Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1513

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1513 tas-7 ta’ Settembru 2022 dwar it-talba għal reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Nipproteġu l-Wirt Rurali, is-Sigurtà u l-Provvista tal-Ikel fl-UE”, f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2022) 6193) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

C/2022/6193

ĠU L 235, 12.9.2022, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1513/oj

12.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 235/53


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1513

tas-7 ta’ Settembru 2022

dwar it-talba għal reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Nipproteġu l-Wirt Rurali, is-Sigurtà u l-Provvista tal-Ikel fl-UE”, f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2022) 6193)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Lulju 2022 ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Nipproteġu l-Wirt Rurali, is-Sigurtà u l-Provvista tal-Ikel fl-UE”.

(2)

L-għanijiet tal-inizjattiva huma spjegati mill-organizzaturi kif ġej: “Ir-reġjuni rurali tal-Ewropa qed jitilfu l-wirt, l-industriji, il-popolazzjonijiet u l-valuri tagħhom – u dan qed jhedded is-sigurtà u l-provvista tal-ikel fl-UE kollha. Biex nippreservaw dak li jagħmel lil dawn ir-reġjuni uniċi għall-ġenerazzjonijiet futuri u niżguraw il-lonġevità tal-komunitajiet tal-UE li jipproduċu l-ikel, neħtieġu impenn imġedded tal-UE għall-promozzjoni tal-wirt reġjonali, tkabbir rurali sostenibbli u żieda fl-istandards tal-għajxien. Din l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej titlob lill-UE timmodernizza l-impenji rurali tagħha biex tqis il-ħtieġa għal aktar sigurtà tal-ikel, provvista ta’ materjali agrikoli u protezzjoni għall-istil ta’ ħajja rurali – in-nies tagħha, il-valuri u l-għajxien tagħhom.”

(3)

Aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva jinstabu f’anness ta’ din l-inizjattiva, li fih jiġu stabbiliti u mogħtija dettalji dwar ir-raġunijiet għall-appoġġ għal din l-inizjattiva. L-organizzaturi jsostnu li “s-setturi rurali u dawk li jaħdmuhom jiffaċċjaw pressjoni dejjem akbar u inċentivi dejjem jonqsu biex ikomplu, li jekk dawn ma jiġux indirizzati, se jwasslu għall-estinzjoni ta’ wħud mill-aktar komunitajiet u valuri fundamentali tal-Ewropa”. Huma jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta, fl-ambitu tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni mit-Trattati, biex jissaħħu u jiġu ppreservati l-wirt u l-industriji reġjonali fl-Unjoni kollha sabiex tingħata spinta lit-tkabbir rurali u jiġu promossi l-prattiki u l-attivitajiet tal-impjiegi rurali. Huma jitolbu wkoll ir-rikonoxximent tas-sigurtà u l-provvista tal-ikel, bħall-materjali tal-fertilizzanti u tal-bijogass, biex tinżamm provvista tal-ikel reġjonali robusta fl-Unjoni. Huma jistiednu lill-Kummissjoni tinkludi l-promozzjoni tal-wirt rurali u r-rikonoxximent tas-sigurtà u l-provvista tal-ikel fil-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u jsemmu l-ħtieġa li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-Unjoni sal-2040, il-Patt Rurali kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni Rurali tal-UE jiġu estiżi (2).

(4)

F’konformità mal-objettivi tal-politika agrikola komuni (PAK) stabbilita bl-Artikolu 39 tat-Trattat, ir-Regolament dwar il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK (3) isegwi l-objettivi ġenerali tat-trawwim ta’ settur agrikolu intelliġenti, kompetittiv, reżiljenti u diversifikat li jiżgura s-sigurtà tal-ikel fit-tul, jappoġġa u jsaħħaħ il-protezzjoni ambjentali u jsaħħaħ in-nisġa soċjoekonomika taż-żoni rurali (4). Sa fejn l-objettiv tal-inizjattiva tal-protezzjoni tal-wirt rurali, is-sigurtà tal-ikel u l-provvista tal-Unjoni ma jkunx kopert mir-Regolament (UE) 2021/2115, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposta għal att legali abbażi tal-Artikolu 42 l-Artikolu 43(2) tat-Trattat.

(5)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(6)

Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibilità mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

(7)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament.

(8)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata “Nipproteġu l-Wirt Rurali, is-Sigurtà u l-Provvista tal-Ikel tal-UE” tiġi rreġistrata.

(10)

Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati bl-ebda mod ma timplika li l-Kummissjoni tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Nipproteġu l-Wirt Rurali, is-Sigurtà u l-Provvista tal-Ikel fl-UE” għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Nipproteġu l-Wirt Rurali, is-Sigurtà u l-Provvista tal-Ikel tal-UE”, irrappreżentat mis-Sur Česlovas TALLAT-KELPŠA u s-Sur Markus Valdemar SJÖHOLM li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.

(2)  Fil-Komunikazzjoni tagħha “Viżjoni fit-tul għaż-Żoni Rurali tal-UE sal-2040” (COM/2021/345 final), ippreżentata fit-30 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħabbret il-Patt Rurali u l-Pjan ta’ Azzjoni Rurali. Aktar informazzjoni dwar dawn l-azzjonijiet tinsab hawnhekk: https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/new-push-european-democracy/long-term-vision-rural-areas_mt

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

(4)  L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2021/2115.


Top