EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0179

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/179 tat-8 ta’ Frar 2022 dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 5 GHz għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inklużi n-networks ta’ żoni lokali bir-radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/513/KE (notifikata bid0dokument C(2022) 628) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/628

ĠU L 29, 10.2.2022, p. 10–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 25/11/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/179/oj

10.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/10


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/179

tat-8 ta’ Frar 2022

dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 5 GHz għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inklużi n-networks ta’ żoni lokali bir-radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/513/KE

(notifikata bid0dokument C(2022) 628)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas regolatorju għall-politika tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-ispektrum tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (2) tistabbilixxi objettivi ġodda ta’ konnettività għall-Unjoni li jridu jinkisbu permezz tal-iskjerament u l-adozzjoni mifruxa ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna. Wieħed mill-objettivi huwa li sal-2030 l-unitajiet domestiċi kollha fl-Unjoni jkunu koperti minn network ta’ Gigabits. L-applikazzjonijiet tas-sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inklużi n-networks ta’ żoni lokali bir-radju (WAS/RLANs) jikkontribwixxu ħafna għal dak l-objettiv ta’ kopertura.

(2)

L-aċċess għan-networks ta’ żoni lokali bir-radju huwa rregolat mill-Artikolu 56 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). In-networks ta’ żoni lokali bir-radju huma definiti minn dik id-Direttiva bħala sistemi ta’ aċċess mingħajr fili b’potenza baxxa, li joperaw f’medda żgħira, b’riskju baxx ta’ interferenza ma’ sistemi oħra bħal dawn użati fil-qrib minn utenti oħrajn, li jużaw spettru armonizzat tar-radju b’mod mhux esklużiv.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/513/KE (4) armonizzat l-użu tal-ispettru tar-radju fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 5 GHz (5 150-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz) għas-sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inklużi n-networks ta’ żoni lokali bir-radju.

(4)

F’konformità mar-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) (5), il-baned ta’ frekwenzi 5 150-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz huma allokati lis-servizz mobbli ħlief is-servizz mobbli ajrunawtiku fuq bażi primarja fit-tliet Reġjuni tal-UIT, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu protetti servizzi primarji oħra f’dawk il-baned ta’ frekwenzi. Il-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni tal-UIT fl-2003 (WRC-03) adottat ir-Riżoluzzjoni 229 dwar “L-użu tal-baned 5 150-5 250, 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz mis-servizz mobbli għall-implimentazzjoni tas-Sistemi ta’ Aċċess Mingħajr Fili inklużi n-Networks ta’ Żoni Lokali bir-Radju”. Ir-Riżoluzzjoni, li ġiet riveduta fil-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni fl-2019 (WRC-19), estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-użu fuq ġewwa għat-treni u għall-vetturi tat-triq, stabbiliet il-potenza massima tal-emissjonijiet għad-WAS/RLANs li jużaw il-banda ta’ frekwenzi 5 150-5 250 MHz fil-vetturi tat-triq, u ppermettiet użu limitat fuq barra fil-banda ta’ frekwenzi 5 150-5 250 MHz billi tipproteġi użi eżistenti oħra f’dik il-banda.

(5)

F’diversi Stati Membri, hemm ħtieġa kritika għall-operazzjoni ta’ radars militari u meteoroloġiċi fil-baned ta’ bejn 5 250 u 5 850 MHz, li jeħtieġu protezzjoni speċifika mill-interferenza dannuża kkawżata mid-WAS/RLANs. F’dan il-kuntest, il-kundizzjonijiet tekniċi u operazzjonali għall-użu tad-WAS/RLANs jeħtieġ li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi pubbliċi leġittimi relatati ma’ servizzi oħra tar-radju, inklużi r-radars militari u meteoroloġiċi. Hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi protetta l-vijabbiltà tas-sistemi relatati mas-servizz satellitari għall-esplorazzjoni tad-Dinja (attiv), is-servizz ta’ riċerka spazjali (attiv) u l-kollegamenti alimentaturi tas-servizzi mobbli satellitari, b’mod partikolari fil-banda ta’ frekwenzi 5 150-5 350 MHz.

(6)

Fl-14 ta’ April 2020, biex timplimenta r-riżultati tad-WRC-19 li rrevediet ir-Riżoluzzjoni 229, il-Kummissjoni ħarġet, skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 676/2002/KE, mandat lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (CEPT) biex temenda d-Deċiżjoni 2005/513/KE dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 5 GHz għall-implimentazzjoni tad-WAS/RLANs. Skont il-mandat, is-CEPT ingħatat żewġ kompiti. L-ewwel kompitu kien li tipproponi kundizzjonijiet tekniċi sabiex tiġi emendata d-Deċiżjoni 2005/513/KE abbażi tal-eżitu tad-WRC-19 (reviżjoni tar-Riżoluzzjoni 229) għall-banda ta’ frekwenzi 5 150-5 250 MHz. It-tieni kompitu kien li tipproponi aġġornamenti korrispondenti tal-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għad-WAS/RLANs fil-baned 5 150-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz, kif xieraq. L-iskop tal-aġġornamenti jkun li jiġu kkunsidrati possibbiltajiet għall-użu ta’ dawn id-WAS/RLANs abbord il-vejikoli (inġenji tal-ajru, vetturi tat-triq (karozzi, karozzi tal-linja), treni, eċċ.) u tiġi vvalutata l-fattibbiltà tal-użu tad-WAS/RLAN fil-radjukollegamenti għas-sistemi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAS).

(7)

F’konformità ma’ dak il-mandat, is-CEPT ippubblikat ir-Rapport 79 dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-banda ta’ 5 GHz għall-implimentazzjoni tad-WAS/RLANs wara d-WRC-19. Ir-Rapport 79 tas-CEPT fih kundizzjonijiet tekniċi riveduti għad-WAS/RLANs fil-banda 5 150-5 250 MHz għall-każijiet tal-użu fuq ġewwa li ġejjin: ġewwa l-binjiet u installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq, fit-treni u fl-inġenji tal-ajru, u użu limitat fuq barra. L-operazzjoni tal-UAS huwa permess biss fil-banda 5 170-5 250 MHz bħala każ speċifiku ta’ użu fuq barra. Il-kundizzjonijiet tekniċi proposti għall-banda 5 250-5 350 MHz jippermettu l-użu fuq ġewwa fil-binjiet biss. L-użu tal-banda 5 470-5 725 MHz huwa possibbli ġewwa u barra, iżda esklużi l-installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq, fit-treni u fl-inġenji tal-ajru u l-użu għall-UAS. Ir-riżultati tal-mandat li jinsabu fir-Rapport 79 tas-CEPT intużaw bħala bażi għal din id-Deċiżjoni.

(8)

Fir-Rapport 79 tagħha, is-CEPT ikkonfermat fehim komuni dwar l-importanza li tissolva l-kwistjoni tal-interferenza dannuża għar-radars meteoroloġiċi fil-banda 5 600-5 650 MHz. Sabiex tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-interferenza dannuża għar-radars meteoroloġiċi, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet tekniċi għall-installazzjonijiet tad-WAS/RLAN fil-vetturi tat-triq, fit-treni u fl-inġenji tal-ajru u għall-użu minn sistemi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAS) u tiċċara r-rekwiżiti applikabbli għall-għażla dinamika tal-frekwenzi (DFS). Din id-Deċiżjoni tista’ tiġi rieżaminata fil-futur biex tiġi vvalutata l-effettività ta’ dawk il-miżuri.

(9)

Meta użu ieħor minbarra d-WAS/RLANs ikun ġeografikament limitat u magħruf mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu intitolati li jawtorizzaw fil-livell nazzjonali l-installazzjonijiet fuq ġewwa fit-treni bl-użu tal-baned ta’ frekwenzi 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz, fejn l-użu tad-WAS/RLAN jista’ jiġi kkontrollat u ristrett ġeografikament.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/513/KE u tiżviluppahom. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, id-Deċiżjoni 2005/513/KE jenħtieġ titħassar.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tarmonizza l-kundizzjonijiet għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-baned ta’ frekwenzi 5 150-5 250 MHz, 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz għas-sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inklużi n-networks ta’ żoni lokali bir-radju (WAS/RLANs).

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inklużi n-networks ta’ żoni lokali bir-radju (WAS/RLANs)” tfisser is-sistemi broadband ta’ radjukomunikazzjoni li jippermettu l-aċċess mingħajr fili għal applikazzjonijiet pubbliċi jew privati irrispettivament mit-tipoloġija tan-network sottostanti;

(b)

“użu fuq ġewwa” tfisser l-użu fi spazju magħluq li se jipprovdi l-attenwazzjoni meħtieġa biex tiffaċilita l-kondiviżjoni ma’ servizzi oħra. L-użu fuq ġewwa jista’ jiġi kklassifikat f’erba’ każijiet ta’ użu, kif identifikat fil-kundizzjonijiet tekniċi tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li jirrappreżentaw xenarji speċifiċi: ġewwa l-binjiet u fil-vetturi tat-triq, fit-treni u fl-inġenji tal-ajru;

(c)

“potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti (‘e.i.r.p.’)” tfisser il-multiplikazzjoni tal-potenza fornuta lill-antenna u l-gwadann tal-antenna f’direzzjoni partikolari relattiva għal antenna iżotropika (gwadann assolut jew iżotropiku);

(d)

“potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti (e.i.r.p.) medja” tfisser l-e.i.r.p. matul l-ixkattatura tat-trażmissjoni li tikkorrispondi għall-potenza massima, jekk jiġi implimentat il-kontroll tal-potenza.

Artikolu 3

Sal-31 ta’ Marzu 2022, l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw u jagħmlu disponibbli l-baned ta’ frekwenzi 5 150-5 250 MHz, 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz, fuq bażi mhux esklużiva, għall-implimentazzjoni tad-WAS/RLANs f’konformità mal-kundizzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-evoluzzjoni tal-istandards u t-teknoloġija fir-rigward tal-użu tal-baned ta’ frekwenzi 5 150-5 250 MHz, 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz għad-WAS/RLANs u jirrapportaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni fuq talba ta’ din tal-aħħar jew fuq inizjattiva tagħhom stess sabiex ikun jista’ jsir rieżami f’waqtu ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni 2005/513/KE titħassar.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta’ Marzu 2021“Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, COM(2021) 118 final.

(3)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/513/KE tal-11 ta’ Lulju 2005 dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenza ta’ 5 GHz għall-implimentazzjoni ta’ Sistemi ta’ Aċċess bla Wajers inklużi n-Networks tar-Radju għaż-Żona Lokali (WAS/RLANs) (ĠU L 187, 19.7.2005, p. 22).

(5)  http://www.itu.int/pub/R-REG-RR (edizzjoni tal-2020).


ANNESS

Kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għad-WAS/RLANs fil-baned ta’ frekwenzi 5 150-5 250 MHz, 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz

Tabella1

WAS/RLANs fil-banda ta’ frekwenzi 5 150 -5 250 MHz

Parametru

Kundizzjonijiet tekniċi

Banda ta’ frekwenzi

5 150 -5 250 MHz

Operazzjoni permissibbli

Fuq ġewwa, inklużi installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq, fit-treni u fl-inġenji tal-ajru, u użu limitat fuq barra (nota 1).

L-użu minn sistemi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAS) huwa limitat għal fi ħdan il-banda 5 170 -5 250 MHz.

Potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti medja massima (e.i.r.p.) għall-emissjonijiet fil-banda

200 mW

Eċċezzjonijiet:

E.i.r.p medja massima ta’ 40 mW tapplika għall-installazzjonijiet ġewwa l-vaguni tat-treni b’telf ta’ attenwazzjoni fuq medja ta’ inqas minn 12 dB;

E.i.r.p medja massima ta’ 40 mW tapplika għall-installazzjonijiet ġewwa l-vetturi tat-triq.

Densità e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

10 mW/MHz fi kwalunkwe banda ta’ 1 MHz

Nota 1:

Jekk jintuża fuq barra, it-tagħmir ma għandux jitwaħħal ma’ installazzjoni fissa jew mal-karozzerija esterna tal-vetturi tat-triq, ma’ infrastruttura fissa jew ma’ antenna fissa fuq barra.

Għandhom jintużaw tekniki għall-aċċess tal-ispettru u għall-mitigazzjoni tal-interferenzi li jipprovdu livell xieraq ta’ prestazzjoni għall-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Jekk it-tekniki rilevanti jkunu deskritti fi standards armonizzati jew f’partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mad-Direttiva 2014/53/UE, mill-inqas għandha tkun żgurata prestazzjoni ekwivalenti għal-livell tal-prestazzjoni assoċjat ma’ dawk it-tekniki.

Tabella 2

WAS/RLANs fil-banda ta’ frekwenzi 5 250 -5 350 MHz

Parametru

Kundizzjonijiet tekniċi

Banda ta’ frekwenzi

5 250 -5 350 MHz

Operazzjoni permissibbli

Użu fuq ġewwa: fil-binjiet biss.

L-installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq, fit-treni u fl-inġenji tal-ajru mhumiex permessi (nota 2).

L-użu fuq barra mhuwiex permess.

E.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

200 mW

Densità e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

10 mW/MHz fi kwalunkwe banda ta’ 1 MHz

Tekniki ta’ mitigazzjoni li jridu jintużaw

Kontroll tal-potenza tat-trażmettitur (TPC) u għażla dinamika tal-frekwenzi (DFS).

Jistgħu jintużaw tekniki alternattivi tal-mitigazzjoni diment li mill-inqas dawn jiżguraw prestazzjoni u livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ispettru biex ikunu konformi mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti tad-Direttiva 2014/53/UE u jekk jirrispettaw ir-rekwiżiti tekniċi ta’ din id-Deċiżjoni.

Kontroll tal-potenza tat-trażmettitur (TPC)

It-TPC għandu jipprovdi, bħala medja, fattur ta’ mitigazzjoni ta’ mill-inqas 3 dB fuq il-potenza tal-output massima permessa tas-sistemi; jew, jekk il-kontroll tal-potenza tat-trażmettitur ma jkunx qed jintuża, l-e.i.r.p medja massima permessa u l-limitu tad-densità tal-e.i.r.p medja korrispondenti għandhom jitnaqqsu bi 3 dB.

Għażla dinamika tal-frekwenzi (DFS)

Id-DFS hija deskritta fir-Rakkomandazzjoni ITU-R M. 1652-1 (3) biex tiġi żgurata l-operazzjoni kompatibbli mas-sistemi ta’ radjudeterminazzjoni.

Il-mekkaniżmu tad-DFS għandu jiżgura li l-probabbiltà li jintgħażel kanal partikolari tkun l-istess għall-kanali kollha disponibbli fl-ambitu tal-baned 5 250 -5 350 MHz u 5 470 -5 725 MHz. Il-mekkaniżmu tad-DFS għandu jiżgura wkoll, bħala medja, firxa kważi uniformi tat-tagħbija tal-ispettru.

Id-WAS/RLAN għandu jimplimenta għażla dinamika tal-frekwenzi li tipprovdi mitigazzjoni kontra l-interferenza għar-radar li mill-inqas tkun effiċjenti daqs id-DFS kif deskritt fl-Istandard tal-ETSI EN 301 893 V2.1.1. Il-konfigurazzjonijiet (hardware u/jew software) tad-WAS/RLAN relatati mad-DFS ma għandhomx ikunu aċċessibbli għall-utent jekk il-bdil ta’ dawk il-konfigurazzjonijiet jirriżulta fin-nuqqas ta’ konformità tad-WAS/RLAN mar-rekwiżiti tad-DFS. Dan jinkludi (a) li l-utent ma jitħalliex jibdel il-pajjiż tal-operazzjoni u/jew il-banda ta’ frekwenzi operattiva jekk dan jirriżulta fin-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir mar-rekwiżiti tad-DFS u (b) li ma jiġux aċċettati software u/jew firmware li jirriżulta fin-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir mar-rekwiżiti tad-DFS.

Nota 2:

It-tħaddim tal-installazzjonijiet WAS/RLAN f’inġenji tal-ajru kbar () (ħlief il-ħelikopters b’aktar minn magna waħda) huwa permess sal-31 ta’ Diċembru 2028 b’e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda ta’ 100 mW.

Għandhom jintużaw tekniki għall-aċċess tal-ispettru u għall-mitigazzjoni tal-interferenzi li jipprovdu livell xieraq ta’ prestazzjoni għall-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE. Jekk it-tekniki rilevanti jkunu deskritti fi standards armonizzati jew f’partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mad-Direttiva 2014/53/UE, mill-inqas għandha tkun żgurata prestazzjoni ekwivalenti għal-livell tal-prestazzjoni assoċjat ma’ dawk it-tekniki.

Tabella 3

WAS/RLANs fil-banda ta’ frekwenzi 5 470 -5 725 MHz

Parametru

Kundizzjonijiet tekniċi

Banda ta’ frekwenzi

5 470 -5 725 MHz

Operazzjoni permissibbli

Użu fuq ġewwa u fuq barra.

L-installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq, fit-treni u fl-inġenji tal-ajru u l-użu għall-UAS mhumiex permessi (nota 3).

E.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

1 W

Densità e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

50 mW/MHz fi kwalunkwe banda ta’ 1 MHz

Tekniki ta’ mitigazzjoni li jridu jintużaw

Kontroll tal-potenza tat-trażmettitur (TPC) u għażla dinamika tal-frekwenzi (DFS).

Jistgħu jintużaw tekniki alternattivi tal-mitigazzjoni diment li mill-inqas dawn jiżguraw prestazzjoni u livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ispettru biex ikunu konformi mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti tad-Direttiva 2014/53/UE u jekk jirrispettaw ir-rekwiżiti tekniċi ta’ din id-Deċiżjoni.

Kontroll tal-potenza tat-trażmettitur (TPC)

It-TPC għandu jipprovdi, bħala medja, fattur ta’ mitigazzjoni ta’ mill-inqas 3 dB fuq il-potenza tal-output massima permessa tas-sistemi; jew, jekk il-kontroll tal-potenza tat-trażmettitur ma jkunx qed jintuża, l-e.i.r.p medja massima permessa u l-limitu tad-densità tal-e.i.r.p medja korrispondenti għandhom jitnaqqsu bi 3 dB.

Għażla dinamika tal-frekwenzi (DFS)

Id-DFS hija deskritta fir-Rakkomandazzjoni ITU-R M. 1652-1 biex tiġi żgurata l-operazzjoni kompatibbli mas-sistemi ta’ radjudeterminazzjoni.

Il-mekkaniżmu tad-DFS għandu jiżgura li l-probabbiltà li jintgħażel kanal partikolari tkun l-istess għall-kanali kollha disponibbli fl-ambitu tal-baned 5 250 -5 350 MHz u 5 470 -5 725 MHz. Il-mekkaniżmu tad-DFS għandu jiżgura wkoll, bħala medja, firxa kważi uniformi tat-tagħbija tal-ispettru.

Id-WAS/RLAN għandu jimplimenta għażla dinamika tal-frekwenzi li tipprovdi mitigazzjoni kontra l-interferenza għar-radar li mill-inqas tkun effiċjenti daqs id-DFS kif deskritt fl-Istandard tal-ETSI EN 301 893 V2.1.1. Il-konfigurazzjonijiet (hardware u/jew software) tad-WAS/RLAN relatati mad-DFS ma għandhomx ikunu aċċessibbli għall-utent jekk il-bdil ta’ dawk il-konfigurazzjonijiet jirriżulta fin-nuqqas ta’ konformità tad-WAS/RLANs mar-rekwiżiti tad-DFS. Dan jinkludi (a) li l-utent ma jitħalliex jibdel il-pajjiż tal-operazzjoni u/jew il-banda ta’ frekwenzi operattiva jekk dan jirriżulta fin-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir mar-rekwiżiti tad-DFS u (b) li ma jiġux aċċettati software u/jew firmware li jirriżulta fin-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir mar-rekwiżiti tad-DFS.

Nota 3:

It-tħaddim tal-installazzjonijiet WAS/RLAN f’inġenji tal-ajru kbar (ħlief il-ħelikopters b’aktar minn magna waħda), ħlief fil-banda ta’ frekwenzi 5 600 – 5 650 MHz, huwa permess sal-31 ta’ Diċembru 2028 b’e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda ta’ 100 mW.

Għandhom jintużaw tekniki għall-aċċess tal-ispettru u għall-mitigazzjoni tal-interferenzi li jipprovdu livell xieraq ta’ prestazzjoni għall-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE. Jekk it-tekniki rilevanti jkunu deskritti fi standards armonizzati jew f’partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mad-Direttiva 2014/53/UE, mill-inqas għandha tkun żgurata prestazzjoni ekwivalenti għal-livell tal-prestazzjoni assoċjat ma’ dawk it-tekniki.


(1)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(2)  F’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014, inġenju tal-ajru kbir tfisser inġenju tal-ajru, ikklassifikat bħala ajruplan b’massa massima waqt it-tlugħ ta’ aktar minn 5 700 kg, jew ħelikopter b’aktar minn magna waħda. Madankollu, l-ħelikopters b’aktar minn magna waħda huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tan-noti 2 u 3.

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni ITU-R M. 1652-1, “Għażla dinamika tal-frekwenzi fis-sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inklużi n-networks ta’ żoni lokali bir-radju għall-iskop li jiġi protett is-servizz ta’ radjudeterminazzjoni fil-banda ta’ 5 GHz”


Top