Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1821

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1821 tat-18 ta’ Ottubru 2021 li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

    C/2021/7351

    ĠU L 369, 19.10.2021, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1821/oj

    19.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 369/5


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1821

    tat-18 ta’ Ottubru 2021

    li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1),

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 tat-12 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

    Billi,

    A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

    (1)

    Fit-13 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina (“oġġetti li jintużaw fuq il-mejda”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 (“ir-Regolament oriġinali”) (3).

    (2)

    Fit-12 ta’ Lulju 2019, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri tar-regolament oriġinali għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198.

    (3)

    Fit-28 ta’ Novembru 2019, wara investigazzjoni antiċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament (UE) 2019/1198 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 (4).

    (4)

    Fl-investigazzjoni oriġinali, il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    (5)

    Il-Kummissjoni impona rati individwali ta’ dazju anti-dumping li jvarjaw minn 13,1 % sa 23,4 % (5) fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għall-produtturi esportaturi mir-RPĊ inklużi fil-kampjun. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 17,9 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1198 kif emendat mir-Regolament (UE) 2019/2131. Barra minn hekk, ġiet imposta wkoll rata ta’ dazju mal-pajjiż kollu ta’ 36,1 % fuq il-prodott ikkonċernat minn kumpaniji fir-RPĊ li jew ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

    (6)

    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1198, il-Kummissjoni tista’ temenda l-Anness I ta’ dak ir-Regolament billi tagħti lil produttur esportatur ġdid ir-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun, jiġifieri r-rata tad-dazju medja ponderata ta’ 17,9 %, meta kwalunkwe produttur esportatur ġdid fir-RPĊ jipprovdi evidenza suffiċjenti lill-Kummissjoni li:

    (a)

    ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni”);

    (b)

    mhux relatat mal-ebda esportatur jew produttur fir-RPĊ li huwa soġġett għall-miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament (UE) 2019/1198; kif ukoll

    (c)

    hu effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni jew inkella daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni għal rieżami.

    B.   TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

    (7)

    Il-kumpanija Liling Taichang Ceramics Co., Ltd. (“Taichang” jew “l-applikant”), ressqet talba lill-Kummissjoni biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (new exporting producer treatment — “NEPT”) u għalhekk hija soġġetta għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ mhux inklużi fil-kampjun, li hija ta’ 17,9 %. L-applikant qal li kien jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1198.

    (8)

    Biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jingħata n-NEPT kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1198 (“il-kriterji NEPT”), il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet għal evidenza li turi li hu kien qed jissodisfa l-kriterji NEPT.

    (9)

    Wara l-analiżi tat-tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni u evidenza ta’ sostenn, li l-applikant ippreżenta.

    (10)

    Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tan-NEPT. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza ppreżentata mill-applikant fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju, billi kkonsultat diversi bażijiet ta’ data online inkluża Qichacha (6) u billi kkontroverifikat l-informazzjoni tal-kumpanija mal-informazzjoni disponibbli pubblikament fuq l-Internet. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-industrija tal-Unjoni dwar it-talba tal-applikant u stednitu jipprovdi kwalunkwe kumment jekk ikun hemm bżonn. L-industrija tal-Unjoni pprovdiet kummenti li ġew ikkunsidrati.

    C.   ANALIŻI TAT-TALBA

    (11)

    Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE) 2019/1198 li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li l-miżuri huma bbażati fuqu, waqt l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant dak iż-żmien tassew ma kienx jeżisti bħala kumpanija. L-Artikoli ta ‘Assoċjazzjoni ta’ Taichang u l-liċenzja tan-negozju tagħha jibdew minn Marzu 2016. Għaldaqstant, l-applikant ma setax jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk jissodisfa din il-kundizzjoni.

    (12)

    Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (UE) 2019/1198 li l-applikant mhu relatat mal-ebda esportatur jew produttur li huwa soġġett għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament 2019/1198, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li Taichang mhi relatata mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping. Skond Qichacha, l-azzjonist ewlieni ta’ Taichang, is-Sur Zhou Jianxiang, m’għandux ishma fl-ebda kumpanija li tittratta l-produzzjoni, l-ipproċessar, il-bejgħ jew ix-xiri tal-prodott ikkonċernat għajr Taichang innifisha. Il-bqija tal-ishma tal-kumpannija huma proprjetà tal-kumpannija relatata Liling Taichang Carton Factory (iktar’ il quddiem “Taichang Carton”), li l-uniku azzjonist tagħha huwa wkoll is-Sur Zhou Jianxiang.

    (13)

    Taichang Carton, stabbilita f’Jannar 2014, jiġifieri wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, kienet involuta fl-ipproċessar tal-prodott ikkonċernat għal kumpaniji terzi sa Marzu 2017. F’Marzu 2017, Taichang Carton ittrasferixxiet il-faċilitajiet ta’ produzzjoni rilevanti lir-rikorrenti bħala l-injezzjoni ta’ kapital tagħha bħala azzjonista. Wara dan, Taichang Carton waqqfet l-operat tagħha stess. Il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda relazzjoni skont id-definizzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (7). Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

    (14)

    Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (UE) 2019/1198, li l-applikant fil-fatt esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant esporta lejn l-Unjoni fl-2019 u l-2020, għalhekk wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. L-applikant issottometta fatturi, poloz tal-kargu u rċevuti tal-ħlas għal tliet ordnijiet magħmula minn kumpanija fi Franza. Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

    (15)

    Għaldaqstant, l-applikant jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet li biex jingħata n-NEPT, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1198 u jenħtieġ għalhekk li t-talba tiġi milqugħa. Konsegwentement, l-applikant għandu jkun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 17,9 % għall-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali.

    D.   DIVULGAZZJONI

    (16)

    L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet skont liema tqies xieraq li tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali lil Liling Taichang Ceramics Co., Ltd.

    (17)

    Il-partijiet ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw kummenti. Ma wasal l-ebda kumment.

    (18)

    Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-Anness I tar-Regolament 2019/1198 li fih il-lista tal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

    Kumpanija

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    Liling Taichang Ceramics Co., Ltd.

    C685

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  ĠU L 189, 15.7.2019, p. 8.

    (3)  ĠU L 131, 15.5.2013, p. 1.

    (4)  ĠU L 321, 12.12.2019, p. 139.

    (5)  Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/2131, ir-rati individwali jvarjaw bejn 13,1 % u 18,3 %.

    (6)  Qichacha hija bażi ta’ data privata, bi skop ta’ qligħ, li tipprovdi data kummerċjali, informazzjoni ta’ kreditu, u analitika ta’ kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, għall-konsumaturi/professjonisti.

    (7)  L-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558) (il-Kodiċi Doganali tal-UE), jistipula li żewġ persuni għandhom jitqiesu relatati jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew iktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni li huma assoċjati fin-negozju ma’ xulxin, fis-sens li waħda tkun l-aġent waħdieni, id-distributur waħdieni jew il-konċessjonarju waħdieni, bi kwalunkwe mod deskritt, tal-persuna l-oħra, għandhom jitqiesu bħala relatati biss jekk ikunu jaqgħu fi ħdan il-kriterji msemmija fis-sentenza ta’ qabel.


    Top