Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0238

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/238 tas-16 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/532 fir-rigward ta’ deroga mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014 u (UE) Nru 181/2014 għall-verifiki ta’ miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u fil-gżejjer minuri tal-Eġew

    C/2021/903

    ĠU L 56, 17.2.2021, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/238/oj

    17.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 56/10


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/238

    tas-16 ta’ Frar 2021

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/532 fir-rigward ta’ deroga mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014 u (UE) Nru 181/2014 għall-verifiki ta’ miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u fil-gżejjer minuri tal-Eġew

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 7, l-Artikolu 11(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment stabbiliti fl-Istati Membri, l-Istati Membri kollha kellhom diffikultajiet amministrattivi eċċezzjonali fir-rigward tal-ippjanar u l-eżekuzzjoni fil-ħin tal-verifiki fuq il-post skont l-għadd rikjest.

    (2)

    Fid-dawl tan-natura bla preċedent ta’ dawk iċ-ċirkostanzi, kien meħtieġ li dawk id-diffikultajiet jittaffew billi tingħata deroga minn Regolamenti ta’ Implimentazzjoni differenti applikabbli fil-qasam tal-Politika Agrikola Komuni fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post.

    (3)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/532 (4) fih derogi, inter alia, mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (5), (UE) Nru 180/2014 (6) u (UE) Nru 181/2014 (7).

    (4)

    L-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014 u l-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014 jipprevedu li fil-każijiet xierqa kollha, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jużaw is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll meta jwettqu verifiki fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u fil-gżejjer minuri tal-Eġew. Għalhekk, id-derogi speċifikati fil-Kapitolu I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/532 fir-rigward tal-kontrolli mwettqa fis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għall-pagamenti diretti u għall-kundizzjonalità japplikaw mutatis mutandis għal dawn il-kontrolli.

    (5)

    Madankollu, ċerti verifiki fuq il-post fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u fil-gżejjer minuri tal-Eġew jitwettqu barra mis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, filwaqt li deher li d-derogi previsti fil-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/532 ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw id-diffikultajiet li nqalgħu fit-twettiq tal-verifiki fuq il-post b’mod akkurat u fil-limitu ta’ żmien, speċjalment meta titqies il-pożizzjoni ġeografika remota tar-reġjuni ultraperiferiċi.

    (6)

    Għalhekk jixraq li d-derogi msemmija fil-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/532 jiġu estiżi għall-użu ta’ evidenza alternattiva u/jew it-twaqqit adattat, diment li dawn ikunu jistgħu jservu biex tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri filwaqt li jinżamm livell xieraq ta’ assigurazzjoni.

    (7)

    Peress li dan ir-Regolament jipprevedi deroga addizzjonali mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014 u (UE) Nru 181/2014 fir-rigward tas-sena tat-talba 2020 minħabba l-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika b’mod retroattiv mill-istess data bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/532.

    (8)

    L-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw livell minimu ta’ verifiki fuq il-post meħtieġa għal ġestjoni effettiva tar-riskji, u għandhom iżidu dak il-livell minimu meta jkun meħtieġ. Meta wieħed iqis in-natura ta’ dawn l-obbligi u l-proporzjonalità tal-isforzi ta’ kontroll fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li l-Istati Membri li jużaw id-derogi previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/532 jitħallew ma jqisux, fir-rigward tas-sena tat-talba ta’ wara, ir-riżultati tal-verifiki mwettqa. Madankollu, iż-żieda fir-rati ta’ kontroll li kellhom jiġu applikati fis-sena tat-talba 2020, jenħtieġ li tiġi applikata permezz ta’ żieda korrispondenti fis-sena tat-talba 2021.

    (9)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/532 jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Pagamenti Diretti.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/532 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 12 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “5.   B’deroga mill-Artikolu 16(2) u mill-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu verifiki fuq il-post fir-rigward tal-miżuri speċifiċi favur ir-reġjuni ultraperiferiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dawk l-Artikoli, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu:

    (a)

    li jissostitwixxu l-verifiki fuq il-post bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, inkluż ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza bid-droni, vidjokonferenzi mal-benefiċjarji jew kwalunkwe evidenza dokumentata rilevanti li tista’ sservi ta’ sostenn meta tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri;

    (b)

    li jwettqu dawk il-verifiki fir-rigward tas-sena tat-talba 2020 fi kwalunkwe żmien tas-sena, diment li xorta jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, inkluż wara li jsir il-pagament finali.

    L-Istati Membri li jużaw id-derogi previsti fl-ewwel subparagrafu, u b’mod partikolari li jbiddlu t-twaqqit tal-verifiki jew li jnaqqsu l-għadd tagħhom, għandhom jistabbilixxu proċeduri biex tintuża metodoloġija alternattiva sabiex jinżamm il-livell xieraq ta’ assigurazzjoni fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tan-nefqa u l-konformità mar-rekwiżiti u mal-istandards tal-kundizzjonalità.

    6.   Ir-riżultati tal-verifiki mwettqa f’konformità mal-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jitqiesu fis-sena tat-talba ta’ wara għall-iskopijiet tal-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Madankollu, iż-żieda fir-rati ta’ kontroll li kellhom jiġu applikati fis-sena tat-talba 2020 f’konformità mal-Artikolu 59(5) ta’ dak ir-Regolament, għandha tiġi applikata permezz ta’ żieda korrispondenti fis-sena tat-talba 2021.”;

    (2)

    fl-Artikolu 13 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “5.   B’deroga mill-Artikolu 13(2) u mill-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, il-Greċja ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq verifiki fuq il-post fir-rigward tal-miżuri speċifiċi favur il-gżejjer minuri tal-Eġew f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dawk l-Artikoli, il-Greċja tista’ tiddeċiedi:

    (a)

    li jissostitwixxu l-verifiki fuq il-post bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, inkluż ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza bid-droni, vidjokonferenzi mal-benefiċjarji jew kwalunkwe evidenza dokumentata rilevanti li tista’ sservi ta’ sostenn meta tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri;

    (b)

    li twettaq dawk il-verifiki fir-rigward tas-sena tat-talba 2020 fi kwalunkwe żmien tas-sena, diment li xorta jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, inkluż wara li jsir il-pagament finali.

    Jekk tuża d-derogi previsti fl-ewwel subparagrafu, u b’mod partikolari li jbiddlu t-twaqqit tal-verifiki jew li jnaqqsu l-għadd tagħhom, il-Greċja għandha tistabbilixxi proċeduri biex tintuża metodoloġija alternattiva sabiex jinżamm il-livell xieraq ta’ assigurazzjoni fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tan-nefqa u l-konformità mar-rekwiżiti u mal-istandards tal-kundizzjonalità.

    6.   Ir-riżultati tal-verifiki mwettqa f’konformità mal-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jitqiesu fis-sena tat-talba ta’ wara għall-iskopijiet tal-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Madankollu, iż-żieda fir-rati ta’ kontroll li kellhom jiġu applikati fis-sena tat-talba 2020 f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, għandha tiġi applikata permezz ta’ żieda korrispondenti fis-sena tat-talba 2021.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-20 ta’ April 2020.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

    (2)  ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23.

    (3)  ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41.

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/532 tas-16 ta’ April 2020 li fir-rigward tas-sena 2020 jidderoga mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, (UE) Nru 180/2014, (UE) Nru 181/2014, (UE) 2017/892, (UE) 2016/1150, (UE) 2018/274, (UE) 2017/39, (UE) 2015/1368 u (UE) 2016/1240 fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post applikabbli permezz tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 119, 17.4.2020, p. 3).

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 180/2014 tal-20 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 63, 4.3.2014, p. 13).

    (7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 181/2014 tal-20 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew (ĠU L 63, 4.3.2014, p. 53).


    Top