Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0642

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/642 tat-30 ta’ Ottubru 2020 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li jeħtieġ tingħata dwar it-tikkettar tal-prodotti organiċi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/7397

ĠU L 133, 20.4.2021, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/642/oj

20.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 133/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/642

tat-30 ta’ Ottubru 2020

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li jeħtieġ tingħata dwar it-tikkettar tal-prodotti organiċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(2)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi r-regoli tal-produzzjoni applikabbli għall-produzzjoni organika, filwaqt li l-Anness III ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli, inter alia, dwar l-imballaġġ u t-trasport tal-prodotti organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni. B’mod partikolari, il-punt 2.1. ta’ dak l-Anness jeħtieġ li ċerta informazzjoni tiġi ddikjarata fuq it-tikketta jew fuq dokument ta’ akkumpanjament.

(2)

Wieħed mill-prinċipji tal-produzzjoni organika hu l-għalf tal-bhejjem u tal-annimali akkwatiċi b’għalf organiku. Madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ir-regoli tal-produzzjoni jippermettu l-użu ta’ ċertu materjali tal-għalf mhux organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni.

(3)

Sabiex jikkonformaw mar-regoli tal-produzzjoni organika, l-operaturi jenħtieġ li jiġu infurmati kif xieraq fir-rigward tal-għalf li jużaw. B’mod partikolari, jenħtieġ li jkunu jafu jekk l-għalf huwiex awtorizzat fil-produzzjoni organika, x’inhi l-kompożizzjoni eżatta tiegħu u l-proporzjon tal-komposti tal-għalf organiċi, fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organiċi.

(4)

Il-materjal riproduttiv tal-pjanti, inkluż iż-żrieragħ, użat għall-produzzjoni organika tal-pjanti jew tal-prodotti tal-pjanti, jeħtieġ li jkun organiku f’konformità mal-punt 1.8.1. tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti għal ċerti speċijiet, sottospeċijiet jew varjetajiet, il-punt 1.8.5. tal-Parti I ta’ dak l-Anness jippermetti l-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni u jipprevedi l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti mhux organiku taħt ċerti kundizzjonijiet.

(5)

Skont id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE (2), iż-żrieragħ f’taħlitiet ta’ diversi ġeneri, speċijiet jew varjetajiet tal-pjanti tal-magħlef jistgħu jitqiegħdu fis-suq diment li, inter alia, il-perċentwal skont il-piż tad-diversi komponenti, murija skont l-ispeċi u fejn xieraq, skont il-varjetà, jiġi rapportat fuq it-tikketta uffiċjali.

(6)

Fid-dawl tal-importanza tal-użu ta’ taħlitiet taż-żrieragħ tal-pjanti tal-magħlef biex tingħata kwalità nutrittiva għolja tal-magħlef, u inkluż meta ma jkunux maħsuba għall-użu bħala pjanti tal-magħlef, biex titjieb l-adattabbiltà tal-pjanti għall-kundizzjonijiet agronomiċi reġjonali u biex tiżdied il-fertilità tal-ħamrija u l-bijodiversità, b’mod partikolari meta t-taħlitiet taż-żrieragħ jintużaw fi prattiċi agronomiċi għall-konservazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma bħall-għelejjel ta’ kopertura, u filwaqt li jitqies in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ żrieragħ organiċi jew f’fażi ta’ konverżjoni, huwa possibbli li jintużaw taħlitiet ta’ żrieragħ f’konformità mar-regoli tal-produzzjoni organika, anki meta jkun fihom żrieragħ ta’ speċijiet differenti ta’ pjanti organiċi, fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organiċi awtorizzati. Għal dak il-fini, jenħtieġ li l-informazzjoni preċiża dwar il-preżenza u l-ammont ta’ komponenti tat-taħlitiet organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni tkun disponibbli għall-utenti, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti u l-informazzjoni meħtieġa skont id-Direttiva 66/401/KEE.

(7)

Madankollu, it-tikketta tal-imballaġġ ta’ dawn it-taħlitiet jenħtieġ li tindika wkoll li l-użu tagħhom huwa permess biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni maħruġa skont il-punt 1.8.5. tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 u għalhekk, biss fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tat l-approvazzjoni.

(8)

Madankollu, sabiex jiġi promoss l-użu ta’ żrieragħ organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni u biex jiġi żgurat livell minimu kwantitattiv armonizzat, jixraq li jiġi stabbilit perċentwal totali minimu skont il-piż taż-żrieragħ organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni li jenħtieġ li jkunu parti mit-taħlita meta r-referenza għall-komponenti organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni tkun se tidher fuq it-tikketta.

(9)

Għalhekk, il-Punt 2.1. tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(10)

Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Punt 2.1. tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill- 1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298).


ANNESS

Il-Punt 2.1. tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.1.   Informazzjoni li jeħtieġ tingħata

2.1.1.

L-operaturi għandhom jiżguraw li l-prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni jkunu ttrasportati lejn operaturi jew unitajiet oħrajn, li jinkludu l-bejjiegħa bl-ingrossa u bejjiegħa bl-imnut, biss f’imballaġġ, kontenituri jew vetturi addattati u magħluqa b’tali mod li alterazzjoni tal-kontenut, inkluż is-sostituzzjoni, ma tkunx possibbli mingħajr manipulazzjoni jew ħsara lis-siġill, u b’tikketta li tkun tiddikjara, mingħajr preġudizzju għal kull indikazzjoni oħra meħtieġa skont il-liġi tal-Unjoni:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-operatur u, meta dawn ikunu differenti, tas-sid jew tal-bejjiegħ tal-prodott;

(b)

l-isem tal-prodott;

(c)

l-isem jew in-numru tal-kodiċi tal-awtorità jew mal-korp tal-kontroll li l-operatur huwa soġġett għalih; kif ukoll

(d)

meta rilevanti, il-marka tal-identifikazzjoni tal-lott f’konformità sistema ta’ mmarkar li tkun jew approvata f’livell nazzjonali jew miftiehma mal-awtorità jew mal-korp tal-kontroll u li tippermetti li ssir konnessjoni bejn il-lott u r-rekords imsemmija fl-Artikolu 34(5).

2.1.2.

L-operaturi għandhom jiżguraw li l-għalf kompost awtorizzat fil-produzzjoni organika ttrasportata lil operaturi jew azjendi oħra, inkluż bejjiegħa bl-ingrossa jew bejjiegħa bl-imnut, jingħataw tikketta li flimkien ma’ kwalunkwe indikazzjoni oħra meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni, tiddikjara:

(a)

l-informazzjoni mogħtija fil-punt 2.1.1;

(b)

meta rilevanti, skont il-piż tal-materja niexfa:

(i)

il-perċentwal totali tal-materjali tal-għalf organiċi;

(ii)

il-perċentwal totali tal-materjali tal-għalf fil-fażi ta’ konverżjoni;

(iii)

il-perċentwal totali tal-materjali tal-għalf mhux koperti mill-punti (i) u (ii);

(iv)

il-perċentwal totali tal-għalf ta’ oriġini agrikola;

(c)

meta rilevanti, l-ismijiet tal-materjali tal-għalf organiċi;

(d)

meta rilevanti, l-ismijiet tal-materjali tal-għalf fil-fażi ta’ konverżjoni; kif ukoll

(e)

għall-għalf kompost li ma jistax jiġi ttikkettat f’konformità mal-Artikolu 30(6), l-indikazzjoni li t-tali għalf jista’ jintuża fil-produzzjoni organika f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.1.3.

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 66/401/KEE, l-operaturi għandhom jiżguraw li fuq it-tikketta tal-imballaġġ ta’ taħlita taż-żrieragħ tal-pjanti tal-magħlef li fiha żrieragħ organiċi, fil-fażi ta’ konverżjoni jew mhux organiċi ta’ ċerti speċijiet differenti ta’ pjanti li għaliha nħarġet awtorizzazzjoni skont il-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fil-punt 1.8.5. tal-Parti I tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament, tingħata informazzjoni dwar il-komponenti eżatti tat-taħlita, murija f’perċentwal skont il-piż għal kull speċi tal-komponent, u meta xieraq għal kull varjetà.

Minbarra r-rekwiżiti rilevanti skont l-Anness IV tad-Direttiva 66/401/KEE, dik l-informazzjoni, minbarra l-indikazzjonijiet meħtieġa fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt, għandha tinkludi wkoll il-lista tal-ispeċijiet tal-komponent tat-taħlita li huma ttikkettati bħala organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni. Il-perċentwal totali minimu skont il-piż taż-żrieragħ tat-taħlita organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni għandhom ikunu mill-inqas 70 %.

F’każ li t-taħlita jkun fiha żrieragħ mhux organiċi, it-tikketta għandha tinkludi wkoll id-dikjarazzjoni li ġejja: “L-użu tat-taħlita huwa permess biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni u fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li awtorizzat l-użu ta’ din it-taħlita f’konformità mal-punt 1.8.5. tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika u t-ttikkettar ta’ prodotti organiċi.”

L-informazzjoni msemmija fil-punti 2.1.1 u 2.1.2 tista’ tiġi ppreżentata biss fuq dokument ta’ akkumpanjament, jekk dan id-dokument tista’ ssirlu konnessjoni mingħajr ebda dubju mal-imballaġġ, mal-kontenitur jew mat-trasport bil-vettura, tal-prodott. Dan id-dokument ta’ akkumpanjament jenħtieġ li jinkludi l-informazzjoni dwar il-fornitur jew it-trasportatur.”


Top