Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1393

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/1393 tal-11 ta’ Awwissu 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta’ delta-9-tetraidrokannabinol (Δ9-THC) fiż-żrieragħ tal-qanneb u fil-prodotti derivati minnhom (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/5699

ĠU L 211, 12.8.2022, p. 83–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1393/oj

12.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/83


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1393

tal-11 ta’ Awwissu 2022

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta’ delta-9-tetraidrokannabinol (Δ9-THC) fiż-żrieragħ tal-qanneb u fil-prodotti derivati minnhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel.

(2)

Fl-2015, il-Panel dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adotta opinjoni xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem relatati mal-preżenza tat-tetraidrokannabinol (THC) fil-ħalib u f’ikel ieħor ta’ oriġini mill-annimali (3). THC, aktar preċiż Δ9-THC, huwa l-kostitwent l-aktar rilvanti tal-pjanta tal-qanneb Cannabis sativa. L-Awtorità tistabbilixxi doża akuta ta’ referenza (ARfD) ta’ 1 μg Δ9-THC/kg f’piż tal-ġisem (bw).

(3)

Sabiex tinkiseb aktar data dwar il-preżenza ta’ Δ9-THC u prekursuri oħra rilevanti mhux psikoattivi fl-ikel derivat mill-qanneb u fl-ikel li fih il-qanneb jew ingredjenti derivati mill-qanneb, ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2115 (4).

(4)

Fis-7 ta’ Jannar 2020, l-Awtorità ppubblikat rapport xjentifiku li jassessja l-esponiment akut uman għal Δ9-THC (5), b’konsiderazzjoni tad-data tal-okkorenza ġġenerata permezz tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2016/2115. L-ARfD ta 1 μg/kg bw inqabeż f’ċerti stimi ta’ esponiment akut. Minkejja li l-istimi ta’ esponiment mistennija jistimaw iżżejjed l-esponiment akut għal Δ9-THC fl-Unjoni, l-esponiment attwali għal to Δ9-THC huwa ta’ tħassib potenzjali għas-saħħa.

(5)

Il-livelli massimi jeħtieġ għalhekk jiġu ffissati fiż-żrieragħ tal-qanneb u fi prodotti derivati miż-żerriegħa tal-qanneb ħalli jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa umana. Billi l-aċidu delta-9-tetraidrokannabinoliku (Δ9-THCA) jista’ jiġi konvertit f’Δ9-THC permezz tal-ipproċessar, il-livelli massimi jeħtieġ li jiġu ffissati għas-somma ta’ Δ9-THC u Δ9-THCA, espressi f’ekwivalenti ta’ Δ9-THC.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiġi emendat skont dan.

(7)

Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jippreparaw għar-regoli l-ġodda introdotti b’dan ir-Regolament, jixraq li jingħata żmien raġonevoli sakemm jibdew japplikaw il-livelli massimi. Jixraq ukoll li jiġi previst perjodu tranżizzjonali għall-oġġetti tal-ikel imqiegħda fis-suq legalment qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Anness imqiegħda legalment fis-suq qabel l-1 ta’ Jannar 2023, jistgħu jibqgħu fis-suq sad-data tad-durabbiltà minima jew sad-data tal-iskadenza tagħhom.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(3)  European Food Safety Authority (EFSA) Journal 2015;13(6):4141

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2115 tal-1 ta’ Diċembru 2016 dwar il-monitoraġġ tal-preżenza ta’ Δ9-tetraidrokannabinol, tal-prekursuri tiegħu u ta’ kannabinojdi oħra fl-ikel (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 103).

(5)  EFSA (European Food Safety Authority), Arcella D, Cascio C and Mackay K, 2020. Acute human exposure assessment to tetrahydrocannabinol (Δ9-THC). EFSA Journal 2020;18(1):5953, 41 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2020.5953.


ANNESS

Fit-Taqsima 8 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, tiżdied l-entrata 8.6 li ġejja:

Oġġetti tal-ikel (1)

Livell massimu (mg/kg)

“8.6.

Delta-9-tetraidrokannabinol (Δ9-THC) ekwivalenti  (*1)

 

8.6.1.

Qannebusa

3,0

8.6.2.

Żerriegħa tal-qanneb mitħuna, (parzjalment) żerriegħa tal-qanneb bix-xaħam imneħħi u prodotti oħra derivati/ipproċessati tal-qanneb  (*2) bl-eċċezzjoni tal-prodotti msemmija f’8.6.3.

3,0

8.6.3.

Żejt taż-żerriegħa tal-qanneb

7,5


(*1)  il-livell massimu jirreferi għas-somma ta’ delta-9-tetraidrokannabinol (Δ9-THC) u aċidu delta-9-tetraidrokannabinoliku (Δ9-THCA), express bħala Δ9-THC. Fattur ta’ 0.877 huwa applikat għal-livell ta’ Δ9-THCA u l-livell massimu jirreferi għas-somma ta’ Δ9-THC + 0.877 x Δ9-THCA (f’każ ta’ determinazzjonI separata u kwantifikazzjoni ta’ Δ9-THC u Δ9-THCA).

(*2)  żrieragħ tal-qanneb derivati/prodotti pproċessati huma prodotti derivati/ipproċessati esklussivament miż-żerriegħa tal-qanneb.”


Top