Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0224

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/224 tal-10 ta’ Jannar 2024 dwar l-istandards armonizzati għat-tagħmir li jaħraq karburanti gassużi abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2024/26

ĠU L, 2024/224, 12.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/224/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/12/2024; Imħassar b' 32024D2944

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/224/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/224

12.1.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/224

tal-10 ta’ Jannar 2024

dwar l-istandards armonizzati għat-tagħmir li jaħraq karburanti gassużi abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), it-tagħmir u l-fittings li jkunu f’konformità mal-istandards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti li huma konformi mar-rekwiżiti essenzjali koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(2)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 4789 (3) (“it-talba”), il-Kummissjoni ressqet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati eżistenti abbozzati abbażi tal-mandat ta’ standardizzazzjoni M/BC/CEN/06-89 tad-29 ta’ April 1990 biex jiġi żgurat li dawn ikomplu jirriflettu l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku ġeneralment rikonoxxut sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426.

(3)

Abbażi tat-talba, is-CEN abbozza l-istandards armonizzati l-ġodda EN 30-1-1:2021 dwar is-sikurezza ġenerali għall-apparati domestiċi tat-tisjir li jaħarqu l-gass u EN 30-1-2:2023 dwar is-sikurezza għal apparati bi fran tal-konvezzjoni furzata. Is-CEN abbozza wkoll l-istandards li ġejjin dwar it-tagħmir tal-catering li jissaħħan bil-gass: EN 203-1:2021 dwar rekwiżiti ġenerali tas-sikurezza, EN 203-2-1:2021 dwar rekwiżiti speċifiċi għall-berners miftuħa u berners tal-woks, EN 203-2-2:2021 dwar rekwiżiti speċifiċi għall-fran, EN 203-2-4:2021 dwar rekwiżiti speċifiċi għall-magni tal-qali. Barra minn hekk, is-CEN abbozza l-istandards armonizzati EN 549:2019+A1:2023 dwar materjali tal-lastiku għas-siġilli u d-dijaframmi għal apparati tal-gass u għal tagħmir tal-gass, EN 751-3:2022 dwar tejps tal-PTFE mhux sinterizzati u kordi tal-PTFE fuq materjali tal-issiġillar għal ġonot metalliċi bil-kamin f’kuntatt ma’ gassijiet tal-ewwel, it-tieni u t-tielet familja u mal-ilma sħun, EN 15502-1:2021 dwar ir-rekwiżiti ġenerali u t-testijiet għall-bojlers tat-tisħin li jaħdmu bil-gass u EN 16898:2022 dwar filtri tal-gass bi pressjoni operattiva massima sa, u inkluż, 600 kPa.

(4)

Abbażi tat-talba, is-CEN abbozza wkoll l-istandards armonizzati li ġejjin: EN 88-1:2022 dwar regolaturi tal-pressjoni għal pressjonijiet fil-bokka sa, u inkluż, 50 kPa, EN 257:2022 dwar termostati mekkaniċi għal apparati li jaħarqu l-gass, EN 1106:2022 dwar viti li jitħaddmu b’mod manwali għal apparati li jaħarqu l-gass, EN 1854:2022 dwar apparati li jissensjaw il-pressjoni għall-berners tal-gass u apparati li jaħarqu l-gass u EN 15502-2-1:2022 dwar apparati tat-tip C u apparati tat-tip B2, B3 u B5 b’input termiku nominali li ma jaqbiżx 1 000 kW.

(5)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandards abbozzati mis-CEN jikkonformawx mat-talba.

(6)

Wara li eżaminat l-istandard EN 30-1-1:2021, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istandard jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punt 3.2.4 u fil-punt 3.4.4 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426, jiġifieri r-rekwiżiti li t-tagħmir iddisinjat u mibni biex jaħraq il-gass li jkun fih il-monossidu tal-karbonju jew komponenti tossiċi oħra ma jippreżentax periklu għas-saħħa tal-persuni u tal-annimali domestiċi esposti u li t-tagħmir għandu jiġi ddeżinjat u mibni b’tali mod li, meta jintuża normalment, ma jikkawżax konċentrazzjoni ta’ monossidu tal-karbonju jew ta’ sustanzi oħra ta’ ħsara għas-saħħa. Fir-rigward tar-rekwiżit stabbilit fil-punt 3.2.4 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426, l-istandard ma jkoprix b’mod suffiċjenti l-użu ta’ gass li fih il-monossidu tal-karbonju jew komponenti tossiċi oħra. Barra minn hekk, fir-rigward tar-rekwiżit stabbilit fil-punt 3.4.4 tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, jidher li l-istandard jissodisfa biss ir-rekwiżit għall-monossidu tal-karbonju iżda mhux għal konċentrazzjonijiet oħra ta’ ħsara ta’ sustanzi oħra li x’aktarx jippreżentaw periklu għas-saħħa.

(7)

L-istandards armonizzati abbozzati mis-CEN abbażi tat-talba, ħlief għall-istandard armonizzat EN 30-1-1:2021, jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426. Għalhekk, jixraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mar-referenzi ta’ kwalunkwe standard emendatorju jew ta’ korrezzjoni rilevanti għalihom. Minħabba li l-istandard EN 30-1-1:2021 jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punti 3.2.4 u 3.4.4 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426, jenħtieġ li jiġi ppubblikat b’restrizzjoni.

(8)

L-aħħar serje ta’ standards li jagħtu preżunzjoni ta’ konformità mad-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li ġiet sostitwita bir-Regolament (UE) 2016/426, ġiet ippubblikata bħala parti mill-Komunikazzjoni 2018/C 118/05 (5). Dik il-Komunikazzjoni skadiet fil-21 ta’ April 2018. Għalhekk, bħalissa ma hemm ebda standard armonizzat ppubblikat li jagħti preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426.

(9)

Fl-interessi taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’att uniku lista sħiħa ta’ referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/426 u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru.

(10)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza tat-tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għat-tagħmir li jaħraq karburanti gassużi abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/426 elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir li jaħraq karburanti gassużi u li jħassar id-Direttiva 2009/142/KE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/426/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 4789 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika rigward it-tagħmir u l-fittings tal-gass b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4)  Id-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 rigward tagħmir li juża l-gass (ĠU L 330, 16.12.2009, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/142/oj).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward tagħmir li juża l-gass (Pubblikazzjoni ta’ titli u referenzi ta’ standards armonizzati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni) (ĠU C 118, 4.4.2018, p. 4).


ANNESS

Nru

Referenza tal-istandard

1.

EN 30-1-1:2021

Apparati domestiċi tat-tisjir li jaħarqu l-gass - Parti 1-1: Sikurezza - Ġenerali

Restrizzjonijiet:

(a)

EN 30-1-1:2021 ma jkoprix ir-rekwiżit essenzjali stabbilit fil-punt 3.2.4 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426.

(b)

EN 30-1-1:2021 ikopri r-rekwiżit essenzjali stabbilit fil-punt 3.4.4 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426 fir-rigward tal-monossidu tal-karbonju iżda ma jkoprix dak ir-rekwiżit fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet oħra ta’ ħsara ta’ sustanzi li x’aktarx jippreżentaw periklu għas-saħħa.

2.

EN 30-1-2:2023

Apparati domestiċi tat-tisjir li jaħarqu l-gass - Parti 1-2: Sikurezza - Apparati bi fran tal-konvezzjoni furzata

3.

EN 88-1:2022

Apparati ta’ sigurtà u kontroll għal berners tal-gass u apparati li jaħarqu l-gass - Parti 1: Regolaturi tal-pressjoni għal pressjonijiet fil-bokka sa, u inkluż, 50 kPa

4.

EN 203-1:2021

Tagħmir tal-catering li jissaħħan bil-gass - Parti 1: Rekwiżiti ġenerali tas-sikurezza

5.

EN 203-2-1:2021

Tagħmir tal-catering li jissaħħan bil-gass - Parti 2-1: Rekwiżiti speċifiċi - berners miftuħa u berners tal-woks

6.

EN 203-2-2:2021

Tagħmir tal-catering li jissaħħan bil-gass - Parti 2-2: Rekwiżiti speċifiċi - Fran

7.

EN 203-2-4:2021

Tagħmir tal-catering li jissaħħan bil-gass - Parti 2-4: Rekwiżiti speċifiċi - Magni tal-qali

8.

EN 257:2022

Termostati mekkaniċi għal apparati li jaħarqu l-gass

9.

EN 549:2019+A1:2023

Materjali tal-lastiku għas-siġilli u d-dijaframmi għal apparati tal-gass u għal tagħmir tal-gass

10.

EN 751-3:2022

Materjali tal-issiġillar għal ġonot metalliċi bil-kamin f’kuntatt ma’ gassijiet tal-ewwel, it-tieni u t-tielet familja u mal-ilma sħun - Parti 3: Tejps tal-PTFE mhux sinterizzati u kordi tal-PTFE

11.

EN 1106:2022

Viti li jitħaddmu b’mod manwali għal apparati li jaħarqu l-gass

12.

EN 1854:2022

Apparati ta’ sigurtà u kontroll għal berners u apparati li jaħarqu karburanti gassużi u/jew likwidi - Apparati li jissensjaw il-pressjoni għall-berners tal-gass u apparati li jaħarqu l-gass

13.

EN 15502-1:2021

Bojlers tat-tisħin li jaħdmu bil-gass - Parti 1: Rekwiżiti ġenerali u testijiet

14.

EN 15502-2-1:2022

Bojlers tat-tisħin li jaħdmu bil-gass - Parti 2-1: Standard speċifiku għal apparati tat-tip C u apparati tat-tip B2, B3 u B5 b’input termiku nominali li ma jaqbiżx 1 000  kW

15.

EN 16898:2022

Apparati ta’ sigurtà u kontroll għal berners tal-gass u apparati li jaħarqu l-gass - Filtri tal-gass bi pressjoni operattiva massima sa, u inkluż, 600 kPa


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/224/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top