 
                This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D0441
Commission Implementing Decision (EU) 2024/441 of 24 January 2024 on the request for registration, pursuant to Regulation (EU) 2019/788 of the European Parliament and of the Council, of the European citizens’ initiative entitled European Citizens’ Initiative in Defence of Agriculture and Rural Economy in Europe (notified under document C(2024) 489)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/441 tal-24 ta’ Jannar 2024 dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fid-Difiża tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fl-Ewropa (notifikata bid-dokument C(2024) 489)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/441 tal-24 ta’ Jannar 2024 dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fid-Difiża tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fl-Ewropa (notifikata bid-dokument C(2024) 489)
C/2024/489
ĠU L, 2024/441, 5.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/441/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
            
                In force
            In force
|   | Il-Ġurnal Uffiċjali  | MT Serje L | 
| 2024/441 | 5.2.2024 | 
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/441
tal-24 ta’ Jannar 2024
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fid-Difiża tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fl-Ewropa”
(notifikata bid-dokument C(2024) 489)
(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,
Billi:
| (1) | Fl-4 ta’ Diċembru 2023 ġiet ippreżentata talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fid-Difiża tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fl-Ewropa” lill-Kummissjoni. | 
| (2) | L-għanijiet tal-inizjattiva kif espressi mill-organizzaturi huma maqsumin fi tliet objettivi. Permezz tal-ewwel objettiv, “Protezzjoni tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali Ewropea b’qafas regolatorju integrali”, l-organizzaturi jappellaw għal “qafas leġiżlattiv ġdid u protettiv” li jdur madwar: “l-użu prijoritarju tal-art agrikola għall-produzzjoni tal-ikel”; il-garanzija ta’ “sovranità u sigurtà tal-ikel”; “l-indirizzar ta’ kwistjonijiet tal-katina alimentari u prezzijiet għoljin”; l-iżgurar ta’ “aċċess tal-bdiewa u l-komunitajiet rurali għall-infrastruttura u t-trasport, il-finanzjament, id-diġitalizzazzjoni, ix-xogħol, l-intraprenditorija u l-edukazzjoni.” It-tieni objettiv, “Titjib tal-ġestjoni tal-ilma biex tiġi appoġġjata s-sigurtà tal-ikel u stabbiliment ta’ Pjan Idroloġiku Ewropew”, jirrikjedi “Pjan Idroloġiku Ewropew li jiggarantixxi l-provvista u d-distribuzzjoni tal-ilma bejn it-territorji kollha tal-Unjoni.” Permezz tat-tielet objettiv tal-inizjattiva, “Stabbiliment ta’ Aġenzija Ewropea għall-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali”, l-organizzaturi jsejħu għal “awtorità Ewropea permanenti” fil-forma ta’ “Aġenzija tal-UE jew Kumitat konsultattiv ta’ livell għoli li jagħmlu monitoraġġ u josservaw il-protezzjoni tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.” | 
| (3) | L-anness tal-inizjattiva jipprovdi dettalji ulterjuri dwar is-suġġett, l-objettivi u l-kuntest tal-inizjattiva. Fil-kuntest tal-ewwel objettiv tal-inizjattiva, l-organizzaturi jqisu li “l-politiki Ewropej mhux jirriżultaw fi strateġija sostenibbli u fit-tul għall-bdiewa Ewropej” u li l-produzzjoni agrikola u l-art rurali “jbatu minn movimenti spekulattivi” li “jġiegħlu lill-bdiewa jibdlu l-art agrikola b’industriji oħrajn li ma jservux l-objettiv tas-sigurtà tal-ikel.” Fir-rigward tat-tieni objettiv tal-inizjattiva, l-anness jispjega li “l-ilma u l-ħamrija sani u rikki huma essenzjali għall-ekonomija rurali” u jiddikjara li d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)“ma wasslitx għar-riżultati mixtieqa bit-tentattiv tagħha li tirrikjedi li l-Istati Membri jinvestu fi xmajjar, għadajjar, estwarji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art nodfa.” Għat-tielet objettiv tal-inizjattiva, l-anness jiddikjara li l-istabbiliment ta’ “awtorità Ewropea permanenti” li topera “bħala korp konsultattiv bid-dritt għal opinjoni fil-politiki u d-dossiers leġiżlattivi li jaffettwaw l-agrikoltura u l-ekonomija rurali jiżguraw li jiġu osservati d-drittijiet u l-interessi tal-agrikoltura u tal-ekonomija rurali” fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni. | 
| (4) | Ġie ppreżentat ukoll dokument addizzjonali li jipprovdi analiżi tal-azzjonijiet proposti mill-grupp ta’ organizzaturi bħala parti mit-talba ta’ reġistrazzjoni tagħhom. | 
| (5) | Fir-rigward tal-ewwel u t-tielet objettivi tal-inizjattiva, il-Kummissjoni tista’ tadotta proposta għall-“Protezzjoni tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali Ewropej b’qafas regolatorju integrali” u għall-“Istabbiliment ta’ Aġenzija Ewropea għall-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali” abbażi tal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-politika agrikola komuni. | 
| (6) | Fir-rigward tat-tieni objettiv tal-inizjattiva, li jitlob it-titjib tal-“ġestjoni tal-ilma b’appoġġ għas-sigurtà tal-ikel” u l-istabbiliment ta’ “Pjan Idroloġiku Ewropew li jiggarantixxi l-provvista u d-distribuzzjoni tal-ilma bejn it-territorji kollha tal-Unjoni”, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposti għal atti legali abbażi tal-Artikolu 192 tat-TFUE, sa fejn dawn il-proposti jistgħu jitqiesu li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 191 tat-TFUE. | 
| (7) | Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. | 
| (8) | Din il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ. | 
| (9) | Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. | 
| (10) | L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. | 
| (11) | Għaldaqstant, jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata “Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fid-Difiża tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fl-Ewropa” tiġi rreġistrata. | 
| (12) | Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni, | 
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva intitolata “Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fid-Difiża tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fl-Ewropa” għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fid-Difiża tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fl-Ewropa”, irrappreżentat minn Natalia CORBALAN ROMERA u Adolfo GARCÍA ALBALADEJO li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2024.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj?locale=mt
(2) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/60/2014-11-20?locale=mt).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/441/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)