This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D0436
Council Decision (EU) 2023/436 of 14 February 2023 authorising Member States to ratify, in the interest of the European Union, the Second Additional Protocol to the Convention on Cybercrime on enhanced cooperation and disclosure of electronic evidence
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/436 tal-14 ta’ Frar 2023 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità dwar kooperazzjoni msaħħa u żvelar ta’ evidenza elettronika
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/436 tal-14 ta’ Frar 2023 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità dwar kooperazzjoni msaħħa u żvelar ta’ evidenza elettronika
ST/6438/2022/INIT
ĠU L 63, 28.2.2023, p. 48–53
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/436/oj
28.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 63/48 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/436
tal-14 ta’ Frar 2023
li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità dwar kooperazzjoni msaħħa u żvelar ta’ evidenza elettronika
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 u l-Artikolu 82(1), flimkien mal-Artikolu 218(6) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Fis-6 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tipparteċipa, f’isem l-Unjoni, fin-negozjati dwar it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (CETS Nru. 185) (“il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità”). |
(2) |
It-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità dwar il-kooperazzjoni msaħħa u l-iżvelar ta’ evidenza elettronika (“il-Protokoll”) ġie adottat mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis-17 ta’ Novembru 2021 u huwa previst li jinfetaħ għall-iffirmar fit- 12 ta’ Mejju 2022. |
(3) |
Id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll jaqgħu f’qasam kopert fil-biċċa l-kbira minn regoli komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), inklużi strumenti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jiżguraw standards minimi ta’ drittijiet proċedurali kif ukoll protezzjoni tad-data u salvagwardji tal-privatezza. |
(4) |
Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposti leġiżlattivi għal Regolament dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali u għal Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-fini tal-ġbir tal-evidenza fi proċedimenti kriminali, li jintroduċu, Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej transfruntiera vinkolanti li għandhom jiġu indirizzati direttament lil rappreżentant ta’ provditur ta’ servizz fi Stat Membru ieħor. |
(5) |
Bil-parteċipazzjoni tagħha fin-negozjati dwar il-Protokoll, il-Kummissjoni żgurat il-kompatibbiltà tagħha mar-regoli komuni rilevanti tal-Unjoni. |
(6) |
Għadd ta’ riżervi, dikjarazzjonijiet, notifiki u komunikazzjonijiet fir-rigward tal-Protokoll huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-Protokoll mal-liġi u l-politiki tal-Unjoni. Oħrajn huma rilevanti biex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tal-Protokoll mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma Partijiet għall-Protokoll (“l-Istati Membri li huma Partijiet”) fir-relazzjoni tagħhom ma’ pajjiżi terzi li huma Partijiet għall-Protokoll (“pajjiżi terzi li huma Partijiet”), kif ukoll l-applikazzjoni effettiva tal-Protokoll. |
(7) |
Ir-riżervi, dikjarazzjonijiet, notifiki u komunikazzjonijiet li dwarhom tingħata gwida lill-Istati Membri fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe riżerva jew dikjarazzjoni oħra li jistgħu jkunu jixtiequ jagħmlu individwalment meta l-Protokoll jippermetti dan. |
(8) |
L-Istati Membri li ma jagħmlux riżervi, dikjarazzjonijiet, notifiki u komunikazzjonijiet skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni fil-mument tal-iffirmar jenħtieġ jagħmlu dan meta jiddepożitaw l-istrument tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-Protokoll. |
(9) |
Wara r-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni tal-Protokoll, l-Istati Membri jenħtieġ li, barra minn hekk, josservaw l-indikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
(10) |
Il-Protokoll jipprevedi proċeduri rapidi li jtejbu l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika u livell għoli ta’ salvagwardji. Għalhekk, id-dħul fis-seħħ tiegħu ser jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u forom oħra ta’ kriminalità fil-livell globali billi jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li huma Partijiet u l-pajjiżi terzi li huma Partijiet, ser jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-individwi, u ser jindirizza l-kunflitti tal-liġijiet. |
(11) |
Il-Protokoll jipprevedi salvagwardji xierqa f’konformità mar-rekwiżiti għal trasferimenti internazzjonali ta’ data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Għalhekk, id-dħul fis-seħħ tiegħu ser jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni fil-livell globali, jiffaċilita l-flussi tad-data bejn l-Istati Membri li huma Partijiet u l-pajjiżi terzi li huma Partijiet, u jiżgura l-konformità tal-Istati Membri li huma Partijiet mal-obbligi tagħhom skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. |
(12) |
Barra minn hekk, id-dħul fis-seħħ rapidu tal-Protokoll ser jikkonferma l-pożizzjoni tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità bħala l-qafas multilaterali ewlieni għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. |
(13) |
L-Unjoni ma tistax tirratifika l-Protokoll, peress li l-Istati biss jistgħu jkunu partijiet għalih.. |
(14) |
Jenħtieġ għalhekk li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jirratifikaw il-Protokoll, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni. |
(15) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u ta l-opinjoni tiegħu fil- 21 ta’ Jannar 2022. |
(16) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(17) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
(18) |
Il-verżjonijiet awtentiċi tal-Protokoll huma l-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż tat-test, adottat mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis- 17 ta’ Novembru 2021, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni, it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità dwar kooperazzjoni msaħħa u żvelar ta’ evidenza elettronika (“il-Protokoll”) (5).
Artikolu 2
1. Meta jirratifikaw il-Protokoll, l-Istati Membri li fil-mument tal-iffirmar tal-Protokoll, ma għamlux riżervi, dikjarazzjonijiet, notifiki jew komunikazzjonijiet skont it-Taqsimiet 1 sa 3 tal-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom jagħmlu dan meta jiddepożitaw l-istrument tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-Protokoll.
2. Wara r-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni tal-Protokoll, l-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, josservaw l-indikazzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 4 tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Frar 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
E. SVANTESSON
(1) Kunsens tas-17 ta’ Jannar 2023 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(3) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(5) Ara l-paġna 28 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
ANNESS
Dan l-Anness jistabbilixxi r-riżervi, id-dikjarazzjonijiet, in-notifiki, il-komunikazzjonijiet u l-indikazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 2.
1. Riżervi
Skont l-Artikolu 19, il-paragrafu 1 tal-Protokoll, Parti tista' tiddikjara li tagħmel użu minn waħda jew iktar mir-riżervi pprovduti f'ċerti artikoli tal-Protokoll..
Skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 9a, tal-Protokoll, Parti tista’ tirriżerva d-dritt li ma tapplikax l-Artikolu 7 ( (Żvelar ta’ informazzjoni dwar l-abbonati). L-Istati Membri għandhom iżommu lura milli jagħmlu tali riżerva..
Skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 9b, tal-Protokoll, Parti tista’, soġġett għall-kundizzjonijiet li hemm fih, tirriżerva d-dritt li ma tapplikax l-Artikolu 7 għal ċerti tipi ta’ numri ta’ aċċess. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu tali riżervi, iżda biss fir-rigward ta’ numri ta’ aċċess għajr dawk neċessarji għall-iskop uniku ta’ identifikazzjoni tal-utent.
Skont l-Artikolu 8, il-paragrafu 13, tal-Protokoll, Parti tista’ tirriżerva d-dritt li ma tapplikax l-Artikolu 8 (L-għoti ta’ effett lill-ordnijiet minn Parti oħra għall-produzzjoni mħaffa ta’ informazzjoni dwar l-abbonati u data dwar it-traffiku) lid-data dwar it-traffiku. L-Istati Membri huma mħeġġa joqogħdu lura milli jagħmlu tali riżerva
Fejn l-Artikolu 19, il-paragrafu 1, jipprovdi bażi għal riżervi oħra, l-Istati Membri huma awtorizzati jikkunsidraw u jagħmlu tali riżervi.
2. Dikjarazzjonijiet
Skont l-Artikolu 19, il-paragrafu 2, tal-Protokoll, Parti tista' tagħmel id-dikjarazzjonijiet identifikati f'ċerti artikoli tal-Protokoll.
Skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 2b, tal-Protokoll, Parti tista’, fir-rigward ta’ ordnijiet maħruġa lill-provdituri tas-servizzi fit-territorju tagħha, tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja:
“L-ordni skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 1, trid tinħareġ minn, jew taħt is-superviżjoni ta’, prosekutur jew awtorità ġudizzjarja oħra, jew inkella tinħareġ taħt superviżjoni indipendenti.”
L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ ordnijiet maħruġa lill-provdituri tas-servizzi fit-territorju tagħhom, jagħmlu d-dikjarazzjoni stabbilita fit-tieni paragrafu ta’ din it-Taqsima.
Skont l-Artikolu 9, (Żvelar imħaffef ta’ data maħżuna tal-kompjuter f’emerġenza), il-paragrafu 1b, tal-Protokoll, Parti tista' tiddikjara li mhijiex ser teżegwixxi talbiet skont il-paragrafu l.a ta' dak l-Artikolu, li tfittex biss id-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar l-abbonati. L-Istati Membri huma mħeġġa joqogħdu lura milli jagħmlu tali dikjarazzjoni.
Fejn l-Artikolu 19, il-paragrafu 2, jipprovdi bażi għal dikjarazzjonijiet oħra, l-Istati Membri huma awtorizzati jikkunsidraw u jagħmlu tali dikjarazzjonijiet.
3. Dikjarazzjonijiet, notifiki jew komunikazzjonijiet
Skont l-Artikolu 19, il-paragrafu 3, tal-Protokoll, Parti għandha tagħmel kwalunkwe dikjarazzjoni, notifika jew komunikazzjoni identifikata f'ċerti artikoli tal-Protokoll skont it-termini speċifikati fih.
Skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 5a, tal-Protokoll, Parti tista’ tinnotifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa li meta tinħareġ ordni skont il-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu lil fornitur ta’ servizz fit-territorju tagħha, dik il-Parti teħtieġ, fi kwalunkwe każ jew f'ċirkustanzi identifikati, notifika simultanja tal-ordni, l-informazzjoni supplimentari u sommarju tal-fatti relatati mal-investigazzjoni jew il-proċediment. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jagħmlu n-notifika li ġejja lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa:
“Meta tinħareġ ordni skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 1, lil provditur ta’ servizzi fit-territorju ta’ [Stat Membru], [Stat Membru] jeħtieġ f’kull każ notifika simultanja tal-ordni, informazzjoni supplimentari u sommarju tal-fatti relatati mal-investigazzjoni jew mal-proċediment.”.
Bis-saħħa tal-Artikolu 7, il-paragrafu 5e, tal-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità waħda kompetenti biex tirċievi n-notifika skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 5.a tal-Protokoll, u twettaq l-azzjonijiet deskritti fl-Artikolu 7, il-paragrafu 5.b, 5.c u 5.d, tal-Protokoll, u għandhom, meta tingħata għall-ewwel darba n-notifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 5.a, tal-Protokoll, jikkomunikaw l-informazzjoni ta' kuntatt ta’ dik l-awtorità lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.
Skont l-Artikolu 8, il-paragrafu 4, tal-Protokoll, Parti tista’ tiddikjara li hija meħtieġa informazzjoni ta’ sostenn addizzjonali biex jitwettqu l-ordnijiet skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom, jagħmlu d-dikjarazzjoni li ġejja:
"Hija meħtieġa informazzjoni addizzjonali ta’ appoġġ biex tagħti effett lill-ordnijiet skont l-Artikolu 8, il-paragrafu 1. L-informazzjoni addizzjonali ta’ sostenn meħtieġa ser tiddependi fuq iċ-ċirkostanzi tal-ordni u l-investigazzjoni jew il-proċediment relatati.”.
Skont l-Artikolu 8, il-paragrafi 10.a u 10.b, tal-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw u jżommu aġġornata l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet maħtura biex jissottomettu ordni skont l-Artikolu 8, u tal-awtoritajiet maħtura biex jirċievu ordni skont l-Artikolu 8, rispettivament. L-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (1) , li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE"), għandhom jinkludu lill-UPPE, fil-limiti tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu kif previst fl-Artikoli 22, 23 u 25 ta' dak ir-Regolament, fost l-awtoritajiet ikkomunikati skont l-Artikolu 8, il-paragrafi 10.a, 10.b, tal-Protokoll, u jagħmlu dan b'mod koordinat.
Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom, jagħmlu d-dikjarazzjoni li ġejja:
" F’konformità mal-Artikolu 8, il-paragrafu 10 [Stat Membru], bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("UPPE"), jaħtar lill-UPPE, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, kif previst fl-Artikoli 22, 23 u 25 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”,) bħala awtorità kompetenti."
Skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 7.c, tal-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa l-awtorità jew l-awtoritajiet li għandhom jiġu notifikati skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 7.b, tal-Protokoll, għall-finijiet tal-Kapitolu II, it-Taqsima 2, tal-Protokoll, b'rabta ma’ inċident ta’ sigurtà.
Skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 10.b, tal-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa l-awtorità jew l-awtoritajiet biex jipprovdu awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-Kapitolu II, it-Taqsima 2, tal-Protokoll, fir-rigward tat-trasferiment ulterjuri lil Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali ta’ data riċevuta skont il-Protokoll.
Fejn l-Artikolu 19, il-paragrafu 3, tal-Protokoll jipprovdi bażi għal dikjarazzjonijiet, notifiki jew komunikazzjonijiet oħra, l-Istati Membri huma awtorizzati li jikkunsidraw u jagħmlu tali dikjarazzjonijiet, notifiki jew komunikazzjonijiet.
4. Indikazzjonijiet oħrajn
L-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa stabbilita mir-Regolament (UE) 2017/1939 għandhom jiżguraw li l-UPPE jista’, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu kif previst fl-Artikoli 22, 23 u 25 ta' dak ir-Regolament, ifittex kooperazzjoni skont il-Protokoll bl-istess mod bħall-prosekuturi nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri.
Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ numri ta’ aċċess, l-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw ordni taħt dak l-Artikolu għall-iskrutinju ta’ prosekutur jew awtorità ġudizzjarja oħra meta l-awtorità kompetenti tagħhom tirċievi notifika simultanja tal-ordni qabel l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba mill-provditur.
Skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 11.c, tal-Protokoll l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jittrasferixxu data għall-finijiet tal-Protokoll, il-Parti riċeventi tiġi infurmata li l-qafas legali domestiku tagħhom jeħtieġ li jingħata avviż personali lill-individwu li d-data tiegħu hija pprovduta.
Fir-rigward tat-trasferimenti internazzjonali abbażi tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali (2) ("il-Ftehim Komprensiv"), l-Istati Membri għandhom, għall-finijiet tal-Artikolu 14, il-paragrafu 1.b, tal-Protokoll, jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti li l-Ftehim Komprensiv japplika għat-trasferimenti reċiproċi ta’ data personali skont il-Protokoll bejn l-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, l-Istati Membri għandhom iqisu li l-Ftehim Komprensiv jenħtieġ li jiġi kkomplementat b’salvagwardji addizzjonali li jqisu r-rekwiżiti uniċi tat-trasferiment ta’ evidenza elettronika direttament mill-provditur tas-servizz minflok bejn l-awtoritajiet kif previst skont il-Protokoll. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-komunikazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti:
"Għall-finijiet tal-Artikolu 14, il-paragrafu 1.b, tat-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità("il-Protokoll"), [Stat Membru]iqis li Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali ("il-Ftehim Komprensiv) japplika għat-trasferimenti reċiproċi ta’ data personali skont il-Protokoll bejn l-awtoritajiet kompetenti. Għal trasferimenti bejn il-provdituri ta’ servizzi u l-awtoritajiet skont il-Protokoll, il-Ftehim Komprensiv japplika biss flimkien ma’ arranġament speċifiku ulterjuri skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-paragrafu 1 tal-Ftehim Komprensiv li jindirizza r-rekwiżiti uniċi tat-trasferiment ta’ evidenza elettronika direttament mill-provdituri tas-servizzi aktar milli bejn l-awtoritajiet. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim ta’ trasferiment speċifiku, tali trasferimenti jistgħu jsiru skont il-Protokoll, f’liema każ, l-Artikolu 14, il-paragrafu 1.a, flimkien mal-Artikolu 14, il-paragrafi 2 sa 15 tal-Protokoll japplikaw." ”.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li japplikaw l-Artikolu 14, il-paragrafu 1.c, tal-Protokoll, biss jekk il-Kummissjoni Ewropea tkun adottat deċiżjoni ta’ adegwatezza bis-saħħa tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jew l-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għall-pajjiż terz ikkonċernat li jkopri t-trasferimenti tad-data rispettivi, jew abbażi ta' ftehim ieħor li jiżgura salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 46(2), il-punt a, tar-Regolament (UE) 2016/679 jew l-Artikolu 37(1), il-punt a, tad-Direttiva (UE) 2016/680.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(2) ĠU L 336, 10.12.2016, p. 3.
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(4) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).