Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2411

    Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/1753 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    PE/31/2023/REV/1

    ĠU L, 2023/2411, 27.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2411/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2411/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2411

    27.10.2023

    REGOLAMENT (UE) 2023/2411 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-18 ta’ Ottubru 2023

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/1753

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 118, l-ewwel paragrafu u l-Artikolu 207(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Fl-10 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-politika dwar il-proprjetà intellettwali li jindikaw li kien lest li jikkunsidra l-introduzzjoni ta’ sistema għal protezzjoni speċifika tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti mhux agrikoli, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa tal-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali tagħha.

    (2)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-25 ta’ Novembru 2020 intitolata “Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE – Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE”, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tikkunsidra, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt, jekk għandhiex tipproponi sistema ta’ protezzjoni tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli.

    (3)

    Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’sostenn għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE, il-Parlament Ewropew enfasizza l-fatt li r-rikonoxximent tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti mhux agrikoli huwa rilevanti għall-prijoritajiet tal-programmi tal-Unjoni li attwalment qed jiġu żviluppati, filwaqt li enfasizza l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, protezzjoni effettiva u trasparenti fil-livell tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti mhux agrikoli, sabiex tallinja ruħha, fost l-oħrajn, mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (4) (“l-Att ta’ Ġinevra”) li jipprevedi l-possibbiltà li jiġu protetti l-indikazzjonijiet ġeografiċi kemm għall-prodotti agrikoli kif ukoll għal dawk mhux agrikoli.

    (4)

    Sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenza esklużiva tagħha fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni, u f’konformità sħiħa mal-impenji tagħha skont il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (il-”Ftehim TRIPS”) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), fis-26 ta’ Novembru 2019, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 (5), l-Unjoni aderiet mal-Att ta’ Ġinevra, li huwa amministrat mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO). L-Att ta’ Ġinevra joffri mezz biex tinkiseb il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, irrispettivament min-natura tal-oġġetti li għalihom japplikaw, u għalhekk jinkludi l-prodotti artiġjanali u industrijali. Sabiex tikkonforma b’mod sħiħ ma’ dawk l-obbligi internazzjonali, hija prijorità tal-Unjoni li tiżgura li jkun hemm rikonoxximent u protezzjoni uniformi fl-Unjoni kollha għall-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali.

    (5)

    Għal ħafna snin, il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ġiet stabbilita fil-livell tal-Unjoni għall-inbejjed (6) u x-xorb spirituż (7), kif ukoll għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel, inkluż l-inbejjed aromatizzati (8). Huwa xieraq li tiġi pprovduta protezzjoni tal-Unjoni għall-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni eżistenti, filwaqt li tiġi żgurata l-konverġenza. Dik il-protezzjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li tinkludi varjetà kbira ta’ prodotti artiġjanali u industrijali, bħal ġebel naturali, xogħol tal-injam, ġojjellerija, tessuti, bizzilla, pożati, ħġieġ, porċellana, u ġlud. L-introduzzjoni ta’ tali sistema għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali ġġib benefiċċji għall-konsumaturi, billi tqajjem kuxjenza fir-rigward tal-awtentiċità tal-prodotti. Ikollha wkoll impatt ekonomiku pożittiv fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs) billi ssaħħaħ il-kompetittività, u jkollha impatt pożittiv ġenerali fuq l-impjiegi, l-iżvilupp u t-turiżmu f’reġjuni rurali u inqas żviluppati. Barra minn hekk, sistema bħal din tiffaċilita wkoll l-aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi permezz ta’ ftehimiet kummerċjali mal-Unjoni u tikseb il-potenzjal sħiħ tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali.

    (6)

    Diversi Stati Membri għandhom sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali. Dawk is-sistemi jvarjaw f’termini ta’ ambitu ta’ protezzjoni, amministrazzjoni u tariffi, u ma joffrux protezzjoni lil hinn mit-territorju nazzjonali. Stati Membri oħra ma jipprevedux protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali fil-livell nazzjonali. Dak ix-xenarju fframmentat u kumpless ta’ diversi sistemi ta’ protezzjoni fil-livell tal-Istat Membru jista’ jirriżulta f’żieda fil-kostijiet u fl-inċertezza legali għall-produtturi u jkun diżinċentiv għall-investiment fis-snajja’ tradizzjonali fl-Unjoni. L-eżistenza ta’ sistema armonizzata ta’ protezzjoni tal-Unjoni hija essenzjali għall-ħolqien taċ-ċertezza legali meħtieġa għall-partijiet ikkonċernati kollha, u għall-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fir-rigward ta’ prodotti artiġjanali u industrijali, biex b’hekk l-Unjoni tkun tista’ tipproteġi aħjar l-interessi tagħha, inkluż fil-livell internazzjonali.

    (7)

    Il-produzzjoni ta’ prodotti b’attributi li huma marbuta b’mod qawwi ma’ żona ġeografika speċifika ħafna drabi tiddependi fuq l-għarfien lokali u spiss tkun ibbażata fuq l-użu ta’ metodi ta’ produzzjoni lokali li għandhom l-għeruq tagħhom fil-wirt kulturali u soċjali tar-reġjun ta’ oriġini ta’ tali prodotti. Il-protezzjoni effiċjenti tal-proprjetà intellettwali għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi għal aktar profittabbiltà u attraenza għall-professjonijiet tas-snajja’ tradizzjonali. Il-protezzjoni speċifika tal-indikazzjonijiet ġeografiċi hija rikonoxxuta sabiex jiġi ssalvagwardjat u żviluppat il-wirt kulturali fis-setturi agrikoli kif ukoll f’dawk artiġjanali u industrijali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri effiċjenti għar-reġistrazzjoni fil-livell tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali, li jqisu l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali. Is-sistema għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali prevista f’dan ir-Regolament jenħtieġ li tiżgura li t-tradizzjonijiet tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni jinżammu u jittejbu.

    (8)

    Il-protezzjoni uniformi madwar l-Unjoni għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-indikazzjonijiet ġeografiċi tista’ toħloq inċentivi għall-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità, tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni, tiżgura d-disponibbiltà wiesgħa ta’ prodotti ta’ kwalità għall-konsumaturi u tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ valur u sostenibbli, inkluż f’reġjuni rurali u inqas żviluppati, li jgħin ireġġa’ lura x-xejriet tad-depopolazzjoni. B’mod partikolari fid-dawl tal-potenzjal ta’ tali protezzjoni li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u b’ħiliet għolja f’reġjuni rurali u inqas żviluppati, jenħtieġ li l-produtturi jkollhom l-għan li joħolqu proporzjon sostanzjali tal-valur tal-prodott deżinjat b’indikazzjoni ġeografika fiż-żona ġeografika ddefinita. Ir-rekwiżiti li kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari ta’ prodott għandhom ikunu essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu u li l-prodott għandu joriġina f’żona ġeografika definita, kif stabbilit f’dan ir-Regolament, isaħħu l-fehim li proporzjon sostanzjali tal-valur tal-prodott deżinjat b’indikazzjoni ġeografika għandu jinħoloq ġewwa ż-żona ġeografika partikolari. Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jiżguraw li l-prodotti b’rabta qawwija maż-żona ġeografika biss jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni prevista f’dan ir-Regolament.

    (9)

    Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta għall-produtturi ta’ prodotti artiġjanali u industrijali fis-suq intern; li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom informazzjoni affidabbli dwar dawn il-prodotti; li jiġu ssalvagwardjati u żviluppati l-wirt kulturali u l-għarfien tradizzjonali; li jiġu żgurati li l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali jiġu rreġistrati b’mod effiċjenti, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak internazzjonali; li jiġu previsti kontrolli effettivi u infurzar fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali fis-suq intern kollu, inkluż fil-kummerċ elettroniku; u li tiġi stabbilita rabta mas-sistema internazzjonali ta’ reġistrazzjoni u protezzjoni bbażata fuq l-Att ta’ Ġinevra.

    (10)

    Il-kompiti assenjati b’dan ir-Regolament lill-awtoritajiet tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (“l-Uffiċċju”) jistgħu jirrikjedu l-ipproċessar ta’ data personali, b’mod partikolari meta jkun meħtieġ li jiġu identifikati l-applikanti fi proċeduri għar-reġistrazzjoni, għall-emendar tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jew għall-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni, l-avversarji, jew il-benefiċjarji ta’ perjodu tranżizzjonali mogħti b’deroga mill-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata. L-ipproċessar ta’ tali data personali huwa għalhekk meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku. Kwalunkwe pproċessar u pubblikazzjoni ta’ data personali riċevuta matul il-proċeduri skont dan ir-Regolament, pereżempju għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni, inkluż oppożizzjoni, emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni, kontrolli u l-għoti ta’ perjodu tranżizzjonali, jenħtieġ li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). F’dak il-kuntest, ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) iqiegħdu ċerti obbligi fuq l-Istati Membri, filwaqt li r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) iqiegħed ċerti obbligi fuq il-Kummissjoni u l-Uffiċċju. Meta l-Kummissjoni u l-Uffiċċju jiddeterminaw b’mod konġunt l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data, dawn jenħtieġ li jitqiesu bħala kontrolluri konġunti.

    (11)

    L-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali li għandhom kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari marbuta mal-post tal-produzzjoni tagħhom, jagħtu dritt kollettiv li jista’ jiġi eżerċitat mill-produtturi eliġibbli kollha f’żona ġeografika definita li huma lesti li jaderixxu ma’ speċifikazzjoni tal-prodott, f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-produtturi li jaġixxu kollettivament għandhom aktar saħħa fis-suq minn produtturi individwali u jistgħu jagħmlu użu minn sinerġiji meta jimmaniġġaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi tagħhom. L-indikazzjonijiet ġeografiċi jippremjaw lill-produtturi għall-isforzi tagħhom biex jipproduċu firxa varjata ta’ prodotti ta’ kwalità. Għalhekk jenħtieġ li l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi jiġu sottomessi minn gruppi ta’ produtturi.

    (12)

    F’ċerti żoni ġeografiċi jista’ jkun hemm biss produttur wieħed li jkun lest li jissottometti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem bħala indikazzjoni ġeografika. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li produttur wieħed jitqies bħala applikant. Madankollu, jenħtieġ li produttur wieħed ma jitħalliex jiddefinixxi ż-żona ġeografika b’referenza għall-art jew għall-ħanut tax-xogħol tiegħu stess. Iż-żona ġeografika jenħtieġ li dejjem tirreferi għal parti partikolari ta’ territorju u mhux għall-konfini tal-proprjetà privata.

    (13)

    Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li awtorità lokali jew reġjonali maħtura minn Stat Membru jew entità privata maħtura minn Stat Membru tkun applikant. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-applikazzjoni tiddikjara r-raġunijiet għal tali denominazzjoni.

    (14)

    Barra minn hekk, jenħtieġ li entità lokali jew reġjonali tal-Istat Membru minn fejn joriġina l-grupp ta’ produtturi jew produttur uniku rispettiv titħalla tipprovdi assistenza lil dak il-grupp ta’ produtturi jew produttur uniku fit-tħejjija tal-applikazzjoni u fl-ewwel fażi tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni. L-assistenza tista’ tinkludi pariri u l-kondiviżjoni ta’ dokumenti, kuntatti u informazzjoni.

    (15)

    Is-sistema għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali stabbilita f’dan ir-Regolament għandha l-għan li tippermetti lill-konsumaturi jagħmlu għażliet ta’ xiri aktar infurmati u, f’dan il-kuntest, it-tikkettar u r-reklamar jgħinu lill-konsumaturi jidentifikaw prodotti ta’ kwalità fis-suq b’mod korrett. Id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi jgħinu lill-operaturi u lill-kumpaniji jivvalorizzaw l-assi intanġibbli tagħhom. Sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ kompetizzjoni inġusta u biex jiġi sostnut is-suq intern, kwalunkwe produttur, inkluż produttur ta’ pajjiż terz, jenħtieġ li jkun jista’ juża indikazzjoni ġeografika rreġistrata u jqiegħed fis-suq prodotti deżinjati b’tali indikazzjoni ġeografika madwar l-Unjoni, inkluż fil-kummerċ elettroniku, dment li l-prodott ikkonċernat ikun jikkonforma mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti u li l-produttur ikun soġġett għal kontrolli.

    (16)

    Jenħtieġ li isem ta’ prodott ikun eliġibbli għall-protezzjoni bħala indikazzjoni ġeografika jekk il-prodott jikkonforma ma’ tliet rekwiżiti kumulattivi: jenħtieġ li l-prodott ikollu l-għeruq tiegħu jew joriġina f’post, reġjun jew pajjiż speċifiku;; kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari tal-prodott jenħtieġ li essenzjalment tkun tista’ tiġi attribwita għall-oriġini ġeografika tiegħu; u mill-inqas wieħed mill-istadji tal-produzzjoni jenħtieġ li jseħħ f’dik iż-żona ġeografika. Sabiex jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti, hemm bżonn li tingħata prova li l-oriġini ġeografika hija fattur essenzjali għall-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari tal-prodott. Dawk ir-rekwiżiti huma konformi mar-rekwiżiti għall-indikazzjonijiet ġeografiċi kif stabbiliti fl-Att ta’ Ġinevra u fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli, l-oġġetti tal-ikel, l-inbejjed u x-xorb spirituż. Madankollu, il-prodotti li jmorru kontra l-ordni pubbliku jenħtieġ li ma jkunux is-suġġett ta’ indikazzjoni ġeografika protetta. Il-ħtieġa li tiġi applikata l-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku jenħtieġ li tiġi vvalutata abbażi ta’ kull każ, u jenħtieġ li l-eċċezzjoni tiġi applikata f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    (17)

    L-istadju tal-produzzjoni jew l-istadji tal-produzzjoni indikati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott huma dawk li jagħtu kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari lill-prodott. Fatturi umani jew naturali, jew taħlita ta’ dawk il-fatturi, jiddeterminaw jekk stadju tal-produzzjoni huwiex rilevanti biex jiġi inkluż fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Jenħtieġ li prodotti primarjament prodotti barra ż-żona ġeografika partikolari u ttrasportati hemmhekk biss għall-ippakkjar jew għal stadju tal-produzzjoni li jista’ jsir x’imkien ieħor mingħajr ma jinvolvu differenza sinifikanti fil-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott, ma jikkwalifikawx għall-protezzjoni. Dan il-prinċipju jippermetti li jiġi evitat li prodotti ta’ kwalità baxxa mingħajr karatteristiċi uniċi u prodotti kważi kompletament barra miż-żona ġeografika partikolari jinbiegħu bħala prodotti deżinjati b’indikazzjoni ġeografika.

    (18)

    L-MSMEs spiss ikollhom riżorsi limitati biex jittrattaw il-kompiti amministrattivi. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru minn fejn joriġina l-applikant tagħmel ħilitha biex tassisti, fuq talba tal-applikant, fit-tħejjija tad-dokument uniku previst f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-prattika amministrattiva tagħha. Meta Stat Membru jiddeċiedi li juża l-proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta previsti f’dan ir-Regolament (“proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta”), l-Uffiċċju, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-punt uniku ta’ kuntatt tal-Istat Membru kkonċernat, jenħtieġ li jagħmel ħiltu biex jipprovdi assistenza bid-dokument uniku. Jenħtieġ li kwalunkwe assistenza pprovduta mill-awtoritajiet jew mill-Uffiċċju tkun mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-applikant jibqa’ responsabbli għad-dokument uniku.

    (19)

    Biex tinkiseb protezzjoni bħala indikazzjoni ġeografika, jenħtieġ li l-ismijiet jiġu rreġistrati fil-livell tal-Unjoni biss. Il-proċedura standard għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tinkludi żewġ fażijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu responsabbli għall-ewwel fażi (“il-fażi nazzjonali”) u jenħtieġ li l-Uffiċċju jkun responsabbli għat-tieni fażi (“il-fażi tal-Unjoni”). Fejn Stat Membru jkun ingħata deroga minn dik il-proċedura standard, jenħtieġ li jkun possibbli għal applikant minn dak l-Istat Membru li jissottometti applikazzjoni direttament lill-Uffiċċju permezz tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta. Jenħtieġ li l-protezzjoni mogħtija skont dan ir-Regolament mar-reġistrazzjoni tkun disponibbli bl-istess mod għall-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi (“indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiż terz”) li jissodisfaw ir-rekwiżiti korrispondenti u li huma protetti fil-pajjiż terz ta’ oriġini. Jenħtieġ li l-Uffiċċju jwettaq il-proċeduri korrispondenti għall-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiż terzi.

    (20)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu proċeduri amministrattivi effiċjenti, prevedibbli u rapidi. L-informazzjoni dwar dawk il-proċeduri, inkluż kwalunkwe skadenza applikabbli u t-tul ġenerali tal-proċeduri, jenħtieġ li tkun disponibbli għall-pubbliku. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Uffiċċju jenħtieġ li jikkooperaw fi ħdan il-Bord Konsultattiv, stabbilit skont dan ir-Regolament (“Bord Konsultattiv”), biex jikkondividu l-aħjar prattiki bil-ħsieb li jippromwovu l-effiċjenza ta’ dawk il-proċeduri.

    (21)

    Il-proċeduri għar-reġistrazzjoni, inkluż l-oppożizzjoni, l-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, il-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni u l-appell fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw fl-Unjoni jenħtieġ li jitwettqu mill-Istati Membri u mill-Uffiċċju u jenħtieġ li dawk il-proċeduri jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ trasparenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Uffiċċju rispettivament ikunu responsabbli għall-fażijiet distinti ta’ dawk il-proċeduri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu responsabbli għall-fażi nazzjonali, li tikkonsisti f’li jirċievu l-applikazzjoni mingħand l-applikant, li jeżaminawha, li jimmaniġġjaw il-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni u, wara li titlesta b’suċċess il-fażi nazzjonali, li jissottomettu l-applikazzjoni lill-Uffiċċju biex jingħata bidu għall-fażi tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu l-arranġamenti proċedurali dettaljati għall-fażi nazzjonali. Jenħtieġ li dawk l-arranġamenti jinkludu konsultazzjonijiet bejn l-applikant u kwalunkwe avversarju nazzjonali, kif ukoll is-sottomissjoni ta’ rapport mill-applikant dwar l-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet, u ta’ kwalunkwe modifika li ssir fl-applikazzjoni. Barra minn hekk, l-ammissibbiltà tal-oppożizzjoni u r-raġunijiet għaċ-ċaħda tar-reġistrazzjoni fil-fażi nazzjonali jenħtieġ li jiġu allinjati ma’ dawk fl-istadju tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Uffiċċju jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet fil-fażi tal-Unjoni, jimmaniġġja l-proċedura ta’ oppożizzjoni u jagħti jew jirrifjuta r-reġistrazzjoni. Jenħtieġ li l-Uffiċċju jwettaq ukoll il-proċeduri korrispondenti għall-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiż terz.

    (22)

    Jenħtieġ li l-Uffiċċju jħeġġeġ lill-partijiet biex jagħmlu użu minn soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, bħall-medjazzjoni, bl-għan li tintlaħaq soluzzjoni amikevoli. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Uffiċċju joffri lill-partijiet l-opportunità li jagħmlu użu minn dawk is-servizzi fil-proċeduri disponibbli fil-livell tal-Unjoni. L-Uffiċċju jenħtieġ li jipprovdi dawk is-servizzi huwa stess, iżda l-partijiet jenħtieġ li jkollhom il-possibbilta’ li jagħmlu użu wkoll minn servizzi oħra ta’ medjazzjoni.

    (23)

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-applikazzjonijiet, jenħtieġ li jkun possibbli għal żewġ Stati Membri jew aktar li jikkooperaw fil-fażi nazzjonali tal-proċedura, inkluż fir-rigward tal-eżami, l-oppożizzjoni nazzjonali, is-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet lill-Uffiċċju, l-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni; u li jiddeċiedu li wieħed minnhom jimmaniġġa l-proċeduri f’isem l-Istat Membru l-ieħor jew l-Istati Membri kkonċernati. F’dawk il-każijiet, dawk l-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan, mingħajr dewmien, u jipprovdu informazzjoni dwar il-parametri ewlenin tal-kooperazzjoni.

    (24)

    F’ċerti ċirkostanzi, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jiksbu deroga mill-obbligu li jaħtru awtorità nazzjonali kompetenti li tkun responsabbli għall-fażi nazzjonali tal-proċeduri għar-reġistrazzjoni, inkluż l-oppożizzjoni nazzjonali, l-emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni. Jenħtieġ li dik id-deroga tqis il-fatt li ċerti Stati Membri ma għandhomx sistema nazzjonali speċifika għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali, li l-interess lokali f’dawk l-Istati Membri biex jipproteġu l-indikazzjonijiet ġeografiċi huwa minimu, u li, f’dawn iċ-ċirkostanzi, ma jkunx ġustifikat li jiġu obbligati jistabbilixxu l-infrastruttura kollha meħtieġa għal tali sistema. Ikun aktar effiċjenti u kosteffettiv li jiġi pprovdut perkors alternattiv għall-gruppi ta’ produtturi minn dawk l-Istati Membri biex jipproteġu l-prodotti tagħhom, jiġifieri proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta mal-Uffiċċju. Dik l-alternattiva twassal ukoll għal vantaġġi fil-kostijiet għall-Istati Membri.

    (25)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni, wara li teżamina l-informazzjoni pprovduta minn Stat Membru, tadotta deċiżjoni dwar it-talba għal deroga minn dak l-Istat Membru li tippermettilu jagħmel użu mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta. Meta teżamina t-talba, l-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, bħal pereżempju l-għadd ta’ ismijiet ta’ prodotti protetti eżistenti, l-għadd ta’ produtturi u gruppi ta’ produtturi potenzjalment interessati fl-Istat Membru kkonċernat, id-daqs tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, il-volum ta’ bejgħ, il-kapaċitajiet tal-manifattura u s-swieq għall-prodotti inkwistjoni, u informazzjoni oħra li l-Istat Membru jqis li hija rilevanti bħala prova ta’ livell baxx ta’ interess fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li tuża wkoll, pereżempju, l-informazzjoni li tinġabar permezz ta’ konsultazzjoni pubblika,, stħarriġ jew analiżi tas-suq, jew ittri minn kmamar professjonali rilevanti jew minn kwalunkwe sors uffiċjali rilevanti ieħor, biex tieħu deċiżjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm id-dritt li temenda jew tħassar deċiżjoni li tippermetti lil Stat Membru jagħmel użu mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta, fejn il-kundizzjonijiet ma jibqgħux jiġu ssodisfati mill-Istat Membru kkonċernat. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk in-numru ta’ applikazzjonijiet diretti sottomessi minn applikanti minn dak l-Istat Membru jaqbeż l-istimi oriġinali minn dak l-Istat Membru b’mod rikorrenti maż-żmien.

    (26)

    Skont tali id-deroga, jenħtieġ li l-proċeduri għar-reġistrazzjoni, l-emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni jiġu ġestiti direttament mill-Uffiċċju. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Uffiċċju jirċievi assistenza mill-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru kkonċernat meta jkun meħtieġ, permezz ta’ punt uniku ta’ kuntatt maħtur, b’mod partikolari, fir-rigward tal-eżami tal-applikazzjoni. Jenħtieġ li l-punt uniku ta’ kuntatt ikollu l-kompetenza u l-għarfien lokali meħtieġa dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi. Sabiex jassisti lill-Uffiċċju, il-punt uniku ta’ kuntatt jenħtieġ li jitħalla jikkonsulta esperti b’għarfien speċifiku għall-prodott jew għas-settur.

    (27)

    Jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta ma teżentax lill-Istati Membri mill-obbligu li jaħtru awtorità kompetenti biex twettaq kontrolli u biex tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu nfurzati d-drittijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (28)

    Sabiex jiġi żgurat teħid ta’ deċiżjonijiet effiċjenti u konsistenti fir-rigward tal-applikazzjonijiet, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jenħtieġ li tinforma lill-Uffiċċju mingħajr dewmien żejjed dwar kwalunkwe proċeduri quddiem qorti nazzjonali jew quddiem korp ieħor dwar applikazzjoni ppreżentata minn dik l-awtorità kompetenti lill-Uffiċċju, u dwar l-eżitu finali ta’ tali proċeduri. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti żżomm lill-Uffiċċju informat bi kwalunkwe proċediment amministrattiv u ġudizzjarju nazzjonali kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li jista’ jaffettwa r-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika.

    (29)

    Mid-data tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni minn Stat Membru lill-Uffiċċju, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu protezzjoni nazzjonali temporanja lil indikazzjoni ġeografika qabel titlesta l-fażi tal-Unjoni, dment li dan ma jaffettwax is-suq intern jew il-politika kummerċjali tal-Unjoni. Jenħtieġ li ma tingħatax protezzjoni nazzjonali temporanja fil-każ ta’ reġistrazzjoni diretta.

    (30)

    Sabiex l-operaturi, li l-interessi tagħhom ikunu affettwati mir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika jitħallew ikomplu jużaw l-isem irreġistrat għal perjodu ta’ żmien limitat, jenħtieġ li tingħata deroga speċifika mill-Uffiċċju għall-użu ta’ tali isem għal perjodu tranżizzjonali. Tali perjodu tranżizzjonali jista’ jkun permess ukoll sabiex jingħelbu diffikultajiet temporanji, bl-objettiv fit-tul li jiġi żgurat li l-produtturi kollha jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Mingħajr preġudizzju għar-regoli li jirregolaw il-kunflitti bejn l-indikazzjonijiet ġeografiċi u t-trademarks, jenħtieġ li jkun possibbli li jkomplu jintużaw ismijiet li altrimenti jiksru l-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika, taħt ċerti kundizzjonijiet u għal perjodu tranżizzjonali.

    (31)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’ċerti każijiet speċifiċi, tkun tista’ tieħu f’idejha mill-Uffiċċju s-setgħa li tiddeċiedi dwar applikazzjonijiet individwali, dwar talbiet għal emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jew dwar talbiet għal kanċellazzjoni. Kwalunkwe Stat Membru jew l-Uffiċċju jenħtieġ li jkun jista’ jitlob li l-Kummissjoni teżerċita dik il-prerogattiva. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ taġixxi wkoll fuq inizjattiva tagħha stess. F’kull każ, jenħtieġ li l-Uffiċċju jibqa’ responsabbli għall-eżami tal-fajl u għall-oppożizzjoni, u, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet tekniċi, jenħtieġ li jipprepara abbozz għal att ta’ implimentazzjoni għall-Kummissjoni.

    (32)

    Għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa importanti li l-produtturi u operaturi oħrajn ikkonċernati, kif ukoll l-awtoritajiet u l-konsumaturi, jkollhom aċċess rapidu u faċli għall-informazzjoni rilevanti dwar indikazzjonijiet ġeografiċi.

    (33)

    Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern u biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-uniformità fl-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit reġistru elettroniku tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali (“ir-reġistru tal-Unjoni”), li jenħtieġ li jkun aċċessibbli faċilment għall-pubbliku, f’format li jinqara mill-magni. Jenħtieġ li r-reġistru tal-Unjoni jiġi stabbilit u mantnut mill-Uffiċċju, u jenħtieġ li l-persunal għall-operat tiegħu jiġi pprovdut mill-Uffiċċju. Jenħtieġ li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jintużaw bażijiet ta’ data eżistenti sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ piż amministrattiv bla bżonn.

    (34)

    L-Unjoni tinnegozja ftehimiet internazzjonali, inkluż dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, mas-sħab kummerċjali tagħha. Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali fl-Unjoni tista’ toriġina wkoll minn tali ftehimiet, irrispettivament mir-reġistrazzjoni internazzjonali prevista skont l-Att ta’ Ġinevra u mis-sistema ta’ reġistrazzjoni stabbilita f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiddaħħlu fir-reġistru tal-Unjoni indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fl-Unjoni permezz ta’ reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Att ta’ Ġinevra jew skont ftehimiet internazzjonali ma’ sħab kummerċjali tal-Unjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku, tiżdied it-trasparenza għall-benefiċċju tal-konsumaturi u, b’mod partikolari, jiġu żgurati l-protezzjoni u l-kontroll tal-użu li jsir minn dawk l-indikazzjonijiet ġeografiċi. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-ismijiet rispettivi jiddaħħlu fir-reġistru tal-Unjoni bħala indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

    (35)

    Jenħtieġ li kwalunkwe parti affettwata b’mod negattiv minn deċiżjoni tal-Uffiċċju jkollha d-dritt ta’ appell quddiem il-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju (“il-Bordijiet tal-Appell”). Min-naħa tagħhom, jenħtieġ li d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, ikunu emendabbli għal azzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali, li għandha ġuriżdizzjoni biex tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kkontestata.

    (36)

    Jenħtieġ li jiġi stabbilit Bord Konsultattiv, magħmul minn esperti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni sabiex jipprovdi l-għarfien u l-kompetenza meħtieġa dwar ċerti prodotti, setturi u ċirkostanzi lokali li jistgħu jinfluwenzaw l-eżitu tal-proċeduri skont dan ir-Regolament. Sabiex jinkiseb l-għarfien tekniku speċifiku meħtieġ għall-eżaminazzjoni ta’ applikazzjonijiet individwali fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri għar-reġistrazzjoni, inkluż oppożizzjoni, appell jew proċeduri oħra, id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Uffiċċju jew il-Bordijiet tal-Appell, fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba tal-Kummissjoni, jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jikkonsultaw mal-Bord Konsultattiv. Dik il-konsultazzjoni, fejn meħtieġ, jenħtieġ li tinkludi wkoll opinjoni ġenerali dwar il-valutazzjoni tal-kriterji ta’ kwalità, l-istabbiliment tar-reputazzjoni ta’ prodott, id-determinazzjoni tan-natura ġenerika ta’ isem, u l-valutazzjoni tar-riskju li l-konsumaturi jiġu konfużi. Jenħtieġ li l-opinjoni tal-Bord Konsultattiv ma tkunx vinkolanti. Jenħtieġ li l-Bord Konsultattiv jistieden, fejn xieraq, esperti fil-kategorija ta’ prodotti kkonċernata, inkluż rappreżentanti tar-reġjuni u tal-akkademja. Jenħtieġ li l-proċedura għall-ħatra tal-esperti u l-operat tal-Bord Konsultattiv jiġu speċifikati fir-regoli ta’ proċedura tal-Bord Konsultattiv, adottati mill-Bord tat-Tmexxija.

    (37)

    Jenħtieġ li tingħata protezzjoni lill-indikazzjonijiet ġeografiċi mdaħħla fir-reġistru tal-Unjoni, biex jiġi żgurat li dawn jintużaw b’mod ġust u sabiex jiġu evitati prattiki li jistgħu jiżgwidaw lill-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ prodotti komparabbli. Sabiex jiġi stabbilit jekk prodotti jkunux komparabbli ma’ prodotti protetti b’indikazzjoni ġeografika, jenħtieġ li jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha. Dawk il-fatturi jenħtieġ li jinkludu: jekk il-prodotti jkollhomx karatteristiċi oġġettivi komuni, bħall-metodu ta’ produzzjoni, id-dehra fiżika jew l-użu tal-istess materja prima; f’liema ċirkostanzi l-prodotti jintużaw mill-perspettiva tas-sezzjoni tas-suq rilevanti; jekk il-prodotti jiġux distribwiti ta’ spiss permezz tal-istess kanali; u jekk ikunux soġġetti għal regoli simili dwar il-kummerċjalizzazzjoni.

    (38)

    Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u biex tiġi miġġielda l-kontrafazzjoni b’mod effettiv, jenħtieġ li l-protezzjoni skont dan ir-Regolament tapplika wkoll għall-ismijiet ta’ dominju fuq l-internet. Huwa importanti wkoll li jittieħed kont dovut tal-Ftehim TRIPS, u b’mod partikolari l-Artikoli 22 u 23 tiegħu, u tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, li ġie konkluż, f’isem l-Unjoni, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (13), inkluż l-Artikolu V ta’ dak il-Ftehim dwar il-libertà ta’ tranżitu. Fi ħdan dak il-qafas legali, sabiex il-kontrafazzjoni tiġi miġġielda b’mod aktar effettiv, jenħtieġ li tali protezzjoni tapplika wkoll fir-rigward ta’ oġġetti li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera, u mqiegħda taħt proċeduri doganali speċjali bħal dawk relatati mat-tranżitu, il-ħżin, l-użu speċifiku jew l-ipproċessar.

    (39)

    Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-użu ta’ indikazzjoni ġeografika fl-isem ta’ prodott manifatturat li fih jew jinkorpora, bħala parti jew komponent, il-prodott indikat mill-indikazzjoni ġeografika isir f’konformità ma’ prattiki kummerċjali ġusti u ma jisfruttax, ma jdgħajjifx jew ma jnaqqasx, u ma huwiex ta’ detriment għar-reputazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika. Il-kunsens tal-grupp ta’ produtturi jew tal-produttur individwali tal-prodott deżinjat b’indikazzjoni ġeografika jenħtieġ li jkun meħtieġ għal tali użu.

    (40)

    Jenħtieġ li t-termini ġeneriċi li huma simili għal, jew li jifformaw parti minn, isem jew terminu li huwa protett b’indikazzjoni ġeografika jżommu l-istatus ġeneriku tagħhom.

    (41)

    L-ismijiet omonimi (“omonimi”) huma ismijiet li huma miktuba jew ippronunzjati bl-istess mod, iżda jirreferu għal żoni ġeografiċi differenti. Isem li huwa kompletament jew parzjalment omonimu għal indikazzjoni ġeografika diġà rreġistrata jew għal waħda li għaliha tkun saret applikazzjoni, jenħtieġ li ma jiġix irreġistrat, sakemm ċerti ċirkostanzi ma jiġġustifikawx il-protezzjoni tagħha, filwaqt li jitqiesu l-ħtieġa għal trattament ugwali tal-produtturi u l-ħtieġa li l-konsumaturi ma jiġux żgwidati dwar l-oriġini ġeografiċi vera tal-prodott. Omonimi li jistgħu jiżgwidaw lill-konsumaturi fir-rigward tal-identità vera jew l-oriġini ġeografika tal-prodott jenħtieġ li ma jiġux irreġistrati bħala indikazzjoni ġeografika.

    (42)

    Filwaqt li t-trademarks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi jvarjaw fin-natura u l-iskop, jenħtieġ li r-relazzjoni bejniethom tiġi ċċarata b’rabta mal-kriterji għar-rifjut tal-applikazzjonijiet għat-trademarks, l-invalidazzjoni tat-trademarks u l-koeżistenza tat-trademarks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi. Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi jeħtieġ li tiġi bbilanċjata kontra l-protezzjoni ta’ trademarks b’reputazzjoni u ta’ marki magħrufa sew, b’mod partikolari fid-dawl tad-dritt fundamentali għall-proprjetà kif stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta, kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw mil-liġi internazzjonali. Meta tiġi vvalutata r-relazzjoni bejn indikazzjoni ġeografika u trademark, jenħtieġ li titqies kwalunkwe kontinwità tal-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika stabbilita permezz ta’ reġistrazzjoni jew użu fi Stat Membru, f’każijiet fejn l-indikazzjoni ġeografika tkun saret soġġetta għall-protezzjoni tal-Unjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u kwalunkwe prijorità mitluba fir-rigward ta’ applikazzjoni għal trademark.

    (43)

    Il-gruppi ta’ produtturi għandhom rwol essenzjali fil-proċess ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, kif ukoll fil-proċeduri għall-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodotti u għall-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni. Jenħtieġ li dawn ikunu mgħammra bil-mezzi meħtieġa biex jidentifikaw u jikkummerċjalizzaw aħjar il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi speċifikat ir-rwol tal-gruppi ta’ produtturi.

    (44)

    Ir-reġistri tal-ismijiet ta’ dominji tal-ogħla livell bil-kodiċi tal-pajjiż stabbiliti fl-Unjoni u li joffru proċeduri alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim biex isolvu t-tilwim relatat mar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominji jenħtieġ li jiżguraw li tali proċeduri jkopru wkoll l-indikazzjonijiet ġeografiċi. Wara proċedura alternattiva xierqa għas-soluzzjoni tat-tilwim jew proċedura ġudizzjarja, jeħtieġ li jkun possibbli għar-reġistri tal-ismijiet ta’ dominji tal-ogħla livell bil-kodiċi tal-pajjiż stabbiliti fl-Unjoni li jirrevokaw jew jittrasferixxu isem ta’ dominju rreġistrat taħt dominju tal-ogħla livell bil-kodiċi tal-pajjiż lill-grupp ta’ produtturi rilevanti, fejn reġistrazzjoni tal-isem ta’ dominju tikser il-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika, fejn l-isem ta’ dominju jkun qed jintuża in mala fede, jew fejn l-isem ta’ dominju ikun ġie rreġistrat mid-detentur tiegħu mingħajr ma dak id-detentur ikollu dritt fir-rigward ta’ jew interess leġittimu fl-indikazzjoni ġeografika.

    (45)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-fattibbiltà tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ informazzjoni u ta’ twissija kontra l-użu abbużiv ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi artiġjanali u industrijali fis-sistema tal-ismijiet tad-dominju, u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar is-sejbiet ewlenin tagħha. Abbażi tal-eżitu ta’ dik l-evalwazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni, fejn meħtieġ, tippreżenta proposta leġiżlattiva sabiex tistabbilixxi tali sistema.

    (46)

    Minħabba li s-sistema tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali kif prevista f’dan ir-Regolament hija ġdida, huwa importanti li titqajjem kuxjenza dwar din l-inizjattiva fost il-konsumaturi, il-produtturi, speċjalment l-MSMEs, u l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. Għal dak l-għan, l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-Uffiċċju u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jenħtieġ li jiġu mħeġġa jwettqu attivitajiet promozzjonali fuq bażi regolari biex iqajmu kuxjenza.

    (47)

    Is-simbolu, l-indikazzjoni u l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni li jidentifikaw indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati, u d-drittijiet fihom li jappartjenu għall-Unjoni, jenħtieġ li jkunu protetti fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi, bil-għan li jiġi żgurat li jintużaw fuq prodotti ġenwini u li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa rigward il-karatteristiċi tal-prodotti.

    (48)

    L-użu tas-simbolu, l-indikazzjoni u l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni fuq l-imballaġġ ta’ prodotti artiġjanali u industrijali deżinjati b’indikazzjoni ġeografika jenħtieġ li jiġi rrakkomandat, anke fuq siti web tal-bejgħ online, sabiex dawk il-prodotti, u l-garanziji marbuta magħhom, isiru magħrufa aħjar mill-konsumaturi u biex tkun tista’ ssir identifikazzjoni aktar faċli ta’ dawk il-prodotti fis-suq, u b’hekk jiġu ffaċilitati l-kontrolli. Jenħtieġ li l-użu tas-simbolu, l-indikazzjoni u l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni jibqa’ volontarju għall-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi.

    (49)

    Għal raġunijiet ta’ ċarezza għall-konsumaturi u biex tiġi massimizzata l-koerenza fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti agrikoli, oġġetti tal-ikel, inbejjed u xorb spirituż, is-simbolu tal-Unjoni użat fuq l-imballaġġ ta’ prodotti artiġjanali u industrijali deżinjati b’indikazzjoni ġeografika jenħtieġ li jkun identiku għal dak stabbilit skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (14) u użat fuq l-imballaġġ ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, inbejjed u xorb spirituż deżinjati b’indikazzjoni ġeografika.

    (50)

    Il-valur miżjud tal-indikazzjonijiet ġeografiċi huwa bbażat fuq il-fiduċja tal-konsumatur. Tali fiduċja tista’ tkun ġustifikata biss jekk ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tkun akkumpanjata minn verifika u mekkaniżmi ta’ kontroll effettivi u effiċjenti. Il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jistennew li kwalunkwe indikazzjoni ġeografika tkun koperta minn sistemi ta’ verifika u kontroll robusti, kemm għall-prodotti li joriġinaw mill-Unjoni kif ukoll għal dawk li joriġinaw minn pajjiż terz.

    (51)

    Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm fiduċja tal-konsumaturi fil-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti artiġjanali u industrijali deżinjati b’indikazzjoni ġeografika, jenħtieġ li l-produtturi jkunu soġġetti għal sistema bbażata fuq awtodikjarazzjoni tal-produttur li tivverifika l-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott qabel u wara li l-prodott jiġi introdott fis-suq. Għall-finijiet ta’ kontrolli, jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar awtoritajiet kompetenti għall-verifika tal-konformità u l-monitoraġġ. Jenħtieġ li jkun possibbli li jkun hemm awtorità kompetenti waħda maħtura għall-fażi nazzjonali u awtorità kompetenti differenti maħtura għall-kontrolli, jekk Stat Membru jiddeċiedi hekk. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti rispettiva titħalla tiddelega ċerti kompiti ta’ kontroll lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew lill-persuni fiżiċi.

    (52)

    L-awtodikjarazzjoni jenħtieġ li tiġi sottomessa mill-produttur lill-awtorità kompetenti responsabbli għall-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Biex tintwera konformità kontinwa, it-tali awtodikjarazzjoni jenħtieġ li tiġi sottomessa kull tliet snin. Jenħtieġ li l-produtturi jkunu meħtieġa jissottomettu awtodikjarazzjoni aġġornata immedjatament meta jkun hemm emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ tip li jkollha effett fuq il-prodott ikkonċernat. Jenħtieġ li verifika bbażata fuq awtodikjarazzjoni ma tipprevjenix lill-produtturi milli jkollhom konformità tal-prodotti tagħhom mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ivverifikata minn partijiet terzi. Jenħtieġ li jkun possibbli għal tali verifika minn parti terza li tissupplimenta awtodikjarazzjoni, iżda mhux tissostitwiha.

    (53)

    Jenħtieġ li l-awtodikjarazzjoni tipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni kollha meħtieġa rigward il-prodott, sabiex l-awtorità tivverifika l-konformità tiegħu mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta fl-awtodikjarazzjoni tkun komprensiva, jenħtieġ li tiġi stipulata struttura armonizzata għal tali dikjarazzjonijiet. Jenħtieġ li l-produttur jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa sabiex jiżgura li l-informazzjoni pprovduta fl-awtodikjarazzjoni hija kompluta, konsistenti u preċiża, u jenħtieġ li jkun jista’ jipprovdi, mingħajr ma jaffettwa l-protezzjoni tal-għarfien espert u s-sigrieti kummerċjali, l-evidenza meħtieġa li tippermetti l-verifika ta’ dik l-informazzjoni.

    (54)

    Malli jirċievu l-awtodikjarazzjoni, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti twettaq eżami tal-awtodikjarazzjoni li jinkludi mill-inqas kontroll tal-kompletezza u l-konsistenza tal-awtodikjarazzjoni. Jenħtieġ li inkonsistenzi ovvji jiġu ċċarati u jenħtieġ li l-informazzjoni nieqsa tintalab mingħand il-produttur. Meta l-awtorità kompetenti tkun issodisfata li l-informazzjoni pprovduta fl-awtodikjarazzjoni tkun kompluta u konsistenti u ma għandha l-ebda riżerva oħra dwar il-konformità, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti toħroġ, jew iġġedded, ċertifikat ta’ awtorizzazzjoni uffiċjali għall-manifattura tal-prodott deżinjat b’indikazzjoni ġeografika.

    (55)

    Biex tiġi żgurata l-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u biex tiġi vverifikata l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta fl-awtodikjarazzjoni, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti, bi frekwenza xierqa, twettaq kontrolli tal-konformità fis-suq, inkluż fil-kummerċ elettroniku, abbażi ta’ analiżi tar-riskju u b’kont meħud tar-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità, inkluż prattiki frodulenti jew qarrieqa.

    (56)

    Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-produtturi kkonċernati jirrimedjaw is-sitwazzjoni u jipprevjenu aktar nuqqasijiet ta’ konformità.

    (57)

    Bħala alternattiva għall-proċedura ta’ verifika bbażata fuq l-awtodikjarazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jipprevedu proċedura ta’ verifika bbażata fuq il-verifika tal-konformità minn awtorità kompetenti jew parti terza maħtura. Tali proċedura ta’ verifika jenħtieġ li tinkludi kontrolli tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott kemm qabel kif ukoll wara li l-prodott ikun ġiet introdott fis-suq. L-awtorità kompetenti jenħtieġ li titħalla tiddelega, fejn meħtieġ, lil korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodott jew lil persuni fiżiċi ċerti kompiti ta’ kontroll relatati mal-verifika tal-oriġini ġeografika, jew il-proċess tal-produzzjoni, tal-prodott ikkonċernat.

    (58)

    L-istandards Ewropej (l-istandards EN) żviluppati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-istandards internazzjonali żviluppati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) jenħtieġ li jintużaw għall-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti, kif ukoll minn dawk il-korpi għall-operazzjonijiet tagħhom. Jenħtieġ li l-akkreditazzjoni ta’ dawk il-korpi ssir f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Jenħtieġ li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti stabbiliti barra mill-Unjoni juru li jikkonformaw mal-istandards tal-Unjoni jew rikonoxxuti internazzjonalment permezz ta’ ċertifikat maħruġ minn korp li huwa firmatarju rikonoxxut ta’ ftehim multilaterali ta’ rikonoxximent taħt l-awspiċji tal-Forum Internazzjonali ta’ Akkreditazzjoni (IAF) jew membru tal-Kollaborazzjoni Internazzjonali ta’ Akkreditazzjoni tal-Laboratorji (ILAC). Jenħtieġ li l-persuni fiżiċi jkollhom il-kompetenza, it-tagħmir, l-infrastruttura u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti ta’ kontroll iddelegati lilhom. Jenħtieġ li jkunu kwalifikati u esperjenzati kif xieraq, jaġixxu b’mod imparzjali u jkunu ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti ta’ kontroll iddelegati lilhom.

    (59)

    Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti, u dwar il-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti u l-persuni fiżiċi li jkunu ġew delegati lilhom kompiti ta’ kontroll, issir pubblika mill-Istati Membri u mill-Uffiċċju biex tiġi żgurata trasparenza u biex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jikkuntattjawhom.

    (60)

    Il-monitoraġġ tal-użu tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-suq huwa importanti biex jiġu evitati prattiki frodulenti u qarrieqa, u b’hekk jiġi żgurat li l-produtturi ta’ prodotti ddeżinjati b’indikazzjoni ġeografika jiġu ppremjati kif xieraq għall-valur miżjud tal-prodotti tagħhom li jkollhom indikazzjoni ġeografika u li persuni li jiksru d-drittijiet mogħtija minn indikazzjoni ġeografika ma jitħallewx ibigħu prodotti mhux konformi. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru awtoritajiet kompetenti biex jimmonitorjaw is-suq sabiex jidentifikaw kwalunkwe użu ħażin tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, u sabiex iwettqu kontrolli abbażi ta’ analiżi tar-riskji. Fil-każ ta’ detezzjoni ta’ użu ħażin ta’ indikazzjoni ġeografika, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tieħu passi amministrattivi u ġudizzjarji xierqa biex tipprevjeni jew twaqqaf l-użu ta’ ismijiet ta’ prodotti jew servizzi li jiksru l-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika reġistrata, fejn tali prodotti jiġu mmanifatturati jew ikkummerċjalizzati, jew tali servizzi jiġu pprovduti jew ikkummerċjalizzati, fit-territorju tagħhom. Jenħtieġ li jkun possibbli għal dawk l-awtoritajiet biex jkunu l-istess bħall-awtoritajiet maħtura għall-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Jenħtieġ li jkun possibbli għal tali monitoraġġ li jsir mill-awtoritajiet li jwettqu kontrolli tal-prodotti jew kontrolli fis-suq f’kuntest ieħor, pereżempju l-kontrolli doganali, is-sorveljanza tas-suq jew l-infurzar tal-liġi.

    (61)

    Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji stabbiliti fid-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) japplikaw għal kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż drittijiet relatati mal-indikazzjonijiet ġeografiċi. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għal azzjoni mill-awtoritajiet doganali fejn oġġetti suspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, inkluż dritt għall-indikazzjonijiet ġeografiċi, huma, jew kellhom ikunu, soġġetti għal superviżjonijiet doganali jew kontrolli doganali fit-territorju doganali tal-Unjoni. Bl-istess mod, ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) jistabbilixxi l-kompiti u l-attivitajiet tal-Uffiċċju relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż it-trawwim tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u bejniethom.

    (62)

    Għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa importanti li l-produtturi jkunu jistgħu juru malajr u faċilment li huma awtorizzati jużaw isem li huwa protett bħala indikazzjoni ġeografika, bħal pereżempju fil-kuntest ta’ kontrolli doganali jew spezzjonijiet tas-suq, jew fuq talba tas-sħab kummerċjali jew tal-konsumaturi. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jużaw ċertifikat uffiċjali ta’ awtorizzazzjoni biex jipproduċu l-prodott deżinjat b’indikazzjoni ġeografika mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom.

    (63)

    Peress li s-sistema ta’ kontroll stabbilita f’dan ir-Regolament issegwi approċċ pubbliku-privat, il-produtturi nfushom jenħtieġ li jikkontribwixxu wkoll għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi. Jenħtieġ li jwettqu kontrolli tal-konformità biex jivverifikaw il-konformità tal-prodott mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, akkumpanjati, kif applikabbli, minn kontrolli interni tal-konformità ġestiti u organizzati mill-grupp ta’ produtturi rilevanti. Barra minn hekk, il-produtturi jenħtieġ li jiġu mħeġġa jappoġġaw lill-awtoritajiet pubbliċi fil-monitoraġġ tal-użu tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-suq. Jenħtieġ li l-produtturi jiġu mħeġġa wkoll jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ konformità jew ksur possibbli.

    (64)

    Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u tiġi miġġielda l-kontrafazzjoni b’mod aktar effettiv, jenħtieġ li l-protezzjoni skont dan ir-Regolament tapplika kemm għall-ambjent offline kif ukoll għall-ambjent online, inkluż l-ismijiet tad-dominji fuq l-internet. Is-servizzi intermedjarji, b’mod partikolari l-pjattaformi online, qed jintużaw dejjem aktar għall-bejgħ ta’ prodotti, inkluż prodotti deżinjati b’indikazzjoni ġeografika. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-informazzjoni relatata mar-reklamar, il-promozzjoni u l-bejgħ ta’ oġġetti li tikser il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi previsti f’dan ir-Regolament titqies bħala kontenut illegali skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) u jenħtieġ li tkun soġġetta għal obbligi u miżuri skont dak ir-Regolament.

    (65)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi mmirati biex jiskoraġġixxu mġiba frodulenti possibbli mill-produtturi ta’ prodotti deżinjati b’indikazzjoni ġeografika u persuni milli jiksru l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

    (66)

    Minħabba li l-istadji tal-produzzjoni ta’ prodott deżinjat b’indikazzjoni ġeografika jistgħu jsiru f’aktar minn Stat Membru wieħed, u li l-prodotti manifatturati fi Stat Membru wieħed jistgħu jinbiegħu fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li jiġu żgurati l-assistenza u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri biex ikunu jistgħu jsiru kontrolli u infurzar effiċjenti u effettivi.

    (67)

    L-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra hija rregolata mir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20). Ċerti dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġu emendati biex tiġi żgurata l-koerenza fir-rigward tal-istabbiliment ta’ sistema tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali, f’konformità ma’ dan ir-Regolament. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Uffiċċju jaġixxi bħala l-awtorità kompetenti tal-Unjoni fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali skont l-Att ta’ Ġinevra. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/1753 applikabbli għall-indikazzjonijiet ġeografiċi li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni li jirregola s-sistema għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli jiġu emendati sabiex ikunu allinjati ma’ dan ir-Regolament.

    (68)

    Bl-istess mod, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/1001 jiġi emendat biex tiġi żgurata koerenza fir-rigward ta’ dan ir-Regolament. Il-kompiti mogħtija lill-Uffiċċju skont dan ir-Regolament fir-rigward tal-amministrazzjoni u l-promozzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista tal-kompiti tal-Uffiċċju stabbilita fl-Artikolu 151 tar-Regolament (UE) 2017/1001.

    (69)

    Għall-kompiti mogħtija lill-Uffiċċju skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-lingwi tal-Uffiċċju jkunu l-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Fir-rigward tal-applikazzjonijiet, it-talbiet għal emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-talbiet għall-kanċellazzjoni sottomessi minn applikanti minn pajjiż terz, l-Uffiċċju jenħtieġ li jaċċetta traduzzjonijiet iċċertifikati, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, ta’ dokumenti u informazzjoni. Jenħtieġ li l-Uffiċċju jkollu l-possibbiltà li juża, fejn xieraq, traduzzjonijiet awtomatiċi vverifikati.

    (70)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jitolbu tariffa biex ikopru l-kostijiet għall-ġestjoni tas-sistema għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu s-sitwazzjoni tal-MSMEs. Jenħtieġ li l-Uffiċċju ma jitlobx tariffa għal applikazzjonijiet sottomessi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri wara li titlesta l-fażi nazzjonali tal-proċedura tar-reġistrazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-Uffiċċju jitlob tariffa għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta, meta wieħed iqis li dik il-proċedura tiġġenera aktar xogħol għall-Uffiċċju mill-ipproċessar tal-applikazzjonijiet li diġà ġew eżaminati fil-fażi nazzjonali. Jenħtieġ ukoll li l-Uffiċċju jitlob tariffi għal proċeduri skont dan ir-Regolament dwar indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi u għal appelli.

    (71)

    Jenħtieġ li t-tariffi tal-kontroll u tal-verifika jew ħlasijiet ikopru, iżda ma jaqbżux, il-kostijiet, inklużi l-ispejjeż ġenerali fissi, imġarrba mill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu kontrolli. L-ispejjeż ġenerali fissi jistgħu jinkludu l-kostijiet tal-organizzazzjoni u l-appoġġ meħtieġa għall-ippjanar u t-twettiq tal-kontrolli uffiċjali, u fejn applikabbli, l-użu ta’ korpi ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti jew persuni fiżiċi. Jenħtieġ li ma tintalab l-ebda tariffa għas-sottomissjoni tal-awtodikjarazzjoni u l-ipproċessar tagħha.

    (72)

    Il-kostijiet meħtieġa għall-istabbiliment tas-sistema tal-IT li hija prevista skont dan ir-Regolament jiġifieri s-sistema diġitali għas-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet lill-Uffiċċju, ir-reġistru tal-Unjoni, u l-portal diġitali jenħtieġ li jiġu ffinanzjati mis-surplus baġitarju akkumulat tal-Uffiċċju. Il-kostijiet operatorji li jirriżultaw mill-kompiti fdati lill-Uffiċċju b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu koperti mill-baġit operattiv tal-Uffiċċju.

    (73)

    Jenħtieġ li s-sistema diġitali għas-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet lill-Uffiċċju tkun tinkludi front office u back office u tippermetti konnessjoni bla xkiel, interfaċċa mas-sistemi tal-IT tal-awtoritajiet nazzjonali, u integrazzjoni fihom, ir-reġistru tal-Unjoni u s-sistema tal-IT tad-WIPO għall-amministrazzjoni tal-Att ta’ Ġinevra. Jenħtieġ li r-reġistru tal-Unjoni jkun simili fid-dehra u mill-anqas ikollu l-istess funzjonalitajiet bħar-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbejjed, l-oġġetti tal-ikel u l-prodotti agrikoli.

    (74)

    Sabiex jiġu emendati jew issupplimentati ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward ta’: (i) l-ispeċifikazzjoni ulterjuri tar-rekwiżiti fir-rigward tad-dokumentazzjoni li takkumpanja l-applikazzjoni; (ii) l-elenkar ta’ oġġetti addizzjonali għad-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament li għandha tiġi ppreżentata; (iii) l-ispeċifikazzjoni tal-kriterji għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta; (iv) l-istabbiliment tal-proċeduri u l-kundizzjonijiet applikabbli għat-tħejjija u s-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet lill-Uffiċċju; (v) il-kontenut tal-avviż tal-appell u l-proċedura għas-sottomissjoni u l-eżami ta’ appell; (vi) il-kontenut u l-forma tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell; u (vii) modifiki għall-informazzjoni u r-rekwiżiti fir-rigward tal-forma standard għall-awtodikjarazzjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (21). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (75)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward ta’: (i) l-istabbiliment ta’ regoli li jillimitaw l-informazzjoni li tinsab fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, fejn tali limitazzjoni tkun meħtieġa biex jiġu evitati applikazzjonijiet eċċessivament voluminużi; (ii) l-istabbiliment ta’ regoli dwar il-forma tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; (iii) l-ispeċifikazzjoni tal-format u tal-preżentazzjoni online tad-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament; (iv) l-istabbiliment ta’ regoli dettaljati dwar il-proċeduri għat-tħejjija u s-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet diretti; (v) l-istabbiliment ta’ regoli dettaljati dwar il-proċedura għal u l-forma u l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet lill-Uffiċċju, inkluż fir-rigward ta’ applikazzjonijiet li jikkonċernaw aktar minn territorju nazzjonali wieħed; (vi) l-istabbiliment ta’ regoli dwar il-preżentazzjoni tal-oppożizzjoni u l-ispeċifikazzjoni tal-format u l-preżentazzjoni online tad-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni; (vii) l-istabbiliment ta’ regoli dwar is-sottomissjoni tal-avviż ta’ kummenti u jispeċifikaw il-format u l-preżentazzjoni tiegħu online; (viii) deċiżjonijiet u proċeduri f’każijiet fejn il-Kummissjoni tieħu f’idejha mill-Uffiċċju s-setgħa li tiddeċiedi dwar applikazzjoni; (ix) l-istabbiliment ta’ regoli dettaljati dwar il-proċedura għal, u l-forma u l-preżentazzjoni ta’ talba għal emenda tal-Unjoni għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott u dwar il-proċedura għal, u l-forma ta’, emendi standard u l-komunikazzjoni ta’ tali emendi lill-Uffiċċju; (x) l-istabbiliment ta’ regoli dettaljati dwar il-proċeduri għal u l-forma ta’ kanċellazzjoni, kif ukoll dwar il-preżentazzjoni tat-talbiet għall-kanċellazzjoni; (xi) l-istabbiliment tal-arkitettura tal-IT għal u l-preżentazzjoni tar-reġistru tal-Unjoni; (xii) l-ispeċifikazzjoni tal-format u l-preżentazzjoni online ta’ siltiet mir-reġistru tal-Unjoni; (xiii) l-ispeċifikazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tas-simbolu u l-indikazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll ir-regoli tal-użu tagħhom fuq il-prodotti kummerċjalizzati taħt indikazzjoni ġeografika rreġistrata, inkluż regoli dwar il-verżjonijiet lingwistiċi li għandhom jintużaw; (xiv) l-ispeċifikazzjoni tan-natura u tat-tip tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata u tal-metodi għall-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ kontrolli; u (xv) id-determinazzjoni tal-ammonti tat-tariffi li għandhom jiġu mitluba mill-Uffiċċju u l-modi li bihom għandhom jitħallsu jew, fil-każ tat-tariffa għall-appelli quddiem il-Bordijiet tal-Appell, jiġu rimborżati. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22).

    (76)

    Il-protezzjoni attwali tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fil-livell nazzjonali hija bbażata fuq diversi approċċi regolatorji. Il-preżenza ta’ żewġ sistemi paralleli fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali tista’ toħloq ir-riskju ta’ konfużjoni għall-konsumaturi u l-produtturi. Is-sostituzzjoni tas-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali b’qafas regolatorju tal-Unjoni toħloq ċertezza legali, tnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet nazzjonali, tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ta’ prodotti ddeżinjati b’tali indikazzjonijiet ġeografiċi kif ukoll spejjeż prevedibbli u relattivament baxxi, u ttejjeb il-kredibbiltà tal-prodotti f’għajnejn il-konsumaturi. Għal dak il-għan, is-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali jenħtieġ li jieqfu jeżistu tnax-il xahar wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-protezzjoni mogħtija skont dawk is-sistemi nazzjonali tiġi estiża biż-żmien sal-konklużjoni tar-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi nazzjonali identifikati mill-Istati Membri kkonċernati. Xi Stati Membri, b’mod partikolari dawk li huma parti għall-Ftehim ta’ Liżbona għall-Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom, skont dak il-Ftehim, irreġistraw indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali. Huma taw protezzjoni wkoll, skont dak il-Ftehim, lill-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1753 jiġi emendat sabiex jippermetti li tinżamm il-protezzjoni ta’ dawk l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

    (77)

    Minħabba li huwa meħtieġ perjodu ta’ żmien biex jiġi żgurat li l-qafas għall-funzjonament xieraq ta’ dan ir-Regolament ikun fis-seħħ biex tinħoloq sistema tal-Unjoni u internazzjonali għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali, dan ir-Regolament jenħtieġ li jibda japplika wara l-iskadenza ta’ perjodu raġonevoli wara l-adozzjoni tiegħu. Madankollu, ċerti dispożizzjonijiet fir-rigward tad-deroga mill-fażi nazzjonali, tal-Bord Konsultattiv, tal-istabbiliment tas-sistema tal-IT u tad-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni jenħtieġ li japplikaw mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (78)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari fil-Karta. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi interpretat u applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji, inkluż id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, inkluż il-proprjetà intellettwali.

    (79)

    Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħolqien ta’ sistema tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (80)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fit-2 ta’ Ġunju 2022 (23),

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    TITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

    (a)

    ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’, u l-kontrolli fir-rigward, ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi li jiddeżinjaw prodotti artiġjanali u industrijali bi kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari marbuta mal-oriġini ġeografika tagħhom; u

    (b)

    l-indikazzjonijiet ġeografiċi mdaħħla fir-reġistru internazzjonali stabbilit taħt l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (“l-Att ta’ Ġinevra”) amministrati mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO).

    Artikolu 2

    Objettivi

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali, b’mod partikolari billi jistabbilixxi dispożizzjonijiet relatati ma’:

    (a)

    il-kompiti, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet meħtieġa għall-produtturi biex jimmaniġġjaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi, inkluż b’reazzjoni għad-domandi tas-soċjetà għal prodotti sostenibbli;

    (b)

    reġistrazzjoni sempliċi u effiċjenti tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, filwaqt li titqies il-protezzjoni xierqa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

    (c)

    il-ġenerazzjoni ta’ valur miżjud billi jikkontribwixxi għal kompetizzjoni ġusta fis-suq;

    (d)

    informazzjoni affidabbli u garanzija tal-awtentiċità għall-konsumatur ta’ prodotti deżinjati b’indikazzjoni ġeografika;

    (e)

    kontrolli u infurzar effettivi fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti artiġjanali u industrijali madwar l-Unjoni, inkluż fil-kummerċ elettroniku, filwaqt li tiġi żgurata l-integrità tas-suq intern;

    (f)

    żvilupp ekonomiku lokali, li jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-għarfien prattiku u tal-wirt komuni.

    Artikolu 3

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament japplika għal prodotti artiġjanali u industrijali.

    2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal prodotti agrikoli jew oġġetti tal-ikel kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, għal inbid kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew għal xorb spirituż kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/787.

    3.   Ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi skont dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-produtturi li jikkonformaw ma’ liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk relatati mat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq, mat-tikkettar tal-prodotti, mas-sikurezza tal-prodotti, mal-protezzjoni tal-konsumatur u mas-sorveljanza tas-suq.

    4.   Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) ma għandhiex tapplika għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “prodotti artiġjanali u industrijali” tfisser prodotti:

    (a)

    manifatturati kompletament bl-idejn jew bl-għajnuna ta’ għodod manwali jew diġitali, jew b’mezzi mekkaniċi kull meta l-kontribut manwali jkun komponent importanti tal-prodott lest; jew

    (b)

    prodotti b’mod standardizzat, inkluż il-produzzjoni tas-serje u bl-użu ta’ magni;

    (2)

    “produttur” tfisser operatur involut fi stadju wieħed jew aktar tal-produzzjoni għall-prodotti artiġjanali u industrijali;

    (3)

    “grupp ta’ produtturi” tfisser kwalunkwe assoċjazzjoni, irrispettivament mill-forma legali tagħha, magħmula l-aktar minn produtturi li jaħdmu bl-istess prodott;

    (4)

    “stadju tal-produzzjoni” tfisser kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, inkluż il-manifattura, l-ipproċessar, il-ksib, l-estrazzjoni, il-qtugħ jew il-preparazzjoni, sal-punt fejn il-prodott ikun f’forma tali li jkun jista’ jiġi introdott fis-suq;

    (5)

    “tradizzjonali”, fir-rigward ta’ prodott li joriġina minn żona ġeografika, tfisser li hemm użu storiku pprovat mill-produtturi f’komunità għal perjodu li jippermetti t-trażmissjoni bejn il-ġenerazzjonijiet;

    (6)

    “terminu ġeneriku” tfisser:

    (a)

    isem ta’ prodott li, għalkemm ikun relatat mal-post, mar-reġjun jew mal-pajjiż fejn oriġinarjament kien manifatturat jew kummerċjalizzat il-prodott, ikun sar l-isem komuni tal-prodott fl-Unjoni;

    (b)

    terminu komuni fl-Unjoni li huwa deskrittiv tat-tip ta’ prodott jew tal-attributi tal-prodott; jew

    (c)

    terminu li ma jirreferix għal prodott speċifiku;

    (7)

    “korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti” tfisser korp, irrispettivament mill-forma ġuridika tiegħu, li jiġi fdat bil-kompitu li jiċċertifika li prodotti deżinjati minn indikazzjoni ġeografika jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott;

    (8)

    “awtodikjarazzjoni” tfisser dokument f’forma armonizzata, kif stabbilit fl-Anness I, li fih il-produtturi, li jistgħu jiġu rrappreżentati minn rappreżentant awtorizzat, jindikaw fuq ir-responsabbiltà unika tagħhom li l-prodott huwa konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti u li l-kontrolli u l-verifiki kollha meħtieġa għad-determinazzjoni xierqa tal-konformità jkunu twettqu sabiex jintwera l-użu legali tal-indikazzjoni ġeografika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

    (9)

    “l-Uffiċċju” tfisser l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1001;

    (10)

    “avviż ta’ kummenti” tfisser osservazzjoni bil-miktub ippreżentata lill-Uffiċċju li tindika ineżattezzi fl-applikazzjoni, mingħajr ma tiskatta proċedura ta’ oppożizzjoni;

    (11)

    “protezzjoni speċifika nazzjonali għal indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali” tfisser titolu ta’ proprjetà intellettwali skont il-liġi nazzjonali, reġjonali jew lokali li speċifikament jipproteġi ismijiet li jidentifikaw prodotti artiġjanali u industrijali bi kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari marbuta mal-oriġini ġeografika tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ trademarks.

    Artikolu 5

    Protezzjoni tad-data

    1.   Il-Kummissjoni u l-Uffiċċju għandhom jitqiesu bħala kontrolluri skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725 b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali fil-proċeduri li għalihom huma kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala kontrolluri skont it-tifsira tal-Artikolu 4, punt (7), tar-Regolament (UE) 2016/679 b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali fil-proċeduri li għalihom huma kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Rekwiżiti għal indikazzjoni ġeografika

    1.   Sabiex l-isem ta’ prodott artiġjanali jew industrijali jkun jikkwalifika għal protezzjoni bħala indikazzjoni ġeografika, il-prodott għandu jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    il-prodott joriġina minn post, reġjun jew pajjiż speċifiku;

    (b)

    il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari tal-prodott hija essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu; u

    (c)

    mill-inqas wieħed mill-istadji tal-produzzjoni tal-prodott iseħħ fiż-żona ġeografika ddefinita.

    2.   Il-prodotti li jmorru kontra l-ordni pubbliku għandhom ikunu esklużi mill-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika.

    TITOLU II

    REĠISTRAZZJONI TAL-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI

    Kapitolu 1

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 7

    Proċedura ta’ reġistrazzjoni

    1.   Il-proċedura tar-reġistrazzjoni għandha tinkludi żewġ fażijiet. L-ewwel fażi għandu jseħħ fil-livell nazzjonali f’konformità mal-Artikoli 12 sa 16. It-tieni fażi għandha sseħħ fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 21 sa 30.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu deroga, skont l-Artikolu 19, mill-fażi nazzjonali tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni. F’każijiet bħal dawn, l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni għandhom jiġu sottomessi direttament lill-Uffiċċju.

    3.   Kwalunkwe piż amministrattiv assoċjat mal-proċedura ta’ reġistrazzjoni għandu jinżamm għal minimu.

    Artikolu 8

    L-Applikant

    1.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika (l-”applikazzjoni”) għandha tiġi sottomessa minn grupp ta’ produtturi.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, produttur wieħed għandu jitqies bħala applikant meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-persuna kkonċernata tkun l-uniku produttur lest li jippreżenta applikazzjoni; u

    (b)

    iż-żona ġeografika kkonċernata tkun definita minn parti partikolari ta’ territorju mingħajr referenza għall-konfini tal-proprjetà u jkollha karatteristiċi li jvarjaw b’mod sinifikanti minn dawk taż-żoni ġeografiċi ġirien, jew il-karatteristiċi tal-prodott ikunu differenti mill-karatteristiċi tal-prodotti manifatturati f’żoni ġeografiċi ġirien.

    3.   L-entitajiet lokali jew reġjonali tal-Istat Membru minn fejn joriġina l-grupp ta’ produtturi jew il-produttur uniku għandhom jitħallew jipprovdu assistenza fit-tħejjija tal-applikazzjoni u fil-proċedura relatata.

    4.   Awtorità lokali jew reġjonali, minbarra l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 50(1), maħtura minn Stat Membru, jew entità privata maħtura minn Stat Membru, tista’ titqies bħala applikant skont it-tifsira tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-applikazzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet għal tali denominazzjoni.

    5.   Fil-każ ta’ prodott li joriġina minn żona ġeografika transfruntiera, diversi applikanti minn Stati Membri differenti, minn Stati Membri u pajjiżi terzi, jew minn pajjiżi terzi jistgħu jippreżentaw applikazzjoni konġunta għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika għal tali prodott.

    Artikolu 9

    Speċifikazzjoni tal-prodott

    1.   Sabiex l-isem ta’ prodott artiġjanali jew industrijali jiġi protett bħala indikazzjoni ġeografika, il-prodott għandu jikkonforma mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott li turi li r-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 6(1) huma ssodisfati. L-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandha tkun oġġettiva u mhux diskriminatorja u għandha tindika l-istadji tal-produzzjoni li jseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita.

    L-ispeċifikazzjoni ta’ prodott għandha tinkludi dan li ġej:

    (a)

    l-isem li għandu jiġi protett bħala indikazzjoni ġeografika, li jista’ jkun isem ġeografiku tal-post tal-produzzjoni tal-prodott, jew isem użat matul il-kummerċ jew b’lingwaġġ komuni biex jiddeskrivi jew jirreferi għall-prodott fiż-żona ġeografika ddefinita;

    (b)

    it-tip ta’ prodott;

    (c)

    deskrizzjoni tal-prodott, inkluż, fejn xieraq, tal-materja prima;

    (d)

    l-ispeċifikazzjoni taż-żona ġeografika ddefinita kif imsemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a), u l-informazzjoni li tistabbilixxi r-rabta bejn iż-żona ġeografika u kwalità partikolari, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott kif imsemmija fl-Artikolu 6 (1), il-punt (b);

    (e)

    evidenza li l-prodott joriġina fiż-żona ġeografika ddefinita speċifikata fl-Artikolu 6 (1), il-punti (a) u (c), inkluż billi jiġu ddikjarati l-istadju tal-produzzjoni li jseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita;

    (f)

    deskrizzjoni tal-metodu tal-produzzjoni u, fejn xieraq, il-metodi tradizzjonali u l-prattiki speċifiċi użati;

    (g)

    informazzjoni dwar l-imballaġġ, fejn l-applikant jiddeċiedi li l-imballaġġ għandu jsir fiż-żona ġeografika definita, f’liema każ l-applikant għandu jagħti ġustifikazzjoni suffiċjenti speċifika għall-prodott dwar għaliex l-imballaġġ għandu jsir f’dik iż-żona;

    (h)

    kwalunkwe regola speċifika ta’ tikkettar għall-prodott;

    (i)

    indikazzjoni ta’ kwalunkwe stadju individwali tal-produzzjoni li jitwettaq minn produttur wieħed jew aktar fi Stat Membru jew f’pajjiż terz għajr l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li fih joriġina l-isem tal-prodott, u ta’ kwalunkwe dispożizzjoni speċifika għall-verifika tal-konformità f’dak ir-rigward;

    (j)

    rekwiżiti oħrajn previsti mill-Istati Membri jew minn grupp ta’ produtturi, kif applikabbli, fuq kundizzjoni li tali rekwiżiti jkunu oġġettivi, mhux diskriminatorji u kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli li jillimitaw l-informazzjoni li tinsab fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fejn tali limitazzjoni tkun meħtieġa biex jiġu evitati applikazzjonijiet eċċessivament voluminużi, u li jistabbilixxu regoli dwar il-forma tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    Artikolu 10

    Dokument uniku

    1.   Id-dokument uniku inkluż fl-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(2), il-punt (b), għandu jitfassal bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II. Huwa għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-isem li għandu jiġi protett bħala indikazzjoni ġeografika;

    (b)

    it-tip ta’ prodott;

    (c)

    deskrizzjoni tal-prodott, inklużi, fejn xieraq, informazzjoni dwar l-imballaġġ u t-tikkettar,

    (d)

    definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika;

    (e)

    deskrizzjoni tar-rabta bejn il-prodott u ż-żona ġeografika ddefinita msemmija fl-Artikolu 6(1)), inkluż, fejn xieraq, l-elementi speċifiċi tad-deskrizzjoni tal-prodott jew tal-metodu ta’ produzzjoni li jiġġustifikaw dik ir-rabta.

    2.   Meta l-applikant ikun intrapriża mikro, żgħira u ta’ daqs medju (MSME) jew grupp ta’ produtturi li jikkonsisti biss minn MSMEs, l-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 12(1) tal-Istat Membru minn fejn joriġina l-grupp ta’ produtturi jew il-produttur uniku, għandha tagħmel ħilitha biex tassisti, fuq talba tal-applikant u mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, fit-tħejjija tad-dokument uniku f’konformità mal-prattika amministrattiva tagħha.

    Fil-każ ta’ applikazzjonijiet transfruntiera, l-awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru kkonċernatgħandha tiġi kkunsidrata bħala awtorita’ kompetenti fi ħdan it-tifsira tal-ewwel subparagrafu.

    Meta Stat Membru jiddeċiedi li juża l-proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta msemmija fl-Artikolu 20, l-Uffiċċju, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-punt uniku ta’ kuntatt maħtur skont l-Artikolu 19(5), għandu jagħmel ħiltu biex jipprovdi assistenza lill-applikant fil-preparazzjoni tad-dokument uniku.

    Kwalunkwe assistenza pprovduta mill-awtoritajiet jew mill-Uffiċċju skont dan il-paragrafu għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-applikant għad-dokument uniku.

    Artikolu 11

    Dokumentazzjoni li takkumpanja l-applikazzjoni

    1.   Id-dokumentazzjoni li takkumpanja l-applikazzjoni (“dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament”) għandha tinkludi:

    (a)

    l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-applikant;

    (b)

    l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 50(1) u, fejn applikabbli, tal-korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodott jew il-persuna fiżika li tivverifika l-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 51(5), il-punt (b), l-Artikolu 52(1), il-punt (b) u l-Artikolu 53, il-punt (b);

    (c)

    informazzjoni dwar kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu jew il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, kif ukoll kwalunkwe miżura tranżizzjonali proposta mill-applikant jew mill-awtorità nazzjonali kompetenti, b’mod partikolari wara l-eżami mill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-applikazzjoni u kwalunkwe oppożizzjoni;

    (d)

    kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa xierqa mill-Istat Membru jew mill-applikant.

    2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 69 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika aktar ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    3.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 69 biex temenda dan ir-Regolament billi jelenkaw punti addizzjonali għad-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament li għandha tiġi pprovduta.

    4.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format u l-preżentazzjoni online tad-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    Kapitolu 2

    Fażi nazzjonali

    Taqsima 1

    Proċeduri fil-livell nazzjonali

    Artikolu 12

    Ħatra tal-awtorità kompetenti

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew għall-Artikolu 19, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti għall-fażi nazzjonali tal-proċedura għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali.

    Dik l-awtorità kompetenti għandha tkun responsabbli wkoll għall-fażi nazzjonali tal-proċeduri fir-rigward tal-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jew tal-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni.

    2.   Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jaqblu li l-awtorità kompetenti ta’ wieħed minn dawk l-Istati Membri għandha tkun responsabbli għall-fażi nazzjonali tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1, inkluż is-sottomissjoni tal-applikazzjoni lill-Uffiċċju, anki f’isem l-Istat Membru l-ieħor jew l-Istati Membri l-oħrajn.

    3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju sal-1 ta’ Diċembru 2025 bl-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1, u għandhom iżommu dik l-informazzjoni aġġornata. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju, sal-istess data, meta jiddeċiedu li jikkooperaw ma’ xulxin fuq bażi permanenti fir-rigward tal-fażi nazzjonali tal-proċeduri, kif previst fil-paragrafu 2.

    Artikolu 13

    Sottomissjoni tal-applikazzjoni

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 20(1), applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika ta’ prodott li joriġina fl-Unjoni għandha tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li minnu joriġina l-prodott.

    2.   L-applikazzjoni għandha tinkludi:

    (a)

    l-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 9;

    (b)

    id-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 10; u

    (c)

    id-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 11.

    3.   L-awtorità kompetenti għandha tippermetti lill-applikanti jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom b’mod elettroniku.

    Artikolu 14

    Eżami tal-applikazzjoni mill-awtorità kompetenti

    1.   L-awtorità kompetenti għandha teżamina l-applikazzjoni permezz ta’ mekkaniżmi effettivi u trasparenti biex tivverifika li tikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 6 u 8, u li tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa msemmija fl-Artikoli 9, 10 u 11.

    2.   Meta l-awtorità kompetenti ssib li l-applikazzjoni mhijiex kompluta jew mhix korretta, hija għandha tagħti lill-applikant il-possibbiltà li jimla jew jikkoreġi dik l-applikazzjoni f’limitu ta’ żmien stabbilit.

    3.   Fejn, wara l-eżami tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti ssib li l-applikazzjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 6 u 8 jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa, imsemmija fl-Artikoli 9, 10 u 11, hija għandha tirrifjuta l-applikazzjoni. Inkella, hija għandha tipproċedi bil-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 15.

    Artikolu 15

    Proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni

    1.   Wara l-eżami msemmi fl-Artikolu 14(1), l-awtorità kompetenti għandha twettaq proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni. Dik il-proċedura għandha tipprevedi l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni u għal perjodu ta’ mill-inqas xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni, li fih kwalunkwe persuna li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fl-Istat Membru responsabbli għall-fażi nazzjonali tar-reġistrazzjoni jew fl-Istati Membri minn fejn joriġina l-prodott ikkonċernat (“avversarju nazzjonali”) tista’ tissottometti lill-awtorità kompetenti oppożizzjoni għall-applikazzjoni. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti dettaljati għat-tali proċedura ta’ oppożizzjoni.

    2.   Meta l-awtorità kompetenti tqis li l-oppożizzjoni hija ammissibbli, hija għandha, fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-oppożizzjoni, tistieden lill-avversarju nazzjonali u lill-applikant biex jidħlu f’konsultazzjonijiet, għal perjodu raġonevoli ta’ mhux aktar minn tliet xhur, bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni bonarja. Fi kwalunkwe ħin matul dak il-perjodu, l-awtorità kompetenti tista’, fuq talba konġunta tal-avversarju nazzjonali u tal-applikant, testendi dak il-perjodu b’massimu ta’ tliet xhur. L-eżitu ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, inkluż kwalunkwe modifika miftiehma fl-applikazzjoni, għandu jiġi kkomunikat lill-awtorità kompetenti mill-applikant.

    3.   Oppożizzjoni għandha tkun ibbażata fuq waħda jew aktar mir-raġunijiet li ġejjin:

    (a)

    l-indikazzjoni ġeografika proposta ma tkunx konformi mar-rekwiżiti għall-protezzjoni stipulati f’dan ir-Regolament;

    (b)

    ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika proposta tmur kontra l-Artikolu 42 jew 43, jew l-Artikolu 44(2); jew

    (c)

    ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika proposta tipperikola l-eżistenza ta’ isem identiku jew simili użat matul il-kummerċ jew ta’ trademark, jew l-eżistenza ta’ prodotti li jkunu ilhom legalment fis-suq għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fil-paragrafu 1.

    Artikolu 16

    Deċiżjoni tal-fażi nazzjonali

    1.   Fejn l-awtorità kompetenti, wara l-eżami tal-applikazzjoni u l-valutazzjoni tal-eżitu tal-proċedura ta’ oppożizzjoni inkluż, fejn applikabbli, kwalunkwe modifika maqbula fl-applikazzjoni, issib li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament huma ssodisfati, hija għandha tieħu deċiżjoni favorevoli mingħajr dewmien żejjed u tissottometti l-applikazzjoni lill-Uffiċċju, f’konformità mal-Artikolu 22(1). Meta l-awtorità kompetenti ssib li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament mhumiex issodisfati, hija għandha tirrifjuta l-applikazzjoni.

    2.   L-awtorità kompetenti għandha tagħmel id-deċiżjoni tagħha disponibbli għall-pubbliku. Għandha tippubblika elettronikament l-ispeċifikazzjoni tal-prodott li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni favorevoli tagħha.

    3.   Kwalunkwe parti li jkollha interess leġittimu għandu jkollha d-dritt li tressaq appell kontra d-deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 1.

    Artikolu 17

    Effiċjenza tal-proċeduri

    Fir-rigward tal-Artikoli 14, 15 u 16, l-Istati Membri għandhom jipprevedu proċeduri amministrattivi effiċjenti, prevedibbli u rapidi. L-informazzjoni dwar dawk il-proċeduri, inkluż kwalunkwe skadenzi applikabbli u t-tul ġenerali tal-proċeduri, għandha tkun disponibbli għall-pubbliku. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Uffiċċju għandhom jikkooperaw fi ħdan il-Bord Konsultattiv stabbilit skont l-Artikolu 35 (“il-Bord Konsultattiv”) biex jikkondividu l-aħjar prattiki bil-ħsieb li jippromwovu l-effiċjenza ta’ dawk il-proċeduri.

    Artikolu 18

    Protezzjoni nazzjonali temporanja

    1.   Stat Membru jista’ jagħti protezzjoni nazzjonali temporanja lil indikazzjoni ġeografika, b’effett mid-data li fiha applikazzjoni tiġi sottomessa lill-Uffiċċju.

    2.   Il-protezzjoni nazzjonali temporanja għandha tieqaf fid-data li fiha tiġi adottata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni jew li fiha tiġi rtirata l-applikazzjoni.

    3.   Meta indikazzjoni ġeografika ma tiġix irreġistrata skont dan ir-Regolament, il-konsegwenzi tal-protezzjoni nazzjonali temporanja għandhom ikunu r-responsabbiltà unika tal-Istat Membru kkonċernat.

    4.   Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu għandhom jipproduċu effetti biss fil-livell nazzjonali. Tali miżuri ma għandu jkollhom l-ebda effett fuq is-suq intern jew fuq il-kummerċ internazzjonali.

    Taqsima 2

    Deroga u reġistrazzjoni diretta

    Artikolu 19

    Deroga mill-fażi nazzjonali

    1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tagħti lil Stat Membru deroga mill-obbligu, stabbilit fit-Taqsima 1, li jaħtar awtorità kompetenti u li jipproċessa l-applikazzjonijiet fil-livell nazzjonali, fejn l-Istat Membru, sat-30 ta’ Novembru 2024, jipprovdi lill-Kummissjoni:

    (a)

    bl-evidenza li turi li l-Istat Membru kkonċernat ma għandux protezzjoni speċifika nazzjonali għall-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali; u

    (b)

    bit-talba għal tali deroga akkumpanjata minn valutazzjoni li turi li l-interess lokali għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali huwa baxx.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob aktar informazzjoni mingħand l-Istat Membru qabel ma tadotta deċiżjoni dwar id-deroga msemmija fil-paragrafu 1.

    3.   Stat Membru li jkun ingħata deroga f’konformità mal-paragrafu 1 jista’ jinforma lill-Kummissjoni bil-miktub li jkun iddeċieda li ma jibqax jagħmel użu minn dik id-deroga u li jkun iddeċieda li jaħtar awtorità kompetenti għall-finijiet tal-fażi nazzjonali tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni. Tali deċiżjoni ta’ Stat Membru li jieqaf jagħmel użu mid-deroga ma għandha taffettwa l-ebda proċedura ta’ reġistrazzjoni li tkun għaddejja.

    4.   Jekk in-numru ta’ applikazzjonijiet diretti sottomessi f’konformità mal-Artikolu 20 minn applikanti minn Stat Membru li jkun ingħata deroga skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jaqbeż sostanzjalment l-istima mogħtija fil-valutazzjoni sottomessa mill-Istat Membru skont dak il-paragrafu, il-Kummissjoni tista’ tirtira dik id-deroga.

    5.   Stat Membru li jkun ingħata deroga skont paragrafu 1 għandu jaħtar punt uniku ta’ kuntatt għal kwalunkwe kwistjoni teknika relatata mal-prodotti u l-applikazzjonijiet u għandu jipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju. Dak il-punt uniku ta’ kuntatt għandu jkun indipendenti mill-applikanti u imparzjali.

    6.   L-Istati Membri li kienu ngħataw deroga f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx ikunu eżentati mill-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 49 sa 62.

    Artikolu 20

    Reġistrazzjoni diretta

    1.   Meta Stat Membru jkun ingħata deroga f’konformità mal-Artikolu 19(1), kwalunkwe applikazzjoni (“applikazzjoni diretta”), talba għal emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jew talba għall-kanċellazzjoni ppreżentata minn applikant ta’ dak l-Istat Membru fir-rigward ta’ prodott li joriġina fl-Unjoni għandhom jiġu ppreżentati direttament lill-Uffiċċju.

    2.   L-Artikolu 14, l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 23(1), (2) u (4) sa (7) u l-Artikoli 25 sa 33 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta msemmija f’dan l-Artikolu.

    3.   Fil-proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta, kwalunkwe persuna li jkollha interess leġittimu, inkluż avversarji nazzjonali, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Uffiċċju f’konformità mal-Artikolu 25.

    4.   L-Uffiċċju għandu jikkomunika mal-applikant u mal-punt uniku ta’ kuntatt imsemmi fl-Artikolu 19(5) dwar kwalunkwe kwistjoni teknika relatata mal-applikazzjoni diretta.

    5.   Fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni ta’ talba mill-Uffiċċju, l-Istat Membru, permezz tal-punt uniku ta’ kuntatt, għandu jipprovdi assistenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżami tal-applikazzjonijiet diretti. Fuq talba tal-Istat Membru, dak il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż b’xahrejn. Tali assistenza għandha tinkludi l-eżami ta’ ċerti aspetti speċifiċi tal-applikazzjonijiet diretti ppreżentati lill-Uffiċċju, il-verifika ta’ informazzjoni fl-applikazzjonijiet diretti, il-ħruġ ta’ dikjarazzjonijiet dwar tali informazzjoni u t-tweġiba għal talbiet oħrajn għall-kjarifika magħmula mill-Uffiċċju b’rabta ma’ tali applikazzjonijiet.

    6.   Jekk l-Istat Membru, permezz tal-punt uniku ta’ kuntatt, ma jipprovdix assistenza fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, il-proċedura ta’ reġistrazzjoni għandha tiġi sospiża għal massimu ta’ sitt xhur. Meta l-assistenza ma tingħatax f’dak il-perjodu, id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali stabbilita skontl-Artikolu 34 (“id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi”) għandha tikkonsulta lill-Bord Konsultattiv qabel ma tieħu deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni diretta.

    7.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi li jikkonċernaw prodotti li joriġinaw minn pajjiż terz (“indikazzjoni ġeografika ta’ pajjiż terz”).

    8.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 69 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-kriterji għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta.

    9.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-proċeduri għat-tħejjija u s-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet diretti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    Kapitolu 3

    Proċeduri fil-livell tal-Unjoni u kompiti tal-Uffiċċju

    Taqsima 1

    Proċeduri fil-livell tal-Unjoni

    Artikolu 21

    Reġistrazzjoni

    Il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni fil-livell tal-Unjoni għandhom ikopru:

    (a)

    il-fażi tal-Unjoni tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni fir-rigward ta’ applikazzjoni sottomessa mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wara li tkun ittieħdet deċiżjoni favorevoli dwar l-applikazzjoni f’livell nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 16(1);

    (b)

    il-proċedura ta’ reġistrazzjoni fir-rigward ta’ applikazzjoni diretta sottomessa f’konformità mal-Artikolu 20; u

    (c)

    il-proċedura ta’ reġistrazzjoni fir-rigward ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika ta’ pajjiż terz, għajr indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fl-Unjoni skont l-Att ta’ Ġinevra jew skont kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor li għalih l-Unjoni hija parti kontraenti.

    Artikolu 22

    Sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet lill-Uffiċċju

    1.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 21, il-punt (a), l-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa lill-Uffiċċju mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. F’każijiet bħal dawn, l-applikazzjoni għandha tinkludi:

    (a)

    id-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 10;

    (b)

    id-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 11;

    (c)

    dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti li lilha tkun ġiet ppreżentata inizjalment l-applikazzjoni, li tikkonferma li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont dan ir-Regolament;

    (d)

    referenza għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ippubblikata b’mod elettroniku skont l-Artikolu 16(2).

    2.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 21, il-punt (b), applikazzjoni diretta għandha tiġi ppreżentata mill-applikant lill-Uffiċċju.

    F’każijiet bħal dawn, l-applikazzjoni għandha tinkludi:

    (a)

    l-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 9;

    (b)

    id-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 10;

    (c)

    id-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 11.

    3.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 21, il-punt (c), applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika ta’ pajjiż terz għandha tiġi sottomessa lill-Uffiċċju jew direttament mill-applikant jew mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat, kif applikabbli skont il-liġi tal-pajjiż terz. L-applikant u l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat għandhom jitqiesu bħala partijiet għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni.

    F’każijiet bħal dawn, l-applikazzjoni għandha tinkludi:

    (a)

    l-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 9;

    (b)

    id-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 10;

    (c)

    id-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 11;

    (d)

    prova legali tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika fil-pajjiż terz tal-oriġini;

    (e)

    prova ta’ prokura meta l-applikant ikun irrappreżentat minn aġent.

    4.   Meta tiġi sottomessa applikazzjoni konġunta skont l-Artikolu 8(5), l-applikazzjoni lill-Uffiċċju għandha tiġi sottomessa minn:

    (a)

    l-awtorità kompetenti ta’ wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, fejn iż-żona ġeografika transfruntiera tkun tinsab f’aktar minn Stat Membru wieħed;

    (b)

    l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, fejn iż-żona ġeografika transfruntiera tinsab kemm fi Stat Membru kif ukoll f’pajjiż terz;

    (c)

    l-applikant minn pajjiż terz, jew l-awtorità kompetenti ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi kkonċernati, fejn iż-żona ġeografika transfruntiera tkun tinsab f’aktar minn pajjiż terz wieħed.

    5.   Applikazzjoni konġunta msemmija fl-Artikolu 8(5) għandha tinkludi, kif applikabbli, id-dokumenti elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, mill-Istati Membri jew mill-pajjiżi terzi kkonċernati. Il-fażi nazzjonali relatata tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikoli 14, 15 u 16 għandha titwettaq fl-Istati Membri kollha kkonċernati, ħlief fejn japplika l-Artikolu 12(2).

    6.   L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi b’mod elettroniku, bl-użu tas-sistema diġitali għas-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet lill-Uffiċċjumsemmija fl-Artikolu 67.

    7.   Wara l-wasla ta’ applikazzjoni, l-Uffiċċju għandu jippubblikaha fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali (“ir-reġistru tal-Unjoni”) imsemmi fl-Artikolu 37. L-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d), ta’ dan l-Artikolu għandha tinżamm aġġornata.

    8.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 69 biex tissupplimenta dan ir-Regolament, billi jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet applikabbli għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet lill-Uffiċċju.

    9.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-proċedura għal u l-forma u l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet lill-Uffiċċju, inkluż fir-rigward ta’ applikazzjonijiet li jikkonċernaw aktar minn territorju nazzjonali wieħed. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    Artikolu 23

    Eżami tal-applikazzjoni u pubblikazzjoni għall-finijiet ta’ oppożizzjoni

    1.   Applikazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 22 għandha tiġi eżaminata mill-Uffiċċju, fi ħdan id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. L-Uffiċċju għandu jivverifika li:

    (a)

    ma jkun hemm l-ebda żball evidenti;

    (b)

    l-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 22(1), (2) jew (3), kif applikabbli, tkun kompluta; u

    (c)

    id-dokument uniku jkun preċiż u ta’ natura teknika u jikkonforma mal-Artikolu 10.

    2.   L-eżami mwettaq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jqis l-eżitu tal-fażi nazzjonali tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, ħlief fejn japplika l-Artikolu 20.

    3.   L-eżami msemmi fil-paragrafu 1 għandu jitwettaq fi żmien sitt xhur minn meta tasal l-applikazzjoni. Fejn il-perjodu tal-eżami jaqbeż jew x’aktarx jaqbeż is-sitt xhur, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-applikant bil-miktub bir-raġunijiet għad-dewmien.

    4.   L-Uffiċċju jista’ jitlob informazzjoni supplimentari mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fejn l-applikazzjoni tiġi ppreżentata minn applikant minn pajjiż terz jew mill-awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz, dak l-applikant jew dik l-awtorità kompetenti għandhom jipprovdu informazzjoni supplimentari, meta din tintalab mill-Uffiċċju.

    5.   Meta d-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tikkonsulta mal-Bord Konsultattiv, l-applikant għandu jiġi nnotifikat b’dan u l-perjodu msemmi fil-paragrafu 3 għandu jiġi sospiż.

    6.   Meta, abbażi tal-eżami mwettaq skont il-paragrafu 1, l-Uffiċċju jsib li l-applikazzjoni mhijiex kompluta jew hija skorretta, l-Uffiċċju għandu jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew, fil-każ ta’ applikazzjoni minn pajjiż terz, lill-applikant jew lill-awtorità kompetenti li tkun issottomettiet l-applikazzjoni lill-Uffiċċju, u jitlobhom li l-applikazzjoni titlesta jew tiġi kkoreġuta fi żmien xahrejn. L-Uffiċċju għandu jinforma lill-applikant li l-applikazzjoni ser tiġi rrifjutata jekk ma tkunx kompluta jew ikkoreġuta sal-iskadenza.

    Jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jew, fil-każ ta’ applikazzjoni minn pajjiż terz, l-applikant jew l-awtorità kompetenti kkonċernata, ma jikkompletawx jew ma jikkoreġux l-applikazzjoni sal-iskadenza, l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata skont l-Artikolu 29(1).

    7.   Fejn, abbażi tal-eżami mwettaq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Uffiċċju jqis li l-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament huma ssodisfati, huwa għandu jippubblika, għall-finijiet ta’ oppożizzjoni, fir-reġistru tal-Unjoni, id-dokument uniku u r-referenza għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ippubblikata b’mod elettroniku skont l-Artikolu 16(2). Id-dokument uniku għandu jiġi ppubblikat bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

    Artikolu 24

    Kontestazzjonijiet tad-deċiżjoni tal-fażi nazzjonali

    1.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tinforma lill-Uffiċċju mingħajr dewmien żejjed dwar kwalunkwe proċediment amministrattiv jew ġudizzjarju nazzjonali kontra dik id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li jista’ jaffettwa r-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika.

    2.   L-Uffiċċju għandu jkun eżentat mill-obbligu li jirrispetta l-iskadenza għat-tlestija tal-eżami stipulata fl-Artikolu 23(3), u għandu jinforma lill-applikant bir-raġunijiet għad-dewmien, meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru:

    (a)

    tinforma lill-Uffiċċju li d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 16(1) tkun ġiet invalidata fil-livell nazzjonali b’deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja immedjatament applikabbli, iżda mhux finali; jew

    (b)

    titlob lill-Uffiċċju jissospendi l-eżami minħabba li jkunu nbdew proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali biex tiġi kkontestata l-validità tal-applikazzjoni.

    3.   Meta d-deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a) tkun saret finali, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tinforma lill-Uffiċċju b’dan.

    4.   L-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 għandu jkollha effett sakemm l-Uffiċċju jiġi informat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li r-raġuni għas-sospensjoni ma tkunx għadha teżisti.

    Artikolu 25

    Proċedura ta’ oppożizzjoni fil-livell tal-Unjoni

    1.   Fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tad-dokument uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni elettronika tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott fir-reġistru tal-Unjoni previst fl-Artikolu 23(7), avversarju, kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jista’ jressaq oppożizzjoni mal-Uffiċċju. L-applikant u l-avversarju għandhom jitqiesu bħala l-partijiet għall-proċedura.

    2.   Avversarju jista’ jkun l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz jew fi Stat Membru ieħor, għajr avversarju nazzjonali msemmi fl-Artikolu 15(1).

    3.   L-Uffiċċju għandu jivverifika l-ammissibbiltà tal-oppożizzjoni, f’konformità mal-Artikolu 26.

    4.   Meta l-Uffiċċju jqis li l-oppożizzjoni hija ammissibbli, huwa għandu, fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-oppożizzjoni, tistieden lill-avversarju nazzjonali u lill-applikant biex jidħlu f’konsultazzjonijiet, għal perjodu raġonevoli ta’ mhux aktar minn tliet xhur, bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni bonarja. Fi kwalunkwe ħin matul dak il-perjodu, l-Uffiċċju jista’, fuq talba konġunta tal-avversarju nazzjonali u tal-applikant, jestendi dak il-perjodu b’massimu ta’ tliet xhur. L-Uffiċċju għandu joffri alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim, bħal pereżempju medjazzjoni, għall-konsultazzjonijiet bejn l-applikant u l-avversarju kif imsemmi fl-Artikolu 170 tar-Regolament (UE) 2017/1001.

    5.   Matul il-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4, l-applikant u l-avversarju għandhom jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi vvalutat jekk l-applikazzjoni tikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    6.   Id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tista’, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura ta’ oppożizzjoni, tikkonsulta mal-Bord Konsultattiv, f’liema każ il-partijiet għandhom jiġu nnotifikati u l-perjodu msemmi fil-paragrafu 4 għandu jiġi sospiż.

    7.   Fi żmien xahar mit-tmiem tal-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4, l-applikant għandu jikkomunika l-eżitu tal-konsultazzjonijiet lill-Uffiċċju.

    8.   Meta, wara l-konsultazzjonijiet, l-informazzjoni ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 23(7) tkun ġiet immodifikata, l-Uffiċċju għandu jwettaq eżami ġdid tal-applikazzjoni modifikata. Meta l-applikazzjoni tkun ġiet immodifikata b’mod sostanzjali u l-Uffiċċju jqis li l-applikazzjoni modifikata tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, huwa għandu jippubblika l-applikazzjoni modifikata f’konformità mal-Artikolu 23(7).

    9.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dwar il-preżentazzjoni tal-oppożizzjoni u jispeċifikaw il-format u l-preżentazzjoni online tad-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    Artikolu 26

    Ammissibbiltà u raġunijiet għal oppożizzjoni

    1.   Oppożizzjoni ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 25 għandha tkun ammissibbli biss jekk ikun fiha l-informazzjoni kollha speċifikata fil-formola standard għad-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni li tinsab fl-Anness III.

    2.   Oppożizzjoni għandha tkun ibbażata fuq waħda jew aktar mir-raġunijiet li ġejjin:

    (a)

    l-indikazzjoni ġeografika proposta ma tkunx konformi mar-rekwiżiti għall-protezzjoni stipulati f’dan ir-Regolament;

    (b)

    ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika proposta tmur kontra l-Artikoli 42 jew 43, jew l-Artikolu 44(2); jew

    (c)

    ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika proposta tipperikola l-eżistenza ta’ isem identiku jew simili użat fil-kummerċ jew ta’ trademark, jew l-eżistenza ta’ prodotti li jkunu ilhom legalment fis-suq għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni prevista fl-Artikolu 22(7).

    3.   Oppożizzjoni li ma tkunx ammissibbli f’konformità mal-paragrafu 1 għandha tiġi rrifjutata.

    Artikolu 27

    Proċedura ta’ avviż ta’ kummenti

    1.   Fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tad-dokument uniku u r-referenza għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott fir-reġistru tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 23(7), awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li għandha interess leġittimu u hija stabbilita jew residenti fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta avviż ta’ kummenti lill-Uffiċċju.

    2.   Avviż ta’ kummenti għandu jindika kwalunkwe ineżattezza jew ikun fih informazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni, inkluż ksur possibbli ta’ liġi oħra tal-Unjoni. Ma għandu jagħti ebda dritt lill-awtur tiegħu jew jagħti bidu għal proċedura ta’ oppożizzjoni. L-avviż ta’ kummenti ma għandux ikun ibbażat fuq ir-raġunijiet għall-oppożizzjoni u l-awtur tal-avviż ta’ kummenti ma għandux jitqies bħala parti fil-proċedura.

    3.   L-Uffiċċju għandu jikkomunika l-avviż ta’ kummenti lill-applikant u għandu jqis dan l-avviż meta jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni, ħlief jekk l-avviż ta’ kummenti ma jkunx ċar jew ikun skorrett b’mod ovvju.

    4.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dwar is-sottomissjoni tal-avviż ta’ kummenti u jispeċifikaw il-format u l-preżentazzjoni tiegħu online. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    Artikolu 28

    Perjodu tranżizzjonali għall-użu ta’ indikazzjoni ġeografika

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44, fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, l-Uffiċċju jista’ jiddeċiedi li jagħti perjodu tranżizzjonali ta’ massimu ta’ ħames snin biex jippermetti, għall-prodotti li joriġinaw minn Stat Membru jew pajjiż terz, li d-denominazzjoni tagħhom tikkonsisti minn jew tinkludi isem li jikser l-Artikolu 40, it-tkomplija tal-użu tad-denominazzjoni li jkunu ġew ikkummerċjalizzati biha, dment li oppożizzjoni ammissibbli, skont l-Artikolu 15 jew 25, għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika li l-protezzjoni tagħha hija miksura, tkun uriet li:

    (a)

    ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tkun qed tipperikola l-eżistenza ta’ isem identiku jew simili użat matul il-kummerċ għall-finijiet tad-denominazzjoni tal-prodott; jew

    (b)

    tali prodotti jkunu ġew ikkummerċjalizzati legalment b’dak l-isem għall-finijiet tad-denominazzjoni tal-prodott fit-territorju kkonċernat għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni prevista fl-Artikolu 22(7).

    2.   L-Uffiċċju jista’ jagħti perjodu tranżizzjonali ta’ mhux aktar minn 15-il sena jew jista’ jiddeċiedi li jestendi l-perjodu tranżizzjonali mogħti skont il-paragrafu 1 sa perjodu totali ta’ 15-il sena, dment li jintwera wkoll li:

    (a)

    l-isem imsemmi fil-paragrafu 1 ikun ilu jintuża legalment b’mod konsistenti u ġust għal mill-inqas 25 sena qabel ma l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika kkonċernata ġiet sottomessa lill-Uffiċċju;

    (b)

    l-iskop tal-użu tal-isem imsemmi fil-paragrafu 1 ma kien, fl-ebda ħin, li japprofitta mir-reputazzjoni tal-isem li jkun ġie rreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika; u

    (c)

    il-konsumatur ma kienx jew ma setax kien imqarraq fir-rigward tal-oriġini ġeografika vera tal-prodotti.

    3.   Deċiżjonijiet li jagħtu jew jestendu perjodu tranżizzjonali, kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, għandhom jiġu ppubblikati fir-reġistru tal-Unjoni.

    4.   Matul il-perjodu tranżizzjonali, meta jintuża isem skont il-paragrafu 1, l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini għandha tidher b’mod ċar u viżibbli fuq it-tikketta u, fejn ikun applikabbli, bħala parti mid-deskrizzjoni tal-prodott meta l-prodott jiġi kkummerċjalizzat fuq sit web tal-bejgħ online.

    5.   Bil-ħsieb li jinkiseb l-objettiv fit-tul li l-produtturi kollha ta’ prodott denominat b’indikazzjoni ġeografika fiż-żona ġeografika kkonċernata jkunu konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott relatat, Stat Membru jista’ jagħti perjodu tranżizzjonali biex tinkiseb il-konformità, ta’ mhux aktar minn għaxar snin, li jsir effettiv mid-data ta’ meta l-applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Uffiċċju, dment li l-operaturi kkonċernati jkunu kkummerċjalizzaw il-prodotti inkwistjoni legalment, bl-użu kontinwu tal-isem ikkonċernat għal mill-inqas ħames snin qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru u jkunu rreferew għal dak il-fatt fil-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 15.

    6.   Il-paragrafu 5 għandu japplika, mutatis mutandis, għal indikazzjoni ġeografika li tirreferi għal żona ġeografika li tinsab f’pajjiż terz. L-obbligu li fil-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni ssir referenza għall-użu kontinwu kif imsemmi f’dak il-paragrafu ma għandux japplika għal indikazzjonijiet ġeografiċi li jirreferu għal żona ġeografika f’pajjiż terz.

    Artikolu 29

    Deċiżjoni tal-Uffiċċju dwar l-applikazzjoni

    1.   Meta, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Uffiċċju mill-eżami mwettaq skont l-Artikolu 23, l-Uffiċċju jqis li kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti msemmija f’dak l-Artikolu ma jkunx issodisfat, huwa għandu jirrifjuta l-applikazzjoni.

    2.   Meta, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Uffiċċju mill-eżami mwettaq skont l-Artikolu 23, l-Uffiċċju jqis li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament ġew issodisfati u ma tkun waslet l-ebda oppożizzjoni ammissibbli, l-Uffiċċju għandu jirreġistra l-indikazzjoni ġeografika.

    3.   Meta l-Uffiċċju jkun irċieva oppożizzjoni ammissibbli, u jkun intlaħaq ftehim wara l-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(4), l-Uffiċċju għandu, wara li jivverifika li l-ftehim jikkonforma mal-liġi tal-Unjoni, jirreġistra l-indikazzjoni ġeografika. Jekk ikun meħtieġ, fil-każ ta’ modifiki mhux sustantivi fl-informazzjoni ppubblikata b’segwitu għall-Artikolu 23(7), l-Uffiċċju għandu jaġġorna dik l-informazzjoni.

    4.   Meta l-Uffiċċju jkun irċieva oppożizzjoni ammissibbli, iżda ma jkunx intlaħaq ftehim wara l-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(4), l-Uffiċċju għandu jeżamina jekk l-oppożizzjoni hijiex ġustifikata sew. L-Uffiċċju għandu jivvaluta r-raġunijiet għall-oppożizzjoni fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni. Skont dik il-valutazzjoni, l-Uffiċċju għandu jew jirrifjuta l-oppożizzjoni u jirreġistra l-isem bħala indikazzjoni ġeografika, jew inkella jirrifjuta l-applikazzjoni.

    5.   Id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jispeċifikaw, fejn ikun xieraq, kwalunkwe kundizzjoni applikabbli għar-reġistrazzjoni u, fil-każ ta’ modifiki mhux sustantivi, l-Uffiċċju għandu jippubblika mill-ġdid, għal finijiet ta’ informazzjoni, l-informazzjoni ppubblikata skont l-Artikolu 23(7).

    6.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Uffiċċju għandhom jiġu ppubblikati fir-reġistru tal-Unjoni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Referenza għad- deċiżjoni ppubblikata fir-reġistru tal-Unjoni għandha tiġi ppubblikata bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 30

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni

    1.   B’rabta mal-applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 21, il-Kummissjoni tista’ tieħu f’idejha mill-Uffiċċju, fi kwalunkwe mument qabel it-tmiem tal-proċedura tar-reġistrazzjoni, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew tal-Uffiċċju, is-setgħa li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni meta r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika proposta tista’ tkun kontra l-politika pubblika, jew meta dik ir-reġistrazzjoni jew ir-rifjut tal-applikazzjoni jistgħu jipperikolaw ir-relazzjonijiet kummerċjali jew esterni tal-Unjoni.

    2.   Meta l-Kummissjoni tkun ħadet f’idejha l-proċedura mill-Uffiċċju kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Uffiċċju għandu jipprovdi lill-Kummissjoni abbozz tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 29(1) sa (5).

    3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta kwalunkwe deċiżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2) u għandhom jiġu ppubblikati fir-reġistru tal-Unjoni.

    4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-proċeduri għall-emendar tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u għall-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni.

    5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Uffiċċju għandu jiżgura li l-Kummissjoni jkollha aċċess, permezz tas-sistema diġitali għas-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet lill-Uffiċċju msemmija fl-Artikolu 67, għad-dokumenti li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet, it-talbiet għall-emendar tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-talbiet għall-kanċellazzjoni.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-proċedura applikabbli għas-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    Artikolu 31

    Emendar tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    1.   L-applikant li indikazzjoni ġeografika tkun ġiet irreġistrata f’ismu, jew produttur li juża indikazzjoni ġeografika skont l-Artikolu 47(1), jista’ jitlob l-approvazzjoni ta’ emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal dik l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata.

    2.   Emendi għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandhom jiġu kklassifikati f’żewġ kategoriji:

    (a)

    emendi tal-Unjoni kif imsemmija fil-paragrafu 3, li jeħtieġu proċedura ta’ oppożizzjoni fil-livell tal-Unjoni, u

    (b)

    emendi standard eżaminati fil-livell tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz.

    3.   Emenda għandha titqies emenda tal-Unjoni jekk tkun teħtieġ reviżjoni tad-dokument uniku u jekk tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-emenda tikkonsisti minn bidla fl-isem protett bħala indikazzjoni ġeografika, jew fl-użu ta’ dak l-isem;

    (b)

    hemm riskju li l-emenda tista’ ddgħajjef ir-rabta bejn iż-żona ġeografika u l-prodott kif imsemmi fid-dokument uniku; jew

    (c)

    l-emenda tinvolvi restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

    4.   Fir-rigward ta’ talba għal emenda tal-Unjoni, il-passi tal-fażi nazzjonali u tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikoli 7, 8 u 14 sa 30, għandhom japplikaw mutatis mutandis. Deċiżjoni dwar talba għal emenda tal-Unjoni għandha tittieħed mill-Uffiċċju jew, meta japplika l-Artikolu 30, mill-Kummissjoni.

    5.   Kwalunkwe emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal indikazzjoni ġeografika rreġistrata, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 3, għandha titqies bħala emenda standard u għandha taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istat Membru jew il-pajjiż terz minn fejn joriġina l-prodott. Emendi standard, ladarba jkunu approvati, għandhom jiġu kkomunikati lill-Uffiċċju mill-awtorità kompetenti rilevanti.

    Meta japplika l-Artikolu 20, emendi standard għandhom jiġu approvati mill-Uffiċċju.

    6.   Emenda standard għandha titqies temporanja meta tkun tikkonċerna bidla temporanja fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi, minn diżastru naturali jew minn kundizzjonijiet ħżiena tat-temp rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti, jew minn diżastru kkawżat mill-bniedem, pereżempju gwerra, theddida ta’ gwerra jew attakk terroristiku.

    7.   Talba għal emenda mressqa mill-awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz jew minn produtturi stabbiliti f’pajjiż terz għandu jkun fiha prova li l-emenda mitluba tkun konformi mal-liġi dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li tkun fis-seħħ f’dak il-pajjiż terz.

    8.   Meta talba għal emenda tal-Unjoni li tikkonċerna indikazzjoni ġeografika li tiddenomina prodott li joriġina fi Stat Membru tkun tirrigwarda wkoll emendi standard, l-emenda tal-Unjoni biss għandha tiġi eżaminata mill-Uffiċju jew mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 4.

    9.   Fejn ikun xieraq, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jew l-Uffiċċju jistgħu jistiednu lill-applikant li l-indikazzjoni ġeografika tkun ġiet irreġistrata f’ismu biex jimmodifika elementi oħra tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

    10.   L-Uffiċċju għandu jippubblika l-emendi tal-Unjoni u dawk standard, ladarba jiġu approvati, fir-reġistru tal-Unjoni.

    11.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-proċedura għal u l-forma u l-preżentazzjoni ta’ talba għal emenda tal-Unjoni, u dwar il-proċeduri għal, u l-forma ta’, emendi standard u l-komunikazzjoni ta’ tali emendi lill-Uffiċċju. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    Artikolu 32

    Kanċellazzjoni

    1.   Ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata għandha tiġi kkanċellata jekk l-indikazzjoni ġeografika tkun ġiet irreġistrata b’mod li jmur kontra l-Artikolu 42(1), l-Artikolu 43(1) jew (2), jew l-Artikolu 44(2).

    2.   Ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata tista’ tiġi kkanċellata meta:

    (a)

    il-konformita’ tal-prodott mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma tistax tibqa’ tiġi żgurata;

    (b)

    ma jkun ġie introdott fis-suq ebda prodott taħt l-indikazzjoni ġeografika għal perjodu konsekuttiv ta’ mill-inqas ħames snin.

    3.   Ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika tista’ tiġi kkanċellata wkoll fuq talba tal-applikant li l-indikazzjoni ġeografika hija irreġistrata f’ismu.

    4.   Talba għal kanċellazzjoni skont il-paragrafi 1 u 2 tista’ titressaq mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew minn persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu.

    5.   Il-Kummissjoni jew l-Uffiċċju jistgħu jibdew proċedura ta’ kanċellazzjoni fuq l-inizjattiva tagħhom stess, għar-raġunijiet imfissra fil-paragrafu 2.

    6.   Il-passi tal-fażi nazzjonali u l-fażi tal-Unjoni kif imfissra fl-Artikoli 7, 8, 14, 15, 16 u 20 u sa 30 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-proċedura ta’ kanċellazzjoni.

    7.   Qabel ma jiddeċiedi li jikkanċella r-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika, l-Uffiċċju għandu, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu, jinforma lill-applikant li f’ismu tkun irreġistrata l-indikazzjoni ġeografika. Qabel ma jiddeċiedi li jikkanċella r-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika ta’ pajjiż terz, l-Uffiċċju għandu jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat. Jekk l-indikazzjoni ġeografika tkun ġiet irreġistrata b’segwitu għall-Artikolu 20, id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tista’ tikkonsulta lill-Bord Konsultattiv u lill-punt uniku ta’ kuntatt tal-Istat Membru kkonċernat.

    8.   Meta r-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika tiġi kkanċellata, ir-reġistru tal-Unjoni għandu jiġi aġġornat skont dan.

    9.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi li huma protetti fl-Unjoni skont l-Att ta’ Ġinevra jew skont ftehim internazzjonali ieħor li għalih l-Unjoni hija parti kontraenti.

    10.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-proċeduri u l-forma ta’ kanċellazzjoni, kif ukoll dwar il-preżentazzjoni tat-talbiet għal kanċellazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    Artikolu 33

    Appell

    1.   Kwalunkwe parti għal proċedura prevista f’dan ir-Regolament li tintlaqat ħażin minn deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju f’dik il-proċedura tista’ tressaq appell lill-Bordijiet tal-Appell, imsemmija fl-Artikolu 36 (“il-Bordijiet tal-Appell”), kontra dik id-deċiżjoni. L-Istati Membri għandu jkollhom ukoll id-dritt li jissieħbu fl-appell.

    2.   Ir-rikors għal appell għandu jkollu effett ta’ sospensjoni. Deċiżjoni tal-Uffiċċju li ma tkunx ġiet ikkontestata għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara d-data tal-iskadenza tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu.

    3.   Deċiżjoni li ma ttemmx il-proċedimenti fir-rigward ta’ waħda mill-partijiet għandha tiġi appellata biss fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni finali.

    4.   L-avviż tal-appell għandu jiġi ppreżentat bil-miktub lill-Uffiċċju fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-avviż tal-appell ma għandux jitqies li tressaq kif dovut qabel ma tkun tħallset it-tariffa għall-appell.

    Fil-każ ta’ appell, għandha tiġi ppreżentata lill-Uffiċċju dikjarazzjoni bil-miktub li tispeċifika r-raġunijiet għall-appell fi żmien erba’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    5.   Wara eżami tal-ammissibbiltà tal-appell, il-Bordijiet tal-Appell għandhom jiddeċiedu dwar il-merti tiegħu. Il-Bordijiet tal-Appell għandhom jew jeżerċitaw kwalunkwe setgħa fil-kompetenza tad-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi responsabbli għad-deċiżjoni kkontestata, jew inkella jirrinvjaw il-każ lil dik id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    Il-Bordijiet tal-Appell jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba bil-miktub u motivata ta’ parti, jikkonsultaw mal-Bord Konsultattiv.

    L-Uffiċċju għandu joffri soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, pereżempju servizzi ta’ medjazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 170 tar-Regolament (UE) 2017/1001, bil-għan li jgħin lill-partijiet jilħqu ftehim bonarju.

    6.   Jistgħu jitressqu rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell b’rabta ma’ appelli, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bordijiet tal-Appell, għar-raġunijiet ta’ ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, ksur tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ksur ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kwalunkwe stat tad-dritt relatat mal-applikazzjoni tiegħu, jew abbuż ta’ poter. Ir-rikors għandu jkun miftuħ għal kwalunkwe parti għall-proċedimenti quddiem il-Bordijiet tal-Appell affettwati b’mod negattiv mid-deċiżjoni tagħhom u għal kwalunkwe Stat Membru. Il-Qorti Ġenerali għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kkontestata.

    7.   Id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandhom isiru effettivi fil-jum wara d-data tal-iskadenza tal- perjodu msemmi fil-paragrafu 6 jew, jekk ikun tressaq rikors quddiem il-Qorti Ġenerali f’dak il-perjodu, mid-data ta’ wara l-jum meta jiġi miċħud dak ir-rikors jew meta jiġi miċħud kwalunkwe appell ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. L-Uffiċċju għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew, fil-każ ta’ appell kontra dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja.

    8.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 69 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jispeċifikaw:

    (a)

    il-kontenut tal-avviż tal-appell imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u l-proċedura għall-preżentazzjoni u l-eżami ta’ appell; u

    (b)

    il-kontenut u l-forma tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell imsemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

    Taqsima 2

    Organizzazzjoni u kompiti tal-Uffiċċju

    Artikolu 34

    Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali

    1.   Għandha tiġi stabbilita fi ħdan l-Uffiċċju Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali. Dik id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandha tkun responsabbli mit-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward ta’:

    (a)

    applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika;

    (b)

    talba għal emendar tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott;

    (c)

    oppożizzjoni għal applikazzjoni jew għal talba għal emendar tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott;

    (d)

    entrati fir-reġistru tal-Unjoni;

    (e)

    talba għall-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika.

    2.   Id-deċiżjonijiet dwar każijiet ta’ oppożizzjoni u talbiet għal kanċellazzjoni għandhom jittieħdu minn bord ta’ tliet membri. Mill-anqas membru wieħed għandu jkun legalment kwalifikat. Id-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha skont il-paragrafu 1 għandhom jittieħdu minn membru wieħed li jkollu kwalifiki xierqa.

    Artikolu 35

    Bord Konsultattiv

    1.   Għandu jiġi stabbilit Bord Konsultattiv biex jagħti opinjoni fejn previst f’dan ir-Regolament.

    2.   Id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Bordijiet tal-Appell jistgħu, u fuq talba tal-Kummissjoni għandhom, jikkonsultaw mal-Bord Konsultattiv dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw applikazzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri għar-reġistrazzjoni, inkluż proċeduri ta’ oppożizzjoni, proċeduri ta’ appell, proċeduri tal-emendar tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u ta’ kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni kif imsemmija fl-Artikoli 23, 25, 26, 29, 31, 32 u 33. Il-Bord Konsultattiv jista’ jiġi kkonsultat ukoll dwar kwistjonijiet orizzontali, bħal:

    (a)

    il-valutazzjoni tal-kriterji tal-kwalità;

    (b)

    l-istabbiliment tar-reputazzjoni ta’ prodott;

    (c)

    id-determinazzjoni tan-natura ġenerika ta’ isem;

    (d)

    il-valutazzjoni tar-rabta bejn il-karatteristiċi ta’ prodott u l-oriġini ġeografika tiegħu;

    (e)

    ir-riskju li l-konsumaturi jiġu konfużi f’każijiet ta’ kunflitt bejn l-indikazzjonijiet ġeografiċi u t-trademarks, omonimi jew ismijiet ta’ prodotti eżistenti li huma kkummerċjalizzati legalment.

    3.   Id-Diviżjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u, fejn ikun applikabbli, il-Bordijiet tal-Appell, jistgħu jikkonsultaw lill-Bord Konsultattiv dwar ir-reġistrazzjoni possibbli bħala indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ ismijiet li huma s-soġġett ta’ applikazzjonijiet diretti kif imsemmija fl-Artikolu 20.

    4.   L-opinjonijiet tal-Bord Konsultattiv għandhom jingħataw f’bord ta’ tliet membri u ma għandhomx ikunu vinkolanti.

    5.   Il-Bord Konsultattiv għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru u rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni, u s-sostituti rispettivi tagħhom. Fejn meħtieġ, esperti rikonoxxuti fil-qasam tal-indikazzjonijiet ġeografiċi jew fil-kategorija tal-prodotti kkonċernata, inkluż rappreżentanti ta’ reġjuni u akkademiċi, għandhom jiġu mistiedna jipprovdu parir espert lill-Bord Konsultattiv.

    6.   Il-mandati tal-membri tal-Bord Konsultattiv għandhom ikunu ta’ tul sa ħames snin u jistgħu jiġġeddu.

    7.   L-Uffiċċju għandu jippubblika l-lista tal-membri tal-Bord Konsultattiv fuq is-sit web tiegħu u għandu jżomm dik il-lista aġġornata.

    8.   Il-proċeduri li jikkonċernaw il-ħatra tal-membri tal-Bord Konsultattiv u l-operat tiegħu għandhom jiġu speċifikati fir-regoli ta’ proċedura tiegħu kif approvati mill-Bord tat-Tmexxija stabbilit bl-Artikolu 153 tar-Regolament (UE) 2017/1001, u għandhom jiġu ppubblikati. Il-membri tal-Bord Konsultattiv ma għandu jkollhom l-ebda konflitt ta’ interess.

    9.   L-Uffiċċju għandu jipprovdi l-appoġġ loġistiku meħtieġ għall-Bord Konsultattiv u jipprovdi segretarjat għal-laqgħat tiegħu.

    Artikolu 36

    Bordijiet tal-Appell

    Il-Bordijiet tal-Appell stabbiliti skont l-Artikolu 165 tar-Regolament (UE) 2017/1001 għandhom ikunu kompetenti biex jiddeċiedu dwar appelli kontra d-deċiżjonijiet adottati mill-Uffiċċju skont dan ir-Regolament.

    Artikolu 37

    Reġistru tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali

    1.   L-Uffiċċju għandu jistabbilixxi u jżomm reġistru elettroniku tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali. Dan għandu jkun aċċessibbli faċilment għall-pubbliku u f’format li jista’ jinqara mill-magni.

    2.   Hekk kif issir effettiva deċiżjoni li tirreġistra indikazzjoni ġeografika skont l-Artikolu 29 jew 30, l-Uffiċċju għandu jdaħħal id-data li ġejja fir-reġistru tal-Unjoni:

    (a)

    l-isem irreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika protetta (“indikazzjoni ġeografika protetta”);

    (b)

    it-tip ta’ prodott li għalih ġiet irreġistrata l-indikazzjoni ġeografika;

    (c)

    l-isem tal-applikant li f’ismu ġiet irreġistrata l-indikazzjoni ġeografika;

    (d)

    ir-referenza għad-deċiżjoni li tirreġistra l-indikazzjoni ġeografika;

    (e)

    il-pajjiż jew il-pajjiżi tal-oriġini tal-prodott li għalih tkun ġiet irreġistrata l-indikazzjoni ġeografika.

    3.   L-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi li jkunu protetti fl-Unjoni skont ftehim internazzjonali li għalih l-Unjoni hija parti kontraenti jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru tal-Unjoni, jekk hekk tiddeċiedi l-Kummissjoni. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni, u wara dan, l-indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom jiddaħħlu fir-reġistru tal-Unjoni mill-Uffiċċju. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    4.   Indikazzjoni ġeografika għandha tiddaħħal fir-reġistru tal-Unjoni fil-kitba oriġinali tagħha. Meta l-kitba oriġinali ma tużax karattri Latini, l-indikazzjoni ġeografika għandha tiġi traskritta b’karattri Latini u ż-żewġ verżjonijiet tal-indikazzjoni ġeografika għandhom jiddaħħlu fir-reġistru tal-Unjoni u għandu jkollhom status ugwali.

    5.   L-Uffiċċju għandu jżomm id-dokumentazzjoni relatata mar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika f’forma diġitali jew fuq karta stampata għall-perjodu ta’ validità tal-indikazzjoni ġeografika, u, fil-każ ta’ rifjut tal-applikazzjoni jew kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni, għal għaxar snin wara tali rifjut jew kanċellazzjoni.

    6.   Il-kostijiet operatorji tar-reġistru tal-Unjoni għandhom ikunu koperti mill-baġit operattiv tal-Uffiċċju.

    7.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-arkitettura tal-IT u l-preżentazzjoni tar-reġistru tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    Artikolu 38

    Siltiet mir-reġistru tal-Unjoni

    1.   L-Uffiċċju għandu jiżgura li kwalunkwe persuna tkun tista’ tniżżel faċilment mir-reġistru tal-Unjoni, f’format li jista’ jinqara mill-magni u mingħajr ħlas silta uffiċjali li tipprovdi prova tar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, u data rilevanti oħra, inkluż id-data tal-applikazzjoni jew data oħra rilevanti għal talba ta’ prijorità. Is-silta uffiċjali tista’ tintuża bħala ċertifikat awtentiku.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifika l-format u l-preżentazzjoni online ta’ siltiet mir-reġistru tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    Artikolu 39

    Appoġġ tekniku

    1.   Fuq talba mill-Kummissjoni, l-Uffiċċju għandu jwettaq l-eżami ta’, u l-kompiti amministrattivi relatati li jappartjenu għal, indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi:

    (a)

    protetti jew proposti għal protezzjoni skont ftehim internazzjonali li għalih l-Unjoni hija parti, minbarra l-Att ta’ Ġinevra; jew

    (b)

    proposti għal protezzjoni skont ftehim internazzjonali li qed jiġi nnegozjat mill-Unjoni.

    2.   Abbażi tal-informazzjoni li tasal mingħand il-Kummissjoni, l-Uffiċċju għandu jippubblika u, fil-każ ta’ tibdil, jaġġorna l-lista tal-ftehimiet internazzjonali li jipproteġu l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali li għalihom l-Unjoni hija parti kontraenti, kif ukoll il-lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont dawk il-ftehimiet.

    TITOLU III

    PROTEZZJONI TAL-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI

    Artikolu 40

    Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi

    1.   L-indikazzjonijiet ġeografiċi mdaħħla fir-reġistru tal-Unjoni għandhom ikunu protetti kontra:

    (a)

    kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett tal-indikazzjoni ġeografika fir-rigward ta’ prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni, fejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli għall-prodotti koperti mir-reġistrazzjoni, jew fejn l-użu tal-isem jisfrutta, idgħajjef jew inaqqas ir-reputazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta, jew ikun ta’ ħsara għaliha;

    (b)

    kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni tal-isem protett bħala indikazzjoni ġeografika, anki jekk tiġi indikata l-oriġini vera tal-prodotti jew tas-servizzi jew jekk l-indikazzjoni ġeografika protetta tiġi tradotta jew tkun akkumpanjata minn espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif manifatturat fi”, “imitazzjoni”, “togħma”, “fwieħa”, “bħal” jew simili;

    (c)

    kwalunkwe indikazzjoni falza jew qarrieqa oħra dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott li tintuża fuq l-imballaġġ ta’ ġewwa jew ta’ barra, fuq il-materjali ta’ reklamar, fid-dokumenti jew l-informazzjoni pprovduti fuq interfaċċi online relatati mal-prodott, kif ukoll l-ippakkjar tal-prodott f’kontenitur li jista’ jagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;

    (d)

    kwalunkwe prattika oħra li tista’ tqarraq bil-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, punt (b), l-evokazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika għandha titqies li tirriżulta, b’mod partikolari, meta tinħoloq rabta suffiċjentement diretta u ċara mal-prodott kopert mill-indikazzjoni ġeografika rreġistrata f’moħħ il-konsumatur medju Ewropew li huwa raġonevolment infurmat tajjeb u raġonevolment attent u prudenti.

    3.   Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għandha tapplika wkoll għal kwalunkwe użu ta’ isem ta’ dominju li jmur kontra l-paragrafu 1.

    4.   Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għandha tapplika wkoll fir-rigward ta’:

    (a)

    oġġetti li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera f’dak it-territorju; u

    (b)

    oġġetti mibjugħa permezz ta’ bejgħ mill-bogħod, bħall-kummerċ elettroniku.

    5.   Il-grupp ta’ produtturi jew kwalunkwe produttur li jkun intitolat juża l-indikazzjoni ġeografika protetta għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil partijiet terzi milli jġibu oġġetti fl-Unjoni, fl-andament tal-kummerċ, mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera hemmhekk, meta tali oġġetti, inkluż l-ippakkjar tagħhom, ikunu ġejjin minn pajjiżi terzi u jiksru l-paragrafu 1.

    6.   Indikazzjoni ġeografika protetta skont dan ir-Regolament ma għandhiex issir terminu ġeneriku fl-Unjoni.

    7.   Fejn indikazzjoni ġeografika tkun isem kompost li jkun fih terminu li jitqies li huwa ġeneriku, l-użu ta’ dak it-terminu ma għandux jikkostitwixxi kondotta msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) u (b).

    Artikolu 41

    Partijiet jew komponenti fi prodotti manifatturati

    1.   L-Artikolu 40 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-użu ta’ indikazzjoni ġeografika protetta mill-produtturi, f’konformità mal-Artikolu 47, biex jindikaw li prodott manifatturat ikun fih jew jinkorpora, bħala parti jew komponent, prodott deżinjat minn dik l-indikazzjoni ġeografika, dment li tali użu jsir f’konformità ma’ prattiki kummerċjali onesti u ma jisfruttax, ma jdgħajjifx jew ma jnaqqasx ir-reputazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, jew ma jkunx ta’ ħsara għaliha.

    2.   Indikazzjoni ġeografika protetta li tindika parti jew komponent ta’ prodott manifatturat ma għandhiex tintuża fid-deskrizzjoni kummerċjali ta’ dak il-prodott, ħlief fejn l-applikant li f’ismu ġiet irreġistrata l-indikazzjoni ġeografika jkun ta l-kunsens tiegħu għal tali użu.

    Artikolu 42

    Termini ġeneriċi

    1.   Terminu ġeneriku ma għandux jiġi rreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika.

    2.   Sabiex jiġi stabbilit jekk terminu huwiex ġeneriku jew le, għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, b’mod partikolari:

    (a)

    is-sitwazzjoni eżistenti fl-oqsma tal-konsum;

    (b)

    il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali rilevanti.

    Artikolu 43

    Omonimi

    1.   Applikazzjoni sottomessa wara li tkun saret applikazzjoni għal isem kompletament jew parzjalment omonimu jew wara li dan l-isem ikun ġie protett fl-Unjoni bħala indikazzjoni ġeografika ma għandhiex tiġi rrifjutata, sakemm ma jkunx hemm biżżejjed distinzjoni fil-prattika bejn iż-żewġ ismijiet omonimi rigward il-kondizzjonijiet tal-użu lokali u tradizzjonali tagħhom u l-preżentazzjoni tagħhom, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-produtturi kkonċernati jirċievu trattament ekwu u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiġux mqarrqa fir-rigward tal-identità vera jew tal-oriġini ġeografika tal-prodotti.

    2.   Isem li huwa kompletament jew parzjalment omonimu ma’ isem li għalih saret applikazzjoni jew huwa protett bħala indikazzjoni ġeografika tal-Unjoni, u li jista’ jqarraq bil-konsumatur rigward l-oriġini ġeografika vera ta’ prodott ma għandux jiġi rreġistrat, anki jekk l-isem tat-territorju, tar-reġjun jew tal-post tal-oriġini attwali tal-prodott inkwistjoni jkun preċiż.

    3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, isem li tkun saret applikazzjoni għalih jew li jkun protett bħala indikazzjoni ġeografika fl-Unjoni” jirreferi għal:

    (a)

    indikazzjonijiet ġeografiċi mdaħħla fir-reġistru tal-Unjoni;

    (b)

    indikazzjonijiet ġeografiċi li tkun saret applikazzjoni għalihom, dment li sussegwentement jiddaħħlu fir-reġistru tal-Unjoni;

    (c)

    id-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fl-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/1753; u

    (d)

    indikazzjonijiet ġeografiċi, ismijiet ta’ oriġini u termini ekwivalenti protetti skont ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u pajjiż terz wieħed jew aktar.

    Artikolu 44

    Relazzjoni bejn l-indikazzjonijiet ġeografiċi u t-trademarks

    1.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark, li l-użu tagħha jmur kontra l-Artikolu 40, għandha tiġi rrifjutata jekk din tiġi sottomessa wara d-data li fiha l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tkun ġiet sottomessa lill-Uffiċċju. Fejn applikabbli, għandha tiġi kkunsidrata kwalunkwe prijorità mitluba fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark.

    2.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika għandha tiġi rrifjutata meta, fid-dawl ta’ trademark b’reputazzjoni jew marka magħrufa, l-isem propost bħala indikazzjoni ġeografika jista’ jqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-identità vera tal-prodott.

    3.   L-Uffiċċju u, fejn applikabbli, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, fuq talba, jinvalidaw it-trademarks irreġistrati bi ksur tal-paragrafu 1.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, trademark li l-użu tagħha jmur kontra l-Artikolu 40 ta’ dan ir-Regolament, li tkun saret applikazzjoni għaliha, ġiet irreġistrata jew stabbilita bl-użu b’bona fide fit-territorju tal-Unjoni, jekk dik il-possibbiltà tkun prevista mil-liġi applikabbli, qabel id-data li fiha l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tiġi sottomessa lill-Uffiċċju, tista’ tkompli tintuża u tiġġedded minkejja r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, dment li ma tkun teżisti ebda raġuni għall-invalidità jew għar-revoka tat-trademark skont id-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) jew ir-Regolament (UE) 2017/1001. F’każijiet bħal dawn, l-użu tal-indikazzjoni ġeografika u tat-trademark rilevanti għandu jkun permess.

    5.   Il-marki ta’ garanzija u ta’ ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 28(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 u fl-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) 2017/1001, u l-marki kollettivi msemmija fl-Artikolu 29(3) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 u fl-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) 2017/1001, jistgħu jintużaw fuq it-tikketti u l-imballaġġ, flimkien mal-indikazzjoni ġeografika.

    Artikolu 45

    Kompiti tal-gruppi ta’ produtturi

    1.   Il-gruppi ta’ produtturi għandhom joperaw b’mod trasparenti, miftuħ u mhux diskriminatorju, u b’mod partikolari b’mod li jippermetti lill-produtturi kollha tal-prodott deżinjat minn indikazzjoni ġeografika biex jingħaqdu mal-grupp ta’ produtturi fi kwalunkwe mument.

    L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-korpi pubbliċi, u partijiet ikkonċernati oħrajn, bħal gruppi ta’ konsumaturi, bejjiegħa bl-imnut u fornituri, jistgħu jipparteċipaw ukoll fix-xogħol ta’ grupp ta’ produtturi.

    2.   Il-gruppi ta’ produtturi għandhom jiżguraw li l-produtturi fil-grupp jikkonformaw kontinwament mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti meta jużaw l-indikazzjoni ġeografika protetta u s-simbolu tal-Unjoni fis-suq. Grupp ta’ produtturi jista’, b’mod partikolari, jeżerċita d-drittijiet u jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jiżviluppa u jemenda l-ispeċifikazzjoni tal-prodott u jistabbilixxi kontrolli interni tal-konformità li jiżguraw li l-konformità tal-istadji tal-produzzjoni mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott;

    (b)

    jieħu azzjoni legali biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika u ta’ kwalunkwe dritt tal-proprjetà intellettwali ieħor li jkun direttament konness mal-prodott;

    (c)

    jaqbel li jieħu impenji rigward is-sostenibbiltà, kemm jekk inklużi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott jew le, jew bħala inizjattiva separata;

    (d)

    jieħu miżuri biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, inkluż:

    (i)

    ifassal, jorganizza u jwettaq kampanji kollettivi ta’ kummerċjalizzazzjoni u reklamar;

    (ii)

    ixerred informazzjoni u jwettaq attivitajiet ta’ promozzjoni, għall-finijiet li jikkomunikaw lill-konsumaturi l-attributi tal-prodott deżinjat b’indikazzjoni ġeografika;

    (iii)

    iwettaq analiżijiet tal-prestazzjoni ekonomika, tas-sostenibbiltà tal-produzzjoni u tal-karatteristiċi tekniċi tal-prodott deżinjat bl-indikazzjoni ġeografika;

    (iv)

    ixerred informazzjoni dwar l-indikazzjoni ġeografika u s-simbolu tal-Unjoni; u

    (v)

    jagħti pariri u taħriġ lill-produtturi attwali u futuri, inkluż dwar l-integrazzjoni tal-ġeneri u l-ugwaljanza;

    (e)

    jiġġieled il-kontrafazzjoni u l-użi frodulenti suspettati fis-suq intern ta’ indikazzjoni ġeografika għal prodott li ma jkunx konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, permezz tal-monitoraġġ tal-użu tal-indikazzjoni ġeografika fis-suq intern kollu u fis-swieq ta’ pajjiżi terzi fejn dik l-indikazzjoni ġeografika tkunu protetta, inkluż fuq l-interfaċċi online, u, fejn meħtieġ, billi jiġu infurmati l-awtoritajiet tal-infurzar;

    (f)

    jiżviluppa attivitajiet biex jiżgura li l-prodott deżinjat mill-indikazzjoni ġeografika jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; u

    (g)

    jieħu kwalunkwe azzjoni oħra biex jiżgura li l-indikazzjoni ġeografika tibbenefika minn protezzjoni legali adegwata, inkluż, fejn xieraq, billi jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti, skont l-Artikoli 51(5), l-Artikolu 52(3) u l-Artikolu 54(2).

    Artikolu 46

    Protezzjoni tad-drittijiet tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fl-ismijiet tad-dominju

    Ir-reġistri tal-ismijiet ta’ dominji tal-ogħla livell bil-kodiċi tal-pajjiż stabbiliti fl-Unjoni għandhom jiżguraw li kwalunkwe proċedura alternattiva ta’ soluzzjoni tat-tilwim għall-ismijiet ta’ dominji tirrikonoxxi l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati bħala dritt li jista’ jiġi invokat f’dawk il-proċeduri.

    Artikolu 47

    Dritt għall-użu

    1.   Indikazzjoni ġeografika rreġistrata tista’ tintuża minn kwalunkwe produttur ta’ prodott li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti.

    2.   Il-produtturi għandhom jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikunu konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti.

    Artikolu 48

    Simbolu, indikazzjoni u abbrevjazzjoni tal-Unjoni

    1.   Is-simbolu tal-Unjoni stabbilit għal “indikazzjonijiet ġeografiċi protetti” skont ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 għandu jkun applikabbli għall-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali.

    2.   Għal prodotti artiġjanali u industrijali li joriġinaw mill-Unjoni li jiġu kkummerċjalizzati taħt indikazzjoni ġeografika, is-simbolu tal-Unjoni jista’ jidher fuq it-tikketti u r-reklamar jew fuq il-materjal ta’ komunikazzjoni. L-indikazzjoni ġeografika għandha tkun fl-istess kamp ta’ viżjoni bħas-simbolu tal-Unjoni.

    3.   L-abbrevjazzjoni “IĠP” li tikkorrispondi għall-indikazzjoni “indikazzjoni ġeografika protetta” tista’ tidher fuq it-tikketti ta’ prodotti deżinjati b’indikazzjoni ġeografika għall-prodotti artiġjanali u industrijali.

    4.   Is-simbolu, l-indikazzjoni u l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni jistgħu jintużaw fuq it-tikketti ta’ u l-materjal ta’ reklamar jew ta’ komunikazzjoni għall-prodotti manifatturati fejn l-indikazzjoni ġeografika tirreferi għal parti jew komponent tagħhom. F’dak il-każ, is-simbolu, l-indikazzjoni jew l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni għandhom jitqiegħdu ħdejn l-isem tal-parti jew tal-komponent li jiġi identifikat b’mod ċar bħala parti jew komponent. Is-simbolu, l-indikazzjoni jew l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jitqiegħdu b’mod li jissuġġerixxi lill-konsumatur li huwa l-isem tal-prodott manifatturat kollu kemm hu, aktar milli l-isem ta’ parti jew komponent tal-prodott li huwa protett bl-indikazzjoni ġeografika.

    5.   Is-simbolu, l-indikazzjoni jew l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni, kif rilevanti, jistgħu jidhru fuq it-tikketti ta’ prodott u, fejn applikabbli, fuq il-materjal ta’ reklamar jew ta’ komunikazzjoni għall-prodott, biss wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 29(6) jew l-Artikolu 30(3), kif applikabbli.

    6.   Dawn li ġejjin jistgħu jidhru wkoll fuq it-tikketti għall-prodott u, fejn applikabbli, fuq il-materjal ta’ reklamar jew ta’ komunikazzjoni għall-prodott:

    (a)

    rappreżentazzjonijiet taż-żona ġeografika tal-oriġini, kif imsemmija fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott; u

    (b)

    test, grafika jew simboli li jirreferu għall-Istat Membru jew għar-reġjun li fih tinsab dik iż-żona ġeografika.

    7.   Is-simbolu tal-Unjoni assoċjat ma’ indikazzjoni ġeografika ta’ pajjiż terz imdaħħal fir-reġistru tal-Unjoni, jista’ jidher fuq it-tikketti ta’ u fuq il-materjal ta’ reklamar jew ta’ komunikazzjoni għall-prodott. F’dak il-każ, għandu japplika l-paragrafu 2.

    8.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-karatteristiċi tekniċi tal-indikazzjoni u s-simbolu tal-Unjoni, kif ukoll ir-regoli dwar l-użu tagħhom fuq il-prodotti kkummerċjalizzati taħt indikazzjoni ġeografika rreġistrata, inkluż ir-regoli dwar il-verżjonijiet lingwistiċi li għandhom jintużaw. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    TITOLU IV

    KONTROLLI U INFURZAR

    Artikolu 49

    Ambitu

    1.   Dan it-Titolu jkopri l-kontrolli fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali.

    2.   Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dan li ġej:

    (a)

    verifika li prodott deżinjat b’indikazzjoni ġeografika jkun f’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti;

    (b)

    monitoraġġ tal-użu tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-suq, inkluż fil-kummerċ elettroniku.

    Artikolu 50

    Ħatra tal-awtoritajiet kompetenti

    1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għall-kontrolli previsti f’dan it-Titolu.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu oġġettivi u imparzjali u jaġixxu b’mod trasparenti. Huma għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom persunal kwalifikat u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod effiċjenti.

    Artikolu 51

    Verifika tal-konformità abbażi ta’ awtodikjarazzjoni

    1.   Għal prodott deżinjat b’indikazzjoni ġeografika u li joriġina mill-Unjoni, il-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti għandha titwettaq permezz ta’ awtodikjarazzjoni. L-awtodikjarazzjoni għandha ssir permezz tal-formola standard stipulata fl-Anness I u għandu jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa kif speċifikat f’dak l-Anness.

    2.   Qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq, il-produtturi għandhom jissottomettu awtodikjarazzjoni lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 50(1). Ladarba l-prodott ikun fis-suq, il-produtturi għandhom jissottomettu mill-ġdid awtodikjarazzjoni darba kull tliet snin biex juru li nżammet il-konformità tal-prodott mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Meta l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tiġi emendata b’mod li jaffettwa l-prodott ikkonċernat, għandha tiġi aġġornata l-awtodikjarazzjoni mingħajr ebda dewmien.

    3.   L-awtorità kompetenti għandha tivverifika, tal-anqas, li l-informazzjoni pprovduta fl-awtodikjarazzjoni tkun kompluta u konsistenti. Meta l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li l-informazzjoni pprovduta fl-awtodikjarazzjoni hija kompluta u konsistenti u ma għandha l-ebda riżerva oħra dwar il-konformità, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikat ta’ awtorizzazzjoni għall-użu tal-indikazzjoni ġeografika għall-prodott ikkonċernat jew iġġedded iċ-ċertifikat eżistenti. Fil-każ ta’ żbalji ovvji jew inkonsistenzi fl-awtodikjarazzjoni, il-produttur għandu jingħata l-possibbiltà li jikkompleta jew jikkoreġi l-awtodikjarazzjoni.

    4.   Il-verifika bbażata fuq awtodikjarazzjoni ma għandhiex twaqqaf lill-produtturi milli jkollhom il-konformità tal-prodott ivverifikata minn korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew persuni fiżiċi.

    5.   Biex jiġi vverifikat li l-prodott kopert minn awtodikjarazzjoni jkun konformi, għandhom jitwettqu kontrolli, li jistgħu jsiru qabel u wara li l-prodott ikun ġie introdott fis-suq, abbażi ta’ analiżi tar-riskju u, jekk disponibbli, abbażi ta’ notifiki minn produtturi interessati ta’ prodotti ddeżinjati bl-indikazzjoni ġeografika, minn:

    (a)

    l-awtorità kompetenti; jew

    (b)

    korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti wieħed jew aktar jew persuni fiżiċi li lilhom ikunu ġew iddelegati l-kompiti ta’ kontroll f’konformità mal-Artikolu 55.

    6.   F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

    7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 69 biex temenda dan ir-Regolament billi timmodifika, fejn rilevanti, l-informazzjoni u r-rekwiżiti fir-rigward tal-formola standard stabbilita fl-Anness I.

    Artikolu 52

    Verifika tal-konformità minn awtorità kompetenti jew minn korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew minn persuni fiżiċi

    1.   Bħala alternattiva għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 51, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-verifika tal-konformità tal-prodott mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti, permezz ta’ kontrolli, mwettqa qabel u wara li l-prodott ikun ġie introdott fis-suq minn:

    (a)

    awtorità kompetenti waħda jew aktar imsemmija fl-Artikolu 50(1); jew

    (b)

    korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti wieħed jew aktar jew persuni fiżiċi li lilhom ikunu ġew iddelegati l-kompiti ta’ kontroll f’konformità mal-Artikolu 55.

    2.   Meta l-kontrolli mwettqa qabel it-tqegħid tal-prodott fis-suq juru l-konformità tal-prodott mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikat ta’ awtorizzazzjoni biex tintuża l-indikazzjoni ġeografika għall-prodott ikkonċernat.

    3.   Il-kontrolli mwettqa wara li l-prodott ikun ġie introdott fis-suq għandhom ikunu bbażati fuq analiżi tar-riskju u, jekk disponibbli, fuq notifiki minn produtturi interessati ta’ prodotti ddeżinjati b’indikazzjoni ġeografika. Meta tali kontrolli juru l-konformità tal-prodott mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, l-awtorità kompetenti għandha ġġedded iċ-ċertifikat tal-awtorizzazzjoni.

    4.   F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

    Artikolu 53

    Verifika tal-konformità tal-prodotti li joriġinaw f’pajjiż terz

    Fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiż terz, il-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq għandha titwettaq minn:

    (a)

    awtorità kompetenti maħtura mill-pajjiż terz; jew

    (b)

    korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti wieħed jew aktar.

    Artikolu 54

    Monitoraġġ tal-użu tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-suq

    1.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 50(1) għandhom jimmonitorjaw l-użu ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi fis-suq, irrispettivament minn jekk il-prodotti kkonċernati jkunux maħżuna jew fi tranżitu, jew humiex qed jiġu distribwiti, jew offruti għall-bejgħ fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa jew bl-imnut, inkluż fil-kummerċ elettroniku.

    2.   Għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 50(1) għandhom iwettqu kontrolli, abbażi ta’ analiżi tar-riskju u, jekk disponibbli, notifiki minn produtturi interessati ta’ prodotti deżinjati b’indikazzjonijiet ġeografiċi. Fejn meħtieġ, dawk l-awtoritajiet għandhom jieħdu passi amministrattivi u ġudizzjarji xierqa biex jipprevjenu jew iwaqqfu l-użu ta’ ismijiet fuq prodotti jew servizzi li jiġu manifatturati, ipprovduti jew ikkummerċjalizzati fit-territorju tagħhom u li jiksru l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi previsti fl-Artikoli 40 u 41.

    Artikolu 55

    Delega tal-kompiti ta’ kontroll

    1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddelegaw il-kompiti ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 51(5), l-Artikolu 52(2) u (3) u l-Artikolu 54(2) lil korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti wieħed jew aktar jew lil persuni fiżiċi.

    2.   L-awtorità kompetenti li tiddelega għandha tiżgura li l-korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew il-persuna fiżika li lilhom ikunu ġew iddelegati l-kompiti ta’ kontroll imsemmija fil-paragrafu 1 ikollhom is-setgħat meħtieġa biex iwettqu dawk il-kompiti b’mod effettiv.

    3.   Id-delega ta’ ċerti kompiti ta’ kontroll għandha tkun bil-miktub u soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    id-delega tinkludi deskrizzjoni preċiża tal- kompiti ta’ kontroll delegati lill-korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew lill-persuna fiżika, u l-kondizzjonijiet li skonthom jistgħu jwettqu dawk il-kompiti;

    (b)

    fejn il-kompiti ta’ kontroll jiġu ddelegati lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti dawk il-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti:

    (i)

    ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-għarfien espert, it-tagħmir, l-infrastruttura u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu b’mod effiċjenti l-kompiti ta’ kontroll delegati;

    (ii)

    ikollhom numru suffiċjenti ta’ membri tal-persunal li jkunu kkwalifikati u b’esperjenza kif xieraq; u

    (iii)

    jaġixxu b’mod trasparenti u jkunu imparzjali u ħielsa minn kwalunkwe konflitt ta’ interess; b’mod partikolari, l-imparzjalita’ tal-kondotta tagħhom ma għandhiex tkun f’riskju li tkun affettwata b’mod dirett jew indirett fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti ta’ kontroll delegati;

    (c)

    meta l-kompiti ta’ kontroll jiġu ddelegati lil persuni fiżiċi, dawk il-persuni fiżiċi:

    (i)

    ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-għarfien espert, it-tagħmir, l-infrastruttura u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu b’mod effiċjenti l-kompiti ta’ kontroll delegati;

    (ii)

    ikollhom il-kwalifiki u l-esperjenza kif xieraq; u

    (iii)

    jaġixxu b’mod trasparenti u jkunu imparzjali u ħielsa minn kwalunkwe konflitt ta’ interess fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti ta’ kontroll delegati;

    (d)

    ikun hemm arranġamenti fis-seħħ li jiżguraw li jkun hemm koordinazzjoni effiċjenti u effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti li jiddelegaw u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew il-persuni fiżiċi.

    Artikolu 56

    Obbligi tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti u tal-persuni fiżiċi

    Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew il-persuni fiżiċi li lilhom ikunu ġew delegati kompiti ta’ kontroll f’konformità mal-Artikolu 55 għandhom:

    (a)

    jikkomunikaw l-eżitu tal-kontrolli u ta’ attivitajiet relatati lill-awtoritajiet kompetenti li jiddelegaw fuq bażi regolari u kull meta dawk l-awtoritajiet jitolbu dan;

    (b)

    jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti li jiddelegaw kull meta l-eżitu tal-kontrolli jindika nuqqas ta’ konformità jew jindika l-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ konformità, sakemm l-arranġamenti speċifiċi, kif stabbiliti bejn l-awtoritajiet kompetenti li jiddelegaw u l-korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew il-persuna fiżika kkonċernata, ma jipprevedux mod ieħor; u

    (c)

    jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti li jiddelegaw u jipprovdulhom assistenza, u jagħtu lil dawk l-awtoritajiet aċċess għall-uffiċċji tagħhom u għad-dokumentazzjoni marbuta mal-kompiti ta’ kontroll delegati.

    Artikolu 57

    Obbligi tal-awtoritajiet kompetenti li jiddelegaw

    1.   L-awtoritajiet kompetenti li jkunu ddelegaw kompiti ta’ kontroll lil korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew lil persuni fiżiċi, f’konformità mal-Artikolu 55 għandhom jirrevokaw id-delega kompletament jew parzjalment f’każ li:

    (a)

    ikun hemm evidenza li l-korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew persuna fiżika jkunu qed jonqsu milli jwettqu l-kompiti ta’ kontroll delegati lilhom kif suppost;

    (b)

    il-korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew il-persuna fiżika tonqos milli tieħu azzjoni xierqa u f’waqtha biex tirrimedja n-nuqqasijiet identifikati; jew

    (c)

    l-indipendenza jew l-imparzjalità tal-korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew tal-persuna fiżika jkunu ġew kompromessi.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti li jiddelegaw jistgħu wkoll jirrevokaw id-delega għal raġunijiet oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti li jiddelegaw jistgħu jorganizzaw awditi jew spezzjonijiet tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jew tal-persuni fiżiċi fi kwalunkwe mument, skont kif meħtieġ.

    Artikolu 58

    Informazzjoni pubblika dwar l-awtoritajiet kompetenti, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti u l-persuni fiżiċi

    1.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-ismijiet u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti, maħtura skont l-Artikolu 50(1), u tal-korp għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti u l-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 51(5), il-punt (b), u l-Artikolu 52(1), il-punt (b), u jaġġornaw dik l-informazzjoni meta jkun hemm xi tibdil.

    2.   F’dak li jirrigwarda pajjiżi terzi, l-Uffiċċju għandu jippubblika, meta disponibbli, l-ismijiet u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 53 u jaġġorna dik l-informazzjoni meta jkun hemm xi tibdil.

    3.   L-Uffiċċju għandu jistabbilixxi portal diġitali fejn jiġu ppubblikati l-ismijiet u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti u tal-persuni fiżiċi msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

    Artikolu 59

    Akkreditazzjoni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti

    1.   Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 55 għandhom jikkonformaw ma’ u jkunu akkreditati, skont l-attivitajiet tagħhom, f’konformità mal-istandards li ġejjin:

    (a)

    l-istandard Ewropew EN ISO/IEC 17065 “Valutazzjoni tal-konformità — Rekwiżiti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi”, l-istandard Ewropew EN ISO/IEC 17020 “Valutazzjoni tal-konformità — Rekwiżiti għall-operat ta’ diversi tipi ta’ korpi li jwettqu spezzjoni” u l-istandard Ewropew EN ISO/IEC 17025 “Rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza tal-ittestjar u l-kalibrar tal-laboratorji”, inkluż kwalunkwe reviżjoni jew verżjoni emendata ta’ dawk l-istandards; jew

    (b)

    standards oħra adatti u rikonoxxuti fuq il-livell internazzjonali.

    2.   L-akkreditazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha ssir minn korp ta’ akkreditazzjoni, rikonoxxut f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008, li jkun membru tal-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni, jew, għal korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti ta’ pajjiżi terzi, minn korp ta’ akkreditazzjoni rikonoxxut barra l-Unjoni li jkun membru tal-Forum Internazzjonali tal-Akkreditazzjoni (IAF), jew tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Akkreditazzjoni tal-Laboratorju (ILAC)..

    Artikolu 60

    Ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali online

    1.   Kwalunkwe informazzjoni relatata mar-reklamar, il-promozzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti li għalihom il-persuni stabbiliti fl-Unjoni jkollhom aċċess li tmur kontra l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi prevista fl-Artikoli 40 u 41 ta’ dan ir-Regolament għandha titqies bħala kontenut illegali skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2022/2065.

    2.   L-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti tal-Istati Membri jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2022/2065, joħorġu ordni biex jaġixxu kontra oġġett speċifiku wieħed jew aktar ta’ kontenut illegali, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 61

    Penali

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sal-1 ta’ Diċembru 2025, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

    Artikolu 62

    Assistenza reċiproka u kooperazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin għall-finijiet tat-twettiq tal-kontrolli u l-infurzar previsti b’rabta mal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont dan ir-Regolament.

    L-assistenza amministrattiva tista’ tinkludi, fejn xieraq u bi ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, il-parteċipazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru f’kontrolli fuq il-post li jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

    2.   Fil-każ ta’ ksur possibbli ta’ indikazzjoni ġeografika, Stat Membru għandu jieħu miżuri biex tiġi ffaċilitata t-trażmissjoni mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 50(1) ta’ informazzjoni dwar tali ksur possibbli.

    3.   L-awtoritajiet inkarigati mill-monitoraġġ, kif imsemmi fl-Artikolu 54, fl-Istati Membri għandhom jikkooperaw, kif xieraq u f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, mal-awtoritajiet, id-dipartimenti, l-aġenziji u l-korpi rilevanti l-oħra, inkluż l-awtoritajiet tal-pulizija, l-aġenziji kontra l-kontrafazzjoni, l-awtoritajiet doganali, l-uffiċċji tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-ispetturi tal-bejgħ bl-imnut.

    4.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw in-natura u t-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi skambjata u l-metodi għall-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ kontrolli skont dan it-Titolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    TITOLU V

    EMENDI GĦAL ATTI OĦRA

    Artikolu 63

    Emendi għar-Regolament (UE) 2017/1001

    Ir-Regolament (UE) 2017/1001 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 151(1), jiżdied il-punt li ġej:

    “(ba)

    l-amministrazzjoni u l-promozzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali, b’mod partikolari l-kompiti mogħtija lilu skont ir-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u l-promozzjoni tas-sistema għall-protezzjoni ta’ dawk l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/1753 (ĠU L, 2023/2411, 27.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2411/oj).”;"

    (2)

    Fl-Artikolu 153(1), jiżdied il-punt li ġej:

    “(n)

    jadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Bord Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 35(8) tar-Regolament (UE) 2023/2411.”;

    (3)

    Fl-Artikolu 170, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tuża s-servizzi taċ-Ċentru fuq bażi volontarja bil-għan li tinstab soluzzjoni bonarja ta’ tilwim, abbażi ta’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 jew ir-Regolament (UE) 2023/2411, bi ftehim reċiproku.”

    .

    Artikolu 64

    Emendi għar-Regolament (UE) 2019/1753

    Ir-Regolament (UE) 2019/1753 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘indikazzjonijiet ġeografiċi’ jkopri denominazzjonijiet ta’ oriġini skont it-tifsira tal-Att ta’ Ġinevra, inkluż denominazzjonijiet ta’ oriġini skont it-tifsira tar-Regolamenti (UE) Nru 1151/2012 u (UE) Nru 1308/2013, kif ukoll indikazzjonijiet ġeografiċi skont it-tifsira tar-Regolamenti (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2). Fir-rigward ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini relatati ma’ prodotti artiġjanali u industrijali li huma s-soġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali, il-protezzjoni fl-Unjoni għandha tinftiehem kif speċifikat fl-Artikoli 6 u 40 tar-Regolament (UE) 2023/2411.

    (*2)  Ir-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/1753 (ĠU L, 2023/2411, 27.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2411/oj).”;"

    (b)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘l-Uffiċċju’ tfisser l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, stabbilit skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

    (*3)  Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1).”;"

    (2)

    l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   Mal-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra u sussegwentement, fuq bażi regolari, il-Kummissjoni jew l-Uffiċċju għandhom, fil-kapaċità tagħhom bħala Awtorità Kompetenti fit-tifsira tal-Artikolu 3 tal-Att ta’ Ġinevra kif speċifikat fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1754, jippreżentaw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u rreġistrati skont il-liġi tal-Unjoni u li jkunu relatati ma’ prodotti li joriġinaw fl-Unjoni skont l-Artikolu 5(1) u (2) tal-Att ta’ Ġinevra mal-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (‘il-Bureau Internazzjonali’).

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni jew, fir-rigward ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali, lill-Uffiċċju biex jirreġistraw fir-Reġistru Internazzjonali indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw fit-territorju ta’ Stat Membru u li huma rreġistrati u protetti skont il-liġi tal-Unjoni. Tali talbiet għandhom jkunu bbażati fuq:

    (a)

    talba minn persuna fiżika jew entità ġuridika kif imsemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 5(2) tal-Att ta’ Ġinevra jew minn benefiċjarju kif definit fil-punt (xvii) tal-Artikolu 1 tal-Att ta’ Ġinevra; jew

    (b)

    inizjattiva proprja.”

    ;

    (b)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   Fir-rigward ta’ talbiet għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali fir-Reġistru Internazzjonali, l-Uffiċċju għandu, fil-kapaċità tiegħu bħala Awtorità Kompetenti skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-Att ta’ Ġinevra kif speċifikat fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1754, jipproċedi abbażi tad-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ protezzjoni f’konformità mal-Artikoli 21 sa 37 tar-Regolament (UE) 2023/2411.”

    ;

    (3)

    Fl-Artikolu 3, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   Fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali, l-Uffiċċju għandu jitlob lill-Bureau Internazzjonali biex jikkanċella reġistrazzjoni fir-Reġistru Internazzjonali ta’ indikazzjoni ġeografika li toriġina minn Stat Membru fi kwalunkwe miċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1.”

    ;

    (4)

    l-Artikolu 4, paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-Kummissjoni jew, fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali, l-Uffiċċju għandhom jippubblikaw kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali nnotifikata mill-Bureau Internazzjonali skont l-Artikolu 6(4) tal-Att ta’ Ġinevra, li tikkonċerna indikazzjoni ġeografika rreġistrata fir-Reġistru Internazzjonali li fir-rigward tagħha l-Parti Kontraenti tal-Oriġini, kif definita fil-punt (xv) tal-Artikolu 1 tal-Att ta’ Ġinevra, mhijiex Stat Membru.”

    ;

    (5)

    Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-Kummissjoni jew, fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali, l-Uffiċċju għandhom jivvalutaw kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali nnotifikata mill-Bureau Internazzjonali skont l-Artikolu 6(4) tal-Att ta’ Ġinevra dwar indikazzjoni ġeografika rreġistrata fir-Reġistru Internazzjonali u li fir-rigward tagħha l-Parti Kontraenti tal-Oriġini, kif definita fil-punt (xv) tal-Artikolu 1 tal-Att ta’ Ġinevra, mhijiex Stat Membru, sabiex jiġi ddeterminat jekk hija tinkludix il-kontenut obbligatorju stipulat fir-Regola 5(2) tar-Regolamenti Komuni skont il-Ftehim ta’ Liżbona u l-Att ta’ Ġinevra (ir-”Regolamenti Komuni”), u d-dettalji li jikkonċernaw il-kwalità, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi kif stipulati fir-Regola 5(3) tar-Regolamenti Komuni.”

    ;

    (6)

    l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Fi żmien erba’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz minbarra l-Parti Kontraenti tal-Oriġini kif definiti fil-punt (xv) tal-Artikolu 1 tal-Att ta’ Ġinevra, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż terz minbarra l-Parti Kontraenti tal-Oriġini, tista’ tressaq oppożizzjoni mal-Kummissjoni jew, fir-rigward tal-indikazzjonijiet għal prodotti ġeografiċi artiġjanali u industrijali, mal-Uffiċċju. L-oppożizzjoni għandha ssir f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.”

    ;

    (b)

    fil-paragrafu 2, jitħassar il-punt (e);

    (c)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Ir-raġunijiet għall-oppożizzjoni stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni jew, fir-rigward ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali, mill-Uffiċċju, b’rabta mat-territorju tal-Unjoni jew parti minnu.”

    ;

    (7)

    l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   Fejn, abbażi tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 5, il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu jiġu ssodisfati u ma tasal l-ebda oppożizzjoni jew ma tkun waslet l-ebda oppożizzjoni ammissibbli, il-Kummissjoni għandha, kif adatt, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tirrifjuta kwalunkwe oppożizzjoni inammissibbli u tiddeċiedi li tagħti protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2). Fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali, l-Uffiċċju għandu jirrifjuta kwalunkwe oppożizzjoni inammissibbli u jiddeċiedi li jagħti protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika.

    2.   Fejn, abbażi tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 5, il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu ma jiġux issodisfati jew tkun waslet oppożizzjoni ammissibbli kif stipulat fl-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tiddeċiedi jekk tagħtix protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fir-Reġistru Internazzjonali. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2). Fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali, id-deċiżjoni dwar jekk tingħatax protezzjoni għandha tiġi adottata mill-Uffiċċju jew, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2023/2411, mill-Kummissjoni. Fejn id-deċiżjoni li tingħata protezzjoni tiġi adottata mill-Kummissjoni, hija għandha tagħmel dan permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2) ta’ dan ir-Regolament.”

    ;

    (b)

    il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “4.   F’konformità mal-Artikolu 15(1) tal-Att ta’ Ġinevra, il-Kummissjoni jew, fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali, l-Uffiċċju għandhom jinnotifikaw lill-Bureau Internazzjonali bir-rifjut tal-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali kkonċernata fit-territorju tal-Unjoni, fi żmien tnax-il xahar mill-wasla tan-notifika tar-reġistrazzjoni internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 6(4) tal-Att ta’ Ġinevra.

    5.   Il-Kummissjoni tista’, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba debitament sostanzjata minn Stat Membru, pajjiż terz jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, tirtira, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, rifjut li ġie nnotifikat preċedentement lill-Bureau Internazzjonali. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).

    Fejn rifjut ġie notifikat mill-Uffiċċju lill-Bureau Internazzjonali fir-rigward tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, l-Uffiċċju jista’, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew wara talba debitament sostanzjata minn Stat Membru, pajjiż terz jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, jirtira, kompletament jew parzjalment, dak ir-rifjut.

    Il-Kummissjoni jew, fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali, l-Uffiċċju għandhom jinnotifikaw lill-Bureau Internazzjonali b’dan l-irtirar mingħajr dewmien.”

    ;

    (8)

    Fl-Artikolu 8(1) jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali, l-ewwel subparagrafu għandu japplika mutatis mutandis għad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju.”;

    (9)

    l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 9

    Invalidazzjoni tal-effetti fl-Unjoni ta’ indikazzjoni ġeografika ta’ pajjiż terz irreġistrata fir-Reġistru Internazzjonali

    1.   Il-Kummissjoni jew, fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali, l-Uffiċċju jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom stess jew wara talba debitament sostanzjata minn Stat Membru, pajjiż terz jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, jinvalidaw, kompletament jew parzjalment, l-effetti tal-protezzjoni fl-Unjoni ta’ indikazzjoni ġeografika, f’waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a)

    l-indikazzjoni ġeografika, ma għadhiex protetta fil-Parti Kontraenti tal-Oriġini;

    (b)

    l-indikazzjoni ġeografika ma għadhiex irreġistrata fir-Reġistru Internazzjonali;

    (c)

    ma għadx hemm konformità mal-kontenut obbligatorju stipulat fir-Regola 5(2) tar-Regolamenti Komuni jew mad-dettalji dwar il-kwalità, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi kif stipulati fir-Regola 5(3) tar-Regolamenti Komuni.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2) ta’ dan ir-Regolament u biss wara li l-persuni fiżiċi jew l-entitajiet ġuridiċi kif imsemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 5(2) tal-Att ta’ Ġinevra jew il-benefiċjarji kif definiti fil-punt (xvii) tal-Artikolu 1 tal-Att ta’ Ġinevra, ikunu ngħataw opportunità li jiddefendu d-drittijiet tagħhom.

    3.   Fejn l-invalidazzjoni ma għadhiex soġġetta għal appell, il-Kummissjoni jew, fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali, l-Uffiċċju għandhom jinnotifikaw lill-Bureau Internazzjonali mingħajr dewmien dwar l-invalidazzjoni tal-effetti fit-territorju tal-Unjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali tal-indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-punt (a) jew (c) tal-paragrafu 1.”

    ;

    (10)

    Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Fir-rigward ta’ denominazzjoni ta’ oriġini li toriġina minn Stat Membru li jkun parti għall-Ftehim ta’ Liżbona, għal prodott li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2411, iżda li għadu mhux protett skont dak ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu, abbażi ta’ talba minn persuna fiżika jew entità ġuridika msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 5(2) tal-Att ta’ Ġinevra jew benefiċjarju kif definit fil-punt (xvii) tal-Artikolu 1 tal-Att ta’ Ġinevra, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jagħżel li jitlob:

    (a)

    ir-reġistrazzjoni ta’ dik id-denominazzjoni ta’ oriġini skont ir-Regolament (UE) 2023/2411; jew

    (b)

    il-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ dik id-denominazzjoni ta’ oriġini fir-Reġistru Internazzjonali.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Uffiċċju bl-għażla tiegħu skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u jippreżenta t-talba rispettiva sat-2 ta’ Diċembru 2026. Il-proċedura tar-reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 70(4) tar-Regolament (UE) 2023/2411 għandha tapplika mutatis mutandis.

    Fil-każ imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ta’ dan il-paragrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jitlob ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ dik id-denominazzjoni ta’ oriġini skont l-Att ta’ Ġinevra, jekk dak l-Istat Membru jkun irratifika jew aderixxa mal-Att ta’ Ġinevra skont l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1754, fi żmien tnax-il xahar mid-data tar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika skont ir-Regolament (UE) 2023/2411.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu, f’koordinazzjoni mal-Uffiċċju, jivverifika mal-Bureau Internazzjonali jekk hemmx xi modifiki li għandhom isiru skont ir-Regola 7(4) tar-Regolamenti Komuni għall-fini ta’ reġistrazzjoni skont l-Att ta’ Ġinevra. L-Uffiċċju għandu jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat biex jipprevedi l-modifiki neċessarji u jinnotifika lill-Bureau Internazzjonali.

    Jekk ir-reġistrazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2023/2411 tiġi rrifjutata u r-rimedji amministrattivi u ġudizzjarji relatati jkunu ġew eżawriti, jew jekk it-talba għal reġistrazzjoni skont l-Att ta’ Ġinevra ma tkunx saret skont it-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, jitlob il-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ dik id-denominazzjoni ta’ oriġini fir-Reġistru Internazzjonali.”

    ;

    (11)

    fl-Artikolu 15(1), jiżdied il-punt li ġej:

    “(e)

    għall-prodotti artiġjanali u industrijali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2411, mill-Kumitat għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Artiġjanali u Industrijali stabbilit mill-Artikolu 68 ta’ dak ir-Regolament.”.

    TITOLU VI

    TARIFFI

    Artikolu 65

    Tariffi

    1.   L-Istati Membri jistgħu jimponu tariffi biex ikopru l-kostijiet tal-fażi nazzjonali tal-proċeduri previsti f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari il-kostijiet imġarrba fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, l-oppożizzjonijiet, it-talbiet għal emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, it-talbiet għal kanċellazzjonijiet u l-appelli.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu tariffi jew jimponu ħlasijiet biex ikopru l-kostijiet tal-kontrolli mwettqa skont it-Titolu IV ta’ dan ir-Regolament.

    3.   L-Uffiċċju għandu jimponi tariffa fir-rigward ta’:

    (a)

    il-proċedura ta’ reġistrazzjoni diretta, kif imsemmija fl-Artikolu 20;

    (b)

    il-proċedura li tikkonċerna l-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiż terz, imsemmi fl-Artikolu 21, il-punt (c); u

    (c)

    l-appelli quddiem il-Bordijiet tal-Appell, kif imsemmi fl-Artikolu 33.

    4.   L-Uffiċċju jista’ jimponi tariffa fir-rigward ta’ talbiet għal emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u fir-rigward ta’ talbiet għall-kanċellazzjoni, fejn l-indikazzjoni ġeografika kienet irreġistrata skont waħda mill-proċeduri msemmija fil-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 3.

    5.   Kwalunkwe tariffa imposta skont dan ir-Regolament għandha tkun raġonevoli, proporzjonata u għandha tqis is-sitwazzjoni tal-MSMEs sabiex titrawwem il-kompetittività tal-produtturi. Dawk it-tariffi ma għandhomx jaqbżu l-kostijiet imġarrba għat-twettiq tal-kompiti skont dan ir-Regolament.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina l-ammonti tat-tariffi li jridu jintalbu mill-Uffiċċju u l-modi li bihom għandhom jitħallsu jew, fil-każ tat-tariffa għall-appelli quddiem il-Bordijiet tal-Appell, jiġu rimborżati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

    TITOLU VII

    DISPOŻIZZJONIJIET SUPPLIMENTARI

    Artikolu 66

    Lingwi proċedurali

    1.   Id-dokumenti u l-informazzjoni kollha mibgħuta lill-Uffiċċju fir-rigward tal-proċeduri skont dan ir-Regolament għandhom ikunu b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

    2.   Għall-kompiti kkonferiti lill-Uffiċċju skont dan ir-Regolament, il-lingwi tal-Uffiċċju għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament Nru 1 (26).

    Artikolu 67

    Sistema tal-IT

    1.   L-Uffiċċju għandu jistabbilixxi u jżomm is-sistema diġitali għas-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet lill-Uffiċċju, ir-reġistru tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 37 u l-portal diġitali msemmi fl-Artikolu 58(3).

    2.   Is-sistema diġitali għas-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet lill-Uffiċċju għandha tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Din għandha tkun faċilment aċċessibbli għall-pubbliku, f’format li jinqara mill-magni u użat komunement, u għandha tintuża għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet lill-Uffiċċju skont l-Artikolu 21. Barra minn hekk, dik is-sistema diġitali għandu jkollha l-kapaċità li tintuża mill-Istati Membri fil-fażi nazzjonali tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni.

    Artikolu 68

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Artiġjanali u Industrijali. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 69

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 11, 20, 22, 33 u 51 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ seba’ snin mill-1 ta’ Diċembru 2025. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ seba’ snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 11, 20, 22, 33 u 51 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 11, 20, 22, 33 jew 51 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmaw it-tnejn li huma lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    TITOLU VIII

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

    Artikolu 70

    Ismijiet eżistenti u protezzjoni tranżizzjonali

    1.   Sat-2 ta’ Diċembru 2026, il-protezzjoni nazzjonali speċifika għall-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali għandha tieqaf teżisti, u l-applikazzjonijiet pendenti għandhom jitqiesu bħala li ma ġewx ippreżentati, ħlief meta tkun saret talba skont il-paragrafu 2.

    2.   Sat-2 ta’ Diċembru 2026, l-Istati Membri interessati għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju liema mill-ismijiet legalment protetti tagħhom jew, fl-Istati Membri fejn ma jkun hemm ebda sistema ta’ protezzjoni, liema mill-ismijiet tagħhom stabbiliti bl-użu, jixtiequ jirreġistraw u jipproteġu skont dan ir-Regolament.

    3.   Abbażi ta’ talba li tkun saret skont il-paragrafu 2, jista’ jkun hemm estensjoni taż-żmien tal-protezzjoni nazzjonali mill-Istat Membru kkonċernat sakemm il-proċedura ta’ reġistrazzjoni skont il-paragrafu 4 tiġi ffinalizzata u d-deċiżjoni tkun tlestiet. Meta tingħata l-protezzjoni tal-Unjoni, il-jum li fih l-Istat Membru kkonċernat ikun informa lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju, f’konformità mal-paragrafu 2, għandu jitqies bħala l-ewwel jum ta’ protezzjoni skont dan ir-Regolament.

    4.   L-ismijiet li bihom tiġi infurmata l-Kummissjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u li jikkonformaw mal-Artikoli 3, 6, 9 u 10 għandhom jiġu rreġistrati mill-Uffiċċju, jew, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 30 mill-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 22 sa 30. L-Artikoli 25, 26 u 27 ma għandhomx japplikaw. Madankollu, ma għandhomx jiġu rreġistrati termini ġeneriċi.

    Artikolu 71

    Obbligi ta’ rapportar tal-Istati Membri

    1.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni sat-2 ta’ Diċembru 2029, u kull ħames snin wara dan:

    (a)

    dwar l-istrateġija li tikkonċerna u r-riżultati tal-kontrolli kollha mwettqa għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti relatati mas-sistema għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali stabbiliti b’dan ir-Regolament, kif imsemmi fit-Titolu IV;

    (b)

    dwar il-verifika tal-konformità bbażata fuq awtodikjarazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 51;

    (c)

    dwar il-verifika tal-konformità minn awtorità kompetenti jew korp għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodott jew persuna fiżika kif imsemmi fl-Artikolu 52;

    (d)

    dwar il-monitoraġġ tal-użu ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali fis-suq kif imsemmi fl-Artikolu 54;

    (e)

    dwar il-konformità kontinwa kif msemmi fl-Artikolu 45(2); u

    (f)

    dwar kontenut illegali fuq interfaċċi online kif imsemmi fl-Artikolu 60.

    2.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Novembru 2024 l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 19 sabiex jidderogaw mill-proċedura standard għar-reġistrazzjoni. Abbażi tal-informazzjoni riċevuta, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar it-talba tal-Istat Membru kkonċernat biex jidderoga mill-proċedura standard għar-reġistrazzjoni u ma jaħtarx awtorità nazzjonali għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, it-talbiet biex tiġi emendata l-ispeċifikazzjoni ta’ prodott u t-talbiet għall-kanċellazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 12(1).

    Artikolu 72

    Rieżami

    1.   Sat-2 ta’ Diċembru 2030, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tiegħu, kif xieraq. Dak ir-rapport għandu jivvaluta, b’mod partikolari, sa liema punt il-valur tal-prodotti artiġjanali u industrijali ddeżinjati b’indikazzjonijiet ġeografiċi jinħoloq fiż-żona ġeografika ddefinita jew x’imkien ieħor.

    2.   Sat-2 ta’ Ġunju 2026 il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-fattibbiltà ta’ sistema ta’ informazzjoni u ta’ twissija kontra l-użu abbużiv ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti artiġjanali u industrijali fis-sistema tal-ismijiet tad-dominju, u tippreżenta rapport bis-sejbiet prinċipali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva, fejn xieraq.

    Artikolu 73

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2025. Madankollu, l-Artikolu 19(1) u (2), l-Artikolu 35(1), l-Artikolu 37(7), l-Artikoli 67, 68 u 69, u l-Artikolu 71(2) għandhom japplikaw mis-16 ta’ Novembru 2023.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta’ Ottubru 2023.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. M. ALBARES BUENO


    (1)   ĠU C 486, 21.12.2022, p. 129.

    (2)   ĠU C 498, 30.12.2022, p. 57.

    (3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2023.

    (4)   ĠU L 271, 24.10.2019, p. 15.

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 tas-7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, p. 12).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (11)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

    (12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).

    (14)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat-18 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment ta’ simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji oħrajn (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17).

    (15)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

    (16)  Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).

    (17)  Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15).

    (18)  Ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2012 li permezz tiegħu l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) jiġi fdat b’ċerti kompiti relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż it-tlaqqigħ ta’ rappreżentanti mis-settur pubbliku u privat bħala Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (ĠU L 129, 16.5.2012, p. 1).

    (19)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

    (20)  Ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1).

    (21)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (22)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (23)   ĠU C 258, 5.7.2022, p. 5.

    (24)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

    (25)  Id-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trademarks (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 1).

    (26)  Ir-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).


    ANNESS I

    FORMOLA STANDARD GĦALL-AWTODIKJARAZZJONI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 51

    Awtodikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

    1.

    Isem u indirizz tal-produttur: …

    [Daħħal l-isem u l-indirizz tal- operatur (kumpanija jew il-produttur individwali) kif ukoll, fejn applikabbli, l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant awtorizzat tal-kumpanija jew produttur li jiffirma l-awtodikjarazzjoni f’isem il-kumpannija jew il-produttur]

    2.

    Grupp ta’ produtturi: …

    [Jekk applikabbli, daħħal l-isem u l-indirizz tal-grupp ta’ produtturi li tiegħu huwa membru l-produttur]

    3.

    Isem u tip tal-prodott: …

    [Daħħal l-isem bl-attributi kollha li taħthom il-prodott iddeżinjat bl-indikazzjoni ġeografika jiġi kkummerċjalizzat jew huwa previst li jiġi kkummerċjalizzat u t-tip ta’ oġġetti li għalihom jappartjeni l-prodott]

    4.

    Status tal-prodott: …

    [Speċifika jekk il-prodott huwiex diġà fis-suq]

    5.

    Siti ta’ produzzjoni: …

    [Daħħal is-siti ta’ produzzjoni kollha, bl-indirizz u d-dettalji tal-kuntatt tagħhom, u l-attivitajiet (passi tal-produzzjoni skont l-ispeċifikazzjoni tal-prodott) imwettqa hemmhekk]

    6.

    Isem, numru u data tar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika: …

    [Dan ir-rekwiżit jista’ jiġi ssodisfat billi mal-awtodikjarazzjoni jinhemeż l-estratt elettroniku korrispondenti mir-reġistru]

    7.

    Dokument uniku: …

    [Daħħal l-informazzjoni mid-dokument uniku: l-isem u d-deskrizzjoni tal-prodott, inkluż, fejn xieraq, informazzjoni dwar l-imballaġġ u t-tikkettar, inkluż l-użu possibbli tas-simbolu tal-Unjoni għal indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, u definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika]

    8.

    Deskrizzjoni tal-miżuri meħuda mill-produttur biex jiżgura li l-prodott huwa konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott: …

    [Daħħal il-miżuri kollha (kontrolli u verifiki) li twettqu mill-produttur stess, il-grupp ta’ produtturi jew parti terza minn meta kienet sottomessa l-aħħar awtodikjarazzjoni, flimkien ma’ sommarju ta’ kull miżura fit-tabella hawn taħt]

    Punt ta’ kontroll (2)

    Valur ta’ referenza (3)

    (Testijiet)

    Awtokontroll (AK), Kontroll Intern (KI) jew Kontroll Estern (KE) (4)

    Frekwenza (5)

    Persuna responsabbli għall-kontroll

    Metodu ta’ kontroll

    Dokument ta’ referenza

     

     

     

     

     

     

     

    9.

    Informazzjoni addizzjonali: …

    [Daħħal kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa rilevanti għall-valutazzjoni dwar jekk il-prodott huwiex konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, eż. kampjuni tat-tikketta jekk ikun hemm regoli għat-tikkettar fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ]

    10.

    Dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

    B’dan jiena niddikjara li l-prodott imsemmi hawn fuq, inkluż il-karatteristiċi u l-komponenti tiegħu, huwa konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti. Twettqu l-kontrolli u l-verifiki kollha meħtieġa għad-determinazzjoni korretta tal-konformità.

    Jiena konxju/a li, f’każ li nagħmel dikjarazzjoni falza, jistgħu jiġu imposti penali.

    Iffirmat għal u f’isem:

    (post u data):

    (isem, kariga) (firma):


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/1753 (ĠU L, 2023/2411, 27.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2411/oj).

    (2)  Punt ta’ kontroll: il-pass jew passi ta’ kontroll waqt il-proċess tal-produzzjoni fejn tiġi applikata l-miżura ta’ kontroll.

    (3)  Valur ta’ referenza, jekk ikun hemm, li jrid jintlaħaq fil-punt ta’ kontroll.

    (4)  AK: kontroll imwettaq mill-produttur stess; KI: kontroll imwettaq mill-grupp ta’ produtturi; KE: kontroll imwettaq minn korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodott jew minn persuna fiżika.

    (5)  Frekwenza: l-intervall taż-żmien bejn kontroll u ieħor.


    ANNESS II

    FORMOLA STANDARD GĦAD-DOKUMENTI UNIĊI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 10

    Dokument uniku msemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

    [Daħħal l-isem, kif indikat fil-punt 1:] “…”

    Numru tal-UE: [għall-użu tal-UE biss]

    1.

    Isem/Ismijiet [l-indikazzjoni ġeografika proposta] …

    [Daħħal l-isem li għandu jiġi protett bħala indikazzjoni ġeografika jew, fil-każ ta’ talba għall-approvazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, l-isem irreġistrat]

    2.

    Stat Membru jew pajjiż terz …

    3.

    Deskrizzjoni tal-prodott

    3.1.

    Tip ta’ prodott …

    3.2.

    Deskrizzjoni tal-prodott ddeżinjat taħt l-isem fil-punt 1 …

    [Biex tidentifika l-prodott, uża d-definizzjonijiet u l-istandards użati komunement għal dak il-prodott. Fid-deskrizzjoni tal-prodott, iffoka fuq l-ispeċifiċità tiegħu, bl-użu ta’ unitajiet ta’ kejl u termini komuni jew tekniċi ta’ tqabbil, mingħajr ma tinkludi karatteristiċi tekniċi inerenti għall-prodotti kollha ta’ dak it-tip jew rekwiżiti legali obbligatorji applikabbli għall-prodotti kollha ta’ dak it-tip]

    3.3.

    Il-passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita …

    [Ipprovdi l-ġustifikazzjonijiet għal kwalunkwe restrizzjoni jew deroga]

    3.4.

    Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ tal-prodott iddeżinjat bl-isem taħt il-punt 1 …

    [Jekk applikabbli, ipprovdi ġustifikazzjonijiet speċifiċi għall-prodott għal kwalunkwe restrizzjoni]

    3.5.

    Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ tal-prodott iddeżinjat bl-isem taħt il-punt 1 ...

    [Jekk applikabbli, ipprovdi ġustifikazzjonijiet għal kwalunkwe restrizzjoni]

    4.

    Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika …

    [Fejn ikun xieraq, inkludi mappa taż-żona ġeografika]

    5.

    Rabta maż-żona ġeografika …

    [Indika r-rabta bejn iż-żoan ġeografika u l-kwalità partikolari, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott.

    Għal dak l-għan, indika l-fatturi li fuqhom hija bbażata r-rabta, inkluż, fejn xieraq, elementi tad-deskrizzjoni tal-prodott jew tal-metodu ta’ produzzjoni li jiġġustifikaw ir-rabta]

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott (li għandha tiżdied mill-awtorità kompetenti jew mill-Uffiċċju, ladarba tkun disponibbli)


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/1753 (ĠU L, 2023/2411, 27.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2411/oj).


    ANNESS III

    FORMOLA STANDARD GĦAD-DIKJARAZZJONI MOTIVATA TA’ OPPOŻIZZJONI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 26

    Dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

    1.

    Isem il-prodott: …

    [kif iddaħħal fir-reġistru tal-Unjoni]

    2.

    Numru: …

    [kif iddaħħal fir-reġistru tal-Unjoni]

    Data tal-pubblikazzjoni tad-dokument uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni elettronika tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott fir-reġistru tal-Unjoni previst fl-Artikolu 23(7) tar-Regolament (UE) 2023/2411: ...

    3.

    Dettalji ta’ kuntatt

    Persuna ta’ kuntatt:

    Titlu: …

    Isem: …

    Persuna fiżika jew ġuridika/organizzazzjoni/awtorità kompetenti: …

    Indirizz: …

    Numru tat-telefon: …

    Indirizz elettroniku: …

    4.

    Raġunijiet għall-oppożizzjoni:

    Nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti speċifiċi għall-protezzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/2411.

    L-indikazzjoni ġeografika proposta tmur kontra:

    l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2023/2411;

    l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2023/2411; jew

    l-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

    L-indikazzjoni ġeografika proposta tipperikola l-eżistenza ta’ isem identiku jew simili użat matul il-kummerċ jew ta’ trademark, jew l-eżistenza ta’ prodotti li jkunu ilhom legalment fis-suq għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni prevista fl-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) 2023/2411.

    5.

    Dettalji b’appoġġ għall-oppożizzjoni

    [Ipprovdi raġunijiet debitament sostanzjati u ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni, inkluż dikjarazzjoni li tispjega l-interess leġittimu tal-opponent, sakemm l-oppożizzjoni ma titressaqx minn awtorità nazzjonali, f’liema każ ma tkun meħtieġa ebda dikjarazzjoni ta’ interess leġittimu.]

    (post u data):

    (isem, kariga) (firma):


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/1753 (ĠU L, 2023/2411, 27.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2411/oj).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2411/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top