Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0405

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/405 tal-20 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE, li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward tar-Repubblika tal-Kamerun

    ST/5501/2023/INIT

    ĠU L 56, 23.2.2023, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/405/oj

    23.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 56/26


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/405

    tal-20 ta’ Frar 2023

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE, li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward tar-Repubblika tal-Kamerun

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 33(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    1.   INTRODUZZJONI U PROĊEDURA

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (“ir-Regolament IUU”) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU).

    (2)

    Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura biex jiġu identifikati pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi, l-istabbiliment ta’ lista ta’ tali pajjiżi, it-tneħħija tagħhom minn dik il-lista, il-pubblikazzjoni ta’ dik il-lista, u ta’ kwalunkwe miżura ta’ emerġenza.

    (3)

    Fl-24 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE (2) li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika tal-Kamerun (“il-Kamerun”), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 (3) (“id-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021”), dwar il-possibbiltà tal-identifikazzjoni tiegħu bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiż terz li ma jikkooperax.

    (5)

    Fid-deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni inkludiet informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata tali identifikazzjoni.

    (6)

    Id-deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 ġiet innotifikata lill-Kamerun flimkien ma’ ittra li tistieden lill-Kamerun sabiex jimplimenta, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, pjan ta’ azzjoni sabiex jirrettifika n-nuqqasijiet identifikati skont ir-Regolament IUU.

    (7)

    Bid-deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni fetħet proċess ta’ djalogu mal-Kamerun.

    (8)

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni stiednet lill-Kamerun biex: jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimenta l-azzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit mill-Kummissjoni, u biex jivvaluta l-implimentazzjoni ta’ dawk l-azzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni ssuġġeriti mill-Kummissjoni.

    (9)

    Il-Kamerun ingħata l-opportunità li jwieġeb għad-deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, kif ukoll għal informazzjoni oħra rilevanti kkomunikata mill-Kummissjoni, u li jippreżenta evidenza li tikkontradixxi jew li tikkompleta l-fatti msemmija f’ dik id-deċiżjoni. Il-Kamerun ġie żgurat dwar id-dritt tiegħu li jitlob, jew li jipprovdi, informazzjoni addizzjonali.

    (10)

    Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha rilevanti. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub li tressqu mill-Kamerun wara d-deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 ġew ikkunsidrati u meqjusa, u saret laqgħa virtwali bejn il-Kamerun u l-Kummissjoni biex jiġu diskussi punti rilevanti. Il-Kamerun inżamm infurmat, bil-fomm jew bil-miktub, dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    (11)

    Abbażi tal-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-oqsma ta’ tħassib u n-nuqqasijiet stabbilit fid-deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 ma kinux ġew indirizzati b’mod suffiċjenti mill-Kamerun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri li ġew proposti fil-pjan ta’ azzjoni ma kinux ġew implimentati bis-sħiħ.

    (12)

    B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2023 li tidentifika lill-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU (“id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2023”).

    (13)

    Abbażi tal-proċess ta’ investigazzjoni u ta’ djalogu mwettaq mill-Kummissjoni, inkluż il-korrispondenza li ġiet skambjata u l-laqgħat li saru, u abbażi tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati d-deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2023, huwa xieraq li l-Kamerun jitqiegħed fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

    2.   IDENTIFIKAZZJONI TAL-KAMERUN BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

    (14)

    Fid-deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet tal-Kamerun u evalwat il-konformità tiegħu mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, Stat kostali jew tas-suq. Għall-fini ta’ dak ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU.

    (15)

    Il-Kummissjoni rrieżaminat il-konformità tal-Kamerun f’konformità mas-sejbiet tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 u fir-rigward tal-informazzjoni rilevanti pprovduta minn hemm ’il quddiem mill-Kamerun, il-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit, kif ukoll il-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi rettifikata.

    (16)

    In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni kienu relatati ma’ diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi skont id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari in-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ qafas legali adegwat u aġġornat, in-nuqqas ta’ proċeduri ċara u trasparenti ta’ reġistrazzjoni u ta’ ta’ liċenzjar, u n-n-nuqqas ta’ monitoraġġ effiċjenti u adegwat tal-bastimenti tas-sajd. In-nuqqasijiet identifikati kienu relatati, b’mod aktar ġenerali, mal-kundizzjonijiet stabbiliti għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd u l-kontroll tagħhom skont id-dritt internazzjonali. Ġie identifikat ukoll nuqqas ta’ allinjament mar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet ta’ korpi rilevanti bħall-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO kontra s-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Iddikjarat tan-Nazzjonijiet Uniti (IPOA-IUU) u l-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera. Madankollu, in-nuqqas ta’ konsistenza ma’ rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti tqies biss bħala evidenza ta’ sostenn u mhux bħala bażi għall-identifikazzjoni.

    (17)

    Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni għalhekk identifikat lill-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

    (18)

    Wara kunsiderazzjoni tar-restrizzjonijiet possibbli fuq il-Kamerun bħala pajjiż li qed jiżviluppa, ta’ min jinnota li l-istatus ta’ żvilupp u l-prestazzjoni globali tal-Kamerun fir-rigward tas-sajd ma humiex imdgħajfin minħabba l-livell ġenerali ta’ żvilupp tiegħu.

    (19)

    Wara li ġew ikkunsidrati d-deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2023, u l-proċess ta’ djalogu mal-Kamerun li sar mal-Kummissjoni u l-eżitu tiegħu, huwa konkluż li l-azzjonijiet meħuda mill-Kamerun fid-dawl tad-dmirijiet tiegħu bħala Stat tal-bandiera huma insuffiċjenti biex ikun hemm konformità mal-Artikoli 91, 92, 94, 117 u 118 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

    (20)

    Għaldaqstant, il-Kamerun naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera biex jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

    3.   STABBILIMENT TA’ LISTA TA’ PAJJIŻI TERZI LI MA JIKKOOPERAWX

    (21)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa hawn fuq fir-rigward tal-Kamerun, jenħtieġ li dak il-pajjiż jiġi inkluż, f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE. Għalhekk, jenħtieġ li dik id-Deċiżjoni tiġi emendata skont dan.

    (22)

    L-inklużjoni tal-Kamerun fil-lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU tinvolvi l-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU. L-Artikolu 38(1) tar-Regolament IUU jipprevedi l-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Fil-każ tal-Kamerun, dik il-projbizzjoni jenħtieġ li tkopri l-istokkijiet u l-ispeċijiet kollha definiti fl-Artikolu 2, il-punt 8, tar-Regolament IUU, peress li n-nuqqas ta’ miżuri xierqa adottati fir-rigward tas-sajd IUU li jwasslu għall-identifikazzjoni tal-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax ma huwiex limitat għal stokk jew għal speċi partikolari.

    (23)

    Huwa nnutat li s-sajd IUU, inter alia, jeżawrixxi l-istokkijiet tal-ħut, jeqred il-ħabitats tal-baħar, jimmina l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, ifixkel il-kompetizzjoni, jipperikola s-sigurtà tal-ikel, iqiegħed lis-sajjieda li jikkonformaw mar-regoli fi żvantaġġ inġust u jdgħajjef il-komunitajiet kostali. Fid-dawl tal-kobor tal-problemi relatati mas-sajd IUU, jitqies neċessarju li l-Unjoni timplimenta malajr l-azzjonijiet fir-rigward tal-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (24)

    Jekk il-Kamerun juri li s-sitwazzjoni li tat lok għall-inklużjoni tiegħu fil-lista tkun ġiet rettifikata, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jneħħi lill-Kamerun mil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx f’konformità mal-Artikolu 34(1) tar-Regolament IUU. Kwalunkwe deċiżjoni għal tali tneħħija jenħtieġ li tqis ukoll jekk il-Kamerun ikunx adotta miżuri konkreti biex ikun jista’ jinkiseb titjib dejjiemi tas-sitwazzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-Repubblika tal-Kamerun b’dan tiżdied mal-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE tal-24 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Frar 2021 li tinnotifika lir-Repubblika tal-Kamerun dwar il-possibbiltà li din tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 59 I, 19.2.2021, p. 1).


    Top