EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0568

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/568 tal-4 ta’ April 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali

ST/7222/2022/INIT

ĠU L 109, 8.4.2022, p. 52–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/568/oj

8.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/52


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/568

tal-4 ta’ April 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (1) ('il-Ftehim') ġie ffirmat mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fl-10 ta’ Ġunju 2016. Huwa ilu jiġi applikat b’mod proviżorju bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Botswana, il-Lesoto, in-Namibja, l-Eswatini u l-Afrika t’Isfel min-naħa l-oħra, mill-10 ta’ Ottubru 2016, u bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Możambik, min-naħa l-oħra, mill-4 ta’ Frar 2018.

(2)

Il-Kumitat Speċjali dwar id-Dwana u l-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ ġie stabbilit permezz tal-Artikolu 50(1) tal-Ftehim.

(3)

Skont l-Artikolu 50(2), il-punt (f), tal-Ftehim, il-Kumitat Speċjali dwar id-Dwana u l-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ irid jiddetermina r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdanil-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali, peress li d-deċiżjoni dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu ser ikollha effetti legali fuq l-Unjoni.

(5)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni ta' dak il-kumitat mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjali dwar id-Dwana u l-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, stabbilit permezz tal-Artikolu 50 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ dak il-kumitat mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-4 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

R. BACHELOT-NARQUIN


(1)  ĠU L 250, 16.9.2016, p. 3.


Abbozz

DEĊIŻJONI Nru [...] TAL-KUMITAT SPEĊJALI DWAR IL-FAĊILITAZZJONI DOGANALI U KUMMERĊJALI

ta'…

fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

IL-KUMITAT SPEĊJALI DWAR IL-FAĊILITAZZJONI DOGANALI U KUMMERĊJALI

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), iffirmat f’Kasane fl-10 ta’ Ġunju 2016, u b’mod partikolari l-Artikoli 50(2)(f) tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali huma stabbiliti kif stipulat fl-Anness.

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi...

Magħmul fi ...

 


ANNESS

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT SPEĊJALI DWAR IL-FAĊILITAZZJONI DOGANALI U KUMMERĊJALI

KAPITOLU I

Organizzazzjoni

Artikolu 1

Għamla u Presidenza

1.   Il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali stabbilit f’konformità mal-Artikolu 50 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu jwettaq dmirijietu kif previst fl-Artikolu 50 tal-Ftehim.

2.   Ir-referenza f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għal “Partijiet” għandha tkun f’konformità mad-definizzjoni prevista fl-Artikolu 104 tal-Ftehim.

3.   Kif previst fl-Artikolu 50(1) tal-Ftehim, il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet.

4.   Kif previst fl-Artikolu 50(4) tal-Ftehim, il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandu jiġi ppresedut b’mod alternat minn uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u minn uffiċjal tal-Istati EPA SADC. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandu jiġi koppresedut minn uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u minn uffiċjal tal-Istati EPA SADC.

5.   Il-mandat li jikkorrispondi għall-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali u jintemm fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 2

Laqgħat

1.   Il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandu jiltaqa’ darba fis-sena jew fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom isiru fi Brussell jew fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati tal-EPA SADC b’mod alternattiv, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

2.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandhom jissejħu mill-Parti li jkollha l-Presidenza, wara li tikkonsulta mal-Parti l-oħra.

Artikolu 3

Osservaturi

Il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali jista’ jiddeċiedi li jistieden osservaturi fuq bażi ad hoc u jiddetermina liema punti fl-aġenda ser ikunu miftuħa għal dawk l-osservaturi.

Artikolu 4

Segretarjat

1.   Il-Parti li tospita l-laqgħa tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandha taġixxi bħala s-Segretarjat.

2.   Meta il-laqgħa ssir permezz ta’ mezzi elettroniċi, il-Parti li jkollha l-Presidenza għandha taġixxi bħala s-Segretarjat.

KAPITOLU II

Operat

Artikolu 5

Dokumenti

Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali jkunu bbażati fuq dokumenti ta’ sostenn miktubin, dawn id-dokumenti għandhom jiġu enumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali bħala dokumenti tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali.

Artikolu 6

Notifika u aġenda għal-laqgħat

1.   Is-Segretarjat għandu jinnotifika lill-Partijiet bil-fatt li tkun issejħet laqgħa u jitlob għal inputs fl-aġenda mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-laqgħa. F’każ ta’ xi kwistjoni urġenti u/jew ċirkostanzi mhux previsti li jiġu kkunsidrati, il-laqgħa tista’ tissejjaħ fi żmien qasir.

2.   Għandha titfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa mis-Segretarjat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali. Din għandha tintbagħat mis-Segretarjat lill-President u lill-membri tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali mhux aktar tard minn 14-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

3.   L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fir-rigward tagħhom is-Segretarjat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali ikun irċieva talba għall-inklużjoni fl-aġenda mingħand Parti.

4.   L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali fil-bidu ta’ kull laqgħa. Jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda punti oħra barra minn dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

5.   Il-President tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali jista’ jistieden, bi qbil mal-Partijiet kollha, esperti biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi.

Artikolu 7

Rapport tal-laqgħa

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, ir-rapport ta' kull laqgħa għandu jitfassal mis-Segretarjat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali u jiġi adottat fit-tmiem ta' kull laqgħa.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandu jadotta b’kunsens deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill Konġunt jew mill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.

2.   Fejn il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali ikollu s-setgħa skont il-Ftehim li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill Konġunt jew mill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, dawn l-atti għandhom jiġu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament fir-rapport tal-laqgħat. Is-Segretarjat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandu jagħti n-numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett għal kwalunkwe deċiżjoni jew rakkomandazzjoni approvata. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandha tipprevedi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

3.   F’każ li Stat EPA SADC ma jkunx preżenti, id-deċiżjonijiet u/jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-laqgħa għandhom jiġu kkomunikati lill-membru li ma setax jattendi l-laqgħa mis-Segretarjat. Dak l-Istat EPA SADC għandu jipprovdi tweġiba bil-miktub fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji minn meta jintbagħtu d-deċiżjonijiet u/jew ir-rakkomandazzjonijiet, filwaqt li jindika liema deċiżjonijiet u/jew rakkomandazzjonijiet ma jkunx jaqbel magħhom, inkluż ir-raġunijiet għal dan. Fin-nuqqas tar-risposta bil-miktub imsemmija hawn fuq fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji, id-deċiżjonijiet u/jew ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew adottati. F'każ li l-Istat EPA SADC li ma jkunx attenda l-laqgħa ma jaqbilx ma' xi deċiżjoni jew rakkomandazzjoni, għandha tapplika l-proċedura fil-paragrafu 4.

4.   Fil-perijodu ta’ bejn il-laqgħat, il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta’ noti bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet.

5.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandhom jiġu awtentikati billi kopja awtentika tiġi ffirmata minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.

Artikolu 9

Aċċess pubbliku

1.   Il-laqgħat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali ma għandhomx ikunu pubbliċi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor.

2.   Kull Parti tista’ tiddeċiedi li tippubblika d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjoniet tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali.

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 10

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tieħu ħsieb kwalunkwe nefqa li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali, kemm fir-rigward tan-nefqa tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, kif ukoll fir-rigward tan-nefqa postali u ta’ telekomunikazzjoni.

2.   In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat, mal-provvediment ta’ servizzi ta’ interpretazzjoni u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 11

Emenda tar-Regoli ta' Proċedura

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub b'deċiżjoni tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 8.


Top