This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D0567
Council Decision (EU) 2022/567 of 4 April 2022 on the position to be taken on behalf of the European Union within the Partnership Council established by the Trade and Cooperation Agreement between the European Union and the European Atomic Energy Community, of the one part, and the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland, of the other part, on the adoption of the operational guidelines for the conduct of the Civil Society Forum
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/567 tal-4 ta’ April 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar l-adozzjoni tal-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/567 tal-4 ta’ April 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar l-adozzjoni tal-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili
ST/7208/2022/INIT
ĠU L 109, 8.4.2022, p. 48–51
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
8.4.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 109/48 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/567
tal-4 ta’ April 2022
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar l-adozzjoni tal-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43 u 91, l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021, wara li kien ilu japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021. |
(2) |
L-Artikolu 14 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jeżiġi li l-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit b’dak il-Ftehim jadotta l-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili (il-‘linji gwida’). |
(3) |
Għaldaqstant huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tas-Sħubija dwar l-adozzjoni tal-linji. |
(4) |
Sabiex tippermetti l-adozzjoni f’waqtha tal-linji gwida, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, dwar deċiżjoni li għandha tittieħed f’konformità mal-Artikolu 14 tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-4 ta’ April 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
R. BACHELOT-NARQUIN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).
ANNESS
LINJI GWIDA GĦALL-FORUM TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI
skont il-"Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni"
L-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 14(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (il-"Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni") jipprevedi li l-Partijiet għandhom jiffaċilitaw l-organizzazzjoni ta' Forum tas-Soċjetà Ċivili magħmul minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ir-Renju Unit) li għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena, sakemm l-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor . Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi wkoll li l-Kunsill ta' Sħubija għandu jadotta l-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum.
1. PARTEĊIPANTI
Skont l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (1), il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jlaqqa' flimkien rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit, jiġifieri rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tan-negozju u ta' min iħaddem (iżda mhux kumpaniji privati individwali), trade unions, akkademiċi, u organizzazzjonijiet mhux governattivi f'fergħat differenti tas-soċjetà rilevanti għall-oqsma koperti mill-Parti II tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Il-partijiet japplikaw ir-regoli u l-prattiki rispettivi tagħhom dwar ir-reġistrazzjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili sabiex jippromwovu rappreżentanza bbilanċjata tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
Għal raġunijiet prattiċi, l-għadd ta' parteċipanti fiżiċi fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili jkun limitat għal 60 rappreżentant mis-Soċjetà Ċivili fuq kull naħa, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Dawn ir-rappreżentanti jkunu jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili personalment jew b'mezzi elettroniċi. Il-partijiet jistgħu jaqblu li jagħmlu l-laqgħa għal kollox virtwalment skont l-Artikolu 14(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jkun miftuħ għal membri oħra tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jirreġistraw minn qabel, biex ikunu osservaturi.
2. KAMP TA' APPLIKAZZJONI
Id-diskussjonijiet tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili jkopru l-oqsma fil-Parti II tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni: il-kummerċ, l-avjazzjoni, it-trasport bit-triq, il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-viżi għal żjarat qosra, is-sajd u dispożizzjonijiet oħra.
3. KALENDARJU, ORGANIZZAZZJONI U ORDNIJIET TAL-ĠURNATA
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi li l-Forum tas-Soċjetà Ċivili jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jiltaqa' qrib id-data tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Sħubija Kummerċjali, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Il-kopresidenti tal-Kumitat ta' Sħubija Kummerċjali u tal-Kumitati Speċjalizzati fil-Kummerċ u l-kopresidenti tal-Kumitati Speċjalizzati dwar l-Enerġija, it-Trasport bl-Ajru, is-Sikurezza tal-Avjazzjoni, it-Trasport bit-Triq, il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali u s-Sajd ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-Forum meta jiġu diskussi kwistjonijiet li huma fil-mandat tagħhom.
Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jiġi organizzat mill-Parti li hija responsabbli biex tospita l-laqgħa tal-Kumitat ta' Sħubija Kummerċjali, li jfisser li l-post tal-Forum jalterna bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Il-Parti li tospita l-Forum tipprovdi l-post u tiffaċilita l-laqgħa (pereżempju tipprovdi links għar-reġistrazzjoni u l-parteċipazzjoni virtwali).
Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jikkonsultaw lill-Gruppi Konsultattivi Domestiċi rispettivi tagħhom dwar punti possibbli tal-aġenda qabel ma jaqblu dwar abbozz tal-ordni tal-ġurnata mal-parti l-oħra. Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jippubblikaw l-abbozz tal-ordni tal-ġurnata 15-il jum qabel id-data tal-laqgħa tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili.
Il-Parti ospitanti tabbozza r-riżultati u l-konklużjonijiet tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili bi qbil mal-Parti l-oħra, fi żmien 30 jum mil-laqgħa. Ir-riżultati u l-konklużjonijiet ta' kull waħda mil-laqgħat jiġu kondiviżi mal-Kunsill ta' Sħubija, il-Kumitat ta' Sħubija Kummerċjali u l-Kumitati Speċjalizzati dwar l-Enerġija, it-Trasport bl-Ajru, is-Sikurezza tal-Avjazzjoni, it-Trasport bit-Triq, il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali u s-Sajd u jkunu disponibbli għall-pubbliku.
F'konformità mal-Artikolu 14(1), it-tieni sentenza tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kunsill ta' Sħubija jista' jemenda dawn il-linji gwida, fost l-oħrajn biex jindirizza kwistjonijiet li jinqalgħu matul l-implimentazzjoni tagħhom.
(1) Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili stabbiliti fit-territorji tal-Partijiet, inkluż membri tal-gruppi konsultattivi domestiċi msemmija fl-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Kull Parti għandha tippromwovi rappreżentanza bilanċjata, li tinkludi organizzazzjonijiet nongovernattivi, organizzazzjonijiet tan-negozju u ta' min iħaddem, u trade unions, attivi fil-qasam ekonomiku, tal-iżvilupp sostenibbli, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem, ambjentali u oħrajn.