Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0126

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu mill-2023 sal-2027 skont dak ir-Regolament kif ukoll regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT)

    C/2021/9115

    ĠU L 20, 31.1.2022, p. 52–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 27/04/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/126/oj

    31.1.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 20/52


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/126

    tas-7 ta’ Diċembru 2021

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu mill-2023 sal-2027 skont dak ir-Regolament kif ukoll regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 4(8), 13(3), 37(5), 38(5) u 39(3) u l-Artikoli 45, il-punti (a) sa (i), 56, il-punti (a), (b) u (c), u 84, il-punti (a) u (b), tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2021/2115 jistabbilixxi qafas legali ġdid għall-politika agrikola komuni (PAK) biex itejjeb il-ksib tagħha tal-objettivi tal-Unjoni stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dak ir-Regolament jispeċifika ulterjorment dawn l-objettivi tal-Unjoni li jridu jinkisbu mill-PAK u jiddefinixxi t-tipi ta’ intervent kif ukoll ir-rekwiżiti komuni tal-Unjoni applikabbli għall-Istati Membri, filwaqt li jħalli flessibbiltà għall-Istati Membri fit-tfassil tal-interventi li jridu jiġu pprovduti fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom.

    (2)

    Sabiex tiġi żgurata n-natura komuni tal-PAK u tas-suq intern, ir-Regolament (UE) 2021/2115 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta rekwiżiti addizzjonali għat-tfassil tal-interventi li jridu jiġu speċifikati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, fil-qasam tal-pagamenti diretti, ta’ ċerti setturi agrikoli msemmija fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u fil-qasam tal-iżvilupp rurali kif ukoll regoli komuni għal dawn l-oqsma fir-rigward tal-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT). Dawk ir-rekwiżiti addizzjonali kollha jridu jitqiesu mill-Istati Membri meta jfasslu l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom li jkopru l-oqsma kollha kkonċernati u għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti kollha f’dan ir-Regolament.

    (3)

    Fir-rigward tal-interventi li jridu jiġu speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, fil-qasam tal-pagamenti diretti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti addizzjonali għall-interventi dwar il-qanneb u il-qoton. L-għoti ta’ pagamenti jenħtieġ li jsir soġġett għall-użu ta’ żerriegħa ċertifikati ta’ ċerti varjetajiet ta’ qanneb.

    (4)

    Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-proċedura għad-determinazzjoni tal-varjetajiet tal-qanneb u l-verifika tal-kontenut ta’ tetraidrokannabinol tagħhom (kontenut ta’ THC) imsemmija fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115. Il-verifika tal-kontenut ta’ THC hija meħtieġa biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iżda hija wkoll strateġika biex tiġi ppreservata s-saħħa pubblika, u tiġi żgurata l-koerenza ma’ oqfsa leġiżlattivi oħrajn, jiġifieri l-liġi kriminali fil-qasam tat-traffikar illeċitu tad-droga u l-impenji skont obbligi internazzjonali bħall-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi (3). Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli li jarmonizzaw il-metodi u l-proċeduri użati mill-Istati Membri għall-verifika tal-varjetajiet tal-qanneb u għad-determinazzjoni kwantitattiva tal-kontenut ta’ THC fil-qanneb, sabiex jiġu żgurati riżultati komparabbli.

    (5)

    Huwa meħtieġ li jiġi previst perjodu ta’ żmien li matulu l-qanneb imkabbar għall-fibra ma jkunx jista’ jinħasad wara l-fjoritura, sabiex tkun tista’ ssir id-determinazzjoni effettiva u affidabbli tal-kontenut ta’ THC fil-qanneb.

    (6)

    Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, meta varjetà taqbeż il-kontenut ta’ THC imsemmi fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115 għal sentejn konsekuttivi, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinfurmaw fil-ħin lill-operaturi li l-kultivazzjoni ta’ dik il-varjetà ma tagħtix id-dritt għal pagamenti diretti.

    (7)

    Ir-regoli għall-verifika tal-varjetajiet tal-qanneb u d-determinazzjoni kwantitattiva tal-kontenut ta’ THC jenħtieġ li jqisu li l-qanneb jista’ jiġi kkultivat jew bħala għalla ewlenija jew bħala għalla tat-titwiq. F’dak il-kuntest, huwa xieraq li tiġi pprovduta definizzjoni tal-qanneb ikkultivat bħala għalla tat-titwiq.

    (8)

    It-Titolu III, il-Kapitolu II, it-Taqsima 3, is-Sottotaqsima 2, tar-Regolament (UE) 2021/2115 jipprevedi pagament speċifiku għall-għelejjel fil-każ tal-qoton. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti r-regoli u l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ art agrikola u varjetajiet għall-finijiet ta’ dak il-pagament. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet addizzjonali biex tiġi żgurata attività minima f’konformità mal-objettiv tal-appoġġ.

    (9)

    L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jenħtieġ li japprovaw organizzazzjonijiet interprofessjonali li jipproduċu l-qoton abbażi ta’ kriterji oġġettivi relatati mal-iskala u mal-organizzazzjoni interna tagħhom. L-iskala tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali jenħtieġ li tiġi stabbilita, filwaqt li jitqies ir-rekwiżit li l-ħallieġ li jappartjeni lill-organizzazzjoni jkun jista’ jilqa’ kunsinna ta’ biżżejjed kwantitajiet ta’ qoton mhux maħluġ.

    (10)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti obbligi speċifiċi fir-rigward tal-bdiewa, bħala membri ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali. Dawn għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-amministrazzjoni u l-kontroll tas-sħubija tal-bdiewa, kif ukoll li jsaħħu t-titjib potenzjali fl-effiċjenza tal-organizzazzjonijiet li jirriżulta min-numru u d-dedikazzjoni tal-membri tagħhom.

    (11)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-investimenti, l-interventi agroambjentali klimatiċi, il-coaching, il-promozzjoni, il-komunikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni, il-fondi mutwi, it-tħawwil mill-ġdid ta’ ġonna b’siġar tal-frott, imsaġar taż-żebbuġ jew vinji wara l-qlugħ obbligatorju, il-ħsad bikri u n-nuqqas ta’ ħsad, l-assigurazzjoni tal-ħsad u tal-produzzjoni, l-irtirar mis-suq għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas u l-ħżin kollettiv, għall-interventi li jridu jiġu speċifikati mill-Istati Membri, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-apikultura, fis-settur tal-inbid, fis-settur tal-ħops, fis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda kif ukoll f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar il-forom ta’ appoġġ u t-tipi ta’ nefqa, inkluż l-użu ta’ rati fissi u skali ta’ kostijiet unitarji jew somom f’daqqa, kif ukoll kostijiet amministrattivi u tal-persunal. Għal raġunijiet ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u ċertezza legali, jenħtieġ li titfassal lista ta’ nefqa li ma tistax tiġi koperta mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u lista mhux eżawrjenti ta’ nefqa li tista’ tiġi koperta fis-setturi tal-frott u tal-ħxejjex, tal-apikultura, tal-inbid, tal-ħops, taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda kif ukoll f’setturi oħrajn.

    (12)

    Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar ċerti tipi ta’ intervent settorjali, jiġifieri, fis-setturi tal-frott u tal-ħxejjex, tal-apikultura, tal-inbid, tal-ħops u tal-bhejjem sabiex jitqiesu ċerti speċifiċitajiet ta’ dawk is-setturi.

    (13)

    Fir-rigward tat-tipi ta’ intervent settorjali ġestiti minn organizzazzjonijiet tal-produtturi, assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjonijiet transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew gruppi ta’ produtturi permezz ta’ programmi operazzjonali, fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex, taż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda u setturi oħra, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi fir-rigward tal-kopertura tal-prodotti u l-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas, jiġifieri l-kostijiet tat-trasport u l-kundizzjonament, filwaqt li titqies l-importanza potenzjali ta’ dak l-intervent. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli massimi ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq sabiex jiġi żgurat li l-irtirar mis-suq ma jsirx punt tal-ħruġ alternattiv permanenti għall-prodotti, meta mqabbel mat-tqegħid tagħhom fis-suq. Għal raġunijiet simili, fil-każijiet kollha huwa xieraq li jiġi stabbilit limitu kwantitattiv ta’ rtirar għal kull prodott għal kull organizzazzjoni tal-produtturi. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar id-destinazzjonijiet għall-prodotti rtirati, il-kundizzjonijiet għar-riċevituri tal-prodotti rtirati u standards rilevanti li l-prodotti rtirati jridu jikkonformaw magħhom.

    (14)

    Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ interventi settorjali permezz ta’ programmi operazzjonali, jenħtieġ li jiġi stabbilit il-metodu tal-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, inkluż l-użu ta’ rata fissa għall-fini tal-kalkolu tal-valur tal-frott u tal-ħxejjex maħsuba għall-ipproċessar. Il-metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jenħtieġ li jnaqqas il-fluttwazzjonijiet annwali jew data insuffiċjenti għall-organizzazzjonijiet jew il-gruppi rikonoxxuti reċentement. Sabiex jiġi evitat li din l-iskema tintuża b’mod ħażin, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi ġeneralment jenħtieġ li ma jitħallewx ibiddlu l-metodoloġija għall-iffissar tal-perjodu ta’ referenza matul id-durata tal-programm.

    (15)

    Sabiex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tat-tipi ta’ intervent fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, jixraq li jiġu stabbiliti objettivi speċifiċi fir-rigward l-interventi agroambjentali klimatiċi.

    (16)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-assistenza finanzjarja nazzjonali li l-Istati Membri jistgħu jagħtu f’reġjuni fejn il-grad ta’ organizzazzjoni tal-produtturi tal-frott u l-ħxejjex huwa partikolarment baxx, inklużi regoli dwar kif jiġi kkalkulat il-grad ta’ organizzazzjoni u jiġi kkonfermat grad baxx ta’ organizzazzjoni.

    (17)

    Sabiex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tat-tipi ta’ intervent fis-settur tal-apikultura, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar id-doqqajs.

    (18)

    Sabiex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tat-tipi ta’ intervent fis-settur tal-inbid, jixraq li titfassal lista mhux eżawrjenti ta’ operaturi li jistgħu jkunu l-benefiċjarji tal-appoġġ għat-tipi differenti ta’ intervent. Jeħtieġ ukoll li jiġu previsti xi rekwiżiti speċifiċi ta’ eliġibbiltà fir-rigward tal-benefiċjarji tat-tipi ta’ intervent “ristrutturar u konverżjoni tal-vinji”, “ħsad bikri” u “assigurazzjoni tal-ħsad”, il-korpi rregolati mil-liġi pubblika u l-kumpaniji privati. Jixraq ukoll li l-produtturi li jkunu qed iwettqu tħawwil illegali u jaħdmu żoni mħawlin mingħajr awtorizzazzjoni jiġu esklużi mill-appoġġ tal-Unjoni.

    (19)

    Sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-Unjoni jintefqu kif suppost, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar in-nefqa għat-“tħawwil mill-ġdid tal-vinji għal raġunijiet ta’ saħħa jew fitosanitarji” fis-settur tal-inbid. B’mod partikolari, jixraq li jiġi previst li tali nefqa ma taqbiżx ċertu ammont tan-nefqa annwali totali fuq ir-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji mħallsa mill-Istat Membru kkonċernat fi kwalunkwe sena finanzjarja partikolari. Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li l-kostijiet għall-qlugħ u biex jiġi kkumpensat l-introjtu mitluf, jenħtieġ li ma jikkostitwixxu nefqa eliġibbli taħt dan l-intervent, li għandu biss l-għan li jappoġġa l-kostijiet għat-tħawwil mill-ġdid wara miżuri fitosanitarji obbligatorji.

    (20)

    Għall-finijiet tal-interventi tar-“ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji” u tal-“ħsad bikri”, jixraq li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kejl taż-żoni, b’mod partikolari biex jiġi definit x’jikkorrispondi għaż-żona mħawla bid-dwieli, li huwa ta’ importanza partikolari meta l-appoġġ jitħallas abbażi tal-iskali standard tal-kostijiet unitarji bbażati fuq ż-żona.

    (21)

    Sabiex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tat-tipi ta’ intervent fis-settur tal-ħops, jixraq li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kalkolu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni.

    (22)

    Sabiex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tat-tipi ta’ intervent fis-settur tal-bhejjem, jixraq li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-ripopolazzjoni tal-bhejjem wara qatla obbligatorja jew minħabba telf li jirriżulta minn diżastri naturali.

    (23)

    Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-impenji biex jiġu ppreservati razez u varjetajiet ta’ pjanti fil-periklu fl-azjendi agrikoli taħt theddida ta’ erożjoni ġenetika, u għal attivitajiet għall-konservazzjoni, l-użu sostenibbli, u l-iżvilupp ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija, jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-objettivi speċifiċi relatati mal-ambjent u mal-klima tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 6(1), il-punti (d), (e) u (f) tar-Regolament (UE) 2021/2115. B’mod partikolari, jenħtieġ li jindirizzaw il-ħtieġa li jiġu żgurati l-protezzjoni, il-konservazzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ġenetika.

    (24)

    Il-livelli tat-trattament xieraq tal-annimali jenħtieġ li jittejbu billi jiġi pprovdut appoġġ lill-bdiewa li jimpenjaw ruħhom li jadottaw standards ogħla ta’ trobbija tal-annimali, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti obbligatorji rilevanti. Fejn isiru impenji dwar it-trattament xieraq tal-annimali biex jiġu pprovduti standards imtejba tal-metodi ta’ produzzjoni, jenħtieġ li jiġu ddefiniti ż-żoni. F’dan ir-rigward jenħtieġ li jiġi evitat li dawk l-impenji dwar it-trattament xieraq tal-annimali jikkoinċidu ma’ prattiki standard tal-biedja, b’mod partikolari l-vaċċinazzjoni sabiex jiġu evitati l-patoloġiji.

    (25)

    L-iskemi nazzjonali ta’ kwalità rikonoxxuti jistgħu jipprovdu lill-konsumaturi b’assigurazzjonijiet dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott jew tal-proċess tal-produzzjoni. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji dwar l-ispeċifiċità tal-prodott finali, l-aċċess għall-iskema, il-verifika ta’ speċifikazzjonijiet vinkolanti tal-prodott, it-trasparenza tal-iskema u t-traċċabbiltà tal-prodotti bl-għan li jittejjeb l-appoġġ tagħhom fl-ambitu tal-interventi tal-iżvilupp rurali. Minħabba l-karatteristiċi speċjali tal-qoton bħala prodott tal-biedja, l-iskemi nazzjonali ta’ kwalità tal-qoton jenħtieġ li jkunu koperti wkoll.

    (26)

    Bl-għan li jiġu appoġġati skemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti agrikoli rikonoxxuti mill-Istati Membri fl-ambitu ta’ interventi ta’ żvilupp rurali u li jkunu allinjati ma’ interventi settorjali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti kriterji oġġettivi.

    (27)

    Bl-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) kif imsemmi fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, jenħtieġ li jiġu previsti regoli għall-metodu biex jiġu ddeterminati kemm il-proporzjon ta’ referenza kif ukoll il-proporzjon annwali ta’ bwar permanenti, kif ukoll il-livell li fih dawn jistgħu jiġu stabbiliti.

    (28)

    Bl-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sehem ta’ bwar permanenti, huwa xieraq ukoll li jiġi stabbilit li l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu passi biex jiżguraw ir-rikonverżjoni taż-żoni fil-każ li fih is-sehem ta’ bur permanenti jkun naqas taħt il-limitu ta’ 5 %. Madankollu, jenħtieġ li jiġu previsti derogi għall-każijiet fejn iż-żona assoluta ta’ bur permanenti tibqa’ relattivament stabbli jew fejn it-tnaqqis tas-sehem taħt il-limitu huwa r-riżultat ta’ konverżjonijiet taż-żona għal objettivi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima, b’mod partikolari t-tisġir u t-tixrib mill-ġdid taż-żoni.

    (29)

    Peress li l-Istati Membri jeħtieġ li jqisu r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament meta jiżviluppaw il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    TITOLU I

    SUĠĠETT

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 bi:

    (a)

    rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent, speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom li jkopru l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2027:

    (i)

    fil-forma ta’ pagamenti diretti għall-kultivazzjoni tal-qanneb u tal-qoton;

    (ii)

    fis-setturi agrikoli imsemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (iii)

    għar-riżorsi ġenetiċi u t-trattament xieraq tal-annimali fil-qafas tal-impenji ambjentali, klimatiċi u impenji ta’ ġestjoni oħrajn u għall-iskemi tal-kwalità fil-qasam tal-iżvilupp rurali;

    (b)

    regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT).

    TITOLU II

    REKWIŻITI ADDIZZJONALI GĦAL ĊERTI TIPI TA’ INTERVENT FIL-FORMA TA’ PAGAMENTI DIRETTI

    KAPITOLU I

    Qanneb

    Artikolu 2

    Rekwiżiti addizzjonali ta’ eliġibbiltà

    Meta, fid-definizzjonijiet fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jipprovdu d-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom jagħmlu l-għoti ta’ pagamenti għall-produzzjoni tal-qanneb soġġett għall-użu ta’ żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ qanneb li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    huma elenkati fil-Katalogu Komuni tal-Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli fil-15 ta’ Marzu tas-sena li għaliha jingħata l-pagament u ppubblikati f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE (4);

    (b)

    il-kontenut ta’ Δ9-tetraidrokannabinol tagħhom (minn hawn ’il quddiem “kontenut ta’ THC”) ma jaqbiżx għal sentejn konsekuttivi l-limitu kif stabbilit fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (c)

    huma ċċertifikati f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE (5) jew f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/62/KE (6) fil-każ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni.

    Artikolu 3

    Verifika tal-varjetajiet tal-qanneb u determinazzjoni kwantitattiva tal-kontenut ta’ THC

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ verifika għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ THC f’varjetajiet tal-qanneb, li tippermettilhom japplikaw il-metodu għall-verifika tal-varjetajiet tal-qanneb u d-determinazzjoni kwantitattiva tal-kontenut ta’ THC f’varjetajiet tal-qanneb stabbilit fl-Anness I.

    2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha żżomm ir-rekords relatati mas-sejbiet dwar il-kontenut ta’ THC. Għal kull varjetà, dawn ir-rekords għandu jkun fihom tal-inqas ir-riżultati f’termini tal-kontenut ta’ THC minn kull kampjun, mogħtija bħala perċentwal b’żewġ ċifri wara l-punt deċimali, il-proċedura użata, l-għadd ta’ testijiet li jkunu twettqu, indikazzjoni tal-punt meta ttieħed il-kampjun u l-miżuri meħuda fuq livell nazzjonali.

    3.   Jekk medja tal-kampjuni kollha ta’ varjetà partikolari taqbeż il-kontenut ta’ THC kif stabbilit fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura B deskritta fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament għall-varjetà kkonċernata matul is-sena tat-talba ta’ wara. Dik il-proċedura għandha tintuża matul is-snin ta’ talba ta’ wara sakemm ir-riżultati analitiċi kollha għall-varjetà partikolari ma jkunux taħt il-kontenut ta’ THC kif stabbilit fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    4.   Jekk għat-tieni sena l-medja tal-kampjuni kollha ta’ varjetà partikolari taqbeż il-kontenut ta’ THC kif stabbilit fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni l-isem tal-varjetà kkonċernata sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Jannar tas-sena tat-talba ta’ wara. Minn dik is-sena tat-talba, il-kultivazzjoni tal-varjetà partikolari ma għandhiex tagħti dritt għal pagamenti diretti fl-Istat Membru kkonċernat.

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi tal-qanneb ikunu informati fil-ħin dwar l-ismijiet tal-varjetajiet tal-qanneb li jkunu ineliġibbli għall-pagament dirett f’konformità mal-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115 wara notifika skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu billi l-informazzjoni notifikata ssir pubblika mhux aktar tard mid-data għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni unika.

    Artikolu 4

    Għalla tat-titwiq

    Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-“qanneb ikkultivat bħala għalla tat-titwiq” tfisser għalla tal-qanneb miżrugħa wara t-30 ta’ Ġunju ta’ sena partikolari.

    Artikolu 5

    Rekwiżiti tal-kultivazzjoni

    L-għelejjel tal-qanneb għandhom jibqgħu jiġu kkultivati f’kundizzjonijiet normali ta’ tkabbir f’konformità mal-prattika lokali għal mill-inqas 10 ijiem wara d-data meta tintemm il-fjoritura sabiex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

    Il-qanneb ikkultivat bħala għalla tat-titwiq għandu jibqa’ jiġi kkultivat f’kundizzjonijiet normali tat-tkabbir f’konformità mal-prattika lokali tal-inqas sa tmiem il-perjodu tal-veġetazzjoni.

    L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li l-qanneb jinħasad qabel ma jintemm il-perjodu ta’ 10 ijiem wara tmiem il-fjoritura, dment li l-ħsad isir wara li tkun bdiet il-fjoritura u li l-ispetturi jindikaw liema partijiet rappreżentattivi minn kull roqgħa art ikkonċernata għandhom jibqgħu jiġu kkultivati għal mill-inqas 10 ijiem minn meta tintemm il-fjoritura għall-għanijiet ta’ spezzjoni, f’konformità mal-metodu stabbilit fl-Anness I.

    KAPITOLU II

    Qoton

    Artikolu 6

    Awtorizzazzjoni ta’ art agrikola għall-produzzjoni tal-qoton

    L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandhom jistabbilixxu, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, kriterji oġġettivi għall-awtorizzazzjoni tal-art agrikola skont l-Artikolu 37(3) ta’ dak ir-Regolament.

    Dawk il-kriterji għandhom ikunu bbażati fuq wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

    (a)

    l-ekonomija agrikola ta’ dawk ir-reġjuni fejn il-qoton huwa għalla ewlenija;

    (b)

    il-ħamrija u l-klima fiż-żoni inkwistjoni;

    (c)

    il-ġestjoni tal-ilma tat-tisqija;

    (d)

    is-sistemi ta’ rotazzjoni u l-metodi ta’ kultivazzjoni li x’aktarx jirrispettaw l-ambjent.

    Artikolu 7

    Awtorizzazzjoni ta’ varjetajiet għaż-żrigħ

    L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandhom jistabbilixxu, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, liema varjetajiet, irreġistrati fil-Katalgu Komuni tal-Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli previst fid-Direttiva 2002/53/KE u adattat għall-ħtiġijiet tagħhom tas-suq, huma awtorizzati għaż-żrigħ.

    Artikolu 8

    Kundizzjonijiet addizzjonali biex wieħed jirċievi l-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton

    Għall-pagamenti speċifiċi għall-għelejjel għall-qoton imsemmi fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri msemmijin fl-Artikolu 36 ta’ dak ir-Regolament għandhom jistabbilixxu, fil-Pjan Strateġiku tal-PAK tagħhom, densità minima tal-pjanti fiż-żona miżrugħa stabbilita abbażi tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tat-temp u, fejn xieraq, tal-karatteristiċi reġjonali speċifiċi.

    Artikolu 9

    Approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali

    1.   L-approvazzjoni ta’ organizzazzjoni interprofessjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandha tiġi approvata mill-Istat Membru fejn il-ħallieġa huma stabbiliti u għal perjodu ta’ sena, li jibda fi żmien xieraq qabel l-istaġun taż-żrigħ ta’ dik is-sena, dment li l-organizzazzjoni tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

    (a)

    din tkopri erja totali ta’ mill-inqas 4 000 ettaru li jissodisfaw il-kriterji ta’ awtorizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament;

    (b)

    hija adottat regoli operattivi interni, b’mod partikolari dwar il-kundizzjonijiet u t-tariffi tas-sħubija, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

    2.   Meta jinstab li organizzazzjoni interprofessjonali approvata ma tibqax tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fil-paragrafu 1, l-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni għandu jirtira l-approvazzjoni, sakemm in-nuqqas ta’ konformità ma jiġix rimedjat fi żmien skadenza li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru fid-deċiżjoni tal-irtirar. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għandha tinnotifika lill-organizzazzjoni interprofessjonali bl-intenzjoni tagħha li tirtira approvazzjoni, flimkien mar-raġunijiet għall-irtirar, minn qabel. Hija għandha tagħti lill-organizzazzjoni interprofessjonali l-opportunità li tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha f’perjodu ta’ żmien speċifikat fin-notifika tal-irtirar ippjanat.

    Il-bdiewa li huma membri ta’ organizzazzjoni interprofessjonali approvata li l-approvazzjoni tagħha tiġi rtirata f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ma għandhomx ikunu eliġibbli li jirċievu ż-żieda tal-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton skont l-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    Artikolu 10

    Obbligi għall-bdiewa li jipproduċu l-qoton

    1.   Bidwi ma għandux ikun membru ta’ aktar minn organizzazzjoni interprofessjonali approvata waħda msemmija fl-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    2.   Bidwi li jkun membru ta’ organizzazzjoni interprofessjonali approvata għandu jwassal il-qoton biss lil ħallieġ tal-qoton u li jifforma parti mill-istess organizzazzjoni.

    3.   Il-parteċipazzjoni tal-bdiewa f’organizzazzjoni interprofessjonali approvata għandha tkun ir-riżultat ta’ sħubija volontarja.

    TITOLU III

    REKWIŻITI ADDIZZJONALI GĦAL ĊERTI TIPI TA’ INTERVENT FIS-SETTURI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 42 TAR-REGOLAMENT (UE) 2021/2115

    KAPITOLU I

    Regoli komuni applikabbli għall-interventi fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex, fis-settur tal-apikultura, fis-settur tal-inbid, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u fis-setturi l-oħra msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2021/2115

    Taqsima 1

    Regoli komuni dwar l-investimenti, it-tipi ta’ intervent agroambjentali u klimatiċi, il-coaching, il-promozzjoni u l-komunikazzjoni, il-fondi mutwi, it-tħawwil mill-ġdid, il-ħsad bikri u n-nuqqas ta’ ħsad, l-assigurazzjoni tal-ħsad, l-irtirar mis-suq u l-ħżin kollettiv

    Artikolu 11

    Investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli

    1.   Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli kif previst fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-apikultura, fis-settur tal-inbid, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u fis-setturi l-oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom jipprevedu dan li ġej:

    (a)

    l-assi tanġibbli u intanġibbli miksuba jintużaw skont in-natura, l-objettivi u l-użu maħsub mill-benefiċjarju, kif deskritt fl-interventi relatati tal-Pjan Strateġiku tal-PAK u, fejn rilevanti, fil-programm operazzjonali approvat;

    (b)

    mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 10, l-assi tanġibbli u intanġibbli akkwistati jibqgħu kemm fil-proprjetà kif ukoll fil-pussess tal-benefiċjarju sa tmiem il-perijodu ta’ deprezzament fiskali jew matul perjodu ta’ mill-inqas ħames snin li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri filwaqt li titqies in-natura tal-assi. Kull wieħed minn dawn il-perjodi għandu jiġi kkalkulat mid-data tal-akkwiżizzjoni tal-assi jew mid-data li fiha l-assi jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju.

    Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodu iqsar li matulu l-assi għandu jibqa’ fil-proprjetà u fil-pussess tal-benefiċjarju, iżda dan il-perjodu ma għandux ikun inqas minn tliet snin għall-fini ta’ manutenzjoni ta’ investimenti jew impjiegi maħluqa minn intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (7).

    L-investimenti f’assi tanġibbli msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom isiru fil-bini tal-benefiċjarju jew, fejn rilevanti, fil-bini tal-membri produtturi tiegħu jew tas-sussidjarji tiegħu li jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ 90 % msemmi fl-Artikolu 31(7) ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, fis-settur tal-apikultura, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom l-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll investimenti f’assi tanġibbli li jsiru barra mill-bini tal-benefiċjarju.

    Meta l-investiment isir fuq art mikrija skont regoli nazzjonali partikolari dwar il-proprjetà, ir-rekwiżit li wieħed ikun fil-proprjetà tal-benefiċjarju jista’ ma japplikax dment li l-assi kienu fil-pussess tal-benefiċjarju għal mill-inqas il-perjodu meħtieġ fil-paragrafu (b) tal-ewwel subparagrafu.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom li l-appoġġ għal investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli, inklużi dawk taħt kuntratti ta’ lokazzjoni, jista’ jiġi ffinanzjat f’ammont wieħed jew f’pagamenti parzjali li ġew approvati, fejn rilevanti, fil-programm operazzjonali jew kif speċifikat mill-Istati Membri fl-interventi rilevanti.

    Jekk il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għal investiment partikolari jaqbeż it-tul tal-programm operazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan jista’ jiġi ttrasferit għal programm operazzjonali sussegwenti.

    Meta fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jipprovdu appoġġ għal investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli, li jsegwu l-objettivi agroambjentali klimatiċi msemmija fl-Artikoli 46, il-punti (e) u (f), u 57, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115, tali investimenti għandhom isegwu wieħed jew aktar mill-objettivi elenkati fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-Regolament.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom appoġġ għal investimenti f’assi tanġibbli li jikkonsistu f’sistemi li jiġġeneraw l-enerġija dment li l-ammont ta’ enerġija ġġenerata ma jaqbiżx l-ammont ta’ enerġija li tista’ tintuża fuq bażi annwali għall-attivitajiet normali tal-benefiċjarju.

    4.   Fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu appoġġ għal investimenti fl-irrigazzjoni dment li:

    (a)

    jiġu stabbiliti perċentwali għall-miri minimi għall-iffrankar tal-ilma, kemm f’termini ta’ tnaqqis potenzjali kif ukoll ta’ tnaqqis effettiv fl-użu tal-ilma, li jridu jintlaħqu mill-benefiċjarju tal-appoġġ, u bil-kundizzjoni li l-Pjan Strateġiku tal-PAK juri li tali miri għall-iffrankar tal-ilma ġew determinati b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet stabbiliti fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara msemmija fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

    (b)

    ikun hemm sistema ta’ arloġġ tal-ilma li tippermetti l-kejl tal-użu tal-ilma fil-livell tal-azjenda jew tal-unità ta’ produzzjoni rilevanti jew inkella tiġi stabbilita bħala parti mill-investiment;

    (c)

    fil-każ ta’ investimenti speċifiċi fl-irrigazzjoni msemmija fil-paragrafi 5 sa 8, il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk il-paragrafi jkunu ssodisfati.

    5.   Appoġġ għall-investimenti fit-titjib ta’ installazzjoni tal-irrigazzjoni eżistenti jew element tal-infrastruttura tal-irrigazzjoni jista’ jiġi pprovdut bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-investimenti jiġu vvalutati mill-benefiċjarju ex ante bħala li juru ffrankar potenzjali tal-ilma li jirrifletti l-parametri tekniċi tal-installazzjonijiet jew tal-infrastrutturi eżistenti;

    (b)

    l-investimenti jaffettwaw korpi tal-ilma ta’ taħt l-art jew tal-ilma tal-wiċċ li l-istatus tagħhom ikun ġie identifikat bħala inqas minn tajjeb fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara rilevanti kif previst fid-Direttiva 2000/60/KE għal raġunijiet relatati mal-kwantità tal-ilma, u jinkiseb tnaqqis effettiv fl-użu tal-ilma li jikkontribwixxi għall-kisba ta’ status tajjeb ta’ dawk il-korpi tal-ilma, kif stabbilit fl-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva.

    Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), ma għandhomx japplikaw għall-investimenti, li jkunu saru b’appoġġ għat-titjib ta’ installazzjoni tal-irrigazzjoni eżistenti jew elementi ta’ infrastruttura tal-irrigazzjoni, relatati mal-ħolqien ta’ ġibjun jew mal-użu ta’ ilma reklamat li ma jaffettwax korp ta’ ilma ta’ taħt l-art jew ta’ ilma tal-wiċċ.

    6.   Appoġġ għall-investimenti fl-irrigazzjoni li jirriżulta f’żieda netta fl-effett taż-żona irrigata fuq korp partikolari ta’ ilma ta’ taħt l-art jew tal-wiċċ jista’ jiġi pprovdut bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-istatus tal-korp tal-ilma ma jkunx ġie identifikat bħala inqas minn tajjeb fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara rilevanti għal raġunijiet relatati mal-kwantità tal-ilma;

    (b)

    analiżi tal-impatt ambjentali turi li mhux se jkun hemm impatt ambjentali negattiv sinifikanti mill-investiment; dik l-analiżi tal-impatt ambjentali għandha titwettaq mill-awtorità kompetenti jew tiġi approvata minnha.

    7.   Appoġġ għal investimenti fl-użu tal-ilma reklamat bħala provvista alternattiva tal-ilma jista’ jiġi pprovdut biss bil-kundizzjoni li l-użu ta’ tali ilma jkunu konformi mar-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    8.   Jista’ jiġi pprovdut appoġġ għall-investiment fil-ħolqien jew l-espansjoni ta’ ġibjun għall-fini tal-irrigazzjoni bil-kundizzjoni li ma jwassalx għal impatt ambjentali negattiv sinifikanti.

    9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-irkupru tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni mill-benefiċjarju, jekk isseħħ waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b):

    (a)

    waqfien tal-attività tal-benefiċjarju jew trasferiment lil entità oħra;

    (b)

    rilokazzjoni ta’ attività produttiva barra miż-żona ġeografika kkultivata mill-benefiċjarju jew, fejn rilevanti, mill-membri tiegħu;

    (c)

    bidla fis-sjieda, b’mod partikolari meta tagħti vantaġġ mhux dovut lil ditta jew lil korp pubbliku; jew

    (d)

    kwalunkwe bidla sinifikanti oħra li taffettwa n-natura, l-objettivi jew il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-intervent ikkonċernat li tirriżulta fl-imminar tal-objettivi oriġinali tiegħu.

    Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mill-benefiċjarju mal-kundizzjonijiet ipprovduti mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom abbażi tal-paragrafi 1 sa 8 u l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-irkupru tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni b’mod proporzjonat għad-durata tan-nuqqas ta’ konformità.

    L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jirkuprawx l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni meta l-benefiċjarju jwaqqaf attività produttiva minħabba falliment mhux frodulenti.

    Jekk membru produttur iħalli l-organizzazzjoni jew il-grupp ta’ produtturi tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investiment jew il-valur residwu tiegħu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju u li l-valur residwu tiegħu jiżdied mal-fond operazzjonali.

    F’ċirkostanzi debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-benefiċjarju ma jkunx meħtieġ jirkupra l-investiment jew il-valur residwu tiegħu.

    10.   Fejn l-assi, li għalihom ġew appoġġati l-investimenti, jiġu sostitwiti, il-valur residwu tal-investimenti sostitwiti għandu:

    (a)

    jiżdied mal-fond operazzjonali tal-organizzazzjoni tal-produtturi; jew

    (b)

    jitnaqqas mill-kost tas-sostituzzjoni.

    Minkejja l-ewwel subparagrafu, fil-Pjanijiet Strateġiċi tagħhom, l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu sostituzzjoni sempliċi tal-investimenti b’assi identiċi.

    11.   L-Istati Membri ma għandhomx jipprovdu għall-investimenti speċifikati bħala interventi fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, jekk dawk l-interventi jirċievu appoġġ skont l-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (h) sa (k), ta’ dak ir-Regolament.

    Artikolu 12

    Interventi relatati ma’ objettivi agroambjentali-klimatiċi

    1.   Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi li jkollhom objettivi agroambjentali-klimatiċi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-apikultura, fis-settur tal-inbid, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew fis-setturi l-oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għandhom jipprovdu li l-interventi koperti jsegwu waħda mill-miri li ġejjin:

    (a)

    jiksbu tnaqqis fl-użu attwali tal-inputs tal-produzzjoni, tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti jew tal-iskart mill-proċess tal-produzzjoni;

    (b)

    jiksbu s-sostituzzjoni tal-użu ta’ enerġija minn sorsi ta’ fjuwil fossili b’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

    (c)

    jiksbu tnaqqis fir-riskji ambjentali marbuta mal-użu ta’ ċerti inputs tal-produzzjoni jew mal-produzzjoni ta’ ċerti residwi, inklużi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, fertilizzanti, demel jew rifjuti oħrajn tal-annimali;

    (d)

    jiksbu tnaqqis fl-użu tal-ilma;

    (e)

    ikunu marbuta ma’ investimenti mhux produttivi meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi agroambjentali klimatiċi, b’mod partikolari fejn dawk l-objettivi jkunu relatati mal-protezzjoni tal-ħabitats u tal-bijodiversità;

    (f)

    jiksbu tnaqqis effettiv u li jista’ jitkejjel tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jew sekwestru tal-karbonju dejjiemi;

    (g)

    iżidu r-reżiljenza tal-produzzjoni għal riskji marbuta mat-tibdil fil-klima, bħall-erożjoni tal-ħamrija;

    (h)

    jiksbu l-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-iżvilupp tar-riżorsi ġenetiċi; jew

    (i)

    iwasslu għall-protezzjoni tal-ambjent jew għal titjib fl-ambjent.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji jipprovdu evidenza tal-kontribut pożittiv mistenni għal objettiv ambjentali wieħed jew aktar fil-mument tas-sottomissjoni għall-approvazzjoni tal-programm operazzjonali propost, tal-intervent jew tal-emenda ta’ tali programm jew intervent.

    2.   L-interventi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru fil-bini tal-benefiċjarju jew, fejn rilevanti, fil-bini tal-membri produtturi tiegħu jew fil-bini tas-sussidjarji tiegħu li jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ 90 % msemmi fl-Artikolu 31(7) ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, fis-settur tal-apikultura, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom l-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll għal tali interventi li jsiru barra mill-bini tal-benefiċjarju. Il-benefiċċju mistenni u l-impatt addizzjonali tal-intervent relatat mal-objettivi agroambjentali klimatiċi għandhom jintwerew ex ante permezz ta’ speċifikazzjonijiet tal-proġett jew dokumenti tekniċi oħrajn li għandhom jiġu ppreżentati mill-benefiċjarju fil-mument tas-sottomissjoni tal-operazzjoni, tal-programm operazzjonali jew tal-emenda ta’ tali programm jew operazzjoni għall-approvazzjoni, li juru r-riżultati li jistgħu jinkisbu permezz tal-implimentazzjoni tal-intervent.

    3.   Meta jiddeterminaw in-nefqa li għandha tiġi koperta, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kostijiet addizzjonali mġarrba u l-introjtu mitluf li jirriżultaw mill-interventi implimentati relatati mal-objettivi agroambjentali-klimatiċi, u l-miri stabbiliti.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji li jimplimentaw l-interventi relatati mal-objettivi agroambjentali-klimatiċi jkollhom aċċess għall-għarfien u għall-informazzjoni rilevanti meħtieġa biex jimplimentaw tali interventi, u li jkun hemm disponibbli taħriġ xieraq għal dawk li jkunu jeħtiġuh, kif ukoll aċċess għall-għarfien espert sabiex bdiewa li jimpenjaw ruħhom li jibdlu s-sistemi ta’ produzzjoni tagħhom jiġu megħjunin.

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta klawżola ta’ reviżjoni fil-programmi operazzjonali għall-operazzjonijiet implimentati taħt interventi relatati mal-objettivi agroambjentali-klimatiċi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, u f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, sabiex jiżguraw li jiġu aġġustati fil-każ ta’ emendi għal kwalunkwe standard, rekwiżit jew obbligu obbligatorju rilevanti.

    Artikolu 13

    Coaching

    1.   Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi ta’ coaching fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għandhom jipprovdu li l-interventi koperti jsegwu wieħed mill-objettivi li ġejjin:

    (a)

    jiskambjaw l-aħjar prattiki relatati mal-interventi ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet li jgħinu lill-benefiċjarju jibbenefika mill-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-interventi ta’ prevenzjoni tal-kriżijiet u ta’ mmaniġġjar tar-riskju;

    (b)

    jippromwovu l-istabbiliment ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi ġodda, il-fużjoni ta’ dawk eżistenti jew il-possibbiltà li produtturi individwali jissieħbu f’organizzazzjoni tal-produtturi eżistenti kif ukoll l-għoti ta’ pariri lill-gruppi tal-produtturi dwar kif jaslu għar-rikonoxximent bħala organizzazzjoni tal-produtturi skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    (c)

    joħolqu opportunitajiet ta’ networking għall-fornituri u għar-riċevituri tal-coaching, b’mod partikolari l-mezzi ta’ kummerċjalizzazzjoni bħala mezz ta’ prevenzjoni u ġestjoni ta’ kriżijiet.

    2.   Il-fornitur tal-coaching għandu jkun organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi. Il-fornitur tal-coaching għandu jibbenefika mill-appoġġ għall-intervent ta’ coaching.

    3.   Ir-riċevitur tal-coaching għandu jkun organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi, il-produtturi individwali, membri jew dawk li ma humiex membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tagħhom jew grupp ta’ produtturi.

    4.   Il-kostijiet eliġibbli kollha relatati mal-attività ta’ coaching għandhom jitħallsu lill-fornitur tal-coaching li jinkludi dan l-intervent fil-programm operazzjonali tiegħu.

    5.   L-interventi ta’ coaching ma għandhomx jiġu esternalizzati.

    Artikolu 14

    Promozzjoni, komunikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni

    Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi ta’ promozzjoni, komunikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-inbid, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għandhom jipprovdu li l-interventi koperti jsegwu wieħed mill-objettivi li ġejjin:

    (a)

    iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-merti tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u l-istandards għoljin applikabbli għall-metodi ta’ produzzjoni tagħhom fl-Unjoni;

    (b)

    iż-żieda fil-kompetittività u fil-konsum tal-prodotti agrikoli u ċerti prodotti pproċessati tal-Unjoni magħmula fl-Unjoni u l-promozzjoni tal-profil tagħhom kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha għal setturi għajr l-inbid;

    (c)

    iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar l-iskemi ta’ kwalità tal-Unjoni kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha;

    (d)

    iż-żieda fis-sehem mis-suq tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u ta’ ċerti prodotti pproċessati magħmula fl-Unjoni, b’enfasi speċifika fuq dawk is-swieq f’pajjiżi terzi li għandhom l-akbar potenzjal ta’ tkabbir;

    (e)

    il-kontribut, fejn rilevanti, biex jitreġġgħu lura l-kundizzjonijiet normali tas-suq fis-suq tal-Unjoni fil-każ ta’ tfixkil serju tas-suq, telf ta’ fiduċja tal-konsumatur jew problemi speċifiċi oħrajn;

    (f)

    iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-produzzjoni sostenibbli;

    (g)

    iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar il-marki jew it-trademarks tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali, tal-assoċjazzjonijiet transnazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex;

    (h)

    id-diversifikazzjoni, il-ftuħ u l-konsolidazzjoni tas-swieq għall-inbejjed tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u ż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-kwalitajiet intrinsiċi tal-inbejjed tal-Unjoni f’dawk is-swieq. Referenza għall-oriġini u l-marki tal-inbid tista’ biss tintuża meta tikkomplementa l-promozzjoni, il-komunikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed tal-Unjoni f’pajjiżi terzi;

    (i)

    l-informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-konsum responsabbli tal-inbid. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal promozzjonali għall-promozzjoni ġenerika u għall-promozzjoni tat-tikketti tal-kwalità jkollu l-emblema tal-Unjoni u jinkludi d-dikjarazzjoni li ġejja: “Iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea”. L-emblema u d-dikjarazzjoni tal-finanzjament għandhom jintwerew f’konformità mal-karatteristiċi tekniċi stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 821/2014 (10).

    Artikolu 15

    Fondi mutwi

    1.   Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi ta’ fondi mutwi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandhom jipprovdu l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għall-kost amministrattiv tal-istabbiliment, il-mili u, fejn xieraq, il-mili mill-ġdid tal-fondi mutwi.

    2.   In-nefqa eliġibbli fuq il-kost amministrattiv tal-istabbiliment ta’ fondi mutwi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandha tinkludi kemm l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni mill-benefiċjarju. L-ammont tan-nefqa eliġibbli ma għandux jaqbeż l-20 %, is-16 % jew it-8 % tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju għall-kapital tal-fond mutwu fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet sena tal-operat tiegħu, rispettivament.

    3.   Benefiċjarju jista’ jirċievi appoġġ għall-kost amministrattiv tal-istabbiliment ta’ fondi mutwi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2021/2115, darba biss u biss fl-ewwel tliet snin tal-operat tal-fond mutwu.

    Meta benefiċjarju japplika għal dak l-appoġġ fit-tieni jew fit-tielet sena tal-operat tal-fondi mutwi biss, l-appoġġ għandu jkun ta’ 16 % jew ta’ 8 % tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju għall-kapital tal-fond mutwu fit-tieni u fit-tielet sena tal-operat tiegħu, rispettivament.

    4.   Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom l-Istati Membri jinkludu l-interventi ta’ fondi mutwi fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (l) tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom jillimitaw l-appoġġ tal-Unjoni għall-kost amministrattiv tal-istabbiliment tal-fondi mutwi fis-settur tal-inbid għal:

    (a)

    20 % tal-kontribuzzjoni tal-produtturi għall-fond mutwu fl-ewwel sena;

    (b)

    16 % tal-kontribuzzjoni tal-produtturi għall-fond mutwu fit-tieni sena;

    (c)

    8 % tal-kontribuzzjoni tal-produtturi għall-fond mutwu fit-tielet sena.

    Il-perjodu ta’ appoġġ ma għandux jaqbeż it-tliet snin.

    Artikolu 16

    Tħawwil mill-ġdid ta’ ġonna b’siġar tal-frott, imsaġar taż-żebbuġ jew vinji wara l-qlugħ obbligatorju

    1.   Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, fis-settur tal-inbid jew f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, fil-forma ta’ tħawwil mill-ġdid ta’ ġonna b’siġar tal-frott, imsaġar taż-żebbuġ jew vinji wara l-qlugħ obbligatorju għal raġunijiet ta’ saħħa jew fitosanitarji jew, fil-każ tas-siġar tal-frott u l-imsaġar taż-żebbuġ, biex jadattaw għat-tibdil fil-klima, huma għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) meta jimplimentaw dawn l-interventi.

    2.   In-nefqa għat-tħawwil mill-ġdid ta’ ġonna b’siġar tal-frott jew tal-imsaġar taż-żebbuġ ma għandhiex taqbeż l-20 % tan-nefqa totali fl-ambitu ta’ kull programm operazzjonali jew intervent rilevanti.

    Artikolu 17

    Ħsad bikri u naqqas ta’ ħsad

    1.   Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-inbid, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, fil-forma ta’ “ħsad bikri” għal dawn is-setturi u “nuqqas ta’ ħsad” għal dawn is-setturi ħlief għall-inbid, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn l-interventi jkunu addizzjonali għall-prattiki ta’ kultivazzjoni normali u differenti minnhom, u li jikkonċernaw 100 % tal-produzzjoni mistennija tal-prodott ikkonċernat f’roqgħa partikolari.

    Il-“ħsad bikri” għandu jikkonsisti mill-ħsad totali f’żona partikolari ta’ prodotti mhux maturi u mhux kummerċjabbli li ma saritilhomx ħsara qabel il-ħsad bikri. “Nuqqas ta’ ħsad” għandu jikkonsisti fit-tmiem taċ-ċiklu tal-produzzjoni attwali fiż-żona kkonċernata fejn il-prodott huwa żviluppat sew u huwa ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interventi ta’ ħsad bikri jiġu implimentati matul l-istaġuni tat-tkabbir qabel il-prodott jilħaq stadju kummerċjabbli u ma għandhomx jitwettqu fir-rigward tal-prodotti li għalihom ikun diġà beda l-ħsad normali.

    3.   Fil-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ta’ żmien massimi matul l-istaġun tal-produzzjoni għall-applikazzjoni tal-interventi tal-ħsad bikri għal kull prodott soġġett għal interventi bħal dawn kif ukoll kundizzjonijiet oħra ta’ eliġibbiltà għall-ħsad bikri u għan-nuqqas ta’ ħsad, inklużi varjetajiet u kategoriji ta’ prodotti fejn rilevanti.

    4.   L-Istati Membri għandhom jeskludu kumpens finanzjarju għall-interventi ta’ nuqqas ta’ ħsad imwettqa meta l-produzzjoni kummerċjali tkun ittieħdet miż-żona kkonċernata matul iċ-ċiklu normali tal-produzzjoni.

    5.   L-appoġġ għall-ħsad bikri għandu jkopri biss il-prodotti li huma fiżikament fl-għelieqi u li effettivament jinħasdu kmieni. Għal setturi għajr is-settur tal-inbid, l-ammonti ta’ kumpens, li jinkludu kemm l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni mill-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-organizzazzjoni tal-produtturi transnazzjonali, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi għall-ħsad bikri u għan-nuqqas ta’ ħsad għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru għal kull ettaru ta’ pagamenti, f’livell li jikkorrispondi għal mhux aktar minn 90 % tal-livell massimu ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq, għajr id-distribuzzjoni bla ħlas, applikabbli għall-istess prodott.

    6.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-benefiċjarju jrid jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi qabel l-intenzjoni ta’ ħsad bikri jew ta’ nuqqas ta’ ħsad.

    7.   Fil-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu:

    (a)

    dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk l-interventi, inkluż il-kontenut u l-iskadenzi tagħhom, dwar l-ammont ta’ kumpens li għandu jitħallas u dwar l-applikazzjoni tal-interventi, kif ukoll il-lista ta’ prodotti eliġibbli skont l-interventi;

    (b)

    dispożizzjonijiet sabiex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-interventi ma twassal għall-ebda impatt negattiv fuq l-ambjent u għall-ebda konsegwenza fitosanitarja negattiva;

    (c)

    projbizzjoni li jingħata appoġġ fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex fil-każ ta’ ħsad bikri, jekk tkun twettqet parti sinifikanti mill-ħsad normali u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħsad, tkun diġà ttieħdet parti sinifikanti mill-produzzjoni kummerċjali.

    8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a)

    iż-żona kkonċernata nżammet sew, ma sar l-ebda ħsad, il-prodott huwa żviluppat sew, mhux imħassar u ġeneralment huwa tajjeb, ġust u ta’ kwalità kummerċjabbli;

    (b)

    il-prodotti maħsuda ma jkunux denaturati;

    (c)

    ma hemm l-ebda impatt negattiv fuq l-ambjent jew kwalunkwe konsegwenza fitosanitarja negattiva li tirriżulta mill-intervent li għalih hija responsabbli l-organizzazzjoni tal-produtturi;

    (d)

    iż-żona ta’ kwalunkwe roqgħa vinji li tkun għaddiet minn ħsad bikri ma titqiesx meta jiġu kkalkulati l-limiti tar-rendiment stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-inbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew b’indikazzjoni ġeografika protetta;

    (e)

    b’deroga mill-paragrafi 2 u 4, fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fejn il-pjanti tal-frott u l-ħxejjex ikollhom perjodu ta’ ħsad ta’ aktar minn xahar, il-ħsad bikri jista’ jsir wara li jkun diġà beda l-ħsad normali u n-nuqqas ta’ ħsad jista’ jsir anki jekk il-produzzjoni kummerċjali tkun ittieħdet miż-żona kkonċernata matul iċ-ċiklu normali tal-produzzjoni. F’każijiet bħal dawn, il-kumpens finanzjarju għandu jikkumpensa biss il-produzzjoni li tinħasad fis-sitt ġimgħat ta’ wara l-operazzjoni ta’ ħsad bikri u ta’ nuqqas ta’ ħsad u li mhijiex kummerċjalizzata bħala riżultat ta’ tali operazzjonijiet. Dawk il-pjanti tal-frott u tal-ħxejjex ma għandhomx jintużaw għal finijiet ta’ produzzjoni ulterjuri fl-istess staġun ta’ tkabbir;

    (f)

    fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, ħlief għall-każ imsemmi fil-punt (e), l-interventi ta’ ħsad bikri u n-nuqqas ta’ ħsad ma jistgħux japplikaw simultanjament għall-istess prodott u għall-istess żona fi kwalunkwe sena partikolari.

    Artikolu 18

    Assigurazzjoni tal-ħsad u tal-produzzjoni

    Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu assigurazzjoni tal-ħsad u tal-produzzjoni bħala intervent fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma jistgħu jagħtu finanzjament nazzjonali addizzjonali biex jappoġġaw l-azzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-ħsad u tal-produzzjoni li jkunu qed jibbenefikaw mill-fond operazzjonali. L-appoġġ pubbliku totali ma għandux jaqbeż it-80 % tal-kost tal-premiums tal-assigurazzjoni mħallsa mill-produtturi għall-assigurazzjoni kontra t-telf.

    L-interventi tal-assigurazzjoni tal-ħsad u tal-produzzjoni ma għandhomx ikopru l-pagamenti tal-assigurazzjoni li jikkumpensaw lill-produtturi għal aktar minn 100 % tat-telf mġarrab fl-introjtu, filwaqt li jitqies kwalunkwe kumpens li l-produtturi jiksbu minn skemi oħrajn ta’ appoġġ jew ta’ assigurazzjoni relatati mar-riskju assigurat.

    Artikolu 19

    Irtirar mis-suq għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas

    Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi fil-forma ta’ “irtirar mis-suq għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas”, huma għandhom jiżguraw l-irtirar definittiv mis-suq ta’ ċertu prodott b’mod li ma jkunx jista’ jerġa’ jidħol fis-suq għal skopijiet ta’ ikel.

    Fil-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jistgħu biss jipprovdu interventi fil-forma ta’ “irtirar mis-suq għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas” fis-settur tal-frott u l-ħxejjex kif ukoll f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, rispettivament, u biss fir-rigward ta’ prodotti li jitħassru li ma jistgħux jinħażnu fit-tul fl-istadju kummerċjali normali tagħhom mingħajr tkessiħ.

    Fil-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri ma għandhomx jipprovdu interventi fil-forma ta’ “irtirar mis-suq għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas” fir-rigward ta’ prodotti tal-annimali u prodotti tas-settur taz-zokkor kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    Artikolu 20

    Ħżin kollettiv

    1.   Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi ta’ ħżin kollettiv kif imsemmi fl-Artikolu 47(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom jipprevedu l-irtirar temporanju ta’ prodott mis-suq f’perjodu ta’ ċerta pressjoni fis-suq, u jadottaw regoli biex jiżguraw li l-prodott jinħażen taħt ir-responsabbiltà tal-benefiċjarju f’kundizzjonijiet li jippreservaw il-valur kummerċjali normali tiegħu u b’rispett tar-regoli sanitarji applikabbli. Għall-prodotti b’ħajja qasira fuq l-ixkaffa fl-istadju frisk tagħhom, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-prodott jinħażen iffriżat jew f’forma pproċessata. Il-prodotti li għalihom ikun meħtieġ ċertu perjodu ta’ maturazzjoni fil-proċess normali tal-produzzjoni tagħhom, jew fejn dan il-proċess ta’ maturazzjoni jżid il-valur tal-prodott, ikunu eliġibbli biss għall-ħżin kollettiv ladarba jitlesta kompletament dak il-perjodu ta’ maturazzjoni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, għal kull prodott li għalih dan l-intervent huwa pprovdut fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, id-durata minima tal-ħżin u l-ammont massimu ta’ kumpens għal kull unità ta’ prodott u għal kull jum ta’ ħżin, kif ukoll il-kundizzjonijiet rilevanti tal-ħżin. L-ammont massimu li jista’ jiġi ffinanzjat mill-fond operazzjonali ma għandux ikun akbar mit-total tal-kost tal-ħżin fiżiku, fil-forma ffriżata jew ipproċessata fejn rilevanti, u l-kost finanzjarju minħabba l-immobilizzazzjoni tal-valur tal-prodott bil-prezzijiet attwali tas-suq. Dan l-ammont massimu ma għandux jinkludi l-kostijiet possibbli tal-iffriżar jew tal-ipproċessar jew l-iżvalutazzjoni possibbli tal-prodott. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll il-proċeduri ta’ kontroll, inklużi l-verifiki fuq il-post, biex jiżguraw in-nuqqas ta’ sostituzzjoni tal-prodotti kif ukoll ir-rispett tal-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-perjodu tal-ħżin.

    Taqsima 2

    Forom ta’ appoġġ u tipi ta’ nefqa

    Artikolu 21

    Forom ta’ appoġġ

    1.   Fis-setturi msemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri għandhom jipprevedu pagamenti ta’ appoġġ abbażi tal-kostijiet reali mġarrba mill-benefiċjarju, appoġġati minn dokumenti, bħal fatturi, sottomessi mill-benefiċjarji għall-implimentazzjoni ta’ intervent speċifikat fil-Pjan Strateġiku tal-PAK tagħhom.

    Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jipprevedu pagament tal-appoġġ abbażi ta’ rati fissi standard, skali tal-kostijiet unitarji jew somom f’daqqa. Meta jistabbilixxu dawk ir-rati fissi, l-iskali u s-somom f’daqqa, l-Istati Membri għandhom iqisu l-ispeċifiċitajiet reġjonali jew lokali u jibbażaw il-kalkolu tagħhom fuq evidenza dokumentarja li turi li l-kalkolu jirrifletti l-prezz tas-suq tal-operazzjonijiet jew tal-azzjonijiet koperti mill-intervent ikkonċernat.

    2.   Fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-ammonti massimi tan-nefqa u tal-kostijiet tal-kundizzjonament li jistgħu jitħallsu b’rabta mal-interventi rilevanti speċifikati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom stabbiliti fl-Annessi V u VII.

    3.   Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jipprevedu pagament tal-appoġġ fil-forma ta’ rati fissi standard, skali ta’ kostijiet unitarji jew somom f’daqqa, dawk għandhom jiġu rieżaminati perjodikament sabiex iqisu indiċjar jew bidla ekonomika.

    4.   Meta l-Istati Membri jużaw il-metodu ta’ kalkolu ġust, ekwitabbli u verifikabbli stabbilit skont l-Artikolu 44(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom iżommu l-evidenza dokumentarja kollha dwar l-istabbiliment ta’ rati fissi standard, l-iskali ta’ kostijiet unitarji jew somom f’daqqa u r-rieżami tagħhom kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

    5.   Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi fis-settur tal-inbid relatati mar-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji u investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

    (a)

    jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jikkalkolaw l-ammont tal-appoġġ abbażi tal-iskali standard tal-kostijiet unitarji bbażati fuq unità ta’ kejl tal-wiċċ, l-ammont għandu jikkorrispondi għall-wiċċ effettiv imkejjel f’konformità mal-Artikolu 42 ta’ dan ir-Regolament;

    (b)

    jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jikkalkolaw l-ammont tal-appoġġ abbażi ta’ skali standard ta’ kostijiet unitarji bbażati fuq unitajiet ta’ kejl oħrajn jew abbażi tal-kostijiet effettivi li jirriżultaw mid-dokumenti ta’ sostenn li għandhom jiġu ppreżentati mill-benefiċjarji, huma għandhom jistabbilixxu regoli dwar metodi ta’ kontroll xierqa sabiex jistabbilixxu l-firxa effettiva tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni.

    6.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għad-distillazzjoni ta’ prodotti sekondarji mill-produzzjoni tal-inbid imwettqa f’konformità mar-restrizzjonijiet stabbiliti fil-Parti II, it-Taqsima D, tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    Artikolu 22

    Tipi ta’ nefqa

    1.   It-tipi ta’ nefqa koperti mit-tipi ta’intervent imsemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2021/2115 ma għandhomx jikkumpensaw għat-taxxa fuq il-valur miżjud tan-nefqa eliġibbli mġarrba mill-benefiċjarju, għajr meta ma tkunx tista’ tiġi rkuprata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT.

    2.   It-tipi ta’ nefqa msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jinkludu t-tipi ta’ nefqa elenkati fl-Anness II.

    3.   It-tipi ta’ nefqa elenkati fl-Anness III għandhom jitqiesu eliġibbli mill-Istati Membri meta jiddefinixxu l-interventi rilevanti u jistgħu jiġu koperti mill-programmi operazzjonali jew kif speċifikat mill-Istati Membri fl-interventi rilevanti. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw tipi oħrajn ta’ nefqa eliġibbli fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom sakemm dawn ma jkunux elenkati fl-Anness II.

    4.   Fil-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li skonthom in-nefqiet marbuta mal-interventi msemmija fl-Artikoli 11 u 12 jistgħu jingħaddu bħala li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ 15 % u 2 % tan-nefqa taħt il-programmi operazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 50(7), il-punti (a) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2115, rispettivament, u ta’ 5 % tan-nefqa taħt l-interventi kif imsemmi fl-Artikolu 60(4) ta’ dak ir-Regolament. Tali kundizzjonijiet għandhom jiżguraw li dawn l-interventi jsegwu effettivament l-objettivi relatati stabbiliti fl-Artikoli 46 u 57 ta’ dak ir-Regolament, rispettivament, għas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-inbid.

    Artikolu 23

    Kostijiet amministrattivi u tal-persunal

    1.   Il-kostijiet tal-persunal imġarrba mill-benefiċjarju, mis-sussidjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 31(7) jew, soġġett għall-approvazzjoni ta’ Stat Membru, minn kooperattiva li hija membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi għandhom jitqiesu eliġibbli għall-appoġġ jekk jiġġarrbu b’rabta mat-tħejjija, mal-implimentazzjoni jew mas-segwitu ta’ intervent appoġġat partikolari.

    Dawn il-kostijiet tal-persunal għandhom jinkludu, inter alia, il-kostijiet tal-persunal ikkuntrattat mill-benefiċjarju u l-kostijiet li jikkorrispondu għas-sehem tas-sigħat tax-xogħol investiti fl-implimentazzjoni ta’ intervent mill-persunal permanenti tiegħu.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarju jissottometti dokumenti ta’ sostenn li jistabbilixxu d-dettalji tax-xogħol effettivament imwettaq fir-rigward tal-intervent partikolari u li l-valur tal-kost tal-persunal relatat jista’ jiġi vvalutat u vverifikat b’mod indipendenti. Il-valur tal-kost tal-persunal relatat ma’ intervent partikolari ma għandux jaqbeż il-kostijiet ġeneralment aċċettati fis-suq inkwistjoni għall-istess tip ta’ servizz.

    Sabiex jiġu ddeterminati l-kostijiet tal-persunal relatati mal-implimentazzjoni ta’ intervent mill-persunal permanenti tal-benefiċjarju, ir-rata fis-siegħa applikabbli tista’ tiġi kkalkulata bid-diviżjoni tal-kostijiet ta’ impjieg gross annwali ddokumentati l-aħħar tal-impjegati speċifiċi li ħadmu fl-implimentazzjoni tal-operazzjoni b’1 720 siegħa, jew fuq bażi pro rata fil-każ tal-impjegati part-time.

    Għall-interventi “promozzjoni, komunikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni” u “azzjonijiet ta’ komunikazzjoni” imsemmija fl-Artikolu 47(1), u (2), il-punt (f), u il-punt (l) tar-Regolament (UE) 2021/2115 u għall-azzjonijiet minn organizzazzjonijiet interprofessjonali u l-promozzjoni u l-komunikazzjoni mwettqa f’pajjiżi terzi kif imsemmi fl-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (i), (j) u (k) ta’ dak ir-Regolament, in-nefqa mħallsa għall-kostijiet amministrattivi u tal-persunal direttament imġarrba mill-benefiċjarji ma għandhomx jaqbżu l-50 % tal-kost globali tal-intervent.

    2.   Il-kostijiet amministrattivi mġarrba mill-benefiċjarju, mis-sussidjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 31(7) jew, soġġett għall-approvazzjoni ta’ Stat Membru, minn kooperattiva li hija membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi għandhom jitqiesu eliġibbli għall-appoġġ jekk jiġġarrbu b’rabta mat-tħejjija, mal-implimentazzjoni jew mas-segwitu ta’ intervent appoġġat partikolari.

    Il-kostijiet amministrattivi għandhom jitqiesu eliġibbli jekk ma jaqbżux l-4 % tal-kostijiet totali eliġibbli tal-intervent implimentat.

    Il-kostijiet tal-awditi esterni għandhom jitqiesu eliġibbli għall-appoġġ fejn tali awditi jitwettqu minn korp estern indipendenti u kwalifikat.

    3.   Fil-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu, għas-settur tal-frott u l-ħxejjex, għas-settur tal-ħops, għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jew għal setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2021/2115, rata fissa standard għall-kostijiet tal-persunal u dawk amministrattivi marbuta mal-ġestjoni tal-fond operazzjonali jew it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-programm operazzjonali sa massimu ta’ 2 % tal-fond operazzjonali approvat, li tinkludi kemm l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-grupp ta’ produtturi.

    KAPITOLU II

    Regoli speċifiċi applikabbli għas-settur tal-frott u l-ħxejjex, għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u għas-setturi l-oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115

    Taqsima 1

    Prodotti koperti u kostijiet tat-trasport

    Artikolu 24

    Prodotti koperti

    Huma biss il-prodotti li għalihom l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-grupp ta’ produtturi hija rikonoxxuta għandhom jiġu koperti mit-tip ta’ intervent dment il-valur tal-prodotti koperti mill-programm operazzjonali jammonta għal aktar minn 50 % tal-valur tal-prodotti kollha kkummerċjalizzati minn dik l-organizzazzjoni fis-settur kopert minn dak il-programm operazzjonali. Barra minn hekk, il-prodotti kkonċernati għandhom joriġinaw mill-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-membri produtturi ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi oħrajn.

    Artikolu 25

    Kostijiet tat-trasport u rekwiżit tal-kundizzjonament għad-distribuzzjoni bla ħlas

    1.   Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi fil-forma ta’ “irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas jew destinazzjonijiet oħra” msemmija fl-Artikolu 47(2), il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom jiffissaw il-kostijiet tat-trasport għad-distribuzzjoni bla ħlas tal-prodotti kollha rtirati mis-suq taħt il-programmi operazzjonali abbażi tal-iskala tal-kostijiet unitarji stabbilita skont id-distanza bejn il-post tal-irtirar u l-post tal-kunsinna għad-distribuzzjoni bla ħlas. Il-kostijiet tat-trasport sa distanza ta’ 750 km biss jistgħu jiġu rimborżati.

    2.   Il-kostijiet tat-trasport għandhom jitħallsu lill-parti li fil-fatt tħallas il-kost finanzjarju tal-operazzjoni tat-trasport inkwistjoni. Il-ħlas għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn li jiċċertifikaw, b’mod partikolari:

    (a)

    l-ismijiet tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali jew tal-grupp ta’ produtturi;

    (b)

    il-kwantità tal-prodotti kkonċernati;

    (c)

    l-aċċettazzjoni mir-riċevituri kif imsemmi fl-Artikolu 52(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115 u l-mezzi tat-trasport użati;

    (d)

    id-distanza bejn il-post tal-irtirar u l-post tal-kunsinna.

    3.   Il-kundizzjonament tal-prodotti rtirati mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas taħt il-programmi operazzjonali għandu jkun soġġett għal dan li ġej:

    (a)

    il-pakketti ta’ prodotti għad-distribuzzjoni bla ħlas ikollhom l-emblema tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 15(2), flimkien ma’ dikjarazzjoni waħda jew bosta dikjarazzjonijiet minn dawk stabbiliti fl-Anness IV; il-pagament huwa soġġett għall-preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn li jiċċertifikaw b’mod partikolari:

    (i)

    l-ismijiet tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali;

    (ii)

    il-kwantità tal-prodotti kkonċernati;

    (b)

    l-aċċettazzjoni mir-riċevituri kif imsemmi fl-Artikolu 52(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115, li tispeċifika l-preżentazzjoni.

    Taqsima 2

    Livell massimu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-irtirar mis-suq

    Artikolu 26

    Appoġġ

    1.   Għat-tip ta’ intervent “irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas jew destinazzjonijiet oħra” imsemmi fl-Artikolu 47(2), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, b’rabta mal-prodotti elenkati fl-Anness V, is-somma tal-kostijiet tat-trasport, il-kostijiet tal-kundizzjonament tal-prodotti rtirati għad-distribuzzjoni bla ħlas imsemmija fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament, miżjuda mal-ammont ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq, ma għandhiex taqbeż il-prezz medju tas-suq tal-“ex organizzazzjoni tal-produtturi” tal-prodott ikkonċernat fit-tliet snin ta’ qabel, inkluż wara l-ipproċessar fejn rilevanti.

    2.   Għat-tip ta’ intervent “irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas jew destinazzjonijiet oħra” imsemmi fl-Artikolu 47(2), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115 applikabbli għal prodotti għajr dawk elenkati fl-Anness V ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ammonti massimi ta’ appoġġ, li jinkludu l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, il-kontribuzzjoni nazzjonali fejn rilevanti u l-kontribuzzjoni mill-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi, f’livell li ma jaqbiżx il-40 % tal-prezzijiet medji tas-suq tal-“ex organizzazzjoni tal-produtturi” tal-ħames snin ta’ qabel fil-każ ta’ distribuzzjoni bla ħlas u f’livell li ma jaqbiżx it-30 % tal-prezzijiet medji tas-suq tal-“ex organizzazzjoni tal-produtturi” tal-ħames snin ta’ qabel għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas.

    3.   Meta l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew il-grupp ta’ produtturi jkun irċieva kumpens minn partijiet terzi għal prodotti rtirati, l-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jitnaqqas b’ammont ekwivalenti għall-kumpens riċevut. Sabiex ikunu eliġibbli għall-appoġġ, il-prodotti kkonċernati ma għandhomx jerġgħu jidħlu fis-suq kummerċjali.

    4.   Is-sehem tal-irtirar mis-suq, għajr għad-distribuzzjoni bla ħlas, ta’ kwalunkwe prodott partikolari ta’ kwalunkwe organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi mwettqa f’sena partikolari għandu jkun kif ġej:

    (a)

    ma għandux jaqbeż l-10 % tal-volum medju tal-produzzjoni kkummerċjalizzata minn dik l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew dak il-grupp ta’ produtturi matul it-tliet snin ta’ qabel;

    (b)

    u, għall-frott u l-ħxejjex, b’kollox, is-somma tal-perċentwali matul tliet snin konsekuttivi ma għandhiex taqbeż il-15 meta jiżdied is-sehem ikkalkulat f’konformità mal-punt (a) għas-sena attwali u l-ishma tal-irtirar mis-suq tas-sentejn preċedenti kkalkulati abbażi tal-volum rispettiv tal-produzzjoni kkummerċjalizzata minn dik l-organizzazzjoni tal-produtturi matul dawk is-sentejn preċedenti.

    Jekk l-informazzjoni dwar il-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal xi waħda mis-snin ta’ qabel jew għalihom kollha ma tkunx disponibbli, għandu jintuża l-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata li għaliha tkun ġiet rikonoxxuta l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew il-grupp ta’ produtturi.

    Madankollu, l-ammonti tal-irtirar għad-distribuzzjoni bla ħlas li jitneħħew b’wieħed mill-modi msemmija fl-Artikolu 52(6) tar-Regolament (UE) 2021/2115 jew kwalunkwe destinazzjoni ekwivalenti oħra approvata mill-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 27(2) ta’ dan ir-Regolament, ma għandhomx jitqiesu fis-sehem tal-irtirar mis-suq.

    5.   B’rabta mal-prodotti elenkati fl-Anness V, l-appoġġ għall-irtirar mis-suq, li jinkludi kemm l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi, ma għandux ikun aktar mill-ammonti stabbiliti f’dak l-Anness.

    L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni fil-każ tal-irtirar mis-suq ta’ frott u ħaxix li jitneħħa billi jiġi distribwit bla ħlas lill-organizzazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-karità msemmija fl-Artikolu 52(6) tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandha tkopri biss il-ħlas għall-prodotti mneħħija f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u l-kostijiet tal-kundizzjonament għandhom ikunu dawk imsemmija fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 27

    Destinazzjonijiet għall-prodotti rtirati

    1.   Meta, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri jinkludu interventi fil-forma ta’ “irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas jew destinazzjonijiet oħra” fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u f’setturi oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma għandhom jiddeterminaw id-destinazzjonijiet permissibbli għall-prodotti rtirati mis-suq u għandhom jiżguraw li ma jirriżulta l-ebda impatt negattiv fuq l-ambjent u lanqas kwalunkwe konsegwenza fitosanitarja negattiva mill-irtirar jew mid-destinazzjoni tiegħu.

    2.   Fuq talba ta’ organizzazzjonijiet, fondazzjonijiet jew istituzzjonijiet tal-karità kif imsemmi fl-Artikolu 52(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-organizzazzjonijiet, lill-fondazzjonijiet jew lill-istituzzjonijiet tal-karità biex jitolbu għal kontribuzzjoni mir-riċevituri finali tal-prodotti rtirati mis-suq.

    Meta l-organizzazzjonijiet, il-fondazzjonijiet jew l-istituzzjonijiet tal-karità msemmija fl-Artikolu 52(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115 ikkonċernati jkunu kisbu tali awtorizzazzjoni, huma għandhom iżommu kontijiet finanzjarji għall-operazzjoni inkwistjoni.

    L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-ħlas in natura mill-benefiċjarji tad-distribuzzjoni bla ħlas lil dawk li jipproċessaw il-prodotti, meta tali ħlas jikkumpensa biss il-kostijiet tal-ipproċessar u meta l-Istat Membru li fih isir il-ħlas ikun adotta regoli li jiżguraw li l-prodotti pproċessati jkunu maħsuba għall-konsum mir-riċevituri finali msemmija fit-tieni subparagrafu.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiffaċilitaw il-kuntatti u l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-karità kif imsemmi fl-Artikolu 52(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    3.   L-għoti tal-prodotti rtirati lill-industrija għall-ipproċessar fi prodotti mhux tal-ikel għandu jkun possibbli. L-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet dettaljati biex jiżguraw li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-industriji kkonċernati fl-Unjoni jew għall-prodotti importati u biex jiżguraw li l-prodotti rtirati ma jerġgħux jiddaħħlu fis-suq kummerċjali tal-ikel. L-alkoħol li jkun ġej mid-distillazzjoni għandu jintuża esklużivament għal skopijiet industrijali jew tal-enerġija.

    Artikolu 28

    Kundizzjonijiet għar-riċevituri tal-prodotti rtirati

    1.   Ir-riċevituri tal-prodotti rtirati għad-distribuzzjoni bla ħlas fis-setturi msemmija fl-Artikolu 42, il-punti (a), (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandhom jintrabtu li:

    (a)

    jikkonformaw mar-regoli dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    (b)

    iżommu rekords separati tal-ħażniet għall-operazzjonijiet tal-irtirar inkwistjoni;

    (c)

    jaċċettaw il-verifiki previsti fil-liġi tal-Unjoni u fil-liġi nazzjonali;

    (d)

    jipprovdu d-dokumenti ta’ sostenn dwar id-destinazzjoni finali ta’ kull wieħed mill-prodotti kkonċernati, fil-forma ta’ ċertifikat ta’ akkwiżizzjoni jew ta’ dokument ekwivalenti, li jiċċertifikaw li l-prodotti rtirati ġew akkwistati minn parti terza bl-għan li jiġu distribwiti bla ħlas.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li r-riċevituri ma jkollhomx għalfejn iżommu rekords kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, jekk jirċievu kwantitajiet taħt livell massimu li għandu jiġi determinat minnhom abbażi ta’ analiżi tar-riskju ddokumentata.

    2.   Ir-riċevituri tal-prodotti rtirati għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas għandhom jintrabtu li:

    (a)

    jikkonformaw mar-regoli dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    (b)

    iżommu rekords tal-ħażniet u kontijiet finanzjarji separati għall-operazzjonijiet inkwistjoni jekk l-Istat Membru jqis li dan huwa meħtieġ minkejja l-fatt li l-prodott ikun ġie denaturat qabel il-kunsinna;

    (c)

    jaċċettaw il-verifiki previsti fil-liġi tal-Unjoni u fil-liġi nazzjonali;

    (d)

    ma jitolbux għajnuna addizzjonali għall-alkoħol magħmul mill-prodotti kkonċernati fil-każ ta’ prodotti rtirati maħsuba għad-distillazzjoni.

    Artikolu 29

    Standard tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti rtirati

    1.   Prodott irtirat mis-suq għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas, fis-setturi msemmija fl-Artikoli 42, il-punti (a), (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandu jikkonforma mal-istandard u r-regoli rilevanti għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dak il-prodott kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ħlief ir-regoli dwar il-preżentazzjoni u l-immarkar tal-prodotti.

    Meta l-frott u l-ħxejjex jiġu rtirati fi kwantitajiet kbar, għandu jkun hemm konformità mar-rekwiżiti minimi għall-klassi II kif definit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (12).

    Madankollu, il-prodotti ta’ daqs żgħir mis-settur tal-frott u l-ħxejjex, kif definiti fl-istandard rilevanti, għandhom jikkonformaw mal-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni applikabbli, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-preżentazzjoni u l-immarkar tal-prodotti.

    2.   Jekk ma jkunx stipulat standard speċifiku ta’ kummerċjalizzazzjoni għal prodott partikolari ta’ frott jew ħxejjex, għandhom jiġu ssodisfati r-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness VI. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw regoli addizzjonali li jissupplimentaw dawk ir-rekwiżiti minimi.

    Taqsima 3

    Bażi għall-kalkolu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni

    Artikolu 30

    Valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal organizzazzjonijiet jew gruppi rikonoxxuti reċentement

    Meta, matul it-tliet snin wara r-rikonoxximent tagħha, data storika dwar il-produzzjoni kkummerċjalizzata għal organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew grupp ta’ produtturi fis-setturi msemmija fl-Artikolu 42, il-punti (a), (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115 ma tkunx disponibbli fit-tliet snin ta’ qabel, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw il-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata jew kummerċjabbli matul perjodu ta’ 12-il xahar konsekuttivi komunikata mill-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew il-grupp ta’ produtturi li għalihom l-organizzazzjoni kkonċernata jew il-grupp ta’ produtturi jistgħu juru għas-sodisfazzjon tal-Istat Membru li għandhom il-kapaċità reali biex jikkummerċjalizzawha f’isem il-membri produtturi tagħhom.

    Madankollu, jekk l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi ikunu kkomunikaw il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-fini tar-rikonoxximent tagħha, dan il-valur biss għandu jiġi aċċettat mill-Istat Membru.

    Artikolu 31

    Bażi għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata

    1.   Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal organizzazzjoni tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi fis-setturi msemmija fl-Artikolu 42, il-punti (a), (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-produzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi nnifisha/nnifsu u l-membri produtturi tagħha/tiegħu, li tkun tqiegħdet fis-suq minn din l-organizzazzjoni jew grupp, u għandha biss tinkludi l-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti li għalihom l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi ikunu rikonoxxuti. Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jista’ jinkludi prodotti li ma humiex meħtieġa li jikkonformaw mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, fejn dawk l-istandards ma japplikawx.

    Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-produzzjoni kkummerċjalizzata mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi nnifisha u mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri tagħha, u għandu jinkludi biss il-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti li għalihom hija rikonoxxuta l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi. Madankollu, meta jiġu approvati programmi operazzjonali għal assoċjazzjoni ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u separatament għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri tagħha, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata magħdud għall-programmi operazzjonali tal-membri ma għandux jitqies għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-assoċjazzjoni.

    Barra minn hekk, għas-setturi elenkati fl-Artikolu 42, il-punti (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jista’ wkoll jinkludi l-valur tal-produzzjoni koperta minn kuntratti nnegozjati mill-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi f’isem il-membri tagħhom.

    2.   Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jiġi kkalkulat fi stadju frisk jew fl-ewwel stadju tal-ipproċessar li fih il-prodott normalment jiġi kkummerċjalizzat, bl-ingrossa fejn il-prodotti jitħallew jiġu kkummerċjalizzati bl-ingrossa, u ma għandux jinkludi l-kost ta’ pproċessar ulterjuri jew ta’ kundizzjonament ulterjuri jew il-valur tal-prodotti pproċessati finali. Fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri għandhom jindikaw kif jiġi kkalkulat il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal kull settur.

    Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-frott u tal-ħxejjex maħsuba għall-ipproċessar, li ġew trasformati f’wieħed mill-prodotti tal-frott u tal-ħxejjex ipproċessati elenkati fl-Anness I, Parti X, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew fi kwalunkwe prodott ipproċessat ieħor imsemmi f’dan il-paragrafu, minn organizzazzjoni tal-produtturi, minn assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-membri produtturi jew mis-sussidjarji tagħhom li jikkonformaw mal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, jew minnhom infushom jew permezz ta’ esternalizzazzjoni, għandu jiġi kkalkulat bħala rata fissa f’perċentwal applikata għall-valur fatturat ta’ dawk il-prodotti pproċessati. Dik ir-rata fissa għandha tkun:

    (a)

    53 % għall-meraq tal-frott;

    (b)

    73 % għall-meraq ikkonċentrat;

    (c)

    77 % għall-konċentrat tat-tadam;

    (d)

    62 % għall-frott u għall-ħxejjex iffriżati;

    (e)

    48 % għall-frott u għall-ħxejjex tal-bott;

    (f)

    70 % għall-faqqiegħ tal-bott tal-Agaricus bisporus u faqqiegħ ieħor ikkultivat li huwa ppreservat fis-salmura;

    (g)

    81 % għall-frott ippreservat b’mod provviżorju fis-salmura;

    (h)

    81 % għall-frott imnixxef;

    (i)

    27 % għall-frott u għall-ħxejjex ipproċessati għajr dawk imsemmija fil-punti (a) sa (h);

    (j)

    12 % għall-ħxejjex aromatiċi pproċessati;

    (k)

    41 % għat-trab tal-paprika.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-benefiċjarju jinkludi l-valur tal-prodotti sekondarji fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata.

    4.   Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jinkludi l-valur tal-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas. Il-valur tal-irtirar għad-distribuzzjoni bla ħlas għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-prezz medju ta’ dawk il-prodotti kkummerċjalizzati mill-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi fil-perjodu kkonċernat.

    5.   Il-produzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-grupp ta’ produtturi, jew tal-membri produtturi tiegħu li hija kkummerċjalizzata minn dik l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew dak il-grupp ta’ produtturi għandha tingħadd fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata.

    Il-produzzjoni tal-membri produtturi tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi kkummerċjalizzata minn organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi oħra jew grupp ta’ produtturi ieħor deżinjat mill-organizzazzjoni tagħhom stess għandha tingħadd fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjoni, tal-assoċjazzjoni jew tal-grupp li kkummerċjalizza(t) l-produzzjoni. L-għadd doppju għandu jkun ipprojbit.

    6.   Ħlief fejn japplika l-paragrafu 7, il-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi għandha tiġi fatturata fl-istadju “ex organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi” lesta għall-kummerċjalizzazzjoni, ħlief:

    (a)

    il-VAT;

    (b)

    il-kostijiet tat-trasport intern għall-organizzazzjoni tal-produtturi, għall-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, għall-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, għall-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew għall-grupp ta’ produtturi.

    7.   Madankollu, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jista’ jiġi kkalkulat ukoll fl-istadju ta’ “ex sussidjarja”, fuq il-bażi stabbilita fil-paragrafu 6, dment li mill-inqas 90 % tal-ishma jew tal-kapital tal-kumpanija sussidjarja jkun proprjetà:

    (a)

    ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi; jew

    (b)

    ikun soġġett għall-approvazzjoni tal-Istati Membri, mill-membri produtturi tal-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi, jekk dan jikkontribwixxi għall-objettivi elenkati fl-Artikolu 152(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    8.   Fil-każ ta’ esternalizzazzjoni, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jiġi kkalkulat fl-istadju “ex organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi” u għandu jinkludi l-valur ekonomiku miżjud tal-attività li tkun ġiet esternalizzata mill-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi lill-membri tiegħu, lill-partijiet terzi jew lil sussidjarja għajr dik imsemmija fil-paragrafu 7.

    9.   Meta jseħħ tnaqqis fil-produzzjoni minħabba diżastru naturali, avveniment klimatiku, mard tal-pjanti jew tal-annimali jew infestazzjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara, kull indennifikazzjoni tal-assigurazzjoni li tingħata fir-rigward tal-azzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-ħsad jew tal-produzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, jew azzjonijiet ekwivalenti ġestiti mill-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-grupp ta’ produtturi, jew mill-membri produtturi tagħhom, minħabba dawk il-kawżi, tista’ tiġi inkluża fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar li fih fil-fatt titħallas.

    Artikolu 32

    Perjodu ta’ referenza u limitu massimu fuq l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw għal kull organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar, li ma għandux jibda qabel l-1 ta’ Jannar tas-sena li hija tliet snin qabel is-sena li għaliha tintalab l-għajnuna u li jintemm mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena li għaliha tintalab l-għajnuna.

    Il-perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar għandu jkun il-perjodu kontabilistiku tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi kkonċernat.

    Il-metodoloġija li biha jiġi stabbilit il-perjodu ta’ referenza ma għandhiex tvarja matul programm għajr f’sitwazzjonijiet debitament ġustifikati.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk il-limitu massimu għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-fond operazzjonali jiġix ikkalkulat kull sena, jew:

    (a)

    abbażi tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fil-perjodu ta’ referenza tal-produtturi li huma membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi fl-1 ta’ Jannar tas-sena li għaliha tkun qed tintalab l-għajnuna; jew

    (b)

    abbażi tal-valur reali tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fil-perjodu ta’ referenza kkonċernat tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi kkonċernat. F’dak il-każ, ir-regola għandha tapplika għall-benefiċjarji mhux transnazzjonali kollha f’dak l-Istat Membru.

    3.   Fejn għal prodott ikun hemm tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal sena partikolari fir-rigward tal-medja ta’ tliet perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar, għandu japplika dan li ġej:

    (a)

    jekk it-tnaqqis seħħ minħabba raġunijiet li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 65 % tal-valur medju fit-tliet perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar;

    (b)

    jekk it-tnaqqis seħħ minħabba diżastri naturali, eventi klimatiċi, mard tal-pjanti jew infestazzjonijiet ta’ pesti li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 85 % tal-valur medju fit-tliet perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar.

    Fiż-żewġ każijiet, l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew il-grupp ta’ produtturi għandhom jagħtu prova lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li dawk ir-raġunijiet ma kinux jaqgħu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tiegħu.

    Meta l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew il-grupp ta’ produtturi jagħtu prova lill-Istat Membru kkonċernat li dawk ir-raġunijiet ma kinux jaqgħu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tiegħu u li ħadu l-miżuri preventivi meħtieġa, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 100 % tal-valur medju totali tiegħu fit-tliet perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar.

    KAPITOLU III

    Settur tal-frott u l-ħxejjex

    Artikolu 33

    Kostijiet tal-kundizzjonament għad-distribuzzjoni bla ħlas

    Il-pagamenti tan-nefqa lill-organizzazzjoni tal-produtturi, lill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, lill-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, lill-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi relatata mal-kostijiet tal-kundizzjonament tal-frott u l-ħxejjex irtirati mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas taħt il-programmi operazzjonali huma stabbiliti fl-Anness VII.

    Artikolu 34

    Kalkolu tal-grad ta’ organizzazzjoni tal-produtturi għall-finijiet tal-assistenza finanzjarja nazzjonali

    1.   Meta jiġi ddeterminat il-livell tal-assistenza finanzjarja nazzjonali fis-settur tal-frott u l-ħxejjex f’konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2021/2115, il-grad ta’ organizzazzjoni f’reġjun ta’ Stat Membru għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-valur tal-frott u l-ħxejjex prodotti fir-reġjun ikkonċernat u kkummerċjalizzati mill-organizzazzjonijiet u għandu biss jinkludi dawk il-prodotti li għalihom dawk l-organizzazzjonijiet huma rikonoxxuti. L-Artikolu 31 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mutatis mutandis.

    2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom jitqiesu biss il-frott u l-ħxejjex prodotti fir-reġjun imsemmi fil-paragrafu 3.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-reġjuni bħala parti distinta mit-territorju nazzjonali tagħhom f’konformità ma’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, bħall-karatteristiċi agronomiċi u ekonomiċi tagħhom u l-potenzjal agrikolu jew tal-frott u l-ħxejjex reġjonali tagħhom, jew l-istruttura istituzzjonali jew amministrattiva tagħhom u li għalihom hemm data disponibbli sabiex jiġi kkalkulat il-grad ta’ organizzazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.

    Il-lista ta’ reġjuni stabbilita minn Stat Membru ma għandhiex tiġi emendata għal mill-inqas ħames snin sakemm tali emenda ma tkunx oġġettivament ġustifikata, b’mod partikolari għal raġunijiet li mhumiex relatati mal-kalkolu tal-grad ta’ organizzazzjoni tal-produtturi fir-reġjun jew fir-reġjuni kkonċernati.

    4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena bil-lista tar-reġjuni li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 53(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/2115, u bl-ammont ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali mogħtija lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi f’dawk ir-reġjuni.

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe emenda fil-lista tar-reġjuni.

    5.   Organizzazzjoni tal-produtturi li tixtieq tapplika għall-assistenza finanzjarja nazzjonali għandha, jekk ikun meħtieġ, temenda l-programm operazzjonali tagħha.

    Artikolu 35

    Medja ta’ tliet snin għall-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas

    1.   Il-limitu ta’ 5 % tal-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata msemmi fl-Artikolu 52(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi tal-medja tal-volumi globali ta’ prodotti li għalihom tkun rikonoxxuta l-organizzazzjoni tal-produtturi u li jkunu kkummerċjalizzati permezz tal-organizzazzjoni tal-produtturi matul it-tliet snin preċedenti.

    2.   Għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jkunu ġew rikonoxxuti reċentement, id-data għas-snin tal-kummerċjalizzazzjoni qabel ir-rikonoxximent għandha tkun:

    (a)

    f’każ li l-organizzazzjoni kienet grupp tal-produtturi, id-data ekwivalenti għal dak il-grupp tal-produtturi; jew

    (b)

    il-volum applikabbli għall-applikazzjoni għar-rikonoxximent.

    KAPITOLU IV

    Settur tal-apikultura

    Artikolu 36

    Definizzjoni ta’ doqqajs

    Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, it-terminu “doqqajs” ifisser l-unità li jkun fiha l-kolonja tan-naħal tal-għasel użata għall-produzzjoni tal-għasel u prodotti oħrajn tal-apikultura jew materjal għat-trobbija tan-naħal tal-għasel, u l-elementi kollha meħtieġa għas-sopravivenza tagħha.

    Artikolu 37

    Metodu għall-kalkolu tal-għadd ta’ doqqajs

    L-għadd ta’ doqqajs lesti għax-xitwa fit-territorju tal-Istati Membri bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru għandu jiġi kkalkulat kull sena skont metodu affidabbli stabbilit fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.

    Artikolu 38

    Notifika tal-għadd ta’ doqqajs

    In-notifika annwali tal-għadd ta’ doqqajs imsemmi fl-Artikolu 55(7) tar-Regolament (UE) 2021/2115 kif ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 37 ta’ dan ir-Regolament, għandha ssir sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena, mill-2023 ’il quddiem.

    Artikolu 39

    Kontribuzzjoni minima tal-Unjoni

    Il-kontribuzzjoni minima tal-Unjoni għan-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tat-tipi ta’ intervent fis-settur tal-apikultura msemmija fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2021/2115 u speċifikata mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għandha tkun ta’ 30 %.

    KAPITOLU V

    Settur tal-inbid

    Artikolu 40

    Benefiċjarji

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu liema operaturi jistgħu jibbenefikaw minn interventi fis-settur tal-inbid speċifikati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom. Dawk l-operaturi għandhom jinkludu l-benefiċjarji kif imsemmi fil-paragrafi 2, 3 u 4 kif ukoll l-organizzazzjonijiet professjonali, l-organizzazzjoni tal-produtturi tal-inbid, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-inbid, l-assoċjazzjonijiet temporanji jew permanenti ta’ żewġ produtturi tal-inbid jew aktar u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li dawk li jkabbru d-dwieli jkunu l-uniċi benefiċjarji tat-tipi ta’ intervent “ristrutturar u konverżjoni tal-vinji”, “ħsad bikri” u “assigurazzjoni tal-ħsad” imsemmija fl-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (c) u (d), tar-Regolament (UE) 2021/2115, rispettivament.

    3.   Korp irregolat mil-liġi pubblika ma jistax jibbenefika minn appoġġ taħt it-tipi ta’ intervent fis-settur tal-inbid. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li korp irregolat mil-liġi pubblika jibbenefika mill-appoġġ:

    (a)

    għall-azzjonijiet implimentati minn organizzazzjonijiet interprofessjonali kif imsemmi fl-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (i) u (j), tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (b)

    għal azzjonijiet ta’ informazzjoni u għall-promozzjoni u l-komunikazzjoni mwettqa f’pajjiżi terzi kif imsemmi fl-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (h) u (k), tar-Regolament (UE) 2021/2115, dment li ma jkunx l-uniku benefiċjarju tal-appoġġ mogħti fir-rigward ta’ dawk l-interventi.

    4.   Il-kumpaniji privati jistgħu jkunu benefiċjarji għall-promozzjoni u l-komunikazzjoni mwettqa f’pajjiżi terzi kif imsemmi fl-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (k), tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    5.   Ma għandu jingħata l-ebda appoġġ lill-produtturi li jkabbru taħwil illegali u żoni mħawlin b’vinji mingħajr awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    Artikolu 41

    Tħawwil mill-ġdid tal-vinji għal raġunijiet ta’ saħħa jew fitosanitarji

    In-nefqa annwali mħallsa mill-Istati Membri għall-appoġġ lill-interventi speċifikati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom b’rabta mat-tħawwil mill-ġdid tal-vinji wara l-qlugħ obbligatorju ma għandhiex taqbeż il-15 % tan-nefqa annwali totali fuq ir-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji skont l-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115 imħallsa mill-Istat Membru kkonċernat matul kwalunkwe sena finanzjarja partikolari.

    Il-kostijiet tal-qlugħ u l-kumpens tal-introjtu mitluf ma għandhomx jikkostitwixxu nefqa eliġibbli taħt dan it-tip ta’ intervent.

    Artikolu 42

    Żona mħawla

    1.   Għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115, żona mħawla bi dwieli hija definita mill-perimetru estern tal-istokkijiet tad-dwieli biż-żieda ta’ lqugħ li l-wisa’ tiegħu tikkorrispondi għal nofs id-distanza bejn ir-ringieli.

    2.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li jivverifika l-kostijiet eliġibbli tal-operazzjonijiet għar-ristrutturar u għall-konverżjoni tal-vinji u l-ħsad bikri esklużivament abbażi ta’ skali standard ta’ kostijiet unitarji bbażati fuq unitajiet ta’ kejl differenti mill-wiċċ jew ta’ dokumenti ta’ sostenn li jridu jiġu ppreżentati mill-benefiċjarji, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jkejlux iż-żona mħawla kif stabbilit fil-paragrafu 1.

    KAPITOLU VI

    Settur tal-ħops

    Artikolu 43

    Assistenza finanzjarja tal-Unjoni

    L-assistenza finanzjarja massima tal-Unjoni li għandha tiġi allokata lil kull organizzazzjoni jew assoċjazzjoni tal-produtturi, kif imsemmi fl-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandha tiġi kkalkulata pro rata abbażi taż-żoni eliġibbli tal-ħops tal-membri produtturi tagħha. Sabiex ikunu eliġibbli, iż-żoni tal-ħops għandhom ikunu ġew miżrugħa b’densità uniformi ta’ mill-inqas 1 500 pjanta għal kull ettaru fil-każ ta’ trabbit doppju għax-xeblik, jew mill-inqas 2 000 pjanta għal kull ettaru fil-każ ta’ trabbit singolu għax-xeblik.

    Iż-żoni għandhom jinkludu biss iż-żoni delimitati minn linja li tgħaqqad il-wajers ta’ barra li jżomm l-arbli. Fejn fuq dik il-linja jkun hemm il-pjanti tal-ħops, tista’ tiżdied ma’ kull naħa ta’ dik iż-żona strippa addizzjonali b’wisa’ li tikkorrispondi mal-wisa’ medja ta’ passaġġ f’dik ir-roqgħa. L-istrippa addizzjonali ma għandhiex tagħmel parti minn passaġġ bi dritt pubbliku ta’ aċċess. Iż-żewġ strixxi tat-truf tar-ringieli tal-ħops li huma meħtieġa għall-manuvrar ta’ makkinarju agrikolu jistgħu jiġu inklużi fiż-żona, sakemm it-tul tal-ebda strixxa ma jkun aktar minn tmien metri twil u sakemm dawn jingħaddu darba biss, u li ma jifformawx parti minn passaġġ bi dritt pubbliku ta’ aċċess.

    Iż-żoni ma għandhomx jinkludu żoni mħawla bi pjanti tal-ħops żgħar imkabbra prinċipalment bħala prodotti tal-kultivazzjoni.

    KAPITOLU VII

    Settur tal-bhejjem

    Artikolu 44

    Ripopolazzjoni bil-bhejjem wara qtil obbligatorju għal raġunijiet tas-saħħa jew minħabba telf li jirriżulta minn diżastri naturali

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tip ta’ intervent “ripopolazzjoni bil-bhejjem wara qtil obbligatorju għal raġunijiet tas-saħħa jew minħabba telf li jirriżulta minn diżastri naturali” kif imsemmi fl-Artikolu 47(2), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2021/2115, jiġi implimentat biss meta jkunu ttieħdu miżuri ta’ kontroll f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

    2.   In-nefqa għar-ripopolazzjoni tal-bhejjem ma għandhiex taqbeż l-20 % tan-nefqa totali fl-ambitu tal-programmi operazzjonali.

    TITOLU IV

    REKWIŻITI ADDIZZJONALI GĦAL ĊERTI TIPI TA’ INTERVENT FL-IŻVILUPP RURALI

    Artikolu 45

    Konservazzjoni, użu sostenibbli u żvilupp tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija

    1.   L-Istati Membri li, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom jinkludu interventi relatati mal-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-iżvilupp tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija kif imsemmi fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jistgħu jipprovdu appoġġ biss bħala:

    (a)

    impenji agroambjentali klimatiċi għall-preservazzjoni tar-razez fil-periklu fl-azjendi agrikoli u tal-varjetajiet ta’ pjanti mhedda minn erożjoni ġenetika; jew

    (b)

    appoġġ għal attivitajiet rigward il-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-iżvilupp tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija.

    L-attivitajiet koperti mit-tip ta’ impenji agroambjentali klimatiċi msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ skont il-punt (b) ta’ dak is-subparagrafu.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impenji agroambjentali klimatiċi għall-preservazzjoni tar-razez fil-periklu fl-azjendi agrikoli u varjetajiet ta’ pjanti mhedda minn erożjoni ġenetika, imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għandhom jeħtieġu:

    (a)

    li jrabbu annimali tar-razzett ta’ razez lokali, rikonoxxuti minn Stat Membru li huma fil-periklu, ġenetikament addattati għal ambjent jew sistema ta’ produzzjoni tradizzjonali wieħed/waħda jew aktar f’dak l-Istat Membru, fejn l-istatus fil-periklu jkun xjentifikament stabbilit minn korp li jkollu l-ħiliet u l-għarfien meħtieġa fil-qasam tar-razez fil-periklu, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (24), tar-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14); jew

    (b)

    li jiġu ppreservati r-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti adattati b’mod naturali għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali u li jinsabu taħt theddida ta’ erożjoni ġenetika.

    3.   L-ispeċijiet li ġejjin ta’ annimali tar-razzett ta’ razez lokali msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), jistgħu jkunu eliġibbli għall-appoġġ:

    (a)

    frat;

    (b)

    nagħaġ;

    (c)

    mogħoż;

    (d)

    ekwidi (Equus caballus u Equus asinus);

    (e)

    qżieqeż;

    (f)

    għasafar;

    (g)

    fniek;

    (h)

    naħal.

    4.   L-Istati Membri għandhom iqisu biss bħala eliġibbli għall-appoġġ ir-razez lokali msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), jekk ikun hemm konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    fil-livell nazzjonali jiġi ddikjarat l-għadd ta’ nisa għat-tnissil ikkonċernat;

    (b)

    soċjetà tat-tnissil rilevanti debitament rikonoxxut tirreġistra u żżomm aġġornat il-ktieb tal-merħla jew tal-qatgħa għat-tgħammir għar-razza.

    5.   L-Istati Membri għandhom iqisu r-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), bħala li qegħdin fil-periklu ta’ erożjoni ġenetika bil-kundizzjoni li tiġi pprovduta biżżejjed evidenza ta’ erożjoni ġenetika, ibbażata fuq riżultati xjentifiċi jew indikaturi għat-tnaqqis tar-razez lokali jew tal-varjetajiet lokali primittivi, id-diversità fil-popolazzjonijiet tagħhom u, fejn rilevanti, għat-tibdil fil-prattiċi agrikoli prevalenti fuq livell lokali.

    6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operazzjonijiet għall-konservazzjoni, għall-użu sostenibbli u għall-iżvilupp ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija, imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), jinkludu dan li ġej:

    (a)

    azzjonijiet immirati li jippromwovu l-konservazzjoni, il-karatterizzazzjoni, il-ġbir u l-użu in situ u ex situ ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija, inklużi inventarji bbażati fuq l-web ta’ riżorsi ġenetiċi attwalment ikkonservati in situ, inkluż il-konservazzjoni fl-azjenda agrikola jew fl-azjenda tal-foresta, u kollezzjonijiet u bażijiet tad-data ex situ;

    (b)

    azzjonijiet miftiehma li jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni għall-konservazzjoni, għall-karatterizzazzjoni, għall-ġbir u għall-użu ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura jew fil-forestrija tal-Unjoni bejn l-organizzazzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri;

    (c)

    azzjoni ta’ akkumpanjament: informazzjoni, disseminazzjoni, pariri, taħriġ, u tħejjija ta’ rapporti tekniċi, li jinvolvu organizzazzjoni nongovernattivi u partijiet ikkonċernati oħrajn.

    7.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “konservazzjoni in situ” fl-agrikoltura tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku fl-ekosistemi u l-ħabitats naturali u ż-żamma u l-irkupru ta’ popolazzjoni vijabbli ta’ speċijiet jew razez selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom u, fil-każ ta’ razez tal-annimali domestikati jew speċijiet ta’ pjanti kkultivati, fl-ambjent tat-trobbija fejn ikunu żviluppaw il-proprjetajiet distinti tagħhom;

    (b)

    “konservazzjoni in situ” fil-forestrija tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku fl-ekosistemi u l-ħabitats naturali u ż-żamma u l-irkupru ta’ popolazzjoni vijabbli ta’ speċijiet fl-ambjent naturali tagħhom;

    (c)

    “konservazzjoni fl-azjenda agrikola jew fl-azjenda tal-foresta” tfisser il-konservazzjoni u l-iżvilupp in situ fil-livell tal-azjenda agrikola jew tal-azjenda tal-foresta;

    (d)

    “konservazzjoni ex situ” tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku għall-agrikoltura jew il-forestrija barra mill-ħabitat naturali tiegħu;

    (e)

    “ġbir ex situ” tfisser il-ġbir ta’ materjal ġenetiku għall-agrikoltura jew għall-forestrija miżmum barra mill-ħabitat naturali tiegħu.

    Artikolu 46

    Trattament xieraq tal-annimali

    L-Istati Membri li, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom jinkludu interventi relatati ma’ impenji għat-trattament xieraq tal-annimali imsemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandhom jiżguraw li l-impenji għat-trattament xieraq tal-annimali jipprovdu standards aġġornati tal-metodi ta’ produzzjoni f’mill-inqas wieħed mill-oqsma li ġejjin:

    (a)

    l-ilma, l-għalf u l-kura tal-annimali f’konformità mal-ħtiġijiet naturali tal-annimali;

    (b)

    il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni li jtejbu l-kumdità tal-annimali u l-libertà ta’ moviment tagħhom, bħal żieda fil-konċessjonijiet ta’ spazju, superfiċi tal-art, dawl naturali, kontroll tal-mikroklima, kif ukoll kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni bħall-ħlas fil-miftuħ jew l-akkomodazzjoni fi gruppi, skont il-ħtiġijiet naturali tal-annimali;

    (c)

    il-kundizzjonijiet li jippermettu espressjoni ta’ mġiba naturali, bħall-arrikkiment tal-ambjent tal-għajxien jew il-ftim tard;

    (d)

    aċċess u ragħa fil-beraħ;

    (e)

    prattiki li jżidu r-robustezza u t-tul tal-ħajja tal-annimali, inklużi razez li jikbru aktar bil-mod;

    (f)

    prattiki biex tiġi evitata l-mutilazzjoni jew il-kastrazzjoni tal-annimali. F’każijiet speċifiċi meta l-mutilazzjoni jew il-kastrazzjoni tal-annimali titqies meħtieġa, għandhom jintużaw anestetiċi, analġeżija u medikazzjoni antiinfjammatorja jew immunokastrazzjoni;

    (g)

    miżuri sanitarji, li jipprevjenu l-mard mhux trażmissibbli, li ma jeħtiġux l-użu ta’ sustanzi mediċi bħal vaċċini, insettiċidi jew mediċini kontra l-parassiti.

    Artikolu 47

    Skemi tal-kwalità

    L-Istati Membri, li fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom jinkludu interventi relatati ma’ skemi tal-kwalità, imsemmija fl-Artikolu 77(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandhom jiżguraw li l-iskemi tal-kwalità nazzjonali rikonoxxuti jkopru:

    (a)

    skemi ta’ kwalità, inklużi skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-azjendi agrikoli, għal prodotti agrikoli, il-qoton jew oġġetti tal-ikel, rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

    (i)

    l-ispeċifiċità tal-prodott finali taħt dawn l-iskemi tirriżulta minn obbligi ċari biex jiġi ggarantit kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

    il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott,

    il-metodi speċifiċi tal-biedja jew tal-produzzjoni, jew

    kwalità tal-prodott finali li teċċedi b’mod sinifikanti l-istandards tal-komoditajiet kummerċjali fir-rigward tas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali jew il-protezzjoni ambjentali;

    (ii)

    l-iskema tkun miftuħa għall-produtturi kollha;

    (iii)

    l-iskema tinvolvi speċifikazzjonijiet vinkolanti tal-prodotti, u l-konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet tkun ivverifikata mill-awtoritajiet pubbliċi jew minn korp ta’ spezzjoni indipendenti;

    (iv)

    l-iskema tkun trasparenti u tiżgura traċċabbiltà totali tal-prodotti;

    (b)

    l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għall-prodotti agrikoli rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala li jissodisfaw il-linji gwida tal-aqwa prattiki tal-Unjoni għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji msemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2010 bit-titlu “Linji gwida tal-aqwa prattiki tal-UE għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel” (15) relatati ma’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.

    TITOLU V

    REGOLI DWAR il-PROPORZJON GĦALL-ISTANDARD 1 TAL-KAAT

    Artikolu 48

    Regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-KAAT

    1.   Għaż-żamma ta’ bwar permanenti b’rabta mal-istandard 1 tal-KAAT kif elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proporzjon ta’ bwar permanenti b’rabta maż-żona agrikola ma jonqosx b’aktar minn 5 % meta mqabbel ma’ proporzjon ta’ referenza li jrid jiġi stabbilit minn kull Stat Membru fil-Pjan Strateġiku tal-PAK tiegħu permezz tad-diviżjoni tal-erja ta’ bwar permanenti bl-erja agrikola totali.

    Bl-għan li jiġi stabbilit il-proporzjon ta’ referenza msemmi fil-ewwel subparagrafu:

    (a)

    “erja ta’ bwar permanenti” tfisser bwar permanenti ddikjarati fl-2018 f’konformità mal-Artikolu 72(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) minn bdiewa li jirċievu pagamenti diretti, u determinata kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (23) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 (17), aġġustata fejn meħtieġ mill-Istati Membri biex tqis l-impatt ta’ bidla possibbli, b’mod partikolari fid-definizzjoni ta’ bwar permanenti li trid tiġi stabbilita mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 4(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (b)

    “erja agrikola totali” tfisser l-erja agrikola ddikjarata fl-2018 f’konformità mal-Artikolu 72(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 minn bdiewa li jirċievu pagamenti diretti, u determinata kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (23) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014, aġġustata fejn meħtieġ mill-Istati Membri, b’mod partikolari biex tqis l-impatt ta’ bidla possibbli fid-definizzjoni ta’ erjas agrikoli li trid tiġi stabbilita mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 4(3), tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    2.   Il-proporzjon ta’ bwar permanenti għandu jiġi stabbilit kull sena abbażi tal-erjas iddikjarati għal dik is-sena mill-benefiċjarji li jirċievu pagamenti diretti skont it-Titolu III, il-Kapitolu II, tar-Regolament (UE) 2021/2115 jew il-pagamenti annwali skont l-Artikoli 70, 71 u 72 ta’ dak ir-Regolament skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

    L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-proporzjon ta’ bwar permanenti u l-proporzjon ta’ referenza fil-livell nazzjonali, reġjonali, sottoreġjonali, ta’ grupp ta’ azjendi agrikoli jew ta’ azjenda agrikola.

    3.   Fejn jiġi stabbilit li l-proporzjon imsemmi fil-paragrafu 2 naqas b’aktar minn 5 % fil-livell li fih jiġi implimentat l-istandard 1 tal-KAAT, l-Istat Membru kkonċernat għandu jimponi obbligi fil-livell tal-azjenda agrikola biex l-art terġa’ tiġi kkonvertita fi bwar permanenti jew tiġi stabbilita erja ta’ bwar permanenti għal xi wħud mill-bdiewa jew għall-bdiewa kollha li għandhom art għad-dispożizzjoni tagħhom li ġiet ikkonvertita minn bwar permanenti f’art għal użi oħrajn matul perjodu fl-imgħoddi.

    Madankollu, meta l-erja ta’ bwar permanenti f’sena partikolari tinżamm f’termini assoluti fi ħdan 0,5 % tal-erjas ta’ bwar permanenti stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (a), l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, għandu jitqies li jkun ġie rispettat.

    4.   Il-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, ma għandux japplika meta t-tnaqqis taħt il-livell limitu ta’ 5 % ikun ir-riżultat ta’ impenji meħuda jew obbligi, kif imsemmi fl-Artikolu 4(4), il-punti (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2115 li minħabba fihom attività agrikola ma tkunx għadha titwettaq fiż-żoni inkwistjoni, u li ma jinkludux pjantaġġuni tas-siġar tal-Milied jew kultivazzjoni ta’ għelejjel jew siġar għall-produzzjoni tal-enerġija.

    5.   Għall-fini tal-kalkolu tal-proporzjon imsemmi fil-paragrafu 2, iż-żoni konvertiti mill-ġdid fi bwar permanenti jew stabbiliti bħala bwar permanenti f’konformità mal-paragrafu 3, jew stabbiliti bħala bwar permanenti bħala parti mill-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-istandard 1 tal-KAAT, għandhom jitqiesu bħala bwar permanenti mill-ewwel jum tal-konverżjoni mill-ġdid jew tal-istabbiliment. Dawk iż-żoni għandhom jintużaw għat-tkabbir ta’ ħxejjex jew foraġġ erbaċew ieħor f’konformità mad-definizzjoni prevista fl-Artikolu 4(3), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2021/2115, mill-inqas ta’ ħames snin konsekuttivi wara l-konverżjoni mill-ġdid jew l-istabbiliment, jew għal żoni diġà użati għat-tkabbir ta’ ħxejjex jew foraġġ erbaċew ieħor, għan-numru ta’ snin li jifdal biex jilħqu l-ħames snin konsekuttivi.

    TITOLU VI

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 49

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

    (3)  https://www.unodc.org/unodc/en/treaties/single-convention.html

    (4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).

    (6)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/62/KE tal-20 ta’ Ġunju 2008 li tipprevedi ċerti derogi għall-approvazzjoni ta’ landraces (tipi partikolari) u varjetajiet agrikoli li huma adattati b’mod naturali għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali u mhedda minn tagħwir ġenetiku, u t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa u patata taż-żerriegħa ta’ dawk il-landraces u varjetajiet (ĠU L 162, 21.6.2008, p. 13).

    (7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

    (8)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (ĠU L 177, 5.6.2020, p. 32).

    (10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 821/2014 tat-28 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-arranġamenti dettaljati għat-trasferiment u l-immaniġġar ta’ kontribuzzjonijiet tal-Programm, ir-rappurtar dwar strumenti finanzjarji, il-karatteristiċi tekniċi tal-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni għal operazzjonijiet u s-sistema biex tiġi rreġistrata u tinħażen id-data (ĠU L 223, 29.7.2014, p. 7).

    (11)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).

    (12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).

    (13)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 66).

    (15)  ĠU C 341, 16.12.2010, p. 5.

    (16)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

    (17)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 48).

    (18)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-ġestjoni finanzjarja u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187).


    ANNESS I

    Metodu tal-Unjoni għall-verifika tal-varjetajiet tal-qanneb u għad-determinazzjoni kwantitattiva tal-kontenut ta’ Δ9-tetraidrokannabinol fil-varjetajiet tal-qanneb imsemmija fl-Artikolu 3

    1.   Kamp ta’ applikazzjoni

    Il-metodu stabbilit f’dan l-Anness ifittex li jiddetermina l-kontenut ta’ Δ9-tetraidrokannabinol (minn hawn ’il quddiem “il-kontenut ta’ THC”) tal-varjetajiet tal-qanneb (Cannabis sativa L.). Kif xieraq, il-metodu jinvolvi l-applikazzjoni tal-proċedura A jew B kif deskritt f’dan l-Anness.

    Il-metodu huwa bbażat fuq id-determinazzjoni kwantitattiva tat-THC permezz tal-kromatografija b’fażi gassuża (GC) wara l-estrazzjoni b’solvent xieraq.

    1.1.   Proċedura A

    Il-Proċedura A għandha tintuża għall-verifiki fuq il-produzzjoni tal-qanneb, fejn il-kampjun ta’ kontroll għall-verifiki fuq il-post imwettqa kull sena jkopri mill-inqas 30 % taż-żoni ddikjarati għall-produzzjoni tal-qanneb f’konformità mal-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    1.2.   Proċedura B

    Il-Proċedura B għandha tintuża meta Stat Membru jintroduċi sistema ta’ approvazzjoni minn qabel għall-kultivazzjoni tal-qanneb, u l-livell minimu għall-verifiki fuq il-post ikopri mill-inqas 20 % taż-żoni ddikjarati għall-produzzjoni tal-qanneb f’konformità mal-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    2.   Kampjunar

    2.1.   Kundizzjonijiet għat-teħid tal-kampjuni

    Il-kampjuni għandhom jittieħdu matul il-jum skont mudell sistematiku biex jiġi żgurat li l-kampjun ikun rappreżentattiv tal-għalqa, iżda esklużi t-trufijiet tal-għalla.

    2.1.1.   Proċedura A:

    minn wiċċ tar-raba’ mhux maħsud ta’ varjetà partikolari tal-qanneb, għandha tittieħed biċċa twila 30 cm li jkun fiha tal-inqas inflorexxenza femminili waħda għal kull pjanta magħżula. Il-kampjunar għandu jitwettaq matul il-perjodu li jibda minn 20 jum wara l-bidu tal-fjoritura sa għaxart ijiem wara t-tmiem tal-fjoritura.

    L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-kampjunar li għandu jitwettaq matul il-perjodu mill-bidu tal-fjoritura sa 20 jum wara l-bidu tal-fjoritura diment li, għal kull varjetà mkabbra, jittieħdu kampjuni rappreżentattivi oħrajn f’konformità mal-ewwel paragrafu matul il-perjodu minn 20 jum wara l-bidu tal-fjoritura sa għaxart ijiem wara t-tmiem tal-fjoritura.

    Għall-qanneb ikkultivat bħala għalla tat-titwiq, fin-nuqqas ta’ inflorexxenzi femminili, għandhom jittieħdu t-30 cm ta’ fuq taz-zokk tal-pjanta. F’dak il-każ, il-kampjunar għandu jitwettaq eżatt qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ veġetazzjoni, ladarba l-weraq jibda jisfar, madankollu mhux aktar tard mill-bidu ta’ perjodu previst ta’ ġlata.

    2.1.2.   Proċedura B:

    minn wiċċ tar-raba’ mhux maħsud ta’ varjetà partikolari tal-qanneb, għandu jittieħed it-terz ta’ fuq ta’ kull pjanta magħżula. Il-kampjunar għandu jitwettaq matul l-għaxart ijiem wara t-tmiem tal-fjoritura jew, għall-qanneb ikkultivat bħala għalla tat-titwiq, fin-nuqqas ta’ inflorexxenzi femminili, eżatt qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ veġetazzjoni, ladarba l-weraq jibda jisfar, iżda mhux aktar tard mill-bidu ta’ perjodu previst ta’ ġlata. Fil-każ ta’ varjetajiet dijoiċi, għandhom jittieħdu biss pjanti femminili.

    2.2.   Daqs tal-kampjun

    Proċedura A: il-kampjun għandu jinkludi partijiet ta’ 50 pjanta għal kull għalqa.

    Proċedura B: il-kampjun għandu jinkludi partijiet ta’ 200 pjanta għal kull għalqa.

    Kull kampjun għandu jitpoġġa f’borża tad-drapp jew tal-karti, mingħajr ma jitgħaffeġ, u jintbagħat il-laboratorju għall-analiżi.

    L-Istat Membru jista’ jipprevedi li jinġabar kampjun ieħor għall-kontroanaliżi, jekk ikun meħtieġ, li jinżamm jew mill-produttur jew mill-korp responsabbli għall-analiżi.

    2.3.   Tnixxif u ħżin tal-kampjun

    It-tnixxif tal-kampjuni għandu jibda mill-aktar fis possibbli u, fi kwalunkwe każ, fi żmien 48 siegħa bl-użu ta’ kwalunkwe metodu taħt 70 °C.

    Il-kampjuni għandhom jitnixxfu sa piż kostanti u sa kontenut ta’ ndewwa ta’ bejn 8 % u 13 %.

    Wara t-tnixxif, il-kampjuni għandhom jinħażnu mingħajr ma jitgħaffġu f’temperatura ta’ inqas minn 25 °C f’post mudlam.

    3.   Determinazzjoni tal-kontenut ta’ THC

    3.1.   Preparazzjoni tal-kampjun tat-test

    Iz-zkuk u ż-żrieragħ b’daqs ta’ aktar minn 2 mm għandhom jitneħħew mill-kampjuni mnixxfa.

    Il-kampjuni mnixxfa għandhom jiġu mitħuna biex jinkiseb trab semifin (li jgħaddi minn passatur b’xibka ta’ 1 mm).

    It-trab jista’ jinħażen għal 10 ġimgħat f’temperatura ta’ inqas minn 25 °C f’post mudlam u niexef.

    3.2.   Reaġenti u soluzzjoni ta’ estrazzjoni

    Reaġenti

    Δ9-tetraidrokannabinol, pur għal skopijiet kromatografiċi,

    skwalan, pur għal skopijiet kromatografiċi, bħala standard intern.

    Soluzzjoni ta’ estrazzjoni

    35 mg ta’ skwalan għal kull 100 ml ta’ eżan.

    3.3.   Estrazzjoni tat-THC

    għandhom jintiżnu 100 mg tal-kampjun tat-test f’forma ta’ trab, jitpoġġew f’tubu ċentrifugali u għandhom jiżdiedu 5 ml ta’ soluzzjoni ta’ estrazzjoni li jkun fiha l-istandard intern.

    Il-kampjun għandu jitpoġġa f’banju ultrasoniku u jitħalla għal 20 minuta. Dan għandu jiġi ċċentrifugat għal ħames minuti f’3 000 r.p.m u mbagħad is-soluzzjoni tat-THC supernatanti għandha titneħħa. Is-soluzzjoni għandha tiġi injettata fil-kromatografu u għandha titwettaq analiżi kwantitattiva.

    3.4.   Kromatografija b’fażi gassuża

    (a)

    Apparat

    kromatografu tal-gass b’individwatur tal-jonizzazzjoni bi fjamma u b’injettatur maqsum/mhux maqsum,

    kolonna li tippermetti separazzjoni tajba ta’ kannabinojdi, pereżempju kolonna kapillari tal-ħġieġ b’tul ta’ 25 m u b’dijametru ta’ 0,22 mm imprenjata b’fażi 5 % fenil-metil-silossan mhux polari.

    (b)

    Firxiet ta’ kalibrazzjoni

    Mill-inqas tliet punti għall-proċedura A u ħames punti għall-proċedura B, inklużi l-punti 0,04 u 0,50 mg/ml ta’ THC fis-soluzzjoni ta’ estrazzjoni.

    (c)

    Kundizzjonijiet sperimentali

    Il-kundizzjonijiet li ġejjin huma mogħtija bħala eżempju għall-kolonna msemmija fil-punt (a):

    temperatura tal-forn ta’ 260 °C,

    temperatura tal-injettur ta’ 300 °C,

    temperatura tal-individwatur ta’ 300 °C.

    (d)

    Volum injettat: 1 μl.

    4.   Riżultati

    Is-sejbiet għandhom jiġu espressi sa żewġ pożizzjonijiet deċimali fi grammi ta’ THC għal kull 100 gramma ta’ kampjun analitiku mnixxef sa piż kostanti. Għandha tapplika tolleranza ta’ 0,03 g għal kull 100 g.

    Proċedura A: determinazzjoni waħda għal kull kampjun tat-test.

    Madankollu, meta r-riżultat miksub ikun ogħla mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandha titwettaq it-tieni determinazzjoni għal kull kampjun ta’ analiżi u l-valur medju taż-żewġ determinazzjonijiet għandu jittieħed bħala riżultat.

    Proċedura B: ir-riżultat għandu jikkorrispondi għall-valur medju ta’ żewġ determinazzjonijiet għal kull kampjun tat-test.


    ANNESS II

    Lista ta’ tipi ta’ nefqa mhux eliġibbli msemmija fl-Artikolu 22(2)

    PARTI I

    Fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, is-settur tal-apikultura, is-settur tal-ħops, is-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u s-setturi l-oħra msemmija fl-Artikolu 42, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115

    1.

    Kostijiet tal-produzzjoni ġenerali u, b’mod partikolari, kostijiet għal miċelju, żrieragħ u pjanti mhux perenni (anki ċċertifikati); prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (inkluż materjal ta’ kontroll integrat); fertilizzanti u inputs oħra; kostijiet ta’ ġbir jew trasport (intern jew estern); kostijiet tal-ħżin; kostijiet tal-imballaġġ (inkluż l-użu u l-ġestjoni tal-imballaġġ), anki bħala parti minn proċessi ġodda; kostijiet operatorji (b’mod partikolari l-elettriku, il-fjuwil u l-manutenzjoni).

    2.

    Rimborż ta’ self meħud għal intervent.

    3.

    Xiri ta’ art mhux mibnija li tiswa aktar minn 10 % tan-nefqa eliġibbli kollha fuq l-operazzjoni kkonċernata.

    4.

    Investiment f’mezzi ta’ trasport li jridu jintużaw mill-benefiċjarju fis-settur tal-apikultura għall-kummerċjalizzazzjoni jew għad-distribuzzjoni mill-organizzazzjoni tal-produtturi.

    5.

    Kostijiet operatorji tal-oġġetti mikrija.

    6.

    Nefqa marbuta ma’ kuntratti ta’ lokazzjoni (taxxi, imgħax, kostijiet ta’ assigurazzjoni, eċċ.) u kostijiet operatorji.

    7.

    Kuntratti ta’ sottokuntrattar jew ta’ esternalizzazzjoni relatati mal-operazzjonijiet jew man-nefqa msemmija bħala mhux eliġibbli f’din il-lista.

    8.

    Kwalunkwe taxxa jew imposta fiskali nazzjonali jew reġjonali.

    9.

    Imgħax fuq id-dejn ħlief fejn il-kontribuzzjoni ssir f’forma li ma hijiex assistenza diretta li ma titħallasx lura.

    10.

    Investimenti f’ishma jew f’kapital ta’ kumpaniji jekk l-investiment jirrappreżenta investiment finanzjarju.

    11.

    Il-kostijiet imġarrba minn partijiet għajr il-benefiċjarju, l-organizzazzjoni tal-produtturi jew il-membri tagħha, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew il-membri produtturi tagħhom jew sussidjarja, jew entità f’katina ta’ sussidjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 31(7), jew soġġetti għall-approvazzjoni tal-Istat Membru, minn kooperattiva li hija membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi.

    12.

    Interventi li ma jsirux fl-azjendi u/jew il-bini tal-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew il-membri produtturi tagħhom, jew sussidjarja, jew entità f’katina ta’ sussidjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 31(7), jew soġġetti għall-approvazzjoni tal-Istat Membru, minn kooperattiva li hija membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi.

    13.

    L-interventi esternalizzati jew implimentati mill-benefiċjarju, l-organizzazzjoni tal-produtturi barra mill-Unjoni, ħlief l-interventi ta’ promozzjoni, komunikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 47(1)(f) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    PARTI II

    Fis-settur tal-inbid

    1.

    Il-ġestjoni ta’ kuljum ta’ vinja

    2.

    Il-protezzjoni minn ħsara minn kaċċa, għasafar jew silġ.

    3.

    Il-kostruzzjoni ta’ lqugħ kontra r-riħ u ħitan ta’ protezzjoni mir-riħ.

    4.

    Toroq privati u liftijiet.

    5.

    Ix-xiri ta’ tratturi jew ta’ kwalunkwe tip ta’ vetturi tat-trasport.

    6.

    Il-qlugħ ta’ vinji infettati u t-telf ta’ dħul wara l-qlugħ obbligatorju għal raġunijiet ta’ saħħa jew fitosanitarji.

    ANNESS III

    Lista ta’ tipi ta’ nefqa eliġibbli msemmija fl-Artikolu 22(3)

    1.

    Kostijiet speċifiċi għal:

    miżuri għat-titjib tal-kwalità;

    materjali bijoloġiċi għall-protezzjoni tal-pjanti (bħal feromoni u predaturi) kemm jekk jintużaw fi produzzjoni organika, integrata jew konvenzjonali;

    interventi agroambjentali klimatiċi imsemmija fl-Artikolu 12;

    produzzjoni organika, integrata jew sperimentali, inklużi l-kostijiet speċifiċi għaż-żrieragħ u n-nebbieta organiċi;

    monitoraġġ tal-konformità mal-istandards imsemmija fit-Titolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, mar-regoli dwar is-saħħa tal-pjanti u mal-livell massimu ta’ residwi.

    Il-kostijiet speċifiċi għandhom ifissru l-kostijiet addizzjonali, ikkalkolati bħala d-differenza bejn il-kostijiet konvenzjonali tal-produzzjoni u l-kostijiet effettivament imġarrba, u l-introjtu mitluf li jirriżulta minn azzjoni li teskludi l-iffrankar addizzjonali tal-introjtu u tal-kostijiet.

    2.

    Prodott mediċinali għall-użu veterinarju għat-trattament ta’ organiżmi invażivi tad-doqqajs u tal-mard li jaffettwa n-naħal.

    3.

    Kostijiet assoċjati mar-ripopolazzjoni tad-doqqajs u t-trobbija tan-naħal.

    4.

    Xiri ta’ makkinarju u tagħmir għat-titjib tal-produzzjoni u l-ġbir tal-għasel.

    5.

    Kostijiet amministrattivi u tal-persunal relatati mal-implimentazzjoni ta’ programmi operazzjonali jew mal-interventi rilevanti, inklużi rapporti, studji, kostijiet għaż-żamma tal-kontijiet u l-ġestjoni tal-kontijiet, imposti obbligatorji marbuta mal-pagi u mas-salarji jekk jitħallsu direttament mill-benefiċjarju, mis-sussidjarji, jew minn entità f’katina ta’ sussidjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 31(7) jew soġġetti għall-approvazzjoni tal-Istat Membru minn kooperattiva li hija membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi.

    6.

    Xiri ta’ art mhux mibnija fejn ix-xiri jkun meħtieġ biex jitwettaq investiment inkluż fil-programm operazzjonali diment li din tkun tiswa inqas minn 10 % tan-nefqa eliġibbli kollha fuq l-operazzjoni kkonċernata. F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, jista’ jiġi stabbilit perċentwal ogħla għall-operazzjonijiet li jikkonċernaw il-konservazzjoni ambjentali.

    7.

    Xiri jew lokazzjoni ta’ assi tanġibbli, inkluż assi tanġibbli użat diment li ma jkunux inxtraw b’appoġġ tal-Unjoni jew nazzjonali f’perjodu ta’ ħames snin qabel ix-xiri jew il-lokazzjoni fil-limitu tal-valur tas-suq nett tal-assi tanġibbli.

    8.

    Kiri ta’ assi fiżiċi fejn ikun ekonomikament ġustifikat bħala alternattiva għax-xiri, bl-approvazzjoni tal-Istat Membru.

    9.

    Għas-setturi msemmija fl-Artikolu 42, il-punti (a), (d), (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, investimenti f’vetturi tat-trasport fejn l-organizzazzjoni tal-produtturi debitament tiġġustifika lill-Istat Membru kkonċernat li l-vettura tat-trasport tintuża għat-trasport ġewwa l-bini tal-organizzazzjoni tal-produtturi; u investimenti f’faċilitajiet addizzjonali ta’ fuq il-vetturi għall-ħżin fil-kesħa jew għat-trasport f’atmosfera kkontrollata.

    10.

    Investimenti f’ishma jew f’kapital ta’ kumpaniji li jikkontribwixxu direttament għall-kisba tal-għanijiet tal-programm operazzjonali.


    ANNESS IV

    Dikjarazzjoni għall-imballaġġ tal-prodotti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 25(3)

    Продукт, предназначен за безвъзмездно разпределяне (Делегиран регламент (ЕС) 2022/126)

    Producto destinado a su distribución gratuita [Reglamento Delegado (UE) 2022/126]

    Produkt určený k bezplatné distribuci (nařízení v přenesené pravomoci (EU) 2022/126)

    Produkt til gratis uddeling (delegeret forordning (EU) 2022/126)

    Zur kostenlosen Verteilung bestimmtes Erzeugnis (delegierte Verordnung (EU) 2022/126)

    Tasuta jagamiseks mõeldud tooted [delegeeritud määrus (EL) 2022/126]

    Προϊόν προοριζόμενο για δωρεάν διανομή [κατ’εξουσιοδότηση κανονισμός (ΕΕ) 2022/126]

    Product for free distribution (Delegated Regulation (EU) 2022/126)

    Produit destiné à la distribution gratuite [règlement délégué (UE) 2022/126]

    Proizvod za besplatnu distribuciju (Delegirana uredba (EU) 2022/126)

    Prodotto destinato alla distribuzione gratuita [regolamento delegato (UE) 2022/126]

    Produkts paredzēts bezmaksas izplatīšanai [Deleģētā regula (ES) 2022/126]

    Nemokamai platinamas produktas (Deleguotasis reglamentas (ES) 2022/126)

    Ingyenes szétosztásra szánt termék ((EU) 2022/126 felhatalmazáson alapuló rendelet)

    Prodott għad-distribuzzjoni bla ħlas (Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/126)

    Voor gratis uitreiking bestemd product (Gedelegeerde Verordening (EU) 2022/126)

    Produkt przeznaczony do bezpłatnej dystrybucji [Rozporządzenie delegowane (UE) 2022/126]

    Produto destinado a distribuição gratuita [Regulamento Delegado (UE) 2022/126]

    Produs destinat distribuirii gratuite [Regulamentul delegat (UE) 2022/126]

    Výrobok určený na bezplatnú distribúciu [delegované nariadenie (EÚ) 2022/126]

    Proizvod, namenjen za prosto razdelitev (Delegirana uredba (EU) 2022/126)

    Ilmaisjakeluun tarkoitettu tuote (delegoitu asetus (EU) 2022/126)

    Produkt för gratisutdelning (delegerad förordning (EU) 2022/126)

    Táirge lena dháileadh saor in aisce (Rialachán Tarmligthe (AE) 2022/126)


    ANNESS V

    Ammonti massimi ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq imsemmija fl-Artikolu 26(1) u (4), l-ewwel subparagrafu

    Prodotti

    Appoġġ massimu (EUR/100 kg)

    Distribuzzjoni bla ħlas

    Destinazzjonijiet oħrajn

    Pastard

    21,05

    15,79

    Tadam (irtirat mill-1 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Ottubru)

    7,25

    7,25

    Tadam (irtirat mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Mejju)

    33,96

    25,48

    Tuffieħ

    24,16

    18,11

    Għeneb

    53,52

    40,14

    Berquq

    64,18

    48,14

    Nuċiprisk

    37,82

    28,37

    Ħawħ

    37,32

    27,99

    Lanġas

    33,96

    25,47

    Brunġiel

    31,2

    23,41

    Bettieħ

    48,1

    36,07

    Dulliegħ

    9,76

    7,31

    Larinġ

    21,00

    21,00

    Mandolin

    25,82

    19,50

    Klementini

    32,38

    24,28

    Satsumi

    25,56

    19,50

    Lumi

    29,98

    22,48


    ANNESS VI

    Rekwiżiti minimi għall-irtirar tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 29(2)

    1.   

    Il-prodotti għandhom ikunu:

    sħaħ, meta tapplika għal prodotti friski mhux ipproċessati,

    f’kundizzjoni tajba; prodotti li qed jitħassru jew jiddeterjoraw b’mod li ma jibqgħux tajjeb għall-konsum għandhom jiġu esklużi,

    nodfa, prattikament ħielsa minn kwalunkwe materjal barrani viżibbli,

    prattikament ħielsa minn pesti u mill-ħsara kkawżata mill-pesti fejn applikabbli,

    ħielsa minn indewwa anormali,

    ħielsa minn kwalunkwe togħma jew riħa barranija.

    2.   

    Il-prodotti jridu jkunu xierqa għall-kummerċjalizzazzjoni u għall-konsum, żviluppati u mmaturati biżżejjed fejn applikabbli, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi normali tagħhom.

    3.   

    Il-prodotti jridu jkunu karatteristiċi tal-varjetà jew tat-tip jew tal-kwalità kummerċjali fejn applikabbli.


    ANNESS VII

    Kostijiet tal-kundizzjonament imsemmija fl-Artikolu 33

    Prodott

    Kostijiet għas-separazzjoni u għall-imballaġġ (EUR/t)

    Tuffieħ

    187,70

    Lanġas

    159,60

    Larinġ

    240,80

    Klementini

    296,60

    Ħawħ

    175,10

    Nuċiprisk

    205,80

    Dulliegħ

    167,00

    Pastard

    169,10

    Prodotti oħra

    201,10


    Top