Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0670

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/670 tat-2 ta’ Frar 2022 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/492

    ĠU L 122, 25.4.2022, p. 1–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/670/oj

    25.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 122/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/670

    tat-2 ta’ Frar 2022

    li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2010/40/UE jistabbilixxi bħala azzjoni ta’ prijorità l-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha għall-iżvilupp u l-użu ta’ speċifikazzjonijiet u standards.

    (2)

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2010/40/UE jirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji biex tiżgura l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (STI) għall-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha. Il-Kummissjoni tistabbilixxi dawn l-ispeċifikazzjonijiet fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/962 (2), bil-għan li ttejjeb l-aċċessibbiltà, l-iskambju, l-użu mill-ġdid u l-aġġornament tad-data meħtieġa għall-forniment ta’ servizzi ta’ kwalità għolja u kontinwi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali madwar l-Unjoni.

    (3)

    Id-data tkompli tipprovdi l-bażi kuntestwali għall-ġenerazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali. Peress li l-varar tal-ITS jaċċellera madwar l-Unjoni, dan jeħtieġ appoġġ kontinwu fil-forma ta’ aċċess akbar u mingħajr xkiel għal tipi ta’ data eżistenti u ġodda rilevanti għall-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali, b’kopertura ġeografika akbar. Għalhekk, huwa meħtieġ aġġornament tar-rekwiżiti dwar il-forniment tad-data biex ikompli jiġi żgurat użu mill-ġdid effettiv fis-servizzi tal-informazzjoni lill-utenti finali. Dawn ir-rekwiżiti aġġornati jistgħu potenzjalment jaffettwaw il-katina kollha tad-data, mill-akkwist, l-ifformattjar u l-aggregazzjoni tad-data sad-distribuzzjoni u l-inklużjoni tagħha fis-servizzi tal-informazzjoni dwar it-traffiku.

    (4)

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/40/UE jistipula li l-ispeċifikazzjonijiet adottati f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jiġu applikati fir-rigward tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-ITS, meta dawn ikunu varati mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar il-varar ta’ dawn l-applikazzjonijiet u s-servizzi fit-territorju tiegħu.

    (5)

    Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jenħtieġ li japplikaw għall-forniment tas-servizzi ta’ informazzjoni tat-traffiku f’ħin reali kollha mingħajr preġudizzju għal speċifikazzjonijiet partikolari adottati f’atti oħra skont id-Direttiva 2010/40/UE, b’mod partikolari r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013 (3) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 886/2013 (4).

    (6)

    Is-suq għall-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali diġà jeżisti fl-Unjoni u huwa fl-interess kemm tal-utenti u l-konsumaturi kif ukoll tal-fornituri ta’ dawn is-servizzi li jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa ta’ qafas għal dan is-suq sabiex jiġi ppreservat u jiġi żviluppat ulterjorment f’modi innovattivi. Fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali, id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tistabbilixxi regoli minimi dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha. Fir-rigward tal-użu mill-ġdid ta’ data miżmuma mill-awtoritajiet tat-toroq u mill-operaturi tat-toroq pubbliċi, ir-regoli stabbiliti b’dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk dwar l-aġġornamenti tad-data, huma applikabbli bla preġudizzju għar-regoli stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2019/1024. Fir-rigward tal-użu mill-ġdid tad-data miżmuma mid-detenturi privati tad-data, ir-regoli stabbiliti minn dan ir-Regolament ma jimponux il-kondiviżjoni tad-data mingħajr ħlas. Id-data miżmuma mid-detenturi privati tad-data tista’ tkun soġġetta għal ftehimiet ta’ liċenzja biex jiġi regolat l-użu mill-ġdid tagħhom.

    (7)

    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) toħloq infrastruttura tad-data ġeografika tal-Unjoni Ewropea sabiex tippermetti l-kondiviżjoni tal-informazzjoni ġeografika u aċċess pubbliku għaliha (inklużi t-tema tad-data ġeografika “networks tat-trasport”) fl-Unjoni kollha bil-għan li jiġu sostnuti l-politiki ambjentali tal-Unjoni, u l-politiki jew l-attivitajiet li jista’ jkollhom impatt fuq l-ambjent. L-ispeċifikazzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu kompatibbli mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2007/2/KE u l-atti ta’ implimentazzjoni tagħha, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1089/2010 (7). L-estensjoni tal-applikazzjoni ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet għat-tipi kollha ta’ data dwar l-infrastruttura tista’ tippromwovi wkoll aktar armonizzazzjoni f’dan il-qasam.

    (8)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jiddefinixxi l-infrastruttura tat-trasport bit-triq li tagħmel parti min-network ewlieni u min-network trans-Ewropew tat-trasport. Esternalitajiet tat-traffiku rikorrenti u diffikultajiet oħra tal-ġestjoni tat-traffiku, bħalma huma l-konġestjoni, it-tniġġis tal-arja jew l-istorbju, ma humiex limitati għan-network trans-Ewropew tat-toroq jew għall-awtostradi. Fil-fatt, sehem sinifikanti tal-konġestjoni tat-traffiku rikorrenti jseħħ f’żoni urbani. Barra minn hekk, is-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali madwar l-UE jenħtieġ li jippermettu l-ivvjaġġar minn bieb sa bieb u jenħtieġ li ma jkunux limitati għan-network komprensiv trans-Ewropew tat-toroq u għal awtostradi oħra. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw dawn l-ispeċifikazzjonijiet għan-network kollu tat-toroq, bl-eċċezzjoni ta’ toroq li ma jkunux proprjetà ta’ awtorità pubblika tat-toroq jew tat-trasport. It-toroq li jkunu proprjetà ta’ awtorità pubblika tat-toroq jew tat-trasport iżda li jkunu assenjati lil entità privata fil-forma ta’ konċessjoni ta’ ġestjoni jenħtieġ li ma jkunux parti minn din l-eċċezzjoni.

    (9)

    Tipi speċifiċi ta’ data meqjusa bħala kruċjali għall-iżvilupp ulterjuri ta’ servizzi affidabbli ta’ informazzjoni dwar it-traffiku u għat-titjib tas-sikurezza tat-traffiku, bħar-regolamenti tat-traffiku, ir-restrizzjonijiet u l-għeluq tat-toroq jew tal-korsija, jenħtieġ li jkunu disponibbli mill-awtoritajiet tat-toroq jew mill-operaturi tat-toroq. Minħabba l-importanza tagħhom, dawk it-tipi ta’ data jeħtieġ li jsiru aċċessibbli bħala stadju importanti aktar bikri meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ data.

    (10)

    Sabiex ikunu jistgħu jsiru l-iżviluppi meħtieġa fil-qasam tal-aċċessibbiltà u l-istandardizzazzjoni tad-data, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata implimentazzjoni gradwali. Dan l-istadju jenħtieġ li jipprovdi żieda fattibbli u gradwali fil-kopertura ġeografika u fl-aċċessibbiltà għad-data. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jiddefinixxu network primarju tat-toroq fit-territorju tagħhom. Sabiex jiddefinixxu dan in-network primarju tat-toroq, l-Istati Membri jistgħu jużaw mill-ġdid id-definizzjoni tan-network kif meħtieġ mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    (11)

    Minħabba d-diversità tas-sorsi tad-data li jvarjaw minn sensuri bbażati fuq l-infrastruttura għal vetturi li jaġixxu bħala sensuri, huwa importanti li l-ispeċifikazzjonijiet ikunu allinjati mal-kategoriji ta’ data rilevanti u mat-tipi ta’ data rilevanti, li jkunu jkopru diversi sorsi possibbli tad-data u t-teknoloġija li jintużaw biex tinħoloq jew tiġi aġġornata d-data.

    (12)

    Meta l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, dawn jenħtieġ li jitwettqu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u, fejn applikabbli, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Partijiet mid-Direttiva 2002/58/KE japplikaw ukoll għall-ipproċessar ta’ data mhux personali.

    (13)

    Sabiex jiġi żviluppat forniment armonizzat u mingħajr xkiel tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali, l-Istati Membri jenħtieġ li jibbażaw fuq soluzzjonijiet u standards tekniċi eżistenti, provduti mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali, bħalma hi d-DATEX II (CEN/TS 16157 u l-verżjonijiet aġġornati li jiġu wara) u l-istandards ISO. Għal tipi ta’ data li għalihom ma hemmx format standardizzat, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jiġu mħeġġa li jikkooperaw sabiex jintlaħaq ftehim dwar id-definizzjoni tad-data, il-format tad-data u l-metadata.

    (14)

    Diġà jeżistu diversi metodi ta’ referenza dwar il-lokazzjoni dinamika fl-Unjoni u qed jiġu applikati fl-Istati Membri. L-użu ta’ metodi ta’ referenza dwar il-lokazzjoni differenti jenħtieġ li jibqgħu permessi. Madankollu, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jiġu mħeġġa biex jikkooperaw bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar il-metodi permessi ta’ referenza dwar il-lokazzjoni, jekk hemm bżonn permezz ta’ korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej.

    (15)

    L-aċċessibbiltà u l-aġġornament regolari tad-data milll-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq huma essenzjali biex jippermettu l-produzzjoni ta’ mapep diġitali aġġornati u akkurati li huma element fundamentali għal applikazzjonijiet tal-ITS affidabbli. Il-produtturi tal-mapep diġitali jenħtieġ li jiġu mħeġġa biex jintegraw l-aġġornamenti tad-data rilevanti fis-servizzi tal-mapep u fl-aġġornament tal-mapep eżistenti tagħhom fil-ħin. Sabiex jikkonformaw mal-politiki pubbliċi bħas-sikurezza fit-toroq, il-fornituri tas-servizzi u l-produtturi tal-mapep diġitali jenħtieġ li jikkollaboraw mal-awtoritajiet pubbliċi biex jikkoreġu l-ineżattezzi fid-data tagħhom.

    (16)

    L-aċċessibbiltà ta’ data akkurata u aġġornata hija essenzjali għall-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali madwar l-Unjoni. Id-data rilevanti tinġabar u tinħażen mill-awtoritajiet tat-toroq, mill-operaturi tat-toroq, mid-detenturi tad-data ġġenerata fil-vetturi, mill-partijiet ikkonċernati relatati mal-irriċarġjar u mar-riforniment, mill-operaturi tal-pedaġġi u mill-fornituri tas-servizzi tal-informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju u l-użu mill-ġdid faċli ta’ din id-data għall-forniment ta’ tali servizzi, l-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, id-detenturi ta’ data ġġenerata fil-vetturi, il-partijiet ikkonċernati relatati mal-irriċarġjar u mar-riforniment, l-operaturi tal-pedaġġi u l-fornituri tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali jenħtieġ li jagħmlu d-data, il-metadata u l-informazzjoni korrispondenti dwar il-kwalità tad-data aċċessibbli għal awtoritajiet tat-toroq, operaturi tat-toroq, partijiet ikkonċernati relatati mal-irriċarġjar u mar-riforniment, operaturi tal-pedaġġi, fornituri tas-servizzi tal-informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali, produtturi tal-mapep diġitali oħra u joħolqu l-possibbiltà li din tkun tista’ tiġi skoperta minnhom permezz tal-punt ta’ aċċess nazzjonali jew komuni. Il-punt ta’ aċċess jista’ jieħu l-forma ta’ repożitorju, reġistru, portal tal-web jew simili skont it-tip ta’ data. Il-punti ta’ aċċess nazzjonali jew komuni jistgħu jindikaw ukoll postijiet oħra fejn tkun tista’ tiġi aċċessata d-data, mingħajr ma tiġi ospitata d-data nnifisha. L-Istati Membri jenħtieġ li jiġbru flimkien il-punti ta’ aċċess pubbliċi u privati eżistenti f’punt uniku biex jippermettu l-aċċess għat-tipi ta’ data rilevanti disponibbli li jaqgħu fl-ambitu ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet. L-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw il-punti ta’ aċċess stabbiliti skont ir-Regolament Delegat (UE) 2015/962 u jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeċiedu li jużaw il-punti ta’ aċċess stabbiliti skont atti delegati oħrajn adottati skont id-Direttiva 2010/40/UE bħala l-punti ta’ aċċess nazzjonali għad-data li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (17)

    Sabiex l-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, il-partijiet ikkonċernati relatati mal-irriċarġjar u mar-riforniment, l-operaturi tal-pedaġġi, il-fornituri tas-servizzi u l-produtturi tal-mapep diġitali jkunu jistgħu jiskopru u jużaw b’suċċess u b’mod kosteffiċjenti d-data rilevanti, huwa meħtieġ li l-kontenut u l-istruttura ta’ din id-data jiġu deskritti b’mod ċar permezz tal-metadata.

    (18)

    Is-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali jeħtieġ li jkunu akkurati sabiex jipprovdu l-aħjar informazzjoni possibbli lill-utenti finali f’termini ta’ affidabbiltà u puntwalità. Sabiex jittejbu l-benefiċċji għall-utenti tat-toroq f’dak li jirrigwarda sikurezza akbar fit-toroq u inqas konġestjoni tat-traffiku, dawn is-servizzi jenħtieġ li jirriflettu wkoll il-prijoritajiet tal-awtoritajiet tat-toroq, kif espressi pereżempju permezz ta’ pjanijiet ta’ ċirkolazzjoni tat-traffiku aċċessibbli b’mod diġitali.

    (19)

    Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jenħtieġ li ma jobbligaw lill-ebda parti kkonċernata biex tibda tiġbor kwalunkwe data li ma hijiex tiġbor diġà jew li tiddiġitalizza kwalunkwe data li mhix diġà disponibbli f’format li tinqara minn magna. Ir-rekwiżiti speċifiċi dwar l-aġġornamenti tad-data jenħtieġ li japplikaw biss għad-data li fil-fatt tinġabar u tkun disponibbli f’format diġitali li jinqara minn magna. Fl-istess ħin, l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa biex ifittxu modi kosteffettivi li huma adatti għall-ħtiġijiet tagħhom biex jiddiġitalizzaw id-data eżistenti dwar l-infrastruttura u d-data dwar ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet.

    (20)

    Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jenħtieġ li ma jobbligawx lill-awtoritajiet tat-toroq jew lill-operaturi tat-toroq biex jiddefinixxu jew jimplimentaw il-pjanijiet taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku u miżuri temporanji għall-ġestjoni tat-traffiku. Jenħtieġ li dawn ma jobbligawx lill-fornituri tas-servizz jikkondividu kwalunkwe data minn tagħhom ma’ fornituri oħrajn tas-servizz. Il-fornituri tas-servizz jenħtieġ li jkunu liberi li jikkonkludu ftehimiet kummerċjali bejniethom għall-użu mill-ġdid tad-data rilevanti.

    (21)

    L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati tal-ITS jenħtieġ li jiġu mħeġġa biex jikkooperaw sabiex jinkiseb qbil dwar definizzjonijiet komuni tal-kwalità tad-data bil-għan li jintużaw indikaturi komuni għall-kwalità tad-data fil-katina kollha tal-valur tad-data dwar it-traffiku, bħalma huma l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-aġġornament tad-data, il-metodu tal-akkwiżizzjoni u l-metodu ta’ referenza dwar il-lokazzjoni użati, kif ukoll il-verifiki tal-kwalità applikati. Jenħtieġ li jiġu mħeġġa wkoll ikomplu jaħdmu biex jistabbilixxu l-metodi tal-kejl tal-kwalità assoċjati u l-monitoraġġ tat-tipi differenti ta’ data. L-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġin jaqsmu ma’ xulxin l-għarfien, l-esperjenza u l-aħjar prattiki tagħhom f’dan il-qasam fil-proġetti ta’ koordinazzjoni li għaddejjin u futuri.

    (22)

    Huwa rikonoxxut li l-użu tad-data u tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali ġġenerati mill-fornituri privati tas-servizzi u d-detenturi ta’ data ġġenerata fil-vettura jistgħu jirrappreżentaw mod kosteffettiv għall-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq biex itejbu l-ġestjoni tat-traffiku, is-sikurezza fit-toroq kif ukoll il-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura. It-termini FRAND komuni jenħtieġ li jintużaw mill-awtoritajiet pubbliċi meta jirċievu dawn id-data jew is-servizzi għall-kompiti msemmija hawn fuq, sabiex jitnaqqsu l-ostakli għall-aċċess u tinħoloq trasparenza dwar il-kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid. L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti huma mħeġġa jiddefinixxu t-termini FRAND komuni applikabbli għall-użu mill-ġdid tat-tipi ta’ data rilevanti għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti pubbliċi.

    (23)

    Il-fornituri privati tas-servizzi jistgħu jużaw id-data miġbura mill-awtoritajiet tat-toroq u mill-operaturi tat-toroq bħala data tal-input għas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali tagħhom stess. It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal tali użu mill-ġdid ta’ din id-data jenħtieġ li jitħallew f’idejn il-partijiet ikkonċernati mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2019/1024 (12). Ċerti tipi ta’ data pprovduti mill-awtoritajiet tat-toroq u mill-operaturi tat-toroq, bħall-pjanijiet taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku, ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet tat-traffiku u l-miżuri temporanji għall-ġestjoni tat-traffiku, jenħtieġ li jerġgħu jintużaw mill-fornituri privati tas-servizzi sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-utenti tat-toroq għall-informazzjoni rilevanti permezz ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali.

    (24)

    Sabiex jiġi żgurat li dawn l-ispeċifikazzjonijiet jiġu implimentati b’mod korrett, jenħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti dwar l-aċċessibbiltà, l-iskambju, l-użu mill-ġdid u l-aġġornament tad-data mill-awtoritajiet tat-toroq, mill-operaturi tat-toroq, mill-produtturi tal-mapep diġitali, mill-operaturi tal-pedaġġi, mill-partijiet ikkonċernati relatati mal-irriċarġjar u mar-riforniment, mid-detenturi ta’ data ġġenerata fil-vettura u mill-fornituri tas-servizzi. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu liberi li jibbażaw fuq dikjarazzjonijiet ta’ konformità bbażati fuq l-evidenza ppreżentati mill-awtoritajiet tat-toroq, mill-operaturi tat-toroq, mill-produtturi tal-mapep diġitali, mill-operaturi tal-pedaġġi, mill-partijiet ikkonċernati relatati mal-irriċarġjar u mar-riforniment, mid-detenturi ta’ data ġġenerata fil-vettura u mill-fornituri tas-servizzi. L-Istati Membri jenħtieġ li jaħdmu flimkien biex jarmonizzaw l-approċċ tagħhom lejn il-valutazzjoni tal-konformità fil-proġetti ta’ koordinazzjoni li għaddejjin u futuri, li jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    (25)

    Dawn l-ispeċifikazzjonijiet ma jillimitawx il-libertà tal-espressjoni tax-xandara tar-radju sakemm ma jobbligawhomx jieħdu kwalunkwe pożizzjoni speċifika fir-rigward tal-informazzjoni li trid tinxtered, u jħallu biżżejjed spazju għall-Istati Membri biex iqisu t-tradizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni tax-xandara tar-radju.

    (26)

    Filwaqt li titqies il-firxa tal-bidliet meħtieġa, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2015/962 jitħassar.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-aċċessibbiltà, l-iskambju, l-użu mill-ġdid u l-aġġornament tad-data mid-detenturi tad-data u mill-utenti tad-data għall-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali madwar l-UE, u sabiex jiġi żgurat li dawn is-servizzi jkunu akkurati u disponibbli bejn il-fruntieri għall-utenti finali.

    2.   Dan ir-Regolament japplika għan-network kollu tat-toroq li huwa aċċessibbli għall-pubbliku għat-traffiku motorizzat. B’eċċezzjoni, dan ma għandux japplika għal toroq privati, sakemm ma jkunux parti min-network komprensiv tat-TEN-T jew ikunu ddeżinjati bħala awtostrada jew bħala triq primarja.

    3.   Dan ir-Regolament għandu japplika f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/40/UE.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/40/UE.

    Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

    (1)

    “network tat-toroq trans-Ewropew ewlieni” tfisser l-infrastruttura tat-trasport bit-triq li hija parti min-network ewlieni kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

    (2)

    “network tat-toroq trans-Ewropew komprensiv” tfisser l-infrastruttura tat-trasport bit-triq li hija parti min-network komprensiv kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

    (3)

    “awtostrada” tfisser triq li hija deżinjata bħala tali mill-Istat Membru fejn tinsab;

    (4)

    “l-aċċessibbiltà tad-data” tfisser il-possibbiltà li tintalab u tinkiseb id-data fi kwalunkwe ħin f’format li jista’ jinqara minn magna;

    (5)

    data statika” tfisser data li ma tinbidilx spiss jew fuq bażi regolari;

    (6)

    data dinamika” tfisser data li tinbidel spiss jew fuq bażi regolari;

    (7)

    “aġġornament tad-data” tfisser kwalunkwe modifika ta’ data eżistenti, inkluż it-tħassir tagħha jew iż-żieda ta’ elementi ġodda jew addizzjonali;

    (8)

    “informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali” tfisser informazzjoni derivata minn kwalunkwe data dwar l-infrastruttura, data dwar ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet, data dwar l-istat tan-network u data dwar l-użu f’ħin reali tan-network, jew il-kombinazzjoni tagħhom;

    (9)

    “servizz ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali” tfisser servizz tal-ITS li jipprovdi mill-ewwel lill-utenti finali informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali;

    (10)

    “awtorità tat-toroq” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika responsabbli għall-ippjanar, il-kontroll jew il-ġestjoni tat-toroq li jaqgħu taħt il-kompetenza territorjali tagħha;

    (11)

    “operatur tat-toroq” tfisser kwalunkwe entità pubblika jew privata li hija responsabbli għall-manutenzjoni u għall-ġestjoni tat-toroq u għall-ġestjoni tal-flussi tat-traffiku;

    (12)

    “fornitur tas-servizzi” tfisser kwalunkwe fornitur pubbliku jew privat tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali, minbarra s-sempliċi trażmissjoni tad-data lill-utenti tad-data;

    (13)

    “operatur tal-pedaġġi” tfisser kwalunkwe entità pubblika jew privata li tieħu r-rwol ta’ fornitur tas-servizz ta’ pedaġġ jew ta’ kollettur tal-pedaġġi kif definit fid-Direttiva (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

    (14)

    “detentur tad-data” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika, suġġett tad-data jew entità pubblika jew privata li għandha d-dritt li tagħti aċċess għal jew li taqsam it-tipi ta’ data elenkati fl-Anness taħt il-kontroll tagħha, f’konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni jew dak nazzjonali;

    (15)

    “utent tad-data” tfisser kwalunkwe awtorità tat-toroq, operatur tat-toroq, operatur tal-pedaġġi, fornitur tas-servizz u produttur tal-mapep diġitali jew kwalunkwe entità oħra li tuża d-data biex toħloq informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali jew, fejn permess mit-termini u l-kundizzjonijiet iddeterminati mid-detentur tad-data, bl-użu tad-data għal skopijiet oħra relatati mal-mobilità;

    (16)

    “utent aħħari” tfisser kwalunkwe utent tat-toroq, persuna fiżika jew ġuridika, li jkollha aċċess għas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali;

    (17)

    “punt ta’ aċċess” tfisser interfaċċa diġitali fejn mill-inqas id-data elenkata fl-Anness, flimkien mal-metadata korrispondenti, isiru aċċessibbli għall-użu mill-ġdid tal-utenti tad-data, jew fejn is-sorsi u l-metadata ta’ din id-data jsiru aċċessibbli għall-użu mill-ġdid tal-utenti;

    (18)

    “metadata” tfisser deskrizzjoni strutturata tal-kontenut tad-data li tiffaċilita s-sejbien u l-użu ta’ din id-data;

    (19)

    “servizzi ta’ sejbien” tfisser servizzi li jippermettu t-tiftix tad-data mitluba bl-użu tal-kontenut tal-metadata korrispondenti u li juru tali kontenut;

    (20)

    “miżuri temporanji ta’ ġestjoni tat-traffiku” tfisser miżuri temporanji maħsuba biex isolvu tfixkil tat-traffiku partikolari u pereżempju, mfassla biex jikkontrollaw u jiggwidaw il-flussi tat-traffiku;

    (21)

    “pjanijiet ta’ ċirkolazzjoni tat-traffiku” tfisser miżuri permanenti ta’ ġestjoni tat-traffiku li jitfasslu mill-kontrolluri tat-traffiku biex jikkontrollaw u jiggwidaw il-flussi tat-traffiku b’rispons għal disturbi tat-traffiku permanenti jew rikorrenti;

    (22)

    “sinjali tat-traffiku” tfisser kwalunkwe sinjal, apparat, avviż tat-toroq jew marka tat-toroq li tidentifika periklu, tagħti parir lill-persuni dwar il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu kontra tali periklu, tindika l-eżistenza ta’ regolament dwar it-toroq jew timplimenta tali regolament, skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar is-Sinjali tat-Toroq;

    (23)

    “toroq primarji” tfisser triq barra miż-żoni urbani li tgħaqqad bliet jew reġjuni ewlenin, jew it-tnejn li huma, mhux ikklassifikati bħala parti min-network komprensiv trans-Ewropew tat-toroq jew bħala awtostrada;

    (24)

    “toroq privati” tfisser triq li ma tkunx proprjetà ta’ awtorità pubblika tat-toroq jew tat-trasport, minbarra toroq li jkunu proprjetà ta’ awtorità pubblika tat-toroq jew tat-trasport iżda li jkunu assenjati lil entità privata fil-forma ta’ konċessjoni ta’ ġestjoni;

    (25)

    data dwar l-infrastruttura” tfisser data li tiddeskrivi n-network tat-toroq jew il-faċilitajiet fuq jew tul in-network tat-toroq;

    (26)

    data dwar ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet” tfisser data li għandha x’taqsam ma’ regolament dwar it-traffiku jew ma’ restrizzjoni applikabbli għal vetturi fuq in-network tat-toroq;

    (27)

    data dwar l-istat tan-network” tfisser data li tiddeskrivi sitwazzjonijiet temporanji li jistgħu jipprevjenu jew inaqqsu l-ivvjaġġar jew li tista’ tinforma lill-utent finali f’sitwazzjonijiet perikolużi;

    (28)

    data dwar l-użu f’ħin reali tan-network” tfisser data li tiddeskrivi l-użu attwali tan-network tat-toroq u l-għażliet tal-użu fin-network tat-toroq;

    (29)

    “tipi kruċjali ta’ data” tfisser tipi ta’ data li jitqiesu kruċjali għall-benefiċċju ta’ affidabbiltà akbar tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali, l-appoġġ ta’ vjaġġar sikur u effiċjenti minn bieb sa bieb u servizzi ta’ mobilità futuri;

    (30)

    data ġġenerata fil-vettura” tfisser kwalunkwe data maħluqa mill-vettura jew minn apparat abbord inkorporat fil-vettura jew f’apparati personali li joffru l-applikazzjonijiet tal-ITS waqt li l-vettura tkun qed tintuża;

    (31)

    “detentur ta’ data ġġenerata fil-vettura” tfisser kwalunkwe entità involuta fil-ġbir, fl-aggregazzjoni jew f’tipi oħra ta’ pproċessar ta’ data ġġenerata fil-vettura biex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ privatezza;

    (32)

    “kundizzjonijiet FRAND (ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji)” tfisser termini ta’ liċenzja nnegozjati b’rieda tajba, li jippermettu l-aċċess għal servizzi jew data bi skambju ma’ premju ġust, bl-istess termini jew termini simili kif iddeterminat ma’ utenti oħra.

    Artikolu 3

    Punti ta’ Aċċess Nazzjonali

    1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi punt ta’ aċċess nazzjonali. Il-punt ta’ aċċess nazzjonali għandu jikkostitwixxi punt uniku ta’ aċċess għall-utenti tad-data għad-data elenkata fl-Anness, inklużi aġġornamenti tad-data, ipprovduti mid-detenturi tad-data kif imsemmi fl-Artikoli 4 sa 11 u li jikkonċernaw it-territorju ta’ Stat Membru partikolari.

    2.   Il-punti ta’ aċċess nazzjonali jew komuni eżistenti li jkunu ġew stabbiliti biex jikkonformaw mal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/962 jew mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn atti delegati oħra adottati skont id-Direttiva 2010/40/UE jistgħu jintużaw bħala punti ta’ aċċess nazzjonali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jekk jitqiesu xierqa mill-Istati Membri.

    3.   Il-punti ta’ aċċess nazzjonali għandhom jipprovdu servizzi ta’ sejbien lill-utenti tad-data, pereżempju servizzi li jippermettu t-tiftix tad-data mitluba bl-użu tal-kontenut tal-metadata korrispondenti u li juru tali kontenut.

    4.   Id-detenturi tad-data pubbliċi u privati għandhom jiżguraw li jipprovdu l-metadata sabiex l-utenti tad-data jkunu jistgħu jiskopru u jużaw settijiet tad-data permezz ta’ punti ta’ aċċess nazzjonali.

    5.   Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jistabbilixxu punt ta’ aċċess komuni.

    6.   Kwalunkwe entità li tipprovdi data permezz tal-Punt ta’ Aċċess Nazzjonali tista’ tagħmel dan permezz ta’ prokura f’konformità mal-ftehimiet applikabbli, pereżempju permezz ta’ bażi tad-data jew aggregatur ta’ partijiet terzi. Dan ma jeħlisx lid-detentur oriġinali tad-data mir-responsabbiltajiet fir-rigward tal-kwalità tad-data oriġinali li tkun qed tiġi pprovduta.

    Artikolu 4

    L-aċċessibbiltà, l-iskambju u l-użu mill-ġdid tad-data dwar l-infrastruttura

    1.   Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali li jkunu kompatibbli, interoperabbli u kontinwi madwar l-Unjoni, l-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, l-operaturi tal-pedaġġi u l-partijiet ikkonċernati tal-irriċarġjar u tar-riforniment għandhom jipprovdu d-data dwar l-infrastruttura elenkata fl-Anness li jiġbru f’format standardizzat bħall-ispeċifikazzjoni tad-data tal-INSPIRE dwar in-networks tat-trasport, TN-ITS (CEN/TS17268 u l-verżjonijiet aġġornati li jiġu wara) jew DATEX II (EN 16157, CEN/TS 16157 u l-verżjonijiet aġġornati li jiġu wara). Kwalunkwe aġġornament għal din id-data għandu jitwettaq skont l-Artikolu 8.

    Jekk iridu jiġu definiti standards addizzjonali jew alternattivi, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    L-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jiddefinixxu dawn l-istandards addizzjonali jew alternattivi;

    il-formati diġitali li jinqraw mill-magni għandhom ikunu kompatibbli mal-istandards eżistenti msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

    2.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1 u l-metadata korrispondenti li tinkludi informazzjoni dwar il-kwalità tagħha għandha tkun aċċessibbli għall-iskambju u l-użu mill-ġdid minn kwalunkwe utent tad-data fi ħdan l-Unjoni:

    (a)

    fuq bażi mhux diskriminatorja;

    (b)

    skont ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalità li l-Istati Membri għandhom jaqblu dwarhom f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti;

    (c)

    f’perjodu ta’ żmien li jaqbel mal-użu affidabbli u effettiv tad-data biex tinħoloq informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali;

    (d)

    permezz tal-punt ta’ aċċess nazzjonali jew komuni msemmi fl-Artikolu 3.

    3.   L-utenti tad-data li jużaw id-data msemmija fil-paragrafu 1 u d-detenturi tad-data għandhom jikkollaboraw sabiex jiżguraw li kwalunkwe ineżattezza relatata mad-data tiġi indikata mingħajr dewmien lid-detentur tad-data li minnu toriġina d-data.

    Artikolu 5

    L-aċċessibbiltà, l-iskambju u l-użu mill-ġdid tad-data dwar ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet

    1.   Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali li jkunu kompatibbli, interoperabbli u kontinwi madwar l-Unjoni, l-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq u l-operaturi tal-pedaġġi għandhom jipprovdu d-data dwar ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet elenkati fl-Anness li jiġbru fid-DATEX II (EN 16157, CEN/TS 16157 u l-verżjonijiet aġġornati li jiġu wara) jew fil-format TN-ITS (CEN/TS 17268 u l-verżjonijiet aġġornati li jiġu wara). Kwalunkwe aġġornament għal din id-data għandu jitwettaq skont l-Artikolu 9.

    Jekk iridu jiġu definiti standards addizzjonali jew alternattivi, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    L-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jiddefinixxu dawn l-istandards addizzjonali jew alternattivi;

    il-formati diġitali li jinqraw mill-magni għandhom ikunu kompatibbli mal-istandards eżistenti msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

    2.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1 u l-metadata korrispondenti li tinkludi informazzjoni dwar il-kwalità tagħha għandha tkun aċċessibbli għall-iskambju u l-użu mill-ġdid minn kwalunkwe utent tad-data fi ħdan l-Unjoni:

    (a)

    fuq bażi mhux diskriminatorja;

    (b)

    skont ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalità li l-Istati Membri għandhom jaqblu dwarhom f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti;

    (c)

    f’perjodu ta’ żmien li jaqbel mal-użu affidabbli u effettiv tad-data biex tinħoloq informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali;

    (d)

    permezz tal-punt ta’ aċċess nazzjonali jew komuni msemmi fl-Artikolu 3.

    3.   L-utenti tad-data li jużaw id-data msemmija fil-paragrafu 1 u d-detenturi tad-data għandhom jikkollaboraw sabiex jiżguraw li kwalunkwe ineżattezza relatata mad-data tiġi indikata mingħajr dewmien lid-detentur tad-data li minnu toriġina d-data.

    4.   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom jipproċessaw u jinkludu, fis-servizzi rilevanti li jipprovdu, mingħajr kostijiet addizzjonali għall-utent finali, data dwar kwalunkwe pjan ta’ ċirkolazzjoni tat-traffiku u regolamenti u restrizzjonijiet tat-traffiku żviluppati mill-awtoritajiet kompetenti u magħmula aċċessibbli permezz tal-punt ta’ aċċess nazzjonali jew komuni f’format diġitali li jinqara minn magna.

    Artikolu 6

    L-aċċessibbiltà, l-iskambju u l-użu mill-ġdid tad-data dwar l-istat tan-network

    1.   Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali li jkunu kompatibbli, interoperabbli u kontinwi madwar l-Unjoni, l-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, id-detenturi ta’ data ġġenerata fil-vettura u l-fornituri tas-servizzi għandhom jipprovdu d-data dwar l-istat tan-network elenkata fl-Anness li jiġbru fil-format tad-DATEX II (EN 16157, CEN/TS 16157 u l-verżjonijiet aġġornati li jiġu wara). Kwalunkwe aġġornament għal din id-data għandu jitwettaq skont l-Artikolu 10.

    Jekk iridu jiġu definiti standards addizzjonali jew alternattivi, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    L-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jiddefinixxu dawn l-istandards addizzjonali jew alternattivi;

    il-formati diġitali li jinqraw mill-magni għandhom ikunu kompatibbli mal-istandards eżistenti msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

    2.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1 u l-metadata korrispondenti li tinkludi informazzjoni dwar il-kwalità tagħha għandha tkun aċċessibbli għall-iskambju u l-użu mill-ġdid minn kwalunkwe utent tad-data fi ħdan l-Unjoni:

    (a)

    fuq bażi mhux diskriminatorja meta tiġi pprovduta mill-awtoritajiet tat-toroq u mill-operaturi tat-toroq;

    (b)

    skont ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalità li l-Istati Membri għandhom jaqblu dwarhom f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti;

    (c)

    f’perjodu ta’ żmien li jaqbel mal-użu affidabbli u effettiv tad-data biex tinħoloq informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali;

    (d)

    permezz ta’ punt ta’ aċċess nazzjonali jew komuni msemmi fl-Artikolu 3;

    (e)

    mingħajr ebda obbligu fuq id-detenturi ta’ data ġġenerata fil-vettura u fornituri privati tas-servizzi biex jagħtu aċċess għal kwalunkwe data tagħhom ma’ utenti privati tad-data jew jaqsmuha magħhom. L-iskambju u l-użu mill-ġdid tad-data tagħhom jistgħu jkunu soġġetti għal termini u kundizzjonijiet determinati mid-detentur privat tad-data.

    3.   L-utenti tad-data li jużaw id-data msemmija fil-paragrafu 1 u d-detenturi tad-data għandhom jikkollaboraw sabiex jiżguraw li kwalunkwe ineżattezza relatata mad-data tiġi indikata mingħajr dewmien lid-detentur tad-data li minnu toriġina d-data.

    4.   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom jipproċessaw u jinkludu, mingħajr kostijiet addizzjonali għall-utent finali, fis-servizzi rilevanti li jipprovdu, kwalunkwe miżura temporanja ta’ ġestjoni tat-traffiku żviluppata mill-awtoritajiet kompetenti u magħmula aċċessibbli permezz tal-punt ta’ aċċess nazzjonali jew komuni f’format diġitali li jinqara minn magna.

    5.   Sabiex tiġi pprovduta informazzjoni xierqa direttament lill-utenti finali u li jiġu ottimizzati l-manutenzjoni tat-toroq u s-sikurezza fit-toroq, l-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq jistgħu jitolbu lid-detenturi tad-data ġġenerata fil-vettura u lill-fornituri tas-servizzi biex jipprovdu t-tipi ta’ data dwar l-istat tan-network li jiġbru u jaġġornaw skont l-Artikolu 10. Meta, bi tweġiba għal talba minn awtorità tat-toroq jew operatur tat-toroq, id-detentur tad-data jagħmel id-data aċċessibbli, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet FRAND (Ġusti, Raġonevoli u Mhux Diskriminatorji). Id-data għandha tiġi pprovduta fil-format tad-DATEX II (EN 16157, CEN/TS 16157 u fil-verżjonijiet aġġornati li jiġu wara) jew fi kwalunkwe format diġitali li jinqara minn magna miftiehem mill-Istati Membri, akkumpanjata mill-metadata korrispondenti li tinkludi informazzjoni dwar il-kwalità tagħha.

    6.   Id-data dwar l-istat tan-network li tkun ġiet arkivjata mill-awtoritajiet tat-toroq jew mill-operaturi tat-toroq tista’ tintuża għall-finijiet tal-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq u tal-valutazzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq madwar in-network kollu. Sakemm ma jkunx ipprojbit minn ftehimiet ta’ liċenzja, din id-data għandha ssir aċċessibbli għall-iskambju u l-użu mill-ġdid, fuq bażi mhux diskriminatorja, permezz tal-punt ta’ aċċess nazzjonali jew komuni msemmi fl-Artikolu 3.

    7.   Fil-limiti tal-ftehimiet ta’ liċenzja applikabbli, id-data ta’ previżjoni dwar l-istat tan-network li tkun ġiet ikkomputata mill-awtoritajiet tat-toroq jew mill-operaturi tat-toroq, għandha ssir aċċessibbli għall-iskambju u l-użu mill-ġdid, fuq bażi mhux diskriminatorja, permezz tal-punt ta’ aċċess nazzjonali jew komuni msemmi fl-Artikolu 3.

    8.   L-Istati Membri għandhom jikkollaboraw fuq id-definizzjoni ta’ standards komuni għall-iskambju u l-użu mill-ġdid tad-data msemmija fil-paragrafi 6 u 7.

    Artikolu 7

    L-aċċessibbiltà, l-iskambju u l-użu mill-ġdid tad-data dwar l-użu f’ħin reali tan-network

    1.   Sabiex jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali li jkunu kompatibbli, interoperabbli u kontinwi madwar l-Unjoni, l-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, il-fornituri tas-servizzi, id-detenturi ta’ data ġġenerata fil-vettura u partijiet ikkonċernati relatati mal-irriċarġjar u mar-riforniment għandhom jipprovdu d-data dwar l-użu f’ħin reali tan-network elenkat fl-Anness li jiġbru fil-format tad-DATEX II (EN 16157, CEN/TS 16157 u l-verżjonijiet aġġornati li jiġu wara). Kwalunkwe aġġornament għal din id-data għandu jitwettaq skont l-Artikolu 11.

    Jekk iridu jiġu definiti standards addizzjonali jew alternattivi, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    L-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jiddefinixxu dawn l-istandards addizzjonali jew alternattivi;

    il-formati diġitali li jinqraw mill-magni għandhom ikunu kompatibbli mal-istandards eżistenti msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

    2.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1 u l-metadata korrispondenti li tinkludi informazzjoni dwar il-kwalità tagħha għandha tkun aċċessibbli għall-iskambju u l-użu mill-ġdid minn kwalunkwe utent tad-data fi ħdan l-Unjoni:

    (a)

    fuq bażi mhux diskriminatorja meta tiġi pprovduta mill-awtoritajiet tat-toroq u mill-operaturi tat-toroq;

    (b)

    skont ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalità li l-Istati Membri għandhom jaqblu dwarhom f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti;

    (c)

    f’perjodu ta’ żmien li jaqbel mal-użu affidabbli u effettiv tad-data biex tinħoloq informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali;

    (d)

    permezz ta’ punt ta’ aċċess nazzjonali jew komuni msemmi fl-Artikolu 3;

    (e)

    mingħajr ebda obbligu fuq id-detenturi ta’ data ġġenerata fil-vettura u fornituri privati tas-servizzi biex jagħtu aċċess għal kwalunkwe data tagħhom ma’ utenti privati tad-data jew jaqsmuha magħhom. L-iskambju u l-użu mill-ġdid tad-data tagħhom jistgħu jkunu soġġetti għal termini u kundizzjonijiet determinati mid-detentur privat tad-data.

    3.   Sabiex tiġi pprovduta informazzjoni xierqa direttament lill-utenti finali u biex jiġu ottimizzati l-ġestjoni tat-traffiku u s-sikurezza fit-toroq, l-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq jistgħu jitolbu lid-detenturi tad-data ġġenerata fil-vettura u lill-fornituri tas-servizzi biex jipprovdu t-tipi ta’ data dwar l-użu f’ħin reali tan-network li jiġbru u jaġġornaw skont l-Artikolu 11. Meta, bi tweġiba għal talba minn awtorità tat-toroq jew operatur tat-toroq, id-detentur tad-data jagħmel id-data aċċessibbli, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet FRAND (Ġusti, Raġonevoli u Mhux Diskriminatorji). Id-data għandha tiġi pprovduta fil-format tad-DATEX II (EN 16157, CEN/TS 16157 u fil-verżjonijiet aġġornati li jiġu wara) jew fi kwalunkwe format diġitali li jinqara minn magna miftiehem mill-Istati Membri, akkumpanjata mill-metadata korrispondenti li tinkludi informazzjoni dwar il-kwalità tagħha.

    4.   Id-data dwar l-użu f’ħin reali tan-network li jkun ġie arkivjat mill-awtoritajiet tat-toroq jew mill-operaturi tat-toroq tista’ tintuża għall-finijiet tal-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq u tal-valutazzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq madwar in-network kollu. Sakemm ma jkunx ipprojbit minn ftehimiet ta’ liċenzja, din id-data għandha ssir aċċessibbli għall-iskambju u l-użu mill-ġdid, fuq bażi mhux diskriminatorja, permezz tal-punt ta’ aċċess nazzjonali jew komuni msemmi fl-Artikolu 3.

    5.   Fil-limiti tal-ftehimiet ta’ liċenzja applikabbli, id-data ta’ previżjoni dwar l-użu f’ħin reali tan-network li tkun ġiet ikkomputata mill-awtoritajiet tat-toroq jew mill-operaturi tat-toroq, għandha ssir aċċessibbli għall-iskambju u għall-użu mill-ġdid fuq bażi mhux diskriminatorja, permezz tal-punt ta’ aċċess nazzjonali jew komuni msemmi fl-Artikolu 3.

    6.   L-Istati Membri għandhom jikkollaboraw fuq id-definizzjoni ta’ standards komuni għall-iskambju u l-użu mill-ġdid tad-data msemmija fil-paragrafi 4 u 5.

    Artikolu 8

    L-aġġornament tad- data dwar l-infrastruttura

    1.   L-aġġornamenti tad-data dwar l-infrastruttura għandhom jikkonċernaw, mill-inqas, dawn il-parametri li ġejjin:

    (a)

    it-tip ta’ data kif stabbilit fil-punt 1 tal-Anness ikkonċernat mill-aġġornament;

    (b)

    il-lok tal-kundizzjoni milquta mill-aġġornament;

    (c)

    it-tip ta’ aġġornament (modifika, inserzjoni jew tħassir);

    (d)

    id-deskrizzjoni tal-aġġornament, li jkun fiha l-valur(i) u l-qasam(oqsma) aġġornati u l-informazzjoni aġġornata, u fejn rilevanti, ir-raġunijiet għas-sostituzzjoni tal-valur(i) u l-qasam(oqsma) skaduti;

    (e)

    id-data meta d-data ġiet aġġornata;

    (f)

    id-data u l-ħin meta l-bidla f’kundizzjoni partikolari tkun seħħet jew hija ppjanata li sseħħ;

    (g)

    il-kwalità tal-aġġornament tad-data kif definita fir-rekwiżiti tal-kwalità li l-Istati Membri għandhom jaqblu dwarhom f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

    Il-lok tal-kundizzjoni kkonċernata mill-aġġornament għandu jiġi ddeterminat billi jintuża metodu standardizzat jew kwalunkwe metodu ieħor ta’ refenzjar dinamiku ta’ lokazzjoni aċċettat ġeneralment li jippermetti d-dekowdjar u l-interpretazzjoni ta’ dak il-lok.

    2.   Id-detenturi tad-data rilevanti għandhom jiżguraw l-aġġornament tad-data dwar l-infrastruttura f’perjodu ta’ żmien li jkun jaqbel mal-użu affidabbli u effettiv tad-data f’servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali u, fejn ikun magħruf u possibbli, jipprovdu dawk l-aġġornamenti lill-utenti tad-data minn qabel.

    3.   Id-detenturi tad-data rilevanti għandhom jikkoreġu fil-ħin kwalunkwe ineżattezza misjuba minnhom fid-data tagħhom jew li tkun inġibditilhom l-attenzjoni għaliha minn kwalunkwe utent tad-data u utent finali.

    4.   Meta l-produtturi tal-mapep diġitali u l-fornituri tas-servizzi jippreżentaw informazzjoni lill-utenti finali, huma għandhom jiżguraw li l-aġġornamenti rilevanti tad-data dwar l-infrastruttura jiġu pproċessati f’perjodu ta’ żmien li jkun jaqbel mal-użu affidabbli u effettiv tad-data fis-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali.

    Artikolu 9

    L-aġġornament tad-data dwar ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet

    1.   L-aġġornamenti tad-data dwar ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet għandhom jikkonċernaw mill-inqas dawn il-parametri li ġejjin:

    (a)

    it-tip ta’ data kif stabbilit fil-punti 2 u 3 tal-Anness ikkonċernat mill-aġġornament;

    (b)

    il-lok tal-kundizzjoni milquta mill-aġġornament;

    (c)

    it-tip ta’ aġġornament (modifika, inserzjoni jew tħassir);

    (d)

    id-deskrizzjoni tal-aġġornament, inkluż il-perjodu ta’ okkorrenza tal-avveniment u l-kundizzjoni(jiet) imposti, pereżempju fuq ċerti tipi ta’ vetturi, ikkonċernati mill-aġġornament;

    (e)

    id-data meta d-data ġiet aġġornata;

    (f)

    id-data u l-ħin meta l-bidla f’kundizzjoni partikolari tkun seħħet jew hija ppjanata li sseħħ;

    (g)

    il-kwalità tal-aġġornament tad-data kif definita fir-rekwiżiti tal-kwalità li l-Istati Membri għandhom jaqblu dwarhom f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

    Il-lok tal-kundizzjoni kkonċernat mill-aġġornament għandu jiġi ddeterminat billi jintuża metodu standardizzat jew kwalunkwe metodu ieħor ta’ refenzjar dinamiku ta’ lokazzjoni aċċettat ġeneralment li jippermetti d-dekowdjar u l-interpretazzjoni ta’ dan il-lok mingħajr ambigwità.

    2.   Id-detenturi tad-data rilevanti għandhom jiżguraw l-aġġornament tad-data dwar ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet f’perjodu ta’ żmien li jkun jaqbel mal-użu affidabbli u effettiv tad-data fis-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali u, fejn ikun magħruf u possibbli, jipprovdu dawn l-aġġornamenti lill-utenti tad-data minn qabel.

    3.   Id-detenturi tad-data rilevanti għandhom jikkoreġu fil-ħin kwalunkwe ineżattezza misjuba minnhom fid-data tagħhom jew li tkun inġibditilhom l-attenzjoni għaliha minn kwalunkwe utent tad-data u utent finali.

    4.   Meta l-produtturi tal-mapep diġitali u l-fornituri tas-servizzi jippreżentaw informazzjoni lill-utenti finali, huma għandhom jiżguraw li l-aġġornamenti rilevanti tad-data dwar ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet jiġu pproċessati f’perjodu ta’ żmien li jkun jaqbel mal-użu affidabbli u effettiv tad-data fis-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali.

    5.   L-informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali għandha tiġi mmodifikata b’mod xieraq jew rtirata mill-aktar fis possibbli wara li l-istatus tad-data kkonċernata jkun inbidel.

    Artikolu 10

    L-aġġornament tad- data dwar l-istat tan-network

    1.   L-aġġornamenti tad-data dwar l-istat tan-network għandhom jikkonċernaw mill-inqas dawn il-parametri li ġejjin:

    (a)

    it-tip ta’ data dwar it-traffiku kif stabbilit fil-punti 4 u 5 tal-Anness ikkonċernat mill-aġġornament u, fejn hu xieraq, deskrizzjoni qasira tiegħu;

    (b)

    il-lok tal-avveniment jew il-kundizzjoni kkonċeranata mill-aġġornament;

    (c)

    il-perjodu tal-okkorrenza tal-avveniment jew il-kundizzjoni kkonċernata mill-aġġornament;

    (d)

    il-kwalità tal-aġġornament tad-data kif definita fir-rekwiżiti tal-kwalità li l-Istati Membri għandhom jaqblu dwarhom f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

    Il-lok tal-avveniment jew tal-kundizzjoni kkonċernata mill-aġġornament għandu jiġi ddeterminat billi jintuża metodu standardizzat jew kwalunkwe metodu ieħor ta’ refenzjar dinamiku ta’ lokazzjoni aċċettat ġeneralment li jippermetti d-dekowdjar u l-interpretazzjoni ta’ dan il-lok mingħajr ambigwità.

    2.   Id-detenturi tad-data rilevanti għandhom jiżguraw l-aġġornament tad-data dwar l-istat tan-network f’perjodu ta’ żmien li jkun jaqbel mal-użu affidabbli u effettiv tad-data f’servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali u, fejn ikun magħruf u possibbli, jipprovdu dawn l-aġġornamenti minn qabel.

    3.   Id-detenturi tad-data rilevanti għandhom jikkoreġu fil-ħin kwalunkwe ineżattezza misjuba minnhom fid-data tagħhom jew li tkun inġibditilhom l-attenzjoni għaliha minn kwalunkwe utent tad-data u utent finali.

    4.   L-informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali għandha tiġi mmodifikata b’mod xieraq jew irtirata mill-aktar fis possibbli wara li l-istatus tad-data kkonċernata jkun inbidel.

    5.   Meta l-fornituri tas-servizzi jippreżentaw informazzjoni lill-utenti finali, huma għandhom jiżguraw li l-aġġornamenti rilevanti tad-data dwar l-istat tan-network jiġu pproċessati f’perjodu ta’ żmien li jkun jaqbel mal-użu affidabbli u effettiv tad-data fis-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali.

    Artikolu 11

    L-aġġornament tad- data dwar l-użu f’ħin reali tan-network

    1.   L-aġġornamenti tad-data dwar l-użu f’ħin reali tan-network għandhom jinkludu mill-inqas il-parametri li ġejjin:

    (a)

    it-tip ta’ data dwar it-traffiku kif stabbilit fil-punt 6 tal-Anness ikkonċernat mill-aġġornament u, fejn xieraq, deskrizzjoni qasira tiegħu;

    (b)

    il-lok tal-avveniment jew il-kundizzjoni kkonċernata mill-aġġornament;

    (c)

    il-kwalità tal-aġġornament tad-data kif definita fir-rekwiżiti tal-kwalità li l-Istati Membri għandhom jaqblu dwarhom f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

    Il-lok tal-avveniment jew tal-kundizzjoni kkonċernata mill-aġġornament għandu jiġi ddeterminat billi jintuża metodu standardizzat jew kwalunkwe metodu ieħor ta’ refenzjar dinamiku ta’ lokazzjoni aċċettat ġeneralment li jippermetti d-dekowdjar u l-interpretazzjoni ta’ dan il-lok mingħajr ambigwità.

    2.   L-informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali għandha tiġi mmodifikata b’mod xieraq jew irtirata mill-aktar fis possibbli wara li l-istatus tad-data kkonċernata jkun inbidel.

    3.   Meta l-fornituri tas-servizzi jippreżentaw informazzjoni lill-utenti finali, huma għandhom jiżguraw li l-aġġornamenti tad-data dwar l-użu f’ħin reali tan-network jiġu pproċessati f’perjodu ta’ żmien li jkun jaqbel mal-użu affidabbli u effettiv tad-data fis-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali.

    Artikolu 12

    Valutazzjoni tal-konformità

    1.   L-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 11 humiex issodisfati mid-detenturi tad-data u mill-utenti tad-data li għalihom japplikaw dawn l-Artikoli f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.

    2.   Sabiex jipproċedu għall-valutazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jitolbu lil kwalunkwe detentur tad-data u utent tad-data d-dokumenti li ġejjin:

    (a)

    deskrizzjoni tad-data, il-mapep diġitali jew is-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali li jipprovdu, kif ukoll l-informazzjoni dwar il-kwalità tagħhom u l-kundizzjonijiet ta’ użu mill-ġdid ta’ din id-data;

    (b)

    dikjarazzjoni bbażata fuq l-evidenza ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 11.

    3.   L-Istati Membri għandhom, b’mod każwali, jeżaminaw il-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2.

    Artikolu 13

    Rapportar

    1.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2023, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bil-lista u bil-viżwalizzazzjoni tal-mapep tat-toroq inklużi fin-network primarju tat-toroq.

    2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li ġejja bħala parti mir-rapporti ta’ progress previsti fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2010/40/UE:

    (a)

    il-progress li sar f’termini ta’ aċċessibbiltà, skambju u użu mill-ġdid tat-tipi ta’ data stabbiliti fl-Anness;

    (b)

    il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tad-data aċċessibbli permezz tal-Punt ta’ Aċċess Nazzjonali, il-bidliet fin-network primarju tat-toroq u fil-kontenut tad-data tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali u l-kwalità tagħhom, inklużi l-kriterji użati għad-definizzjoni ta’ din il-kwalità u l-mezzi użati għall-monitoraġġ tagħha;

    (c)

    ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 12 bir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 11;

    (d)

    fejn rilevanti, deskrizzjoni tal-bidliet fil-punt nazzjonali jew il-punt komuni ta’ aċċess.

    Artikolu 14

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

    Għal perjodu tranżizzjonali li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2027, l-obbligi relatati mat-tipi ta’ data skont il-punti 1, 3, 5 u 6 tal-Anness ma għandhomx japplikaw fir-rigward ta’ toroq għajr dawn li ġejjin:

    (a)

    network komprensiv trans-Ewropew tat-toroq;

    (b)

    awtostradi oħra mhux inklużi f’network tat-toroq trans-Ewropew komprensiv;

    (c)

    toroq primarji.

    Artikolu 15

    Tħassir

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/962 jitħassar mill-1 ta’ Jannar 2025.

    Artikolu 16

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

    Madankollu, l-Artikolu 13 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/962 tat-18 ta’ Diċembru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment tas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali fl-UE kollha (ĠU L 157, 23.6.2015, p. 21).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013 tal-15 ta’ Mejju 2013 li jissuplimenta d-Direttiva ITS 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali (ĠU L 247, 18.9.2013, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 886/2013 tal-15 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti (ĠU L 247, 18.9.2013, p. 6).

    (5)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).

    (6)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1089/2010 tat-23 ta’ Novembru 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interoperabbiltà tas-settijiet ta’ data u servizzi ġeografiċi (ĠU L 323, 8.12.2010, p. 11).

    (8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

    (9)  Id-Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq (ĠU L 319, 29.11.2008, p. 59).

    (10)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (11)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

    (12)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).

    (13)  Id-Direttiva (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni, (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 45).


    ANNESS

    (kif imsemmi fl-Artikoli 2, 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9, 10, 11, 13 u 14)

    (1)   

    It-tipi ta’ data dwar l-infrastruttura:

    (a)

    links tan-network tat-toroq u l-attributi fiżiċi tagħhom:

    (i)

    ġeometrija;

    (ii)

    wisa' tat-triq;

    (iii)

    għadd ta’ korsiji;

    (iv)

    gradjenti;

    (v)

    ġunzjonijiet;

    (b)

    klassifika tat-toroq;

    (c)

    lok tal-istazzjonijiet ta' pedaġġ;

    (d)

    lok taz-zoni ta’ servizz u zoni ta’ mistrieħ;

    (e)

    lok ta' punti tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi u l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom;

    (f)

    lok ta’ stazzjonijiet ta' gass naturali kompressat, gass naturali likwifikat, gass tal-pitrolju likwifikat;

    (g)

    lok tal-punti ta’ riforniment u l-istazzjonijiet għat-tipi l-oħra kollha ta’ fjuwil;

    (h)

    lok ta' żoni ta' kunsinna.

    (2)   

    It-tipi kruċjali ta’ data dwar ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet:

    (a)

    regolamenti tat-traffiku statiku u dinamiku, fejn applikabbli:

    (i)

    kundizzjonijiet tal-aċċess għall-mini;

    (ii)

    kundizzjonijiet tal-aċċess għall-pontijiet;

    (iii)

    restrizzjonijiet ta' aċċess permanenti;

    (iv)

    limiti tal-veloċità;

    (v)

    regolamenti dwar il-kunsinna tal-merkanzija;

    (vi)

    projbizzjonijiet għas-sorpass fuq vetturi tqal tal-merkanzija;

    (vii)

    restrizzjonijiet fuq il-piż/it-tul/il-wisa’/l-għoli;

    (viii)

    toroq one-way;

    (ix)

    limiti tar-restrizzjonijiet, projbizzjonijiet jew obbligi mal-validità żonali, status ta’ aċċess attwali u kundizzjonijiet għaċ-ċirkolazzjoni f’żoni tat-traffiku regolati;

    (x)

    direzzjoni ta' vjaġġ fuq korsiji riversibbli;

    (b)

    pjanijiet għaċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku;

    (3)   

    It-tipi kruċjali ta’ data dwar ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet:

    (a)

    Il-lok u l-identifikazzjoni tas-sinjali tat-traffiku li jirriflettu r-regolamenti tat-traffiku u li jidentifikaw il-perikli:

    (i)

    kundizzjonijiet tal-aċċess għall-mini;

    (ii)

    kundizzjonijiet tal-aċċess għall-pontijiet;

    (iii)

    restrizzjonijiet ta' aċċess permanenti;

    (iv)

    sinjali oħra tat-traffiku li jirriflettu r-regolamenti tat-traffiku;

    (b)

    regolamenti tat-traffiku statiku u dinamiku, fejn applikabbli, għajr regolamenti tat-traffiku msemmija fil-punt (2);

    (c)

    identifikazzjoni ta' toroq b'pedaġġ, applikabbli għal ħlasijiet fissi mill-utent u l-metodi ta' ħlasijiet disponibbli (inklużi kanali tal-bejgħ bl-imnut u metodi ta’ twettiq);

    (d)

    pedaġġi tat-toroq varjabbli u metodi ta’ pagament disponibbli, inkluż kanali tal-bejgħ u metodi ta’ twettiq.

    (4)   

    It-tipi kruċjali ta’ data dwar l-istat tan-network:

    (a)

    toroq magħluqa;

    (b)

    korsiji magħluqa;

    (c)

    xogħlijiet tat-toroq;

    (d)

    miżuri ta' ġestjoni tat-traffiku temporanji.

    (5)   

    It-tipi oħra ta’ data dwar l-istat tan-network:

    (a)

    pontijiet magħluqa;

    (b)

    aċċidenti u inċidenti;

    (c)

    kundizzjonijiet ħżiena fit-toroq;

    (d)

    kundizzjonijiet tat-temp li jaffettwaw il-wiċċ tat-triq u l-viżibbiltà.

    (6)   

    It-tipi ta’ data dwar l-użu fil-ħin reali tan-network:

    (a)

    volum tat-traffiku;

    (b)

    veloċità tat-traffiku;

    (c)

    lok u t-tul ta’ kjuwijiet tat-traffiku;

    (d)

    ħinijiet tat-trasport;

    (e)

    ħinijiet ta’ stennija fil-punti ta' qsim tal-fruntieri;

    (f)

    disponibbiltà ta’ żoni ta’ kunsinna;

    (g)

    disponibbiltà ta' punti għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi;

    (h)

    disponibbiltà tal-punti ta’ riforniment u tal-istazzjonijiet għat-tipi l-oħra kollha ta’ fjuwil;

    (i)

    prezz tal-iċċarġjar/riforniment ta’ fjuwil ad hoc .


    Top