EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0666

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/666 tat-22 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 923/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-inġenji tal-ajru bi bdot abbord li joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-U-space (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/2673

ĠU L 139, 23.4.2021, p. 187–188 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/666/oj

23.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/187


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/666

tat-22 ta’ April 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 923/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-inġenji tal-ajru bi bdot abbord li joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-U-space

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 31 u 44 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (2) jistabbilixxi r-regoli komuni tal-ajru u d-dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru applikabbli għat-traffiku tal-ajru ġenerali.

(2)

Sabiex l-inġenji tal-ajru bi bdot abbord li ma jkollhomx servizz ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru jkunu jistgħu joperaw b’mod sikur flimkien ma’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord fl-ispazju tal-ajru tal-U-space, huwa importanti li l-pożizzjoni tal-inġenji tal-ajru bi bdot abbord tiġi kkomunikata lill-fornituri tas-servizzi tal-U-space. Dan jenħtieġ li jinkiseb billi l-inġenji tal-ajru bi bdot abbord ikunu kospikwi elettronikament, billi jissinjalaw il-preżenza tagħhom b’mod effettiv permezz tat-teknoloġiji ta’ sorveljanza.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 jenħtieġ li jinkludi tali rekwiżiti għall-inġenji tal-ajru bi bdot abbord li joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-U-space.

(4)

Tali rekwiżiti ġodda jenħtieġ li jtejbu s-sikurezza billi jsaħħu l-għarfien tas-sitwazzjoni fl-ispazju tal-ajru tal-U-space.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati affettwati jenħtieġ li jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw il-proċeduri tagħhom għall-qafas regolatorju l-ġdid.

(6)

L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea pproponiet miżuri fl-Opinjoni Nru 1/2020 (3) tagħha f’konformità mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(7)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 923/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punti (146) u (147) li ġejjin jiżdiedu fl-Artikolu 2:

“(146)

“spazju tal-ajru tal-U-space” tfisser żona ġeografika tal-UAS iddeżinjata mill-Istati Membri, fejn l-operazzjonijiet tal-UAS jitħallew isiru biss bl-appoġġ ta’ servizzi tal-U-space;

(147)

“servizz tal-U-space” tfisser servizz li jiddependi fuq is-servizzi diġitali u l-awtomatizzazzjoni tal-funzjonijiet iddisinjati biex jappoġġaw l-aċċess sikur, effiċjenti u sigur għall-ispazju tal-ajru tal-U-space għal għadd kbir ta’ UAS.”;

(2)

il-punt SERA.6005 fit-Taqsima 6 tal-Anness huwa sostitwit b’dan li ġej:

SERA.6005 Rekwiżiti għall-komunikazzjonijiet, għat-transponder SSR u għall-kospikwità elettronika fl-ispazju tal-ajru tal-U-space

(a)

Żona obbligatorja għar-radju (RMZ)

(1)

It-titjiriet VFR li joperaw f’partijiet mill-ispazju tal-ajru tal-Klassijiet E, F jew G u t-titjiriet IFR li joperaw f’partijiet mill-ispazju tal-ajru tal-Klassijiet F jew G iddeżinjati bħala żona obbligatorja għar-radju (RMZ) mill-awtorità kompetenti għandhom iżommu għassa ta’ komunikazzjoni kontinwa bil-vuċi mill-ajru għall-art u għandhom jistabbilixxu komunikazzjoni bidirezzjonali, kif ikun meħtieġ, fuq il-kanal ta’ komunikazzjoni xieraq, sakemm ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet alternattivi preskritti għal dak l-ispazju tal-ajru partikolari mill-ANSP.

(2)

Qabel ma jidħlu f’żona obbligatorja għar-radju, il-bdoti għandhom jagħmlu sejħa inizjali fuq il-kanal ta’ komunikazzjoni xieraq li tkun tinkludi d-deżinjazzjoni tal-istazzjon imsejjaħ, is-sinjal tas-sejħa, it-tip ta’ inġenju tal-ajru, il-pożizzjoni, il-livell, l-intenzjonijiet tat-titjira u informazzjoni oħra kif ikun preskritt mill-awtorità kompetenti.

(b)

Żona obbligatorja għat-transponder (TMZ)

It-titjiriet kollha li joperaw fi spazju tal-ajru ddeżinjat mill-awtorità kompetenti bħala żona obbligatorja għat-transponder (TMZ) għandhom iġorru u joperaw transponders SSR li jistgħu joperaw fuq il-Modalitajiet A u C jew fuq il-Modalità S, sakemm ma jkunux konformi ma’ dispożizzjonijiet alternattivi preskritti għal dak l-ispazju tal-ajru partikolari mill-ANSP.

(c)

Spazju tal-ajru tal-U-space

L-inġenji tal-ajru bi bdot abbord li joperaw fl-ispazju tal-ajru ddeżinjat mill-awtorità kompetenti bħala spazju tal-ajru tal-U-space, u li ma jkollhomx servizz ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru mill-ANSP, għandhom ikunu kospikwi elettronikament b’mod kontinwu biex ikunu viżibbli għall-fornituri tas-servizzi tal-U-space.

(d)

L-ispazji tal-ajru ddeżinjati bħala żona obbligatorja għar-radju, bħala żona obbligatorja għat-transponder jew bħala spazju tal-ajru tal-U-space għandhom jiġu ppromulgati b’mod xieraq fil-pubblikazzjonijiet ta’ informazzjoni ajrunawtika.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-26 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010, ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1.

(3)  https://www.easa.europa.eu/document-library/opinions


Top