EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0370

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/370 tal-1 ta’ Marzu 2021 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ stainless steel irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja soġġetti għal reġistrazzjoni

C/2021/1362

ĠU L 71, 2.3.2021, p. 18–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/11/2021; Imħassar b' 32021R2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/370/oj

2.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/18


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/370

tal-1 ta’ Marzu 2021

li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ stainless steel irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja soġġetti għal reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-notifika ta’ bidu”), il-ftuħ ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti ta’ stainless steel irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja (“il-proċediment anti-dumping”), wara lment imressaq fis-17 ta’ Awwissu 2020 mill-European Steel Association (“EUROFER”) (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodotti ta’ stainless steel irrumblati ċatti fil-kiesaħ.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(2)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa prodotti rrumblati ċatti ta’ stainless steel, mhux maħdumin aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana) li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja (“il-pajjiżi kkonċernati”). Dawn il-prodotti huma attwalment ikklassifikati taħt il-kodiċijiet NM 7219 31 00, 7219 32 10, 7219 32 90, 7219 33 10, 7219 33 90, 7219 34 10, 7219 34 90, 7219 35 10, 7219 35 90, 7219 90 20, 7219 90 80, 7220 20 21, 7220 20 29, 7220 20 41, 7220 20 49, 7220 20 81, 7220 20 89, 7220 90 20 u 7220 90 80. Il-kodiċijiet NM huma mogħtija għall-informazzjoni biss.

2.   TALBA

(3)

Fil-21 ta’ Diċembru 2020, l-ilmentatur ressaq talba għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, li kompliet tissostanzja t-talba tiegħu għar-reġistrazzjoni fl-ilment. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet retroattivament mid-data ta’ tali reġistrazzjoni.

(4)

Produttur esportatur wieħed li jopera fiż-żewġ pajjiżi kkonċernati, Jindal Group, ippreżenta osservazzjonijiet b’reazzjoni għat-talba.

3.   RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(5)

F’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’ tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jieħdu l-passi xierqa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni, dment li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament bażiku jkunu ssodisfati. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni.

(6)

Abbażi tal-aktar statistika riċenti disponibbli, l-ilmentatur allega li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet wara l-bidu tal-investigazzjoni, u dik iż-żieda x’aktarx kienet se timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazji definittivi. Barra minn hekk, l-ilmentatur argumenta li fid-dawl tal-istorja tad-dumping fuq il-prodott ikkonċernat u l-bosta miżuri imposti u investigazzjonijiet miftuħa, l-importaturi kienu, jew kellhom ikunu, konxji tal-prattiki tad-dumping mill-pajjiżi kkonċernati.

(7)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talba fid-dawl tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni vverifikat jekk l-importaturi kinux konxji, jew jekk kellhomx ikunu konxji, tad-dumping fir-rigward tal-livell tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub. Hija analizzat ukoll jekk kienx hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta’ meta seħħet kif ukoll tal-volum u ta’ ċirkostanzi oħra, x’aktarx kienet timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping definittiv potenzjali li għandu jiġi applikat.

3.1.   Għarfien tal-importaturi dwar id-dumping, il-livell tiegħu u d-dannu allegat

(8)

F’dan l-istadju, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Indja u mill-Indoneżja huma l-oġġett ta’ dumping. L-ilment ipprovda biżżejjed evidenza ta’ dumping, abbażi ta’ tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Kumplessivament, u meta titqies il-portata tal-marġnijiet ta’ dumping allegat ta’ 48,8 % għall-Indja u li jvarjaw minn 15,6 % sa 34,4 % għall-Indoneżja, din l-evidenza pprovdiet biżżejjed indikazzjoni li l-produtturi esportaturi qed iwettqu dumping.

(9)

L-ilment ipprovda wkoll biżżejjed evidenza ta’ dannu allegat lill-industrija tal-Unjoni, inkluż l-iżvilupp negattiv ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(10)

Din l-informazzjoni kienet tinsab kemm fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment kif ukoll fin-notifika ta’ bidu għal dan il-proċediment ippubblikata fit-30 ta’ Settembru 2020. Permezz tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, in-Notifika ta’ Bidu hija dokument pubbliku aċċessibbli għall-importaturi kollha. Barra minn hekk, bħala partijiet interessati fl-investigazzjoni, l-importaturi għandhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment u għall-fajl mhux kunfidenzjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li, fuq din il-bażi, l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, tad-dumping, il-portata tiegħu u d-dannu allegat.

(11)

B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ewwel kriterju għar-reġistrazzjoni kien issodisfat.

3.2.   Żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet

(12)

Il-Kummissjoni analizzat dan il-kriterju abbażi tad-data statistika li tikkonċerna l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiżi kkonċernati disponibbli fil-bażi tad-data Surveillance 2. Biex tivvaluta jekk kienx hemm żieda oħra sostanzjali minn meta nbdiet l-investigazzjoni, il-Kummissjoni l-ewwel iddefiniet il-perjodi ta’ żmien li kellhom jitqabblu. Minn naħa, hija vvalutat id-data tal-importazzjonijiet mill-Indja u mill-Indoneżja wara l-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping (jiġifieri l-punt fiż-żmien minn meta l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, tal-prattiki tad-dumping) sal-aktar perjodu riċenti, jiġifieri l-perjodu bejn Ottubru 2020 u Jannar 2021. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkalkulat l-importazzjonijiet Indjani u Indoneżjani għall-istess perjodu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (“PI”), jiġifieri minn Ottubru 2019 sa Jannar 2020, kif ukoll il-volumi medji tal-importazzjonijiet fix-xahar fil-perjodu sħiħ tal-PI.

(13)

It-tqabbil juri li l-volum medju tal-importazzjonijiet fix-xahar mill-Indja u mill-Indoneżja żviluppaw kif ġej:

Tabella 1

Volumi ta’ importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati (f’tunnellati)

Volumi ta’ importazzjoni (medja fix-xahar)

Perjodu ta’ investigazzjoni (Lulju 2019 – Ġunju 2020)

Ottubru 2019 – Jannar 2020

Wara l-bidu (Ottubru 2020 – Jannar 2021)

Delta

Perjodu ta’ wara l-bidu vs Perjodu ta’ investigazzjoni (%)

Wara l-bidu vs Ottubru 2019 – Jannar 2020 (%)

L-Indja

8 984

10 918

6 321

-30

-42

L-Indoneżja

7 622

7 432

13 048

71

76

Il-pajjiżi kkonċernati

16 606

18 350

19 370

17

6

(14)

Abbażi ta’ din id-data statistika, il-Kummissjoni sabet li l-volum medju ta’ importazzjonijiet fix-xahar ta’ prodotti ta’ stainless steel irrumblati ċatti fil-kiesaħ mill-pajjiżi kkonċernati fil-perjodu minn Ottubru 2020 sa Jannar 2021, jiġifieri wara l-bidu tal-każ ta’ anti-dumping, kien 17 % ogħla mill-volum medju ta’ importazzjonijiet fix-xahar matul il-PI u 6 % ogħla mill-istess perjodu tas-sena preċedenti.

(15)

Jindal Group argumenta li l-analiżi għar-reġistrazzjoni kellha tkun ibbażata fuq il-perjodu wara l-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping, filwaqt li l-Eurofer ipprovdiet data għall-perjodu wara l-PI. Jindal Group iddikjara li żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet wara l-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping ma kinitx evidenzjata fis-sottomissjoni tal-ilmentatur u li d-data tal-Eurostat uriet tnaqqis fl-importazzjonijiet mill-Indja f’Ottubru 2020 meta mqabbel mal-PI (jiġifieri 8 650 tunnellata f’Ottubru 2020 meta mqabbel ma’ medja fix-xahar ta’ 9 058 tunnellata matul il-PI). Skont Jindal Group, il-volumi tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu kkonċentrati fl-ewwel xahar ta’ kull trimestru u wrew tnaqqis f’Ottubru 2020 meta mqabbel ma’ April u Lulju 2020 (jiġifieri 21 532 tunnellata f’Ottubru 2020, mentri 22 299 tunnellata f’April 2020 u 26 787 tunnellata f’Lulju 2020). Għaldaqstant, Jindal Group ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda żieda fl-importazzjonijiet u b’hekk dan il-kriterju ma kienx issodisfat.

(16)

Il-Kummissjoni tinnota mill-bidu li l-ilmentatur ipprovda statistika tal-importazzjonijiet għall-perjodu ta’ investigazzjoni għat-tielet trimestru tal-2020 u għall-perjodu ta’ wara l-bidu, jiġifieri sa Ottubru 2020. Jindal Group ipprovda wkoll data għall-istess perjodi ta’ żmien bħall-ilmentatur, u spiċċa bix-xahar ta’ Ottubru 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq l-aktar data riċenti li tispiċċa f’Jannar 2021, kif speċifikat fit-Tabella 1 ta’ hawn fuq. Kif spjegat fil-premessa (12), l-importazzjonijiet medji rilevanti fix-xahar ta’ wara l-PI għall-perjodu minn Ottubru 2020 sa Jannar 2021 tqabblu mal-importazzjonijiet medji fix-xahar għall-perjodu minn Ottubru 2019 sa Jannar 2020, kif ukoll mal-volumi medji ta’ importazzjonijiet fix-xahar fil-PI sħiħ. Il-perjodu bejn il-PI u l-bidu tal-investigazzjoni, jiġifieri t-tielet trimestru tal-2020, ma tqiesx f’din il-valutazzjoni. Id-data rilevanti li qieset il-Kummissjoni, akkumulata għall-pajjiżi kkonċernati, uriet żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet wara l-bidu kemm meta mqabbla mal-perjodu ta’ investigazzjoni kif ukoll mal-perjodu korrispondenti matul il-PI. Instab li d-dikjarazzjoni ta’ Jindal Group li ma seħħet l-ebda żieda oħra sostanzjali la mill-Indja u lanqas mill-Indoneżja wara l-bidu hija żbaljata fid-dawl tad-data aktar riċenti disponibbli għall-Kummissjoni. Id-dikjarazzjoni ta’ Jindal Group li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu kkonċentrati fl-ewwel xahar ta’ kull trimestru ma biddlitx il-konklużjoni li kien hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati abbażi tad-data rilevanti dwar l-importazzjonijiet. Din il-konċentrazzjoni ta’ importazzjonijiet aktarx li hija marbuta mal-mekkanika tal-Kwota Tariffarja (“TRQ” - Tariff-Rate-Quota) mingħajr dazju ta’ salvagwardja skont il-miżuri ta’ salvagwardja dwar ċerti prodotti tal-azzar (“miżuri ta’ salvagwardja”) (3), fejn il-ftuħ ta’ lottijiet tat-TRQ mingħajr dazju ta’ salvagwardja fil-bidu ta’ kull trimestru ġeneralment iwassal għal volumi kbar ta’ importazzjonijiet ikkonċentrati fl-istadji bikrin tat-trimestri. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet ta’ Jindal Group ġew miċħuda.

(17)

L-ilmentatur iddikjara li kien hemm żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati minħabba l-kwoti tariffarji liberalizzati fuq il-prodott ikkonċernat wara r-rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja (4) u li tista’ tkun mistennija żieda oħra fl-importazzjonijiet, li tikkawża dannu addizzjonali, minħabba l-bidliet li saru fil-kwoti tariffarji wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (5). L-ilmentatur argumenta li, b’riżultat ta’ dan, il-kwota tal-“pajjiż l-ieħor” tiġi aġġustata ’l fuq b’aktar minn 13 000 tunnellata, u li din iż-żieda tagħti l-opportunità lill-Indoneżja biex tkompli żżid l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-UE. Jindal Group ċaħad din id-dikjarazzjoni bħala mhux sostanzjata u spekulattiva. Fl-istess ħin, Jindal Group iddikjara li l-liberalizzazzjoni ulterjuri tal-miżuri ta’ salvagwardja wasslu biss għal żieda fl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra u mhux mill-pajjiżi kkonċernati.

(18)

L-adattament tal-livell tal-kwoti tariffarji skont il-miżuri ta’ salvagwardja wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea wassal għal kwoti speċifiċi għall-pajjiż aktar baxxi, filwaqt li żied il-kwota għal pajjiżi oħra. Filwaqt li l-Indja għandha kwota speċifika għall-pajjiż, l-Indoneżja trid timporta taħt il-kwota globali kondiviża ma’ pajjiżi oħra. L-Indoneżja konsistentement ilha tuża parti kbira mill-kwota globali mid-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ salvagwardja u l-importazzjonijiet f’Jannar 2021 (jiġifieri kważi 30 000 tunnellata mill-kwota totali tal-ewwel trimestru tal-2021 ta’ 46 536 tunnellata) indikaw żieda oħra fl-importazzjonijiet mill-Indoneżja. B’hekk, il-ħruġ tar-Renju Unit ma wassalx għal żieda biss fl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra għajr il-pajjiżi kkonċernati, bħal kif iddikjara Jindal Group. Għaldaqstant, l-evidenza disponibbli tappoġġa d-dikjarazzjoni tal-ilmentatur li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja aktarx se jkomplu jiżdiedu wara l-adattament wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

(19)

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tieni kriterju għar-reġistrazzjoni kien issodisfat ukoll.

3.3.   Imminar tal-effett rimedjali tad-dazju

(20)

Il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li żieda kontinwa fl-importazzjonijiet mill-Indja u mill-Indoneżja bi prezzijiet li jkomplu jonqsu tikkawża dannu addizzjonali, u b’hekk dan aktarx li jimmina b’mod serju l-effetti rimedjali ta’ dazji anti-dumping definittivi possibbli.

(21)

Kif stabbilit fit-Taqsima 3.2, hemm biżżejjed evidenza ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet globali tal-prodott ikkonċernat fil-perjodu wara l-bidu tal-investigazzjoni.

(22)

Barra minn hekk, hemm evidenza ta’ xejra ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat abbażi tal-bażi tad-data Surveillance 2. Il-prezz medju f’euro tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati naqas b’medja ta’ 12 % meta mqabbel mal-perjodu minn Ottubru 2020 sa Jannar 2021 għall-istess perjodu fis-sena preċedenti u b’10 % meta mqabbel mal-medja fix-xahar fil-perjodu ta’ investigazzjoni, kif ġie rifless fit-Tabella 2 hawn taħt.

Tabella 2

Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat (EUR/tunnellata)

Prezz medju tal-importazzjonijiet

Perjodu ta’ investigazzjoni (Lulju 2019 – Ġunju 2020)

Ottubru 2019 – Jannar 2020

Wara l-bidu (Ottubru 2020 – Jannar 2021)

Tnaqqis fil-prezz (%) Perjodu ta’ wara l-bidu vs Perjodu ta’ investigazzjoni

Tnaqqis fil-prezz (%) Wara l-bidu vs Ottubru 2019 – Jannar 2020

L-Indja

2 076

2 122

1 898

-9

-11

L-Indoneżja

1 972

2 007

1 780

-10

-11

Il-pajjiżi kkonċernati

2 028

2 075

1 818

-10

-12

(23)

L-ilmentatur iddikjara li ż-żieda fl-importazzjonijiet ikkoinċidiet ma’ żieda fil-kostijiet tal-materja prima, speċjalment in-nikil u l-ferrokromju, li allegatament huma distorti fil-pajjiżi kkonċernati, u poġġew aktar pressjoni fuq il-prezzijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Jindal Group ikkontesta din iż-żieda fil-prezz tal-ferrokromju u argumenta li ż-żieda fil-prezzijiet tan-nikil ma setgħetx ikkawżat dannu, minħabba x-xejra ċiklika tagħhom.

(24)

Wara żieda ta’ aktar minn 10 % mill-ewwel trimestru tal-2020, il-prezz tal-ferrokromju baqa’ stabbli għall-aħħar tliet trimestri tal-2020 u żdied bi 3 % fl-2021. Il-prezz tan-nikil fuq il-Borża tal-Metall ta’ Londra żdied b’madwar 40 % mill-aħħar tal-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalkemm jidher li l-prezz storiku tan-nikil huwa volatili, Jindal Group ma pprovda l-ebda evidenza ta’ xejra ċiklika ċara. Il-Kummissjoni osservat żieda fil-prezzijiet tal-materja prima mill-bidu tal-investigazzjoni li rriżultat f’aktar soppressjoni tal-prezzijiet fuq l-industrija tal-Unjoni, billi dawn iż-żidiet fil-prezzijiet ma setgħux jiġu riflessi fil-prezz tal-prodott ikkonċernat minħabba l-importazzjonijiet bi prezz baxx mill-pajjiżi kkonċernati. Id-data tal-ilmentatur dwar it-tnaqqis fl-EBITDA tal-industrija tal-Unjoni hija evidenza ta’ din is-soppressjoni tal-prezzijiet.

(25)

Barra minn hekk, l-ilmentatur ipprovda indikazzjonijiet li l-importaturi jirriżervaw il-prodott ikkonċernat, u dan jista’ jikkawża dannu addizzjonali lill-industrija tal-Unjoni, speċjalment fid-dawl taż-żieda fil-kost tal-materja prima, u aktarx jimmina serjament l-effett rimedjali ta’ kwalunkwe dazju anti-dumping li għandu jiġi applikat.

(26)

Barra minn hekk, Jindal Group argumenta li t-talba għar-reġistrazzjoni ma qesitx it-tnaqqis fid-domanda kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19.

(27)

Il-Kummissjoni tinnota li dan l-argument huwa marbut ma’ konsiderazzjonijiet ta’ kawżalità u ta’ attribuzzjoni, li mhumiex direttament rilevanti fl-analiżi għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe tnaqqis fid-domanda minħabba l-pandemija kien ifisser li ż-żieda fil-volumi tal-importazzjoni bi prezzijiet aktar baxxi setgħet oġġettivament tkompli tiggrava s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, u b’hekk aktarx li tkompli timmina l-effett rimedjali tad-dazji definittivi. Għaldaqstant, dan l-argument ġie miċħud.

(28)

B’hekk, iż-żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet wara l-bidu tal-investigazzjoni aktarx li, fid-dawl taż-żmien u tal-volum tagħha u ta’ ċirkostanzi oħra, bħall-imġiba tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi, iż-żieda fil-kostijiet tal-materja prima, u l-indikazzjoni tal-attivitajiet ta’ riżerva mill-importaturi tal-prodott ikkonċernat, timmina serjament l-effett rimedjali ta’ kwalunkwe dazju definittiv, sakemm dan id-dazju ma jkunx applikat b’mod retroattiv.

(29)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tielet kriterju għar-reġistrazzjoni kien issodisfat ukoll.

4.   PROĊEDURA

(30)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(31)

Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn jenħtieġ li jinstemgħu.

5.   REĠISTRAZZJONI

(32)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiġi żgurat li, f’każ li l-investigazzjonijiet jirriżultaw f’konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jkunu jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jkunu ssodisfati, jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(33)

Kull obbligazzjoni fil-futur tiġi mill-konklużjonijiet tal-investigazzjoni anti-dumping.

(34)

L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitolbu l-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet ta’ dumping ta’ 48,8 % għall-Indja u bejn 15,6 % u 34,4 % għall-Indoneżja u livelli ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ 33,9 % għall-Indja u 44,1 % għall-Indoneżja għall-prodott ikkonċernat. L-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Madankollu, jekk il-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) u 7(2b) tar-Regolament bażiku huma ssodisfati għall-Indja u/jew għall-Indoneżja, jiġifieri li l-marġni ta’ dumping jista’ jitqies li jirrifletti d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, l-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur għall-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi jista’ jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni ta’ dumping.

6.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(35)

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 (6),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet ta’ prodotti rrumblati ċatti ta’ stainless steel, mhux maħdumin aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana). Dawn il-prodotti huma attwalment ikklassifikati taħt il-kodiċijiet NM 7219 31 00, 7219 32 10, 7219 32 90, 7219 33 10, 7219 33 90, 7219 34 10, 7219 34 90, 7219 35 10, 7219 35 90, 7219 90 20, 7219 90 80, 7220 20 21, 7220 20 29, 7220 20 41, 7220 20 49, 7220 20 81, 7220 20 89, 7220 90 20 u 7220 90 80 u joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta’ sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU C 322, 30.9.2020, p. 17.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta' salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/894 tad-29 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 206, 30.6.2020, p. 27).

(5)  In-Notifika rigward l-adattament tal-livell ta’ kwoti tar-rati tariffarji skont il-miżuri ta’ salvagwardja fuq ċerti prodotti tal-azzar wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Jannar 2021 (ĠU C 366, 30.10.2020, p. 36).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


Top