EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1162

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1162 tat-22 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Malus domestica u ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Berberis thunbergii li joriġinaw mit-Turkija, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni tal-pjanti għat-tħawwil tal-Malus domestica fit-territorju tal-Unjoni

C/2024/2540

ĠU L, 2024/1162, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1162/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1162/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1162

23.4.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1162

tat-22 ta’ April 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Malus domestica u ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Berberis thunbergii li joriġinaw mit-Turkija, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni tal-pjanti għat-tħawwil tal-Malus domestica fit-territorju tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), l-ewwel u t-tielet subparagrafi tiegħu

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2), abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju, jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 (3) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir valutazzjoni tar-riskji fuq il-pjanti, fuq il-prodotti tal-pjanti u fuq oġġetti oħra ta’ riskju għoli msemmija fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(3)

Wara valutazzjoni preliminari, fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 iddaħħlu 34 ġeneru u speċi waħda tal-pjanti għat-tħawwil li joriġinaw mill-pajjiżi terzi kollha, bħala pjanti ta’ riskju għoli. Dak l-Anness jinkludi l-ġeneri Malus Mill. u Berberis L.

(4)

Il-lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra, imneħħija mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 u li jistgħu jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni jew imċaqilqa fi ħdanu biss jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti speċjali, hija prevista fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (4).

(5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jistabbilixxi l-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, iżda r-riskji fitosanitarji tagħhom għadhom ma ġewx ivvalutati bis-sħiħ. Dan għaliex wieħed jew aktar mill-pesti li jgħixu f’dawk il-pjanti għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-Unjoni tal-pesti tal-kwarantina tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (5), iżda jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi wara valutazzjoni tar-riskji kompluta ulterjuri.

(6)

Fid-9 ta’ Awwissu 2019, it-Turkija ressqet talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-pjanti għat-tħawwil tal-Malus domestica li jikkonsistu minn rimja bl-għejun u brokkijiet ta’ mhux aktar minn sena mingħajr weraq, u minn salvaġġ u minn pjanti mlaqqma bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq u b’dijametru taz-zokk massimu ta’ 3 cm. Dik it-talba kienet appoġġata mid-dossier tekniku rilevanti.

(7)

Fil-31 ta’ Marzu 2022, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-komodità tal-pjanti tal-Malus domestica mit-Turkija (6). L-Awtorità identifikat lill-Anoplophora chinensis, lill-Calepitrimerus baileyi, lill-Cenopalpus irani, liċ-Cicadatra persica, lid-Diplodia bulgarica, lill-Erwinia amylovora, lill-Hoplolaimus galeatus, lil-Lopholeucaspis japonica, lill-Malacosoma parallela, lill-Pratylenchus loosi, lill-Pyrolachnus pyri u lill-virus tar-ringspot tat-tadam bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil.

(8)

Fis-7 ta’ Novembru 2022, l-Awtorità emendat l-opinjoni xjentifika biex tinkludi lid-Didesmococcus unifasciatus, l-Euzophera semifuneralis, il-Maconellicoccus hirsutus, il-Pochazia shantungensis u r-Russellaspis pustulans bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil.

(9)

L-Awtorità evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju deskritti fid-dossier għall-Calepitrimerus baileyi, għall-Cenopalpus irani, għaċ-Cicadatra persica, għad-Didesmococcus unifasciatus, għad-Diplodia bulgarica, għall-Euzophera semifuneralis, għall-Hoplolaimus galeatus, għall-Lopholeucaspis japonica, għall-Maconellicoccus hirsutus, għall-Malacosoma parallela, għall-Pochazia shantungensis, għall-Pratylenchus loosi, għall-Pyrolachnus pyri u għall-virus tar-ringspot tat-tadam u stmat il-probabbiltà tal-ħelsien tal-komodità minn dawk il-pesti. L-Awtorità evalwat jekk it-Turkija tapplikax il-miżuri ta’ emerġenza, stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2095 (7) biex tipprevjeni tal-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Anoplophora chinensis u fir-rigward tal-Erwinia amylovora, jekk ir-rekwiżiti speċjali għall-introduzzjoni fiż-żoni protetti speċifikati u l-movimenti fi ħdanhom, elenkati fil-punt 9 tal-Anness X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, tal-pjanti tal-Malus Mill., għajr il-frott u ż-żrieragħ, humiex issodisfati. Hija kkonkludiet li t-Turkija tapplika dawk il-miżuri ta’ emerġenza u li r-rekwiżiti elenkati fil-punt 9 tal-Anness X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 ma ġewx issodisfati. Il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju għar-Russellaspis pustulans ma ġewx evalwati mill-Awtorità. Madankollu, Opinjoni xjentifika dwar il-kategorizzazzjoni tal-pest tar-Russellaspis pustulans (8)ippubblikata qabel mill-Awtorità, tindika miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju li huma effettivi kontra l-pest.

(10)

Fis-27 ta’ Novembru 2019, it-Turkija ressqet lill-Kummissjoni talba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-pjanti fil-qsari ta’ bejn sentejn u 3 snin tal-Berberis thunbergii, twal bejn 20 u 40 cm. Dik it-talba kienet appoġġata mid-dossier tekniku rilevanti.

(11)

Fid-19 ta’ Mejju 2022, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-komodità tal-pjanti fil-qsar i tal-Berberis thunbergii mit-Turkija (9). L-awtorità identifikat lill-Bemisia tabaci u lill-Malacosoma parallela bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil, evalwat il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju deskritti fid-dossier u stmat il-probabbiltà tal-ħelsien tal-komodità minn dawk il-pesti.

(12)

B’segwitu tal-konferma uffiċjali dwar in-nuqqas tal-Malacosoma parallela fit-Turkija, il-pest ma għadux meqjus rilevanti għall-komoditajiet tal-Malus domestica u tal-Berberis thunbergii li joriġinaw f’dak il-pajjiż.

(13)

Abbażi ta’ dawk l-opinjonijiet, u tal-informazzjoni addizzjonali mit-Turkija fir-rigward tal-Malacosoma parallela, ir-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti għat-tħawwil tal-Malus domestica li jikkonsistu minn rimja bl-għejun u minn brokkijiet ta’ mhux aktar minn sena mingħajr weraq u minn salvaġġ u minn pjanti mlaqqma bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq u b’dijametru taz-zokk massimu ta’ 3 cm, li joriġinaw mit-Turkija, jitqies li jitnaqqas għal livell aċċettabbli, dment li jiġu applikati l-miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa biex jindirizzaw ir-riskju tal-pesti relatati ma’ dawk il-pjanti għat-tħawwil, u li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2095, u mar-rekwiżiti speċjali elenkati fil-punt 9 tal-Anness X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 u mar-rekwiżiti speċjali korrispondenti fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(14)

Barra minn hekk, ir-riskju fitosanitarju li jirriżulta mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ pjanti fil-qsari ta’ mhux aktar minn tliet snin tal-Berberis thunbergii b’tul massimu ta’ 40 cm, li joriġinaw mit-Turkija, jitqies aċċettabbli, dment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti speċjali korrispondenti stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, filwaqt li ma jitqies meħtieġ l-ebda rekwiżit ieħor.

(15)

B’konsegwenza ta’ dan, jenħtieġ li l-pjanti għat-tħawwil tal-Malus domestica li jikkonsistu minn rimja bl-għejun u minn brokkijiet ta’ mhux aktar minn sena mingħajr weraq u minn salvaġġ u minn pjanti mlaqqma bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq u b’dijametru taz-zokk massimu ta’ 3 cm, li joriġinaw mit-Turkija, ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti ta’ riskju għoli.

(16)

Bl-istess mod, jenħtieġ li pjanti fil-qsari ta’ mhux aktar minn tliet snin tal-Berberis thunbergii twal massimu ta’ 40 cm, li joriġinaw mit-Turkija, ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti ta’ riskju għoli.

(17)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat kif xieraq.

(18)

Il-miżuri deskritti mit-Turkija fid-dossier li jikkonċerna l-Malus domestica huma meqjusa suffiċjenti biex inaqqsu r-riskju mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ dik il-komodità għal livell aċċettabbli. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu adottati bħala rekwiżiti fitosanitarji għall-importazzjoni biex tiġi żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni mill-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti fih.

(19)

L-Anoplophora chinensis, il-Bemisia tabaci, il-Lopholeucapsis japonica u l-virus tar-ringspot tat-tadam huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. L-Erwinia amylovora hija elenkata bħala pest ta’ kwarantina fiż-żoni protetti fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u bħala pest irregolat mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Huma stabbiliti rekwiżiti speċjali fil-punt 9 tal-Anness X ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, biex jipprevjenu d-dħul u t-tixrid ta’ dak il-pest fiż-żoni protetti speċifikati.

(20)

B’kuntrast ma’ dan, il-Calepitrimerus baileyi, iċ-Cenopalpus irani, id-Didesmococcus unifasciatus, id-Diplodia bulgarica, l-Euzophera semifuneralis, il-Hoplolaimus galeatus, il-Maconellicoccus hirsutus, il-Pochazia shantungensis u l-Pratylenchus loosi għadhom mhumiex inklużi fil-lista stabbilita fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, iżda jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi ladarba titwettaq valutazzjoni tar-riskji kompluta. Għalhekk, fir-rigward ta’ dawk il-pesti hemm bżonn ta’ miżuri fitosanitarji sakemm titwettaq valutazzjoni tar-riskju kompluta. Il-kategorizzazzjoni tal-pest tar-Russellaspis pustulans tindika li l-pest jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jiġi elenkat bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni. Għalhekk, huma meħtieġa miżuri fitosanitarji dwar dak il-pest sakemm jiġi elenkat fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(21)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jiġi emendat kif xieraq.

(22)

Iċ-Cicadatra persica u l-Pyrolachnus pyri għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni. Madankollu, minħabba li ma ġie osservat l-ebda impatt sinifikanti fuq il-pjanti ospitanti infettati minn dawk il-pesti fl-Unjoni, ma huwa meħtieġ l-ebda rekwiżit tal-importazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-pesti.

(23)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju ta’ pjanti b’riskju għoli, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 7).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 5).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(6)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2022. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Malus domestica plants from Turkey. EFSA Journal 2022;20(5):7301, 142 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2022.7301.

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2095 tat-28 ta’ Ottubru 2022 li jistabbilixxi miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid fit-territorju tal-Unjoni ta’ Anoplophora chinensis (Forster) u li jħassar id-Deċiżjoni 2012/138/UE (ĠU L 281, 31.10.2022, p. 53, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2095/oj?locale=mt).

(8)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2022. Scientific Opinion on the pest categorisation of Russellaspis pustulans. EFSA Journal 2022;20(6):7335, 29 pp.https://doi.org/10.2903/j.efsa.2022.7335, ISSN:1831-4732

(9)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2022. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Berberis thunbergii potted plants from Turkey. EFSA Journal 2022;20(6):7392, 43 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2022.7392


ANNESS I

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fit-tabella, fil-punt 1, it-tieni kolonna “Deskrizzjoni” hija emendata kif ġej:

1.

l-entrata ta’ “Malus Mill.” hija sostitwita b’dan li ġej:

Malus Mill., għajr:

pjanti imlaqqma għat-tħawwil ta’ bejn sena u sentejn, bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq tal-Malus domestica, li joriġinaw mis-Serbja;

pjanti imlaqqma għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn 3 snin, bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq tal-Malus domestica li joriġinaw mill-Moldova;

salvaġġ ta’ mhux aktar minn 3 snin, bl-għeruq mikxufin, inattiv, mingħajr weraq tal-Malus domestica li joriġina mill-Ukrajna;

pjanti imlaqqma għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn 3 snin, bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq tal-Malus domestica li joriġinaw mill-Ukrajna;

biċċiet mingħajr weraq ta’ mhux aktar minn sena tal-Malus domestica li joriġinaw mir-Renju Unit;

pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn 7 snin tal-Malus domestica li joriġinaw mir-Renju Unit;

pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn 7 snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm tal-Malus sylvestris li joriġinaw mir-Renju Unit;

pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn sentejn, bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq, imlaqqmin tal-Malus domestica, li joriġinaw mill-Bożnija-Ħerzegovina;

rimja bl-għejun u brokkijiet ta’ mhux aktar minn sena, mingħajr weraq, tal-Malus domestica li joriġinaw mit-Turkija;

pjanti għat-tħawwil tal-Malus domestica bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq u b’dijametru taz-zokk massimu ta’ 3 cm, li joriġinaw mit-Turkija.”

2.

l-entrata ta’ “Berberis L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

Berberis L., għajr pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn 3 snin tal-Berberis thunbergii f’materjal għat-tkabbir, b’tul massimu ta’ 40 cm, li joriġinaw mit-Turkija.”.


ANNESS II

Fit-tabella tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara “Pjanti għat-tħawwil ta’ Ligustrum delavayanum u Ligustrum japonicum, ta’ mhux aktar minn 20 sena f’materjal għat-tkabbir, b’dijametru massimu ta’ 18-il cm fil-bażi taz-zokk.” mir-Renju Unit.

Pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra

Kodiċi NM

Pajjiżi terzi tal-oriġini

Miżuri

Malus domesticus,

rimja bl-għejun u brokkijiet ta’ mhux aktar minn sena, mingħajr weraq;

pjanti għat-tħawwil bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq u b’dijametru taz-zokk massimu ta’ 3 cm.

ex 0602 10 90

ex 0602 20 20

It-Turkija

(a)

Dikjarazzjoni uffiċjali li:

(i)

il-pjanti huma ħielsa mill- Calepitrimerus baileyi, miċ-Cenopalpus irani, mid-Didesmococcus unifasciatus mid-Diplodia bulgarica, mill-Euzophera semifuneralis mill-Hoplolaimus galeatus, Maconellicoccus hirsutus, mill-Pochazia shantungensis, mill- Pratylenchus loosi u mir-Russellaspis pustulans;

(ii)

is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Calepitrimerus baileyi, miċ-Cenopalpus irani, mid-Didesmococcus unifasciatus, mid-Diplodia bulgarica, mill-Euzophera semifuneralis, mill-Hoplolaimus galeatus, Maconellicoccus hirsutus, mill-Pochazia shantungensis, mill-Pratylenchus loosi, u mir-Russellaspis pustulans matul l-ispezzjonijiet uffiċjali mwettqa fi żminijiet xierqa, mill-bidu taċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-pjanti;

(iii)

twaqqfet sistema biex tiżgura li, qabel ma jiddaħħlu f’kull sit tal-produzzjoni, l-għodod u l-makkinarju għat-tilqim, għaż-żbir u għall-qligħ tal-ħamrija jkunu tnaddfu għal kollox mill-ħamrija u minn biċċiet tal-pjanti u ġew diżinfettati biex jinħelsu mill-Calepitrimerus baileyi miċ-Cenopalpus irani, u mid-Diplodia bulgarica;

(iv)

eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Calepitrimerus baileyi, taċ-Cenopalpus irani, tad-Didesmococcus unifasciatus, tal-Euzophera semifuneralis, tal-Maconellicoccus hirsutus, tal-Pochazia shantungensis u tar-Russellaspis pustulans b’tali daqs tal-kampjun li jkun jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas livell ta’ infestazzjoni ta’ 1 % b’livell ta’ kunfidenza ta’ 99 % għal kull pest, u spezzjoni uffiċjali u kampjunar u ttestjar sistematiku u aleatorju tal-pjanti għall-preżenza tad-Diplodia bulgarica, tal-Hoplolaimus galeatus u tal-Pratylenchus loosi;

(b)

taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

(i)

id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213”; kif ukoll

(ii)

l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1162/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top