Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1231

    Regolament (UE) 2021/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

    PE/36/2021/REV/1

    ĠU L 274, 30.7.2021, p. 32–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1231/oj

    30.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 274/32


    REGOLAMENT (UE) 2021/1231 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-14 ta’ Lulju 2021

    li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Minn meta ġie adottat ir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ’l hawn (3), l-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO), fil-41 u t-42 laqgħa annwali tagħha fl-2019 u fl-2020 rispettivament, adottat għadd ta’ deċiżjonijiet legalment vinkolanti għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd li huma fl-ambitu tagħha.

    (2)

    Dawk id-deċiżjonijiet huma indirizzati lill-Partijiet Kontraenti tan-NAFO, iżda jinkludu wkoll obbligi għall-operaturi (pereżempju l-kaptan tal-bastiment). Daħlu fis-seħħ miżuri ta’ Konservazzjoni u ta’ Infurzar (CEM) tan-NAFO ġodda li huma vinkolanti għall-Partijiet Kontraenti kollha tan-NAFO. Dawn iridu jiddaħħlu fil-liġi tal-Unjoni sakemm mhumiex diġà previsti mil-liġi tal-Unjoni.

    (3)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/833 jiġi adattat sabiex japplika l-istandards tan-NAFO għall-kejl tal-malji, biex tiddaħħal id-definizzjoni ta’ “bastiment tas-sajd” li tuża n-NAFO sabiex l-awtoritajiet ta’ kontroll u ta’ infurzar tal-Unjoni jkunu jistgħu jaħdmu f’konformità mal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn tan-NAFO, u sabiex jitjieb il-fluss tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO.

    (4)

    Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-missjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) hija, fost l-oħrajn, li torganizza l-koordinazzjoni operazzjonali tal-attivitajiet ta’ kontroll u ta’ spezzjoni tas-sajd mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-programmi internazzjonali ta’ kontroll u ta’ spezzjoni bħall-Iskema Konġunta ta’ Spezzjoni u ta’ Sorveljanza tan-NAFO, u li tkun ta’ assistenza għall-Istati Membri fir-rappurtar ta’ informazzjoni dwar attivitajiet ta’ sajd u attivitajiet ta’ kontroll u ta’ spezzjoni lill-Kummissjoni u partijiet terzi. Għalhekk huwa xieraq li l-EFCA tkun il-korp li jirċievi l-informazzjoni marbuta mal-kontroll u mal-ispezzjoni, bħar-rapporti tal-ispezzjoni fuq il-baħar u n-notifiki tal-iskema tal-osservaturi ta’ kontroll, mingħand l-Istati Membri, u li għandu jibgħatha lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO.

    (5)

    Il-proċedura tas-CEM biex il-Partijiet Kontraenti jibgħatu l-informazzjoni lis-sit web tan-NAFO għall-Monitoraġġ, il-Kontroll u s-Sorveljanza (MCS) tinvolvi li tintbagħat l-informazzjoni li trid tiġi trażmessa lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO. Għalhekk jeħtieġ li jiġu aġġornati d-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament (UE) 2019/833 biex tiġi riflessa din il-bidla u biex jiġu ċċarati l-mezzi li l-Istati Membri għandhom jużaw biex jibgħatu l-informazzjoni rilevanti.

    (6)

    Jeħtieġ li jiddaħħlu wkoll id-dispożizzjonijiet tas-CEM għall-ħarsien tal-kelb il-baħar ta’ Greenland (Somniosus microcephalus), li d-dispożizzjonijiet marbutin mal-arranġamenti tal-kiri jiġu allinjati ma’ dawk tas-CEM u li tiġi speċifikata l-ħtieġa li l-Parti Kontraenti li tkun l-Istat tal-port tagħti l-kunsens tagħha biex l-ispetturi ta’ Parti Kontraenti oħra jintbagħtu abbord il-bastimenti tas-sajd.

    (7)

    Ċerti dispożizzjonijiet tas-CEM x’aktarx jiġu emendati waqt il-laqgħat annwali tan-NAFO minħabba l-introduzzjoni ta’ miżuri tekniċi ġodda b’rabta mat-tibdil fil-bijomassa tal-istokkijiet u r-reviżjoni tar-restrizzjonijiet taż-żoni għall-attivitajiet tas-sajd tal-qiegħ. Għalhekk, sabiex l-emendi futuri tas-CEM jiddaħħlu malajr fil-liġi tal-Unjoni qabel il-bidu tal-istaġun tas-sajd, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b’rabta mar-regolazzjoni tad-daqs tal-malji, tal-għeriebel jew tal-gradilji u tal-ktajjen bil-kuċinilli li jintużaw fis-sajd għall-gambli tat-Tramuntana u b’rabta mar-restrizzjonijiet taż-żoni għall-attivitajiet tas-sajd tal-qiegħ. Huwa importanti ferm li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet twettaqhom skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċievuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (8)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/833 jiġi emendat,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (UE) 2019/833

    Ir-Regolament (UE) 2019/833 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (6) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(6)

    ‘bastiment tas-sajd’ tfisser kull bastiment tal-Unjoni li jkun mgħammar biex iwettaq l-attivitajiet tas-sajd jew li jkun maħsub għal dan il-għan jew li jkun involut fl-attivitajiet tas-sajd, inkluż l-ipproċessar tal-ħut, it-trażbord jew f’kull attività oħra bi tħejjija għall-attivitajiet tas-sajd jew b’rabta magħhom, inkluż l-attivitajiet tas-sajd sperimentali jew esploratorju;”;

    (b)

    jiżdied il-punt li ġej:

    “(31)

    ‘sit web tal-MCS’ tfisser is-sit web tan-NAFO marbut mal-Monitoraġġ, mal-Kontroll u mas-Sorveljanza li fih informazzjoni rilevanti għall-ispezzjonijiet fuq il-baħar u għall-ispezzjonijiet fil-port.”

    (2)

    L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom jistadu għall-istokkijiet li għalihom l-Unjoni ma tkunx ingħatat kwota skont l-opportunitajiet tas-sajd fis-seħħ (il-kwota “Oħrajn”), jekk tkun teżisti t-tali kwota u jekk is-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO ma jkunx għarrafhom li ngħalaq dak is-sajd.”;

    (b)

    fil-paragrafu 3, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-EFCA dwar l-ismijiet tal-bastimenti tal-Unjoni li jkun beħsiebhom jistadu għall-kwota “Oħrajn” tal-inqas 48 siegħa qabel kull dħul fiż-Żona Regolatorja, u wara minimu ta’ 48 siegħa mill-ħruġ miż-Żona Regolatorja. Jekk ikun possibbli, ma’ dik in-notifika għandha tintbagħat stima tal-qabda mistennija. Meta l-Kummissjoni tqis li jkunu ġew issodisfati l-kondizzjonijiet rilevanti stabbiliti fis-CEM, hija għandha tgħarraf lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO.”.

    (3)

    Fl-Artikolu 6(1), il-punti (d) u (e) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(d)

    jagħlaq is-sajd dirett għar-redfish fid-Diviżjoni 3M bejn 24:00 UTC tal-jum li fih ikun stmat li l-qabda totali rrappurtata tkun laħqet il-50 % tat-TAC għar-redfish fid-Diviżjoni 3M, kif innotifikat skont il-paragrafu 3, u l-1 ta’ Lulju.”;

    “(e)

    jagħlaq is-sajd dirett għar-redfish fid-Diviżjoni 3M f’24:00 UTC tal-jum li fih ikun stmat li l-qabda totali rrappurtata tkun laħqet il-100 % tat-TAC għar-redfish fid-Diviżjoni 3M, kif innotifikat skont il-paragrafu 3.”.

    (4)

    Fl-Artikolu 7(2), il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    meta l-Unjoni ma tkun ingħatat l-ebda kwota għal dak l-istokk f’dik id-Diviżjoni, skont l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu fis-seħħ.”;

    “(b)

    meta jkun hemm projbizzjoni fis-seħħ fuq is-sajd għal dak l-istokk partikolari (moratorju); jew”.

    (5)

    Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 9a

    Bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M

    1.   Il-miżuri ta’ kontroll li ġejjin għandhom japplikaw għall-bastimenti b’aktar minn 1 250 kg ta’ qabdiet ta’ bakkaljaw mid-Diviżjoni 3M abbord:

    (a)

    il-bastimenti għandhom iħottu l-art jew jittrażbordaw il-qabdiet tal-bakkaljaw tagħhom mid-Diviżjoni 3M biss fil-portijiet magħżula skont l-Artikolu 39;

    (b)

    tal-inqas 48 siegħa qabel il-ħin mistenni tal-wasla tiegħu fil-port, bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu f’ismu, għandu javża lill-awtorità kompetenti tal-port bil-ħin mistenni tal-wasla tiegħu fil-port, bl-istima tal-kwantità ta’ qabdiet ta’ bakkaljaw mid-Diviżjoni 3M miżmum abbord, u bl-informazzjoni dwar id-Diviżjoni jew id-Diviżjonijiet li fihom ikun wettaq qabdiet oħra ta’ bakkaljaw li jkunu miżmuma abbord;

    (c)

    kull Stat Membru għandu jispezzjona kull ħatt l-art jew trażbord tal-qabdiet tal-bakkaljaw mid-Diviżjoni 3M fil-portijiet tiegħu u għandu jħejji rapport tal-ispezzjoni fil-format preskritt fl-Anness IV.C għas-CEM imsemmi fil-punt 9 tal-Anness għal dan ir-Regolament, u jibgħatu lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO, b’kopja lill-Kummissjoni u lill-EFCA, fi żmien 12-il jum tax-xogħol mid-data li fiha tkun intemmet l-ispezzjoni. Dak ir-rapport għandu jidentifika u jipprovdi dettalji ta’ kwalunkwe ksur ta’ dan ir-Regolament li jkun ġie nnutat waqt l-ispezzjoni fil-port. Għandu jinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli b’rabta mal-każijiet ta’ ksur li jkunu ġew innutati fuq il-baħar waqt il-vjaġġ attwali tal-bastiment tas-sajd spezzjonat.

    2.   Kull Stat Membru għandu jispezzjona l-bastimenti b’inqas minn 1 250 kg ta’ qabdiet tal-bakkaljaw mid-Diviżjoni 3M abbord fuq bażi ta’ ġestjoni tar-riskju.

    3.   Il-Kummissjoni jew korp maħtur minnha għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 tintbagħat lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO mingħajr dewmien, biex tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-MCS.”

    (6)

    L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-isem ta’ kull port li jkun għażel għal dan il-għan, li għandha tibagħtu lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO. Kull bidla sussegwenti għal-lista għandha tintbagħat biex tissostitwixxi dik preċedenti mhux inqas minn 20 jum qabel ma tidħol fis-seħħ dik il-bidla;”;

    (ii)

    il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    kull Stat Membru għandu jispezzjona ħatt l-art kollu tal-ħalibatt ta’ Greenland fil-portijiet tiegħu u għandu jħejji rapport tal-ispezzjoni fil-format preskritt fl-Anness IV.C għas-CEM imsemmi fil-punt 9 tal-Anness għal dan ir-Regolament, u jibgħatu lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO, b’kopja lill-Kummissjoni u l-EFCA, fi żmien 14-il jum tax-xogħol mid-data meta jkun temm l-ispezzjoni. Fir-rapport għandhom jiġu identifikati l-każijiet kollha ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament li jkunu ġew innutati waqt l-ispezzjoni fil-port u għandhom jingħataw id-dettalji dwarhom. Għandu jkun fih l-informazzjoni rilevanti kollha li tkun disponibbli b’rabta mal-każijiet ta’ ksur li jkunu ġew innutati fuq il-baħar waqt il-vjaġġ attwali tal-bastiment tas-sajd spezzjonat.”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, il-punt (d)(i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(i)

    huwa ma jirċievi l-ebda konferma dwar dan fi żmien 72 siegħa minn meta jkun bagħat in-notifika tiegħu skont il-punt (a); jew”.

    (7)

    Fl-Artikolu 12, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “9.   Għandu jkun ipprojbit li jsir sajd b’mod dirett għall-kelb il-baħar ta’ Greenland (Somniosus microcephalus) fiż-Żona Regolatorja.

    10.   Il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru għandhom iwettqu l-isforzi raġonevoli kollha biex inaqqsu kemm jista’ jkun il-qabdiet inċidentali tal-klieb il-baħar ta’ Greenland u l-mortalità tagħhom u, meta dawn jinqabdu ħajjin, jeħilsuhom b’mod li jagħmlilhom l-inqas ħsara possibbli.”.

    (8)

    L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, id-daqs tal-malji għandu jitkejjel skont l-Anness III.A għas-CEM imsemmi fil-punt 10 tal-Anness għal dan ir-Regolament.”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    40 mm għall-gambli, inkluż il-gamblu tat-Tramuntana (PRA);”.

    (9)

    Fl-Artikolu 14, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “3a.   Il-bastimenti tas-sajd li jwettqu sajd bit-tkarkir dirett għall-bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M għandhom jużaw għarbiel għall-fini li jitnaqqsu l-qabdiet ta’ individwi iżgħar ta’ bakkaljaw bi spazju minimu ta’ 55 mm bejn il-vireg tagħhom. L-għarbiel għandu jitqiegħed fil-pannell tan-naħa ta’ fuq tax-xibka tat-tkarkir li tiġi qabel il-manka.”.

    (10)

    L-Artikolu 18, huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 18

    Restrizzjonijiet taż-żoni għall-attivitajiet tas-sajd tal-qiegħ

    1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2021, l-ebda bastiment ma għandu jwettaq attivitajiet tas-sajd tal-qiegħ fi kwalunkwe żona murija fl-Istampa 3 tas-CEM imsemmija fil-punt 14 tal-Anness għal dan ir-Regolament, u ddefinita billi jingħaqdu l-koordinati speċifikati fit-Tabella 5 tas-CEM imsemmija fil-punt 15 tal-Anness għal dan ir-Regolament, fl-ordni numerika tagħhom u mbagħad lura għall-koordinat 1.

    2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2021, l-ebda bastiment ma għandu jwettaq attivitajiet tas-sajd tal-qiegħ fiż-żona tad-Diviżjoni 3O murija fl-Istampa 4 tas-CEM imsemmija fil-punt 16 tal-Anness għal dan ir-Regolament, u ddefinita billi jingħaqdu l-koordinati speċifikati fit-Tabella 6 tas-CEM imsemmija fil-punt 17 tal-Anness għal dan ir-Regolament, fl-ordni numerika tagħhom u mbagħad lura għall-koordinat 1.

    3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2021, l-ebda bastiment ma għandu jwettaq attivitajiet tas-sajd tal-qiegħ fiż-żoni 1-13 murija fl-Istampa 5 tas-CEM imsemmija fil-punt 18 tal-Anness għal dan ir-Regolament, u ddefinita billi jingħaqdu l-koordinati speċifikati fit-Tabella 7 tas-CEM imsemmijin fil-punt 19 tal-Anness għal dan ir-Regolament, f’ordni numerika u mbagħad lura għall-koordinat 1.”

    (11)

    L-Artikolu 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 23

    Arranġamenti tal-kiri

    1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “Parti Kontraenti li qed tikri” tirreferi għall-Parti Kontraenti li għandha allokazzjoni kif indikat fl-Anness I.A u fl-Anness I.B għas-CEM, jew għall-Istat Membru li għandu allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd, u “Parti Kontraenti li hija l-Istat tal-bandiera” tirreferi għall-Parti Kontraenti jew għall-Istat Membru fejn huwa rreġistrat il-bastiment mikri.

    2.   L-allokazzjoni kollha tas-sajd ta’ Parti Kontraenti li qed tikri, jew parti minnha, tista’ tinqabad bl-użu ta’ bastiment awtorizzat mikri (“bastiment mikri”) li jtajjar il-bandiera ta’ Parti Kontraenti oħra, bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-Parti Kontraenti li tkun l-Istat tal-bandiera tkun qablet bil-miktub mal-arranġament tal-kiri;

    (b)

    l-arranġament tal-kiri jkun limitat għal bastiment wieħed tas-sajd għal kull Parti Kontraenti li tkun l-Istat tal-bandiera f’kull sena kalendarja;

    (c)

    f’sena kalendarja, il-perijodu tal-ħidmiet tas-sajd skont l-arranġament tal-kiri ma jkunx jaqbeż is-sitt xhur meta jittieħed kollu f’daqqa; u

    (d)

    il-bastiment mikri ma jkunx bastiment li qabel kien ġie identifikat bħala bastiment li wettaq is-sajd IUU.

    3.   Il-qabdiet u l-qabdiet aċċessorji kollha li l-bastiment mikri jagħmel skont l-arranġament tal-kiri għandhom jiġu attribwiti lill-Parti Kontraenti li qed tikri.

    4.   Meta l-bastiment mikri jkun qed iwettaq ħidmiet tas-sajd skont l-arranġament tal-kiri, il-Parti Kontraenti li tkun l-Istat tal-bandiera ma għandhiex tawtorizzah jistad għal xi waħda mill-allokazzjonijiet tagħha u ma għandhiex tawtorizzah jistad skont arranġament tal-kiri ieħor fl-istess ħin.

    5.   Ma jista’ jsir l-ebda trażbord fuq il-baħar mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Parti Kontraenti li qed tikri, li għandha tiżgura li dan isir taħt is-superviżjoni ta’ osservatur li jkun abbord.

    6.   Il-Parti Kontraenti li tkun l-Istat tal-bandiera għandha tgħarraf lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO bil-miktub, qabel ma jibda l-arranġament tal-kiri, li hija taqbel mal-arranġament tal-kiri u għandha tagħti kopja tal-avviż li joħroġ is-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO bid-dettalji tal-kiri lill-bastiment mikri.

    6a.   Meta l-bastiment mikri jkun bastiment tas-sajd tal-Unjoni, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-miktub b’dan qabel ma jibda jitħaddem l-arranġament tal-kiri. Meta l-Kummissjoni tqis li jkunu ġew issodisfati l-kondizzjonijiet rilevanti stabbiliti fis-CEM, hija għandha tgħarraf lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO li hija taqbel mal-arranġament tal-kiri.

    6b.   Qabel id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-arranġament tal-kiri, il-Parti Kontraenti li qed tikri għandha tibgħat l-informazzjoni li ġejja bil-miktub lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO u lill-bastiment mikri, li għandu dejjem iżomm kopja tagħha abbord:

    (a)

    l-isem, ir-reġistrazzjoni fl-Istat tal-bandiera, in-numru tal-OMI u l-Istat tal-bandiera tal-bastiment;

    (b)

    l-isem jew l-ismijiet u l-Istat jew l-Istati tal-bandiera preċedenti tal-bastiment, jekk kellu;

    (c)

    l-isem u l-indirizz tas-sid jew tas-sidien u tal-operaturi tal-bastiment;

    (d)

    kopja tal-arranġament tal-kiri u ta’ kull awtorizzazzjoni jew liċenzja tas-sajd li l-Parti Kontraenti li qed tikri tkun ħarġet lill-bastiment mikri; u

    (e)

    l-allokazzjoni mogħtija lill-bastiment.

    6c.   Meta l-Parti Kontraenti li qed tikri tkun l-Unjoni, l-Istat Membru li qed jikri għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6b qabel ma jidħol fis-seħħ l-arranġament tal-kiri. Meta l-Kummissjoni tqis li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fis-CEM, hija għandha tibgħat l-informazzjoni lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO.

    7.   Meta l-bastiment mikri jkun bastiment tas-sajd tal-Unjoni, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jgħarraf lill-Kummissjoni minnufih malli jseħħ xi wieħed mill-avvenimenti li ġejjin:

    (a)

    malli jinbdew il-ħidmiet tas-sajd skont l-arranġament tal-kiri;

    (b)

    malli jiġu sospiżi l-ħidmiet tas-sajd skont l-arranġament tal-kiri;

    (c)

    malli jerġgħu jinbdew il-ħidmiet tas-sajd skont arranġament tal-kiri li jkun ġie sospiż;

    (d)

    malli jintemmu l-ħidmiet tas-sajd skont l-arranġament tal-kiri.

    8.   Il-Parti Kontraenti li tkun l-Istat tal-bandiera għandha żżomm reġistru separat tad-data dwar il-qabdiet u dwar il-qabdiet aċċessorji mill-ħidmiet tas-sajd skont kull arranġament tal-kiri ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu u għandha tibgħat rapport dwarhom lill-Kummissjoni, li għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parti Kontraenti li qed tikri u lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO.”.

    (12)

    L-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    fih jiġu rreġistrati b’mod preċiż il-qabdiet minn kull tkarkira jew minn kull kalata, imqassmin skont id-Diviżjoni;”;

    (b)

    il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    tiġi rreġistrata l-produzzjoni ta’ kull speċi u ta’ kull tip ta’ prodott, imqassma skont id-Diviżjoni;”;

    (ii)

    il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    kull entrata tiġi rreġistrata skont l-Artikolu 24; u”;

    (iii)

    jiżdied il-punt li ġej:

    “(e)

    meta l-produzzjoni tkun seħħet fil-jum tal-ispezzjoni, l-informazzjoni marbuta ma’ kull qabda pproċessata għal dak il-jum titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ spettur fuq talba.”;

    (c)

    il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    rapport tal-qabda (CAT): l-għadd ta’ ħut li nżamm u l-għadd ta’ ħut li ġie skartat skont l-ispeċi fil-jum ta’ qabel ir-rapport, skont id-Diviżjoni, inkluż is-sajd li matulu ma nqabad l-ebda ħut, li għandu jintbagħat ta’ kuljum qabel 12:00 UTC, sakemm ma jkunx intbagħat f’rapport COX; is-sajd li matulu ma jkun inqabad l-ebda ħut li nżamm jew li ġie skartat tal-ispeċijiet kollha għandu jiġi rrappurtat billi jintuża l-kodiċi alfa-3 MZZ (speċijiet tal-baħar mhux speċifikati) u l-kwantità bħala “0”, hekk kif juru l-eżempji li ġejjin (//CA/MZZ 0//u//RJ/MZZ 0//);”;

    (ii)

    it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-qabdiet għandhom jiġu rrappurtati fil-livell tal-ispeċi bil-kodiċi tal-alfa-3 li jikkorrispondi magħhom mogħti fl-Anness I.C għas-CEM imsemmi fil-punt 11 tal-Anness għal dan ir-Regolament jew, jekk ma jkunux inklużi fl-Anness I.C għas-CEM, għandu jintuża l-kodiċi mogħti fil-Lista tal-Ispeċijiet għall-Finijiet tal-Istatistika dwar is-Sajd tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-FAO dwar ix-Xjenza Akkwatika u s-Sajd. Il-piż stmat tal-klieb il-baħar maqbudin għal kull ġbir jew kalata tax-xbieki wkoll għandu jiġi rreġistrat.”;

    (d)

    fil-paragrafu 9, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika jekk il-qabdiet kollha jkunu ġew irrappurtati skont il-paragrafu 6.”.

    (13)

    L-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 5, jiżdied il-punt li ġej:

    “(g)

    jibgħat ir-rapport ta’ kuljum tal-osservatur imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 11 lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO b’mod elettroniku u mingħajr dewmien wara li jirċevih.”;

    (b)

    il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “7.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi:

    (a)

    sa mhux aktar tard minn 24 siegħa qabel ma osservatur jintbagħat abbord bastiment tas-sajd, isem il-bastiment tas-sajd u s-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju tiegħu, flimkien ma’ isem l-osservatur ikkonċernat u n-numru tal-identità tiegħu (jekk dan ikun japplika);

    (b)

    fi żmien 20 jum minn meta l-bastiment jasal fil-port, ir-rapport tal-osservatur dwar il-vjaġġ imsemmi fil-paragrafu 11;

    (c)

    sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena, rapport dwar il-konformità tiegħu mal-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu b’rabta mas-sena kalendarja ta’ qabel.”.

    (c)

    il-paragrafu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “15.   L-informazzjoni li l-Istati Membri jridu jipprovdu skont il-paragrafu 3(c) u (d), skont il-paragrafu 5(a), skont il-paragrafu 6(c) u skont il-paragrafu 7 għandha tintbagħat lill-EFCA u kopja tagħha għandha tintbagħat lill-Kummissjoni. L-EFCA għandha tiżgura li din l-informazzjoni tintbagħat lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO mingħajr dewmien, biex tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-MCS.”.

    (14)

    L-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-ispezzjoni u s-sorveljanza għandhom jitwettqu mill-ispetturi li l-Istati Membri, l-EFCA u l-Kummissjoni jassenjaw għal dan. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jgħarrfu lill-ispetturi lill-EFCA permezz tal-Iskema.”;

    (b)

    il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “7.   L-ispetturi li jżuru bastiment tar-riċerka għandhom jieħdu nota tal-istatus tal-bastiment, u għandhom jillimitaw il-proċeduri ta’ spezzjoni għal dawk li huma meħtieġa biex jiżguraw li l-bastiment qed iwettaq attivitajiet li huma konsistenti mal-pjan tar-riċerka tiegħu. Meta l-ispetturi jkollhom raġunijiet validi biex jissuspettaw li l-bastiment qed iwettaq attivitajiet li mhumiex konsistenti mal-pjan tar-riċerka tiegħu, il-Kummissjoni u l-EFCA għandhom jiġu infurmati mill-ewwel b’dan, u għandu japplika s-CEM bis-sħiħ.”.

    (15)

    L-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    tibgħat ir-rapport ta’ sorveljanza lill-EFCA, li għandha tibagħtu lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO mingħajr dewmien biex dan jibgħatu lill-Parti Kontraenti li tkun l-Istat tal-bandiera tal-bastiment;”;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Kull Stat Membru għandu jibgħat ir-rapport tal-investigazzjoni lill-EFCA, li għandha tibagħtu lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO u lill-Kummissjoni.”.

    (16)

    L-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, il-punt (c)(ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(ii)

    jirreġistraw is-sommarji kif ukoll id-differenzi bejn il-qabdiet irreġistrati u l-istimi tagħhom tal-qabdiet abbord fit-taqsimiet xierqa tar-rapport tal-ispezzjoni;”;

    (b)

    fil-paragrafu 3, punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    jibgħat ir-rapport tal-ispezzjoni fuq il-baħar lill-EFCA, jekk jista’ jkun fi żmien 20 jum minn meta ssir l-ispezzjoni, li min-naħa tagħha għandha tibagħtu lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO;”.

    (17)

    L-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(g)

    jgħarrfu lil kwalunkwe osservatur li jkun abbord bil-każ ta’ ksur.”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    jibgħat notifika bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-EFCA dwar il-każ ta’ ksur irrappurtat mill-ispetturi tiegħu fi żmien 24 siegħa minn x’ħin jinstab il-ksur u, min-naħa tagħha, l-EFCA għandha tibgħat din in-notifika lill-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti li tkun l-Istat tal-bandiera jew tal-Istat Membru tal-bandiera, jekk dan ikun differenti mill-Istat Membru li jkun qed iwettaq l-ispezzjoni, u lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO. In-notifika bil-miktub għandu jkun fiha l-informazzjoni mdaħħla fit-taqsima dwar il-ksur tar-rapport tal-ispezzjoni fl-Anness IV.B għas-CEM imsemmi fil-punt 41 tal-Anness għal dan ir-Regolament, għandha ssemmi l-miżuri rilevanti u tiddeskrivi fid-dettall il-bażi għall-ħruġ tal-avviż ta’ każ ta’ ksur, u l-evidenza li tappoġġa l-avviż; u meta dan ikun possibbli, għandu jkollha magħha l-immaġnijiet tal-irkaptu, tal-qabdiet jew ta’ kull evidenza oħra marbuta mal-każ ta’ ksur imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;”;

    (ii)

    it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-EFCA għandha tibgħat ir-rapport tal-ispezzjoni lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO.”.

    (18)

    L-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    is-sajd għall-kwota “Oħrajn” mingħajr ma l-Kummissjoni u l-EFCA jiġu avżati bil-quddiem b’dan, bi ksur tal-Artikolu 5;”;

    (ii)

    il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    is-sajd f’żona magħluqa, bi ksur tal-Artikolu 9(5) jew l-Artikolu 18;”;

    (iii)

    il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(g)

    l-użu ta’ daqs tal-malja jew ta’ daqs tal-għarbiel mhux awtorizzat bi ksur tal-Artikolu 13 jew tal-Artikolu 14;”

    (iv)

    il-punt (k) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(k)

    in-nuqqas li jintbagħtu messaġġi dwar il-qabdiet bi ksur tal-Artikolu 12(1) jew l-Artikolu 25;”;

    (b)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 3 u 4, “ir-reġistrazzjoni ħażina tal-qabdiet” tfisser differenza ta’ mill-inqas 10 tunnellati jew ta’ 20 %, skont liema minnhom ikun l-ikbar, bejn” l-istimi tal-qabda pproċessata abbord, b’kollox jew imqassma skont l-ispeċi, li jkunu għamlu l-ispetturi, u ċ-ċifri rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord tal-produzzjoni, ikkalkulata bħala perċentwal taċ-ċifri mogħtija fil-ġurnal ta’ abbord tal-produzzjoni.”;

    (c)

    Il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.   Bil-qbil tal-Istat Membru tal-bandiera u tal-Parti Kontraenti li tkun l-Istat tal-port jekk din tkun differenti, l-ispetturi ta’ Parti Kontraenti oħra jew ta’ Stat Membru ieħor jistgħu jieħdu sehem fl-ispezzjoni sħiħa u fl-istabbiliment tal-ammont tal-qabda.”.

    (19)

    L-Artikolu 39 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   L-Istat Membru tal-port għandu jipprovdi lill-Kummissjoni lista tal-portijiet magħżulin li fihom jistgħu jitħallew jidħlu l-bastimenti tas-sajd biex iħottu l-art il-ħut, biex jittrażbordawh u/jew biex jingħataw servizzi portwarji, u għandu jiżgura li, kemm jista’ jkun, kull port magħżul ikollu biżżejjed kapaċità biex fih jitwettqu spezzjonijiet skont dan il-Kapitolu. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO bil-lista tal-portijiet magħżulin. Kull bidla sussegwenti għal dik il-lista għandha tiġi mgħarrfa tal-inqas 15-il jum qabel ma tidħol fis-seħħ dik il-bidla u l-lista aġġornata mgħarrfa għandha tieħu post il-lista l-oħra.

    2.   L-Istat Membru tal-port għandu jistabbilixxi perijodu minimu għat-talba minn qabel. Il-perijodu għat-talba minn qabel għandu jkun ta’ tlett ijiem tax-xogħol qabel il-ħin mistenni tal-wasla tal-bastiment fil-port. Madankollu, bi qbil mal-Kummissjoni, l-Istat Membru tal-port jista’ jipprevedi perijodu ieħor għat-talba minn qabel, filwaqt li jqis, fost l-oħrajn, it-tip ta’ prodott maqbud u d-distanza bejn il-postijiet għas-sajd u l-portijiet tiegħu. L-Istat Membru tal-port għandu jibgħat l-informazzjoni dwar il-perijodu għat-talba minn qabel lill-Kummissjoni, li għandha tgħarraf lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO.

    3.   L-Istat Membru tal-port għandu jaħtar lill-awtorità kompetenti li għandha taġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt biex tirċievi t-talbiet skont l-Artikolu 41, biex tirċievi l-konfermi skont l-Artikolu 40(2) u biex toħroġ l-awtorizzazzjonijiet skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. L-Istat Membru tal-port għandu jipprovdi l-isem tal-awtorità kompetenti u l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħha lill-Kummissjoni, li għandha tgħarraf lis-Segretarju Eżekuttiv tal-NAFO.”;

    (b)

    Il-paragrafi 8 u 9 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “8.   L-Istat Membru tal-port għandu jgħarraf minnufih lill-kaptan tal-bastiment bid-deċiżjoni tiegħu li jawtorizza jew jirrifjuta d-dħul fil-port jew, f’każ li l-bastiment ikun fil-port, dwar ħatt l-art, it-trażbord jew xi użu ieħor tal-port. Jekk id-dħul fil-port jiġi awtorizzat, l-Istat Membru tal-port għandu jagħti lura lill-kaptan tal-bastiment kopja tal-Formola għat-talba minn qabel marbuta mal-kontroll mill-Istat tal-port fl-Anness II.L għas-CEM imsemmija fil-punt 43 tal-Anness għal dan ir-Regolament bil-Parti C mimlija kif xieraq. Din il-kopja għandha tintbagħat ukoll lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO b’kopja lill-Kummissjoni u lill-EFCA. F’każ li jiġi rrifjutat id-dħul fil-port, l-Istat Membru tal-port għandu javża wkoll lill-Parti Kontraenti tan-NAFO li tkun l-Istat tal-bandiera b’dan.

    9.   F’każ li t-talba minn qabel titħassar kif imsemmi fl-Artikolu 41(2), l-Istat Membru tal-port għandu jibgħat kopja tal-Formola għat-talba minn qabel marbuta mal-kontroll mill-Istat tal-port li tkun tħassret lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO u jibgħat kopja tagħha lill-Kummissjoni u lill-EFCA.”;

    (c)

    Il-paragrafu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “17.   L-Istat Membru tal-port għandu jibgħat kopja ta’ kull rapport tal-ispezzjoni marbuta mal-kontroll mill-Istat tal-port lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO minnufih u jibgħat kopja tiegħu lill-Kummissjoni u lill-EFCA.”.

    (20)

    L-Artikolu 45 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 45

    Lemħ u spezzjoni fiż-Żona Regolatorja ta’ bastimenti ta’ parti li mhix Parti Kontraenti

    L-Istati Membri kollha, jew l-EFCA, meta dan ikun xieraq, li jkunu qed iwettqu spezzjoni u/jew sorveljanza fiż-Żona Regolatorja awtorizzati skont l-Iskema Konġunta ta’ Spezzjoni u ta’ Sorveljanza li jilmħu jew li jidentifikaw bastiment ta’ parti li mhix Parti Kontraenti jwettaq attivitajiet tas-sajd fiż-Żona Regolatorja għandhom:

    (a)

    jibgħatu l-informazzjoni lill-Kummissjoni minnufih billi jużaw il-format tar-rapport ta’ sorveljanza stabbilit fl-Anness IV.A għas-CEM imsemmi fil-punt 38 tal-Anness għal dan ir-Regolament;

    (b)

    jippruvaw jinfurmaw lill-kaptan tal-bastiment li l-bastiment qed jitqies li qed iwettaq sajd IUU u li din l-informazzjoni ser tintbagħat lill-Partijiet Kontraenti kollha, lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti u lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment;

    (c)

    jitolbu permess lill-kaptan tal-bastiment biex jitilgħu abbord il-bastiment għall-ispezzjoni, jekk dan ikun xieraq; u

    (d)

    meta l-kaptan tal-bastiment jaqbel li ssir din l-ispezzjoni:

    (i)

    jibgħatu s-sejbiet tal-ispettur lill-Kummissjoni minnufih billi jużaw il-formola tar-rapport tal-ispezzjoni stabbilita fl-Anness IV.B għas-CEM imsemmi fil-punt 41 tal-Anness għal dan ir-Regolament; u

    (ii)

    jagħtu kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-kaptan tal-bastiment.”.

    (21)

    Fl-Artikolu 50(2), jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(i)

    id-daqs tal-malji stabbilit fl-Artikolu 13(2);

    (j)

    l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Artikolu 14(2) għall-għeriebel, għall-gradilji u għall-ktajjen bil-kuċinilli li jintużaw fis-sajd għall-gambli tat-Tramuntana kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-għeriebel jew għall-aċċessorji stabbiliti fl-Artikolu 14(3) jew (3a);

    (k)

    ir-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18 fuq iż-żoni jew fuq il-perijodi fejn jistgħu jsiru l-attivitajiet tas-sajd tal-qiegħ.”.

    (22)

    L-Anness huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (44) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(44)

    L-Anness IV.H għas-CEM dwar l-ispezzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 39(11);”;

    (b)

    jiżdied il-punt li ġej:

    “(45)

    L-Anness II.H għas-CEM dwar il-proċedura biex jingħata aċċess għas-Sit web tal-MCS lil individwi fil-Partijiet Kontraenti.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2021.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. LOGAR


    (1)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 279.

    (2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1627 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2115/2005 u (KE) Nru 1386/2007 (ĠU L 141, 28.5.2019, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (ĠU L 83, 25.3.2019, p. 18).

    (5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


    Top