Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1864

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1864 tad-29 ta’ Ġunju 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

ST/9634/2024/INIT

ĠU L, 2024/1864, 30.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1864/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1864/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1864

30.6.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1864

tad-29 ta’ Ġunju 2024

li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1).

(2)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna, inkluż mit-territorju tal-Belarussja. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(3)

Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/356 (2), li emendat it-titlu tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK u introduċiet aktar miżuri restrittivi b’rispons għall-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 u l-21 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill Ewropew appella lill-awtoritajiet Belarussi biex jieqfu jiffaċilitaw il-gwerra ta’ aggressjoni Russa billi jippermettu lill-forzi armati Russi jużaw it-territorju Belarussu u billi jipprovdu appoġġ lill-militar Russu. Il-Kunsill Ewropew enfasizza li r-reġim Belarussu jrid jirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali u li l-Unjoni tibqa’ lesta taġixxi malajr b’aktar sanzjonijiet kontra l-Belarussja.

(5)

Fit-18 ta’ Jannar 2023, l-Unjoni ħarġet dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li fiha esprimiet tħassib serju dwar is-sitwazzjoni mwiegħra u li qed tiddeterjora tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja taħt ir-reġim ta’ Lukashenka, u kkundannat ulterjorment l-attivitajiet tar-reġim f’Minsk immirati biex jappoġġaw l-aggressjoni barbarika Russa kontra l-Ukrajna u t-tentattivi mġedda biex il-migranti jintużaw b’mod ċiniku u vjolenti biex jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ kriżi fil-fruntieri tal-Unjoni.

(6)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2023 u tad-29 u t-30 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-appoġġ militari li l-Belarussja baqgħet tagħti lir-Russja għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha u enfasizza li l-Belarussja teħtieġ tieqaf tħalli lill-forzi armati Russi jużaw it-territorju tagħha, inkluż għall-iskjerament ta’ armi nukleari tattiċi.

(7)

Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, u b’rispons għall-involviment kontinwu tal-Belarussja fl-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri restrittivi addizzjonali.

(8)

B’mod partikolari, huwa xieraq li tiġi estiża aktar il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju u avvanzati u li jiġu introdotti aktar restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu b’mod partikolari għat-titjib tal-kapaċitajiet industrijali Belarussi.

(9)

Huwa xieraq ukoll li jiġi pprojbit it-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju, oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha, oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu b’mod partikolari għat-titjib tal-kapaċitajiet industrijali Belarussi, oġġetti u teknoloġija adatti għall-użu fl-avjazzjoni jew fl-industrija spazjali, u armi esportati mill-Unjoni.

(10)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet lejn il-Belarussja, inkluż fir-rigward tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti u teknoloġija tan-navigazzjoni marittima u ta’ oġġetti ta’ lussu.

(11)

Huwa xieraq ukoll li tiġi imposta projbizzjoni fuq l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment diretti jew indiretti ta’ djamanti mill-Belarussja.

(12)

Barra minn hekk, huwa xieraq li titkabbar il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ prodotti minerali biex tinkludi ż-żejt grezz u li tiġi introdotta projbizzjoni ġdida fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti u makkinarju ta’ siti tat-tħaffir għaż-żejt u ta’ oġġetti u teknoloġija adatti għall-użu fir-raffinar taż-żejt u l-likwefazzjoni tal-gass naturali.

(13)

Huwa xieraq ukoll li jiġi pprojbit il-forniment ta’ ċerti servizzi lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, korporazzjonijiet jew aġenziji pubbliċi tagħha jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew fuq ordni tagħhom billi jiġi pprojbit il-forniment ta’ servizzi ta’ kontabbiltà, servizzi ta’ awditjar, inkluż l-awditjar statutorju, servizzi ta’ żamma tal-kotba, servizzi ta’ konsulenza dwar it-taxxa, servizzi ta’ konsulenza kummerċjali u maniġerjali u servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi.

(14)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi pprojbit il-forniment ta’ servizzi ta’ arkitettura u inġinerija kif ukoll ta’ servizzi ta’ konsulenza tal-IT u servizzi ta’ konsulenza legali lill-Belarussja.

(15)

Huwa xieraq ukoll li jiġi pprojbit il-forniment ta’ ċerti servizzi lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, korporazzjonijiet jew aġenziji pubbliċi tagħha jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew fuq ordni tagħhom billi jiġi pprojbit il-forniment ta’ reklamar, ir-riċerka tas-suq u servizzi ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika, kif ukoll servizzi ta’ ttestjar tal-prodotti u ta’ spezzjoni teknika.

(16)

Sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-72/11, huwa xieraq li tiġi emendata d-dispożizzjoni li tipprojbixxi ċ-ċirkomvenzjoni biex jiġi ċċarat li r-rekwiżiti ta’ għarfien u intenzjoni jiġu ssodisfati mhux biss meta persuna tfittex deliberatament l-għan jew l-effett ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri restrittivi iżda wkoll meta persuna li tipparteċipa f’attività li jkollha l-għan jew l-effett li tevita miżuri restrittivi tkun konxja li tali parteċipazzjoni jista’ jkollha dak l-għan jew dak l-effett, u taċċetta dik il-possibbiltà.

(17)

Huwa xieraq ukoll li tiġi introdotta projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti li tippermetti lill-Belarussja tiddiversifika s-sorsi ta’ dħul tagħha, u b’hekk tippermetti l-involviment tagħha fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(18)

Huwa xieraq ukoll li tiġi imposta projbizzjoni fuq l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment diretti jew indiretti tad-deheb.

(19)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu imposti aktar miżuri restrittivi f’diversi setturi, b’mod partikolari fis-setturi tal-enerġija u tal-avjazzjoni.

(20)

Huwa xieraq ukoll li tiġi estiża l-projbizzjoni fuq it-trasport ta’ merkanzija bit-triq fl-Unjoni minn trejlers u semitrejlers irreġistrati fil-Belarussja, inkluż meta miġbuda minn trakkijiet irreġistrati barra mill-Belarussja.

(21)

Huwa xieraq ukoll li jiġi introdott kriterju ulterjuri għall-elenkar ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għall-iffriżar tal-assi u għall-projbizzjoni li fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għal persuni u entitajiet deżinjati.

(22)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(23)

Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/642/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1a, huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   It-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali u l-munizzjon tagħhom, kif imsemmi fil-paragrafu 1, esportati mill-Unjoni għandu jkun ipprojbit.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatata mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(c)

il-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment bi kwalunkwe mod ieħor ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess jew l-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.”

;

(2)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 1b

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu b’mod partikolari għat-titjib tal-kapaċitajiet industrijali Belarussi, kemm jekk joriġinaw mill-Unjoni jew le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   It-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, esportati mill-Unjoni, għandu jkun ipprojbit.

3.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(c)

il-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment bi kwalunkwe mod ieħor ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess jew l-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sat-2 ta’ Ottubru 2024 ta’ kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Lulju 2024, jew ta’ kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

5.   Fir-rigward tal-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2602, il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sat-2 ta’ Awwissu 2024 ta’ kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Lulju 2024 jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

6.   Fir-rigward tal-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8708 99, il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sat-2 ta’ Jannar 2025 ta’ kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Lulju 2024, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

7.   Il-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għal oġġetti li jkunu neċessarji għall-finijiet uffiċjali tal-missjonijiet diplomatiċi jew konsulari tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi sħab fil-Belarussja jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mal-liġi internazzjonali, jew l-oġġetti personali tal-persunal tagħhom.

8.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, taħt il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, jew l-għoti ta’ għajnuna teknika jew finanzjarja relatata, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew l-għoti ta’ għajnuna teknika jew finanzjarja relatata huma neċessarji:

(a)

għal finijiet mediċi jew farmaċewtiċi, jew għal finijiet umanitarji bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ għajnuna, inkluż provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u għajnuna relatata jew għall-evakwazzjonijiet;

(b)

għall-użu esklussiv u taħt il-kontroll sħiħ tal-Istat Membru li jawtorizza u sabiex jissodisfa l-obbligi ta’ manutenzjoni tiegħu f’żoni li huma taħt ftehim ta’ kiri fit-tul bejn dak l-Istat Membru u l-Belarussja; jew

(c)

għall-istabbiliment, l-operat, il-manutenzjoni, il-forniment tal-fjuwil u t-trattament mill-ġdid u s-sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili, u l-kontinwazzjoni tad-disinn, il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar meħtieġa għat-tlestija ta’ faċilitajiet nukleari ċivili, il-forniment ta’ materjal prekursur għall-produzzjoni ta’ isotopi radjuattivi mediċi u applikazzjonijiet mediċi simili, jew it-teknoloġija kritika għall-monitoraġġ tar-radjazzjoni ambjentali, kif ukoll għall-kooperazzjoni nukleari ċivili, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp.

9.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jawtorizzaw, taħt il-kondizzjonijiet li jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8417 20, jew l-għoti tal-għajnuna teknika jew finanzjarja relatata, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew l-għoti tal-għajnuna teknika jew finanzjarja relatata jkunu neċessarji għall-użu domestiku personali ta’ persuni fiżiċi.

10.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja ta’ oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu b’mod partikolari għat-titjib tal-kapaċitajiet industrijali Belarussi wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija huma maħsuba għall-finijiet stipulati fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu.

11.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew għall-forniment relatat ta’ assistenza teknika u finanzjarja, għall-użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, maħsub għal emerġenzi tas-saħħa, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq l-ambjent, jew bħala rispons għad-diżastri naturali.

12.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 3917, 8523 u 8536, kif elenkati fl-Anness XVIII għar-Regolament (KE) Nru 765/2006, jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, wara li jkunu ddeterminaw li dawk l-oġġetti jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma meħtieġa għall-finijiet ta’ manutenzjoni jew tiswija ta’ apparat mediku.

13.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti li ġejjin, jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma meħtieġa għall-użu domestiku personali ta’ persuni fiżiċi fil-Belarussja:

(a)

oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8417 20;

(b)

tubi, pajpijiet u fittings tal-pajpijiet tar-ram li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7411 jew 7412 li għandhom dijametru intern sa 50 mm.

14.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3917 10, jew l-għoti ta’ għajnuna teknika jew finanzjarja relatata, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jinbiegħu, jiġu fornuti, trasferiti jew esportati strettament għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem fil-Belarussja.

15.   Meta jiddeċiedu dwar talbiet għal awtorizzazzjonijiet għall-finijiet inklużi fil-paragrafi 8, 9, 10, 12, 13, u 14,, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja jekk ikollhom bażi raġonevoli biex jemmnu li l-oġġetti jista’ jkollhom użu finali militari.

16.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafi 8, 9, 10, 12, 13 u 14 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

17.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti koperti minn dan l-Artikolu.”

;

(3)

l-Artikolu 2c huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   It-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja tal-oġġetti u t-teknoloġija bl-użu doppju, imsemmija fil-paragrafu 1, esportati mill-Unjoni għandu jkun ipprojbit.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(c)

il-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment bi kwalunkwe mod ieħor ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess jew l-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.”

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/821, il-projbizzjoni fil-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tapplika għat-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju maħsuba għall-finijiet stipulati fil-paragrafu 3, il-punti (a) sa (e), ta’ dan l-Artikolu.”

;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   B’deroga mill-paragrafu 1a, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-tranżitu mit-territorju tar-Belarussja ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija huma maħsuba għall-finijiet stipulati fil-paragrafu 4, il-punti (b), (c), (d) u (h), ta’ dan l-Artikolu.”

;

(4)

l-Artikolu 2d huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   It-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja ta’ oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u tas-sigurtà tagħha, esportati mill-Unjoni għandu jkun ipprojbit.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(c)

il-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment bi kwalunkwe mod ieħor ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess jew l-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.”

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1a ma għandhiex tapplika għat-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja ta’ oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u tas-sigurtà tagħha, maħsuba għall-finijiet stipulati fil-paragrafu 3, il-punti (a) sa (e).”

;

(d)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

ir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi sħab, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet;”

;

(ii)

il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(h)

l-iżgurar taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fil-Belarussja għajr għall-Gvern u għall-impriżi tagħha li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn dak il-Gvern; jew”

;

(iii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(i)

l-użu esklussiv u taħt il-kontroll sħiħ tal-Istat Membru li jawtorizza u sabiex jissodisfa l-obbligi ta’ manutenzjoni tiegħu f’żoni li huma taħt ftehim ta’ kiri fit-tul bejn dak l-Istat Membru u l-Belarussja;”

;

(e)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4b.   B’deroga mill-paragrafu 1a, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja ta’ oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u tas-sigurtà tagħha wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija huma maħsuba għall-finijiet stipulati fil-punti (b), (c), (d) u (h) tal-paragrafu 4.”

;

(5)

fl-Artikolu 2da, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fir-rigward tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness II, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 2c(1) u (2) u mill-Artikolu 2d(1) u (2), u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu biss jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju u l-oġġetti u teknoloġija imsemmija fl-Artikolu 2d, jew l-għoti ta’ għajnuna teknika jew finanzjarja relatata, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew l-għajnuna teknika jew finanzjarja relatata jkunu:

(a)

neċessarji għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent; jew

(b)

dovuti taħt kuntratti konklużi qabel it-3 ta’ Marzu 2022, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt, sakemm tali awtorizzazzjoni tintalab qabel l-1 ta’ Mejju 2022.”

;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2db

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti u teknoloġija tan-navigazzjoni marittima, kemm jekk joriġinaw mill-Unjoni jew le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(c)

il-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment bi kwalunkwe mod ieħor ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess jew l-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew għall-għoti relatat ta’ għajnuna teknika u finanzjarja, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, maħsuba għal finijiet umanitarji, emerġenzi tas-saħħa, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq l-ambjent, jew bħala rispons għal diżastri naturali.

4.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti koperti minn dan l-Artikolu.”

;

(7)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 2ea

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti ta’ lussu, kemm jekk joriġinaw mill-Unjoni jew le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 u relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja;

(b)

il-forniment ta’ finanzjament jew ta’ għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti, jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżiku jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(c)

il-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment bi kwalunkwe mod ieħor tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess jew l-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

3.   Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tapplika fuq l-oġġetti ta’ lussu sakemm il-valur tagħhom jaqbeż it-EUR 300 għal kull oġġett, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

4.   Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal oġġetti li jkunu meħtieġa għall-finijiet uffiċjali ta’ missjonijiet diplomatiċi jew konsulari tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi sħab fil-Belarussja jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mal-liġi internazzjonali, jew għall-oġġetti personali tal-persunal tagħhom.

5.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7113 00 00 u 7114 00 00 għall-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jivvjaġġaw mill-Unjoni Ewropea jew membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom, proprjetà ta’ dawk l-individwi u mhux maħsuba għall-bejgħ.

6.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-trasferiment jew l-esportazzjoni lejn il-Belarussja ta’ beni kulturali li huma mislufa fil-kuntest ta’ kooperazzjoni kulturali formali mal-Belarussja.

7.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 5 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

8.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti koperti minn dan l-Artikolu.

Artikolu 2eb

1.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-akkwist ta’ kwalunkwe parteċipazzjoni ġdida jew l-estensjoni ta’ kwalunkwe parteċipazzjoni eżistenti fi kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi tal-Belarussja jew ta’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor u li joperaw fis-settur tal-enerġija fil-Belarussja;

(b)

l-għoti jew is-sehem fi kwalunkwe arranġament għall-għoti ta’ xi self jew kreditu ġdid jew il-forniment b’xi mod ieħor ta’ finanzjament, inkluż kapital ta’ ekwità, lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi tal-Belarussja jew ta’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor u li joperaw fis-settur tal-enerġija fil-Belarussja, jew għall-iskop dokumentat ta’ finanzjament ta’ tali persuna ġuridika, entità jew korp;

(c)

il-ħolqien ta’ kwalunkwe impriża konġunta ma’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi tal-Belarussja jew ta’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor u li joperaw fis-settur tal-enerġija fil-Belarussja; jew

(d)

il-forniment ta’ servizzi ta’ investiment li jkunu direttament relatati mal-attivitajiet imsemmija fil-punti minn (a), (b) u (c).

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, bil-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, kwalunkwe attività msemmija fil-paragrafu 1 wara li jkunu ddeterminaw li:

(a)

hija neċessarja biex jiġi żgurat il-forniment kritiku tal-enerġija fl-Unjoni, kif ukoll it-trasport ta’ gass naturali u żejt, inkluż prodotti tal-petroleum raffinat, sakemm dan ma jkunx ipprojbit skont l-Artikolu 2f, mill-Belarussja, jew li jgħaddu mill-Belarussja, lejn l-Unjoni; jew

(b)

tikkonċerna esklużivament persuna ġuridika, entità jew korp li joperaw fis-settur tal-enerġija fil-Belarussja proprjetà ta’ persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 2 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 2ec

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti u teknoloġija adattati għall-użu fir-raffinar taż-żejt u l-likwifikazzjoni tal-gass naturali, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja;

(b)

il-forniment ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti u t-teknoloġija, jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(c)

il-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment bi kwalunkwe mod ieħor tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess jew l-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sat-2 ta’ Ottubru 2024 ta’ kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Lulju 2024, jew ta’ kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

4.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, skont dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew il-forniment ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew il-forniment ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent.

F’każijiet debitament ġustifikati ta’ emerġenza, il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jistgħu jipproċedu mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jkunu saru l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 4 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

6.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti koperti minn dan l-Artikolu.”

;

(8)

L-Artikolu 2f huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2f

1.   Għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, ta’ prodotti minerali u żejt grezz, jekk joriġinaw mill-Belarussja jew huma esportati mill-Belarussja.

2.   Għandu jiġi pprojbit il-forniment, direttament jew indirettament, ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja jew kwalunkwe servizz ieħor relatat mal-projbizzjoni fil-paragrafu 1.

3.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti koperti minn dan l-Artikolu.

4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal xiri fil-Belarussja ta’ prodotti minerali li huma meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet essenzjali tax-xerrej fil-Belarussja jew ta’ proġetti umanitarji fil-Belarussja.

5.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għaż-żejt grezz sat-2 ta’ Ottubru 2024, għal tranżazzjonijiet ta’ darba għal kunsinna fi żmien qasir, konklużi u eżegwiti qabel dik id-data, jew għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasferiment ta’ żejt grezz konklużi qabel l-1 ta’ Lulju 2024, jew ta’ kuntratti anċillari neċessarji għal dik l-eżekuzzjoni, dment li dawk il-kuntratti jkunu ġew innotifikati mill-Istat Membri rilevanti lill-Kummissjoni sat-23 ta’ Lulju 2024 u dment li t-tranżazzjonijiet ta’ darba għal kunsinna fi żmien qasir jkunu nnotifikati mill-Istati Membri rilevanti lill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mit-tlestija tagħhom.

6.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għat-tranżitu mill-Belarussja ta’ żejt grezz li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2709 00 li jiġi kkonsenjat permezz ta’ pipeline mir-Russja lejn l-Istati Membri sakemm il-Kunsill jiddeċiedi li l-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 4o tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK (*1) għandhom japplikaw għaż-żejt grezz ikkonsenjat permezz ta’ pipeline mir-Russja.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).”;"

(9)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2hc

1.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, direttament jew indirettament, ta’ kontabilità, awditjar, inkluż awditjar statutorju, żamma tal-kotba jew servizzi ta’ konsulenza dwar it-taxxa, jew servizzi ta’ konsulenza dwar negozju u maniġerjali u servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi:

(a)

lir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha; jew

(b)

lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew fuq ordni tar-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha.

2.   Għandu jkun ipprojbit li jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, servizzi arkitettoniċi u ta’ inġinerija, servizzi ta’ konsulenza legali u servizzi ta’ konsulenza tal-IT:

(a)

lir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha; jew

(b)

lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew fuq ordni tar-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha.

3.   Għandu jkun ipprojbit li jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, servizzi ta’ riċerka tas-suq u ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika, servizzi ta’ ttestjar u analiżi tekniċi u servizzi ta’ reklamar:

(a)

lir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha; jew

(b)

lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew fuq ordni tar-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha.

4.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew il-proviżjoni, direttament jew indirettament, ta’ software għall-ġestjoni ta’ intrapriżi u software għad-disinn u l-manifattura industrijali:

(a)

lir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha; jew

(b)

lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew fuq ordni tar-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti koperti minn dan il-paragrafu.

5.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati mal-oġġetti u s-servizzi msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 għall-forniment tagħhom, direttament jew indirettament,lir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew fuq ordni ta’ tali persuna ġuridika, entità jew korp; jew

(b)

il-forniment ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u s-servizzi msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 għall-forniment tagħhom, jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament, lir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew fuq ordni ta’ tali persuna ġuridika, entità jew korp.

6.   Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ servizzi li huma strettament neċessarji għat-terminazzjoni sat-2 ta’ Ottubru 2024 ta’ kuntratti li mhumiex konformi ma’ dan l-Artikolu konklużi qabel l-1 ta’ Lulju 2024, jew għal kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

7.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ servizzi li huma strettament meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt tad-difiża fi proċedimenti ġudizzjarji u d-dritt għal rimedju legali effettiv.

8.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ servizzi li huma strettament neċessarji biex jiżguraw aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali fi Stat Membru, jew għar-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ sentenza jew ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Stat Membru, dment li tali forniment ta’ servizzi jkun konsistenti mal-objettivi ta’ din id- Deċiżjoni.

9.   Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw sat-2 ta’ Jannar 2025 għall-forniment ta’ servizzi maħsuba għall-użu esklużiv ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fil-Belarussja li huma proprjetà ta’, jew ikkontrollati kompletament jew b’mod konġunt minn, persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru, pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Iżvizzera jew pajjiż sieħeb kif elenkat fl-Anness IV.

10.   Il-paragrafi 2, 3 u 4 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ servizzi neċessarji għal emerġenzi tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq l-ambjent, jew bħala rispons għal diżastri naturali.

11.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-forniment ta’ servizzi msemmija fihom b’tali kondizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dawk is-servizzi huma strettament meħtieġa għall-istabbiliment, iċ-ċertifikazzjoni jew l-evalwazzjoni ta’ firewall li:

(a)

ineħħi l-kontroll minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I fuq l-assi ta’ persuna ġuridika, entità jew korp mhux elenkati, inkorporati jew kostitwiti skont id-dritt ta’ Stat Membru, li jkunu proprjetà ta’, jew ikkontrollati minn din tal-ewwel; u

(b)

jiżgura li l-ebda fond jew riżorsa ekonomika ulterjuri ma jakkumulaw għall-benefiċċju tal-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp elenkat.

12.   B’deroga mill-paragrafu 4, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-forniment ta’ servizzi msemmija fih, taħt il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dawk is-servizzi huma meħtieġa għall-kontribuzzjoni minn ċittadini Belarussi għal proġetti internazzjonali b’sors miftuħ.

13.   B’deroga mill-paragrafi 1 sa 5, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw is-servizzi msemmija fihom, b’tali kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dan huwa neċessarju għal:

(a)

skopijiet umanitarji bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza, inkluż provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għall-evakwazzjonijiet;

(b)

attivitajiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem jew l-istat tad-dritt fil-Belarussja;

(c)

il-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew pajjiż sħab fil-Belarussja, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fil-Belarussja li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mal-liġi internazzjonali;

(d)

l-iżgurar tal-provvista kritika tal-enerġija fl-Unjoni u x-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport fl-Unjoni tal-mineral tat-titanju, tal-aluminju, tar-ram, tan-nikil, tal-palladju u tal-ħadid;

(e)

l-iżgurar tat-tħaddim kontinwu ta’ infrastrutturi, hardware u software li huma kritiċi għas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem, jew għas-sikurezza tal-ambjent;

(f)

l-istabbiliment, l-operat, il-manutenzjoni, il-forniment tal-fjuwil u t-trattament mill-ġdid u s-sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili, u l-kontinwazzjoni tad-disinn, il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar meħtieġa għat-tlestija ta’ faċilitajiet nukleari ċivili, il-forniment ta’ materjal prekursur għall-produzzjoni ta’ isotopi radjuattivi mediċi u applikazzjonijiet mediċi simili, jew it-teknoloġija kritika għall-monitoraġġ tar-radjazzjoni ambjentali, kif ukoll għall-kooperazzjoni nukleari ċivili, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

(g)

il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika mill-operaturi tat-telekomunikazzjoni tal-Unjoni meħtieġa għall-operat, il-manutenzjoni u s-sigurtà, inkluż iċ-ċibersigurtà, ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Belarussja, fl-Ukrajna, fl-Unjoni, bejn il-Belarussja u l-Unjoni, u bejn l-Ukrajna u l-Unjoni, u għal servizzi ta’ ċentri tad-data fl-Unjoni; jew

(h)

l-użu esklużiv ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fil-Belarussja li huma proprjetà ta’, jew ikkontrollati kompletament jew b’mod konġunt minn, persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru, pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Iżvizzera jew pajjiż sieħeb kif elenkat fl-Anness IV.

14.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-forniment tas-servizzi ta’ konsulenza legali msemmija fih bil-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dan huwa meħtieġ għall-kontinwazzjoni ta’ inizjattivi eżistenti li jipprovdu appoġġ lill-vittmi ta’ diżastri naturali, nukleari jew kimiċi u fil-qafas ta’ proċeduri ta’ adozzjoni internazzjonali.

15.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafi 11 sa 14 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

;

(10)

L-Artikolu 2k huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2k

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun iċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet f’din id-Deċiżjoni, inkluż bil-parteċipazzjoni f’tali attivitajiet mingħajr ma jitfittxu dak l-objettiv jew l-effett deliberatament iżda bl-għarfien li l-parteċipazzjoni jista’ jkollha dak l-objettiv jew l-effett u li tiġi aċċettata dik il-possibbiltà.”

;

(11)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 2ra

1.   Għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasferiment fl-Unjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti li jippermettu lill-Belarussja tiddiversifika s-sorsi ta’ dħul tagħha, u b’hekk tippermetti l-involviment tagħha fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, jekk dawn joriġinaw mill-Belarussja jew jiġu esportati mill-Belarussja.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti koperti minn dan il-paragrafu.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u teknoloġija, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjoni fil-paragrafu 1;

(b)

il-forniment ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u t- teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe xiri, importazzjoni jew trasferiment ta’ dawk l-oġġetti u teknoloġija, jew għall-forniment tal-assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjoni fil-paragrafu 1.

3.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal xiri fil-Belarussja li huwa meħtieġ għall-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew għall-użu personali ta’ ċittadini ta’ Stati Membri u l-membri tal-familja immedjata tagħhom.

4.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jippermettu l-importazzjoni ta’ oġġetti li huma maħsuba għall-użu strettament personali ta’ persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn l-Unjoni jew ta’ membri tal-familja immedjata tagħhom, u limitati għal oġġetti personali proprjetà ta’ dawk l-individwi u li huma manifestament mhux maħsuba għall-bejgħ.

5.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, id-dħul fl-Unjoni ta’ vettura li taqa’ taħt il-kodiċi NM 8703 mhux maħsuba għall-bejgħ u li tkun proprjetà ta’:

(a)

ċittadin ta’ Stat Membru jew ta’ membru tal-familja immedjata li jkun residenti fil-Belarussja u li jkun qed isuq il-vettura fl-Unjoni għall-użu strettament personali; jew

(b)

ċittadin tal-Belarussja li għandu viża valida jew permess ta’ residenza li jippermetti d-dħul fl-Unjoni, li jkun qed isuq il-vettura fl-Unjoni għal użu personali strett.

6.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għad-dħul fl-Unjoni ta’ vetturi bil-mutur li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8703 dment li jkollhom pjanċa tar-reġistrazzjoni ta’ vettura diplomatika u jkunu meħtieġa għall-funzjonament ta’ rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mal-liġi internazzjonali, jew għall-użu personali tal-persunal tagħhom u tal-membri tal-familja immedjata tagħhom.

7.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tipprevjeni vetturi li jkunu diġà jinsabu fit-territorju tal-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2024 milli jiġu rreġistrati fi Stat Membru.

8.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandix tapplika għad-dħul fl-Unjoni ta’ vettura li taqa’ taħt il-kodiċi NM 8703 maħsuba esklużivament għal skopijiet umanitarji, inkluż għall-evakwazzjoni jew ir-ripatrijazzjoni ta’ persuni, jew għat-trasportazzjoni ta’ passiġġieri li għandhom ċertifikat maħruġ minn Stat Membru li jiddikjara li huma qegħdin jivvjaġġaw lejn dak l-Istat Membru fil-qafas ta’ inizjattivi li jipprovdu appoġġ lill-vittmi ta’ diżastri naturali, nukleari jew kimiċi.

9.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sat-2 ta’ Ottubru 2024 ta’ kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Lulju 2024, jew ta’ kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

10.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasferiment tal-oġġetti, jew l-għoti ta’ għajnuna teknika u finanzjarja relatata, b’dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dan ikun neċessarju għall-istabbiliment, l-operat, il-manutenzjoni, il-forniment u t-trattament mill-ġdid tal-fjuwil u s-sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili, u l-kontinwazzjoni tad-disinn, il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar meħtieġa għat-tlestija tal-faċilitajiet nukleari ċivili, il-forniment ta’ materjal prekursur għall-produzzjoni ta’ isotopi radjuattivi mediċi u applikazzjonijiet mediċi simili, jew teknoloġija kritika għall-monitoraġġ tar-radjazzjoni ambjentali, kif ukoll għall-kooperazzjoni nukleari ċivili, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp.

11.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, b’dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, l-importazzjoni jew it-trasferiment ta’ oġġetti li kienu jinsabu fiżikament fil-Belarussja qabel ma daħlet fis-seħħ il-projbizzjoni rilevanti fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8471, 8523, 8536 u 9027, kif elenkati fl-Anness XXVII tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, jew l-għoti ta’ assistenza teknika u finanzjarja relatata, wara li jkunu ddeterminaw li dawk l-oġġetti huma komponenti ta’ apparati mediċi u jiddaħħlu fl-Unjoni għall-fini ta’ manutenzjoni, tiswija jew ritorn ta’ partijiet difettużi.

12.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 10 u 11 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 2rb

1.   Għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, ta’ deheb, jekk joriġina mill-Belarussja u ġie esportat mill-Belarussja lejn l-Unjoni jew lejn kwalunkwe pajjiż terz wara l-1 ta’ Lulju 2024.

2.   Għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, ta’ prodotti pproċessati f’pajjiż terz li jinkorpora l-prodotti pprojbiti fil-paragrafu 1.

3.   Għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, ta’ deheb, kif elenkat fl-Anness XXII tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, jekk joriġina mill-Belarussja u jkun ġie esportat mill-Belarussja lejn l-Unjoni wara l-1 ta’ Lulju 2024.

4.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjonijiet f’dawk il-paragrafi;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għal kwalunkwe xiri, importazzjoni jew trasferiment ta’ dawk l-oġġetti, jew għall-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjonijiet f’dawk il-paragrafi.

5.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal deheb li huwa neċessarju għall-finijiet uffiċjali ta’ missjonijiet diplomatiċi, uffiċċji konsulari jew organizzazzjonijiet internazzjonali fil-Belarussja li jgawdu minn immunitajiet skont il-liġi internazzjonali.

6.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 3 ma għandhiex tapplika għal ġojjellerija tad-deheb għall-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn l-Unjoni jew membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom, proprjetà ta’ dawk l-individwi u mhux maħsuba għall-bejgħ.

7.   B’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-trasferiment jew l-importazzjoni ta’ beni kulturali li jkunu b’self fil-kuntest ta’ kooperazzjoni kulturali formali mal-Belarussja.

8.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti koperti minn dan l-Artikolu.

Artikolu 2rc

1.   Mill-1 ta’ Lulju 2024, għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, ta’ djamanti u prodotti li fihom id-djamanti, jekk joriġinaw mill-Belarussja jew ġew esportati mill-Belarussja lejn l-Unjoni jew lejn xi pajjiż terz.

2.   Mill-1 ta’ Lulju 2024, għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, ta’ djamanti u prodotti li fihom id-djamanti, ta’ kwalunkwe oriġini, jekk ikunu għaddew mit-territorju tal-Belarussja.

3.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafi 1 sa 2, u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjonijiet f’dawk il-paragrafi;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatata mal-oġġetti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għal kwalunkwe xiri, importazzjoni jew trasferiment ta’ dawk l-oġġetti, jew għall-forniment ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjonijiet f’dawk il-paragrafi.

4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għad-djamanti jew għal prodotti li fihom id-djamanti għall-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn l-Unjoni jew tal-membri tal-familja immedjata tagħhom li jivvjaġġaw magħhom, proprjetà ta’ dawk l-individwi u mhux maħsuba għall-bejgħ.

5.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-trasferiment jew l-importazzjoni ta’ beni kulturali li jkunu b’self fil-kuntest ta’ kooperazzjoni kulturali formali mal-Belarussja.

6.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti koperti minn dan l-Artikolu.”

;

(12)

Artikolu 2s huwa emendat kif ġej:

(a)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“1a.   It-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja tal-makkinarju msemmi fil-paragrafu 1, esportati mill-Unjoni, għandu jkun ipprojbit.”

;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija imsemmija fih, jew il-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja, inkluż derivattivi finanzjarji, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, wara li jkunu ddeterminaw li huwa maħsub għar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni, l-Istati Membri, u l-pajjiżi sħab, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mal-liġi internazzjonali.

3b.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 3a fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

;

(13)

fl-Artikolu 2sa huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   It-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja ta’ oġġetti u teknoloġija adatti għall-użu fl-avjazzjoni jew fl-industrija spazjali, esportati mill-Unjoni, għandu jkun ipprojbit.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(c)

il-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment bi kwalunkwe mod ieħor tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti tad-drittijiet għall-aċċess jew l-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.”

;

(c)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6a.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 4, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, bil-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija adatti għall-użu fl-avjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jew għajnuna teknika relatata, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, wara li jkunu ddeterminaw li huma meħtieġa għall-produzzjoni ta’ oġġetti tat-titanju meħtieġa fl-industrija tal-ajrunawtika, li għalihom ma tkun disponibbli l-ebda provvista alternattiva.

6b.   B’deroga mill-paragrafu 4, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, bil-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-forniment ta’ assistenza teknika, relatata mal-użu tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta’ tali assistenza teknika hija meħtieġa biex tiġi evitata kolliżjoni bejn satelliti, jew id-dħul mill-ġdid mhux intenzjonat tagħhom fl-atmosfera.”

;

(d)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“7a.   B’deroga mill-paragrafu 1a, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja ta’ oġġetti u teknoloġija adatti għall-użu fl-avjazzjoni jew fl-industrija spazjali msemmija fil-paragrafu 1, wara li jkunu ddeterminaw li dawn l-oġġetti jew it-teknoloġija huma maħsuba għall-finijiet stipulati fil-paragrafi 6a, 6b u 7.

7b.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, jekk l-oġġetti jkunu maħsuba għall-użu esklużiv u taħt il-kontroll sħiħ tal-Istat Membru tal-awtorizzazzjoni u sabiex jissodisfa l-obbligi ta’ manutenzjoni tiegħu f’żoni li huma taħt ftehim ta’ kiri fit-tul bejn dak l-Istat Membru u l-Belarussja.”

;

(14)

l-Artikolu 2z,huwa emendat kif ġej:

(a)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 għandha tapplika għat-trasport ta’ oġġetti fit-territorju tal-Unjoni minn impriżi tat-trasport bit-triq, imwettaq permezz ta’ trejlers jew semitrejlers irreġistrati fil-Belarussja, inkluż jekk dawk it-trejlers jew is-semitrejlers jinġibdu minn trakkijiet irreġistrati f’pajjiżi oħra.

1b.   Għandu jkun ipprojbit li kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fl-Unjoni li 25 % minnu jew aktar ikun proprjetà ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Belarussu jiġi ammess biex isir impriża tat-trasport bit-triq li tittrasporta merkanzija bit-triq fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fi tranżitu.

1c.   Għandu jkun ipprojbit, mit-2 ta’ Awwissu 2024 għal kwalunkwe impriża tat-trasport bit-triq stabbilita fl-Unjoni wara t-8 ta’ April 2022, li 25 % minnha jew aktar tkun il-proprjetà ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Belarussu li tittrasporta merkanzija bit-triq fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fi tranżitu.

1d.   L-impriżi tat-trasport bit-triq stabbiliti fl-Unjoni għandhom, fuq talba tal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti, jipprovdu informazzjoni dwar l-istruttura tas-sjieda tagħhom lil dik l-awtorità nazzjonali kompetenti.”

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-paragrafi 1b u 1c ma għandhomx japplikaw għal impriżi tat-trasport bit-triq stabbiliti fl-Unjoni li 25 % minnhom jew aktar ikunu proprjetà ta’ ċittadini Belarussi li huma wkoll ċittadini ta’ Stat Membru jew li għandhom permess ta’ residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru.”

;

(c)

paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 1a, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw it-trasport ta’ oġġetti minn impriża tat-trasport bit-triq stabbilita fil-Belarussja jew kwalunkwe impriża tat-trasport bit-triq meta jinġarru permezz ta’ trejlers jew semitrejlers irreġistrati fil-Belarussja, inkluż jekk dawk it-trejlers jew is-semitrejlers jinġibdu minn trakkijiet irreġistrati f’pajjiżi oħra, jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw li dak it-trasport huwa meħtieġ għal:”

;

(ii)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

il-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari fil-Belarussja, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fil-Belarussja li jgawdu immunitajiet f’konformità mal-liġi internazzjonali;”

;

(15)

l-Artikolu 4(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jiffaċilitaw il-ksur tal-projbizzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni jew li b’xi mod ieħor ifixklu b’mod sinifikanti dawk id-dispożizzjonijiet;”

;

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà ta’ persuni, entitajiet jew korpi li jaqgħu taħt il-punti (a) sa (d),;

(f)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati mal-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punti (b), (c) jew (d).”

;

(16)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 5a

B’deroga mill-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I, jew il-forniment ta’ servizzi lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, skont dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa u wara li jkunu ddeterminaw li dan huwa strettament meħtieġ għall-istabbiliment, iċ-ċertifikazzjoni jew l-evalwazzjoni ta’ firewall li:

(a)

ineħħi l-kontroll ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I fuq l-assi ta’ persuna ġuridika, entità jew korp mhux elenkat, inkorporat jew kostitwit skont il-liġi ta’ Stat Membru u li jkunu proprjetà ta’, jew ikkontrollati minn, dik tal-ewwel; u

(b)

jiżgura li l-ebda fond jew riżorsa ekonomika ulterjuri ma jakkumulaw għall-benefiċċju tal-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati.

Artikolu 5b

1.   B’deroga mill-Artikoli 1b, 2c, 2d, 2db, 2e, 2ea, 2ec, 2s u 2sa, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment ta’ oġġetti u teknoloġiji elenkati fl-Annessi Va, VI, XIV, XVII, XVIII, XX, XXIV, u XXV tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 sal-31 ta’ Diċembru 2024, fejn tali bejgħ, forniment jew trasferiment ikun strettament meħtieġ għall-iżvestiment mill-Belarussja jew għall-istralċ ta’ attivitajiet kummerċjali fil-Belarussja, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-oġġetti u t-teknoloġiji jkunu proprjetà ta’ ċittadin ta’ Stat Membru jew ta’ persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru jew ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fil-Belarussja li huma proprjetà ta’, jew ikkontrollati kompletament jew b’mod konġunt minn, persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru; u

(b)

l-awtoritajiet kompetenti li jiddeċiedu dwar talbiet għal awtorizzazzjonijiet ma jkollhom l-ebda bażi raġonevoli biex jemmnu li l-oġġetti u t-teknoloġiji jistgħu jkunu għal utent aħħari militari jew ikollhom użu aħħari militari fil-Belarussja; u

(c)

l-oġġetti u t-teknoloġiji kkonċernati kienu jinsabu fiżikament fil-Belarussja qabel ma daħlu fis-seħħ il-projbizzjonijiet rilevanti fl-Artikoli 1b, 2c, 2d, 2db, 2e, 2ea, 2ec, 2s u 2sa fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġiji.

2.   B’deroga mill-Artikolu 2f, sa fejn għandhom x’jaqsmu prodotti minerali, u mill-Artikoli 2o, 2p, 2q, 2r, 2ra u 2rb, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni jew it-trasferiment tal-oġġetti elenkati fl-Annessi VII, X, XI, XII, XIII, XXI, XXII, u XXVII tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 sal-31 ta’ Diċembru 2024, fejn tali importazzjoni jew trasferiment ikun strettament meħtieġ għall-iżvestiment mill-Belarussja jew għall-istralċ ta’ attivitajiet kummerċjali fil-Belarussja, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-oġġetti jkunu proprjetà ta’ ċittadin ta’ Stat Membru jew ta’ persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru jew ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fil-Belarussja li huma proprjetà ta’, jew ikkontrollati b’mod uniku jew konġunt minn, persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru; u

(b)

l-oġġetti kkonċernati kienu jinsabu fiżikament fil-Belarussja qabel ma l-projbizzjonijiet rilevanti fl-Artikolu 2f, sa fejn għandhom x’jaqsmu l-prodotti minerali, jew fl-Artikoli 2o, 2p, 2q, 2r, 2ra u 2rb, daħlu fis-seħħ fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti.

3.   B’deroga mill-Artikolu 2hc, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-kontinwazzjoni tal-forniment tas-servizzi elenkati fih sal-31 ta’ Diċembru 2024 meta tali forniment ta’ servizzi jkun strettament neċessarju għall-iżvestiment mill-Belrussja jew l-istralċ ta’ attivitajiet kummerċjali fil-Belrussja, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tali servizzi huma pprovduti għall-benefiċċju esklużiv tal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi li jirriżultaw mill-iżvestiment; u

(b)

l-awtoritajiet kompetenti li jiddeċiedu dwar talbiet għal awtorizzazzjonijiet ma jkollhom l-ebda raġuni raġonevoli biex jemmnu li s-servizzi jistgħu jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, lill-Gvern tal-Belarussja jew lil utent finali militari jew ikollhom użu finali militari fil-Belarussja;

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 1, 2 jew 3 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 5c

1.   Għall-finijiet tal-projbizzjonijiet tal-importazzjoni tal-oġġetti previsti f’din id-Deċiżjoni, l-oġġetti fiżikament fl-Unjoni jistgħu jiġu rilaxxati, kif previst fl-Artikolu 5, il-punt (26), tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (*2), mill-awtoritajiet doganali dment li dawn ikunu ġew ippreżentati lid-dogana f’konformità mal-Artikolu 134 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni qabel id-dħul fis-seħħ jew id-data ta’ applikazzjoni tal-projbizzjonijiet tal-importazzjoni rispettivi, skont liema tkun l-aktar reċenti.

2.   Il-passi proċedurali kollha meħtieġa għar-rilaxx imsemmi fil-paragrafi 1 u 5 tal-oġġetti rilevanti skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhom ikunu permessi.

3.   L-awtoritajiet doganali ma għandhomx jippermettu r-rilaxx tal-oġġetti jekk ikollhom bażi raġonevoli biex jissuspettaw ċirkomvenzjoni u ma għandhomx jawtorizzaw l-esportazzjoni mill-ġdid tal-oġġetti lejn il-Belarussja.

4.   Il-ħlasijiet relatati ma’ tali oġġetti għandhom ikunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet u l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari l-projbizzjoni fuq ix-xiri.

5.   L-oġġetti fiżikament fl-Unjoni u ppreżentati lid-dogana qabel l-1 ta’ Lulju 2024 li twaqqfu skont l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jistgħu jiġu rilaxxati mill--awtoritajiet doganali skont il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 sa 4.

Artikolu 5d

1.   Meta jbigħu, ifornu, jittrasferixxu jew jesportaw lejn pajjiż terz, bl-eċċezzjoni ta’ pajjiżi elenkati fl-Anness IVa, oġġetti jew teknoloġija kif elenkat fl-Annessi XVI, XVII, XXVIII tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, oġġetti komuni ta’ prijorità għolja kif elenkat fl-Anness XXX tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, jew armi tan-nar u munizzjon kif elenkat fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 258/2012, l-esportaturi għandhom jipprojbixxu kuntrattwalment l-esportazzjoni mill-ġdid lejn il-Belarussja u l-esportazzjoni mill-ġdid għall-użu fil-Belarussja.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal:

(a)

l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti relatati ma’ oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8457 10, 8458 11, 8458 91, 8459 61, 8466 93, kif elenkati fl-Anness XXX għar-Regolament (KE) Nru 765/2006;

(b)

l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Lulju 2024 sad-data tal-iskadenza tagħhom.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal kuntratti pubbliċi konklużi ma’ awtorità pubblika f’pajjiż terz jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali.

4.   L-esportaturi għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma residenti jew stabbiliti bi kwalunkwe kuntratt pubbliku li kkonkludew li bbenefikaw mill-eżenzjoni skont il-paragrafu 3, fi żmien ġimagħtejn mill-konklużjoni tiegħu. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni riċevuta skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċeviha.

5.   B’applikazzjoni tal-paragrafu 1, esportaturi għandhom jiżguraw li l-ftehim mal-kontroparti ta’ pajjiż terz ikun fih rimedji adegwati f’każ ta’ ksur ta’ obbligu kuntrattwali konkluż f’konformità mal-paragrafu 1.

6.   Jekk il-kontroparti tal-pajjiż terz tikser kwalunkwe wieħed mill-obbligi kuntrattwali konklużi f’konformità mal-paragrafu 1, l-esportaturi għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma residenti jew stabbiliti hekk kif isiru jafu b’dak il-ksur.

7.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar każijiet identifikati ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni ta’ obbligu kuntrattwali konkluż f’konformità mal-paragrafu 1.

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).”;"

(17)

fl-Artikolu 6a, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar, l-awtoritajiet doganali fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-awtoritajiet kompetenti fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) u d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5), kif ukoll l-amministraturi tar-reġistri uffiċjali fejn persuni fiżiċi, persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi kif ukoll proprjetà immobbli jew mobbli huma rreġistrati, għandhom jipproċessaw u jiskambjaw mingħajr dewmien informazzjoni, inkluża data personali u, jekk meħtieġ, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6b, ma’ awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istat Membru tagħhom, ta’ Stati Membri oħra u l-Kummissjoni, jekk tali pproċessar u skambju jkun meħtieġ biex jitwettqu l-kompiti tal-awtorità tal-ipproċessar jew tal-awtorità riċeventi skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari meta jidentifikaw każijiet ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni, jew tentattivi ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet ġudizzjarji.

(*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1)."

(*4)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE ( ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73)."

(*5)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE ( ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349). ”; "

(18)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 6b

1.   B’mod konsistenti mar-rispett għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom iggarantiti fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, fejn applikabbli, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet ġudizzjarji, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)

jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma residenti jew fejn jinsabu fi żmien ġimagħtejn mill-kisba ta’ din l-informazzjoni; u

(b)

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti f’kwalunkwe verifika ta’ din l-informazzjoni.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom għandha tinkludi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet relatati mal-pariri legali pprovduti minn professjonisti ċċertifikati oħrajn li huma awtorizzati skont il-liġi nazzjonali biex jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fi proċedimenti ġudizzjarji, sakemm tali parir legali jiġi pprovdut b’konnessjoni ma’ proċedimenti ġudizzjarji pendenti jew prospettivi.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jirċievi skont il-paragrafu 1 fi żmien xahar minn meta jirċeviha. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jittrażmetti tali informazzjoni f’forma anonimizzata jekk awtorità investigattiva jew ġudizzjarja tkun iddikjaratha kunfidenzjali fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali pendenti jew proċedimenti ġudizzjarji kriminali.

4.   Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali riċevuta direttament mill-Kummissjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

5.   Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta jew riċevuta.”

;

(19)

L-Annessi huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/356 tat-2 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 67, 2.3.2022, p. 103).


ANNESS

Fl-Annessi għad-Deċiżjoni 2012/642/PESK, jiddaħħal l-Anness li ġej:

“ANNESS IVa

LISTA TA’ PAJJIŻI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 5f

IN-NORVEĠJA

L-IŻVIZZERA

L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA

IL-ĠAPPUN

IR-RENJU UNIT

IL-KOREA T’ISFEL

L-AWSTRALJA

IL-KANADA

NEW ZEALAND

IL-LIECHTENSTEIN

L-IŻLANDA”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1864/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top