunu solvew il-ksur, l-Awtorità għandha tinforma lid-destinatarji tat-twissija tagħha msemmija fil-paragrafu 4 li l-ksur ġie solvut u li l-miżuri ta’ mitigazzjoni jkunu waqfu.

    Artikolu 38

    Riżoluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil bejn is-superviżuri mhux finanzjarji f’sitwazzjonijiet transfruntiera

    1.   L-Awtorità tista’ tassisti lis-superviżuri mhux finanzjarji biex jilħqu ftehim f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu fuq talba ta’ superviżur mhux finanzjarju wieħed jew aktar skont l-Artikoli 46, 47, 50 jew 54 tad-Direttiva (UE) 2024/1640 jew f’każijiet oħra fejn superviżur mhux finanzjarju ma jaqbilx mal-proċedura jew mal-kontenut ta’ azzjoni, azzjoni proposta, jew nuqqas ta’ attività ta’ superviżur mhux finanzjarju ieħor sa fejn din taffettwa l-kompiti u r-responsabbiltajiet superviżorji tiegħu stess fir-rigward ta’ entità marbuta b’obbligu speċifika jew diversi entitajiet marbuta b’obbligu.

    2.   F’każijiet għajr dawk koperti mill-Artikoli 46, 47, 50 u 54 tad-Direttiva (UE) 2024/1640, superviżur mhux finanzjarju għandu jitlob l-assistenza tal-Awtorità mingħajr dewmien żejjed meta dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni tirrikjedi li dak is-superviżur mhux finanzjarju jilħaq, ma’ superviżur finanzjarju ieħor jew superviżuri mhux finanzjarji oħra, ftehim, arranġament jew forma oħra ta’ kooperazzjoni stabbilita jew formalizzata relatata mas-superviżjoni ta’ entitajiet marbuta b’obbligu speċifiċi, u jseħħ kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    il-ftehim ikun intlaħaq iżda ma jkunx ġie effettivament applikat jew osservat minn waħda mill-partijiet;

    (b)

    superviżur mhux finanzjarju jikkonkludi abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi li jeżisti nuqqas ta’ qbil;

    (c)

    ikunu għaddew xahrejn mid-data li fiha superviżur mhux finanzjarju jkun irċieva talba minn superviżur mhux finanzjarju ieħor biex jieħu ċerta azzjoni sabiex jikkonforma mal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament u s-superviżur mitlub ma jkunx adotta deċiżjoni li tissodisfa t-talba.

    3.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jivvaluta kwalunkwe talba msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u jinnotifika lill-partijiet rilevanti jekk iqisx it-talba ġustifikata u jekk ikollux l-intenzjoni li jaġixxi fuqha f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

    4.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-konċiljazzjoni bejn is-superviżuri mhux finanzjarji, b’kont meħud ta’ kwalunkwe perjodu ta’ żmien rilevanti speċifikat fil-liġi tal-Unjoni, kif ukoll tal-kumplessità u tal-urġenza tal-kwistjoni. Għall-finijiet tal-fażi ta’ konċiljazzjoni, l-Awtorità għandha taġixxi ta’ medjatur. Fejn ikun neċessarju jew previst fil-liġi tal-Unjoni, l-Awtorità għandha toħroġ opinjoni dwar kif għandu jiġi solvut in-nuqqas ta’ qbil.

    TAQSIMA 6

    Mekkaniżmu ta’ appoġġ u koordinazzjoni tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja

    Artikolu 39

    Kooperazzjoni bejn l-Awtorità u l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarji

    1.   L-Awtorità għandha tkun responsabbli biex tiżgura l-kooperazzjoni effettiva u konsistenti bejn l-FIUs fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ appoġġ u koordinazzjoni għall-FIUs. Għal dak il-għan, l-Awtorità għandha tappoġġa u tikkoordina l-attivitajiet tal-FIUs.

    2.   L-Awtorità u l-FIUs għandhom ikunu soġġetti għal dmir ta’ kooperazzjoni bona fede, inkluż fir-rigward ta’ analiżijiet konġunti appoġġati jew mibdija mill-Awtorità, u għal obbligu ta’ skambju ta’ informazzjoni li huwa neċessarju biex iwettqu l-kompiti rispettivi tagħhom.

    3.   L-Awtorità għandu jkollha riżorsi umani, finanzjarji u tal-IT dedikati biex tappoġġa l-kompiti msemmija fl-Artikolu 5(5) u għandha tiżgura, fejn ikun neċessarju, is-separazzjoni organizzazzjonali tal-persunal iddedikat għal dawk il-kompiti mill-persunal li jwettaq il-kompiti relatati mal-attivitajiet superviżorji tal-Awtorità.

    FIU tista’ tinforma lill-Awtorità fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni minn FIU oħra. F’dak il-każ, l-Awtorità għandha taġixxi ta’ medjatur.

    Artikolu 40

    Twettiq ta’ analiżijiet konġunti

    1.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi l-metodi u l-kriterji għall-għażla u l-prijoritizzazzjoni tal-każijiet rilevanti għat-twettiq ta’ analiżijiet konġunti f’konformità mal-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2024/1640, li għandhom jiġu assistiti mill-Awtorità.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Awtorità għandha tfassal, fuq bażi annwali, lista ta’ oqsma ta’ prijorità għat-twettiq ta’ analiżijiet konġunti. Dik il-lista tista’ tiġi rieżaminata meta jiġu identifikati oqsma ta’ prijorità ġodda.

    3.   Meta, skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2024/1640 u wara li tikkunsidra l-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, FIU ta’ Stat Membru tidentifika ħtieġa potenzjali li titwettaq analiżi konġunta ma’ FIU waħda jew diversi fi Stati Membri oħra, hija għandha tinnotifika b’dan lill-Awtorità.

    L-Awtorità għandha tirreġistra n-notifiki kollha li tirċievi skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u tivvaluta r-rilevanza tal-każ f’konformità mal-metodi u l-kriterji msemmija fil-paragrafu 1. Meta l-Awtorità tivvaluta li l-każ ikun rilevanti, hija għandha, fi żmien ħamest ijiem min-notifika inizjali, tinforma lill-FIUs fl-Istati Membri rilevanti kollha u tistedinhom jieħdu sehem fl-analiżi konġunta. Għal dak il-għan, l-Awtorità għandha tuża kanali ta’ komunikazzjoni siguri. L-FIUs fl-Istati Membri rilevanti kollha għandhom jikkunsidraw li jieħdu sehem fl-analiżi konġunta.

    4.   Jekk mill-anqas FIU oħra taqbel li tieħu sehem fl-analiżi konġunta, l-Awtorità għandha tiżgura li l-analiżi konġunta titnieda fi żmien 20 jum mill-valutazzjoni inizjali msemmija fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu, sakemm l-urġenza tal-kwistjoni ma tiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ skadenza iqsar.

    5.   Kwalunkwe FIU li tirrifjuta li tipparteċipa fit-twettiq tal-analiżi konġunta għandha tipprovdi r-raġunijiet għal dan bil-miktub lill-Awtorità, fi żmien ħamest ijiem minn meta tirċievi l-istedina. L-Awtorità għandha tipprovdi tali spjegazzjoni mingħajr dewmien lill-FIU li tkun identifikat il-ħtieġa għal analiżi konġunta.

    6.   Bil-kunsens espliċitu tal-FIUs kollha li jipparteċipaw fl-analiżi konġunta, il-persunal tal-Awtorità li jappoġġa l-analiżi konġunta għandu jingħata aċċess għad-data kollha relatata mas-suġġett tal-każ u għandu jkun jista’ jipproċessa dik id-data għall-finijiet tal-appoġġ għall-analiżi konġunta.

    Meta FIU tirrifjuta li tagħti aċċess lill-persunal tal-Awtorità għad-data li tappartjeni għas-suġġett tal-każ, hija għandha tiżgura li l-informazzjoni tiġi pprovduta mod ieħor, b’mod li ma jfixkilx lill-persunal tal-Awtorità milli jipprovdi appoġġ operazzjonali għall-analiżi konġunta, u lanqas ma jxekkel b’mod effettiv il-kapaċità tiegħu li jipprovdi tali appoġġ.

    Meta diversi FIUs jirrifjutaw li jagħtu aċċess għad-data li tappartjeni għas-suġġett tal-każ, l-Awtorità għandha tivvaluta mill-ġdid jekk il-kompiti li l-persunal tagħha jwettaq jiġġustifikawx l-appoġġ tagħha għall-analiżi konġunta, u tikkunsidra li tirrakkomanda li l-analiżi konġunta tipproċedi mingħajr l-appoġġ tagħha minflok.

    7.   L-Awtorità għandha tipprovdi l-għodod u l-appoġġ operazzjonali kollha neċessarji għat-twettiq tal-analiżi konġunta, f’konformità mal-metodi u l-proċeduri żviluppati. B’mod partikolari, l-Awtorità għandha tistabbilixxi kanal ta’ komunikazzjoni dedikat u sigur għat-twettiq tal-analiżi konġunta, u għandha tipprovdi l-koordinazzjoni teknika xierqa, inkluż is-sostenn għall-IT, kif ukoll l-appoġġ baġitarju u loġistiku.

    8.   Bil-kunsens espliċitu tal-FIUs kollha li jipparteċipaw fl-analiżi konġunta, il-persunal tal-Awtorità li jappoġġa l-analiżi konġunta għandu jkun awtorizzat li jqabbel, abbażi ta’ sistema hit/no-hit, id-data ta’ dawk l-FIUs ma’ data magħmula disponibbli minn FIUs oħrajn u minn korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom.

    Fil-każ ta’ hit, l-Awtorità għandha taqsam mal-FIUs kollha li jipparteċipaw fl-analiżi konġunta l-informazzjoni li skattat il-hit sal-punt li l-fornitur tal-informazzjoni jkun awtorizza l-kondiviżjoni tagħha u li l-informazzjoni tkun neċessarja biex titwettaq l-analiżi konġunta.

    Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-Awtorità għandha tuża sistema mfassla għat-tqabbil tal-informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu b’mod proporzjonat. Dik is-sistema għandha tiżgura livell ta’ sigurtà u kunfidenzjalità proporzjonat għan-natura u l-firxa tal-informazzjoni mqabbla. Il-metodi u l-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti għat-twettiq tal-analiżijiet konġunti skont l-Artikolu 43(1) u l-arranġamenti ta’ ħidma li għandhom jiġu konklużi skont l-Artikolu 94(2) għandhom jispeċifikaw il-metodi għat-twettiq tat-tqabbil abbażi ta’ sistema hit/no-hit kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    Artikolu 41

    Ir-rappurtar u d-disseminazzjoni tar-riżultati tal-analiżijiet konġunti

    1.   Meta r-riżultati ta’ analiżi konġunta jindikaw li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li qed jitwettqu jew twettqu ħasil tal-flus jew attivitajiet kriminali oħra li fir-rigward tagħhom l-UPPE jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 22 u l-Artikolu 25(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, l-Awtorità għandha tirrapporta mingħajr dewmien żejjed ir-riżultati tal-analiżi konġunta u kwalunkwe informazzjoni rilevanti addizzjonali lill-UPPE.

    2.   L-Awtorità għandha, f’konsultazzjoni mal-UPPE, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-format li għandu jintuża mill-Awtorità għar-rappurtar tal-informazzjoni lill-UPPE.

    L-Aġenzija għandha tissottometti dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Ġunju 2026.

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 53.

    3.   Meta r-riżultati ta’ analiżi konġunta jindikaw li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li qed jitwettqu jew twettqu frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li fir-rigward tagħhom l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Awtorità għandha tittrażmetti r-riżultati tal-analiżi konġunta u kwalunkwe informazzjoni rilevanti addizzjonali lill-OLAF.

    4.   Bil-kunsens espliċitu tal-FIUs kollha li jipparteċipaw fl-analiżi konġunta u meta r-riżultati tal-analiżi konġunta jindikaw li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li twettaq reat kriminali li fir-rigward tiegħu l-Europol tista’ teżerċita l-kompetenza tagħha f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38), l-Awtorità għandha tittrażmetti r-riżultati tal-analiżi konġunta u kwalunkwe informazzjoni rilevanti addizzjonali lill-Europol.

    5.   Bil-kunsens espliċitu tal-FIUs kollha li jipparteċipaw fl-analiżi konġunta, u meta r-riżultati tal-analiżi konġunta jindikaw li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li twettaq reat kriminali li fir-rigward tiegħu l-Eurojust tista’ teżerċita l-kompetenza tagħha f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39), l-Awtorità għandha tittrażmetti r-riżultati tal-analiżi konġunta u kwalunkwe informazzjoni rilevanti addizzjonali lill-Eurojust.

    6.   L-Awtorità, l-UPPE, l-Europol, il-Eurojust u l-OLAF jistgħu jiskambjaw informazzjoni strateġika u informazzjoni mhux operazzjonali oħra, bħal tipoloġiji u indikaturi tar-riskju, fl-oqsma fil-kompetenza tagħhom.

    Il-kundizzjonijiet għall-iskambju tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu stabbiliti fl-arranġamenti ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 94.

    Artikolu 42

    Talbiet mill-Awtorità biex tinbeda analiżi konġunta

    1.   Meta l-Awtorità tidentifika ħtieġa potenzjali li twettaq analiżi konġunta skont l-Artikolu 40 ta’ dan ir-Regolament jew l-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2024/1640, hija għandha tinforma lill-FIUs kkonċernati b’dan u titlobhom jieħdu sehem fl-analiżi konġunta.

    2.   L-FIUs kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Awtorità mingħajr dewmien żejjed bid-deċiżjoni tagħhom dwar it-talba msemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jagħmlu l-aħjar sforzi biex dan jagħmluh fi żmien ħamest ijiem minn meta jirċievu t-talba.

    3.   Meta FIU li tintalab tieħu sehem fl-analiżi konġunta tirrifjuta talba magħmula mill-Awtorità skont il-paragrafu 1, hija għandha tinforma lill-Awtorità bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li tagħmel l-aħjar sforzi biex dan tagħmlu fi żmien ħamest ijiem minn meta tirċievi t-talba.

    Artikolu 43

    Rieżami tal-metodi, tal-proċeduri u tat-twettiq tal-analiżijiet konġunti

    1.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi l-metodi u l-proċeduri għat-twettiq tal-analiżijiet konġunti, u perjodikament tagħmel rieżami tagħhom u taġġornahom fejn ikun neċessarju. Ir-rekwiżit ta’ rieżami u aġġornament għandu japplika wkoll għall-metodi u kriterji msemmija fl-Artikolu 40(1).

    2.   L-FIUs li pparteċipaw jew li kienu involuti b’xi mod ieħor f’analiżi konġunta jistgħu jipprovdu l-feedback tagħhom lill-Awtorità dwar it-twettiq tal-analiżi, inkluż feedback dwar l-appoġġ operazzjonali pprovdut mill-Awtorità fil-proċess tal-analiżi konġunta, kif ukoll feedback dwar l-eżitu tal-analiżi, tal-metodi u tal-proċeduri fis-seħħ skont il-paragrafu 1, l-għodod disponibbli u l-koordinazzjoni bejn l-FIUs parteċipanti. Il-feedback li huwa ttikkettat bħala kunfidenzjali m’għandux jiġi kondiviż ma’ FIUs oħra.

    3.   Abbażi tal-feedback imsemmi fil-paragrafu 2, jew fuq inizjattiva proprja tagħha, l-Awtorità tista’ toħroġ rapport ta’ segwitu relatat mat-twettiq tal-analiżi konġunta, inklużi suġġerimenti speċifiċi għal aġġustamenti fir-rigward tal-metodi u l-proċeduri għat-twettiq tal-analiżi konġunta, u konklużjonijiet dwar l-eżitu tal-analiżi konġunta. Ir-rapport ta’ segwitu għandu jiġi kondiviż mal-FIUs kollha, mingħajr ma tiġi żvelata informazzjoni kunfidenzjali jew ristretta dwar il-każ. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet relatati mat-twettiq tal-analiżi konġunta għandhom jiġu kondiviżi mal-FIUs kollha li pparteċipaw f’dik l-analiżi konġunta, u mal-FIUs l-oħra kollha sa fejn dawk il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ma jkunx fihom informazzjoni kunfidenzjali jew ristretta.

    Artikolu 44

    Delegati tal-FIUs nazzjonali

    1.   L-FIU ta’ kull Stat Membru għandha tiddelega membru wieħed jew aktar tal-persunal lill-Awtorità. Il-post tax-xogħol regolari tad-delegat tal-FIU nazzjonali għandu jkun is-sede tal-Awtorità.

    2.   Id-delegati tal-FIU għandu jkollhom l-istatus ta’ persunal tal-FIU deleganti fiż-żmien tal-ħatra tagħhom u għat-tul kollu tad-delega tagħhom. L-Istati Membri għandhom jaħtru d-delegat tal-FIU tagħhom abbażi ta’ livell għoli ppruvat ta’ esperjenza rilevanti u prattika fil-qasam tal-kompiti tal-FIU. Id-delegat għandu jibqa’ taħt l-awtorità tal-FIU deleganti u għandu jikkonforma mar-regoli ta’ sigurtà u kunfidenzjalità tal-FIU deleganti, inkluż il-liġi nazzjonali rilevanti.

    3.   Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU jista’ jirrifjuta persuna li tkun inħatret bħala delegat tal-FIU jekk dik il-persuna ma tissodisfax il-kriterji msemmija fil-paragrafu 2. Il-mandat tad-delegati tal-FIU għandu jkun ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba bil-kunsens tal-FIU deleganti.

    4.   Id-delegati tal-FIU għandhom jappoġġaw lill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5(5). Għal dak il-għan, id-delegati tal-FIU għandhom jingħataw aċċess għad-data u għall-informazzjoni tal-Awtorità sa fejn ikun neċessarju biex jitwettqu l-kompiti tagħhom għat-tul ta’ żmien tad-delega.

    5.   Id-delegati tal-FIU għandhom jingħataw aċċess għal kwalunkwe data aċċessibbli mill-FIU deleganti tagħhom għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 5(5).

    6.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tad-delegati tal-FIU fir-rigward tal-Awtorità, filwaqt li jqis l-opinjoni tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU. L-FIUs għandhom jiżguraw li d-delegati tagħhom jikkonformaw ma’ dawk id-drittijiet u l-obbligi.

    Artikolu 45

    Assistenza reċiproka fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn l-FIUs

    1.   Fil-kuntest tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-appoġġ tal-ħidma tal-FIUs, l-Awtorità, b’kont meħud tal-ħtiġijiet tal-FIUs, għandha tippromwovi approċċi, metodi u l-aħjar prattiki komuni. L-Awtorità għandha wkoll torganizza u tiffaċilita b’mod partikolari l-attivitajiet li ġejjin:

    (a)

    programmi ta’ taħriġ, inkluż fir-rigward tal-innovazzjoni teknoloġika;

    (b)

    skambji ta’ persunal u skemi ta’ sekondar, inkluż l-issekondar ta’ persunal tal-FIU minn Stat Membru għall-Awtorità;

    (c)

    skambji ta’ prattiki bejn l-FIUs, inkluż il-kondiviżjoni ta’ għarfien espert f’qasam speċifiku;

    (d)

    l-iżvilupp jew l-akkwist ta’ għodod u servizzi tal-IT biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ analiżi tal-FIUs.

    2.   FIU tista’ tissottometti lill-Awtorità talba għall-assistenza relatata mal-kompiti tal-FIU, li tispeċifika t-tip ta’ assistenza li tfittex mill-persunal tal-Awtorità, mill-persunal ta’ FIU waħda jew aktar, jew kombinament tagħhom. L-FIU li titlob l-assistenza għandha tiżgura li l-aċċess jingħata għal kwalunkwe informazzjoni u data neċessarji għall-għoti ta’ tali assistenza. L-Awtorità għandha żżomm u taġġorna b’mod regolari l-informazzjoni dwar oqsma speċifiċi ta’ għarfien espert u dwar il-kapaċità tal-FIUs li jipprovdu assistenza reċiproka relatata mal-kompiti tal-FIUs.

    3.   L-Awtorità għandha tagħmel kull sforz biex tipprovdi l-assistenza mitluba, inkluż billi tikkunsidra l-appoġġ li għandu jiġi pprovdut bir-riżorsi umani tagħha stess kif ukoll li tikkoordina u tiffaċilita l-għoti ta’ kwalunkwe forma ta’ assistenza minn FIUs oħra fuq bażi volontarja.

    4.   Fil-bidu ta’ kull sena, il-President tal-Awtorità għandu jinforma lill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU dwar ir-riżorsi umani li l-Awtorità tista’ talloka biex tipprovdi l-assistenza msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Meta jseħħu bidliet fid-disponibbiltà tar-riżorsi umani minħabba t-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 5(5), il-President tal-Awtorità għandu jinforma b’dan lill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU.

    Artikolu 46

    Medjazzjoni bejn l-FIUs

    1.   L-Awtorità tista’ tiffaċilita soluzzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn żewġ FIUs jew aktar rigward każijiet individwali relatati mal-kooperazzjoni, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni, skont id-Direttiva (UE) 2024/1640. L-għan ta’ tali medjazzjoni għandu jkun li tirrikonċilja fehmiet diverġenti bejn l-FIUs u li tadotta opinjoni mhux vinkolanti.

    2.   Meta nuqqas ta’ qbil ma jkunx jista’ jiġi solvut permezz ta’ kuntatt dirett u djalogu bejn l-FIUs kkonċernati, l-Awtorità għandha tniedi proċedura ta’ medjazzjoni fuq talba ta’ waħda jew aktar minn dawk l-FIUs. L-Awtorità tista’ wkoll tipproponi t-tnedija ta’ proċedura ta’ medjazzjoni fuq l-inizjattiva proprja tagħha. Il-medjazzjoni għandha titwettaq biss bil-qbil tal-FIUs kollha kkonċernati.

    3.   Il-proċedura ta’ medjazzjoni għandha titnieda quddiem il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU. Il-membri kollha tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU, ħlief il-kapijiet tal-FIUs li huma kkonċernati min-nuqqas ta’ qbil, għandhom ifittxu li jirrikonċiljaw il-fehmiet tal-FIUs li huma kkonċernati min-nuqqas ta’ qbil u għandhom jaqblu dwar opinjoni mhux vinkolanti. Fejn ikun rilevanti, esperti mill-Kummissjoni jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-proċedura ta’ medjazzjoni f’kapaċità konsultattiva.

    4.   Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura għall-proċeduri ta’ medjazzjoni, inkluż l-iskadenzi applikabbli.

    5.   Meta FIU li tkun ikkonċernata minn nuqqas ta’ qbil tirrifjuta li tipparteċipa fil-proċedura ta’ medjazzjoni, hija għandha tinforma lill-Awtorità u lill-FIUs l-oħrajn li jkunu kkonċernati min-nuqqas ta’ qbil bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha fil-perjodu speċifikat fir-regoli ta’ proċedura msemmija fil-paragrafu 4.

    6.   Fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tal-opinjoni mhux vinkolanti msemmija fil-paragrafu 3, l-FIUs li huma kkonċernati min-nuqqas ta’ qbil għandhom jirrapportaw lill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU rigward il-miżuri li jkunu ħadu b’reazzjoni għall-opinjoni jew, fejn ma jkunux ħadu miżuri, rigward ir-raġunijiet li għalihom ma jkunux għamlu dan.

    Artikolu 47

    FIU.net

    1.   L-Awtorità għandha tiżgura hosting adegwat, mingħajr interruzzjoni u sigur tal-FIU.net, u tiżgura l-ġestjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-FIU.net. Filwaqt li tqis il-ħtiġijiet tal-FIUs, l-Awtorità għandha tiżgura li tintuża l-aktar teknoloġija avvanzata u sigura disponibbli għall-FIU.net, soġġetta għal analiżi tal-kostbenefiċċji.

    2.   L-Awtorità għandha tiżgura l-funzjonament mingħajr interruzzjoni tal-FIU.net u żżommha aġġornata. Fejn ikun neċessarju biex tappoġġa jew issaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-FIUs u abbażi tal-ħtiġijiet tal-FIUs, l-Awtorità għandha tfassal u timplimenta, jew inkella tagħmel disponibbli, funzjonalitajiet imtejba jew addizzjonali tal-FIU.net.

    3.   L-Awtorità għandha wkoll tkun responsabbli għall-kompiti li ġejjin relatati mal-FIU.net:

    (a)

    timplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex tiżgura livell ta’ sigurtà li jipproteġi d-data personali;

    (b)

    tippjana, tikkoordina, timmaniġġja u tappoġġa kwalunkwe attività ta’ ttestjar;

    (c)

    tiżgura riżorsi finanzjarji adegwati;

    (d)

    tipprovdi taħriġ dwar l-użu tekniku tal-FIU.net mill-utenti finali.

    4.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, l-Awtorità għandha tingħata s-setgħa li tikkonkludi jew tidħol f’kuntratti jew ftehimiet legalment vinkolanti ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ partijiet terzi, wara awditi xierqa tal-istandards ta’ sigurtà tagħhom.

    5.   L-Awtorità għandha tadotta u timplimenta l-miżuri neċessarji għat-twettiq tal-kompiti msemmija f’dan l-Artikolu, inkluż pjan ta’ sigurtà, pjan ta’ kontinwità tal-operat u pjan ta’ rkupru minn diżastri għal FIU.net.

    6.   Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu, jista’ jiddeċiedi li jissospendi l-aċċess ta’ FIU, il-kontroparti tagħha f’pajjiż terz, jew korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, għall-FIU.net meta jkollu raġunijiet biex jemmen li tali aċċess jipperikola l-implimentazzjoni tal-Kapitolu III tad-Direttiva (UE) 2024/1640 u s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mill-FIUs u skambjata permezz tas-sistema FIU.net, inkluż fejn ikun hemm tħassib fir-rigward tan-nuqqas ta’ indipendenza u awtonomija ta’ FIU.

    Meta, il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU jadotta deċiżjoni li tissospendi l-aċċess ta’ FIU għall-FIU.net, il-Bord Ġenerali għandu jaġixxi unanimament b’vot tal-membri kollha tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU, ħlief il-kap tal-FIU inkwistjoni.

    Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU għandu jiddefinixxi l-kriterji għas-sospensjoni tal-aċċess għall-FIU.net u jadotta regoli ta’ proċedura għal tali sospensjoni.

    Artikolu 48

    Evalwazzjoni bejn il-pari

    1.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari tal-attivitajiet tal-FIUs skont il-Kapitolu III tad-Direttiva (UE) 2024/1640 biex issaħħaħ il-konsistenza u l-effettività tal-attivitajiet tal-FIU u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-FIUs. L-Awtorità għandha tiżviluppa metodi li jippermettu valutazzjoni oġġettiva tal-FIUs evalwati u tiżviluppa wkoll regoli ta’ proċedura għat-twettiq ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari.

    Fejn ikun rilevanti, l-ippjanar u t-twettiq tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari għandhom iqisu b’mod xieraq l-evalwazzjonijiet, il-valutazzjonijiet u r-rapporti mfassla minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi intergovernattivi b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Awtorità għandha tistabbilixxi tim għall-evalwazzjoni bejn il-pari, li għandu jkun magħmul minn persunal tal-Awtorità u rappreżentanti tal-FIUs parteċipanti fl-evalwazzjoni bejn il-pari.

    3.   L-evalwazzjoni bejn il-pari tal-attivitajiet ta’ FIU għandha tinkludi valutazzjoni ta’, iżda ma għandhiex tkun limitata għal, dan li ġej:

    (a)

    l-adegwatezza tar-riżorsi tal-FIU, inklużi r-riżorsi umani u tekniċi u tal-IT, biex twettaq il-funzjonijiet tagħha;

    (b)

    il-miżuri implimentati biex jiġi żgurat li l-FIU jkollha indipendenza u awtonomija operazzjonali u ma tkunx soġġetta għal influwenza indebita;

    (c)

    il-miżuri li l-FIU tkun stabbiliet biex tipproteġi s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni;

    (d)

    il-funzjoni tal-FIU biex tirċievi rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi u divulgazzjonijiet oħra, inklużi l-għadd u n-natura tad-divulgazzjonijiet riċevuti u l-kwalità tagħhom;

    (e)

    il-miżuri li l-FIU tkun stabbiliet biex ittejjeb ir-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi mill-entitajiet marbuta b’obbligu, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità tagħhom;

    (f)

    l-aċċess tal-FIU għal informazzjoni addizzjonali u l-użu tagħha biex tarrikkixxi l-analiżi tagħha;

    (g)

    l-għodod użati mill-FIU biex twettaq analiżi;

    (h)

    il-punt sa fejn l-analiżi u d-disseminazzjoni tal-FIU jappoġġaw il-ħtiġijiet operazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu;

    (i)

    il-kooperazzjoni domestika bejn l-FIU u awtoritajiet kompetenti oħra;

    (j)

    il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-FIU u l-FIUs minn Stati Membri oħra.

    4.   L-Awtorità għandha tipproduċi rapport li jippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni bejn il-pari. Dak ir-rapport ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għandu jitħejja b’mod konġunt mill-persunal tal-Awtorità u mill-persunal rilevanti tal-FIUs involuti fit-tim tal-evalwazzjoni bejn il-pari, u għandu jiġi adottat mill-Bord Eżekuttiv, wara li jkun irċieva l-osservazzjonijiet tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIUs dwar il-konsistenza tal-applikazzjoni tal-metodoloġija ma’ rapporti oħra ta’ evalwazzjoni bejn il-pari. Ir-rapport għandu jinkludi prattiki tajba identifikati u, fejn ikun rilevanti, il-miżuri ta’ segwitu li jitqiesu xierqa, proporzjonati u neċessarji bħala riżultat tal-evalwazzjoni bejn il-pari. Dawk il-miżuri ta’ segwitu jistgħu jiġu adottati fil-forma ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 54 u opinjoni f’konformità mal-Artikolu 55. L-FIUs għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw ma’ kwalunkwe linja gwida u rakkomandazzjoni maħruġa f’konformità mal-Artikolu 54.

    5.   L-Awtorità għandha tippubblika s-sejbiet tal-evalwazzjoni bejn il-pari fuq is-sit web tagħha u tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni meta, wara li tkun qieset l-eżitu tal-evalwazzjoni bejn il-pari jew kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, hija tqis li mill-perspettiva tal-Unjoni tkun neċessarja aktar armonizzazzjoni tar-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-FIUs.

    6.   L-Awtorità għandha tipprovdi rapport ta’ segwitu sentejn wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-evalwazzjoni bejn il-pari. Ir-rapport ta’ segwitu għandu jitħejja b’mod konġunt mill-persunal tal-Awtorità u mill-persunal rilevanti tal-FIUs involuti fit-tim tal-evalwazzjoni bejn il-pari, u għandu jiġi adottat mill-Bord Eżekuttiv, wara li jkun irċieva l-osservazzjonijiet tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIUs dwar il-konsistenza tal-applikazzjoni tal-metodoloġija ma’ rapporti oħra ta’ evalwazzjoni bejn il-pari. Ir-rapport ta’ segwitu għandu jinkludi valutazzjoni tal-adegwatezza u l-effettività tal-azzjonijiet imwettqa mill-FIUs li kienu soġġetti għall-evalwazzjoni bejn il-pari b’risposta għall-miżuri ta’ segwitu tar-rapport ta’ evalwazzjoni bejn il-pari. L-Awtorità għandha tippubblika s-sejbiet tar-rapport ta’ segwitu fuq is-sit web tagħha.

    7.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta pjan ta’ ħidma ta’ evalwazzjoni bejn il-pari kull sentejn, li għandu jirrifletti t-tagħlimiet meħuda mill-proċessi ta’ evalwazzjoni bejn il-pari tal-passat u mid-diskussjonijiet fil-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU. Il-pjan ta’ ħidma ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għandu jikkostitwixxi parti separata mill-programm ta’ ħidma annwali u pluriennali u għandu jiġi inkluż fid-dokument uniku ta’ programmazzjoni. Kull FIU għandha tipparteċipa fl-evalwazzjonijiet bejn il-pari li jikkonċernawha.

    TAQSIMA 7

    Strumenti komuni

    Artikolu 49

    Standards tekniċi regolatorji

    1.   Fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiddelegaw is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti fl-oqsma stabbiliti speċifikament fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji. L-Awtorità għandha tissottometti l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji tagħha lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Fl-istess ħin, l-Awtorità għandha tibgħat dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    L-istandards tekniċi regolatorji għandhom ikunu tekniċi, ma għandhomx jimplikaw deċiżjonijiet strateġiċi jew għażliet ta’ politika u l-kontenut tagħhom għandu jkun delimitat mill-atti leġiżlattivi li fuqhom ikunu bbażati.

    Qabel ma tissottomettihom lill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u għandha tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm dawk il-konsultazzjonijiet u l-analiżijiet ma jkunux sproporzjonati ħafna fir-rigward tal-ambitu u l-impatt tal-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni.

    Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi abbozz ta’ standard tekniku regolatorju, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tadottahx. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien debitu meta l-adozzjoni ma tkunx tista’ sseħħ fil-perjodu ta’ tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju parzjalment biss, jew b’emendi, meta l-interessi tal-Unjoni jirrikjedu dan.

    Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tadottax abbozz ta’ standard tekniku regolatorju jew li tadottah parzjalment jew b’emendi, hija għandha tibgħat l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju lura lill-Awtorità, filwaqt li tispjega għaliex ma tkunx qiegħda tadottah jew tispjega r-raġunijiet għall-emendi fih.

    Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tal-ittra tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fi żmien perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju fuq il-bażi tal-emendi proposti mill-Kummissjoni u terġa’ tissottomettih lill-Kummissjoni fil-forma ta’ opinjoni formali. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Jekk, mal-iskadenza ta’ dak il-perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità ma tkunx issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku regolatorju emendat, jew tkun issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku regolatorju li ma jkunx emendat b’mod konsistenti mal-emendi proposti tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandard tekniku regolatorju bl-emendi li tikkunsidra rilevanti, jew tirrifjutah.

    Il-Kummissjoni ma għandhiex tbiddel il-kontenut ta’ abbozz ta’ standard tekniku regolatorju mħejji mill-Awtorità mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Awtorità, kif stipulat f’dan l-Artikolu.

    2.   Meta l-Awtorità ma tkunx issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku regolatorju fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni tista’ titlob tali abbozz sa limitu ta’ żmien ġdid. Jekk l-Awtorità ma tkunx tista’ tikkonforma ma’ dak il-limitu ta’ żmien il-ġdid, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’dan fi żmien debitu.

    3.   Huwa biss meta l-Awtorità ma tissottomettix abbozz ta’ standard tekniku regolatorju lill-Kummissjoni fil-limiti ta’ żmien f’konformità mal-paragrafu 2, li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta standard tekniku regolatorju permezz ta’ att delegat mingħajr abbozz mill-Awtorità.

    Il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-ambitu u l-impatt tal-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tibgħat immedjatament l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju tagħha lill-Awtorità. Fi żmien perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju u tissottomettih fil-forma ta’ opinjoni formali lill-Kummissjoni. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Jekk mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fir-raba’ subparagrafu, l-Awtorità ma tkunx issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku regolatorju emendat, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandard tekniku regolatorju.

    Jekk l-Awtorità tkun issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku regolatorju emendat fil-perjodu ta’ sitt ġimgħat, il-Kummissjoni tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju abbażi tal-emendi proposti tal-Awtorità jew tadotta l-istandard tekniku regolatorju bl-emendi li hija tqis bħala rilevanti. Il-Kummissjoni ma għandhiex tbiddel il-kontenut tal-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju mħejji mill-Awtorità mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Awtorità, kif stipulat f’dan l-Artikolu.

    4.   L-istandards tekniċi regolatorji għandhom jiġu adottati permezz ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet. Il-kliem “standard tekniku regolatorju” għandu jidher fit-titolu ta’ tali regolamenti jew deċiżjonijiet. Dawk l-istandards għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data msemmija fih.

    Artikolu 50

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 49 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mis-26 ta’ Ġunju 2024. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ erba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi.

    2.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    3.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 49, 51 u 52.

    Artikolu 51

    Oġġezzjonijiet għall-istandards tekniċi regolatorji

    1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal standard tekniku regolatorju fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tal-istandard tekniku regolatorju adottat mill-Kummissjoni. Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur.

    2.   Jekk, meta jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkun oġġezzjona għall-istandard tekniku regolatorju, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data ddikjarata fih.

    L-istandard tekniku regolatorju għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

    3.   Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal standard tekniku regolatorju fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. F’konformità mal-Artikolu 296 TFUE, l-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun oġġezzjonat għall-istandard tekniku regolatorju.

    Artikolu 52

    Nuqqas ta’ approvazzjoni jew emendar ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji

    1.   Fil-każ li l-Kummissjoni ma tapprovax abbozz ta’ standard tekniku regolatorju jew temendah kif previst fl-Artikolu 49, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Awtorità, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, filwaqt li tagħti r-raġunijiet tagħha.

    2.   Fejn ikun xieraq, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jistiednu lill-Kummissarju responsabbli, flimkien mal-President tal-Awtorità, fi żmien xahar min-notifika msemmija fil-paragrafu 1, għal laqgħa ad hoc tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill biex jippreżentaw u jispjegaw id-differenzi tagħhom.

    Artikolu 53

    Implimentazzjoni ta’ standards tekniċi

    1.   Fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE, fl-oqsma stabbiliti speċifikament fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni. L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu tekniċi, ma għandhomx jimplikaw deċiżjonijiet strateġiċi jew għażliet ta’ politika u l-kontenut tagħhom għandu jkun li jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-atti. L-Awtorità għandha tissottometti l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Fl-istess ħin, l-Awtorità għandha tibgħat dawk l-istandards tekniċi għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Qabel ma tissottometti abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa u għandha tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux sproporzjonati ħafna fir-rigward tal-ambitu u l-impatt tal-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni.

    Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tadottahx. Il-Kummissjoni tista’ testendi dak il-perjodu b’xahar. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien debitu meta l-adozzjoni ma tkunx tista’ sseħħ fil-perjodu ta’ tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni parzjalment biss, jew b’emendi, meta l-interessi tal-Unjoni jirrikjedu dan.

    Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tadottax abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni jew ikollha l-intenzjoni li tadottah parzjalment jew b’emendi, hija għandha tibagħtu lura lill-Awtorità filwaqt li tispjega għaliex ma jkollhiex l-intenzjoni li tadottah jew tispjega r-raġunijiet għall-emendi tagħha. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tal-ittra tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fi żmien perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni fuq il-bażi tal-emendi proposti mill-Kummissjoni u terġa’ tissottomettih lill-Kummissjoni fil-forma ta’ opinjoni formali. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Jekk, mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fir-raba’ subparagrafu, l-Awtorità ma tkunx issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni emendat, jew tkun issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni li ma jkunx emendat b’mod konsistenti mal-emendi proposti tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandard tekniku ta’ implimentazzjoni bl-emendi li tqis li jkunu rilevanti jew tirrifjutah.

    Il-Kummissjoni ma għandhiex tbiddel il-kontenut ta’ abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni mħejji mill-Awtorità mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Awtorità, kif stipulat f’dan l-Artikolu.

    2.   Meta l-Awtorità ma tkunx issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni tista’ titlob tali abbozz sa limitu ta’ żmien ġdid. Jekk l-Awtorità ma tkunx tista’ tikkonforma ma’ dak il-limitu ta’ żmien il-ġdid, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’dan fi żmien debitu.

    3.   Huwa biss meta l-Awtorità ma tissottomettix abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fil-limiti ta’ żmien f’konformità mal-paragrafu 2, li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta standard tekniku ta’ implimentazzjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni mingħajr abbozz mill-Awtorità.

    Il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni u tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-ambitu u l-impatt tal-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tibgħat immedjatament l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni lill-Awtorità. Fi żmien perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni u tissottomettih fil-forma ta’ opinjoni formali lill-Kummissjoni. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Jekk, mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fir-raba’ subparagrafu, l-Awtorità ma tkunx issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni emendat, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandard tekniku ta’ implimentazzjoni.

    Jekk l-Awtorità tkun issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni emendat f’dak il-perjodu ta’ sitt ġimgħat, il-Kummissjoni tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni abbażi tal-emendi proposti tal-Awtorità jew tadotta l-istandard tekniku ta’ implimentazzjoni bl-emendi li hija tqis bħala rilevanti.

    Il-Kummissjoni ma għandhiex tbiddel il-kontenut tal-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni mħejjija mill-Awtorità mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Awtorità, kif stipulat f’dan l-Artikolu.

    4.   L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati permezz ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet. Il-kliem “standard tekniku ta’ implimentazzjoni” għandu jidher fit-titolu ta’ tali regolamenti jew deċiżjonijiet. Dawk l-istandards għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data msemmija fih.

    Artikolu 54

    Linji gwida u rakkomandazzjonijiet

    1.   L-Awtorità, bil-għan li tistabbilixxi prattiki superviżorji u relatati mal-FIUs konsistenti, effiċjenti u effettivi, u li tiżgura l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni, għandha toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet superviżorji, lis-superviżuri, lill-FIUs, jew lill-entitajiet marbuta b’obbligu.

    2.   L-Awtorità għandha, fejn ikun xieraq, twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar dawk il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet u tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati. Dawk il-konsultazzjonijiet u l-analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-ambitu, tan-natura u tal-impatt tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet. Meta l-Awtorità ma twettaqx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa, l-Awtorità għandha tipprovdi r-raġunijiet tagħha u tagħmilhom pubbliċi.

    3.   L-awtoritajiet superviżorji, is-superviżuri, l-FIUs u l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw ma’ dawk il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet.

    Fi żmien xahrejn mill-ħruġ ta’ linja gwida jew rakkomandazzjoni, kull awtorità superviżorja, superviżur jew FIU għandhom jikkonfermaw jekk jikkonformawx jew ikunx bi ħsiebhom jikkonformaw ma’ dik il-linja gwida jew ir-rakkomandazzjoni. F’każ li awtorità superviżorja, superviżur jew FIU ma jikkonformawx jew ma jkunx bi ħsiebhom jikkonformaw, huma għandhom jinformaw lill-Awtorità u jagħtu r-raġunijiet tagħhom.

    L-Awtorità għandha tippubblika l-fatt li awtorità superviżorja, superviżur jew FIU ma jikkonformawx jew ma jkunx bi ħsiebhom jikkonformaw ma’ dik il-linja gwida jew ir-rakkomandazzjoni. L-Awtorità tista’ tiddeċiedi wkoll, skont il-każ, li tippubblika r-raġunijiet ipprovduti mill-awtorità superviżorja, mis-superviżur jew minn FIU għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dik il-linja gwida jew ir-rakkomandazzjoni. L-awtorità superviżorja, is-superviżur jew l-FIU għandhom jirċievu avviż bil-quddiem ta’ tali pubblikazzjoni.

    Jekk ikun meħtieġ minn dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni, l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jirrapportaw, b’mod ċar u dettaljat, jekk jikkonformawx ma’ dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni.

    4.   Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 64(4), il-punt (c), l-Awtorità għandha telenka l-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li tkun ħarġet.

    5.   Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Awtorità għandhom jissostitwixxu l-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa preċedentement mill-EBA jew mis-superviżuri u mill-FIUs dwar l-istess suġġett. Dment li jkunu għadhom rilevanti, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-EBA, jew mis-superviżuri u mill-FIUs skont id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Eweopew u tal-Kunsill (40) u r-Regolament (UE) 2023/1113 għandhom jibqgħu applikabbli sakemm il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet il-ġodda maħruġa mill-Awtorità dwar l-istess suġġett jibdew japplikaw. L-Awtorità għandha tipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni xieraq għall-applikazzjoni tal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet il-ġodda.

    Artikolu 55

    Opinjonijiet u parir tekniku

    1.   L-Awtorità tista’, fuq talba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva proprja tagħha, tipprovdi opinjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-qasam ta’ kompetenza tagħha.

    2.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi konsultazzjoni ma’ korpi rilevanti oħra tal-Unjoni fejn hija kkonċernata l-kompetenza tagħhom, konsultazzjoni pubblika jew analiżi teknika.

    3.   L-Awtorità tista’, fuq talba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni tipprovdi parir tekniku lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-oqsma koperti mill-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

    KAPITOLU III

    ORGANIZZAZZJONI TAL-AWTORITÀ

    Artikolu 56

    Struttura amministrattiva u ta’ ġestjoni

    L-istruttura tal-Awtorità għandha tinkludi:

    (a)

    Bord Ġenerali, li għandu jeżerċita l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 60;

    (b)

    Bord Eżekuttiv, li għandu jeżerċita l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 64;

    (c)

    President tal-Awtorità, li għandu jeżerċita l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 69;

    (d)

    Direttur Eżekuttiv, li għandu jeżerċita l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 71;

    (e)

    Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, li għandu jeżerċita l-funzjonijiet elenkati fl-Artikolu 74.

    TAQSIMA 1

    Bord ġenerali

    Artikolu 57

    Kompożizzjoni tal-Bord Ġenerali

    1.   Il-Bord Ġenerali għandu jkollu jew il-kompożizzjoni superviżorja stabbilita fil-paragrafu 2 jew il-kompożizzjoni tal-FIU stabbilita fil-paragrafu 3.

    2.   Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja għandu jkun magħmul minn:

    (a)

    il-President tal-Awtorità, bid-dritt tal-vot;

    (b)

    il-kapijiet tal-awtoritajiet superviżorji tal-entitajiet marbuta b’obbligu f’kull Stat Membru, bid-dritt tal-vot;

    (c)

    rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni, mingħajr id-dritt tal-vot.

    Il-kapijiet tal-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), f’kull Stat Membru għandhom jikkondividu vot wieħed u għandhom jaqblu dwar rappreżentant komuni wieħed, li għandu jkun jew rappreżentant permanenti jew rappreżentant bid-dritt tal-vot ad hoc, għall-finijiet ta’ kull laqgħa jew proċedura ta’ votazzjoni speċifika. Meta l-punti li jkunu se jiġu diskussi mill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja jikkonċernaw il-kompetenza ta’ diversi awtoritajiet superviżorji, ir-rappreżentant komuni wieħed jista’ jkun akkumpanjat minn rappreżentant minn mhux aktar minn żewġ awtoritajiet superviżorji oħra, mingħajr id-dritt tal-vot.

    Kull awtorità superviżorja li jkollha membru bid-dritt tal-vot skont ftehim ad hoc jew permanenti għandha tkun responsabbli għan-nomina ta’ membru supplenti ta’ livell għoli mill-awtorità tagħha, li jista’ jissostitwixxi lill-membru bid-dritt tal-vot tal-Bord Ġenerali msemmi fit-tieni subparagrafu meta dik il-persuna ma tkunx tista’ tattendi.

    3.   Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU għandu jkun magħmul minn:

    (a)

    il-President tal-Awtorità, bid-dritt tal-vot;

    (b)

    il-kapijiet tal-FIUs, bid-dritt tal-vot;

    (c)

    rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni, mingħajr id-dritt tal-vot.

    Kull FIU għandha tinnomina membru supplenti ta’ livell għoli mill-unità tagħha, li jista’ jissostitwixxi l-kap tal-FIU msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), meta dik il-persuna ma tkunx tista’ tattendi.

    4.   Il-Bord Ġenerali jista’ jiddeċiedi li jdaħħal osservaturi. B’mod partikolari, il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU jista’ jdaħħal bħala osservaturi lir-rappreżentanti tal-OLAF, tal-Europol, tal-Eurojust u tal-UPPE għal laqgħat, meta l-kwistjonijiet jaqgħu taħt l-ambitu tal-mandati rispettivi tagħhom. Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja għandu jdaħħal rappreżentant innominat mill-Bord Superviżorju tal-BĊE u rappreżentant ta’ kull waħda mill-ASEs bħala osservaturi, meta jiġu diskussi kwistjonijiet fl-ambitu tal-mandati rispettivi tagħhom.

    Iċ-ċirkostanzi li fihom l-istituzzjoni, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni elenkati fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Bord Ġenerali għandhom jiġu speċifikati fir-regoli ta’ proċedura tal-Bord Ġenerali u jirriflettu ftehim milħuq bejn l-Awtorità u kull wieħed minn dawk l-osservaturi.

    Jistgħu jiddaħħlu fuq bażi ad hoc osservaturi oħra jekk ikunu approvati minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri votanti tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni rilevanti.

    5.   Il-membri tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord Ġenerali, kemm jekk fil-kompożizzjoni superviżorja kif ukoll fil-kompożizzjoni tal-FIU, mingħajr id-dritt tal-vot, meta jiġu diskussi l-punti koperti mill-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom kif iddeterminat mill-President tal-Awtorità u msemmija fl-Artikolu 66(2).

    Artikolu 58

    Delega tal-kompiti u d-deċiżjonijiet, u kumitati interni tal-Bord Ġenerali

    1.   Il-Bord Ġenerali, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-President tal-Awtorità, jista’ jistabbilixxi kumitati interni għal kompiti speċifiċi attribwiti lilu. Il-Bord Ġenerali jista’ jipprevedi d-delega ta’ ċerti kompiti u deċiżjonijiet definiti b’mod ċar lill-kumitati interni, lill-Bord Eżekuttiv jew lill-President tal-Awtorità. Il-Bord Ġenerali jista’ jirrevoka tali delega fi kwalunkwe ħin.

    2.   Il-kumitati interni għandhom jirrapportaw lill-Bord Ġenerali, għal deċiżjoni, il-konklużjonijiet kollha milħuqa minnhom.

    3.   Il-membri tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kumitati interni f’konformità mal-Artikolu 57(5).

    4.   Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIUs għandu jistabbilixxi kumitat permanenti magħmul minn disgħa mill-membri jew mir-rappreżentanti tiegħu b’għarfien espert adegwat mill-FIUs nazzjonali rispettiva tagħhom, biex jappoġġah fit-twettiq tal-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 60(3), inkluż billi jippreżenta proposti u jħejji abbozzi ta’ deċiżjonijiet.

    Il-kumitat permanenti ma għandux ikollu setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Huwa għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fl-interess tal-Unjoni b’mod ġenerali u għandu jaħdem fi trasparenza sħiħa mal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIUs.

    Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIUs għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tal-kumitat permanenti. Il-kompożizzjoni tal-kumitat permanenti għandha tiżgura bilanċ ġust u rotazzjoni bejn il-membri jew ir-rappreżentanti tal-FIUs nazzjonali. Id-disa’ membri tagħha għandhom jinħatru mill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIUs.

    Artikolu 59

    Indipendenza tal-Bord Ġenerali

    1.   Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom b’dan ir-Regolament, il-President tal-Awtorità u l-membri tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja u fil-kompożizzjoni tal-UIT għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess ġenerali tal-Unjoni kollha kemm hi u ma għandhomx ifittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern jew xi korp pubbliku jew privat ieħor.

    2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-uffiċċji u l-korpi tal-Unjoni, u kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor, ma għandhomx ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-Bord Ġenerali fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

    3.   Fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, il-Bord Ġenerali għandu jistabbilixxi arranġamenti prattiċi għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess.

    Artikolu 60

    Kompiti tal-Bord Ġenerali

    1.   Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja għandu jieħu d-deċiżjonijiet relatati mal-kompiti msemmija fl-Artikoli 7 sa 10, kif ukoll kwalunkwe deċiżjoni oħra li, skont dan ir-Regolament trid tittieħed mill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja.

    2.   Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu dwar kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjoni mħejji mill-Bord Eżekuttiv b’relazzjoni ma’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, f’konformità mal-Kapitolu II, it-Taqsima 3, u l-Artikolu 64(2).

    Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja u l-Bord Eżekuttiv għandhom jaqblu b’mod konġunt dwar, u jadottaw, il-proċeduri u l-iskedi ta’ żmien li għandhom jiġu segwiti sabiex tingħata l-opinjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, u jadottawhom.

    3.   Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIUs għandu jwettaq il-kompiti u jadotta d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) u fil-Kapitolu II, it-Taqsima 6.

    4.   Il-Bord Ġenerali għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, il-linji gwida u d-deċiżjonijiet tal-Awtorità msemmija fil-Kapitolu II, it-Taqsima 7, fil-kompożizzjoni xierqa, filwaqt li jqis is-suġġett tal-istrument. Meta strument partikolari jikkonċerna kemm kwistjonijiet relatati mas-superviżjoni u mal-FIUs, il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja u l-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-FIU għandhom kull wieħed jadottaw b’mod separat dawk l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, il-linji gwida u d-deċiżjonijiet. L-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, u l-linji gwida għandhom jiġu adottati abbażi ta’ proposta tal-kumitat intern rilevanti.

    5.   Il-Bord Ġenerali għandu jivvota dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmi fl-Artikolu 49 u l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 53 u jissottomettihom lill-Kummissjoni għall-adozzjoni, fil-kompożizzjoni xierqa, filwaqt li jqis is-suġġett tal-istandards.

    6.   Il-Bord Ġenerali fi kwalunkwe kompożizzjoni għandu jiġi kkonsultat dwar l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Bord Eżekuttiv f’konformità mal-Artikolu 64(4), il-punti (a), (c), (e) u (m). Meta d-deċiżjoni sussegwenti meħuda mill-Bord Eżekuttiv tiddevja mill-opinjoni tal-Bord Ġenerali, il-Bord Eżekuttiv għandu jipprovdi r-raġunijiet għal dan bil-miktub.

    7.   Il-Bord Ġenerali għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu u jippubblikahom.

    8.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 63(3) u (4) u l-Artikolu 68(1) u (2), il-Bord Ġenerali għandu jeżerċita s-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-awtorità tal-ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra lill-awtorità mogħtija s-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”) fir-rigward tal-President tal-Awtorità u l-ħames membri full-time tal-Bord Eżekuttiv, matul il-mandat tagħhom.

    Artikolu 61

    Regoli tal-votazzjoni tal-Bord Ġenerali

    1.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord Ġenerali għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Kull membru bid-dritt tal-vot kif iddeterminat mill-Artikolu 57(2) u (3) għandu jkollu vot wieħed. F’każ ta’ voti ndaqs, il-President tal-Awtorità għandu jkollu vot deċiżiv.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Bord Ġenerali, fir-rigward tal-atti msemmija fl-Artikoli 49, 53, 54 u 55 ta’ dan ir-Regolament, għandu jieħu d-deċiżjonijiet abbażi ta’ maġġoranza kwalifikata tal-membri tiegħu, kif previst fl-Artikolu 16(4) tat-TUE.

    Il-President tal-Awtorità ma għandux jivvota fuq id-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-opinjonijiet imsemmija fl-Artikolu 60(2) jew id-deċiżjonijiet relatati mal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fl-Artikolu 63(5).

    3.   Il-membri mingħajr dritt tal-vot u l-osservaturi ma għandhom jattendu għall-ebda diskussjoni li ssir fil-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja dwar entitajiet marbuta b’obbligu individwali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), jew inkella deċiżi mill-membri bid-dritt tal-vot.

    4.   Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għall-membri tal-Bord Eżekuttiv u r-rappreżentant tal-BĊE nnominat mill-Bord Superviżorju tal-BĊE.

    5.   Il-President tal-Awtorità għandu jkollu l-prerogattiva li jitlob vot fi kwalunkwe ħin. Mingħajr preġudizzju għal dik il-prerogattiva u għall-effettività tal-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità, il-Bord Ġenerali għandu jagħmel ħiltu għal kunsens meta jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu.

    Artikolu 62

    Laqgħat tal-Bord Ġenerali

    1.   Il-President tal-Awtorità għandu jsejjaħ il-laqgħat tal-Bord Ġenerali.

    2.   Il-Bord Ġenerali għandu jorganizza tal-anqas żewġ laqgħat ordinarji fis-sena. Barra minn hekk, huwa għandu jiltaqa’ fuq inizjattiva tal-President, jew fuq talba ta’ tal-anqas terz tal-membri tiegħu.

    3.   Il-Bord Ġenerali jista’ jistieden lil kwalunkwe persuna li l-opinjoni tagħha tista’ tkun ta’ interess biex tattendi għal-laqgħat tiegħu bħala osservatur.

    4.   Il-membri tal-Bord Ġenerali u s-supplenti tagħhom jistgħu, soġġett għar-regoli ta’ proċedura tiegħu, jiġu assistiti fil-laqgħat minn konsulenti jew esperti.

    5.   Il-Bord Ġenerali għandu jkun assistit minn segretarjat ipprovdut mill-Awtorità.

    6.   Il-President tal-Awtorità u l-ħames membri full-time tal-Bord Eżekuttiv ma għandhomx jattendu għal-laqgħat tal-Bord Ġenerali meta jiġu diskussi jew tittieħed deċiżjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw it-twettiq tal-mandat tagħhom.

    TAQSIMA 2

    Bord eżekuttiv

    Artikolu 63

    Kompożizzjoni u ħatra tal-Bord Eżekuttiv

    1.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul minn:

    (a)

    il-President tal-Awtorità;

    (b)

    ħames membri full-time, inkluż il-Viċi President.

    Meta l-Bord Eżekuttiv iwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 64(4), il-punti (a) sa (l), ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkun intitolat li jipparteċipa fid-dibattiti u għandu jkollu aċċess biss għad-dokumenti li jirrigwardaw dawk il-kompiti.

    2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv mingħajr id-dritt tal-vot.

    3.   Meta d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 64(2) fir-rigward ta’ entità marbuta b’obbligu magħżula jiġu deliberati, il-membru tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-entità marbuta b’obbligu magħżula kkonċernata jista’ jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet matul il-laqgħat rilevanti tal-Bord Eżekuttiv.

    Il-membru tal-Bord Ġenerali ma għandux ikun preżenti waqt il-votazzjoni wara tali deliberazzjonijiet.

    4.   Il-membri tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandhom jintgħażlu abbażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien, l-integrità, il-pożizzjoni rikonoxxuta u l-esperjenza fil-qasam tal-AML/CFT, u kwalifiki rilevanti oħra, wara proċedura miftuħa ta’ selezzjoni li għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-Kummissjoni għandha tħejji lista mqassra ta’ kandidati għall-pożizzjoni ta’ membri tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b). Il-Parlament Ewropew jista’ jmexxi seduti ta’ smigħ tal-kandidati inklużi fuq dik il-lista mqassra.

    Il-Bord Ġenerali għandu jissottometti proposta għall-ħatra tal-membri tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), lill-Parlament Ewropew, abbażi tal-lista mqassra mħejjija mill-Kummissjoni. Wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ dik il-proposta, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex jaħtar dawk il-membri tal-Bord Eżekuttiv. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

    Matul il-proċess tal-ħatra kollu, il-prinċipji tal-bilanċ bejn il-ġeneri u dak ġeografiku għandhom jitqiesu sa fejn ikun possibbli.

    5.   Il-mandat tal-ħames membri tal-Bord Eżekuttiv imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandu jkun ta’ erba’ snin. Matul it-12-il xahar ta’ qabel it-tmiem tal-mandat ta’ erba’ snin tiegħu, il-Bord Eżekuttiv, il-Bord Ġenerali fiż-żewġ kompożizzjonijiet jew kumitat iżgħar magħżul fost il-membri tal-Bord Ġenerali, inkluż rappreżentant tal-Kummissjoni, għandu jwettaq valutazzjoni ta’ dawk il-membri tal-Bord Eżekuttiv. Il-valutazzjoni għandha tqis evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ kull membru tal-Bord Eżekuttiv u l-kompiti u l-isfidi futuri tal-Awtorità. Abbażi tal-valutazzjoni, il-Bord Ġenerali fiż-żewġ kompożizzjonijiet jista’ jipproponi lill-Parlament Ewropew li jestendi l-mandat tagħhom. Tali estensjoni tista’ tingħata darba biss. Wara li l-Parlament Ewropew ikun approva l-proposta tal-Bord Ġenerali, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex jestendi l-mandat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv jew tal-membri kkonċernati. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

    6.   Il-membri tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b) għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, jew minn kwalunkwe gvern u lanqas minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-korpi pubbliċi jew privati kollha għandhom jirrispettaw dik l-indipendenza.

    7.   Jekk membru tal-Bord Eżekuttiv imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet ta’ dak il-membru jew ikun instab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi fuq inizjattiva proprja jew wara proposta mill-Parlament Ewropew jew mill-Bord Ġenerali fi kwalunkwe waħda mill-kompożizzjonijiet, jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex ineħħi mill-kariga lil dak il-membru tal-Bord Eżekuttiv. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

    8.   Matul perjodu ta’ 18-il xahar wara li ma jibqgħux fil-kariga, l-eks membri tal-Bord Eżekuttiv, inkluż il-President u l-Viċi President tal-Awtorità, għandhom jiġu pprojbiti milli jinvolvu ruħhom f’attività okkupazzjonali bi qligħ ma’:

    (a)

    entità marbuta b’obbligu magħżula;

    (b)

    kwalunkwe entità oħra, meta dan l-aġir iwassal jew jista’ jwassal għal kunflitt mal-interessi leġittimi tal-Awtorità.

    Fir-regoli tiegħu għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri tiegħu, imsemmija fl-Artikolu 64(4) il-punt (e), il-Bord Eżekuttiv għandu jispeċifika ċ-ċirkostanzi li fihom ikun jeżisti jew jista’ jitqies li jeżisti tali kunflitt ta’ interess.

    Artikolu 64

    Kompiti tal-Bord Eżekuttiv

    1.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-ippjanar ġenerali u għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 5. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta d-deċiżjonijiet kollha tal-Awtorità bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu mill-Bord Ġenerali f’konformità mal-Artikolu 60.

    2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta d-deċiżjonijiet indirizzati lill-entitajiet marbuta b’obbligu għall-finijiet tal-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 6(1), filwaqt li jqis il-proposta tat-tim superviżorju konġunt tal-entità marbuta b’obbligu magħżula msemmi fl-Artikolu 16, il-proposta tat-tim investigattiv indipendenti msemmi fl-Artikolu 27, u l-opinjoni mogħtija mill-Bord Ġenerali dwar dik id-deċiżjoni proposta skont l-Artikolu 60(2). Meta l-Bord Eżekuttiv jiddeċiedi li jiddevja minn tali opinjoni, huwa għandu jagħti raġunijiet dettaljati għal dan bil-miktub.

    3.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta d-deċiżjonijiet kollha indirizzati lill-awtoritajiet pubbliċi individwali f’konformità mal-Artikoli 14, 30 u 32 sa 36.

    4.   Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jadotta, sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, abbażi ta’ proposta mid-Direttur Eżekuttiv, l-abbozz ta’ Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 65, u jittrażmettih għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara, kif ukoll jadotta u jittrażmetti kwalunkwe verżjoni aġġornata oħra tad-dokument;

    (b)

    jadotta l-abbozz ta’ baġit annwali tal-Awtorità u jeżerċita funzjonijiet oħra fir-rigward tal-baġit tal-Awtorità;

    (c)

    jivvaluta u jadotta rapport annwali konsolidat dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluża ħarsa ġenerali lejn it-twettiq tal-kompiti tiegħu u jgħaddih, sal-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri u jippubblikah;

    (d)

    jadotta strateġija kontra l-frodi, proporzjonata għar-riskji ta’ frodi filwaqt li jqis il-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati;

    (e)

    jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri tiegħu, kif ukoll tal-membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami;

    (f)

    jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu;

    (g)

    jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Awtorità, is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra;

    (h)

    jadotta regoli ta’ implimentazzjoni xierqa sabiex ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra jsiru effettivi f’konformità mal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal;

    (i)

    jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u jneħħih mill-kariga, f’konformità mal-Artikolu 70(5);

    (j)

    jaħtar uffiċjal tal-kontabbiltà, li jista’ jkun l-uffiċjal tal-kontabbilità tal-Kummissjoni, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, li għandu jkun indipendenti għalkollox fit-twettiq ta’ dmirijietu;

    (k)

    jiżgura segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet tal-awditjar intern jew estern, kif ukoll mill-investigazzjonijiet tal-OLAF;

    (l)

    jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità;

    (m)

    jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-istabbiliment tal-istrutturi interni tal-Awtorità u, fejn ikun neċessarju, dwar il-modifika tagħhom.

    5.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jagħżel Viċi President tal-Awtorità minn fost il-membri bid-dritt tal-vot tiegħu. Il-Viċi President għandu jissostitwixxi awtomatikament lill-President tal-Awtorità jekk il-President ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu.

    6.   Fir-rigward tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 4 il-punt (h), ta’ dan l-Artikolu, il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta, f’konformità mal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra, li tiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat li jissottodelega dawk is-setgħat.

    7.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord Eżekuttiv jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u kwalunkwe sottodelega mid-Direttur Eżekuttiv u jeżerċitahom huwa stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal li ma jkunx id-Direttur Eżekuttiv.

    Artikolu 65

    Programmazzjoni annwali u pluriennali

    1.   Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta dokument uniku ta’ programmazzjoni li jkun fih programm ta’ ħidma pluriennali u programm ta’ ħidma annwali, abbażi tal-abbozz imressaq mid-Direttur Eżekuttiv, b’kont meħud tal-opinjoni tal-Kummissjoni u – fir-rigward tal-programm ta’ ħidma pluriennali – wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Jekk il-Bord Eżekuttiv jiddeċiedi li ma jqisx ċerti elementi tal-opinjoni tal-Kummissjoni, huwa għandu jagħti ġustifikazzjoni dettaljata għal dik id-deċiżjoni. L-obbligu li tiġi provduta ġustifikazzjoni dettaljata għandu japplika wkoll għal kwalunkwe element imqajjem mill-Parlament Ewropew meta jiġi kkonsultat. Il-Bord Eżekuttiv għandu jgħaddi d-dokument uniku ta’ programmazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    Id-dokument uniku ta’ programmazzjoni għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali u, jekk ikun meħtieġ, għandu jiġi aġġustat skont dan.

    2.   Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi objettivi dettaljati u r-riżultati mistennija, inklużi l-indikaturi tal-prestazzjoni. Huwa għandu jkun fih ukoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, f’konformità mal-prinċipji tal-ibbaġitjar u tal-ġestjoni bbażati fuq l-attività. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun koerenti mal-programm ta’ ħidma pluriennali. Huwa għandu jindika b’mod ċar il-kompiti li jkunu ġew miżjuda, mibdula jew imħassra meta mqabbel mas-sena finanzjarja preċedenti.

    3.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jemenda l-programm ta’ ħidma annwali adottat meta jingħata kompitu ġdid lill-Awtorità.

    Kwalunkwe emenda sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali għandha tiġi adottata bl-istess proċedura bħall-programm ta’ ħidma annwali inizjali. Il-Bord Eżekuttiv jista’ jiddelega s-setgħa li jagħmel emendi mhux sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali lid-Direttur Eżekuttiv.

    4.   Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali, inklużi l-objettivi, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Huwa għandu jistabbilixxi wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi, inkluż il-baġit pluriennali u l-persunal.

    Il-programmazzjoni tar-riżorsi għandha tiġi aġġornata kull sena. Il-programmazzjoni strateġika għandha tiġi aġġornata fejn ikun xieraq.

    Artikolu 66

    Regoli tal-votazzjoni tal-Bord Eżekuttiv

    1.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Kull membru tal-Bord Eżekuttiv għandu jkollu vot wieħed. Il-President tal-Awtorità, jew il-Viċi President meta jissostitwixxi lill-President, għandu jkollu vot deċiżiv f’każ ta’ voti ndaqs.

    2.   Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkollu d-dritt tal-vot kull meta jiġu diskussi u deċiżi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Artikolu 64(4) il-punti (a) sa (l).

    3.   Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord Eżekuttiv għandhom jistabbilixxu arranġamenti aktar dettaljati tal-votazzjoni, b’mod partikolari ċ-ċirkostanzi li fihom membru jista’ jaġixxi f’isem membru ieħor.

    Artikolu 67

    Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali

    1.   Il-Bord Eżekuttiv, fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv, għandu jiddesinja Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali. L-uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali jista’ jkun membru eżistenti tal-persunal tal-Awtorità.

    2.   L-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jagħti pariri lill-persunal tal-Awtorità dwar kwalunkwe attività mwettqa mill-Awtorità, fejn l-Uffiċjal iqis li dan ikun meħtieġ jew fejn mitlub mill-persunal mingħajr ma jimpedixxi jew idewwem dawk l-attivitajiet;

    (b)

    jippromwovi u jimmonitorja l-konformità tal-Awtorità mad-drittijiet fundamentali;

    (c)

    jipprovdi opinjonijiet mhux vinkolanti dwar il-konformità tal-attivitajiet tal-Awtorità mad-drittijiet fundamentali;

    (d)

    jinforma lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord Eżekuttiv dwar ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali matul l-attivitajiet tal-Awtorità;

    3.   L-Awtorità għandha tiżgura li l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali ma jfittex ebda istruzzjoni u lanqas ma jieħu istruzzjoni fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti tal-Uffiċjal.

    4.   L-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali għandu jirrapporta direttament lid-Direttur Eżekuttiv u jħejji rapporti regolari dwar il-prestazzjoni tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 2. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu disponibbli għall-Bord Eżekuttiv.

    TAQSIMA 3

    President tal-awtorità

    Artikolu 68

    Ħatra tal-President tal-Awtorità

    1.   Il-President tal-Awtorità għandu jintgħażel abbażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien, l-integrità,il-pożizzjoni rikonoxxuta u l-esperjenza fil-qasam tal-ġlieda kontra l-AML/CFT u kwalifiki rilevanti oħra, wara proċedura miftuħa ta’ selezzjoni li għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew, l-Kunsill u l-Bord Ġenerali għandhom jinżammu informati kif xieraq dwarha f’kull stadju ta’ dik il-proċedura b’mod f’waqtu.

    Il-Kummissjoni għandha tfassal lista mqassra tal-anqas ta’ żewġ kandidati kwalifikati għall-pożizzjoni tal-President tal-Awtorità. Il-Parlament Ewropew u l-Bord Ġenerali jistgħu jorganizzaw seduti ta’ smigħ tal-kandidati inklużi fuq dik il-lista mqassra. Il-Bord Ġenerali jista’ joħroġ opinjoni pubblika dwar ir-riżultati tas-seduti ta’ smigħ tiegħu, jew jindirizza l-opinjonijiet tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta għall-ħatra tal-President tal-Awtorità lill-Parlament Ewropew.

    Wara l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew ta’ dik il-proposta, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex jaħtar il-President tal-Awtorità. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

    B’deroga mit-tieni subparagrafu, għall-ħatra tal-ewwel President tal-Awtorità wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta għall-ħatra tal-President mingħajr l-involviment tal-Bord Ġenerali.

    2.   Il-President tal-Awtorità għandu jaġixxi b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi u la għandu jfittex u lanqas jieħu istruzzjonijiet mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u lanqas minn kwalunkwe gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-korpi pubbliċi u privati l-oħra kollha għandhom jirrispettaw dik l-indipendenza.

    3.   Il-mandat President tal-Awtorità għandu jkun ta’ erba’ snin. Matul it-12-il xahar ta’ qabel it-tmiem tal-mandat ta’ erba’ snin tal-President, il-Bord Ġenerali fiż-żewġ kompożizzjonijiet jew kumitat iżgħar magħżul minn fost il-membri tal-Bord Ġenerali, inkluż rappreżentant tal-Kummissjoni, għandu jwettaq valutazzjoni tal-President. Il-valutazzjoni għandha tqis evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-President u l-kompiti u l-isfidi futuri tal-Awtorità. Abbażi tal-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Parlament Ewropew li jestendi l-mandat tal-President. Tali estensjoni tista’ tingħata darba biss. Wara l-approvazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex jiġi estiż il-mandat tal-President tal-Awtorità. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

    4.   Jekk il-President tal-Awtorità ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta’ dmirijietu jew ikun instab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi fuq inizjattiva proprja jew wara proposta mill-Parlament Ewropew jew mill-Bord Ġenerali fi kwalunkwe waħda mill-kompożizzjonijiet, jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex ineħħi mill-kariga lill-President tal-Awtorità. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

    5.   Jekk il-President tal-Awtorità jirriżenja jew ma jkunx jista’ jwettaq id-dmirijiet tiegħu għal kwalunkwe raġuni oħra, il-funzjonijiet tal-President għandhom jitwettqu mill-Viċi President.

    Artikolu 69

    Responsabbiltajiet tal-President tal-Awtorità

    1.   Il-President tal-Awtorità għandu jirrappreżenta lill-Awtorità u għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Bord Ġenerali u tal-Bord Eżekuttiv, inkluż li jistabbilixxi l-aġenda, isejjaħ u jippresiedi l-laqgħat kollha u jressaq punti għal deċiżjoni.

    2.   Il-President tal-Awtorità għandu jassenja lill-membri tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fl-Artikolu 63(1), il-punt (b), oqsma speċifiċi ta’ responsabbiltà, fl-ambitu tal-kompiti tal-Awtorità, għat-tul tal-mandat tagħhom.

    TAQSIMA 4

    Direttur eżekuttiv

    Artikolu 70

    Ħatra tad-Direttur Eżekuttiv

    1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-Awtorità skont l-Artikolu 2, il-punt (a), tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu fl-interessi tal-Unjoni, u b’mod indipendenti minn kwalunkwe interess speċifiku.

    3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimmaniġġja l-Awtorità. Id-Direttur Eżekuttiv għandu obbligu ta’ rendikont lejn il-Bord Eżekuttiv. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni u tal-Bord Eżekuttiv, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu u la għandu jfittex u lanqas jieħu istruzzjonijiet mingħand istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, u lanqas minn xi gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.

    4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jintgħażel abbażi tal-mertu u tal-ħiliet amministrattivi, baġitarji u maniġerjali ta’ livell għoli dokumentati, wara proċedura miftuħa ta’ selezzjoni li għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u, kif ikun xieraq, f’siti oħra tal-istampa jew tal-internet. Il-Kummissjoni għandha tfassal lista mqassra tal-anqas ta’ żewġ kandidati kwalifikati għall-pożizzjoni tad-Direttur Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv.

    5.   Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ ħames snin. Matul id-disa’ xhur ta’ qabel it-tmiem tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv, il-Bord Eżekuttiv għandu jwettaq valutazzjoni li tqis evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u tal-kompiti u l-isfidi futuri tal-Awtorità. Il-Bord Eżekuttiv, wara li jqis l-evalwazzjoni, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba.

    Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitneħħa mill-kariga mill-Bord Eżekuttiv fuq proposta mill-Kummissjoni.

    6.   Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma għandux jipparteċipa fi proċedura oħra ta’ selezzjoni għall-istess pożizzjoni fi tmiem il-mandat estiż.

    Artikolu 71

    Kompiti tal-Direttur Eżekuttiv

    1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli mill-ġestjoni ta’ kuljum tal-Awtorità u għandu jimmira li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri, u, safejn ikun possibbli, bejn bilanċ ġeografiku, fi ħdan l-Awtorità. B’mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għal:

    (a)

    l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord Eżekuttiv;

    (b)

    it-tħejjija tal-abbozz tad-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni u s-sottomissjoni tiegħu lill-Bord Eżekuttiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni;

    (c)

    l-implimentazzjoni tad-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni u r-rapportar lill-Bord Eżekuttiv dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

    (d)

    it-tħejjija tal-abbozz ta’ rapport annwali konsolidat dwar l-attivitajiet tal-Awtorità u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Bord Eżekuttiv għall-valutazzjoni u l-adozzjoni;

    (e)

    it-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni bħala segwitu għall-konklużjonijiet ta’ rapporti tal-awditjar u evalwazzjonijiet interni jew esterni, kif ukoll l-investigazzjonijiet mill-OLAF u r-rapportar regolarment dwar il-progress lill-Kummissjoni, lill-Bord Ġenerali u lill-Bord Eżekuttiv;

    (f)

    il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, mingħajr ma jippreġudika l-kompetenza investigattiva tal-OLAF permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, billi jirkupra l-ammonti mħallsa b’mod żbaljat u, fejn ikun xieraq, billi jimponi penali amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi, inklużi penali finanzjarji;

    (g)

    it-tħejjija ta’ strateġija kontra l-frodi għall-Awtorità u l-preżentazzjoni tagħha lill-Bord Eżekuttiv għall-approvazzjoni;

    (h)

    it-tħejjija ta’ abbozzi ta’ regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità;

    (i)

    it-tħejjija, bħala parti mill-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni, tal-abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Awtorità skont l-Artikolu 78 u l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha skont l-Artikolu 79;

    (j)

    it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ sigurtà tal-IT, l-iżgurar ta’ ġestjoni xierqa tar-riskji għall-infrastruttura, is-sistemi u s-servizzi kollha tal-IT, li jiġu żviluppati jew akkwistati mill-Awtorità, kif ukoll finanzjament suffiċjenti għas-sigurtà tal-IT.

    (k)

    l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Awtorità taħt il-kontroll tal-Bord Eżekuttiv;

    (l)

    it-tħejjija ta’ abbozz ta’ rapport li jiddeskrivi l-attivitajiet kollha tal-Awtorità b’taqsima dwar kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi.

    2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu miżuri oħra meħtieġa, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ istruzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi, biex jiżgura l-funzjonament tal-Awtorità, f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

    3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ li jiġi stazzjonat membru tal-persunal wieħed jew aktar fi Stat Membru ieħor jew aktar għall-iskop tat-twettiq tal-kompiti tal-Awtorità b’mod effiċjenti u effettiv. Qabel ma jiddeċiedi li jistabbilixxi uffiċċju lokali, id-Direttur Eżekuttiv għandu jikseb il-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni, tal-Bord Eżekuttiv u ta’ kwalunkwe Stat Membru kkonċernat. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika l-ambitu tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu fl-uffiċċju lokali b’mod li jiġu evitati kostijiet bla bżonn u d-duplikazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi tal-Awtorità. Għandu jiġi konkluż ftehim mal-Istati Membru jew mal-Istati Membri kkonċernati kif xieraq.

    TAQSIMA 5

    Bord Amministrattiv ta’ Rieżami

    Artikolu 72

    Stabbiliment u kompożizzjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami

    1.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għall-finijiet tat-twettiq ta’ rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità fl-eżerċizzju tas-setgħat elenkati fl-Artikoli 21, 22, 23 u 77. L-ambitu tar-rieżami amministrattiv intern għandu jirrigwarda l-konformità proċedurali u sostantiva ta’ tali deċiżjonijiet ma’ dan ir-Regolament.

    2.   Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jkun magħmul minn ħames individwi ta’ reputazzjoni tajba, li jkollhom rekord ippruvat ta’ għarfien u esperjenza professjonali rilevanti, inkluża esperjenza superviżorja fil-qasam tal-AML/CFT, eskluż il-persunal kurrenti tal-Awtorità, kif ukoll il-persunal kurrenti tal-awtoritajiet superviżorji tal-AML/CFT u tal-FIUs jew ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji nazzjonali jew tal-Unjoni oħra li jkunu involuti fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Awtorità b’dan ir-Regolament. Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jkollu riżorsi u għarfien espert suffiċjenti biex jivvaluta l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Awtorità skont dan ir-Regolament.

    3.   Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jiddeċiedi abbażi ta’ maġġoranza ta’ tal-anqas tlieta mill-ħames membri tiegħu.

    Artikolu 73

    Membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami

    1.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u żewġ supplenti għandhom jinħatru mill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja għal terminu ta’ ħames snin, li jista’ jiġi estiż darba, wara sejħa pubblika għal espressjonijiet ta’ interess ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huma ma għandhom ikunu marbuta bl-ebda istruzzjoni.

    2.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku u ma għandhom iwettqu l-ebda dmir ieħor fl-Awtorità. Għal dan il-għan, huma għandhom jagħmlu dikjarazzjoni pubblika tal-impenji u tal-interessi li tindika kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom jew in-nuqqas ta’ kwalunkwe interess bħal dan.

    Artikolu 74

    Deċiżjonijiet soġġetti għal rieżami

    1.   Talba għal rieżami tista’ titressaq quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami kontra deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 6(1) u l-Artikoli 21, 22, 23 u 77 minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li lilha tkun indirizzata d-deċiżjoni, jew li għaliha tkun ta’ tħassib dirett u individwali.

    2.   Kwalunkwe talba għal rieżami għandha ssir bil-miktub, inkluża dikjarazzjoni tar-raġunijiet, u għandha tiġi ppreżentata lill-Awtorità fi żmien xahar mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna li titlob ir-rieżami, jew, fin-nuqqas tagħha, mill-jum li fih il-persuna li titlob ir-rieżami tkun saret taf bih.

    3.   Wara li jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal rieżami, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jesprimi opinjoni fi żmien xieraq għall-urġenza tal-kwistjoni u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn xahrejn minn meta jirċievi t-talba u jgħaddi l-każ għat-tħejjija ta’ deċiżjoni ġdida lill-Bord Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u għandu jadotta minnufih deċiżjoni ġdida. Id-deċiżjoni l-ġdida għandha tħassar id-deċiżjoni inizjali u tissostitwiha b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku jew b’deċiżjoni emendata.

    4.   Talba għal rieżami skont il-paragrafu 2 tista’ tinkludi talba biex tiġi sospiża l-applikazzjoni tad-deċiżjoni soġġetta għal proċedimenti ta’ rieżami. Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jista’, jekk iqis li ċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan u b’kont meħud tal-fehma tal-Bord Eżekuttiv, jordna li l-applikazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni tiġi sospiża sakemm il-Bord Eżekuttiv jadotta deċiżjoni ġdida skont il-paragrafu 3. Jekk il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami ma jiddeċidix dwar it-talba għal sospensjoni fi żmien 14-il jum, dik it-talba għandha titqies miċħuda.

    5.   L-opinjoni espressa mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u d-deċiżjoni l-ġdida adottata mill-Bord Eżekuttiv skont dan l-Artikolu għandhom ikunu motivati u nnotifikati lill-partijiet.

    6.   L-Awtorità għandha tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

    Artikolu 75

    Esklużjoni u oġġezzjoni

    1.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami ma għandhom jieħdu sehem fl-ebda proċediment ta’ rieżami jekk ikollhom xi interess personali fil-proċedimenti, jekk qabel kienu involuti bħala rappreżentanti ta’ waħda mill-partijiet fil-proċedimenti, jew jekk kienu pparteċipaw fl-adozzjoni tad-deċiżjoni taħt rieżami.

    2.   Jekk, għal xi waħda mir-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 1 jew għal xi raġuni oħra, membru tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jqis li ma għandux jieħu sehem fi proċediment ta’ rieżami, huwa għandu jinforma b’dan lill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

    3.   Kwalunkwe parti fil-proċedimenti ta’ rieżami tista’ toġġezzjona għal kwalunkwe membru tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jew għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 1, jekk ikun hemm suspett li l-membru ma jkunx imparzjali. Kwalunkwe oġġezzjoni bħal din ma għandhiex tkun ammissibbli jekk il-parti fil-proċedimenti ta’ rieżami, waqt li tkun konxja minn raġuni għall-oġġezzjoni, tkun ħadet pass proċedurali. L-ebda oġġezzjoni ma għandha tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-membri.

    4.   Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-membru kkonċernat. Għall-finijiet tat-teħid ta’ dik id-deċiżjoni, il-membru kkonċernat għandu jiġi sostitwit fuq il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami mis-supplenti tiegħu.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

    Artikolu 76

    Baġit

    1.   L-estimi tad-dħul u l-infiq kollu għall-Awtorità għandhom jitħejjew kull sena finanzjarja, li tikkorrispondi għas-sena kalendarja, u għandhom jintwerew fil-baġit tal-Awtorità.

    2.   Il-baġit tal-Awtorità għandu jkun bilanċjat f’termini ta’ dħul u nefqa.

    3.   Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, id-dħul tal-Awtorità għandu jikkonsisti f’kombinazzjoni ta’ dawn li ġejjin:

    (a)

    kontribuzzjoni mill-Unjoni mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni;

    (b)

    it-tariffi mħallsa mill-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula u mhux magħżula f’konformità mal-Artikolu 77, għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 5(2), il-punti (a), (b) u (c), u fl-Artikolu 5(3), il-punti (a) sa (d), (f) u (g);

    (c)

    kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja volontarja mill-Istati Membri;

    (d)

    tariffi miftiehma għal pubblikazzjonijiet, u għal taħriġ u kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut mill-Awtorità meta dawn ikunu ntalbu speċifikament minn FIU waħda jew aktar jew il-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi terzi jew minn awtoritajiet li mhumiex AML/CFT.

    (e)

    finanzjament possibbli tal-Unjoni fil-forma ta’ ftehimiet ta’ kontribuzzjoni jew għotjiet ad hoc f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-Awtorità msemmija fl-Artikolu 81 u mad-dispożizzjonijiet tal-istrumenti rilevanti li jappoġġaw il-politiki tal-Unjoni;

    L-ammont u l-oriġini ta’ kwalunkwe dħul imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punti (b), (c), (d) u (e) ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu inklużi fil-kontijiet annwali tal-Awtorità u ddettaljati b’mod ċar fir-rapport annwali dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tal-Awtorità msemmi fl-Artikolu 80(2).

    4.   In-nefqa tal-Awtorità għandha tinkludi r-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u infrastrutturali u l-kostijiet operatorji.

    Artikolu 77

    Tariffi imposti fuq entitajiet marbuta b’obbligu magħżula u mhux magħżula

    1.   L-Awtorità għandha timponi tariffa superviżorja annwali fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula kollha msemmija fl-Artikolu 13 u fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 12(1). It-tariffi għandhom ikopru n-nefqa mġarrba mill-Awtorità fir-rigward tal-kompiti relatati mas-superviżjoni u msemmija fil-Kapitolu II, it-Taqsimiet 3 u 4. Dawk it-tariffi ma għandhomx jaqbżu n-nefqa relatata ma’ dawk il-kompiti. Meta dawk il-kriterji ma jiġux irrispettati b’mod sħiħ fi kwalunkwe sena partikolari, l-aġġustamenti meħtieġa għandhom isiru meta jiġu kkalkolati t-tariffi għas-sentejn ta’ wara.

    2.   L-ammont tat-tariffa imposta fuq kull entità marbuta b’obbligu msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fl-att delegat imsemmi fil-paragrafu 6.

    3.   It-tariffi għandhom jiġu kkalkolati fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Unjoni f’konformità mal-istandards kontabilistiċi applikabbli.

    4.   Il-bażi għall-kalkolu tat-tariffa superviżorja annwali għal sena kalendarja partikolari għandha tkun in-nefqa relatata mas-superviżjoni diretta u indiretta tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula u mhux magħżula soġġetti għal tariffi f’dik is-sena. L-Awtorità tista’ titlob pagamenti bil-quddiem fir-rigward tat-tariffa superviżorja annwali, li għandha tkun ibbażata fuq stima raġonevoli. L-Awtorità għandha tikkomunika mas-superviżur finanzjarju rilevanti qabel ma tiddeċiedi dwar il-livell tat-tariffa finali sabiex tiżgura li s-superviżjoni tibqa’ kosteffettiva u raġonevoli għall-entitajiet kollha marbuta b’obbligu tas-settur finanzjarju. L-Awtorità għandha tikkomunika lill-entitajiet marbuta b’obbligu kkonċernati l-bażi għall-kalkolu tat-tariffa superviżorja annwali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligu li jitħallsu t-tariffi speċifikati f’dan l-Artikolu jkun infurzabbli skont il-liġi nazzjonali, u li t-tariffi dovuti jitħallsu kollha.

    5.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-superviżuri finanzjarji li jimponu tariffi f’konformità mal-liġi nazzjonali, sal-punt li ma jkunux ġew konferiti kompiti superviżorji lill-Awtorità, jew fir-rigward tal-kostijiet tal-kooperazzjoni mal-Awtorità u l-assistenza tagħha u waqt li jaġixxu fuq l-istruzzjonijiet tagħha, f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

    6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 100 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont tat-tariffa imposta fuq kull entità marbuta b’obbligu magħżula u mhux magħżula soġġetta għal tariffi f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u l-proċedura għall-ġbir ta’ dawk it-tariffi. Meta tkun qiegħda tiżviluppa l-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-ammont individwali tat-tariffi, il-Kummissjoni għandha tqis dan li ġej:

    (a)

    il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ introjtu tal-entitajiet marbuta b’obbligu fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Unjoni f’konformità ma’ standards kontabilistiċi applikabbli;

    (b)

    jekk l-entità marbuta b’obbligu kkwalifikatx għal superviżjoni diretta;

    (c)

    il-klassifikazzjoni tal-profil tar-riskju tal-ML/TF tal-entitajiet marbuta b’obbligu f’konformità mal-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 12(7), il-punt (b);

    (d)

    l-importanza tal-entità marbuta b’obbligu għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew tal-Unjoni;

    (e)

    dak l-ammont tat-tariffa li għandu jinġabar minn entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula fi proporzjon mad-dħul jew il-fatturat tagħhom imsemmi fil-punt (a) ma għandux jaqbeż 20 % tal-ammont tat-tariffa li għandu jinġabar minn entitajiet marbuta b’obbligu magħżula bl-istess livell ta’ introjtu jew fatturat.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu sal-1 ta’ Jannar 2027.

    Artikolu 78

    Tħejjija tal-baġit

    1.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Awtorità għas-sena finanzjarja ta’ wara, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment, u jibagħtu lill-Bord Eżekuttiv.

    2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu, abbażi ta’ dak l-abbozz, jadotta abbozz ta’ stima provviżorju tad-dħul u l-infiq tal-Awtorità għas-sena finanzjarja ta’ wara.

    3.   L-abbozz ta’ stima finali tad-dħul u l-infiq tal-Awtorità għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dikjarazzjoni tal-estimi lill-awtorità baġitarja flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    5.   Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni l-estimi li hija tqis neċessarji għall-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jitħallas mill-baġit ġenerali, li hija għandha tqiegħed quddiem l-awtorità baġitarja f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 tat-TFUE.

    6.   L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni lill-Awtorità.

    7.   L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta’ stabbiliment tal-Awtorità.

    8.   Il-baġit tal-Awtorità għandu jiġi adottat mill-Bord Eżekuttiv. Dan għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn ikun neċessarju, dan għandu jiġi aġġustat skont il-każ.

    Artikolu 79

    Implimentazzjoni tal-baġit

    1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Awtorità filwaqt li jirrispetta l-prinċipji tal-ekonomija, tal-effiċjenza, tal-effettività u tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

    2.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-awtorità baġitarja l-informazzjoni kollha rilevanti għas-sejbiet tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni.

    Artikolu 80

    Preżentazzjoni tal-kontijiet u l-kwittanza

    1.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Awtorità għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji għas-sena finanzjarja (sena N) lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara (sena N+1).

    2.   Sal-31 ta’ Marzu tas-sena N+1, l-Awtorità għandha tibgħat ir-rapport annwali dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

    3.   Sal-31 ta’ Marzu tas-sena N+1, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji tal-Awtorità, ikkonsolidati mal-kontijiet tal-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri.

    4.   Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 246 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41), il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Awtorità.

    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta’ Settembru tas-sena N+1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat ukoll din it-tweġiba lill-Bord Eżekuttiv.

    5.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Awtorità għandu, sal-1 ta’ Lulju tas-sena N+1, jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord Eżekuttiv.

    6.   Sal-15 ta’ Novembru tas-sena N+1, għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea link għall-paġni tas-sit web li fihom il-kontijiet finali tal-Awtorità.

    7.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti lill-Parlament Ewropew, fuq talba tal-Parlament Ewropew, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata, f’konformità mal-Artikolu 261(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    8.   Fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, il-Parlament Ewropew għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N+2, jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

    Artikolu 81

    Regoli finanzjarji

    Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità għandhom jiġu adottati mill-Bord Eżekuttiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawn ma għandhomx jiddevjaw mir-Regolament Delegat (UE) 2019/715 sakemm tali devjazzjoni ma tkunx meħtieġa speċifikament għall-operat tal-Awtorità, u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.

    Artikolu 82

    Miżuri kontra l-frodi

    1.   Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 kif ukoll l-Artikolu 86 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/715 għandhom japplikaw għall-Awtorità mingħajr ebda restrizzjoni.

    2.   L-Awtorità għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (42) u għandha tadotta minnufih dispożizzjonijiet xierqa għall-persunal kollu tal-Awtorità.

    3.   Id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament, il-ftehimiet u l-istrumenti ta’ implimentazzjoni li jirriżultaw minnhom għandhom jipprevedu espressament li l-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF jistgħu, fejn ikun neċessarju, iwettqu verifiki fuq il-post fuq il-benefiċjarji ta’ flejjes żborżati mill-Awtorità.

    Artikolu 83

    Sigurtà tal-IT

    1.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi governanza interna tal-IT fil-livell tad-Direttur Eżekuttiv li tistabbilixxi u timmaniġġja l-baġit tal-IT u tiżgura rapportar regolari lill-Bord Eżekuttiv dwar il-konformità mar-regoli u l-istandards applikabbli tas-sigurtà tal-IT.

    2.   L-Awtorità għandha tiżgura li sehem suffiċjenti tan-nefqa tagħha fuq l-IT tiġi allokata b’mod trasparenti għas-sigurtà diretta tal-IT. Il-kontribuzzjoni għas-Servizz taċ-Ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE) tista’ tingħadd f’dak is-sehem.

    3.   Għandu jiġi stabbilit servizz adegwat ta’ monitoraġġ, detezzjoni u rispons għas-sigurtà tal-IT, bl-użu tas-servizzi tas-CERT-UE. Inċidenti Kbar għandhom jiġu rrapportati lis-CERT-UE u lill-Kummissjoni fi żmien 24 siegħa mid-detezzjoni.

    Artikolu 84

    Obbligu ta’ rendikont u rapportar

    1.   L-Awtorità għandha l-obbligu ta’ rendikont lejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Fuq bażi annwali, l-Awtorità għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni rapport dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, inkluża informazzjoni dwar l-evoluzzjoni ppjanata tal-istruttura u l-ammont tat-tariffi superviżorji msemmija fl-Artikolu 77. Fir-rigward tal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li l-Awtorità tkun ħarġet f’konformità mal-Artikolu 54, ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni dwar il-konformità mal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa matul is-sena koperta mir-rapport kif ukoll kwalunkwe aġġornament rilevanti dwar il-konformità mal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa qabel. Ir-rapport għandu jsir pubbliku u għandu jinkludi kwalunkwe informazzjoni rilevanti mitluba mill-Parlament Ewropew fuq bażi ad hoc. Il-President tal-Awtorità għandu jippreżenta dak ir-rapport fil-pubbliku lill-Parlament Ewropew.

    3.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Awtorità għandu jipparteċipa f’seduta ta’ smigħ dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħha mill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew. Għandha ssir seduta ta’ smigħ tal-anqas darba f’sena. Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Awtorità għandu jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitati rilevanti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb kwalunkwe mistoqsija mill-membri tagħhom, kull meta dan jintalab.

    4.   Fi żmien sitt ġimgħat minn kull laqgħa tal-Bord Ġenerali, l-Awtorità għandha tal-anqas tagħti lill-Parlament Ewropew rendikont komprensiv u b’sinifikat tal-proċedimenti ta’ dik il-laqgħa li jippermetti li d-diskussjonijiet li jkunu saru f’dik-il-laqgħa jiġu mifhuma, inkluża lista annotata tad-deċiżjonijiet. Tali rendikont m’għandux jirrifletti diskussjonijiet fi ħdan il-Bord Ġenerali rigward entitajiet individwali marbuta b’obbligu jew diskussjonijiet rigward data superviżorja jew rigward l-FIUs, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

    5.   L-Awtorità għandha twieġeb b’mod orali jew bil-miktub għall-mistoqsijiet li jsiru lilha mill-Parlament Ewropew fi żmien ħames ġimgħat minn meta jaslu.

    6.   Fuq talba, il-President tal-Awtorità għandu jorganizza diskussjonijiet orali kunfidenzjali bil-magħluq mal-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew, meta tali diskussjonijiet ikunu meħtieġa għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-Parlament Ewropew skont it-Trattati. Il-parteċipanti kollha għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali.

    7.   Meta tinforma lill-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontribut tal-Awtoritajiet għall-azzjoni tal-Unjoni f’fora internazzjonali, l-Awtorità ma għandha tiddivulga l-ebda informazzjoni li tkun irċeviet fit-twettiq ta’ dak il-kompitu meta tali informazzjoni tkun soġġetta għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità imposti minn partijiet terzi.

    KAPITOLU V

    PERSUNAL U KOOPERAZZJONI

    TAQSIMA 1

    Persunal

    Artikolu 85

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra kif ukoll ir-regoli adottati bi ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jingħata effett lil dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra għandhom japplikaw għall-persunal tal-Awtorità għall-kwistjonijiet kollha mhux koperti minn dan ir-Regolament.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-President tal-Awtorità u l-membri tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fl-Artikolu 63(1), il-punt (b), għandhom, rispettivament, ikunu fuq l-istess livell ta’ Membru u r-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-emolumenti u l-età tal-pensjoni, kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 (43). Għal aspetti mhux koperti minn dan ir-Regolament jew mir-Regolament (UE) 2016/300, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra għandhom japplikaw b’mod analoġiku.

    3.   Il-Bord Eżekuttiv, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni neċessarji, f’konformità mal-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    4.   L-Awtorità tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati jew persunal ieħor mhux impjegat mill-Awtorità inklużi d-delegati tal-FIUs.

    5.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta r-regoli rigward il-persunal mill-Istati Membri li għandu jiġi sekondat lill-Awtorità u jaġġornahom kif ikun meħtieġ. Dawk ir-regoli għandhom jinkludu, b’mod partikolari, l-arranġamenti finanzjarji relatati ma’ dak l-issekondar, inklużi l-assigurazzjoni u t-taħriġ. Dawk ir-regoli għandhom iqisu l-fatt li l-membri tal-persunal jiġi ssekondat u li għandhom jiġu stazzjonati bħala persunal tal-Awtorità. Huma għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tal-istazzjonament. Fejn ikun rilevanti, il-Bord Eżekuttiv għandu jimmira li jiżgura l-konsistenza mar-regoli applikabbli għar-rimborż tal-ispejjeż tal-missjonijiet tal-persunal statutorju.

    Artikolu 86

    Privileġġi u immunitajiet

    Il-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-TUE u mat-TFUE għandu japplika għall-Awtorità u għall-persunal tagħha.

    Artikolu 87

    Persunal tal-Awtorità impjegat qabel mill-EBA

    L-aġenti temporanji impjegati skont l-Artikolu 2, il-punt (f), u l-aġenti kuntrattwali impjegati skont l-Artikolu 3a tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, impjegati mal-Awtorità b’kuntratt konkluż qabel l-1 ta’ Jannar 2026, u li immedjatament qabel l-impjieg tagħhom mal-Awtorità jkunu ġew impjegati mill-EBA fit-twettiq ta’ kompiti u attivitajiet relatati mal-AML/CFT tal-EBA elenkati fir-Regolament (UE) Nru 1093/2010, għandhom jiġu offruti l-istess tip ta’ kuntratt ta’ impjieg mal-Awtorità bħal mal-EBA u taħt l-istess kundizzjonijiet, soġġett għal-limitu fuq l-għadd ta’ pożizzjonijiet li għandhom jitnaqqsu mill-EBA u jiġu allokati lill-Awtorità. Dawk l-aġenti għandhom jitqiesu li qdew it-tul tas-servizz kollu tagħhom mal-Awtorità.

    Artikolu 88

    Obbligu tas-segretezza professjonali

    1.   Il-membri tal-Bord Ġenerali u tal-Bord Eżekuttiv, u l-membri kollha tal-persunal tal-Awtorità, inklużi l-uffiċjali ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja, kif ukoll il-persuni l-oħra kollha li jwettqu kompiti għall-Awtorità fuq bażi kuntrattwali, għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 339 tat-TFUE u l-Artikolu 67 tad-Direttiva (UE) 2024/1640, inkluż wara li jkunu ntemmu d-dmirijiet tagħhom.

    2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jiżgura li l-individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonali, relatat mal-kompiti tal-Awtorità, inklużi uffiċjali u persuni oħra awtorizzati mill-Bord Eżekuttiv jew maħtura mill-awtoritajiet pubbliċi u l-FIUs għal dak il-għan, ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ segretezza professjonali ekwivalenti għal dawk previsti fil-paragrafu 1.

    3.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, l-Awtorità għandha tkun awtorizzata, fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-atti msemmija fl-Artikolu 1(2), li tiskambja informazzjoni mal-Unjoni jew mal-awtoritajiet jew mal-korpi nazzjonali fil-każijiet fejn dawk l-atti jippermettu lis-superviżuri finanzjarji jiddivulgaw informazzjoni lil dawk l-entitajiet jew fejn l-Istati Membri jistgħu jipprovdu tali divulgazzjoni skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni.

    4.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli ta’ kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

    5.   L-Awtorità għandha tapplika d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (44).

    Artikolu 89

    Regoli ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

    1.   L-Awtorità għandha tadotta r-regoli ta’ sigurtà proprji tagħha ekwivalenti għar-regoli ta’ sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (IKUE) u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (45) u (UE, Euratom) 2015/444. Ir-regoli ta’ sigurtà tal-Awtorità għandhom ikopru, fost l-oħrajn, id-dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħażna ta’ tali informazzjoni. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta r-regoli ta’ sigurtà tal-Awtorità wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

    2.   Kwalunkwe arranġament amministrattiv dwar l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiż terz jew, fin-nuqqas ta’ tali arranġament, kwalunkwe rilaxx ad hoc eċċezzjonali ta’ IKUE lil dawk l-awtoritajiet, għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

    Artikolu 90

    Rapportar ta’ ksur u protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw

    1.   L-Awtorità għandu jkollha fis-seħħ kanali ta’ rapportar iddedikati biex tirċievi u tittratta informazzjoni pprovduta minn persuni li jirrapportaw dwar ksur reali jew potenzjali ta’:

    (a)

    ir-Regolament (UE) 2024/1624, sal-punt li jkunu kkonċernati r-rekwiżiti applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji;

    (b)

    ir-Regolament (UE) 2023/1113;

    (c)

    id-Direttiva (UE) 2024/1640+, sal-punt li jkunu kkonċernati r-rekwiżiti applikabbli għall-awtoritajiet superviżorji, il-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet superviżorji u l-FIUs.

    2.   Il-persuni li jirrapportaw permezz ta’ dawk il-kanali u l-persuni kkonċernati għandhom igawdu mill-protezzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937, fejn applikabbli.

    3.   Wara s-sottomissjoni tar-rapporti skont l-Artikolu 60(4) tad-Direttiva(UE) 2024/1640 mill-awtoritajiet superviżorji fis-settur mhux finanzjarju, l-Awtorità għandha tkun tista’ titlob informazzjoni addizzjonali minn dawk l-awtoritajiet superviżorji dwar kif taw segwitu għar-rapporti li rċevew. Dawk l-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu minnufih l-informazzjoni mitluba iżda ma għandhomx jiddivulgaw informazzjoni li tista’ twassal għall-identifikazzjoni tal-persuna li tirrapporta.

    TAQSIMA 2

    Kooperazzjoni

    Artikolu 91

    Kooperazzjoni mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej

    1.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi u żżomm kooperazzjoni mill-qrib mal-ASEs, b’mod partikolari meta tiżviluppa standards tekniċi regolatorji jew ta’ implimentazzjoni, linji gwida jew rakkomandazzjonijiet fl-ambitu tal-kompiti rispettivi tagħhom.

    2.   Sas-27 ta’ Ġunju 2025, l-Awtorità għandha tikkonkludi memorandum ta’ qbil mal-ASEs li jistabbilixxi l-mod kif se jikkooperaw fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni.

    Artikolu 92

    Kooperazzjoni mal-awtoritajiet mhux tal-AML/CFT

    1.   L-Awtorità għandha tikkoopera u tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet mhux tal-AML/CFT u, fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif u bażi kunfidenzjali, ma’ awtoritajiet u korpi nazzjonali oħra kompetenti biex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttivi 2009/110/KE, 2009/138/KE, 2014/17/UE, 2014/65/UE u (UE) 2015/2366, u mal-ASEs, fil-limiti tal-mandati rispettivi tagħhom.

    2.   L-Awtorità għandha tikkonkludi memorandum ta’ qbil mal-awtoritajiet prudenzjali, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (40), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, mal-ASEs u mal-awtoritajiet biex tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament (UE) 2023/1114, filwaqt li jiġi stabbilit f’termini ġenerali l-mod kif se jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula u tal-entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula.

    Fejn jidhrilha li jkun meħtieġ, l-Awtorità tista’ wkoll tikkonkludi memorandum ta’ qbil ma’ kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet jew kwalunkwe wieħed mill-korpi l-oħra msemmija fil-paragrafu 1, u tistabbilixxi f’termini ġenerali l-mod kif se jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula u tal-entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula.

    3.   Sas-27 ta’ Ġunju 2025, l-Awtorità u l-BĊE għandhom jikkonkludu memorandum ta’ qbil li jistabbilixxi l-modalitajiet prattiċi għall-kooperazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni fit-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni.

    4.   L-Awtorità għandha tiżgura kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni effettivi bejn l-awtoritajiet superviżorji kollha fis-sistema superviżorja tal-AML/CFT u l-awtoritajiet u l-korpi rilevanti msemmija fil-paragrafu 1, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal kwalunkwe informazzjoni u data fil-bażi tad-data ċentrali tal-AML/CFT imsemmija fl-Artikolu 11.

    Artikolu 93

    Sħubijiet għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fil-qasam tal-AML/CFT

    1.   Fejn ikun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti msemmija fil-Kapitolu II, l-Awtorità tista’ tistabbilixxi sħubijiet transfruntiera għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, f’konformità mad-drittijiet fundamentali u s-salvagwardji proċedurali ġudizzjarji, jew tipparteċipa fi sħubijiet għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni stabbiliti fi Stat Membru wieħed jew f’diversi Stati Membri bl-objettiv li tappoġġa l-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrihom. Il-parteċipazzjoni tal-Awtorità fi sħubija li diġà tkun teżisti għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-awtoritajiet li jkunu stabbilew tali arranġament.

    2.   Meta l-Awtorità tistabbilixxi sħubija transfruntiera għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, hija għandha tiżgura li s-sħubija tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 75(3), (4) u (5) tar-Regolament (UE) 2024/1624. Minbarra l-entitajiet marbuta b’obbligu, l-Awtorità tista’ tistieden lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (44), il-punti (a), (b) u (c), ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li għandhom rwol fil-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrihom, biex jieħdu sehem fis-sħubija, meta tali parteċipazzjoni tkun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti u s-setgħat tagħhom. Bil-kunsens unanimu tal-membri parteċipanti, partijiet terzi oħra jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw, fuq bażi okkażjonali, fil-laqgħat tas-sħubija, fejn ikun rilevanti.

    Artikolu 94

    Kooperazzjoni mal-OLAF, mal-Europol, mal-Eurojust u mal-UPPE

    1.   L-Awtorità tista’ tikkonkludi arranġamenti ta’ ħidma mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni u korpi oħra tal-Unjoni, li jaġixxu fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Dawk l-arranġamenti ta’ ħidma jistgħu jkunu ta’ natura strateġika, operazzjonali jew teknika, u, b’mod partikolari, għandu jkollhom l-għan li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet fihom. L-arranġamenti ta’ ħidma la għandhom jiffurmaw il-bażi biex jippermettu l-iskambju ta’ data personali u lanqas ma għandhom jorbtu lill-Unjoni jew lill-Istati Membri tagħha.

    2.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi u żżomm relazzjoni mill-qrib mal-OLAF, mal-Europol, mal-Eurojust, u mal-UPPE. Għal dak il-għan, l-Awtorità għandha tikkonkludi arranġamenti ta’ ħidma separati mal-OLAF, mal-Europol, mal-Eurojust, u mal-UPPE u fihom tistabbilixxi d-dettalji tal-kooperazzjoni tagħhom. Ir-relazzjoni għandu jkollha l-għan, b’mod partikolari, li tiżgura l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali u strateġika u xejriet fir-rigward tat-theddid tal-ML/TF li qed tiffaċċja l-Unjoni.

    3.   Sabiex tiġi promossa u ffaċilitata l-kooperazzjoni bla xkiel bejn l-Awtorità u l-Europol, l-Eurojust u l-UPPE, l-arranġamenti ta’ ħidma magħhom għandhom, b’mod partikolari, jipprevedu l-possibbiltà li jiġu stazzjonati uffiċjali ta’ kollegament fil-bini ta’ xulxin, u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal dak il-għan.

    Artikolu 95

    Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

    1.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Awtorità tista’ tiżviluppa kuntatti u tidħol f’arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet tal-AML/CFT f’pajjiżi terzi li għandhom kompetenzi regolatorji, superviżorji u relatati mal-FIUs fil-qasam tal-AML/CFT kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi. Dawk l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi legali fir-rigward tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u lanqas ma għandhom jipprevjenu lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom milli jikkonkludu arranġamenti bilaterali jew multilaterali ma’ dawk il-pajjiżi terzi.

    2.   L-Awtorità tista’ tiżviluppa mudelli ta’ arranġamenti amministrattivi, bil-ħsieb li tistabbilixxi prattiki konsistenti, effiċjenti u effettivi fl-Unjoni u li ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-ML/TF. L-awtoritajiet superviżorji u l-FIUs għandhom jagħmlu kull sforz biex isegwu dawn l-arranġamenti mudell.

    3.   F’każijiet fejn l-interazzjoni bejn, minn naħa waħda, diversi awtoritajiet superviżorji u FIUs tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi tkun tikkonċerna kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-kompiti tal-Awtorità kif stabbiliti fl-Artikolu 5, l-Awtorità għandu jkollha rwol ewlieni fl-iffaċilitar ta’ tali interazzjoni fejn ikun neċessarju. Dak ir-rwol tal-Awtorità għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-interazzjonijiet regolari mill-awtoritajiet superviżorji u l-FIUs mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi.

    4.   L-Awtorità għandha, bis-setgħat tagħha skont dan ir-Regolament u l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), tikkontribwixxi għar-rappreżentanza unita, komuni, konsistenti u effettiva tal-interessi tal-Unjoni f’fora internazzjonali, inkluż billi tassisti lill-Kummissjoni fil-kompiti tagħha relatati mas-sħubija tal-Kummissjoni fit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja u billi tappoġġa l-ħidma u l-objettivi tal-Grupp Egmont tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja.

    KAPITOLU VI

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

    Artikolu 96

    Aċċess għad-dokumenti

    1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Awtorità.

    2.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħSu jkunu s-suġġett ta’ lment lill-Ombudsman Ewropew jew ta’ azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 228 u 263 TFUE, rispettivament.

    3.   Id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ma għandux japplika għal informazzjoni kunfidenzjali li tinkludi:

    (a)

    informazzjoni jew data tal-Awtorità, tas-superviżuri finanzjarji jew tal-entitajiet marbuta b’obbligu miksuba b’riżultat tat-twettiq tal-kompiti u l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) u fil-Kapitolu II, it-Taqsima 3;

    (b)

    kwalunkwe data jew informazzjoni operazzjonali relatata ma’ tali data operazzjonali tal-Awtorità u tal-FIUs li tkun fil-pussess tal-Awtorità b’riżultat tat-twettiq tal-kompiti u l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) u fil-Kapitolu II, it-Taqsima 6.

    4.   L-informazzjoni kunfidenzjali msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (a), li tirrigwarda proċedura superviżorja tista’ tiġi ddivulgata b’mod sħiħ jew parzjali lill-entitajiet marbuta b’obbligu li jkunu partijiet għal tali proċedura superviżorja, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra, fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Dak l-aċċess ma għandux jestendi għad-dokumenti interni tal-Awtorità, għas-superviżuri finanzjarji, jew għall-korrispondenza bejniethom.

    5.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u r-regoli dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-proċeduri superviżorji.

    Artikolu 97

    Arranġamenti lingwistiċi ġenerali

    1.   Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 għandu japplika għall-Awtorità.

    2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti lingwistiċi interni għall-Awtorità, li għandhom ikunu konsistenti mal-arranġamenti lingwistiċi f’superviżjoni diretta, adottati skont l-Artikolu 29.

    3.   Is-servizzi ta’ traduzzjoni u s-servizzi lingwistiċi l-oħra meħtieġa mill-Awtorità, għajr l-interpretazzjoni, għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea, kif stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 (46).

    L-Artikolu 98

    Protezzjoni tad-data

    1.   L-ipproċessar ta’ data personali abbażi ta’ dan ir-Regolament għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ML/TF kif imsemmi fl-Artikolu 70 tad-Direttiva (UE) 2024/1640 u fl-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) 2024/1624 għandu jitqies bħala neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali vestita fl-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679.

    Meta tkun qiegħda tfassal linji gwida u rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 54, li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-protezzjoni tad-data personali, l-Awtorità għandha tikkoopera mill-qrib mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/679 biex jiġu evitati d-duplikazzjoni, l-inkonsistenzi u l-inċertezza legali fl-isfera tal-protezzjoni tad-data. Wara li tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha tikkonsulta wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1725. L-Awtorità tista’ tistieden ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data bħala osservaturi fil-proċess tat-tfassil ta’ tali linji gwida u rakkomandazzjonijiet.

    2.   F’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Awtorità għandha tkun tista’ tadotta regoli interni li jirrestrinġu l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data meta tali restrizzjonijiet ikunu meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 70 tad-Direttiva (UE) 2024/1640 u fl-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) 2024/1624.

    L-Artikolu 99

    Responsabbiltà tal-Awtorità

    1.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Awtorità, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, għandha tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat minnha jew mill-persunal tagħha fil-qadi ta’ dmirijietu. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni fi kwalunkwe tilwima dwar ir-rimedju ta’ tali dannu.

    2.   Ir-responsabbiltà finanzjarja personali u r-responsabbiltà dixxiplinari tal-persunal tal-Awtorità lejn l-Awtorità għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-persunal tal-Awtorità.

    Artikolu 100

    Atti delegati

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 27 u 77 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mis-27 ta’ Diċembru 2024.

    3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 27 u 77 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 27 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    7.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 77 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 101

    Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u kundizzjonijiet operattivi

    1.   L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-Awtorità fl-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tagħha u l-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli minn dak l-Istat Membru, kif ukoll ir-regoli speċifiċi applikabbli f’dak l-Istat Membru għall-persunal tal-Awtorità u għall-membri tal-familji tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali li jrid jiġi konkluż bejn l-Awtorità u dak l-Istat Membru wara li jiksbu l-approvazzjoni tal-Bord Eżekuttiv.

    2.   L-Istat Membru fejn tkun tinstab is-sede jipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet possibbli biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Awtorità, inkluża edukazzjoni multilingwi, b’orjentazzjoni Ewropea u konnessjonijiet xierqa tat-trasport.

    Artikolu 102

    Evalwazzjoni u rieżami

    1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2030, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar il-prestazzjoni tal-Awtorità fir-rigward tal-objettivi, il-mandat, il-kompiti u l-post tagħha, f’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni. Dak ir-rapport, b’mod partikolari, għandu jindirizza:

    (a)

    il-ħtieġa possibbli li jiġi emendat il-mandat tal-Awtorità, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe emenda bħal din;

    (b)

    l-impatt tal-attivitajiet u l-kompiti superviżorji kollha tal-Awtorità fuq l-interessi tal-Unjoni kollha kemm hi, u b’mod speċifiku l-effettività ta’:

    (i)

    il-kompiti u l-attivitajiet superviżorji relatati mas-superviżjoni diretta ta’ entitajiet marbuta b’obbligu magħżula;

    (ii)

    is-superviżjoni indiretta ta’ entitajiet marbuta b’obbligu mhux magħżula;

    (iii)

    is-sorveljanza indiretta ta’ entitajiet marbuta b’obbligu oħrajn;

    (c)

    l-impatt tal-attivitajiet relatati mal-appoġġ u l-koordinazzjoni tal-FIUs, u b’mod partikolari l-koordinazzjoni tal-analiżijiet konġunti tal-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet transfruntiera mwettqa mill-FIUs;

    (d)

    l-imparzjalità, l-oġġettività u l-awtonomija tal-Awtorità;

    (e)

    l-adegwatezza tal-arranġamenti ta’ governanza, inklużi l-kompożizzjoni u l-arranġamenti tal-vot fil-Bord Eżekuttiv u r-relazzjoni tiegħu mal-Bord Ġenerali;

    (f)

    il-kosteffettività tal-Awtorità, jekk ikun xieraq, separatament fir-rigward tas-sorsi distinti ta’ finanzjament tagħha;

    (g)

    l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Awtorità u l-arranġamenti tal-indipendenza u tal-obbligu ta’ rendikont applikabbli għall-Awtorità;

    (h)

    l-effettività tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni u ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet mhux tal-AML/CFT;

    (i)

    l-interazzjoni bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet u l-korpi superviżorji l-oħra tal-Unjoni, inklużi l-EBA, il-Europol, il-Eurojust, l-OLAF u l-UPPE;

    (j)

    l-ambitu tas-superviżjoni diretta u l-kriterji u l-metodoloġiji għall-valutazzjoni u l-għażla ta’ entitajiet għas-superviżjoni diretta;

    (k)

    l-effettività tas-setgħat superviżorji u ta’ sanzjonar tal-Awtorità;

    (l)

    l-effettività tal-prattiki superviżorji u l-konverġenza fihom, milħuqa mill-awtoritajiet superviżorji u r-rwol tal-Awtorità fihom.

    2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jeżamina wkoll jekk:

    (a)

    ir-riżorsi tal-Awtorità jkunux adegwati biex hija twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha;

    (b)

    ikunx xieraq li jingħataw kompiti superviżorji addizzjonali lill-Awtorità fir-rigward ta’ entitajiet marbuta b’obbligu fis-settur mhux finanzjarju, filwaqt li jiġi speċifikat, kif ikun xieraq, it-tipi ta’ entitajiet li għandhom ikunu soġġetti għal kompiti superviżorji addizzjonali;

    (c)

    ikunx xieraq li jingħataw kompiti addizzjonali fil-qasam tal-appoġġ u l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-FIUs;

    (d)

    ikunx xieraq li l-Awtorità tingħata setgħat addizzjonali ta’ sanzjonar.

    3.   F’kull tieni rapport, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tar-riżultati miksuba mill-Awtorità b’kont meħud tal-objettivi, il-mandat, il-kompiti u s-setgħat tagħha, inkluża valutazzjoni ta’ jekk il-kontinwazzjoni tal-Awtorità tkunx għadha ġustifikata fir-rigward ta’ dawn l-objettivi, dan il-mandat u dawn l-kompiti.

    4.   Ir-rapport u kwalunkwe proposta li takkumpanjah, kif ikun xieraq, għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Artikolu 103

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

    Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa mħassar;

    (b)

    fil-paragrafu 5, il-punt (h) huwa mħassar;

    (2)

    l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (1a) huwa mħassar;

    (b)

    fil-punt (2), il-punt (iii) huwa mħassar;

    (3)

    fl-Artikolu 8(1), il-punt (l) huwa mħassar;

    (4)

    l-Artikoli 9a u 9b huma mħassra;

    (5)

    fl-Artikolu 17, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 258 TFUE, meta awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu fil-perjodu ta’ żmien speċifikat fiha, u fejn ikun meħtieġ sabiex tirrimedja, f’ħin opportun, tali nuqqas ta’ konformità sabiex iżżomm jew treġġa’ lura l-kundizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni fis-suq jew tiżgura l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-sistema finanzjarja, l-Awtorità tista’, meta r-rekwiżiti rilevanti tal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament ikunu direttament applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji, tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil istituzzjoni finanzjarja li titlobha tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont il-liġi tal-Unjoni, inkluż il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika.

    Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun f’konformità mal-opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.”

    ;

    (6)

    fl-Artikolu 19, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 258 tat-TFUE, meta awtorità kompetenti ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-Awtorità, u b’hekk tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja tikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw direttament għaliha bis-saħħa tal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil dik l-istituzzjoni finanzjarja li titlobha tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont il-liġi tal-Unjoni, inkluż il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika.”

    ;

    (7)

    fl-Artikolu 33(1), it-tieni subparagrafu huwa mħassar;

    (8)

    fl-Artikolu 40(7), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-Bord tas-Superviżuri jista’ jiddeċiedi li jammetti osservaturi. B’mod partikolari, il-Bord tas-Superviżuri għandu jammetti rappreżentant tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2024/1620 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) meta l-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tiegħu jiġu diskussi jew deċiżi.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1620 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L, 2024/1620, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1620/oj).”;"

    (9)

    fl-Artikolu 81, il-paragrafu 2b huwa mħassar.

    Artikolu 104

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1094/2010

    Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1(2), it-tieni subparagrafu huwa mħassar;

    (2)

    fl-Artikolu 40(5), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-Bord tas-Superviżuri jista’ jiddeċiedi li jammetti osservaturi. B’mod partikolari, il-Bord tas-Superviżuri għandu jammetti rappreżentant tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2024/1620 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) meta l-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tiegħu jiġu diskussi jew deċiżi.

    (*2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1620 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L, 2024/1620, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1620/oj).”;"

    (3)

    fl-Artikolu 54, il-paragrafu 2a huwa mħassar.

    Artikolu 105

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1095/2010

    Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1(2), it-tieni subparagrafu huwa mħassar;

    (2)

    fl-Artikolu 40(6), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-Bord tas-Superviżuri jista’ jiddeċiedi li jammetti osservaturi. B’mod partikolari, il-Bord tas-Superviżuri għandu jammetti rappreżentant tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2024/1620 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) meta l-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tiegħu jiġu diskussi jew deċiżi.

    (*3)  Ir-Regolament (UE) 2024/1620 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L, 2024/1620, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1620/oj).”;"

    (3)

    fl-Artikolu 54, il-paragrafu 2a huwa mħassar.

    Artikolu 106

    Arranġamenti tranżizzjonali

    1.   Sas-27 ta’ Ġunju 2028, l-Artikolu 11 għandu japplika biss għas-superviżorji finanzjarji, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-istituzzjonijiet finanzjarji. Madankollu, l-awtoritajiet superviżorji fis-settur mhux finanzjarju jistgħu fuq bażi volontarja diġà jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dak l-Artikolu qabel dik id-data.

    Għall-finijiet tal-istabbiliment u ż-żamma tal-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 11, l-Awtorità għandha tikkonkludi ftehim bilaterali mal-EBA dwar l-aċċess għall-bażi tad-data tal-AML/CFT stabbilita f’konformità mal-Artikolu 9a tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, kif ukoll il-finanzjament u l-ġestjoni konġunta tagħha. L-arranġament għandu jiġi stabbilit għal perjodu miftiehem b’mod reċiproku, li jista’ jiġi estiż sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2027. Matul dak il-perjodu, l-EBA għandha tal-anqas tkun tista’ tkompli tirċievi informazzjoni, tanalizzaha u tagħmilha disponibbli f’konformità mal-Artikolu 9a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 jew f’konformità ma’ dan ir-Regolament, f’isem l-Awtorità u abbażi tal-finanzjament magħmul disponibbli mill-Awtorità għal dak l-għan.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 13(2), meta, matul l-ewwel proċess tal-għażla, aktar minn 40 entità marbuta b’obbligu jikkwalifikaw għal superviżjoni diretta skont l-Artikolu 13(1), l-Awtorità għandha twettaq il-kompiti elenkati fl-Artikolu 5(2) fir-rigward tal-40 entità jew grupp marbuta b’obbligu li joperaw fl-ogħla għadd ta’ Stati Membri kemm jekk permezz ta’ stabbilimenti kif ukoll jekk taħt il-libertà li jipprovdu servizzi.

    Meta l-applikazzjoni tal-kriterju msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jrendi aktar minn 40 entità jew grupp marbuta b’obbligu, l-Awtorità għandha tagħżel, mill-entitajiet jew gruppi marbuta b’obbligu li jintgħażlu f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u li joperaw fl-iżgħar numru ta’ Stati Membri, dawk li għandhom l-ogħla proporzjon tal-volum ta’ tranżazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi għall-volum totali ta’ tranżazzjonijiet imkejla fl-aħħar sena finanzjarja.

    3.   B’deroga mill-Artikolu 13(3), il-proċess tal-għażla addizzjonali stabbilit fih ma għandux japplika matul l-ewwel proċess tal-għażla.

    4.   B’deroga mill-Artikolu 48(7), il-parteċipazzjoni tal-FIUs f’evalwazzjonijiet bejn il-pari għandha tkun volontarja matul l-ewwel żewġ proċessi ta’ evalwazzjoni bejn il-pari.

    Artikolu 107

    Bidu tal-attivitajiet tal-Awtorità

    Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment u l-operat inizjali tal-Awtorità sal-31 ta’ Diċembru 2025. Għal dak l-għan:

    (a)

    il-Kummissjoni tista’ tiddesinja uffiċjal tal-Kummissjoni biex jaġixxi bħala Direttur Eżekuttiv interim u jeżerċita d-dmirijiet assenjati lid-Direttur Eżekuttiv sakemm l-Awtorità jkollha l-kapaċità li timplimenta l-baġit tagħha stess u d-Direttur Eżekuttiv ikun assuma d-dmirijiet tiegħu wara l-ħatra tiegħu mill-Bord Eżekuttiv f’konformità mal-Artikolu 70;

    (b)

    b’deroga mill-Artikolu 62(1), sakemm jinħatar il-President tal-Awtorità, id-Direttur Eżekuttiv interim jista’ jsejjaħ u jippresiedi l-laqgħat tal-Bord Ġenerali, mingħajr id-dritt tal-vot;

    (c)

    b’deroga mill-Artikolu 64(4), il-punt (g), u sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 70, id-Direttur Eżekuttiv interim għandu jeżerċita s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra;

    (d)

    il-Kummissjoni tista’ toffri assistenza lill-Awtorità, b’mod partikolari billi tissekonda uffiċjali tal-Kummissjoni biex iwettqu l-attivitajiet tal-Awtorità taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur Eżekuttiv interim jew tad-Direttur Eżekuttiv;

    (e)

    id-Direttur Eżekuttiv interim jista’ jawtorizza l-pagamenti kollha koperti mill-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-Awtorità u jista’ jikkonkludi kuntratti, inklużi kuntratti tal-persunal, wara l-adozzjoni tal-pjan ta’ stabbiliment tal-Awtorità.

    Artikolu 108

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2025.

    Madankollu, l-Artikoli 1, 4, 49, 53, 54, 55, 57 sa 66, 68 sa 71, 100, 101 u 107 għandhom japplikaw mis-26 ta’ Ġunju 2024, u l-Artikolu 103 għandu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2025.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2024.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LAHBIB


    (1)   ĠU C 152, 6.4.2022, p. 89.

    (2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2024.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2023/1113 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u ta’ ċerti kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2024 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L, 2024/1624, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1624/oj).

    (5)  Id-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti minn Stati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937, u li temenda u tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L, 2024/1640, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1640/oj).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament (UE) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

    (11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

    (12)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).

    (13)   ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

    (14)   ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

    (15)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43)

    (16)  Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).

    (17)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (18)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (19)  Ir-Regolament (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

    (20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

    (21)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

    (22)  Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).

    (23)  Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40).

    (24)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (25)   ĠU C 210, 25.5.2022, p. 5..

    (26)   ĠU C 524, 29.12.2021, p. 10.

    (27)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

    (28)  Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

    (29)  Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

    (30)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

    (31)  Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34).

    (32)  Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi rigward l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).

    (33)  Id-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 196).

    (34)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

    (35)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

    (36)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

    (37)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

    (38)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

    (39)  Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).

    (40)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

    (41)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (42)   ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

    (43)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 tad-29 ta’ Frar 2016 li jiddetermina l-emolumenti ta’ persuni f’karigi pubbliċi għolja tal-UE (ĠU L 58, 4.3.2016, p. 1).

    (44)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

    (45)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41)

    (46)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1).


    ANNESS I

    Lista ta’ koeffiċjenti marbuta ma’ fatturi aggravanti u ta’ mitigazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22

    Il-koeffiċjenti li ġejjin għandhom ikunu applikabbli b’mod kumulattiv mal-ammonti bażiċi msemmija fl-Artikolu 22(4) abbażi ta’ kull wieħed mill-fatturi aggravanti u ta’ mitigazzjoni li ġejjin:

    I.

    Koeffiċjenti ta’ aġġustament marbuta ma’ fatturi aggravanti:

    1.

    Jekk il-ksur jitwettaq ripetutament, għal kull darba li jiġi ripetut, għandu japplika koeffiċjent addizzjonali ta’ 1,1;

    2.

    Jekk il-ksur jitwettaq għal aktar minn sitt xhur, għandu japplika koeffiċjent ta’ 1,5.

    3.

    Jekk il-ksur ikun kixef dgħufijiet sistemiċi fl-organizzazzjoni tal-entità marbuta b’obbligu, partikolarment fil-proċeduri, is-sistemi tal-maniġment jew il-kontrolli interni tagħha, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 2,2.

    4.

    Jekk il-ksur twettaq intenzjonalment, għandu japplika koeffiċjent ta’ 3.

    5.

    Jekk ma ttieħdet l-ebda azzjoni ta’ rimedju minn meta kien identifikat il-ksur, għandu japplika koeffiċjent ta’ 1,7.

    6.

    Jekk il-maniġment superjuri tal-entità marbuta b’obbligu magħżula ma kkoperax mal-Awtorità fit-twettiq tal-investigazzjonijiet tagħha, għandu japplika koeffiċjent ta’ 1,5.

    II.

    Koeffiċjenti ta’ aġġustament marbuta ma’ fatturi ta’ mitigazzjoni:

    1.

    Jekk il-maniġment superjuri tal-entità marbuta b’obbligu magħżula jista’ juri li ħa l-miżuri neċessarji kollha biex jipprevjeni l-ksur, għandu japplika koeffiċjent ta’ 0,7.

    2.

    Jekk l-entità marbuta b’obbligu magħżula ġibdet l-attenzjoni tal-Awtorità dwar il-ksur sħiħ malajr u b’mod effettiv, għandu japplika koeffiċjent ta’ 0,4.

    3.

    Jekk l-entità marbuta b’obbligu magħżula tkun ħadet volontarjament miżuri biex tiżgura li ma jkunx jista’ jseħħ aktar ksur simili fil-futur, għandu japplika koeffiċjent ta’ 0,6.


    ANNESS II

    Lista ta’ rekwiżiti applikabbli direttament imsemmija fl-Artikolu 22(3)

    1.

    Rekwiżiti relatati mad-diliġenza dovuta tal-klijent imsemmija fl-Artikolu 22(3), il-punti (a) u (b), ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu dawk fl-Artikoli 19, 20, 21, 22, 23, 25, 26, 33, 34, 36, 39, 42, 44, 46 u 47 tar-Regolament (UE) 2024/1624.

    2.

    Rekwiżiti relatati mal-politiki li jkopru diversi gruppi, il-proċeduri u l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 22(3), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu dawk fl-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament (UE) 2024/1624.

    3.

    Rekwiżiti relatati mal-obbligi ta’ rapportar imsemmija fl-Artikolu 22(3), il-punti (a) u (b), ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikunu dawk fl-Artikoli 69, 70 u 71 tar-Regolament (UE) 2024/1624 u l-Artikoli 9, 13 u 18 tar-Regolament (UE) 2023/1113.

    4.

    Rekwiżiti relatati ma’ politiki interni, il-proċeduri u l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 22(3), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu dawk fl-Artikoli 9, 10, 11, 18, 48 u 49 tar-Regolament (UE) 2024/1624 u l-Artiklu 23 tar-Regolament (UE) 2023/1113.

    5.

    Rekwiżiti oħra msemmija fl-Artikolu 22(3), il-punti (c) u (d), ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu dawk fl-Artikoli 73, 77, 78 u 79 tar-Regolament (UE) 2024/1624 u fl-Artikoli 7, 8, 10, 11, 12, 14, 16, 17, 19, 21, 24 u 26 tar-Regolament (UE) 2023/1113.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1620/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top