Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1785

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1785 tal-15 ta’ Settembru 2023 li tħassar id-Deċiżjoni 2006/929/KE dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fil-Bulgarija sabiex tindirizza punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata

    C/2023/5652

    ĠU L 229, 18.9.2023, p. 91–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/10/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1785/oj

    18.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 229/91


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1785

    tal-15 ta’ Settembru 2023

    li tħassar id-Deċiżjoni 2006/929/KE dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fil-Bulgarija sabiex tindirizza punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat l-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 u 38 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fir-rapport ta’ monitoraġġ tagħha tas-26 ta’ Settembru 2006 dwar l-istat ta’ tħejjija għas-sħubija tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-UE (1) qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni, il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ kwistjonijiet, b’mod partikolari rigward l-akkontabbiltà u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u tal-korpi tal-infurzar tal-liġi fil-Bulgarija, fejn kien għadu meħtieġ li jsir aktar progress sabiex tiġi żgurata l-kapaċità li jiġu implimentati u applikati l-miżuri adottati biex jiġu stabbiliti s-suq intern u l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

    (2)

    Fit-13 ta’ Diċembru 2006 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni 2006/929/KE (2) li twaqqaf mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fil-Bulgarija sabiex tindirizza punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata Din id-Deċiżjoni għandha titħassar, kif iddikjarat fiha stess, meta l-punti ta’ riferiment kollha jkunu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti.

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2006/929/KE tirrikjedi li l-Bulgarija tibgħat regolarment rapporti lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun sar fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment. Il-Kummissjoni kkomunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-kummenti u l-konstatazzjonijiet tagħha stess dwar ir-rapport tal-Bulgarija għall-ewwel darba f’Ġunju 2007, u rrappurtat fuq bażi regolari minn dak iż-żmien ’l hawn. Kull rapport tal-Kummissjoni kien ir-riżultat ta’ analiżi bir-reqqa, konkluża permezz tal-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll permezz tal-kontribut tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet ikkonċernati oħra, kif ukoll ta’ osservaturi.

    (4)

    Fir-rapport tagħha ta’ Jannar 2017 (3), il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni komprensiva tal-progress li sar mill-Bulgarija sa mit-twaqqif tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni stabbiliet perkors ċar lejn il-konklużjoni tal-mekkaniżmu, ibbażat fuq sbatax-il rakkomandazzjoni ewlenija, li ċċaraw ir-rekwiżiti li l-Bulgarija kellha tikkonforma magħhom sabiex tissodisfa s-sitt punti ta’ riferiment stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/929/KE. Minħabba l-progress li sar, il-Kummissjoni qieset li l-issodisfar ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet ikun biżżejjed biex jingħalaq il-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika, dment li ma jkun hemm l-ebda żvilupp li sadanittant jreġġa’ lura b’mod ċar il-perkors tal-progress. Ħafna mir-rakkomandazzjonijiet iffukaw fuq il-bini ta’ salvagwardji interni biex tiġi żgurata l-irriversibbiltà tar-riżultati u biex jintwera li r-riformi li għaddejjin se jitkomplew u li l-progress se jiġi kkonsolidat, anke mingħajr il-mekkaniżmu.

    (5)

    Fir-rapport tagħha ta’ Novembru 2018 (4), il-Kummissjoni laqgħet b’sodisfazzjoni l-progress tal-Bulgarija biex il-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika jiġi konkluż b’ħeffa, u kkonkludiet li tlieta mill-punti ta’ riferiment jistgħu jitqiesu bħala magħluqa proviżorjament. Il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari l-progress li sar mill-Bulgarija, sa mill-adeżjoni tagħha, fl-emendar tal-qafas kostituzzjonali u leġiżlattiv tagħha biex ittejjeb s-salvagwardji għall-indipendenza ġudizzjarja, kif ukoll it-trasparenza u l-effiċjenza tal-proċess ġudizzjarju. Barra minn hekk, l-emendi tal-2015 fil-kostituzzjoni tal-Bulgarija ġabu riforma fil-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u spettorat ġudizzjarju aktar b’saħħtu. Dawn l-emendi issa ilhom fis-seħħ għal għadd ta’ snin.

    (6)

    Ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Ottubru 2019 (5) stabbilixxa li l-progress li sar mill-Bulgarija permezz tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika kien biżżejjed biex jissodisfa l-impenji tal-Bulgarija li saru fi żmien l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni u li s-sitt punti ta’ riferiment kollha, kif stabbilit fid-Deċiżjoni 2006/929/KE, u kif iċċarat permezz tas-sbatax-il rakkomandazzjoni tar-rapport ta’ Jannar 2017, kienu ġew irrispettati b’mod sodisfaċenti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ħadet nota, fost affarijiet oħra, tar-riformi komprensivi tal-qafas istituzzjonali ġenerali kontra l-korruzzjoni li twettqu matul is-sentejn preċedenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnutat fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ Ottubru 2019, lista ta’ impenji speċifiċi magħmula mill-gvern Bulgaru. Dawn l-impenji speċifiċi kienu jinkludu b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ proċeduri li jikkonċernaw l-akkontabbiltà tal-Prosekutur Ġenerali f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, flimkien mal-impenn li jiġi emendat l-Att dwar is-Sistema Ġudizzjarja sabiex jitħassru d-dispożizzjonijiet li jirrikjedu s-sospensjoni awtomatika tal-maġistrati fil-każ ta’ investigazzjoni kriminali kontrihom, kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-maġistrati jirrapportaw is-sħubija tagħhom f’assoċjazzjonijiet professjonali. Il-Bulgarija impenjat ruħha wkoll li tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Ir-rapport ta’ Ottubru 2019 qies ukoll l-isforzi tal-Bulgarija biex tinternalizza l-monitoraġġ fil-livell nazzjonali permezz ta’ Kunsill ta’ Koordinazzjoni u Kooperazzjoni (il-“kunsill ta’ wara l-monitoraġġ”) responsabbli mis-sorveljanza tal-progress kontinwu tar-riformi.

    (7)

    B’segwitu għall-impenji speċifiċi nnutati fir-rapport ta’ Ottubru 2019, fi Frar 2020, il-Parlament Bulgaru adotta l-emendi msemmijin hawn fuq tal-Att dwar is-Sistema Ġudizzjarja, filwaqt li ħallew l-impenn speċifiku li jiġu stabbiliti proċeduri marbutin mal-akkontabbiltà ta’ Prosekutur Ġenerali bħala l-uniku impenn pendenti tar-rapport ta’ Ottubru 2019.

    (8)

    Ġie stabbilit qafas għall-investigazzjoni kontra l-Prosekutur Ġenerali u d-deputati tiegħu jew tagħha fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni ta’ Venezja (6). Fl-4 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza propost għall-Bulgarija, li jinkludi fost l-objettivi intermedji tagħha l-impenn tal-Bulgarija għad-dħul fis-seħħ tal-emendi leġiżlattivi biex tiġi ssalvagwardjata l-effettività tal-proċedimenti kriminali u jittejbu l-akkontabbiltà u r-responsabbiltà kriminali tal-Prosekutur Ġenerali. Fis-26 ta’ Mejju 2023, il-Parlament Bulgaru adotta l-liġi li tistabbilixxi proċeduri dwar l-akkontabbiltà tal-Prosekutur Ġenerali u d-deputati tiegħu jew tagħha. Il-liġi daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2023, u b’hekk iffinalizzat l-aħħar impenn speċifiku pendenti skont ir-rapport ta’ Ottubru 2019. Il-Prim Ministru tal-Bulgarija informa lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ġunju 2023 dwar il-miżuri meħuda biex jiġu ssodisfati l-impenji speċifiċi li ġew elenkati fil-konklużjonijiet tar-rapport tal-2019 permezz tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika, kif ukoll miżuri ulterjuri biex ikompli jiġi rrispettat l-istat tad-dritt.

    (9)

    Fir-rigward tal-impenn tal-Bulgarija li tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa fil-mandat tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jenħtieġ li jiġi nnotat li ntlaħaq qbil dwar għadd ta’ objettivi intermedji kontra l-korruzzjoni fil-kuntest tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza għall-Bulgarija, li jirrikjedu l-kooperazzjoni tal-Bulgarija mal-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa.

    (10)

    Għalhekk, il-punti ta’ riferiment kollha stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/929/KE, u ċċarati permezz tas-sbatax-il rakkomandazzjoni tar-rapport ta’ Jannar 2017, kif ukoll l-impenji speċifiċi (7) tar-rapport ta’ Ottubru 2019, ġew irrispettati b’mod sodisfaċenti.

    (11)

    L-evoluzzjoni tax-xenarju tal-istat tad-dritt tal-Unjoni tat kuntest ġdid għall-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-Bulgarija. B’mod partikolari, iċ-ċiklu annwali tal-Istat tad-Dritt, imniedi mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2019 dwar “It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni” (8) u fil-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen, jipprovdi qafas li għadu għaddej b’perspettiva fit-tul biex jakkumpanja r-riforma sostenibbli, għall-Bulgarija kif ukoll għal Stati Membri oħra. Bħala parti minn dan iċ-ċiklu, ir-Rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt, li mill-2022 jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri, jistimula direzzjoni pożittiva dwar kwistjonijiet tal-istat tad-dritt, japprofondixxi d-djalogu u s-sensibilizzazzjoni konġunta u jipprevjeni milli l-isfidi jitfaċċaw jew japprofondixxu ruħhom. Dan se jippermetti l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-riformi miftiehma tal-Bulgarija. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni kontinwa tar-riformi stabbiliti mill-Bulgarija se jiġi żgurat ukoll fil-livell nazzjonali mill-kunsill ta’ wara l-monitoraġġ.

    (12)

    Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tagħha ta’ Ottubru 2019, dwar il-progress fil-Bulgarija permezz tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika, lill-Kumitat rilevanti fil-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni qieset kif xieraq l-osservazzjonijiet li rċeviet mill-Parlament Ewropew permezz ta’ ittra mill-President tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Diċembru 2019.

    (13)

    Fil-5 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni infurmat lill-Kunsill bl-intenzjoni tagħha li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/929/KE li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika għall-Bulgarija u tagħlaq b’mod definittiv il-mekkaniżmu. Dan ġie ukoll ikkomunikat lill-Parlament Ewropew. Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Lulju l-Kunsill ħa nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq formalment il-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika għall-Bulgarija u r-Rumanija.

    (14)

    Dan ifisser li d-Deċizjoni 2006/929/KE, jenħtieġ li titħassar.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2006/929/KE hija mħassra.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Settembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  Ir-rapport ta’ Monitoraġġ dwar l-Istat ta’ Tħejjija għas-Sħubija fl-UE tal-Bulgarija u r-Rumanija, is-26 ta’ Settembru 2006, COM (2006) 549.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/929/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fil-Bulgarija sabiex tindirizza punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 58).

    (3)  Rapport dwar il-Progress fil-Bulgarija permezz tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, COM(2017) 43 final.

    (4)  Rapport dwar il-Progress fil-Bulgarija permezz tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, COM(2018) 850 final.

    (5)  Rapport dwar il-Progress fil-Bulgarija permezz tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, COM(2019) 498 final.

    (6)  Ara l-objettiv intermedju 222, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Bulgarija, it-28 ta’ April 2022, ST 8091 2022 INIT. Il-Kummissjoni se tivvaluta t-twettiq tal-objettiv intermedju fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Bulgarija meta l-Bulgarija tippreżenta t-talba għall-pagament rilevanti.

    (7)  Din il-valutazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-issodisfar tal-objettivi intermedji u l-miri rilevanti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Bulgarija.

    (8)  COM(2019) 343.


    Top