Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0528

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/528 tas-6 ta’ Frar 2024 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-integrazzjoni fil-VIS tal-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u t-tabella tan-notifiki msemmija fl-Artikolu 5a(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament

    C/2024/647

    ĠU L, 2024/528, 9.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/528/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/528/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/528

    9.2.2024

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/528

    tas-6 ta’ Frar 2024

    li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-integrazzjoni fil-VIS tal-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u t-tabella tan-notifiki msemmija fl-Artikolu 5a(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir, viżi għal soġġorn twil u permessi ta’ residenza (ir-Regolament VIS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5a(3) tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat għall-Fruntieri Intelliġenti,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 5a(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, il-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jiġu approvati b’viża, kif stabbilit fid-Deċiżjoni 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (il-“lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar”), flimkien man-notifika tar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar elenkati (it-“tabella ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar”), għandhom jiġu integrati fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS).

    (2)

    Skont l-istess dispożizzjoni, il-VIS għandha tipprovdi l-funzjonalità għall-ġestjoni ċentralizzata tat-tabella tan-notifiki tar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar elenkati skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1105/2011/UE.

    (3)

    Il-konsultazzjoni tal-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, flimkien man-notifiki tar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar elenkati, hija element obbligatorju tal-proċedura ta’ eżami tal-viża għal soġġorn qasir. Tali konsultazzjoni permezz tal-VIS tippermetti l-verifika awtomatika tar-rikonoxximent tad-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikant.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 1105/2011/UE, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti għar-rikonoxximent ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar għall-fini tal-ħruġ ta’ viża u li jippermettu lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni

    (5)

    Skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE, il-Kummissjoni għandha tibqa’ responsabbli għall-aġġornament tal-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar. L-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli biex jinnotifikaw il-pożizzjoni tagħhom dwar ir-rikonoxximent u n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ tali dokumenti. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jinnotifikaw u jaġġornaw direttament il-pożizzjoni l-ġdida tagħhom dwar l-istatus ta’ rikonoxximent fuq dokument tal-ivvjaġġar magħżul u jeditjaw it-tabella tan-notifiki tar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar elenkati, kif integrati fil-VIS, li konsegwentement jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-Istati Membri u għall-pubbliku permezz ta’ pubblikazzjoni elettronika aġġornata regolarment.

    (6)

    Sabiex taġġorna lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe notifika tal-Istati Membri li tirrigwarda t-tabella ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, jenħtieġ li kull ġimagħtejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) tislet mill-VIS it-tabella tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tipprovdiha lill-Kummissjoni f’format elettroniku.

    (7)

    L-integrazzjoni tal-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u n-notifiki tar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar elenkati fil-VIS tiżgura wkoll li l-VIS, wara pproċessar awtomatiku tal-fajls tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 9a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, awtomatikament tibgħat lura riżultat dwar l-istatus ta’ rikonoxximent tad-dokument tal-ivvjaġġar, u b’hekk tiffaċilita l-eżami ta’ [u d-deċiżjoni dwar] applikazzjoni. Il-proċedura attwali tal-viża tittejjeb minħabba li tevita li Stat Membru joħroġ viża uniformi għal soġġorn qasir għal dokument tal-ivvjaġġar mhux rikonoxxut u l-kumplikazzjoni konsegwenti għal vjaġġatur li jasal fi Stat Membru ieħor li ma jirrikonoxxix id-dokument tal-ivvjaġġar inkwistjoni.

    (8)

    Il-ħidma fil-konsulati jew l-awtoritajiet ċentrali u l-awtoritajiet tal-fruntieri se tiġi ffaċilitata peress li din il-funzjonalità turi awtomatikament fil-livell ċentrali jekk dokument tal-ivvjaġġar magħżul huwiex rikonoxxut, mhux rikonoxxut jew jekk il-kundizzjonijiet relatati mar-rikonoxximent japplikawx, wara pproċessar awtomatiku tal-fajls ta’ applikazzjoni mill-VIS.

    (9)

    Sabiex jiġi ffaċilitat l-eżami ta’ dokument tal-ivvjaġġar mill-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri u mill-persunal konsulari, l-eu-LISA u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jenħtieġ li jistabbilixxu konnessjoni bejn it-tabella tan-notifiki tar-rikonoxximent jew tan-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar elenkati, kif integrata fil-VIS, u s-sistema l-ġdida tad-Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO) stabbilita bir-Regolament (UE) 2020/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ladarba tkun operazzjonali u jkun fiha immaġnijiet u informazzjoni oħra dwar dokumenti foloz u awtentiċi. Jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda pproċessar ta’ data personali operazzjonali fis-sistema tal-FADO.

    (10)

    Minħabba li r-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1134 fid-dritt nazzjonali tagħha. Għalhekk id-Danimarka hija marbuta b’din id-Deċiżjoni.

    (11)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem (5). Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (12)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (6), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (7).

    (13)

    Rigward l-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8), li jaqgħu taħt l-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9).

    (14)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (11).

    (15)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 rispettivament.

    (16)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u ta opinjoni fid-9 ta’ Marzu 2022.

    (17)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Fruntieri Intelliġenti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ġestjoni tat-tabella tad-dokumenti tal-ivvjaġġar

    1.   L-eu-LISA għandha tintegra l-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jiġu approvati b’viża, kif stabbilit fid-Deċiżjoni 1105/2011/UE (“lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar”), flimkien man-notifika tar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dokumenti tal-ivvjaġġar elenkati (“tabella ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar”) fil-VIS.

    2.   L-eu-LISA għandha tiżgura li d-dokumenti elenkati fit-tabella tad-dokumenti tal-ivvjaġġar integrati fil-VIS, kif imsemmi fil-paragrafu 1, jikkorrispondu mal-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar stabbilita fid-Deċiżjoni 1105/2011/UE.

    3.   L-eu-LISA għandha tiżgura l-ġestjoni ċentrali tat-tabella tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.

    4.   L-Istati Membri għandhom jaġġornaw mingħajr dewmien il-pożizzjoni l-ġdida tagħhom dwar l-istatus ta’ rikonoxximent fuq dokument tal-ivvjaġġar magħżul billi jeditjaw it-tabella tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, direttament fil-VIS.

    5.   Kull ġimagħtejn l-eu-LISA għandha tislet mill-VIS it-tabella tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tipprovdiha lill-Kummissjoni f’format elettroniku.

    6.   L-informazzjoni fit-tabella tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, kif integrata fil-VIS, għandha tkun disponibbli wkoll għall-Istati Membri u għall-pubbliku f’pubblikazzjoni elettronika aġġornata regolarment.

    Artikolu 2

    Konnessjoni mas-Sistema Online ta’ Dokumenti Foloz u Awtentiċi

    L-eu-LISA u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom jistabbilixxu konnessjoni bejn it-tabella tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, kif integrata fil-VIS, u s-sistema l-ġdida tad-Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO), ladarba tkun operazzjonali f’konformità mar-Regolament (UE) 2020/493, rigward immaġnijiet u informazzjoni oħra dwar dokumenti foloz u awtentiċi.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandha tapplika mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-VIS skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1134.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Frar 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.

    (2)  Id-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b’viża u dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-istabbiliment ta’ din il-lista (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 9).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2020/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 dwar is-sistema tad-Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO) u li jħassar l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/700/ĠAI (ĠU L 107, 6.4.2020, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (KE) Nru 810/2009, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 11).

    (5)  Din id-Deċiżjoni taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (6)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (8)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (10)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

    (12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/528/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top