Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0218

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/218 tat-30 ta’ Jannar 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/676/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/5082/2023/INIT

    ĠU L 30, 2.2.2023, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/218/oj

    2.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 30/14


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/218

    tat-30 ta’ Jannar 2023

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/676/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għandha tkun, bħala regola ġenerali, pagabbli mill-persuna taxxabbli li tipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi.

    (2)

    Id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/583/UE (2) u 2013/676/UE (3) awtorizzaw lir-Rumanija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE biex tinnomina l-persuna taxxabbli, li lilha jsiru l-provvisti ta’ prodotti tal-injam minn persuni taxxabbli, bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq dawk il-provvisti (“il-miżura speċjali”). L-applikazzjoni tal-miżura speċjali ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2022.

    (3)

    Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-11 ta’ April 2022, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni ulterjuri biex tkompli tapplika l-miżura speċjali, wara l-31 ta’ Diċembru 2022. Permezz ta’ ittra datata t-28 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali. Ir-Rumanija pprovdietha permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-22 ta’ Awwissu 2022.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba tar-Rumanija lill-Istati Membri l-oħra, minbarra Spanja, permezz ta’ ittra datata l-1 ta’ Settembru 2022. Permezz ta’ ittra datata t-2 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni bagħtet dik it-talba lil Spanja. Permezz ta’ ittra datata l-5 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

    (5)

    Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija, is-sitwazzjoni fattwali li ġġustifikat l-applikazzjoni tal-miżura speċjali ma nbidlitx. Barra minn hekk, l-analiżi pprovduta mill-awtoritajiet Rumeni tindika li l-miżura speċjali wriet li kienet effettiva fit-tnaqqis tal-evażjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

    (6)

    Il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għanijiet li jridu jinkisbu peress li hija limitata għal operazzjonijiet speċifiċi ħafna f’settur li joħloq problemi konsiderevoli fir-rigward tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Barra minn hekk, l-applikazzjoni kontinwa tal-miżura speċjali ma għandux ikollha xi impatt negattiv fuq il-prevenzjoni ta’ frodi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, f’setturi oħra jew fi Stati Membri oħra.

    (7)

    Il-miżuri speċjali huma b’mod ġenerali awtorizzati għal perjodu limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk dawk il-miżuri humiex xierqa u effettivi. Miżuri speċjali jagħtu żmien lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra fil-livell nazzjonali sabiex jiġu mmonitorjati l-moviment tal-materjali, il-ħlas tal-VAT, u l-konformità tal-persuni taxxabbli. Il-miżuri speċjali jenħtieġ li jindirizzaw problemi speċifiċi sakemm jiskadu, u b’hekk l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni tagħhom issir superfluwa. L-awtorizzazzjonijiet għal miżuri speċjali li jippermettu l-użu tal-proċedura tar-reverse charge jingħataw biss eċċezzjonalment għal oqsma speċifiċi fejn isir il-frodi, u tali miżuri speċjali jikkostitwixxu mezz tal-aħħar għażla. Għalhekk, qabel l-iskadenza li jmiss tal-miżura speċjali, jenħtieġ li r-Rumanija timplimenta miżuri konvenzjonali oħra biex tiġġieled u tipprevjeni l-frodi tal-VAT fis-suq tal-injam, sabiex ma tkunx neċessarja estensjoni oħra tal-miżura speċjali.

    (8)

    Għalhekk, huwa xieraq li l-miżura speċjali tiġi estiża. Jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżura speċjali jkollha limitu taż-żmien biex tippermetti l-Kummissjoni tevalwa l-effettività u l-adegwatezza tagħha.

    (9)

    Sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi mfittxija mill-miżura speċjali, inkluż l-applikazzjoni mingħajr interruzzjoni tal-miżura speċjali, u li tingħata ċertezza legali fir-rigward tal-perjodu tat-taxxa, huwa xieraq li tingħata awtorizzazzjoni biex tiġi estiża l-miżura speċjali b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023. Peress li r-Rumanija talbet awtorizzazzjoni fil-11 ta’ April 2022 biex tkompli tapplika l-miżura speċjali u kompliet tapplika r-reġim legali stabbilit skont il-liġi nazzjonali tagħha abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/676/UE mill-1 ta’ Jannar 2023, l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati huma rispettati kif xieraq.

    (10)

    Għalhekk id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/676/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/676/UE, id-data “il-31 ta’ Diċembru 2022” hija sostitwita bid-data “il-31 ta’ Diċembru 2025”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. KULLGREN


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/583/UE tas-27 ta’ Settembru 2010 li tawtorizza lir-Rumanija biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 256, 30.9.2010, p. 27).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/676/UE tal-15 ta’ Novembru 2013 li tawtorizza lir-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 31).


    Top