EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0218

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/218 tas-17 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja

ST/14508/2021/INIT

ĠU L 37, 18.2.2022, p. 41–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/218/oj

18.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/41


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/218

tas-17 ta’ Frar 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Belarussja.

(2)

Fl-24 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1031 (2), li emendat id-Deċiżjoni 2012/642/PESK u introduċiet restrizzjonijiet settorjali speċifiċi.

(3)

Ċerti kjarifiki huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dawk ir-restrizzjonijiet settorjali speċifiċi.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/642/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2d, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal esportazzjonijiet, bejgħ, provvisti jew trasferimenti ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju, jew il-forniment relatat ta’ assistenza teknika jew finanzjarja, għall-manutenzjoni u s-sikurezza ta’ kapaċitajiet nukleari ċivili eżistenti.”

(2)

l-Artikolu 2f huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, mill-Belarussja ta’ prodotti petrolifiċi u ta’ idrokarburi gassużi għandhom ikunu pprojbiti.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal xiri fil-Belarussja ta’ prodotti petrolifiċi u ta’ idrokarburi gassużi li huma meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet essenzjali tax-xerrej fil-Belarussja jew ta’ proġetti umanitarji fil-Belarussja.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-libertà tat-tranżitu mill-Belarussja ta’ prodotti petrolifiċi u idrokarburi gassużi li joriġinaw minn pajjiż terz.”;

(3)

fl-Artikolu 2h, il-punti (a) sa (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

ir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha;

(b)

istituzzjoni ewlenija ta’ kreditu stabbilita fil-Belarussja b’aktar minn 50 % ta’ sjieda pubblika jew kontroll pubbliku sa mill-1 ta’ Ġunju 2021, kif elenkata fl-Anness III;

(c)

persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li iktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu b’mod dirett jew indirett proprjetà ta’ entità msemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan l-Artikolu;

(d)

persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt it-tmexxija ta’ entità msemmija fil-punt (a), (b) jew (c) ta dan l-Artikolu.”;

(4)

Fl-Artikolu 2i(l), il-punti (a) sa (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

ir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha;

(b)

istituzzjoni ewlenija ta’ kreditu stabbilita fil-Belarussja b’aktar minn 50 % ta’ sjieda pubblika jew kontroll pubbliku sa mill-1 ta’ Ġunju 2021, kif elenkata fl-Anness III;

(c)

persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li iktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu b’mod dirett jew indirett proprjetà ta’ entità msemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu;

(d)

persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt it-tmexxija ta’ entità msemmija fil-punt (a), (b) jew (c) ta’ dan il-paragrafu.”;

(5)

fl-Artikolu 2j, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit il-provvediment ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni lil:

(a)

ir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt it-tmexxija ta’ persuna ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-punt (a).”;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2n

1.   L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ ebda kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħha tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fl-Artikoli 2h, 2i, 2j jew elenkati fl-Anness II;

(b)

kwalunkwe persuna, entità jew korp ieħor Belarussu;

(c)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt it-tmexxija tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (a) jew (b).”

(7)

fl-Artikolu 3(1) u (8), fl-Artikolu 4(1) u (2), u fl-Artikolu 5(1) il-kliem, “l-Anness” huma sostitwiti b’“Anness I”;

(8)

fl-Artikolu 5(1), il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

maħsuba esklużivament għal:

(i)

skopijiet umanitarji, għall-evakwazzjoni jew ir-ripatrijazzjoni ta’ persuni, jew għal inizjattivi li jipprovdu appoġġ lill-vittmi ta’ diżastri naturali, nukleari jew kimiċi;

(ii)

l-operat ta’ titjiriet fil-qafas ta’ proċeduri ta’ adozzjoni internazzjonali;

(iii)

l-operat ta’ titjiriet meħtieġa għall-attendenza f’laqgħat bl-objettiv li tinstab soluzzjoni għall-kriżi fil-Belarussja jew biex jiġu promossi l-objettivi ta’ politika tal-miżuri restrittivi;

(iv)

inżul, tlugħ jew titjir li jgħaddi minn fuq it-territorju minn trasportatur tal-ajru tal-UE, f’każ ta’ emerġenza; jew”,

(9)

fl-Artikolu 5, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   “B’deroga mill-Artikolu 4(1), l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-soġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 4 jkunu ġew elenkati fl-Anness I, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jissodisfaw pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jkunx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.’;

(10)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1, il-kliem “l-Anness” huma sostitwiti b’“l-Anness I, l-Anness II, u l-Anness III”;

(11)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 6a

1.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) jistgħu jipproċessaw id-data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari:

(a)

fir-rigward tal-Kunsill, għat-tħejjija u l-emendar tal-Anness I;

(b)

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, għat-tħejjija ta’ emendi għall-Anness I.

2.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa mill-persuni fiżiċi elenkati, ma’ kundanni penali jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lil tali persuni, biss sa fejn tali proċessar ikun meħtieġ għat-tħejjija tal-Anness I.

3.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli huma maħtura bħala “kontrolluri” skont it-tifsira tal-punt (8) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 7a

L-azzjonijiet ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu ebda tip ta’ responsabbiltà fuqhom, jekk ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom ikunu jiksru l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(*1)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”;"

(12)

L-Anness III huwa emendat kif jidher fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ wara dik tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1031 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 224 I, 24.6.2021, p. 15).


ANNESS

L-Anness III huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘ANNESS III

LISTA TA’ ISTITUZZJONIJIET TA’ KREDITU KBAR IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 2h U 2i

Development Bank of the Republic of Belarus

Belarusbank

Belinvestbank (Belarusian Bank for Development and Reconstruction)

Belagoprombank

Bank Dabrabyt


Top