EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0081

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/81 tat-18 ta’ Jannar 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ST/14722/2021/INIT

ĠU L 13, 20.1.2022, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/81/oj

20.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/49


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/81

tat-18 ta’ Jannar 2022

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE (2) awtorizzat lil-Latvja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill -Artikolu 21(1), il-punt (a), tad-Direttiva 77/388/KEE (3), biex tinnomina lir-riċevitur bħala l-persuna responsabbli li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) fuq il-provvista tal-injam ippreparat jew fuq il-forniment tas-servizzi relatati sal-31 ta’ Diċembru 2009. Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE (4), b’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Latvja kienet awtorizzata li tkompli tinnomina lir-riċevitur tal-injam ippreparat jew tas-servizzi relatati bħala l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT fil-każ ta’ tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat sal-31 ta’ Diċembru 2012 (“il-miżura speċjali”). Wara estensjonijiet suċċessivi, dik l-awtorizzazzjoni hija mistennija tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021 (5).

(2)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-4 ta’ April 2021, il-Latvja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali. Flimkien ma’ dik l-ittra, il-Latvja ppreżentat rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dik il-miżura speċjali.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bl-ittri tad-9 ta’ Awwissu 2021, u lil Spanja bl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2021, dwar it-talba li għamlet il-Latvja. Bl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba.

(4)

Skont il-Latvja, is-suq tal-injam ippreparat, li huwa wieħed mill-aktar setturi importanti tal-ekonomija tagħha, huwa partikolarment sensittiv għall-frodi tal-VAT għaliex huwa ddominat minn għadd kbir ta’ operaturi lokali żgħar u fornituri individwali. In-natura tas-suq u tan-negozji involuti ġġenerat frodi tal-VAT, li l-awtoritajiet tat-taxxa Latvjani sabuha diffiċli biex jikkontrollaw. Sabiex jiġi miġġieled dan l-abbuż, l-awtoritajiet tat-taxxa Latvjani introduċew il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-ħlas tal-VAT fi tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat, li wera li huwa effettiv ħafna u naqqas il-frodi f’dak is-suq b’mod sinifikanti, skont ir-rapport ippreżentat mil-Latvja.

(5)

B’mod ġenerali, il-miżuri speċjali għad-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva. Il-miżuri speċjali għad--deroga jagħtu żmien lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra fil-livell nazzjonali biex jiġi mmonitorjat il-moviment tal-materjali, il-ħlas tal-VAT, u l-konformità tal-persuni taxxabbli, liema miżuri konvenzjonali jenħtieġ li jindirizzaw il-problema rispettiva sal-iskadenza tal-miżura speċjali, u b’hekk l-estensjoni tal-miżura speċjali ssir superfluwa. Deroga li tippermetti l-użu tal-proċedura tar-reverse charge tingħata biss eċċezzjonalment għal oqsma frodulenti speċifiċi u tikkostitwixxi mezz tal-aħħar għażla. Għalhekk, jenħtieġ li l-Latvja timplimenta miżuri konvenzjonali oħra biex tiġġieled u tipprevjeni l-frodi tal-VAT fis-suq tal-injam ippreparat qabel l-iskadenza tal-estensjoni tal-miżura speċjali skont din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, biex ma jkunx hemm il-ħtieġa ta’ estensjoni oħra tal-miżura speċjali.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Latvja tkun awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024 biss.

(7)

Sabiex jiġu evitati effetti ta’ tfixkil, il-Latvja jenħtieġ li titħalla tapplika l-miżura speċjali mingħajr interruzzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022, sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2009/1008/UE.

(8)

Il-miżura speċjali mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.’.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE tal-24 ta’ Jannar 2006 li tawtorizza lil-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura li tidderoga minn Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat (ĠU L 25, 28.1.2006, p. 31).

(3)  Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE tas-7 ta’ Diċembru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 24.12.2009, p. 30).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2006 tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 322, 18.12.2018, p. 20).


Top