Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0223

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/223 tat-22 ta’ Diċembru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2577 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli

    ST/16270/2023/INIT

    ĠU L, 2024/223, 10.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/223/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/223/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/223

    10.1.2024

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/223

    tat-22 ta’ Diċembru 2023

    li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2577 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 (1) jintroduċi miżuri urġenti u mmirati biex iħaffef il-pass tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. L-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex jittaffew l-effetti tal-kriżi tal-enerġija, billi tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, jitnaqqsu l-volatilità fis-suq u l-prezzijiet tal-enerġija. Peress li l-proċeduri twal u kumplessi għall-għoti ta’ permessi ffurmaw ostaklu ewlieni li jfixkel il-veloċità u l-iskala tal-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u fl-infrastruttura relatata, ir-Regolament (UE) 2022/2577 kellu l-għan li jintroduċi miżuri urġenti u mmirati addizzjonali biex tinkiseb l-aċċellerazzjoni immedjata ta’ xi wħud mill-proċeduri tal-għoti tal-permessi applikabbli għal teknoloġiji speċifiċi tal-enerġija rinnovabbli u tipi ta’ proġetti li għandhom l-iktar potenzjal għal varar rapidu sabiex jittaffew l-effetti tal-kriżi tal-enerġija. Ir-Regolament (UE) 2022/2577 se japplika sat-30 ta’ Ġunju 2024.

    (2)

    Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2023, introduċiet bidliet fil-qafas leġiżlattiv li jirregola l-enerġija rinnovabbli sal-2030 u lil hinn, inklużi dispożizzjonijiet biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi applikabbli għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Uħud mill-miżuri introdotti mir-Regolament (UE) 2022/2577 ġew inklużi wkoll fid-Direttiva (UE) 2018/2001 permezz tad-Direttiva (UE) 2023/2413. Madankollu, id-Direttiva (UE) 2023/2413 ma tirriflettix uħud mill-miżuri l-aktar eċċezzjonali li jinsabu fir-Regolament (UE) 2022/2577, u b’hekk iddelimitat in-natura eċċezzjonali u temporanja ta’ dawk il-miżuri. Minflok, dik id-Direttiva introduċiet reġim permanenti stabbli u fit-tul biex tħaffef il-proċeduri tal-għoti tal-permessi li tistabbilixxi passi u proċeduri apposta li jeħtieġu żmien itwal għall-implimentazzjoni. L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2023/2413 fil-liġi nazzjonali tagħhom sal-21 ta’ Mejju 2025, bl-eċċezzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi, li għandhom data ta’ traspożizzjoni aktar bikrija, jiġifieri fl-1 ta’ Lulju 2024, li hija immedjatament wara d-data tat-tmiem tal-validità tar-Regolament (UE) 2022/2577. Wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2023/2413, il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli se jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet introdotti minn dik id-Direttiva biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-għoti tal-permessi.

    (3)

    Skont ir-Regolament (UE) 2022/2577, il-Kummissjoni wettqet rieżami ta’ dak ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2023, fid-dawl tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-provvista u tal-prezzijiet tal-enerġija u l-ħtieġa li jiġi aċċellerat aktar il-varar tal-enerġija rinnovabbli, u ppreżentat rapport lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami. Il-Kummissjoni, abbażi ta’ dik ir-reviżjoni, ipproponiet li l-validità ta’ xi dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament tiġi estiża.

    (4)

    Fir-rapport tagħha tat-28 ta’ Novembru 2023 dwar ir-rieżami tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli, il-Kummissjoni sabet li l-kundizzjonijiet għal estensjoni tal-validità tar-Regolament (UE) 2022/2577 ġew issodisfati u pproponiet l-estensjoni tal-miżuri magħżula li għandhom l-akbar potenzjal għal aċċellerazzjoni tal-varar tas-sorsi rinnovabbli, li huma differenti mill-miżuri fid-Direttiva (UE) 2018/2001, u li jidhru li jwasslu għal aċċellerazzjoni importanti fil-proċess tal-għoti ta’ permessi għall-enerġija rinnovabbli u għall-proġetti għall-infrastruttura tal-grilja relatati jew li għandhom il-potenzjal sinifikanti li jagħmlu dan. Tqies il-fatt li d-Direttiva (UE) 2023/2413 introduċiet ċerti dispożizzjonijiet biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-għoti tal-permessi applikabbli għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli fid- fid-Direttiva (UE) 2018/2001, inklużi regoli dwar l-istess suġġetti jew suġġetti simili bħal dawk koperti mir-Regolament (UE) 2022/2577. Dawk ir-regoli għall-għoti ta’ permessi introdotti mid-Direttiva (UE) 2023/2413, ħlief dawk relatati maż-żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli skont l-Artikoli 15c u 16a ta’ dik id-Direttiva, iridu jiġu trasposti sal-1 ta’ Lulju 2024, immedjatament wara li tkun ġiet ikkunsidrata d-data tat-tmiem tal-validità tar-Regolament (UE) 2022/2577.

    (5)

    Mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2022/2577, il-livell ta’ tħejjija fis-suq tal-elettriku u s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni tjiebu. Madankollu, għad hemm riskji serji għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni. Is-sitwazzjoni globali fis-suq tal-gass għadha ristretta ħafna. Il-prezzijiet tal-gass għadhom konsiderevolment ogħla minn qabel il-kriżi b’konsegwenzi inevitabbli fuq il-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-kompetittività tan-negozji tal-Unjoni. Dan ikompli jitgħawwar mill-volatilità għolja tas-suq li nibtet, minn fost ħwejjeġ oħra, minħabba ċ-ċirkustanzi ġeopolitiċi mqanqla. Episodji reċenti ta’ volatilità sinifikanti tal-prezzijiet fis-sajf u fil-ħarifa tal-2023, meta l-prezzijiet żdiedu b’aktar minn 50 % fi ftit ġimgħat, ikkawżati minn avvenimenti bħall-istrajk fil-faċilitajiet tal-gass naturali likwifikat (LNG) Awstraljani, il-kriżi tal-Lvant Nofsani jew it-tfixkil fil-Balticconnector, juru li s-swieq għadhom fraġli u vulnerabbli għal xokkijiet relattivament żgħar dwar id-domanda u l-provvista. Taħt tali kundizzjonijiet, il-biża’ ta’ skarsezza li tirriżulta saħansitra minn avveniment iżolat tista’ twassal għal reazzjonijiet sistemiċi negattivi madwar l-Unjoni b’riperkussjonijiet serji fuq il-prezzijiet tal-enerġija. Barra minn hekk, minħabba t-tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet Russi tal-gass mill-pipelines matul l-aħħar sena, id-disponibbiltà tal-provvisti tal-gass lejn l-Unjoni naqqset b’mod konsiderevoli meta mqabbla ma’ kundizzjonijiet qabel il-kriżi. Bil-livell attwali ta’ importazzjonijiet tal-gass mill-pipelines, l-Unjoni mistennija tirċievi madwar 20 biljun metru kubu bcm ta’ gass Russu — madwar 110 biljun metru kubu (bcm) inqas mill-2021. Għalhekk, għad hemm riskju serju li fl-Unjoni jfeġġu skarsezzi tal-gass.

    (6)

    Is-swieq globali tal-gass għadhom ristretti ħafna u mistennija jibqgħu hekk għal ċertu perjodu ta’ żmien. Kif innotat mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), fir-Rapport tat-Terminu Medju dwar il-Gass 2023 (Medium-Term Gas Report 2023), il-provvista globali tal-LNG kibret biss modestament fl-2022 (b’4 %) u fl-2023 (b’3 %). Fil-Perspettiva Dinjija tal-Enerġija 2023 (World Energy Outlook 2023), l-AIE tistenna li l-bilanċi tas-suq se jibqgħu prekarji fil-futur immedjat minkejja l-fatt li l-kapaċitajiet il-ġodda tal-LNG huma mistennija li jiġu online mill-2025.

    (7)

    Dawn id-diffikultajiet serji huma aggravati minn għadd ta’ riskji addizzjonali, inkluż irkupru fid-domanda Asjatika għal-LNG, li jista’ jnaqqas id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass, xitwa kiesħa li tista’ twassal għal żieda fid-domanda għall-gass sa 30 bcm, kundizzjonijiet estremi tat-temp li potenzjalment jaffettwaw il-ħżin tal-enerġija idroelettrika u l-produzzjoni nukleari minħabba livelli baxxi tal-ilma li jwasslu għaż-żieda sussegwenti fid-domanda għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass, aktar tfixkil tal-infrastrutturi kritiċi, bħall-atti ta’ sabotaġġ kontra l-pipelines Nord Stream f’Settembru 2022 jew it-tfixkil tal-pipeline tal-konnettur Baltiku f’Ottubru 2023 u deterjorament tal-ambjent ġeopolitiku, b’mod partikolari f’pajjiżi u reġjuni rilevanti għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, bħall-Ukrajna, l-Ażerbajġan, u l-Lvant Nofsani.

    (8)

    Minħabba l-bilanċ ristrett attwali bejn il-provvista u d-domanda, anke interruzzjoni żgħira fil-provvista tal-enerġija jista’ jkollha impatt estensiv fuq il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku u tista’ tikkawża ħsara serja u dejjiema lill-ekonomija Ewropea, li b’hekk taffettwa l-kompetittività tagħha, u tikkawża wkoll dannu dejjiem liċ-ċittadini tal-Unjoni. Is-sitwazzjoni attwali għaldaqstant qed tesponi lill-Unjoni kollha għal riskji ta’ skarsezza tal-enerġija u għal prezzijiet għoljin tal-enerġija.

    (9)

    Il-varar aċċellerat tal-enerġija rinnovabbli kellu rwol essenzjali fl-istrateġija tal-Unjoni biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija u kien strumentali biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista u biex il-konsumaturi jiġu protetti mill-volatilità tal-prezzijiet billi titnaqqas id-domanda ġenerali tal-Unjoni għall-gass. Fl-Aġġornament tas-Suq tal-Enerġija Rinnovabbli tagħha ta’ Ġunju 2023, bit-titolu “Kemm flus qed jiffrankaw il-konsumaturi Ewropej bis-saħħa tal-enerġija rinnovabbli?”, l-AIE stmat li l-prezzijiet medji tal-elettriku bl-ingrossa kienu jkunu 8 % ogħla fis-swieq Ewropej kollha fl-2022 mingħajr il-kapaċitajiet rinnovabbli installati addizzjonalment. Fl-2022, produzzjoni ogħla tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ssostitwiet madwar 107 TWh ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku bbażata fuq il-fossili li hija ekwivalenti għal madwar 10 bcm ta’ gass u li wassal għal iffrankar stmat ta’ aktar minn EUR 10 biljun.

    (10)

    Filwaqt li r-Regolament (UE) 2022/2577 ilu fis-seħħ għal perjodu limitat, ir-rapport tal-Kummissjoni wera li kkontribwixxa b’mod pożittiv biex jitħaffef il-pass tal-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni, b’mod partikolari billi ssimplifika l-proċeduri applikabbli għal proċessi speċifiċi tal-għoti tal-permessi, u billi qajjem kuxjenza politika dwar l-importanza li jitħaffef il-proċess tal-għoti ta’ permessi għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-effetti ta’ dak ir-Regolament se jkunu viżibbli fix-xhur li ġejjin, id-data inizjali disponibbli dwar il-produzzjoni, il-varar u l-proċess tal-għoti ta’ permessi għall-enerġija rinnovabbli u proġetti ta’ infrastruttura relatati għall-perjodu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2022/2577 tissuġġerixxi aċċellerazzjoni, tal-anqas f’xi Stati Membri. Skont l-Eurostat, fl-ewwel nofs tal-2023, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni laħqet livell rekord fis-sostituzzjoni ta’ volumi ta’ gass ulterjuri. Ir-rapport tal-Kummissjoni jenfasizza wkoll l-iżviluppi pożittivi f’termini ta’ żieda fil-varar tal-enerġija rinnovabbli fix-xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2022/2577. Skont id-data inizjali tal-industrija, fi tliet kwarti tal-2023, l-Unjoni installat aktar kapaċitajiet fotovoltajċi solari milli fl-2022 kollha. Il-kapaċità eolika żdiedet ukoll b’mod sinifikanti f’diversi Stati Membri. Id-data disponibbli miġbura fir-rapport tal-Kummissjoni tindika wkoll li diversi Stati Membri esperjenzaw żidiet b’żewġ ċifri fil-volum ta’ permessi maħruġa għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2022/2577. Barra minn hekk, mill-inqas fi Stat Membru wieħed, il-proġetti tal-grilja li huma importanti għal penetrazzjoni akbar għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li b’kollox jammontaw għal aktar minn 2 000 km qed jibbenefikaw ukoll minn proċess tal-għoti ta’ permessi aċċellerat.

    (11)

    Minħabba li r-riskji għall-provvisti u l-prezzijiet tal-enerġija jippersistu, se jibqa’ jkun meħtieġ pass aktar mgħaġġel tal-varar tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli għal ċertu perjodu taż-żmien wara tmiem Ġunju 2024, biex jitneħħew gradwalment il-bqija tal-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja. Ma hemm l-ebda dubju li ishma ogħla ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli jsaħħu saħansitra aktar ir-reżiljenza tal-Unjoni. Barra minn hekk, aktar ma titħaffef l-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, aktar ikun għoli l-impatt pożittiv fuq ir-reżiljenza tal-Unjoni, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, il-prezzijiet tal-enerġija u l-indipendenza mill-fjuwils fossili Russi.

    (12)

    Minħabba s-sitwazzjoni urġenti u li għadha instabbli tal-enerġija li qed tiffaċċja l-Unjoni, jeħtieġ li jiġu estiżi l-applikazzjonijiet ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2577, jiġifieri d-dispożizzjonijiet li wrew l-akbar potenzjal għal aċċellerazzjoni immedjata tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u li huma differenti mill-miżuri inklużi fid-Direttiva (UE) 2018/2001, u b’hekk jiġi żgurat li l-estensjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2577 ma tidduplikax dik id-Direttiva. Barra minn hekk, dawk il-miżuri jinkludu salvagwardji xierqa biex tiġi żgurata l-protezzjoni ambjentali fil-forma ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjoni tagħhom. Miżuri inklużi fid-Direttiva (UE) 2018/2001 għandhom japplikaw b’mod parallel ma’dan ir-Regolament u jikkomplementawha b’miżuri ta’ emerġenza addizzjonali għal perjodu limitat ta’ żmien. Mingħajr l-estensjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2577 ser jinħoloq ir-riskju li jitnaqqas il-pass tal-għoti ta’ permessi u l-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u infrastruttura relatata, b’mod partikolari fl-Istati Membri li għamlu użu estensiv minn dak ir-Regolament. Pereżempju, skont il-Ġermanja, l-installazzjoni ta’ madwar 41 GW ta’ enerġija mir-riħ fuq l-art tista’ tiddewwem u tista’ tieħu madwar sentejn aktar jew f’xi każijiet titwaqqaf għalkollox mingħajr estensjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2577, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċellerazzjoni tal-proċess tal-għoti ta’ permessi tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u għall-infrastruttura tal-grilja relatata li hija meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku. Il-veloċità tal-proċess tal-għoti ta’ permessi dwar għadd ta’ proġetti kbar ippjanati tal-grilja ta’ trażmissjoni li jammontaw għal eluf ta’ kilometri fit-tul tonqos bl-istess mod, b’madwar sena sa 3 snin.

    (13)

    Waħda mill-miżuri temporanji introdotti mir-Regolament (UE) 2022/2577, li wriet effetti pożittivi u li għandha potenzjal sinifikanti ta’ aċċellerazzjoni fil-futur, hija l-introduzzjoni fl-Artikolu 3(1) ta’ preżunzjoni konfutabbli li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli huma ta’ interess pubbliku prevalenti u jaqdu s-saħħa u s-sikurezza pubblika għall-finijiet ta’ derogi speċifiċi previsti fil-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni, ħlief meta jkun hemm evidenza ċara li dawk il-proġetti għandhom effetti negattivi kbar fuq l-ambjent li ma jistgħux jittaffew jew jiġu kkumpensati. Id-Direttiva (UE) 2018/2001, permezz tal-Artikolu 16f tiegħu, introduċa preżunzjoni konfutabbli li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli ikunu ta’ interess pubbliku prevalenti u jaqdu s-saħħa u s-sikurezza pubblika, b’formulazzjoni kważi identika meta mqabbla mal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1), tar-Regolament (UE) 2022/2577. Għalhekk, mhuwiex meħtieġ li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2022/2577 peress li tali preżunzjoni konfutabbli se tapplika bis-saħħa tal-Artikolu 16f tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

    (14)

    Madankollu, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2022/2577 jitlob li tingħata prijorità lill-proġetti li huma rikonoxxuti bħala ta’ interess pubbliku prevalenti kull meta jkun meħtieġ l-ibbilanċjar tal-interessi legali f’każijiet individwali u meta dawk il-proġetti jintroduċu rekwiżiti ta’ kumpens addizzjonali għall-protezzjoni tal-ispeċijiet. Dispożizzjoni analoga ma hijiex preżenti fid-Direttiva (UE) 2018/2001. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2)tar-Regolament (UE) 2022/2577 għandha l-potenzjal, fis-sitwazzjoni urġenti attwali u li għadha instabbli tal-enerġija fis-suq tal-enerġija li qed tiffaċċa l-Unjoni, li tħaffef aktar il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli peress li tirrikjedi li l-Istati Membri jippromwovu dawk il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli billi jipprijoritizzawhom meta jittrattaw interessi konfliġġenti differenti lil hinn minn kwistjonijiet ambjentali fil-kuntest tal-ippjanar u l-proċess tal-għoti tal-permessi tal-Istati Membri. Ir-rapport tal-Kummissjoni wera l-valur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2022/2577 li tirrikonoxxi l-importanza relattiva tal-varar tal-enerġija rinnovabbli fil-kuntest diffiċli attwali tal-enerġija lil hinn mill-objettivi speċifiċi tad-derogi previsti fid-Direttivi msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2022/2577. Minħabba s-sitwazzjoni partikolarment serja fil-provvista tal-enerġija li qed tiffaċċa l-Unjoni bħalissa, jixraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2022/2577 sabiex jiġi rikonoxxut b’mod xieraq ir-rwol kruċjali tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tniġġis, jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija, titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili u sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi legali mwettaq mill-awtoritajiet tal-permessi jew mill-qrati nazzjonali. Fl-istess ħin, huwa xieraq ukoll li tinżamm is-salvagwardja ambjentali li, għal proġetti rikonoxxuti li huma ta’ interess pubbliku prevalenti, jiġu adottati miżuri xierqa ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet, sostnuti minn riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

    (15)

    Kif muri fir-rapport tal-Kummissjoni, jeżistu sfidi fl-applikazzjoni ta’ kundizzjoni oħra biex jiġu applikati derogi speċifiċi previsti fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, jiġifieri r-rekwiżit dwar in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi oħra. Tali sfidi jillimitaw l-utilità prattika tal-preżunzjoni konfutabbli li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, il-konnessjoni tagħhom mal-grilja, il-grilja relatata nnifisiha u l-assi tal-ħżin, huma ta’ interess pubbliku prevalenti, minħabba li huwa ostaklu konsiderevoli li jiġi ppruvat li proġett ma jistax iseħħ xi mkien ieħor, jekk irid jiġi kkunsidrat it-territorju ta’ pajjiż sħiħ, u saħansitra aktar jekk iridu jiġu kkunsidrati teknoloġiji oħra tal-enerġija rinnovabbli. Għalhekk, sabiex jitħaffef il-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-konnessjoni tagħhom mal-grilja, u l-bini tal-infrastruttura tal-grilja meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku li huwa objettiv ewlieni rikonoxxut fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2023, intitolata Grilji, il-konnessjoni nieqsa - Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Grilji, huwa xieraq li jiġi speċifikat, għall-fini ta’ dan ir-Regolament, kif jistgħu jintlaħqu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ derogi speċifiċi kif previsti fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kundizzjonijiet alternattivi rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati. B’mod partikolari, għall-finijiet tal-liġi ambjentali rilevanti tal-Unjoni, fil-valutazzjonijiet meħtieġa każ b’każ biex jiġi aċċertat jekk hemmx soluzzjonijiet alternattivi sodisfaċenti għall-proġett speċifiku tal-enerġija rinnovabbli jew proġett tal-infrastruttura tal-grilja li huwa meħtieġ biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-valutazzjoni tas-soluzzjonijiet alternattivi jista’ jkopri soluzzjonijiet li jiżguraw il-kisba tal-istess objettivi bħall-proġett inkwistjoni fl-istess perjodu ta’ żmien jew f’perjodu ta’ żmien simili u mingħajr ma jirriżulta f’kostijiet addizzjonali.Meta jqabblu l-perjodu ta’ żmien u l-kost tas-soluzzjonijiet alternattivi sodisfaċenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-ħtieġa li jvaraw l-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura tal-grilja li hija meħtieġa biex tintegra l-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku b’mod aċċellerat u kosteffettiv f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima u l-aġġornamenti tagħhom ippreżentati skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-veloċità mistennija biex jinkisbu dawk il-prijoritajiet. Tali speċifikazzjoni temporanja hija ġġustifikata fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-swieq tal-enerġija sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura tal-grilja relatata, b’hekk jiġi rikonoxxut ir-rwol tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tniġġis, jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija, titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni.

    (16)

    Meta japplikaw id-deroga rilevanti prevista fid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (5), l-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi addizzjonali rigward ir-rekwiżit li jadottaw miżuri ta’ kumpens li jikkonċernaw l-impjant jew l-installazzjoni għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, jew l-infrastruttura ta’ grilja relatata li hija meħtieġa biex is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jiġu integrati fis-sistema tal-elettriku. Tali sfidi addizzjonali jistgħu jikkawżaw dewmien konsiderevoli. Għalhekk, sabiex proġetti bħal dawn jitħaffu, waqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, huwa xieraq li jiġi speċifikat, għall-fini ta’ dan ir-Regolament, li l-miżuri ta’ kumpens jistgħu jitwettqu b’mod parallel mal-implimentazzjoni tal-proġett taħt kundizzjonijiet stretti. Il-kundizzjonijiet li ġejjin, jiġifieri li l-proċessi ekoloġiċi essenzjali għaż-żamma tal-istruttura u tal-funzjonijiet tas-sit ma jiġux affettwati b’mod irriversibbli qabel ma jkunu fis-seħħ il-miżuri ta’ kumpens u li l-koerenza ġenerali tan-network Natura 2000 ma tiġix kompromessa, jiżguraw li l-integrità ambjentali tas-sit tiġi ppreservata u li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-siti ta’ Natura 2000. Tali speċifikazzjoni temporanja hija ġġustifikata minħabba s-sitwazzjoni attwali fis-swieq tal-enerġija sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ impjanti jew installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-infrastruttura tal-grilja relatata.

    (17)

    Dispożizzjoni oħra b’potenzjal għal aċċellerazzjoni sinifikanti tal-pass tal-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli hija l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2022/2577. Dak l-Artikolu jimponi skadenza massima ta’ 6 xhur għar-repowering tal-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli. Ir-repowering tal-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli għandu potenzjal sinifikanti biex iżid b’mod rapidu l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u b’hekk jippermetti li jitnaqqas il-konsum tal-gass. Dan jippermetti l-użu kontinwu tas-siti b’potenzjal sinifikanti ta’ enerġija rinnovabbli, u dan inaqqas il-ħtieġa li jiġu ddeżinjati siti ġodda għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Ir-repowering ta’ impjant tal-enerġija mir-riħ b’turbini aktar effiċjenti s-soltu jippermetti li tinżamm il-kapaċità eżistenti jew li din tinżdied imma b’inqas turbini li jkunu akbar u aktar effiċjenti. Ir-repowering jibbenefika wkoll mill-konnessjoni eżistenti mal-grilja, grad probabbilment ogħla ta’ aċċettazzjoni pubblika, u għarfien tal-impatti ambjentali.

    (18)

    Fir-rieżami tagħha skont ir-Regolament (UE) 2022/2577, il-Kummissjoni sabet li hemm lok għal aktar simplifikazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi applikabbli għar-repowering tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari fl-Istati Membri li għandhom potenzjal akbar ta’ repowering. Id-Direttiva (UE) 2023/2413 iddaħħal diversi dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward fid-Direttiva (UE) 2018/2001, inklużi l-iskadenzi massimi fir-rigward tal-għoti ta’ permessi. L-Artikolu 16b tad-Direttiva (UE) 2018/2001 idaħħal skadenza massima ta’ sena għar-repowering ta’ proġetti ta’ enerġija rinnovabbli li jinsabu barra miż-żoni ta’ aċċellerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li l-Artikolu 16a ta’ dik id-Direttiva jinkludi skadenza ta’ 6 xhur għall-proġetti ta’ enerġija rinnovabbli li jinsabu fiż-żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli. Minħabba li l-iskadenza għall-implimentazzjoni għad-deżinjazzjoni taż-żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli hija ta’ 27 xahar mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2018/2001 (jiġifieri iż-żoni ta’ aċċellerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli jkollhom jiġu deżinjati sal-20 ta’ Frar 2026), u anke jekk dawk iż-żoni ta’ aċċellerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli jkunu jistgħu jiġu deżinjati qabel, jixraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2022/2577. Din l-estensjoni tinkludi emenda mmirata rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2022/2577, sabiex l-applikazzjoni tagħha tiġi limitata għaż-żoni magħżula skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577. L-estensjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) ta’ dak ir-Regolament, flimkien mal-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tiegħu, tiżgura li tapplika immedjatament skadenza ambizzjuża għall-għoti ta’ permessi għar-repowering ta’ proġetti ta’ enerġija rinnovabbli li jinsabu fiż-żoni speċifiċi identifikati mill-Istati Membri b’mod volontarju skont ir-Regolament (UE) 2022/2577, filwaqt li l-iskadenzi massimi għar-repowering tal-proġetti ta’ enerġija rinnovabbli li jinsabu fid-Direttiva (UE) 2018/2001 japplikaw għall-bqija tat-territorju. Barra minn hekk, dan huwa konsistenti mad-differenzjazzjoni introdotta bid-Direttiva (UE) 2023/2413 bejn iż-żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli u ż-żoni li ma għandhomx tali status.

    (19)

    L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577 jippermetti lill-Istati Membri, taħt ċerti kundizzjonijiet biex jiżguraw il-protezzjoni ambjentali, li jintroduċu eżenzjonijiet minn ċerti obbligi ta’ valutazzjoni ambjentali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli u għal proġetti ta’ ħżin tal-enerġija u proġetti tal-grilja tal-elettriku li huma meħtieġa għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku. L-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577 hija fakultattiva għall-Istati Membri. Dak l-Artikolu jipprovdilhom għodda effettiva biex jaċċelleraw il-varar tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti infrastrutturali relatati billi jiżguraw bilanċ bir-reqqa bejn il-ħtieġa li jintużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’veloċità ħafna aktar rapida u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ żoni ambjentalment sensittivi. Kif spjegat fir-rapport tal-Kummissjoni, l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577 wassal għal riżultati pożittivi tanġibbli kemm f’termini tal-għadd ta’ proġetti ta’ suċċess fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u tal-grilja tal-elettriku li qed jiġu implimentati, kif ukoll tal-potenzjal ta’ aċċellerazzjoni u t-tqassir taż-żmien għall-proċess tal-għoti ta’ permessi fl-Istati Membri li għamlu użu minnu. Skont is-sejbiet tar-rapport tal-Kummissjoni bbażat fuq stimi pprovduti mill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, tali aċċellerazzjoni tista’ tvarja minn diversi xhur u saħansitra sa 3 snin fil-każ ta’ proġetti offshore.

    (20)

    Abbażi tal-evidenza miġbura fir-rapport tal-Kummissjoni, l-estensjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577 tidher meħtieġa fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolarment mimlija tensjoni għall-provvista fis-swieq tal-enerġija biex tiġi żgurata aċċellerazzjoni qawwija immedjata tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Dak l-Artikolu jista’ u jenħtieġ li jeżisti flimkien, għal perjodu ta’ żmien limitat, mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001 rigward id-deżinjazzjoni taż-żoni ta’ aċċellerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli u ż-żoni għall-infrastruttura tal-grilja u tal-ħżin meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku u bl-ebda mod ma jipprevjeni d-deżinjazzjoni ta’ tali żoni.

    (21)

    Id-Direttiva (UE) 2018/2001 timponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiddeżinjaw żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli għal teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli waħda jew aktar fi żmien 27 xahar mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2023/2413. Anki jekk l-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli mill-mument li tidħol fis-seħħ id-Direttiva (UE) 2023/2413, mingħajr ma jistennew sal-iskadenza tat-traspożizzjoni tagħha, din id-deżinjazzjoni teħtieġ xi żmien, li mistenni jkun itwal miż-żmien meħtieġ biex jiġu ddeżinjati ż-żoni rinnovabbli jew tal-grilja ddedikati msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577. Dan għaliex dak l-Artikolu ma jeħtieġx li jiġu stabbiliti minn qabel regoli xierqa bħala parti mill-pjan li jiddeżinja ż-żoni għall-aċċellerazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli għal dawk iż-żoni dwar miżuri ta’ mitigazzjoni effettivi li għandhom jiġu adottati għall-installazzjoni ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli u għall-ħżin tal-enerġija kolokalizzati f’dawk iż-żoni u ma tintroduċix proċeduri speċifiċi li għandhom jiġu segwiti f’dawk iż-żoni. Għalhekk, sabiex tiġi ffaċilitata aktar il-kostruzzjoni ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli matul perjodu temporanju, l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577 jenħtieġ li tiġi estiża, sabiex ikun possibbli għall-Istati Membri li jiddeżinjaw żoni speċifiċi b’mod simplifikat, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiddeżinjaw b’mod parallel żoni ta’ aċċellerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 sabiex jiġi żgurat li tali żoni jiġu stabbiliti sal-iskadenza stipulata f’dik id-Direttiva.

    (22)

    Id-Direttiva (UE) 2018/2001 jinkludi dispożizzjoni li tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddeżinjaw żoni għall-infrastruttura tal-grilja u tal-ħżin meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku taħt ċerti kundizzjonijiet. Fid-dawl tan-natura fakultattiva tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577 u l-Artikolu 15e tad-Direttiva (UE) 2018/2001, ma hemm l-ebda riskju legali ta’ kontradizzjoni peress li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu liema dispożizzjoni għandhom japplikaw jew saħansitra japplikaw it-tnejn li huma matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament sabiex jidentifikaw żoni differenti tal-grilja b’mod parallel, skont il-kundizzjonijiet differenti stabbiliti f’dawk l-atti legali, rispettivament.

    (23)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”) fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, u b’mod partikolari, l-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-parteċipazzjoni pubblika u mal-aċċess għall-ġustizzja, jibqgħu applikabbli.

    (24)

    Il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika huwa prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u japplika għall-Istati Membri kollha. Fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, il-miżuri proposti jippermettu d-distribuzzjoni transfruntiera tal-effetti ta’ varar aktar rapidu tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Il-miżuri japplikaw għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri u jkopru kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-proġetti. Minħabba l-grad ta’ integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija tal-Unjoni, kwalunkwe żieda fil-varar tal-enerġija rinnovabbli fi Stat Membru jenħtieġ li tkun ta’ benefiċċju wkoll għal Stati Membri oħra f’termini ta’ sigurtà tal-provvista u prezzijiet aktar baxxi. Jenħtieġ li tgħin biex l-elettriku rinnovabbli jimxi bejn il-fruntieri għal fejn huwa l-aktar meħtieġ u tiżgura li l-elettriku rinnovabbli prodott b’mod irħis jiġi esportat lejn l-Istati Membri fejn il-produzzjoni tal-elettriku hija aktar għalja. Barra minn hekk, il-kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli li għadhom kif ġew installati fl-Istati Membri se jkollhom impatt fuq it-tnaqqis ġenerali fid-domanda għall-gass fl-Unjoni kollha.

    (25)

    L-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti lill-Kunsill jiddeċiedi, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċedura oħra prevista fit-Trattati, fuq proposta mill-Kummissjoni u fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar il-miżuri adatti għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk jinqalgħu diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija. Fid-dawl ta’ tali kunsiderazzjonijiet, is-sitwazzjoni urġenti u li għadha instabbli tal-enerġija u l-ħtieġa urġenti li jiġu aċċellerati minnufih il-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli bħala strument biex jittaffew ir-riskji fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni u l-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija li għadhom jeżistu, jikkostitwixxu s-sitwazzjoni deskritta fl-Artikolu 122(1) TFUE. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitqies it-tmiem li qed joqrob tal-mandat tal-Parlament Ewropew, iż-żmien meħtieġ biex tiġi adottata leġiżlazzjoni skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, kif ukoll il-ħtieġa li l-Istati Membri u l-investituri jkollhom prevedibbiltà u ċertezza legali dwar il-qafas legali. Estensjoni tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2577 b’sena u ż-żieda ta’ dispożizzjoni ġdida huma meħtieġa biex jirrispondu għas-sitwazzjoni attwali u għalhekk huwa ġġustifikat li l-Artikolu 122(1) tat-TFUE jkun il-bażi ġuridika għal dan ir-Regolament.

    (26)

    Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni hija urġenti peress li r-Regolament (UE) 2022/2577 se jieqaf japplika fit-30 ta’ Ġunju 2024 u l-investituri u l-awtoritajiet jeħtieġ li jkollhom ċarezza malajr kemm jista’ jkun fir-rigward tal-qafas legali li japplika minn hemm ’il quddiem biex jiżguraw id-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom u jippjanaw il-proġetti tagħhom skont dan. Għaldaqstant, jixraq li jiġi adottat att legali li jestendi l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament xi xhur qabel tintemm l-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, minħabba l-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni ġdida, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (27)

    L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti jenħtieġ li tiġi estiża temporanjament u jeħtiġilha, flimkien mad-dispożizzjoni l-ġdida, tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2025.

    (28)

    Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (29)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2577 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (UE) 2022/2577

    Ir-Regolament (UE) 2022/2577 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Dan ir-Regolament japplika għall-proċessi kollha tal-għoti ta’ permessi li d-data tal-bidu tagħhom tkun fil-perjodu tal-applikazzjoni tiegħu u huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu skadenzi aktar qosra minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 5(1).”;

    (2)

    fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, għall-proġetti li huma rikonoxxuti bħala ta’ interess pubbliku prevalenti, li fil-proċess tal-ippjanar u tal-għoti tal-permessi, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ impjanti u installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-grilja relatata jingħataw prijorità meta jiġu bbilanċjati l-interessi legali fil-każ individwali.

    Fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċijiet, l-ewwel subparagrafu għandu japplika biss jekk u sal-punt li jittieħdu miżuri xierqa ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet li jikkontribwixxu għaż-żamma jew għar-restawr tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet għal stat ta’ konservazzjoni favorevoli u jsiru disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji kif ukoll żoni għal dak l-iskop.”

    ;

    (3)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 3a

    Nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi jew sodisfaċenti

    1.   Meta jiġi vvalutat jekk ma hemmx soluzzjonijiet alternattivi sodisfaċenti għal proġett għal impjant jew installazzjoni għall-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-konnessjoni tiegħu mal-grilja għall-finijiet tal-Artikoli 6(4) u 16(1) tad-Direttiva 92/43/KEE, l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/147/KE, din il-kundizzjoni tista’ titqies bħala ssodisfata jekk ma jkun hemm l-ebda soluzzjoni alternattiva sodisfaċenti li kapaċi tikseb l-istess objettiv tal-proġett inkwistjoni, b’mod partikolari f’termini tal-iżvilupp tal-istess kapaċità ta’ enerġija rinnovabbli permezz tal-istess teknoloġija tal-enerġija fl-istess perjodu ta’ żmien jew f’perjodu ta’ żmien simili u mingħajr ma tirriżulta f’kostijiet ferm ogħla.”;

    2.   Meta jiġi vvalutat jekk ma hemmx soluzzjonijiet alternattivi sodisfaċenti għal proġett ta’ infrastruttura tal-grilja li huwa meħtieġ biex jintegra l-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku, għall-finijiet tal-Artikoli 6(4) u 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/147/KE, din il-kundizzjoni tista’ titqies issodisfata jekk ma jkun hemm l-ebda soluzzjoni alternattiva sodisfaċenti li kapaċi tikseb l-istess objettiv tal-proġett inkwistjoni fl-istess perjodu ta’ żmien jew f’perjodu ta’ żmien simili u mingħajr ma tirriżulta f’kostijiet ferm ogħla.

    3.   Meta jimplimentaw miżuri ta’ kumpens għal proġett għal impjant jew installazzjoni għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u l-infrastruttura tal-grilja relatata li hija meħtieġa għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku, għall-fini tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43/KEE, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li tali miżuri ta’ kumpens jitwettqu b’mod parallel mal-implimentazzjoni tal-proġett, sakemm ma jkunx hemm evidenza ċara li proġett speċifiku jaffettwa b’mod irriversibbli l-proċessi ekoloġiċi essenzjali għaż-żamma tal-istruttura u l-funzjonijiet tas-sit u jikkompromettu l-koerenza ġenerali tan-network Natura 2000 qabel ma jkunu fis-seħħ il-miżuri ta’ kumpens. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li dawk il-miżuri ta’ kumpens jiġu adattati maż-żmien, skont jekk l-effetti negattivi sinifikanti humiex mistennija li jinħolqu fuq terminu qasir, medju jew twil.’

    ;

    (4)

    fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-proċess tal-għoti tal-permessi għar-repowering tal-proġetti tal-enerġija rinovabbli li jinsabu fiż-żona rinnovabbli jew tal-grilja apposta msemmija fl-Artikolu 6, inkluż il-permessi relatati mal-aġġornament tal-assi neċessarji għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja fejn ir-repowering jirriżulta f’żieda fil-kapaċità, ma għandux jaqbeż sitt xhur inkluż il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fejn meħtieġ mil-leġiżlazzjoni rilevanti.”

    ;

    (5)

    L-Artikolu 8huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Skedi ta’ żmien għall-proċess tal-għoti tal-permessi għar-repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli f’żoni rinnovabbli jew tal-grilja ddedikati msemmija fl-Artikolu 6

    Meta jiġu applikati l-iskadenzi msemmija fl-Artikoli 5(1), iż-żmien li ġej ma għandux jingħadd bħala li jaqa’ ma’ dawk l-iskadenzi ħlief meta jikkoinċidi ma’ stadji amministrattivi oħra tal-proċess tal-għoti ta’ permessi:”

    (a)

    iż-żmien li matulu l-impjanti, il-konnessjonijiet tagħhom mal-grilja u, bil-ħsieb li jkunu żgurati l-istabbiltà tal-grilja, l-affidabilità tal-grilja u s-sikurezza tal-grilja, l-infrastruttura relatata tal-grilja neċessarja tkun qed tinbena jew tiġi repowered; u

    (b)

    iż-żmien użat għall-istadji amministrattivi neċessarji għal aġġornamenti sinifikanti għall-grilja meħtieġa biex jiġu żgurati l-istabbiltà tal-grilja, l-affidabbiltà tal-grilja u s-sikurezza tal-grilja.

    (6)

    fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “Madankollu, l-Artikolu 1, l-Artikolu 2, punt (1), l-Artikolu 3(2), l-Artikolu 3a, l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 6 u l-Artikolu 8 għandhom japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2025.”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2024.

    Madankollu, l-Artikolu 1, il-punt (3), għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. NAVARRO RÍOS


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef l-użu tal-enerġija rinnovabbli (ĠU L 335, 29.12.2022, p. 36).

    (2)  Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE)Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/223/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top