Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0804

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/804 tas-16 ta’ Frar 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika r-regoli ta’ proċedura għal miżuri applikabbli għas-superviżjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ta’ ċerti amministraturi ta’ parametri referenzjarji (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/850

    ĠU L 145, 24.5.2022, p. 7–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/804/oj

    24.5.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 145/7


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/804

    tas-16 ta’ Frar 2022

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika r-regoli ta’ proċedura għal miżuri applikabbli għas-superviżjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ta’ ċerti amministraturi ta’ parametri referenzjarji

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 48i(10) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    F’konformità mal-Artikolu 48f u 48 g tar-Regolament (UE) 2016/1011 l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) għandha s-setgħa li timponi multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali taħt ċerti kundizzjonijiet fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji taħt is-superviżjoni tagħha. L-Artikolu 48i(10) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedi li l-Kummissjoni tispeċifika r-regoli ta’ proċedura għall-eżerċitar tas-setgħa li timponi dawn il-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta’ penali, inkluż id-drittijiet tad-difiża, il-ġbir ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali u l-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ penali.

    (2)

    Meta l-ESMA ssib li hemm indikazzjonijiet serji ta’ eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur wieħed jew aktar tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/1011 għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji taħt is-superviżjoni tagħha, l-ESMA taħtar uffiċjal tal-investigazzjoni indipendenti fl-ESMA biex jinvestiga l-kwistjoni. Mat-tlestija tal-ħidma tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni jenħtieġ li jibgħat fajl komplut lill-ESMA. Li wieħed ikun infurmat b’dawn is-sejbiet u li jkollu l-opportunità li jwieġeb għalihom huwa integrali għad-dritt tad-difiża. Għalhekk, il-persuna li tkun qed tiġi investigata jenħtieġ li tiġi infurmata bis-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni, u jenħtieġ li jkollha l-opportunità li twieġeb għal dawn is-sejbiet f’limitu ta’ żmien raġonevoli. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjoni jenħtieġ li jitħallew jiġu megħjuna minn avukat tal-għażla tagħhom. L-uffiċjal tal-investigazzjoni jenħtieġ li jqis, jekk, bħala riżultat tas-sottomissjonijiet magħmula mill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni, huwiex meħtieġ li tiġi emendata d-dikjarazzjoni tas-sejbiet qabel ma jissottomettiha lill-ESMA.

    (3)

    L-ESMA jenħtieġ li tivvaluta l-kompletezza tal-fajl sottomess mill-uffiċjal tal-investigazzjoni abbażi ta’ lista ta’ dokumenti. Sabiex jiġi żgurat li l-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tkun tista’ tħejji d-difiża tagħha b’mod adegwat, qabel ma tiġi adottata deċiżjoni finali fir-rigward ta’ multi jew ta’ miżuri superviżorji, l-ESMA jenħtieġ li tiżgura li tingħata l-opportunità li tipprovdi aktar kummenti bil-miktub ulterjuri.

    (4)

    Sabiex jiġi żgurat li l-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tikkoopera ma’ investigazzjoni, l-ESMA jenħtieġ li tkun tista’ tieħu ċerti miżuri koerċittivi. Meta l-ESMA tkun ħadet deċiżjoni li tirrikjedi li persuna ttemm ksur, jew tkun talbet li tipprovdi informazzjoni kompleta jew li tissottometti rekords, data jew kwalunkwe materjal ieħor b’mod komplet, jew tkun ħadet deċiżjoni biex twettaq spezzjoni fuq il-post, hija tista’ timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali sabiex il-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tiġi mġiegħla tikkonforma mad-deċiżjoni meħuda. Qabel ma timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali, l-ESMA jenħtieġ li tipprovdi lill-persuna l-opportunità li tipprovdi sottomissjonijiet bil-miktub.

    (5)

    Peress li l-uffiċjal tal-investigazzjoni jwettaq il-ħidma tiegħu b’mod indipendenti, l-ESMA jenħtieġ li ma tkunx marbuta bil-fajl li jkun ħejja. Madankollu, biex jiġi żgurat li l-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tkun tista’ tħejji d-difiża tagħha b’mod adegwat, fejn l-ESMA ma taqbilx, jenħtieġ li l-persuna tiġi infurmata u jenħtieġ li tingħata l-opportunità li twieġeb.

    (6)

    Sabiex jiġi żgurat li l-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tkun tista’ tħejji d-difiża tagħha b’mod adegwat, jenħtieġ li din tiġi infurmata u jenħtieġ li jkollha l-opportunità li twieġeb fejn l-ESMA taqbel mas-sejbiet kollha tal-uffiċjal tal-investigazzjoni jew ma’ parti minnhom,

    (7)

    Id-dritt li wieħed jinstema’ jenħtieġ li jiġi ppeżat kontra l-ħtieġa, f’ċirkostanzi speċifiċi, għal azzjoni urġenti mill-ESMA. Meta azzjoni urġenti skont l-Artikolu 48e tar-Regolament (UE) 2016/1011 tkun iġġustifikata, id-dritt li wieħed jinstema’ tal-persuna soġġetta għall-investigazzjoni jenħtieġ li ma jkunx impediment għall-ESMA biex tieħu miżuri urġenti. F’tali każijiet, id-dritt li wieħed jinstema’ tal-persuna soġġetta għall-investigazzjoni jenħtieġ li jiġi żgurat mill-aktar fis possibbli wara li tittieħed id-deċiżjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-proċedura tagħti d-dritt tal-persuna soġġetta għall-investigazzjoni li tinstema’ mill-uffiċjal tal-investigazzjoni.

    (8)

    Is-setgħa tal-ESMA li timponi pagament perjodiku ta’ penali jenħtieġ li tiġi eżerċitata b’kunsiderazzjoni xierqa għad-dritt għad-difiża u jenħtieġ li ma tinżammx lil hinn mill-perjodu meħtieġ. Meta l-ESMA tieħu deċiżjoni li timponi pagament perjodiku ta’ penali, il-persuna kkonċernata jenħtieġ għalhekk li jkollha l-opportunità li tinstema’ u kwalunkwe pagament ta’ penali jenħtieġ li ma jibqax dovut mill-mument li l-persuna kkonċernata tikkonforma mal-ordni tal-ESMA li jkun relatat magħha.

    (9)

    Il-fajls ippreparati mill-ESMA u mill-uffiċjal tal-investigazzjoni fihom informazzjoni li hija indispensabbli għall-persuna kkonċernata fit-tħejjija għal proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi. Wara li persuna soġġetta għal investigazzjoni tkun irċeviet in-notifika ta’ dikjarazzjoni tas-sejba jew mill-uffiċjal tal-investigazzjoni jew mill-ESMA, il-persuna jenħtieġ li tkun intitolata li jkollha aċċess għall-fajl soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. L-użu ta’ dokumenti tal-fajl aċċessati jenħtieġ li jkun permess biss għal proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/1011.

    (10)

    Kemm is-setgħa li jiġu imposti multi kif ukoll il-pagamenti perjodiċi ta’ penali u s-setgħa li jiġu infurzati multi u penali perjodiċi jenħtieġ li jiġu eżerċitati fi ħdan żmien raġonevoli, u għalhekk jenħtieġ li jkunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, il-perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali jenħtieġ li jqisu l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni applikabbli għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ penali fuq entitajiet taħt superviżjoni u l-esperjenza tal-ESMA fl-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni. Sabiex l-ESMA tiżgura s-salvagwardja tal-multi u tal-penali perjodiċi miġbura, jenħtieġ li l-ESMA tiddepożitahom f’kontijiet li jġorru l-imgħax li jinfetħu esklussivament għall-fini ta’ multa unika jew pagamenti perjodiċi ta’ penali li jkollhom l-għan li jtemmu ksur wieħed. Bħala kwistjoni ta’ prudenza baġitarja, l-ESMA jenħtieġ li tittrasferixxi biss l-ammonti lill-Kummissjoni ladarba d-deċiżjonijiet ikunu finali minħabba li d-drittijiet ta’ appell ikunu ġew eżawriti jew skaduti.

    (11)

    F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/168 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jistgħu jintużaw fl-Unjoni mingħajr il-ħtieġa li l-amministraturi rilevanti jfittxu ekwivalenza, rikonoxximent jew approvazzjoni f’perjodu tranżitorju estiż sal-2023. Matul dan il-perjodu tranżitorju, ir-rikonoxximent fl-Unjoni huwa reġim ta’ inklużjoni fakultattiva għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li jinsabu f’pajjiżi terzi, li jindika li l-parametri referenzjarji tagħhom se jibqgħu disponibbli għall-użu fl-Unjoni wara li jintemm il-perjodu tranżitorju. B’konsegwenza ta’ dan, matul tali perjodu, id-dispożizzjonijiet dwar il-multi jenħtieġ li japplikaw biss għall-amministraturi li jinsabu f’pajjiżi terzi li jkunu applikaw b’mod volontarju għal rikonoxximent qabel l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju introdott mir-Regolament (UE) 2021/168 u fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti jew l-ESMA tkun tat rikonoxximent.

    (12)

    Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza biex tiġi żgurata l-applikazzjoni bla xkiel tas-setgħat superviżorji l-ġodda attribwiti lill-ESMA,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “parametru referenzjarju kritiku” tfisser parametru referenzjarju kritiku skont l-Artikolu 20(1), il-punti (a) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/1011;

    (2)

    “parametru referenzjarju ta’ pajjiż terz” tfisser parametru referenzjarju li l-amministratur tiegħu jinsab barra mill-Unjoni.

    Artikolu 2

    Regoli ta’ proċedura fi proċedimenti ta’ ksur quddiem l-uffiċjal tal-investigazzjoni

    1.   Mat-tlestija ta’ investigazzjoni ta’ ksur potenzjali elenkat fl-Artikolu 42(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/1011, u qabel ma jissottometti fajl lill-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 48i(1) ta’ dak ir-Regolament, għandu jinforma lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni bil-miktub dwar is-sejbiet tiegħu u għandu jagħti l-opportunità lil dik il-persuna li tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub skont il-paragrafu 3. Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur wieħed jew aktar tar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu VI tar-Regolament (UE) 2016/1011, inkluża valutazzjoni tan-natura u tas-serjetà ta’ dak il-ksur, filwaqt li jitqiesu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 48e(2) ta’ dak ir-Regolament.

    2.   Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli li matulu l-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. F’investigazzjonijiet għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 5, dan il-limitu ta’ żmien għandu jkun mill-inqas erba’ ġimgħat. L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux ikun obbligat li jqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

    3.   Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tistabbilixxi l-fatti, li hija tqis li huma rilevanti għad-difiża tagħha u għandha, jekk possibbli, tehmeż dokumenti bħala prova tal-fatti stabbiliti. Il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tipproponi li l-uffiċjal tal-investigazzjoni jisma’ lil persuni oħrajn li jistgħu jikkorroboraw il-fatti stabbiliti fis-sottomissjonijiet tal-persuna soġġetta għal investigazzjoni.

    4.   L-uffiċjal tal-investigazzjoni jista’ jistieden persuna soġġetta għal investigazzjoni li d-dikjarazzjoni tas-sejbiet kienet indirizzata lilha biex tattendi seduta orali. Il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tiġi megħjuna minn avukat tal-għażla tagħha. Is-seduti orali ma għandhomx ikunu miftuħin għall-pubbliku.

    Artikolu 3

    Regoli ta’ proċedura fi proċedimenti ta’ ksur quddiem l-ESMA fir-rigward ta’ multi u miżuri superviżorji

    1.   Il-fajl komplet li għandu jiġi sottomess mill-uffiċjal tal-investigazzjoni lill-ESMA għandu jinkludi d-dokumenti li ġejjin:

    id-dikjarazzjoni tas-sejba u kopja tagħha indirizzata lill-amministratur tal-parametru referenzjarju jew lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni;

    kopja tas-sottomissjoni bil-miktub mill-amministratur tal-parametru referenzjarju jew mill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni;

    il-minuti ta’ kwalunkwe seduta orali.

    2.   Meta fajl ma jkunx komplut, l-ESMA għandha tagħmel talba motivata għal dokumenti addizzjonali lill-uffiċjal tal-investigazzjoni.

    3.   Meta l-ESMA tqis li l-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tas-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni ma jikkostitwixxux ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu VI tar-Regolament (UE) 2016/1011, din għandha tiddeċiedi li tagħlaq il-każ u għandha tinnotifika dik id-deċiżjoni lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni.

    4.   Meta l-ESMA ma taqbilx mas-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni din għandha tissottometti dikjarazzjoni ġdida tas-sejbiet lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni. Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat li fih il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. L-ESMA ma għandhiex tkun obbligata li tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien biex tadotta deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur u dwar miżuri superviżorji u l-impożizzjoni ta’ multa f’konformità mal-Artikolu 48e u 48f tar-Regolament (UE) 2016/1011.

    5.   Meta l-ESMA taqbel mas-sejbiet tal-uffiċjal ta’ investigazzjoni kollha jew parti minnhom, hija għandha tinforma lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni kif xieraq. Tali komunikazzjoni għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ mill-inqas ġimagħtejn f’każ li l-ESMA taqbel mas-sejbiet kollha, u mill-inqas erba’ ġimgħat f’każ li l-ESMA taqbel ma’ xi wħud mis-sejbiet, f’liema perjodu l-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. L-ESMA ma għandhiex tkun obbligata li tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien biex tadotta deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur u dwar miżuri superviżorji u l-impożizzjoni ta’ multa f’konformità mal-Artikoli 48e u 48f tar-Regolament (UE) 2016/1011.

    6.   L-ESMA tista’ tistieden lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni li d-dikjarazzjoni tas-sejbiet kienet indirizzata lilha biex tattendi seduta orali. Il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tiġi megħjuna minn avukat tal-għażla tagħha. Is-seduti orali ma għandhomx ikunu miftuħin għall-pubbliku.

    7.   Jekk l-ESMA tiddeċiedi li ksur wieħed jew iktar tar-rekwiżiti previsti fit-Titolu VI tar-Regolament (UE) 2016/1011 ikun sar minn persuna soġġetta għal investigazzjoni u tkun adottat deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-Artikolu 48f ta’ dak ir-Regolament, hija għandha tinnotifika immedjatament dik id-deċiżjoni lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni.

    Artikolu 4

    Regoli ta’ proċedura fi proċedimenti ta’ ksur quddiem l-ESMA fir-rigward ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali

    1.   Qabel ma tittieħed deċiżjoni li timponi pagament perjodiku ta’ penali skont l-Artikolu 48 g tar-Regolament (UE) 2016/1011, l-ESMA għandha tissottometti dikjarazzjoni tas-sejbiet lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti li tistabbilixxi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ pagament perjodiku ta’ penali u l-ammont tal-pagament perjodiku ta’ penali għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità. Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat li matulu l-persuna soġġetta għall-proċediment tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. L-ESMA ma għandhiex tkun obbligata li tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien sabiex tiddeċiedi dwar il-pagament perjodiku ta’ penali.

    2.   Ladarba l-amministratur tal-parametru referenzjarju jew il-persuna soġġetta għall-proċediment imsemmija fl-Artikolu 48b(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 tkun ikkonformat mad-deċiżjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 48 g(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, ma għandux jibqa’ jiġi impost pagament perjodiku ta’ penali.

    3.   Deċiżjoni mill-ESMA li timponi pagament perjodiku ta’ penali għandha tindika l-bażi ġuridika u r-raġunijiet għad-deċiżjoni u l-ammont u d-data tal-bidu tal-pagament perjodiku ta’ penali.

    4.   L-ESMA tista’ tistieden lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti biex tattendi seduta ta’ seduta orali. Il-persuna soġġetta għall-proċedimenti tista’ tiġi megħjuna minn avukat tal-għażla tagħha. Is-seduti orali ma għandhomx ikunu miftuħin għall-pubbliku.

    Artikolu 5

    Regoli ta’ proċedura għal deċiżjonijiet interim dwar miżuri superviżorji

    1.   B’deroga mill-Artikolu 3(4), (5) u (6) u mill-Artikolu 4(1) u (4), il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu għandha tapplika meta l-ESMA tadotta deċiżjonijiet interim skont l-Artikolu 48j(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2016/1011.

    2.   Meta l-ESMA tiddeċiedi li ksur ta’ rekwiżit previst fit-Titolu VI tar-Regolament (UE) 2016/1011 ikun twettaq minn persuna soġġetta għal investigazzjoni u tadotta deċiżjoni interim li timponi miżuri superviżorji skont l-Artikolu 48e tar-Regolament (UE) 2016/1011, hija għandha tinnotifika immedjatament dik id-deċiżjoni interim lill-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim.

    L-ESMA għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat li fih il-persuna soġġetta għal deċiżjoni interim tista’ tagħmel sottomissjoni bil-miktub dwar id-deċiżjoni interim. L-ESMA ma għandhiex tkun obbligata li tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

    Fuq talba, l-ESMA għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-persuna soġġetta għal deċiżjoni interim. Id-dokumenti tal-fajl aċċessati għandhom jintużaw biss għall-iskopijiet tal-proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011.

    L-ESMA tista’ tistieden lill-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim biex tattendi seduta orali. Il-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim tista’ tiġi megħjuna minn avukat tal-għażla tagħha. Is-seduti orali ma għandhomx ikunu miftuħin għall-pubbliku.

    3.   L-ESMA għandha tieħu deċiżjoni finali mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni interim.

    Meta l-ESMA tqis, wara li tkun semgħet lill-persuna soġġetta għal deċiżjoni interim, li jkun twettaq ksur ta’ rekwiżit stabbilit fit-Titolu VI tar-Regolament (UE) 2016/1011 mill-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim, din għandha tadotta deċiżjoni ta’ konferma li timponi miżura superviżorja waħda jew aktar stabbilita fl-Artikolu 48e tar-Regolament (UE) 2016/1011. L-ESMA għandha tinnotifika immedjatament dik id-deċiżjoni lill-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim.

    4.   Meta l-ESMA tadotta deċiżjoni finali li ma tikkonfermax id-deċiżjoni interim, għandu jitqies li d-deċiżjoni interim tiġi mħassra.

    Artikolu 6

    Aċċess għall-fajl u użu ta’ dokumenti

    1.   Fuq talba, l-ESMA għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni li l-uffiċjal tal-investigazzjoni jew l-ESMA tkun bagħtitilha dikjarazzjoni tas-sejbiet. L-aċċess għandu jingħata wara n-notifika ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni tas-sejbiet.

    2.   Id-dokumenti tal-fajl aċċessati għandhom jintużaw mill-persuna msemmija fil-paragrafu 1 biss għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011.

    Artikolu 7

    Perjodi ta’ preskrizzjoni biex jiġu imposti multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali

    1.   Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji u persuni oħrajn soġġetti għal investigazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

    2.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda fil-jum ta’ wara dak li fih jitwettaq il-ksur. Fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jibda mill-jum li fih jieqaf il-ksur.

    3.   Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-ESMA jew mill-awtorità nazzjonali kompetenti li taġixxi fuq talba tal-ESMA f’konformità mal-Artikolu 48 m tar-Regolament (UE) 2016/1011 għall-fini tal-investigazzjoni jew tal-proċedimenti fir-rigward ta’ ksur skont it-Titolu VI tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandha tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi u ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi interrott b’effett mid-data li fiha tiġi nnotifikata l-azzjoni lill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji jew lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni fir-rigward ta’ ksur skont ir-Regolament (UE) 2016/1011.

    4.   Kull interruzzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3 għandha terġa’ tibda l-perjodu ta’ preskrizzjoni. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jagħlaq mhux aktar tard mill-jum li fih ikun għadda perjodu ugwali għad-doppju tal-perjodu ta’ preskrizzjoni mingħajr ma l-ESMA tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-preskrizzjoni tkun sospiża skont il-paragrafu 5.

    5.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-ESMA tkun is-suġġett ta’ proċedimenti pendenti quddiem il-Bord tal-Appell, kif imsemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 48k tar-Regolament (UE) 2016/1011.

    Artikolu 8

    Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali

    1.   Is-setgħa tal-ESMA li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 48e u 48 g tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

    2.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat mill-jum wara dak li fih id-deċiżjoni ssir finali.

    3.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi interrott minn:

    (a)

    notifika mill-ESMA lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti ta’ deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali;

    (b)

    kwalunkwe azzjoni tal-ESMA, ta’ awtorità nazzjonali kompetenti li taġixxi fuq talba tal-ESMA f’konformità mal-Artikolu 48 m tar-Regolament (UE) 2016/1011, imfassla biex tinforza ħlas jew termini u kundizzjonijiet ta’ ħlas tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali.

    4.   Kull interruzzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha terġa’ tibda l-perjodu ta’ preskrizzjoni.

    5.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm:

    (a)

    jitħalla żmien sabiex isir il-ħlas;

    (b)

    l-infurzar ta’ pagament huwa sospiż skont deċiżjoni pendenti tal-Bord tal-Appell tal-ESMA, f’konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 48k tar-Regolament (UE) 2016/1011.

    Artikolu 9

    Ġbir ta’ multi u ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali

    1.   L-ammonti ta’ multi u ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali miġbura mill-ESMA għandhom jiġu ddepożitati f’kont bl-imgħax miftuħ mill-ESMA sakemm isiru finali. F’każ li jinġabru diversi multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali mill-ESMA b’mod parallel, l-ESMA għandha tiżgura li jiġu ddepożitati f’kontijiet jew f’subkontijiet differenti. Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali mħallsa ma għandhomx jiddaħħlu fil-baġit tal-ESMA u ma għandhomx jiġu rreġistrati bħala ammonti baġitarji.

    2.   Ladarba l-ESMA tkun stabbiliet li l-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta’ penali jkunu saru finali wara l-eżawriment tad-drittijiet kollha tal-appell, dak l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jittrasferixxi dawk l-ammonti u l-imgħax potenzjali li jakkumula lill-Kummissjoni. Dawn l-ammonti għandhom imbagħad jiddaħħlu fil-baġit tad-Dħul tal-unjoni.

    3.   L-ESMA għandha tirrapporta fuq bażi regolari lill-Kummissjoni dwar l-ammonti ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti u l-istatus tagħhom.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ u japplika fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/168 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju spot ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ sostituti għal ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 49, 12.2.2021, p. 6).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    Top