Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1479

    Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2023/1479 tal-14 ta’ Lulju 2023 li jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra

    ST/10818/2023/INIT

    ĠU L 182, 19.7.2023, p. 86–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1479/oj

    19.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 182/86


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (Euratom) 2023/1479

    tal-14 ta’ Lulju 2023

    li jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 7, Artikolu 47, punt (b) tar-raba’ paragrafu u l-Artikolu 48 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku,

    Billi:

    (1)

    Fid-29 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni kkonkludiet, f’isem il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (‘il-Komunità’), il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”). Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ġie applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jkopri kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Komunità, jiġifieri l-assoċjazzjoni mal-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità u mal-Impriża Konġunta Ewropea għar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER) u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni rregolata mill-Ħames Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (Parteċipazzjoni fi programmi tal-Unjoni, ġestjoni finanzjarja tajba u dispożizzjonijiet finanzjarji).

    (2)

    Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li l-Partijiet jistgħu jadottaw miżuri unilaterali, b’mod partikolari fir-rigward tas-sospensjoni ta’ ċerti obbligi skont dak il-Ftehim, fil-każijiet speċifiċi u soġġett għall-kondizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fih. Fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (it-‘Trattat Euratom’), jistgħu jiġu adottati miżuri unilaterali mill-Komunità fil-każijiet u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 718 u 719 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Dawk il-miżuri unilaterali jikkonċernaw is-sospensjoni parzjali jew totali tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-Unjoni kif ukoll it-terminazzjoni parzjali jew totali tagħha.

    (3)

    Jekk tinqala’ l-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi tagħha fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jenħtieġ li l-Komunità tkun f’pożizzjoni li tagħmel użu xieraq mill-istrumenti disponibbli għaliha malajr u b’mod proporzjonat, effettiv u flessibbli, filwaqt li tinvolvi bis-sħiħ lill-Istati Membri. Għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri unilaterali fl-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

    (4)

    Jenħtieġ li l-miżuri unilaterali jkunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħhom, b’kont meħud tal-ħsara attwali jew potenzjali għall-interessi Komunitarji li jirriżultaw mill-każ. Jenħtieġ li dawn jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 718 u 719 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

    (5)

    Jenħtieġ li r-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja li tirregola l-istess suġġett.

    (6)

    Sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jibqa’ adatt għall-iskop tiegħu, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq, fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu, rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu u tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jenħtieġ li dak ir-rieżami, fejn xieraq, ikun akkumpanjat bi proposti leġiżlattivi rilevanti.

    (7)

    Il-proċedura għall-adozzjoni ta’ miżuri awtonomi f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) skont dan ir-Regolament hija mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju kontinwu u permanenti mill-Kunsill tal-funzjonijiet tiegħu ta’ tfassil ta’ politika, koordinazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet mogħtija mit-Trattati sa fejn hija kkonċernata l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.

    (8)

    Sabiex is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 101 tat-Trattat tal-Euratom jingħataw effett, il-proċess intern tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni huwa rifless fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2020/135 (3) u (UE) 2021/689 (4). Sabiex il-Kunsill ikun f’pożizzjoni li jeżerċita b’mod sħiħ il-funzjonijiet tiegħu ta’ tfassil ta’ politika, koordinazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet f’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kunsill jinżamm kontinwament infurmat fuq bażi permanenti u regolari dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk il-Ftehimiet, inkluż dwar id-diffikultajiet kollha li jistgħu jinqalgħu, b’mod partikolari ksur possibbli ta’ dawk il-Ftehimiet u sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jagħtu lok għal miżuri adottati skont dan ir-Regolament. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kunsill jiġi infurmat b’mod debitu u f’waqtu dwar ir-reazzjonijiet possibbli li l-Komunità għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura implimentazzjoni sħiħa u xierqa ta’ dawk il-Ftehimiet, kif ukoll dwar is-segwitu għal kwalunkwe miżura meħuda.

    (9)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju rapidu, effettiv u flessibbli tad-drittijiet korrispondenti tal-Komunità skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri unilaterali u biex tagħti effett lil dawk il-miżuri kif meħtieġ fl-ordni legali interna tal-Komunità. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jestendu wkoll għall-modifika, is-sospensjoni jew it-tħassir tal-miżuri adottati. Jenħtieġ li dawn ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Billi l-miżuri previsti jinvolvu l-adozzjoni ta’ atti ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali, jenħtieġ li l-proċedura ta’ eżami tintuża għall-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih fejn, f’każijiet debitament ġustifikati, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jirrikjedu dan għall-protezzjoni xierqa tal-interessi tal-Komunità,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri biex jiżgura eżerċizzju effettiv u f’waqtu tad-drittijiet tal-Komunità fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”).

    2.   Dan ir-Regolament japplika għall-miżuri li ġejjin adottati mill-Komunità f’konformità mal-Artikoli 718 u 719 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni:

    (a)

    is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll I tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, fir-rigward ta’ programmi jew attivitajiet Komunitarji, jew partijiet minnhom;

    (b)

    it-terminazzjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll I tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, fir-rigward ta’ programmi jew attivitajiet Komunitarji, jew partijiet minnhom.

    Artikolu 2

    Eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità

    1.   Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja adottata skont l-Artikoli 7, 47 u 48 tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, u li tagħti effett lil dawk il-miżuri, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

    2.   Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom ikunu proporzjonati mal-objettivi segwiti u effettivi fiż-żamma tal-bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi sottostanti għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-Unjoni kif previst fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Dawn għandhom jikkonformaw mal-kriterji speċifiċi stabbiliti f’dak il-Ftehim.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda, tissospendi jew tħassar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punt (a), permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Fejn xieraq, dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw it-tul ta’ żmien tas-sospensjoni.

    4.   Meta jkun hemm tħassib partikolari ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, dak l-Istat Membru jew dawk l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tissospendi l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programm jew programmi Komunitarji kkonċernati f’konformità mal-paragrafu 1. Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx b’mod pożittiv għal tali talba, din għandha tinforma lill-Kunsill b’mod f’waqtu bir-raġunijiet tagħha.

    5.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 3(2).

    6.   Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(3).

    Artikolu 3

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tar-Renju Unit. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

    Artikolu 4

    Rieżami

    Sad-9 ta’ Awwissu 2028, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposti leġiżlattivi rilevanti.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    N. CALVIÑO SANTAMARÍA


    (1)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).


    Top