EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0369

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/369 tal-1 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri meħtieġa għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali msemmija fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/1226

ĠU L 71, 2.3.2021, p. 11–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/369/oj

2.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/369

tal-1 ta’ Marzu 2021

li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri meħtieġa għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali msemmija fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-preklużjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 31a tagħha,

Billi:

(1)

L-Istati Membri huma meħtieġa jagħmlu interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali tagħhom ta’ sjieda benefiċjarja ċentrali permezz tal-Pjattaforma Ċentrali Ewropea stabbilita bl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u l-interkonnessjoni għandha tiġi stabbilita skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi stabbiliti mill-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, id-differenzi bejn l-għan, l-ambitu u l-kontenut tar-reġistri interkonnessi skont id-Direttiva (UE) 2017/1132 u r-reġistri ċentrali ta’ sjieda benefiċjarja stabbiliti skont id-Direttiva (UE) 2015/849 jeħtieġu definizzjoni u adozzjoni ulterjuri ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, miżuri u rekwiżiti oħra li jiżguraw kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tas-sistema.

(2)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Iffinanzjar tat-Terroriżmu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri msemmija fl-Artikolu 30 u 31 tad- Direttiva (UE) 2015/849 għandhom ikunu kif stipulat fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 141 5.6.2015, p. 73

(2)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).


ANNESS

Li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 1

1.   Is-suġġett

Is-sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri tas-Sjieda Benefiċjarja (Beneficial Ownership Registers Interconnection System, “BORIS”) għandha tiġi stabbilita bħala sistema deċentralizzata li tgħaqqad flimkien ir-reġistri nazzjonali ċentrali tas-sjieda benefiċjarja u l-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika (1) permezz tal-Pjattaforma Ċentrali Ewropea (2). Il-BORIS għandha sservi bħala servizz ċentrali ta’ tiftix li jagħmel disponibbli l-informazzjoni kollha relatata mas-sjieda benefiċjarja f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/849. (3)

2.   Definizzjonijiet

(a)

“reġistru” tfisser reġistri ċentrali nazzjonali dwar informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja msemmija fl-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(b)

“utent kwalifikat” tfisser l-utenti tal-BORIS imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 30(5) u fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 31(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(c)

“informazzjoni minima obbligatorja” tfisser is-sett komuni ta’ informazzjoni bl-istess struttura u tipi fir-reġistri kollha fl-Istati Membri;

(d)

“informazzjoni addizzjonali” tfisser sett ta’ informazzjoni predefinit b’mod komuni li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaqsmu - flimkien mal-“informazzjoni obbligatorja minima” - parzjalment jew kompletament permezz tal-BORIS;

(e)

“numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali” tfisser in-numru tal-identità individwali attribwit skont il-liġi nazzjonali lil kumpanija jew entità ġuridika oħra, jew lil trust jew arranġament simili fir-reġistru tas-sjieda benefiċjarja.

3.   Ir-relazzjoni tan-numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali bl-Identifikatur Uniku Ewropew u bin-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija

3.1

Ir-reġistru tas-sjieda benefiċjarja għandu jaqsam mal-Pjattaforma Ċentrali Ewropea n-numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali u, għall-kumpaniji, l-Identifikatur Uniku Ewropew (European Unique Identifier, “EUID”) attribwit lilhom fis-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (Business Registers Interconnection System, “BRIS”) (4) kif ukoll in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija, f’każ li dan tal-aħħar ikun differenti min-numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali. In-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija għandu jintuża biex jattribwixxi l-EUID lil kumpaniji li ma għandhomx EUID fil-BRIS. Għal entitajiet legali oħrajn, trusts jew arranġamenti simili, l-EUID għandu jiġi attribwit fuq il-bażi tan-numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali.

3.2

L-utenti tal-BORIS għandhom ikunu jistgħu jfittxu kumpaniji, entitajiet legali oħra, trusts jew arranġamenti simili billi jużaw in-numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija, jekk differenti min-numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali.

3.3

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jipprovdux numri tar-reġistrazzjoni nazzjonali għal trusts jew arranġamenti legali simili. Fir-rigward ta’ trusts jew ta’ arranġamenti legali simili maħluqa nil-liġi tal-Istat Membru fejn huma miżmuma fir-reġistru ta’ sidien benefiċjarji, din id-deroga tapplika biss għal perjodu ta’ ħames snin li jibda jgħodd mid-data li fiha l-BORIS issir operattiva.

4.   Metodi ta’ komunikazzjoni

Il-BORIS għandha tuża metodi bbażati fuq is-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, bħal servizzi tal-Internet, għall-fini ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

Il-komunikazzjoni bejn il-portal u l-pjattaforma, u bejn reġistru u l-pjattaforma, għandha tkun komunikazzjoni ta’ wieħed ma’ wieħed.

5.   Protokolli ta’ komunikazzjoni

Protokolli tal-Internet sikuri, bħal HTTPS, għandhom jintużaw għall-komunikazzjoni bejn il-portal, il-pjattaforma u l-punti ta’ aċċess fakultattivi.

Protokolli ta’ komunikazzjoni standard, bħall-Protokoll ta’ Aċċess ta’ Oġġett Uniku (Simple Object Access Protocol, SOAP), jintużaw għat-trażmissjoni ta’ data u l-metadata.

6.   L-istandards tas-sigurtà

Għall-komunikazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni permezz tal-BORIS, il-miżuri tekniċi li jiżguraw l-istandards ta’ sigurtà minimi tat-teknoloġija tal-informatika jinkludu:

(a)

miżuri għall-iżgurar tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, inkluż billi jintużaw kanali sikuri bħal HTTPS;

(b)

miżuri għall-iżgurar tal-integrità tad-data waqt li tkun qed tiġi skambjata;

(c)

miżuri għall-iżgurar ta’ nonripudju tal-oriġini tal-mittent tal-informazzjoni fil-BORIS u n-nonripudju tal-wasla tal-informazzjoni;

(d)

miżuri għall-iżgurar ta’ lloggjar ta’ avvenimenti ta’ sigurtà f’konformità ma’ rakkomandazzjonijiet internazzjonali għal standards tas-sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni;

(e)

miżuri għall-iżgurar tal-awtentikazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ kull utent kwalifikat u miżuri għall-verifika tal-identità tas-sistemi konnessi mal-portal, mal-pjattaforma jew mar-reġistri fil-BORIS;

(f)

Jekk meħtieġ, miżuri ta’ protezzjoni kontra tfittxijiet awtomatizzati u kopji ta’ reġistri, bħal pereżempju l-limitazzjoni tar-riżultati ritornati minn kull reġistru għal numru massimu u l-użu tal-funzjonalità CAPTCHA (5).

7.    Data li għandha tiġi skambjata fil-qafas tal-BORIS

7.1.

Is-sett ta’ informazzjoni fir-reġistri nazzjonali li jikkonċernaw entità korporattiva jew entità ġuridika oħra, jew trust jew tip simili ta’ arranġament ġuridiku jissejjaħ “rekord BO”. Ir-“rekord BO” jinkludi data dwar il-profil tal-entità jew l-arranġament ikkonċernat, fuq il-persuna tas-sid jew tas-sidien benefiċjarji ta’ din l-entità jew arranġament, kif ukoll fuq l-interess (i) benefiċjarju(i) li għandu(hom) dawn is-sidien.

7.2.

B’rabta ma’ kumpanija jew entità legali oħra, kif ukoll b’rabta ma’ trust jew arranġament simili, id-data dwar il-profil għandha tinkludi informazzjoni dwar l-isem, il-forma ġuridika, kif ukoll l-indirizz tar-reġistrazzjoni u n-numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali, jekk ikun hemm.

7.3.

Kull Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li jestendi l-informazzjoni obbligatorja minima b’informazzjoni addizzjonali. Fir-rigward tas-sid benefiċjarju u l-interess benefiċjarju miżmum minnu/ha, l-informazzjoni obbligatorja minima għandha tikkonsisti fid-data stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849. Fir-rigward tal-identità tas-sid benefiċjarju, l-informazzjoni addizzjonali għandha tinkludi tal-inqas id-data tat-twelid jew id-dettalji ta’ kuntatt, kif stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 30(5) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(4). Id-data mir-rekord ta’ BO għandha tiġi mmudellata fuq il-bażi tal-ispeċifikazzjoni tal-interfaċċa stabbilita.

7.4.

L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jinkludi wkoll messaġġi meħtieġa għall-operazzjoni tas-sistema, bħall-konferma tar-riċevuta, ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar.

8.   Struttura tal-format ta’ messaġġ standard

L-iskambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri, il-pjattaforma u l-portal għandu jkun ibbażat fuq metodi standard ta’ strutturar tad-data u jiġi espress f’format ta’ messaġġ standard bħal XML (6).

9.    Data għall-pjattaforma

9.1.

Skont ir-rekwiżiti ta’ interoperabbiltà, is-servizzi li għandhom jiġu esposti minn kull reġistru għandhom jiġu unifikati u jippreżentaw l-istess interfaċċa biex jippermettu l-interazzjoni mill-applikazzjoni li tagħmel is-sejħa, bħall-pjattaforma, b’tip wieħed ta’ interfaċċa li jesponi sett komuni ta’ elementi ta’ data. L-Istati Membri għandhom jallinjaw l-istruttura tad-data interna tagħhom billi jużaw tabelli tal-immappjar jew implimentazzjoni teknika simili biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċja li għandhom jiġu pprovduti mill-Kummissjoni.

9.2.

Biex il-pjattaforma tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha għandhom jiġu pprovduti t-tipi ta’ data li ġejjin:

(a)

data li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ sistemi konnessi mal-pjattaforma; Din id-data tista’ tikkonsisti f’URLs jew kull numru jew kodiċi ieħor li jidentifika b’mod uniku kull sistema fil-BORIS;

(b)

kull data operattiva oħra meħtieġa għall-pjattaforma biex tiżgura l-funzjonament xieraq u effikaċi tas-servizz ta’ tiftix u l-interoperabbiltà tar-reġistri. Din id-data tista’ tinkludi listi ta’ kodiċi, data ta’ referenza, glossarji u traduzzjonijiet relatati ta’ dawn il-metadata, kif ukoll data ta’ reġistrazzjoni u rappurtar.

9.3.

Id-data u l-metadata ġestiti mill-pjattaforma għandhom jiġu pproċessati u maħżuna f’konformità mal-istandards tas-sigurtà deskritti fit-Taqsima 3 ta’ dan l-Anness.

10.   Metodi ta’ operazzjoni tas-sistema u s-servizzi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni pprovduti mill-pjattaforma

10.1.

Għad-distribuzzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, is-sistema għandha tkun ibbażata fuq il-metodu tekniku ta’ operazzjoni li ġej:

Image 1

10.2.

Għat-twassil ta’ messaġġi fil-verżjoni tal-lingwa rilevanti, il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika għandu jipprovdi artifatti ta’ data ta’ referenza, bħal-listi ta’ kodiċijiet, vokabularji kkontrollati u glossarji; Jekk rilevanti, dawn għandhom jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Jekk possibbli, għandhom jintużaw standards rikonoxxuti u messaġġi standardizzati.

10.3.

Il-Kummissjoni għandha taqsam mal-Istat Membru dettalji ulterjuri dwar il-metodu ta’ teknika għall-implimentazzjoni u l-operazzjoni u s-servizzi tat-teknoloġija tal-informatika pprovduti mill-pjattaforma.

11.   Kriterji tat-Tiftix

11.1.

Mill-inqas pajjiż wieħed għandu jintgħażel meta ssir tfittxija.

11.2.

Il-portal għandu jipprovdi l-kriterji armonizzati li ġejjin għat-tfittxija:

(a)

fir-rigward tal-kumpaniji jew entitajiet legali oħra, it-trusts jew arranġamenti simili:

(i)

Isem l-entità legali jew l-arranġament;

(ii)

Numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali.

Il-kriterji ta’ tiftix taħt i) u ii) jistgħu jintużaw alternattivament.

(b)

Fir-rigward ta’ persuni bħala sidien benefiċjarji:

(i)

L-isem u l-kunjom tas-sid benefiċjarju;

(ii)

Data tat-twelid tas-sid benefiċjarju.

Il-kriterju ta’ tiftix taħt i) u ii) għandu jintuża kumulattivament.

11.3.

Kriterji ulterjuri ta’ tfittxija jistgħu jkunu disponibbli fuq il-portal.

12.   Modalitajiet ta’ ħlas u reġistrazzjoni online

12.1.

Għad-data partikolari li l-Istati Membri jitolbu ħlas għaliha u li hija disponibbli fuq il-portal permezz tal-BORIS, is-sistema għandha tippermetti lill-utenti jħallsu online bl-użu ta’ modalitajiet ta’ pagament użati komunement bħall-karti ta’ kreditu u ta’ debitu.

12.2.

Il-BORIS għandu jkun fiha miżuri li jiżguraw il-possibbiltà għal reġistrazzjoni online skont l-Artikolu 30(5a) u l-Artikolu 31(4a) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

13.   Disponibbiltà tas-servizzi

13.1.

Iż-żmien li fih jingħata servizz għandu jkun 24h/7, b’rata ta’ disponibbiltà tal-BORIS ta’ mill-inqas 98 % eskluża l-manutenzjoni skedata.

13.2.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet ta’ manutenzjoni kif ġej:

(a)

ħamest ijiem ta’ xogħol minn qabel għal operazzjonijiet ta’ manutenzjoni li jistgħu jikkawżaw nuqqas ta’ disponibbiltà sa perjodu ta’ erba’ sigħat;

(b)

għaxart ijiem ta’ xogħol minn qabel għal operazzjonijiet ta’ manutenzjoni li jistgħu jikkawżaw nuqqas ta’ disponibbiltà sa perjodu ta’ 12-il siegħa;

(c)

30 jum tax-xogħol bil-quddiem għal manutenzjoni tal-kamra tal-infrastruttura tal-kompjuter, li jistgħu jikkawżaw sa sitt ijiem ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà f’perjodu ta’ sena.

Sa fejn ikun possibbli, operazzjonijiet ta’ manutenzjoni għandhom ikunu ppjanati barra mill-ħinijiet tax-xogħol (7:00pm – 8:00am CET).

13.3.

Meta l-Istati Membri jkollhom ħinijiet tas-servizz fissi għal kull ġimgħa, dawn għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-ħin u l-ġurnata tal-ġimgħa meta jkunu ppjanati dawn il-ħinijiet tas-servizz. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi fil-punti minn (a) sa (c) tat-tieni paragrafu, jekk is-sistemi ta’ Stat Membru ma jibqgħux disponibbli matul perjodu fiss bħal dan, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jinnotifikawx lill-Kummissjoni.

13.4.

F’każ ta’ ħsara teknika mhux mistennija li tikkawża nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ aktar minn nofs siegħa tas-sistemi tal-Istati Membri, huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien matul il-ħinijiet tax-xogħol (9:00am - 4:00pm CET) bin-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-sistema tagħhom, u, jekk ikun magħruf, bit-tkomplija prevista tas-servizz.

13.5.

F’każ ta’ ħsara mhux mistennija fil-pjattaforma ċentrali jew fil-portal, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri mingħajr dewmien (9:00am - 4.00pm CET) bin-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-pjattaforma jew tal-portal, u jekk ikun magħruf, meta jaħsbu li se jitkompla s-servizz.

14.   Regoli ta’ traskrizzjoni u trażlitterazzjoni

Kull Stat Membru għandu jittraskrivi jew jittraduċi t-talbiet ta’ tiftix immirati lejh u r-riżultati rritornati skont l-istandards nazzjonali tiegħu.


(1)  Minn hawn ’il quddiem: il-portal

(2)  Il-Pjattaforma Ċentrali Ewropea (minn hawn ’il quddiem: il-pjattaforma) hija stabbilita bl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

(3)  Dan huwa mingħajr preġudizzju għal xi funzjonalitajiet addizzjonali li l-BORIS tista’ tikseb fil-futur.

(4)  L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji u l-Artikolu 8 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/884 tat-8 ta’ Ġunju 2015 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri meħtieġa għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri stabbilita bid-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(5)  “Completely Automated Public Turing test to tell Computers and Humans Apart”

(6)  Extensible Markup Language


Top