Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1074

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1074 tat-12 ta’ April 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

ST/7948/2024/INIT

ĠU L, 2024/1074, 12.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1074/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1074/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1074

12.4.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1074

tat-12 ta’ April 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999.

(2)

Fit-8 ta’ Diċembru 2020, fid-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom lejn il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jenfasizza d-determinazzjoni tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar ta’ ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Il-kisba tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem minn kulħadd hija għan strateġiku tal-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni u tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill esprima tħassib dwar l-effett sproporzjonat li l-konflitti armati għadhom qed ikollhom fuq in-nisa u l-bniet madwar id-dinja, kif ukoll il-prevalenza tal-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru inkluż il-vjolenza sesswali b’rabta mal-konflitt, offline u online. Huwa impenja ruħu għat-tisħiħ tal-isforzi biex tiġi miġġielda din il-vjolenza sabiex tiġi żgurata responsabbiltà sħiħa u biex tiġi miġġielda l-impunità. Barra minn hekk, fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill kien enfasizza li l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ din il-vjolenza jeħtieġu politiki koordinati fil-livelli rilevanti kollha u approċċ komprensiv li jkollu fil-mira l-kwistjonijiet ewlenin ta’ prevenzjoni, sottorapportar, ħarsien, appoġġ għall-vittmi u prosekuzzjoni tal-awturi tar-reati, kif ukoll miżuri oħra. L-użu strateġiku ta’ miżuri restrittivi jsaħħaħ dan l-approċċ billi jżid il-pressjoni biex jiġu evitati aktar ksur u abbużi u, f’koordinazzjoni ma’ strumenti oħra tal-Unjoni fis-sett ta’ għodod b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem, jiġbed l-attenzjoni għal dak il-ksur u l-abbużi u għal dawk responsabbli.

(4)

Fis-7 ta’ Ottubru 2023, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea dwar l-attakki kontra Iżrael, li tikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-attakki multipli u indiskriminati f’Iżrael mill-Ħamas u tiddeplora profondament it-telf ta’ ħajjiet.

(5)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 u s-27 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Ewropew tenna l-kundanna tiegħu bl-aktar mod qawwi possibbli tal-Ħamas għall-attakki terroristiċi brutali u indiskriminati tiegħu f’Iżrael.

(6)

F’dak il-kuntest, jenħtieġ li tliet entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi stipulati fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ April 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

V. VAN PETEGHEM


(1)   ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 13.


ANNESS

L-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi taħt l-intestatura B. “Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi” fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“24.

Al-Quds Brigades

magħrufa wkoll bħala Sarāyā al-Quds

سرايا القدس

(Ortografija Għarbija)

Reġjuni attivi: L-Istrixxa ta’ Gaża, ix-Xatt tal-Punent, in-Nofsinhar tal-Libanu

Al-Quds Brigades huma l-fergħa armata tal-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina (PIJ), organizzazzjoni terroristika li hija soġġetta għal miżuri restrittivi tal-Unjoni.

Fis-7 ta’ Ottubru 2023, il-ġellieda ta’ Al-Quds Brigades wettqu flimkien mal-Ħamas, attakki terroristiċi brutali u indiskriminati f’Iżrael. B’dan il-mod, huma wettqu wkoll vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru b’mod mifrux u sistematiku, billi użawha bħala arma tal-gwerra.

B’mod partikolari, ġellieda ta’ Al-Quds Brigades kienu involuti f’attakki fuq kibbutzim bħal Kfar Aza u Nahal Oz, fejn twettqu forom gravi ta’ vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru inkluż stupru, qtil ta’ trabi bniet u l-ħtif immirat ta’ nisa u bniet.

Għalhekk, Al-Quds Brigades huma responsabbli għal abbużi jew ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru b’mod mifrux u sistematiku, li hija wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif jinsabu fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

12.4.2024

25.

Nukhba Force

magħrufa wkoll bħala Al-Nukhba

نخبة

(Ortografija Għarbija)

Reġjuni attivi: L-Istrixxa ta’ Gaża, ix-Xatt tal-Punent, in-Nofsinhar tal-Libanu

Nukhba Force hija unità tal-forzi speċjali tal-organizzazzjoni terroristika Ħamas li hija soġġetta għal miżuri restrittivi tal-Unjoni.

Fis-7 ta’ Ottubru 2023, il-ġellieda ta’ Nukhba Force wettqu attakki terroristiċi brutali u indiskriminati madwar Iżrael. B’dan il-mod, huma wettqu wkoll vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru b’mod mifrux u sistematiku, billi użawha bħala arma tal-gwerra.

B’mod partikolari, ġellieda ta’ Nukhba Force infiltraw, fost l-oħrajn, Kibbutz Kfar Aza u niżlu permezz ta’ paraxut fil-festival mużikali Re’im (Nova). Fiż-żewġ postijiet, il-ġellieda ta’ Nukhba Force wettqu vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru b’mod mifrux u sistematiku, inkluż l-istupru u l-qtil sussegwenti ta’ minuri nisa, il-mutilazzjoni tal-katavri kif ukoll il-mutilazzjoni ġenitali.

Għalhekk, Nukhba Force hija responsabbli għal abbużi jew ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru b’mod mifrux u sistematiku, li hija wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif jinsabu fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

12.4.2024

26.

Qassam Brigades

magħrufa wkoll bħala Izz ad-Din al-Qassam Brigades; AQB

 

Reġjuni attivi: L-Istrixxa ta’ Gaża, ix-Xatt tal-Punent, in-Nofsinhar tal-Libanu

Qassam Brigades huma l-fergħa militari tal-Organizzazzjoni terroristika tal-Ħamas li hija soġġetta għal miżuri restrittivi tal-Unjoni.

Fis-7 ta’ Ottubru 2023, il-ġellieda ta’ Qassam Brigades wettqu attakki terroristiċi brutali u indiskriminati f’Iżrael. B’dan il-mod, huma wettqu wkoll vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru b’mod mifruxa u sistematiku, billi użawha bħala arma tal-gwerra, inkluż l-abbuż sesswali ta’ minuri u katavri, mutilazzjonijiet ġenitali u l-ħtif immirat ta’ nisa u bniet.

Għalhekk, Qassam Brigades huma responsabbli għal abbużi jew ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru b’mod mifrux u sistematiku, li hija wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif jinsabu fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

12.4.2024”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1074/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top